Language of document : ECLI:EU:T:2004:225

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

8 ta' Lulju 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Trade mark verbali preċedenti VITAFRUT – Applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja VITAFRUIT – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Xebh tal-prodotti – Artikolu 8(1)(b), Artikolu 15 u Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-203/02,

The Sunrider Corp., stabbilita f'Torrance, Kalifornja (Stati Uniti), irrappreżentata minn  A. Kockläuner, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen, bħala aġent,

konvenut,

bil-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li kienet

Juan Espadafor Caba, residenti fi Grenada (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-8 ta' April 2002 (kawża R 1046/2000-1), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Juan Espadafor Caba u The Sunrider Corp.,

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn  J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur : M. J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors u r-replika ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Lulju 2002 u fis-27 ta' Marzu 2003 rispettivament,

wara li rat ir-risposta u l-kontroreplika ta' l-UASI ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' Ottubru 2002 u fit-23 ta' Ġunju 2003 rispettivament,

wara s-seduta tat-3 ta' Diċembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-1 ta' April 1996, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali VITAFRUIT.

3       Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassijiet 5, 29 u 32 skond il-ftehim ta' Nizza dwar il-klassifika internazzjonali ta' prodotti u servizzi għall-iskopijiet ta' reġistrazzjoni ta' trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li, wara l-emendi ulterjuri ta' l-applikazzjoni għat-trade mark bl-ittri tar-rikorrenti tat-30 ta' Lulju u ta' l-14 ta' Diċembru 1998, jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–       klassi 5: "Mediċini, prodotti farmaċewtiċi u kimiċi għall-iġene; sustanzi dijetetiċi u sostituti nutrizzjonali għal użu mediku; ikel għat-trabi; preparazzjonijiet abbażi ta' vitamini, traċċi ta' elementi u/jew ta' minerali għal finijiet dijetetiċi u bħala supplimenti nutrizzjonali; konċentrati nutrizzjonali jew supplementi nutrizzjonali abbażi tal-ħxejjex, infużjonijiet, kollha kemm huma għal għanijiet sanitarji";

–       klassi 29: "Laħam, ħut, molluski u krustaċeji mhux ħajjin, tjur u selvaġġina; laħam u zalzett, frott tal-baħar, tjur u selvaġġina, anke ppreservati u ffriżati; frott u ħaxix (inklużi faqqiegħ u patata, b'mod partikolari ċipps u prodotti oħra bbażati fuq il-patata) ippreservati, iffriżati, mnixxfa, mgħollija jew lesti għall-konsum; sopop jew sopop ippreservati; insalati abbażi ta' speċjalitajiet gastronomiċi; platti abbażi ta' laħam, ħut, tjur, selvaġġina u ħaxix, anki ffriżati; bajd; estratti tal-laħam u tal-brodu; estratti tal-ħaxix u ħaxix ippreservat għat-tisjir; konċentrati nutrizzjonali u supplementi nutrizzjonali mhux għal użu mediku abbażi tal-ħaxix, ikel abbażi tal-ħaxix, ukoll f'forma ta' snack bars";

–       klassi 32: "Birer; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u tal-ħaxix, meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet; xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini".

4       Fil-5 ta' Jannar 1998, l-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2/98.

5       Fl-1 ta' April 1998, il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha għall-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta' trade mark irreġistrata fi Spanja bid-data ta' prijorità tad-19 ta' Ottubru 1960. Din it-trade mark (iktar 'il quddiem "it-trade mark preċedenti"), li tikkonsisti fis-sinjal verbali VITAFRUT, ġiet irreġistrata għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 30 u 32 skond il-ftehim ta' Nizza u li jikkorispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "xarbiet effervexxenti mhux alkoħoliċi u mhux terapewtiċi, xarbiet kesħin mhux terapewtiċi ta' kull tip, preparazzjonijiet effervexxenti, trab effervexxenti, meraq tal-frott u tal-ħxejjex mhux iffermentat (minbarra l-għeneb magħsur qabel ma jsir inbid), luminati, luminati tal-larinġ, xarbiet kesħin (minbarra l-orżata), ilma effervexxenti, ilma ta' Seidlitz u silġ artifiċjali".

6       Sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha, il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ressqet raġuni relattiva għal rifjut skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

7       B'ittra tal-21 ta' Ottubru 1998, ir-rikorrenti talbet li l-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell iġġib il-prova, konformement ma' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, li matul il-perijodu ta' ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, it-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta' użu ġenwin fl-Istat Membru fejn din it-trade mark hija protetta. Permezz ta' komunikazzjoni tas-26 ta' Novembru 1998, id-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni ta' l-UASI (iktar 'il quddiem "id-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni") stiednet lill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell sabiex iġġib din il-prova f'terminu ta' xahrejn.

8       Fit-22 ta' Jannar 1999, il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ressqet quddiem l-UASI, l-ewwel nett, sitt tikketti ta' fliexken li fuqhom kienet tidher it-trade mark preċedenti u, it-tieni nett, erbatax-il fattura u ordni ta' xiri, fosthom għaxra li kienu jġibu d-data tal-perijodu ta' qabel il-5 ta' Jannar 1998.

9       B'deċiżjoni tat-23 ta' Awwissu 2000, id-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark, abbażi ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 43(5) tar-Regolament 40/94, għall-prodotti "ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u tal-ħaxix, meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet; xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini". Safejn hija ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark, hija kkunsidrat, l-ewwelnett, li l-elementi ta' prova miġjuba mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell kienu juru li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta' użu ġenwin skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 għall-prodotti "meraq tal-frott u tal-ħxejjex mhux iffermentat, luminati, luminati tal-larinġ". It-tieni nett, id-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni qieset li dawn il-prodotti kienu parzjalment jixbhu u parzjalment identiċi ma' l-imsemmija "ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u tal-ħaxix, meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet; xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini", koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, u li kien hemm riskju ta' konfużjoni bejn is-sinjali in kwistjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) ta' l-istess Regolament.

10     Fit-23 ta' Ottubru 2000, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni. Hija talbet lill-Bord ta' l-Appell, prinċipalment, sabiex jannulla parzjalment din id-deċiżjoni safejn din ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark u, sussidjarjament, sabiex jannullaha parzjalment safejn din ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark għall-prodotti identifikati bħala "xarbiet abbażi ta' ħxejjex u ta' vitamini".

11     B'deċiżjoni tat-8 ta' April 2002 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell. Essenzjalment huwa kkonferma l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tad-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni filwaqt li madankollu enfasizza li l-użu tat-trade mark preċedenti kien ġie ppruvat biss għall-prodotti identifikati bħala "konċentrati ta' meraq" ("juice concentrate").

 It-talbiet tal-partijiet

12     Ir-rikorrenti titlob sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din ċaħdet l-appell tagħha f'dak li dan l-appell kien jikkonċerna l-annullament tad-deċiżjoni tad-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni fir-rigward tal-prodotti msemmija "xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini";

–       tordna l-UASI jbati l-ispejjeż.

13     L-UASI talab sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-Dritt

14     Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti qiegħda tressaq żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni, mressqa sabiex issostni t-talba prinċipali tagħha, hija bbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94. Din ir-raġuni hija maqsuma f'żewġ partijiet, l-ewwel waħda li hija bbażata fuq il-fatt li l-UASI qies bħala użu ġenwin l-użu li sar minn terz, mingħajr ma ġie ppruvat li kien hemm il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, it-tieni parti li hija bbażata fuq il-fatt li l-UASI interpreta ħażin il-kunċett ta' użu ġenwin. It-tieni raġuni, imressqa sabiex issostni t-talba sussidjarja tagħha, hija bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b), ta' l-istess Regolament.

 Fuq ir-raġuni bbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94

 Fuq l-ewwel parti tar-raġuni, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord ta' l-Appell inġustament qies l-użu tat-trade mark li sar minn terz

–       L-argumenti tal-partijiet

15     Ir-rikorrenti ssostni li mill-fatturi mressqa mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell jirriżulta li t-trade mark preċedenti ġiet użata mill-kumpannija Industrias Espadafor, SA, u mhux mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti nnifsu, jiġifieri Juan Espadafor Caba. Fil-fatt, il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell hija persuna fiżika filwaqt li l-persuna li użat it-trade mark preċedenti hija kumpannija. Barra minn dan, skond ir-rikorrenti, il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ma ppruvatx li l-użu tat-trade mark preċedenti kien seħħ bil-kunsens ta' dan ta' l-aħħar, bħala proprjetarju ta' din it-trade mark, fis-sens ta' l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 40/94.

16     Waqt is-seduta r-rikorrenti ppreċiżat li hija kienet indikat, fid-dokumenti li hija ppreżentat matul il-proċedura quddiem l-UASI fit-22 ta' Settembru 1999 u fit-22 ta' Diċembru 2000, li l-elementi ta' prova ppreżentati mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI ma kinux jippruvaw li din użat it-trade mark preċedenti b'mod ġenwin. Minn dan hija tiddeduċi li din il-parti tar-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 ma kinitx ġiet invokata tard.

17     L-UASI ssostni li peress illi din il-parti tar-raġuni la tqajmet matul il-proċedura ta' oppożizzjoni u lanqas quddiem il-Bord ta' l-Appell, hija mhijiex ammissibli skond l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

18     F'dak li jirrigwarda l-mertu, l-UASI jikkunsidra li l-fatt li, fil-kuntest ta' proċedura ta' oppożizzjoni, il-parti li topponi tista' tipprovdi elementi ta' prova relatati ma' l-użu tat-trade mark preċedenti jippermetti li jiġi konkluż li dan l-użu sar bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata. Skond l-UASI, konklużjoni bħal din tista' tiġi kkontestata biss meta min japplika għat-trade mark jikkontestaha espliċitament.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

19     Skond l-Artikolu 43(2) u (3) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 40/94, oppożizzjoni magħmula kontra r-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja tiġi miċħuda jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti in kwistjoni ma jġibx il-prova li din kienet is-suġġett ta' użu ġenwin, mill-proprjetarju tagħha, matul il-ħames snin ta' qabel il-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Min-naħa l-oħra, jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jirnexxielu jġib din il-prova, l-UASI jipproċedi għall-eżami tar-raġunijiet ta' rifjut imressqa mill-parti li topponi.

20     Skond l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien ma' l-Artikolu 43(3) ta' dan ir-Regolament, l-użu minn terz ta' trade mark nazzjonali preċedenti, bil-kunsens tal-proprjetarju, huwa meqjus bħala użu mill-proprjetarju.

21     L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidiet li l-portata ta' l-eżami li l-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI għandu jagħmel fir-rigward tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, f'dan il-każ, id-deċiżjoni tad-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni, ma tiddependix fuq jekk il-parti li tkun għamlet l-appell ressqitx raġuni speċifika fir-rigward ta' din id-deċiżjoni, li tikkritika l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' regola ta' dritt mid-dipartiment ta' l-UASI li ddeċieda fl-ewwel istanza, jew inkella l-evalwazzjoni, minn dan id-dipartiment, ta' element ta' prova [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs l-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32]. Għalhekk, anke jekk il-parti li ressqet l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ma ressqitx raġuni speċifika, il-Bord ta' l-Appell irid madankollu jeżamina, fid-dawl ta' l-elementi kollha rilevanti ta' dritt u ta' fatt li jkunu disponibbli, jekk deċiżjoni ġdida li jkollha l-istess parti dispożittiva bħal dik li tkun is-suġġett ta' l-appell tistax jew le tiġi adottata legalment meta tittieħed deċiżjoni fuq l-appell (sentenza KLEENCARE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29). Il-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward tal-fatti u l-provi ppreżentati mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell, din ġabitx il-prova ta' użu ġenwin, kemm mill-proprjetaru tat-trade mark preċedenti, kemm minn terz awtorizzat, fis-sens ta' l-Artikolu 43(2) u (3) u l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 40/94 tagħmel ukoll parti minn dan l-eżami. Minn dan isegwi li l-ewwel parti ta' din ir-raġuni hija ammissibbli.

22     Min-naħa l-oħra, ir-rilevanza ta' l-allegazzjoni li r-rikorrenti ma kkontestatx, la quddiem id-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni u lanqas quddiem il-Bord ta' l-Appell, l-eżistenza tal-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, tagħmel ukoll parti mill-eżami fil-mertu.

23     Kif jirriżulta mill-fatturi ppreżentati mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell, il-bejgħ ta' prodotti taħt it-trade mark preċedenti ġie affettwat mill-kumpannija Industrias Espadafor, SA, u mhux mill-proprjetarju tat-trade mark, minkejja li l-isem ta' dan ta' l-aħħar jidher ukoll fl-isem tal-kumpannija in kwistjoni.

24     Meta l-parti li topponi ssostni atti ta' użu tat-trade mark preċedenti minn naħa ta' terz bħala użu ġenwin skond l-artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, hija tallega, impliċitament, li dan l-użu seħħ bil-kunsens tagħha.

25     Dwar il-fondatezza ta' din il-konstatazzjoni impliċita, jidher li, jekk l-użu tat-trade mark preċedenti, kif jirriżulta mill-fatturi mressqa quddiem l-UASI, seħħ mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju u, għalhekk, bi ksur tad-dritt tat-trade mark ta' dan ta' l-aħħar, il-kumpannija Industrias Espadafor, SA, normalment, kien ikollha l-interess li ma tikxifx il-provi ta' tali użu lill-proprjetarju tat-trade mark in kwistjoni. Għaldaqstant, ma jidhirx wisq probabbli li l-proprjetarju ta' trade mark jista' jressaq il-prova ta' l-użu tagħha li jkun sar kontra r-rieda tiegħu.

26     L-UASI seta' jibbaża ruħu fuq din il-preżunzjoni aktar u aktar billi r-rikorrenti ma kkontestatx li l-użu li l-kumpannija Industrias Espadafor, SA, kienet għamlet mit-trade mark preċedenti kien seħħ bil-kunsens ta' min għamel l-oppożizzjoni. Mhuwiex biżejjed li r-rikorrenti kienet sostniet, matul il-proċedura quddiem l-UASI, b'mod ġenerali, li l-provi miġjuba minn min jopponi ma kinux biżżejjed sabiex juru użu ġenwin minn din ta' l-aħħar.

27     Mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kkritikat b'mod speċifiku ħafna l-volum kummerċjali allegatament baxx wisq li ġie muri u l-kwalità ta' l-elementi ta' prova miġjuba. Min-naħa l-oħra, m'hemm xejn fil-formulazzjoni tad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura quddiem il-UASI li jwassal għall-konklużjoni li r-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni ta' l-UASI għall-fatt li kien użu magħmul minn terz jew li hija kienet ressqet xi dubji fir-rigward tal-kunsens tal-proprjetarju għal dan l-użu.

28     Dawn l-elementi kienu jiffurmaw bażi solida biżżejjed sabiex jippermettu lill-Bord ta' l-Appell jasal għall-konklużjoni li l-użu tat-trade mark preċedenti kien seħħ bil-kunsens tal-proprjetarju tagħha.

29     Minn dan isegwi li l-ewwel parti tar-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata.

 Fuq it-tieni parti tar-raġuni, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord ta' l-Appell interpreta ħażin il-kunċett ta' użu ġenwin

–       L-argumenti tal-partijiet

30     Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li t-tiketti prodotti mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ma kellhomx jitqiesu bħala elementi ta' prova peress li dawn ma kellhomx data. Barra minn dan, ir-rikorrenti tenfasizza li din il-parti ma ġabitx elementi ta' prova li juru li dawn it-tikketti kienu ġew effettivament użati għall-kummerċjalizzazzjoni fi Spanja tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti matul il-perijodu relevanti. Ir-rikorrenti ppreċiżat, waqt is-seduta, li l-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell kellha tissupplementa l-elementi ta' prova mressqa b'dikjarazzjoni magħmula taħt ġurament li t-tikketti ntużaw fis-suq Spanjol matul il-perijodu rilevanti.

31     It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell inġustament ikkunsidra li l-firxa ta' l-użu tat-trade mark preċedenti, kif tirriżulta mill-elementi ta' prova miġjuba mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell, kienet kbira biżżejjed sabiex tkun tista' tiġi kkunsidrata bħala użu ġenwin fis-sens ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94. F'dan ir-rigward, hija tosserva li l-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ma ressqitx dikjarazzjoni magħmula taħt ġurament li tindika l-fatturat annwali magħmul mill-bejgħ ta' prodotti koperti mit-trade mark preċedenti. Barra minn dan, hija tesponi li l-fatturi ppreżentati minn din il-parti juru biss bejgħ ta' prodotti koperti minn din it-trade mark ta' valur totali ta' madwar 5 400 EUR għall-perijodu kollu rilevanti. Matul is-seduta, ir-rikorrenti għamlet evalwazzjoni ġdida ta' din iċ-ċifra billi ppreċiżat li l-volum tal-prodotti kkonċernati kien jammonta għal madwar 3 500 EUR fl-1996 u għal 1 300 EUR fl-1997.

32     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-fatturi ppreżentati mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ma jinkludu l-ebda indikazzjoni dwar il-forma li fiha ntużat it-trade mark preċedenti.

33     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex konsistenti mad-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-26 ta' Settembru 2001 fil-kawża R 578/2000-4 (HIPOVITON/HIPPOVIT), fejn ġiet ikkunsidrata r-relazzjoni bejn il-fatturat magħmul minn bejgħ li sar taħt it-trade mark preċedenti u l-fatturat annwali totali magħmul mill-impriża li użatha.

34     L-UASI jirrispondi li, f'dak li jirrigwarda n-natura u l-post ta' l-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti, mill-proċess jirriżulta li din it-trade mark ġiet użata ft-territorju rilevanti, jiġifieri fi Spanja, bħala trade mark verbali u, għaldaqstant, fil-forma li fiha ġiet irreġistrata.

35     F'dak li jirrigwarda l-importanza ta' l-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti, l-UASI jammetti li l-volum ta' bejgħ magħmul taħt it-trade mark preċedenti matul il-perijodu rilevanti kollu mhuwiex wieħed għoli u li, barra minn hekk, il-fatturi ppreżentati jirreferu biss għal bejgħ magħmul lil klijent wieħed biss. Madankollu, l-UASI jqis li l-użu tat-trade mark preċedenti kien importanti biżżejjed sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

36     Kif jirriżulta mid-disa' premessa tar-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlatur ikkunsidra li l-protezzjoni ta' trade mark preċedenti hija ġustifikata biss safejn din ġiet effettivament użata. Konformement ma' din il-premessa, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-applikant għal trade mark Komunitarja jista' jitlob li tinġab il-prova li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta' użu ġenwin fit-territorju fejn din hija protetta matul il-ħames snin ta' qabel ma ġiet ippubblikata l-applikazzjoni għal trade mark li kienet is-suġġett ta' oppożizzjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs l-UASI – Harrison (HIWATT), T-39/01, Ġabra p.II-5233, punt 34].

37     Skond ir-Regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta' Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 303, p.1), il-prova ta' l-użu għandha tirrigwarda l-post, il-ħin, il-limitu u n-natura ta' l-użu li jkun sar tat-trade mark preċedenti. Madankollu, mhuwiex meħtieġ li min jopponi jissottometti dikjarazzjoni bil-miktub fuq il-fatturat magħmul mill-użu tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95 iħallu f'idejn min jopponi l-għażla tal-mezzi ta' prova li huwa jqis l-aktar xierqa sabiex juri li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta' użu ġenwin matul il-perijodu rilevanti. Għalhekk, il-kritika tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta' dikjarazzjoni magħmula taħt ġurament fuq il-fatturat totali magħmul mill-bejgħ ta' prodotti taħt it-trade mark preċedenti għandha tiġi miċħuda.

38     Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta' użu ġenwin, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li r-ratio legis tal-ħtieġa li trade mark preċedenti kellha tkun is-suġġett ta' użu ġenwin sabiex tkun tista' tintuża f'oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija sabiex tillimita l-kunflitti bejn żewġ trade marks, safejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika valida li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Marzu 2003, Goulbourn vs l-UASI – Redcats (Silk Cocoon), T-174/01, Ġabra p. II-789, punt 38]. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni la hija intiża sabiex tevalwa s-suċċess kummerċjali, la sabiex tikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta' impriża u lanqas sabiex tirriżerva l-protezzjoni tat-trade marks biss fejn dawn jintużaw b'mod importanti mil-lat kwantitattiv.

39     Kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Marzu 2003, Ansul (C-40/01, Ġabra p. I-2439), dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p.1), il-provvedimenti ta' liema Artikolu essenzjalment jikkorrispondu għal dawk ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament 40/94, trade mark hija s-suġġett ta' użu ġenwin meta tintuża, skond il-funzjoni essenzjali tagħha li hija dik li tiggarantixxi l-identità ta' l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew tippreserva żbokk għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta' użi ta' karattru simboliku li jkollhom bħala għan waħdieni ż-żamma tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark (sentenza Ansul, iċċitata aktar 'il fuq, punt 43). F'dan ir-rigward, il-kundizzjoni relatata ma' l-użu ġenwin tat-trade mark teħtieġ li din, hekk kif hija protetta fit-territorju relevanti, tintuża, pubblikament u lejn l-estern (sentenzi Ansul, iċċitata aktar 'il fuq, punt 37, u Silk Cocoon vs l-UASI, iċċitata aktar 'il fuq, punt 39).

40     L-evalwazzjoni tal-karattru ġenwin ta' l-użu tat-trade mark tkun ibbażata fuq il-fatti kollha u fuq ċirkustanzi li jistgħu jistabbilixxu jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex veru, b'mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta' dawn il-prodotti jew ta' dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza ta' l-użu tat-trade mark (sentenza Ansul, iċċitata aktar 'il fuq, punt 43).

41     Dwar l-importanza ta' l-użu li kien sar mit-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, b'mod partikolari, il-volum kummerċjali ta' l-atti ta' użu kollha kemm huma, minn naħa, u tat-tul ta' żmien li matulu seħħew atti ta' użu kif ukoll tal-frekwenza ta' dawn l-atti, min-naħa l-oħra.

42     Sabiex jiġi eżaminat, f'każ partikolari, il-karattru ġenwin ta' l-użu ta' trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ in eżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati. B'dan il-mod, volum baxx ta' prodotti kkumerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista' jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew kostanza kbira fil-perijodu ta' użu ta' din it-trade mark u bil-maqlub. Barra minn dan, kemm il-fatturat magħmul kif ukoll il-kwantità ta' prodotti mibjugħa taħt it-trade mark preċedenti ma jistgħux jiġu evalwati fl-assolut, iżda jridu jiġu evalwati fid-dawl ta' fatturi rilevanti oħra, bħall-volum ta' l-attività kummerċjali, il-kapaċitajiet ta' produzzjoni jew ta' kummerċjalizzazzjoni jew il-grad ta' diversifikazzjoni ta' l-impriża li tuża t-trade mark kif ukoll il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi fis-suq ikkonċernat. Minħabba dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li mhuwiex meħtieġ li l-użu tat-trade mark preċedenti jkun dejjem kwantitattivament importanti sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin (sentenza Ansul, iċċitata aktar 'il fuq, punt 39).

43     Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk l-UASI ġustament qies li l-elementi ta' prova ppreżentati mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI kienu juru użu ġenwin tat-trade mark preċedenti.

44     Billi l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tar-rikorrenti ġiet ippubblikata fil-5 ta' Jannar 1998, il-perijodu ta' ħames snin stabbilit fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 jestendi mill-5 ta' Jannar 1993 sa l-4 ta' Jannar 1998 (aktar 'il quddiem "il-perijodu rilevanti").

45     Kif jirriżulta mill-Artikolu 15(1) ta' l-istess Regolament huma biss dawk it-trade marks li l-użu ġenwin tagħhom ġie sospiż għall-perijodu mhux interott ta' ħames snin li huma suġġetti għas-sanzjonijiet previsti mir-Regolament. Għaldaqstant, ikun biżżejjed li trade mark kienet is-suġġett ta' użu ġenwin matul parti mill-perijodu rilevanti sabiex tevita l-imsemmija sanzjonijiet.

46     Il-fatturi ppreżentati mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI juru li t-trade mark kienet is-suġġett ta' atti ta' użu bejn it-tmiem ta' Mejju 1996 u nofs Mejju 1997, jiġifieri matul il-perijodu ta' ħdax-il xahar u nofs.

47     Minnhom jirriżulta wkoll li l-kunsinni effettwati kienu destinati għal klijent fi Spanja u li dawn ġew fatturati f'pesetas Spanjoli. Minn dan isegwi li l-prodotti kienu destinati għas-suq Spanjol li kien is-suq rilevanti.

48     Dwar il-valur tal-volum ta' prodotti kkumerċjalizzati, dan jammonta għal mhux aktar minn 4 800 EUR, li jikkorispondi għal bejgħ ta' 293 unitajiet, imsemmija "cajas" ("kaxxi") fil-fatturi, ta' tnax-il biċċa kull waħda, jiġifieri 3 516-il biċċa b'kollox, bil-prezz mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud ta' kull biċċa li huwa ta' 227 peseta Spanjola (1.36 EUR). Għalkemm dan il-volum huwa relattivament baxx, il-fatturi ppreżentati jippermettu li jiġi konkluż li l-prodotti msemmija minnhom kienu kkumerċjalizzati b'mod relativament kostanti matul perijodu ta' aktar minn ħdax-il xahar, perijodu li la huwa partikolarment qasir u lanqas partikolarment viċin id-data ta' pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja magħmula mir-rikorrenti.

49     Il-bejgħ magħmul jikkostitwixxi atti ta' użu oġġettivament xierqa sabiex joħolqu jew jippreservaw żbokk għall-prodotti in kwistjoni li l-volum kummerċjali tagħhom, fid-dawl tat-tul u tal-frekwenza ta' l-użu, mhuwiex daqshekk baxx li jwassal għall-konklużjoni li huwa użu purament simboliku, minimu jew fittizju bl-iskop waħdieni li tinżamm il-protezzjoni tad-dritt għat-trade mark.

50     L-istess jista' jingħad għall-fatt li l-fatturi kienu indirizzati lil klijent wieħed biss. Huwa biżżejjed li l-użu tat-trade mark isir pubblikament u lejn l-estern u mhux biss ġewwa l-impriża proprjetarja tat-trade mark preċedenti jew f'netwerk ta' distribuzzjoni li jkun ta' jew ikkontrollat minn din ta' l-aħħar. Fil-każ in eżami, ir-rikorrenti ma sostnietx li d-destinatarju tal-fatturi kien jagħmel parti mill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI, u l-ebda ċirkustanza tal-kawża ma tagħti x'tifhem dan. Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq l-argument ta' l-UASI, imressaq matul is-seduta, li l-klijent huwa fornitur kbir ta' supermarkits Spanjoli.

51     Dwar in-natura ta' l-użu li sar mit-trade mark preċedenti, il-prodotti koperti mill-fatturi huma indikati bħala "concentrado" (konċentrat), kelma segwita, l-ewwel nett minn indikazzjoni tat-togħma ["kiwi", "menta", "granadina" (granatina), "maracuya", "lima" (lajm), jew "azul trop."] u, it-tieni nett, mill-kelma "vitafrut" bejn virgoletti. Dan l-isem jippermetti li jiġi konkluż li l-prodotti in kwistjoni huma meraq tal-frott ikkonċentrat jew konċentrati tal-meraq ta' diversi frott.

52     Barra minn dan, mit-tikketti ppreżentati mill-parti l-oħra fil-proċedura jirriżulta li dawn jikkonċernaw konċentrati ta' meraq ta' diversi frott, destinati għall-konsumaturi finali, u mhux konċentrati ta' meraq, destinati għall-industriji li jipproduċu l-meraq tal-frott. B'dan il-mod, fuq it-tikketta hemm l-indikazzjoni "bebida concentrada para diluir 1 + 3" ("xarba kkonċentrata li għandha tiġi dilwita 1 + 3"), li, milli jidher, hija destinata għall-konsumatur finali.

53     Kif indikat ir-rikorrenti, it-tikketti ma fihom l-ebda data. Għalhekk il-kwistjoni li jsir magħruf jekk it-tikketti normalment ikunux jinkludu data, teżi difiża mir-rikorrenti u kkontestata mill-UASI, mhijiex rilevanti. Min-naħa l-oħra, għalkemm it-tikketti biss mhumiex deċiżivi, dawn jistgħu madankollu jikkorroboraw l-elementi l-oħra ta' prova ppreżentati matul il-proċedura quddiem l-UASI.

54     Minn dan isegwi li l-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ġabet il-prova li sar bejgħ, bil-kunsens tagħha, lil klijent Spanjol, matul il-perijodu minn Mejju 1996 sa Mejju 1997, ta' bejn wieħed u ieħor 300 unità ta' tnax-il biċċa l-waħda ta' meraq ikkonċentrat ta' diversi frott, ekwivalenti għal fatturat ta' madwar 4 800 EUR. Għalkemm l-importanza ta' l-użu li sar mit-trade mark preċedenti huwa limitat u għalkemm seta' jkun aħjar kieku kien hemm aktar elementi ta' prova dwar in-natura ta' l-użu matul il-perijodu relevanti, il-fatti u l-provi ppreżentati mill-parti l-oħra fil-proċedura huma biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat użu ġenwin. Konsegwentement, l-UASI ġustament qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta' użu ġenwin għal parti mill-prodotti li għalihom din ġiet irreġistrata, jiġifieri għall-meraq tal-frott.

55     F'dak li jirrigwarda l-allegata kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI fil-kawża R 578/2000-4 (HIPOVITON/HIPPOVIT), għandu jiġi osservat li din ta' l-aħħar ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, MFE Marienfelde vs l-UASI – Vetoquinol (HIPOVITON), T-334/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.

56     Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, it-tieni parti ta' din ir-raġuni mhijiex fondata. Minn dan isegwi li t-talba prinċipali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda.

57     Peress illi l-ewwel raġuni mhijiex fondata, hemm lok li tiġi eżaminata t-talba sussidjarja intiża għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba allegat ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq ir-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

58     Ir-rikorrenti ssostni li, l-iktar l-iktar, jeżisti biss xebh dgħajjef bejn, minn naħa, il-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta' użu ġenwin, jiġifieri "l-konċentrati tal-meraq", u min-naħa l-oħra, il-prodotti magħrufa bħala "xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini", koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark.

59     F'dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwel nett, li jeżistu differenzi fir-rigward tan-natura ta' dawn il-prodotti, peress li, normalment, il-konċentrati tal-meraq huma prodotti abbażi ta' frott, filwaqt illi l-prodotti li li minnhom huma magħmula "x-xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini" huma l-ilma kif ukoll, rispettivament, ħxejjex u komponenti sintetiċi. Barra minn dan, skond ir-rikorrenti, il-produzzjoni ta' dawn id-diversi prodotti teħtieġ makkinarju u impjanti differenti kif ukoll għarfien tekniku speċifiku.

60     It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti in kwistjoni għandhom destinazzjoni differenti, bil-konċentrati tal-meraq li huma destinati għall-produzzjoni ta' xarbiet rinfreskanti, filwaqt li x-xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini jiġu prinċipalment kkonsmati għal għanijiet dijetetiċi, kosmetiċi u/jew mediċi.

61     Id-differenzi bejn il-prodotti in kwistjoni huma riflessi, skond ir-rikorrenti, mill-fatt li dawn huma destinati għal xerrejja differenti, jiġifieri għall-manifatturi li jipproduċu meraq tal-frott, fil-każ tal-konċentrati tal-meraq, u għall-konsumaturi finali, fil-każ tax-xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini. Madankollu, safejn il-konċentrati tal-meraq jinxtraw ukoll mill-konsumaturi finali, ir-rikorrenti ssostni li l-kanali ta' distribuzzjoni ta' dawn il-prodotti, minn naħa, u tax-xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini, min-naħa l-oħra, huma differenti. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, dawn ta' l-ewwel jinbigħu fis-supermarkits filwaqt li t-tieni x'aktarx jistgħu jinbigħu fi spiżeriji jew fi ħwienet speċjalizzati fl-alimentazzjoni dijetetika. Anke fil-każ fejn dawn iż-żewġ kategoriji ta' prodotti huma kkumerċjalizzati fl-istess ħanut, huma jiġu ppreżentati f'sezzjonijiet differenti ta' dan il-ħanut.

62     L-UASI jikkunsidra li l-konċentrati ta' meraq, rispettivament il-meraq tal-frott, minn naħa, u "x-xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini", koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, min-naħa l-oħra, huma prodotti li jixxiebhu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

63     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 40/94, fil-każ fejn issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta' trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għal trade mark hija miċħuda jekk ikun hemm identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba u dawk li għalihom hija rreġistrata trade mark preċedenti u jekk il-livell ta' xebh bejn it-trade marks in kwistjoni huwa għoli biżżejjed sabiex ikun jista' jiġi kkunsidrat li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Barra minn dan, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti huma trade marks, irreġistrati fi Stat Membru, li d-data ta' l-applikazzjoni tagħhom hija preċedenti għal dik ta' l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

64     Fil-każ in eżami, ir-rikorrenti tikkritika biss il-konstatazzjonijiet tal-Bord ta' L-Appell f'dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk teżistix identiċità jew xebh bejn, minn naħa, il-prodotti magħrufa bħala "xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini", koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, u, min-naħa l-oħra, il-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta' użu ġenwin, jiġifieri "l-meraq tal-frott" (punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata)

65     Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, għall-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti jew servizzi in kwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati u, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru tagħhom ta' prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 23).

66     Fil-każ in eżami, kif ġie kkonstatat fil-punt 52 aktar 'il fuq, it-trade mark preċedenti ntużat għal meraq tal-frott ikkonċentrat, destinat għall-konsumaturi finali, u mhux għal konċentrati ta' meraq tal-frott, destinati għall-manifatturi li jipproduċu l-meraq tal-frott. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li l-prodotti in kwistjoni huma destinati għal xerrejja differenti, jiġifieri għall-manifatturi, fil-każ tal-konċentrati tal-meraq, u għall-konsumaturi finali, fil-każ tax-xarbiet abbażi ta' ħaxix u ta' vitamini, għandu jiġi miċħud.

67     Sussegwentement, il-Bord ta' l-Appell ġustament espona li l-prodotti in kwistjoni għandhom l-istess għan, jiġifieri dik li jaqtgħu l-għatx, u li, b'mod ġenerali, li għandhom il-karattru ta' prodotti li jikkompetu ma' xulxin. Dwar in-natura u l-użu tal-prodotti in kwistjoni, iż-żewġ każijiet jikkonċernaw xarbiet li mhumiex alkoħoliċi li, normalment, jiġu kkunsmati kesħin u li l-kompożizzjoni tagħhom hija, ċertament, differenti fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Il-kompożizzjoni differenti ta' dawn il-prodotti ma tistax madankollu tbiddel il-konstatazzjoni li l-imsemmija prodotti jistgħu jissostitwixxu 'l xulxin minħabba l-fatt li huma destinati li jissodisfaw bżonn identiku.

68     Minn dan isegwi li l-Bord ta' l-Appell m'għamel l-ebda żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidra li l-prodotti in kwistjoni jixxiebhu. Din ir-raġuni mhijiex, għaldaqstant, fondata u għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda wkoll it-talba sussidjarja.

 Fuq l-ispejjeż

69     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu gew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż inkorsi mill-UASI hekk kif mitluba minn dan ta' l-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Lussemburgu fil-Qorti bil-miftuħ fit-8 ta' Lulju 2004

H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

       President



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.