Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Awwissu 2023 minn UG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba' Awla) fil-21 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-571/17 RENV, UG vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-546/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: UG (rappreżentant: M. Richard, avocat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ġunju 2023 (Is-Seba’ Awla Estiża) mogħtija fil-kawża T-571/17 RENV, bejn il-partijiet inkwistjoni, sa fejn din ikkunsidrat li t-tkeċċija tal-appellanti kienet fondata u kkundannat lill-appellanti tbati terz mill-ispejjeż tal-Kummissjoni;

billi teżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni, tagħti lill-appellanti s-somma ta’ EUR 68 000 bħala kumpens għad-danni materjali;

tagħti lill-appellanti s-somma ta’ EUR 40 000 bħala kumpens għad-danni morali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tal-ispejjeż kollha, kif ukoll għar-rimbors tal-ispejjeż tal-avukati li l-appellanti għandha tqabbad sabiex tiddenfendi ruħha fil-kuntest ta’ dan l-appell, evalwati proviżorjament għal EUR 10 000 espressament suġġett għal kull żieda;

tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tal-ispejjeż kollha, kif ukoll għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ avukati tal-appellanti b’rabta ma’ din il-kawża, evalwati għal EUR 30 000.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    Fl-ewwel lok, is-sentenza appellata qed tiġi kkritikata talli tmur kontra l-projbizzjoni ta’ tkeċċija minħabba leave parentali, li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a tar-Regolament Nru 31 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal u Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Impjegati Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), moqrija fid-dawl tal-provvedimenti minimi li jinsabu fil-Klawżola 5(4) tal-Ftehim Qafas dwar il-Leave Parentali (Direttiva 2010/18/UE 1 ), kif ukoll tal-Artikolu 33(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    Peress li d-deċiżjoni li titkeċċa l-appellanti kienet ibbażata espressament fuq it-teħid ta’ leave parentali tal-appellanti, din tikkostitwixxi diskriminazzjoni u tikser l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”, fil-qosor, il-“KEDB”), b’rabta mal-Artikolu 8 tal-KEDB li jiggarantixxi dritt għal ħajja tal-familja, kif ukoll mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 tal-KEDB.

2.    Fit-tieni lok, qed jiġi lmentat li s-sentenza appellata żnaturat l-ittra ta’ raġunijiet tat-tkeċċija u l-atti tal-proċess billi ma qisitx li t-tkeċċija kienet immotivata mill-attivitajiet trejdjunjonistiċi tal-appellanti bħala rappreżentanti tal-persunal eletta mal-Kumitat Lokali tal-Persunal u mal-Kumitat Ċentrali tal-Persunal.

    Fi kwalunkwe ipoteżi, id-deċiżjoni li jitkeċċa rappreżentant tal-persunal għal raġunijiet għalkollox mhux serji tmur kontra d-dispożizzjonijiet minimi previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14/KE 1 kif ukoll fl-Artikolu 12 tal-Karta. Barra minn hekk din tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet trejdjunjonistiċi, ipprojbita mill-Artikolu 14 flimkien mal-Artikolu 11 tal-KEDB.

3.    Fit-tielet lok, is-sentenza appellata qed tiġi ulterjorment ikkritikata talli ma kkonstatatx l-iżbalji manifesti kollha ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-ittra ta’ raġunijiet tat-tkeċċija, b’mod partikolari billi qiegħdet lill-Kummissjoni f’sitwazzjoni proċedurali privileġġjata fir-rigward tal-appellanti u għaldaqstant, billi ma ggarantietx opportunitajiet ugwali għall-partijiet, bi ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 47 tal-Karta li jiggarantixxu rimedju effettiv.

    B’mod partikolari, l-appellanti ssostni li: id-dritt tagħha li tinstema’ bbażat fuq l-Artikolu 51(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ġie injorat; ir-raġunijiet għat-tkeċċija tagħha huma neqsin minn preċiżjoni; hija tikkontesta l-allegazzjoni li kellha assenzi inġustifikati; l-allegata insuffiċjenza professjonali tagħha ma ġietx stabbilita.

4.    Fir-raba’ lok, sussidjarjament, l-appellanti tikkontesta l-proporzjonalità tas-sanzjoni deċiża kontriha.

5.    Fl-aħħar lok, l-appellanti titlob danni li jammontaw għal EUR 68 000, bħala kumpens għad-danni materjali, u EUR 40 000 bħala kumpens għad-danni morali, minbarra l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010, L 68, p. 13).

1     Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219).