Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Vrhovno sodišče Republike Slovenije - is-Slovenja) – T - 2, družba za ustvarjanje, razvoj in trženje elektronskih komunikacij in opreme, d.o.o. (fi stralċ) vs Republika Slovenija

(Kawża C-396/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 184 u 185 – Aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw it-tnaqqis – Il-kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa’ – Impatt ta’ deċiżjoni ta’ omologazzjoni ta’ arranġament ġuridiku li għandu l-awtorità ta’ res judicata)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Qorti tar-rinviju

Vrhovno sodišče Republike Slovenije

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: T – 2, družba za ustvarjanje, razvoj in trženje elektronskih komunikacij in opreme, d.o.o. (fi stralċ)

Konvenuta: Republika Slovenija

Dispożittiv

L-Artikolu 185(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tnaqqis tal-obbligi ta’ debitur, li jirriżulta mill-omologazzjoni li saret res judicata ta’ arranġament ġuridiku, jikkostitwixxi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 185(2) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tnaqqis tal-obbligi ta’ debitur li jirriżulta mill-omologazzjoni li saret res judicata ta’ arranġament ġuridiku ma jikkostitwixxix każ ta’ tranżazzjoni li baqgħet totalment jew parzjalment mhux imħallsa li ma tatix lok għal aġġustament tat-tnaqqis inizjali, meta dan it-tnaqqis huwa finali, fatt dan li għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 185(2) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jimplementa l-possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni, Stat Membru ma għandux ikun obbligat li jipprevedi espressament obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis fil-każ ta’ tranżazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa.

____________

1     ĠU C 335, 12.9.2016.