Language of document : ECLI:EU:T:2018:602

Kawżi T-639/15 sa T-666/15 u T-94/16

Maria Psara et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Parlament Ewropew – Spejjeż tal-Membri tal-Parlament u l-allowances tagħhom – Rifjut ta’ aċċess – Dokumenti ineżistenti – Data personali – Regolament (KE) Nru 45/2001 – Neċessità ta’ trasferiment tad-data – Eżami konkret u individwali – Aċċess parzjali – Piż amministrattiv eċċessiv – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal-25 ta’ Settembru 2018

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Rifjut ta’ aċċess għal dokument għaliex ma jeżistix jew għaliex ma huwiex miżmum mill-istituzzjoni kkonċernata – Talba għal aċċess intiża għad-dokumentazzjoni dwar l-infiq mill-membri tal-Parlament Ewropew tal-allowances għal spejjeż ġenerali – Dokumenti mhux miżmuma mill-Parlament

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001 ; deċiżjonijiet tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008, Artikoli 25 u 26)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Limitazzjonijiet tal-prinċipju ta’ aċċess għal dokumenti – Eżistenza tad-dokumenti li huma s-suġġett tat-talba għal aċċess – Preżunzjoni ta’ ineżistenza bbażata fuq l-affermazzjoni f’dan is-sens mill-istituzzjoni kkonċernata – Preżunzjoni sempliċi konfutabbli abbażi ta’ indizji rilevanti u konkordanti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament Nru 45/2001 – Kunċett ta’ data personali – Dokumentazzjoni dwar l-allowances u l-ispejjeż imħallsa lill-membri tal-Parlament Ewropew – Inklużjoni – Kollegament tad-data personali ma’ data oħra pubblika – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 2(a))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Portata – Obbligu ta’ evalwazzjoni konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali – Applikabbiltà integrali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 lil kull talba għal aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001 u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament Nru 45/2001 – Talba għal aċċess għal data personali – Obbligu li tiġi stabbilita n-neċessità tat-trasferiment tal-imsemmija data – Portata – Verifika mill-istituzzjoni kkonċernata – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Invokazzjoni minn min jagħmel it-talba ta’ għanijiet ifformulati b’mod ġenerali u li jfittxu t-trasparenza – Ċaħda

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 8(b), u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b))

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Rifjut ta’ aċċess – Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti – Possibbiltà li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu li jingħata aċċess parzjali għad-data mhux koperta mill-eċċezzjonijiet – Esklużjoni mill-obbligu fil-każ ta’ piż amministrattiv eċċessiv – Ħabi ta’ data personali f’iktar minn erba’ miljun dokument – Rifjut ta’ aċċess parzjali – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(6))

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Rifjut ta’ aċċess – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Neċessità ta’ risposta għall-argumenti kollha mressqa fit-talba konfermattiva ta’ aċċess – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

1.      Id-dritt ta’ aċċess pubbliku stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jirrigwarda biss id-dokumenti eżistenti u fil-pussess effettiv tal-istituzzjonijiet, fis-sens li dan id-dritt ma għandux ikopri dokumenti li ma jkunux fil-pussess tal-istituzzjonijiet jew li ma jkunux jeżistu.

Fir-rigward ta’ talba għal aċċess għal dokumenti bid-dettalji ta’ kif u f’liema mument il-Membri tal-Parlament ta’ kull Stat Membru nefqu, matul perijodi differenti, l-allowances għall-ispejjeż ġenerali, jirriżulta mill-Artikoli 25 u 26 tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew li huma jirċievu, kull xahar, allowance fissa għal ammont li barra minn hekk huwa magħruf mill-pubbliku, wara talba unika magħmula fil-bidu tal-mandat tagħhom. Konsegwentement, fid-dawl tan-natura fissa tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali, il-Parlament ma għandu l-ebda dokument li jagħti d-dettalji, materjalment jew temporalment, tal-użu mill-Membri tagħha tal-imsemmija allowances.

(ara l-punti 27, 29-31)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33-35)

3.      Id-dokumenti tal-Parlament relatati mal-kumpens għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għall-allowances ta’ kuljum, liema dokumenti jidentifikaw neċessarjament kull Membru tal-Parlament ikkonċernat, anki jekk biss għall-finijiet tal-ħlas ta’ dawn l-allowances, jikkostitwixxu dokumenti li jinkludu informazzjoni li tikkonċerna persuni fiżiċi identifikati fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data. L-istess għandu jingħad għad-dokumenti tal-Parlament li jirrigwardaw l-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari, liema dokumenti jidentifikaw neċessarjament kull Membru kkonċernat u l-benefiċjarji rispettivi ta’ dawn l-allowances, anki jekk biss għall-finijiet tal-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji.

F’dan ir-rigward, ma għandhiex issir distinzjoni tad-data inkwistjoni, skont jekk taqax fl-isfera privata jew fl-isfera pubblika, peress li l-kunċetti ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, u ta’ data dwar il-ħajja privata ma għandhomx jiġu mħallta. Il-kwistjoni ta’ jekk ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi leġittimi tal-Membri tal-Parlament jeżistix lanqas ma taffettwa l-klassifikazzjoni tad-data inkwistjoni bħala data personali. Bl-istess mod, il-fatt li d-data dwar il-persuni inkwistjoni hija strettament marbuta ma’ informazzjoni pubblika fuq dawn il-persuni, b’mod partikolari l-fatt li huma mniżżla fis-sit internet tal-Parlament, billi huma Membri tal-Parlament, ma jimplika bl-ebda mod li huma jkunu tilfu n-natura tagħhom ta’ data personali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, il-klassifikazzjoni tad-data inkwistjoni bħala data personali ma tistax tiġi eskluża minħabba s-sempliċi fatt li din l-informazzjoni tkun marbuta ma’ data oħra li tkun pubblika, u dan indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-iżvelar ta’ din id-data jippreġudikax l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati.

(ara l-punti 46-48, 50-53)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 65, 66)

5.      Fil-kuntest tad-deċiżjonijiet li bihom istituzzjoni tiċħad talba għall-aċċess għal informazzjoni li jkollha data personali għar-raġuni li tkun koperta bl-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ibbażata fuq il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, din id-data tista’ tiġi ttrasferita biss jekk id-destinatarju juri n-neċessità ta’ trasferiment u jekk ma jkun hemm ebda raġuni li bih wieħed jaħseb li dan it-trasferiment ikun jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata, bis-saħħa tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, li l-istituzzjonijiet huma marbuta li josservaw meta jintalbu jagħtu aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali.

B’hekk, mill-kliem stess tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 jirriżulta li dan jissuġġetta t-trasferiment ta’ data personali għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. F’dan il-kuntest, qabel xejn huwa dak li jitlob dan it-trasferiment li għandu juri n-neċessità tiegħu. Jekk din tintwera, tkun għalhekk l-istituzzjoni kkonċernata li jkollha tivverifika jekk ikunx hemm raġuni għal xiex wieħed jaħseb li t-trasferiment inkwistjoni jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata. B’hekk, l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi li l-istituzzjoni mitluba twettaq, fl-ewwel lok, evalwazzjoni tan-natura neċessarja, u għalhekk proporzjonata, tat-trasferiment tad-data personali fid-dawl tal-għan imfittex mill-persuna li tressaq it-talba, peress li l-osservanza tar-rekwiżit ta’ neċessità previst fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, li jiġi interpretat b’mod strett, tfisser li l-applikant għandu juri li t-trasferiment tad-data personali huwa l-miżura l-iktar adegwata fost il-miżuri l-oħra previsti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-persuna li tressaq it-talba u li dan ikun proporzjonat ma’ dan l-għan, fatt li jobbliga lil min jagħmel it-talba jressaq ġustifikazzjonijiet espressi u leġittimi f’dan is-sens.

F’dan il-każ, meta, għall-finijiet li tintwera n-neċessità ta’ trasferiment tad-data inkwistjoni, isir riferiment għal għanijiet differenti, bħal dawk li jiġi żgurat id-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni u għat-trasparenza, ifformulati b’mod eċċessivament wiesgħa u ġenerali ma jistax jiġi kkontestat lill-istituzzjoni li ma ddeduċiex, minn dawn l-għanijiet, espressi b’kunsiderazzjonijiet wiesgħa u ġenerali, it-turija impliċita tan-neċessità ta’ trasferiment ta’ din id-data personali. Evalwazzjoni kuntrarja kieku kienet tobbliga lill-istituzzjoni, bħala prinċipju, tislet kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-interess tal-pubbliku għall-iżvelar tad-data personali marbuta mad-dimostrazzjoni impliċita tan-neċessità ta’ trasferiment ta’ din id-data. Barra minn hekk, ir-rieda li jinbeda dibattitu pubbliku ma huwiex suffiċjenti sabiex juri n-neċessità ta’ trasferiment tad-data personali, sa fejn argument bħal dan huwa marbut unikament mal-finalità tat-talba għal aċċess għad-dokument. Ebda supremazija awtomatika ma għandha tiġi rrikonoxxuta lill-għan ta’ trasparenza fuq id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

(ara l-punti 69-76, 90, 91)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 102-105)

7.      Ma jistax jiġi serjament ikkontestat li l-ħabi tad-data personali kollha f’iktar minn erba’ miljun dokument jinvolvi piż amministrattiv eċċessiv tali li jiġġustifika rifjut ta’ aċċess parzjali għad-dokumenti kkonċernati bis-saħħa tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 127, 129)

8.      Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti, l-istituzzjoni kkonċernata ma tistax tiġi validament ikkritikata talli ma osservatx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni għaliex, f’din id-deċiżjoni, ma wiġbitx għall-argumenti kollha li min għamel it-talba kien invoka fil-kuntest tat-talba konfermatorja għal aċċess tiegħu. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimplikax għall-istituzzjoni kkonċernata li jkollha twieġeb għal kull wieħed mill-argumenti mressqa matul il-proċedura li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali.

(ara l-punti 133, 134)