Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 taʼ April 2013 minn Patrizia De Luca mis-sentenza mogħtija fit-30 taʼ Jannar 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża 20/06, RENV, De Luca vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-200/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Patrizia De Luca (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi u J.-N. Louis, avukati)

Appellati: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

taqta' u tiddeċiedi,

is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tat-30 ta' Jannar 2013, De Luca vs Il-Kummissjoni (F-20/06 RENV, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), hija annullata;

tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid,

taqta' u tiddeċiedi,

id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-23 ta' Frar 2005 li l-appellanti tinħatar bħala amministratur, sa fejn hija tistabbilixxi l-klassifikazzjoni fi grad tagħha A*9, skala 2, hija annullata;

il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż fiż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka numru ta' aggravji bbażati fuq żbalji ta' liġi:

it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku interpreta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Diċembru 2011 fil-Kawża T-563/10 P, De Luca vs Il-Kummissjoni, fis-sens li tillimita l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza biss għall-effetti tal-applikazzjoni b'mod analogu tar-regoli ta' reklutaġġ, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-prijorità tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-iżvilupp normali tal-karriera;

it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea seta' jiġi applikat legalment b'mod analogu, filwaqt li kkonstata li dan ma kien jagħti l-ebda vantaġġ lill-appellanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' karriera u li l-vantaġġ limitat f'termini ta' remunerazzjoni kien jispiċċa eventwalment;

it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx l-eżami tal-legalità tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-applikazzjoni tiegħu b'mod analogu għall-appellanti fid-dawl tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament u ta' prospetti raġonevoli ta' karriera;

għaldaqstant li huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jivverifika, u mhux l-appellanti li tipprova, in-natura manifestament mhux xierqa tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal;

it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eskluda immedjatament, mingħajr eżami fid-dettall, l-argument tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-fatt li l-prospetti raġonevoli ta' karriera tal-uffiċjali għall-promozzjoni taħt l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal huma protetti minkejja t-tibdil li sar fir-regolamenti, meta dan ma huwiex il-każ tal-appellanti, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

____________