KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fl‑15 April 2021 (1)
Kawża C‑487/19
W.Ż.
fil-preżenza ta’:
Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową, li kienet Prokurator Prokuratury Krajowej Bożena Górecka,
Rzecznik Praw Obywatelskich
(Talba għal deċiżjoni preliminari mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja))
(Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 2, Artikolu 6(1) u (3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 267 TFUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Qorti stabbilita mil-liġi – Prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Suprema mill-President tar-Repubblika fuq proposta mill-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura – Imħallef maħtur minkejja rikors ġudizzjarju pendenti li jikkontesta r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura li tipproponi l-ħatra tal-parti interessata u ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tordna s-sospensjoni ta’ dik ir-riżoluzzjoni)
1. Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema” jew il-“qorti tar-rinviju”) titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 2 TUE, l-Artikolu 6(1) u (3) TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2. Dan ir-rinviju seħħ fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija mill-Imħallef W.Ż. fejn jitlob ir-rikuża ta’ mħallfin tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, il-Qorti Suprema, il-Polonja; iktar ’il quddiem l-“ASSAP”), li huma msejħa biex jiddeċiedu dwar rikors ippreżentat minn W.Ż. kontra riżoluzzjoni tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“KNM”) dwar it-trasferiment ta’ W.Ż. minn diviżjoni għall-oħra tal-qorti li huwa ġie assenjat lilha. Dan it-trasferiment jammonta għal de facto żgradar, sa fejn huwa ġie ttrasferit mid-diviżjoni tat-tieni istanza għal diviżjoni tal-ewwel istanza tal-qorti. W.Ż. kien membru u kelliem tal-ex KNM u kkritika pubblikament ir-riformi ġudizzjarji fil-Polonja mwettqa mill-partit fil-gvern.
3. F’dawn il-konklużjonijiet, il-kuntest ġudizzjarju nazzjonali ma hemmx għalfejn jiġi riprodott sa fejn ma huwiex strettament meħtieġ għall-iskopijiet tal-analiżi legali (2).
I. Il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
4. W.Ż. huwa mħallef tas-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali, il-Polonja) f’K. Skont deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2018, huwa ġie ttrasferit mid-diviżjoni ta’ dik il-qorti, fejn kien sedenti sa din id-data, għal diviżjoni oħra ta’ din il-qorti. W.Ż. ippreżenta appell minn dik id-deċiżjoni quddiem il-KNM, li, permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu tal‑21 ta’ Settembru 2018 (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni kkontestata”), waqqaf il-proċeduri relatati mal-appell tiegħu. Fl‑14 ta’ Novembru 2018, W.Ż. ippreżenta appell mir-riżoluzzjoni kkontestata quddiem il-Qorti Suprema.
5. Wara li ppreżenta dan l-appell, W.Ż. għamel talba sabiex l-imħallfin kollha tal-Qorti Suprema sedenti fl-ASSAP ta’ din il-qorti jiġu esklużi milli jisimgħu l-appell tiegħu. Huwa sostna li, minħabba l-qafas sistemiku tagħha u l-mod li bih il-membri tagħha ġew eletti mill-KNM, li kien ġie stabbilit bi ksur tal-Kostituzzjoni, l-ASSAP ma setgħetx teżamina l-appell b’mod imparzjali u indipendenti fi kwalunkwe kompożizzjoni li kienet tinkludi l-membri tagħha.
6. Il-mozzjoni biex jinħatru l-imħallfin kollha li qegħdin fl-ASSAP li kienu inklużi fit-talba għall-esklużjoni kienet inkluża fir-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 tal-KNM tat‑28 ta’ Awwissu 2018 (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-KNM Nru 331/2018”). Ġie ppreżentat appell kontra din ir-riżoluzzjoni fl-intier tagħha quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Qorti Amministrattiva Suprema”) minn partijiet oħra fil-proċeduri tal-ħatra li fil-konfront tagħhom il-KNM ma kienx ippreżenta mozzjoni lill-Prezydent Rzeczypospolitej Polskiej (il-President tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“President tar-Repubblika”) biex jaħtarhom bħala mħallfin tal-Qorti Suprema.
7. Fid-deċiżjoni tagħha tas‑27 ta’ Settembru 2018, il-Qorti Amministrattiva Suprema ssospendiet l-eżekuzzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-KNM Nru 331/2018. Minkejja l-fatt li kien ġie ppreżentat appell kontra din ir-riżoluzzjoni fl-intier tagħha u li l-eżekuzzjoni tagħha ġiet sospiża mill-Qorti Amministrattiva Suprema, u minkejja l-fatt li l-proċeduri quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema ma kinux ġew konklużi, fl‑10 ta’ Ottubru 2018, il-President tar-Repubblika ppreżenta ittri tal-ħatra bħala mħallfin fl-ASSAP tal-Qorti Suprema lill-persuni li kienu inklużi fit-talba għall-esklużjoni ppreżentata minn W.Ż.
8. Fil‑21 ta’ Novembru 2018, il-Qorti Amministrattiva Suprema għamlet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni oħra tal-KNM (Riżoluzzjoni Nru 317/2018) li tipproponi lill-President tar-Repubblika l-ħatra ta’ ċerti persuni bħala mħallfin tal-Qorti Suprema. Fit‑22 ta’ Novembru 2018, il-proċeduri quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema f’każijiet li jikkonċernaw appelli mir-Riżoluzzjoni tal-KNM Nru 331/2018 ġew iddifferiti minn din il-qorti sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari rigward il-kwistjoni jekk l-Artikolu 44(1b) u l-Artikolu 44(4) tal-Liġi dwar il-KNM kinux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (Kawża C‑824/18 (3)).
9. Minkejja l-proċeduri pendenti, fl‑20 ta’ Frar 2019, il-President tar-Repubblika ta ittra tal-ħatra bħala mħallef fl-ASSAP lil A.S. (l-imħallef responsabbli sabiex jeżamina l-appell ta’ W.Ż, f’formazzjoni b’imħallef uniku).
10. Il-mozzjoni għall-ħatra ta’ A.S. ġiet inkluża fir-Riżoluzzjoni tal-KNM Nru 331/2018, u għalhekk il-ħatra ta’ A.S. seħħet ukoll wara li ġie ppreżentat appell kontra r-Riżoluzzjoni tal-KNM Nru 331/2018 fl-intier tagħha quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema u wara li din il-qorti kienet issospendiet l-eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, u minkejja li l-proċeduri quddiem din il-qorti ma kinux ġew konklużi. Fid-dawl tal-fatt li A.S. ġie maħtur bħala mħallef tal-Qorti Suprema fl‑20 ta’ Frar 2019, jiġifieri wara li t-talba għall-esklużjoni kienet ġiet ippreżentata minn W.Ż. fl‑14 ta’ Novembru 2018, A.S. ma kienx ġie inkluż f’dik it-talba.
11. Fit‑8 ta’ Marzu 2019, ftit qabel ma kien skedat li jibda s-smigħ fl-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema, l-ASSAP, komposta minn persuna waħda (A.S.), mingħajr ma kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-inkartamenti tal-Kawża I NO 47/18, tat digriet fil-każ, u ċaħdet l-appell ippreżentat minn W.Ż. bħala inammissibbli (iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”). F’dan id-digriet, il-pożizzjoni tal-prosekutur pubbliku ġiet aċċettata mingħajr ma ġie permess li W.Ż. jissottometti kwalunkwe osservazzjoni. Barra minn hekk, l-ASSAP sabet li l-appell ta’ W.Ż. kien inammissibbli minkejja l-fatt li l-proċeduri kienu diġà nbdew quddiem l-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema (il-qorti tar-rinviju) minn W.Ż. għall-esklużjoni tal-imħallfin kollha tal-ASSAP.
12. Il-formazzjoni tal-Qorti Suprema li semgħet it-talba għall-esklużjoni fis-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2019 ikkonkludiet li l-għoti tad-digriet tat‑8 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża I Nru 47/18 (qabel ma setgħet tiġi eżaminata t-talba għall-esklużjoni) jikser l-Artikolu 50(3)(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.
13. Il-Qorti Suprema indirizzat ukoll il-kwistjoni dwar jekk A.S., fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom inħatar, kienx effettivament imħallef tal-Qorti Suprema. Dan huwa rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk id-digriet tat‑8 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża I Nru 47/18 mogħti mill-Qorti Suprema komposta minn persuna waħda (A.S.) jeżistix legalment bħala deċiżjoni tal-qorti. Id-determinazzjoni ta’ din il-kwistjoni hija rilevanti għall-eżitu tas-smigħ tat-talba għall-esklużjoni. Jekk id-digriet tat‑8 ta’ Marzu 2019 jeżisti legalment, il-proċedimenti fil-kawża li tikkonċerna l-esklużjoni għandhom jintemmu (jitwaqqfu) inkwantu mingħajr skop. Madankollu, jekk id-digriet tat‑8 ta’ Marzu 2019 ma jeżistix legalment, it-talba għall-esklużjoni għandha tinstema’.
14. Fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni ta’ din il-kwistjoni, il-Qorti Suprema, peress li kellha dubji serji dwar kif tipproċedi, għamlet id-domanda legali li ġejja lil formazzjoni ta’ seba’ mħallfin tal-Qorti Suprema: deċiżjoni maħruġa minn formazzjoni li tikkonsisti minn persuna waħda tkun teżisti f’każ fejn din il-persuna ġiet maħtura bħala mħallef tal-Qorti Suprema minkejja l-fatt li r-riżoluzzjoni tal-KNM li tinkludi l-mozzjoni biex tinħatar dik il-persuna kienet ġiet appellata quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema, li l-eżekuzzjoni ta’ dik ir-riżoluzzjoni kienet ġiet sospiża u li l-proċeduri quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema ma kinux ġew konklużi sal-mument li fih l-ittra tal-ħatra ġiet ikkunsinnata lil dik il-persuna?
15. Is-seba’ mħallfin tal-Qorti Suprema jikkunsidraw li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa biex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-kwistjoni legali msemmija iktar ’il fuq. Il-konsegwenza tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun li s-sentenzi mogħtija mill-Qorti Suprema magħmula esklużivament minn persuni maħtura f’ċirkustanzi bħal dawn huma meqjusa bħala legalment ineżistenti peress li jkunu nħarġu minn persuna jew minn persuni li ma humiex imħallfin.
16. Il-qorti tar-rinviju sabet li fil-proċedura tal-ħatra li biha A.S. ġie maħtur bħala mħallef tal-Qorti Suprema, kien hemm ksur flagranti u intenzjonat tal-liġijiet Pollakki relatati mal-ħatriet ġudizzjarji.
17. Għaldaqstant, l-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema, fil-formazzjoni estiża tagħha ta’ seba’ mħallfin, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“L-Artikolu 2, l-Artikolu 6(1) u (3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, qorti komposta minn imħallef uniku ppreseduta minn persuna maħtura bħala imħallef bi ksur manifest tad-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin, minħabba, b’mod partikolari, il-ħatra ta’ din il-persuna li seħħet minkejja rikors ippreżentat preċedentement quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti [il-Qorti Amministrattiva Suprema] kontra d-deċiżjoni ta’ organu nazzjonali [il-KNM] li tipproponi l-ħatra tal-persuna kkonċernata għall-funzjonijiet ta’ imħallef, kif ukoll is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni stabbilita skont id-dritt nazzjonali u minkejja li l-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti [il-Qorti Amministrattiva Suprema] kienu għadhom pendenti fid-data tan-notifika tal-att ta’ ħatra?”
II. Analiżi
A. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
18. Essenzjalment, l-Uffiċċju tal-Prosekutur isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula, peress li l-Unjoni Ewropea ma għandha l-ebda kompetenza fir-rigward tal-modalitajiet tal-proċeduri għall-ħatra ta’ mħallfin, il-validità ta’ dawn il-ħatriet, il-proċeduri għar-rikuża ta’ mħallfin jew għad-determinazzjoni tal-ineżistenza legali potenzjali ta’ deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tiddeċiedi dwar jekk ċerta persuna għandhiex jew le l-istatus ta’ mħallef nazzjonali.
19. Madankollu, l-ewwel, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, “għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi li jirriżultaw, fil-konfront tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE” (4). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward tar-regoli nazzjonali relatati mal-kundizzjonijiet sostantivi u r-regoli proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jaħtru l-imħallfin u, fejn applikabbli, ir-regoli relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (5).
20. It-tieni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali (W.Ż.) – li, fil-pożizzjoni tiegħu bħala mħallef, jista’ jiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – qiegħed ifittex direttament il-protezzjoni li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni sa fejn il-miżuri amministrattivi meħuda kontrih (dak li jidher li huwa de facto żgradar) jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-indipendenza tiegħu. L-appell ippreżentat minn W.Ż. – li jfittex il-protezzjoni tal-istatus professjonali tiegħu – għandu hu wkoll jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni: b’mod partikolari, mar-rekwiżit li huma biss imħallef jew qorti li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta li jistgħu jiddeċiedu dwar tali rikors.
21. It-tielet, jibqa’ l-fatt li l-argumenti mressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-fatt jikkonċernaw il-portata stess tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni diskussi hawn u, għalhekk, jikkonċernaw interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Interpretazzjoni ta’ din in-natura taqa’ b’mod ċar fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (6).
B. Ammissibilità tad-domanda preliminari
22. Il-Gvern Pollakk iqajjem numru ta’ argumenti għaliex, fil-fehma tiegħu, id-domanda preliminari hija inammissibbli. Essenzjalment, huwa jsostni li dan huwa l-każ għaliex: (i) id-domanda ma titlobx l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda sempliċement tfittex li tirriafferma t-teżi tal-qorti tar-rinviju li l-imħallef ikkonċernat ma huwiex indipendenti, imparzjali jew maħtur legalment – fejn dan kollu jeħtieġ b’mod partikolari l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u d-determinazzjoni tal-fatti; (ii) riformulazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-domanda magħmula mill-Qorti Suprema hija impossibbli, peress li d-digriet tar-rinviju jagħmilha ċara li din qiegħda titlob lill-Qorti Ġustizzja tagħti sentenza li tevalwa l-fatti u tiddeċiedi li l-imħallef ikkonċernat ma huwiex qorti stabbilita bil-liġi; (iii) risposta għad-domanda magħmula ma hijiex meħtieġa sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-każ fil-kawża prinċipali (b’mod partikolari, l-appell ta’ W.Ż. diġà ġie miċħud bħala inammissibbli mid-digriet ikkontestat u, fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni li tkun tammonta għal telf tal-mandat ta’ imħallef); u (iv) id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domanda preliminari ma humiex applikabbli għall-każ fil-kawża prinċipali.
23. Minbarra argumenti simili għal dawk tal-Gvern Pollakk kif esposti iktar ’il fuq, l-Uffiċċju tal-Prosekutur isostni wkoll li d-domanda preliminari hija inammissibbli minħabba li: (i) it-talba għall-esklużjoni tal-imħallfin tal-ASSAP inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali kellha tiġi ddikjarata inammissibbli skont il-ġurisprudenza nazzjonali; (ii) meta tiddeċiedi dwar rikors bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, intiż kontra riżoluzzjoni tal-KNM, il-Qorti Suprema taġixxi mhux bħala qorti msejħa biex tiddeċiedi dwar tilwima, iżda bħala korp ta’ protezzjoni legali li jintervjeni b’mod astratt; (iii) l-interpretazzjoni mfittxija hawnhekk ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali peress li – fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-imħallef li ta d-digriet ikkontestat huwiex indipendenti u imparzjali u l-bażi legali jew l-ineżistenza eventwali ta’ dan id-digriet – il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti sentenza li ma tħalli l-ebda dubju dwar is-soluzzjoni fil-kawża prinċipali, iżda tkun qiegħda sempliċement tipprovdi linji gwida legali li fuq il-bażi tagħhom il-qorti nazzjonali jkollha tagħti d-deċiżjoni tagħha, filwaqt li, id-domanda magħmula hija sempliċement ibbażata fuq allegazzjonijiet suġġettivi u mhux issostanzjati li l-proċedura nazzjonali tal-ħatra ġiet miksura; u (iv) ir-raġunament tad-digriet tar-rinviju ma huwiex konformi mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li d-dritt nazzjonali ċċitat mill-qorti tar-rinviju huwa selettiv u preġudikat u ma jissostanzjax l-allegat ksur tal-proċedura nazzjonali tal-ħatra.
24. L-ewwel nett, bħala kumment ġenerali, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni b’mod ċar u hija, fil-fatt, l-unika qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal domanda li tistaqsi liema huma l-kriterji li qorti jew tribunal indipendenti għandhom jissodisfaw taħt id-dritt tal-Unjoni (7) u, sussegwentement, sabiex tiddefinixxi liema konsegwenzi għandhom isegwu għad-deċiżjonijiet meħuda minn persuna jew organu li ma jissodisfax dawk il-kriterji. Għal dawn ir-raġunijiet, domandi bħal dik magħmula għandhom ukoll jiġu ddikjarati bħala ammissibbli.
25. Sussegwentement, kuntrarjament għall-argumenti kollha tal-Gvern Pollakk u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur imsemmija iktar ’il fuq, naqbel mal-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni u l-Ombudsman li r-risposta għad-domanda magħmula – jiġifieri jekk l-imħallef ikkonċernat tabilħaqq kellux l-istatus ta’ mħallef li kellu s-setgħa li jadotta d-digriet ikkontestat – hija meħtieġa għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-każ fil-kawża prinċipali.
26. Dan huwa hekk għaliex – kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża Miasto Lowicz (8) – l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ser ikollha impatt dirett fuq id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, peress li tippermetti lil dik il-qorti tiddeċiedi l-kwistjoni quddiemha in limine litis u huwa abbażi ta’ din id-deċiżjoni li jiddependi jekk hemmx (jew le) il-ħtieġa li tiġi deċiża t-talba għall-esklużjoni tal-imħallfin tal-ASSAP f’każ fejn id-digriet ikkontestat iwaqqaf b’mod leġittimu l-proċeduri mressqa minn W.Ż. jew jekk, għall-kuntrarju, huwiex neċessarju li jiġi konkluż li d-digriet ikkontestat ma jeżistix fil-liġi u għalhekk li r-rikors u t-talba għall-esklużjoni jkollhom jiġu deċiżi.
27. Kwistjoni bħal din in limine litis tista’ tikkonċerna, b’mod partikolari, aspett proċedurali tal-kawża prinċipali (9) jew il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi dwar dan ir-rikors (10). F’dan ir-rigward, il-kawża preżenti ma hijiex differenti minn dawk il-kawżi li taw lok għas-sentenza A. K. et, li l-punt 99 tagħha jgħid: “F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat […] li, permezz tad-domandi preliminari li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja u permezz tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li qiegħda titlob f’dawn il-kawżi, il-qorti tar-rinviju ma tixtieqx li tingħata kjarifika dwar il-mertu tat-tilwimiet li għandha quddiemha u li min-naħa tagħhom huma marbuta ma’ kwistjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda tixtieq li tingħata kjarifika dwar problema ta’ natura proċedurali li għandha tiddeċiedi in limine litis, sa fejn tikkonċerna l-kompetenza stess ta’ din il-qorti li tieħu konjizzjoni tal-imsemmija tilwimiet”.
28. Tabilħaqq, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ser tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar l-istatus tal-persuna maħtura fi ħdan il-Qorti Suprema u l-istatus tal-ASSAP, kif ukoll il-validità tad-digriet ta’ A.S. tat‑8 ta’ Marzu 2019 (dwar l-inammissibbiltà tar-rikors ta’ W.Ż.) u, barra minn hekk, ser tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar it-talba għall-esklużjoni tal-imħallfin kollha tal-ASSAP.
29. Barra minn hekk, indipendentement min-natura tal-każ fil-kawża prinċipali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa applikabbli f’dan il-każ peress li l-ASSAP hija qorti li – minbarra li tiddeċiedi dwar kwistjonijiet essenzjali li jikkonċernaw ir-rwol tal-Istat taħt l-Istat tad-dritt bħalma huwa l-ivvalidar tar-riżultati tal-elezzjonijiet fil-Polonja – tista’ tissejjaħ biex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mhux l-inqas minħabba l-kompetenza tagħha fl-oqsma tad-dritt tal-kompetizzjoni, leġiżlazzjoni fil-qasam tal-enerġija, telekomunikazzjonijiet, trasport ferrovjarju, u kontroll tal-midja (11).
C. Sustanza
1. Espost qasir tal-argumenti tal-partijiet
30. W.Ż., l-Uffiċċju tal-Prosekutur, l-Ombudsman, il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ippreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
31. Il-Gvern Pollakk isostni, essenzjalment, li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun fis-sens li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ASSAP hija qorti indipendenti u li l-istatus tal-imħallfin tagħha ma jistax jiġi kkontestat mill-qorti tar-rinviju f’kawża quddiemha. Tassew, (i) ir-riżoluzzjoni kkontestata hija, skont l-Artikolu 44(1d) tal-Liġi dwar il-KNM, issa finali fil-konfront tal-parteċipanti fil-proċedura li kienu proposti, xejn ma jostakola l-ħatra tagħhom u l-Qorti Amministrattiva Suprema ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar din il-parti tar-riżoluzzjoni jew sabiex tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha; (ii) id-dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom ġiet adita l-Qorti Amministrattiva Suprema ġew iddikjarati antikostituzzjonali permezz tas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019 tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-Qorti Kostituzzjonali”) u l-proċeduri mibdija permezz ta’ dak ir-rikors twaqqfu bit-tħaddim tal-liġi fid-dawl ta’ din is-sentenza u tal-Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019; u (iii) il-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin tal-ASSAP skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni u l-Liġi dwar il-KNM ma hijiex differenti minn dik fi Stati Membri oħra, li turi rekwiżiti saħansitra iktar stretti minn uħud minn dawk is-sistemi nazzjonali, u ma għandha l-ebda impatt fuq l-indipendenza tal-imħallfin maħtura li fi kwalunkwe każ hija kompletament iggarantita mill-Artikoli 178 sa 181 tal-Kostituzzjoni, li tiggarantixxi ħatra għal perijodu illimitat, impediment ta’ tneħħija, immunità fid-dritt kriminali u remunerazzjoni, filwaqt li teħtieġ li l-imħallfin ikunu, b’mod partikolari, apolitiċi.
32. L-Uffiċċju tal-Prosekutur ma ppreżentax osservazzjonijiet dwar il-mertu tad-domanda preliminari u l-osservazzjonijiet kollha tiegħu jiffokaw fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju. Huwa żied li l-proċedura tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernat ma kisret l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Pollakk u li l-qorti li qiegħda tiddeċiedi dwar il-każ ta’ W.Ż. għandha l-attributi kollha ta’ indipendenza, imparzjalità u oriġini fil-liġi.
33. Essenzjalment W.Ż. jindika l-ġurisprudenza Ástráðsson tal-Qorti Ewrope għad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza A. K. et), li skonthom il-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-KEDB, jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli li jirregolaw il-ħatra ta’ mħallfin, li jipprekludu kull dubju raġonevoli, fl-imħuħ tas-suġġetti tal-liġi, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati għall-interessi, b’mod partikolari, dawk tal-poteri leġiżlattivi u eżekuttivi. W.Ż. jargumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn ir-rekwiżiti ma humiex issodisfatti fejn iċ-ċirkustanzi oġġettivi li fihom ġiet iffurmata qorti, il-karatteristiċi tagħha u l-mezzi li bihom inħatru l-membri tagħha huma kapaċi jwasslu għal nuqqas ta’ dehra ta’ indipendenza jew imparzjalità ta’ dik il-qorti li jista’ jippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja f’soċjetà demokratika għandha tispira f’suġġetti tal-liġi (is-sentenza f’A. K. et). Madankollu, skont W.Ż., la l-KNM u lanqas il-membri tal-ASSAP (li l-KNM ippropona l-ħatra tagħhom lill-President tar-Repubblika) ma jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti.
34. Tabilħaqq, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza A. K. et) jirriżulta li “għalkemm kull wieħed mill-elementi [tal-modifiki tas-sistema ġudizzjarja introdotti reċentement] jista’ ma jkunx is-suġġett ta’ kritika fih innifsu u jista’, f’dan il-każ, ikun kopert mill-kompetenza tal-Istati Membri u mill-għażla magħmula minnhom, meta kkunsidrati flimkien, dawn l-elementi, flimkien maċ-ċirkustanzi li fihom saru dawn l-għażliet, jistgħu, għall-kuntrarju, iwasslu għal dubju dwar l-indipendenza ta’ korp” bħall-ASSAP u l-imħallfin tagħha. Id-diversi kriterji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza juru li l-KNM il-ġdid involut fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin tal-Qorti Suprema ma joffrix il-garanziji meħtieġa ta’ indipendenza li huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-ASSAP tal-Qorti Suprema, maħluqa ex nihilo, u l-membri tagħha jistgħu jiġu kkunsidrati li huma indipendenti u imparzjali kif meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni.
35. L-Ombudsman u W.Ż. essenzjalment isostnu, li, fid-dawl tal-fatt li l-imħallef ikkonċernat inħatar bi ksur flagranti tad-dritt nazzjonali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u peress li la jikkostitwixxi qorti jew tribunal stabbilit bil-liġi u lanqas qorti indipendenti u imparzjali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, dak l-imħallef ma setax jiddeċiedi dwar rikors fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, f’tali każ, kwalunkwe dispożizzjoni jew prattika nazzjonali (kemm jekk leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja) hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti tad-dritt tal-Unjoni jekk tnaqqas l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni billi tirrifjuta lill-imħallef kompetenti meta japplika d-dritt tal-Unjoni s-setgħa li jagħmel (fil-mument ta’ dik l-applikazzjoni) dak kollu li hu meħtieġ sabiex ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jostakolaw l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma direttament applikabbli (bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta), mingħajr il-ħtieġa li jitlob jew jistenna r-revoka minn qabel tal-att ikkonċernat bil-mezz leġiżlattiv jew kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (12).
36. Il-Kummissjoni essenzjalment issostni, li l-ewwel parti tad-domanda magħmula għandha tingħata risposta fin-negattiv. Għall-kuntrarju, hija ssostni li t-tieni parti titlob risposta affermattiva.
2. Evalwazzjoni
a) Introduzzjoni: il-qorti tar-rinviju diġà stabbilixxiet li fil-każ preżenti kien hemm ksur flagranti u intenzjonat tal-liġijiet Pollakki relatati mal-ħatriet ġudizzjarji
37. Permezz tad-domanda tagħha, li tirrigwarda l-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, l-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux sitwazzjoni fejn il-President tar-Repubblika jaħtar persuna għall-pożizzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Suprema, fl-ASSAP maħluqa ex novo u fejn: (i) ir-riżoluzzjoni tal-KNM li tipproponi l-ħatra tal-imħallef ikkonċernat għal dik il-pożizzjoni tifforma s-suġġett ta’ rikors pendenti quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema (l-ewwel parti tad-domanda preliminari); u (ii) il-Qorti Amministrattiva Suprema, matul dan ir-rikors, issospendiet l-eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni (it-tieni parti).
38. Id-domanda magħmula għandha tiġi eżaminata b’mod partikolari billi jiġu kkunsidrati l-kawżi magħquda li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: (i) Kawża C‑824/18 (ara l-konklużjonijiet tiegħi tas‑17 ta’ Diċembru 2020 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2021 (13)), li fiha l-Qorti Amministrattiva Suprema qiegħdet f’dubju l-indipendenza tal-qrati nazzjonali bħala qrati tal-Unjoni fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ rikors kontra riżoluzzjoni tal-KNM li tipproponi lill-President tar-Repubblika kandidati għall-ħatra bħala mħallfin tal-Qorti Suprema; (ii) Kawża C‑508/19 (li għadha pendenti, ara l-konklużjonijiet paralleli u separati tiegħi f’dan il-każ mogħtija wkoll illum, l‑14 ta’ April 2021), imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Qorti Suprema fejn fost il-problemi legali inkwistjoni hemm il-ħatra manifestament illegali ta’ mħallef li ddeċieda dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-effetti ta’ tali ħatra fuq id-deċiżjonijiet mogħtija minn tali mħallef; u (iii) Kawża C‑791/19 (li għadha pendenti, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża li għandhom jingħataw fis‑6 ta’ Mejju 2021, fejn ser nittratta wkoll il-kwistjoni dwar id-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi bħala parti mill-garanziji taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE).
39. Il-qorti tar-rinviju diġà stabbilixxiet li fil-proċedura tal-ħatra li biha A.S. ġie maħtur bħala mħallef tal-Qorti Suprema kien hemm ksur flagranti u intenzjonat tal-liġijiet Pollakki relatati mal-ħatriet ġudizzjarji.
40. Dan il-ksur kien primarjament jikkonsisti fil-fatt li A.S. ġie maħtur bħala mħallef tal-Qorti Suprema mill-President tar-Repubblika minkejja l-fatt li qabel, partijiet oħra għall-proċedura tal-ħatra kienu appellaw quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema kontra r-Riżoluzzjoni tal-KNM Nru 331/2018, li kienet tinkludi l-ħatra tiegħu, u l-proċeduri quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema kienu għadhom ma ġewx konklużi qabel l-għoti tal-ittra tal-ħatra tiegħu.
41. Il-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, l-imħallfin fil-Polonja huma maħtura għal perijodu indefinit mill-President tar-Repubblika fuq mozzjoni tal-KNM. Dawk iż-żewġ organi komplementari għandhom bżonn jaħdmu flimkien f’termini kronoloġiċi. Il-mozzjoni tal-KNM hija biss opinjoni, iżda tagħti lok għal ċerti setgħat – huwa biss wara li tkun ġiet sottomessa lill-President tar-Repubblika li l-kompetenza ta’ dan tal-aħħar li jaħtar il-persuna inkluża fil-mozzjoni għall-pożizzjoni ta’ mħallef tippreżenta ruħha.
42. Il-mozzjoni għall-ħatra ta’ persuna bħala mħallef imressqa mill-KNM lill-President tar-Repubblika hija preċeduta minn proċeduri ta’ ħatra, li huma rregolati bil-leġiżlazzjoni b’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali. Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-kandidati li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ ħatra huma protetti, inkluż id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizz pubbliku fuq termini ugwali (Artikolu 60 tal-Kostituzzjoni) u d-dritt tagħhom ta’ aċċess għal qorti f’kull każ individwali (Artikoli 45(1) u 77(2) tal-Kostituzzjoni), huwa previst stħarriġ ġudizzjarju dwar jekk ir-riżoluzzjonijiet tal-KNM dwar mozzjonijiet lill-President tar-Repubblika għall-ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef jikkonformawx mal-liġi (Artikolu 44 tal-Liġi fuq il-KNM). Fir-rigward tal-kandidati li japplikaw biex isiru mħallfin tal-Qorti Suprema, dan l-istħarriġ ġudizzjarju ġie fdat lill-Qorti Amministrattiva Suprema– li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tagħha fil-Kawża C‑824/18 (14) u tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali (l-Artikolu 44(1b) u (4) tal-Liġi dwar il-KNM) mad-dritt tal-Unjoni u tiżgura li l-liġi nazzjonali tiġi interpretata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.
43. It-tieni, f’sitwazzjoni fejn, qabel l-għoti tal-ittra tal-ħatra ta’ persuna bħala mħallef tal-Qorti Suprema, ir-riżoluzzjoni li fiha l-mozzjoni biex tinħatar dik il-persuna ġiet appellata quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-istatus legali tar-riżoluzzjoni jsir dipendenti fuq is-sentenza ta’ dik il-qorti. Fejn l-appell jintlaqa’, jista’ sussegwentement jinstab li hemm prerekwiżit għall-ħatra ta’ dak l-imħallef nieqes. Għalhekk, sakemm il-proċeduri quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema jiġu konklużi, il-President tar-Repubblika ma jistax juża l-prerogattiva tiegħu biex jaħtar persuna bħala mħallef minħabba n-nuqqas ta’ bażi stabbli li fuqha jistrieħ l-eżerċizzju ta’ dik il-prerogattiva.
44. Il-ksur tal-liġi Pollakka dwar il-ħatra ta’ mħallfin f’dan il-każ seħħ f’kuntest fejn kienu ġew introdotti iktar miżuri li intiżi li jipprevjenu stħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-riżoluzzjonijiet tal-KNM li kienu jipproponu ħatriet għall-pożizzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Suprema (15).
45. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, apparti l-kwistjonijiet eżaminati f’dan il-każ, hemm irregolaritajiet oħra relatati mal-ħatra inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħall-fatt li l-membri tal-KNM li huma mħallfin ġew innominati mis-Sejm (il-Kamra l-Baxxa tal-Parlament Pollakk) u mhux, kif kien il-każ fil-passat, innominati minn sħabhom. Barra minn hekk, ġew innominati permezz ta’ tqassir tat-tul tal-mandat tal-KNM preċedenti, minkejja l-fatt li dak it-tul huwa ggarantit fil-Kostituzzjoni. Dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati fis-sentenza A. K. et.
b) A.S. jikkostitwixxi tribunal stabbilit bil-liġi?
46. L-ewwel nett, fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta bħala dispożizzjoni awtonoma f’każ, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuna li tinvoka dan id-dritt qiegħda sserraħ fuq drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (16).
47. Madankollu, mill-informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna r-rikonoxximent ta’ dritt mogħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali taħt dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.
48. Sussegwentement, kif indikat mill-Ombudsman, il-proċedura nazzjonali li wasslet sabiex issir id-domanda preliminari tikkonċerna ndħil fil-karriera professjonali ta’ mħallef nazzjonali li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu f’qorti li tifforma parti mis-sistema ta’ qrati ordinarji Pollakki. Dak l-imħallef jista’, għalhekk, jintalab jiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ applikazzjoni jew interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u huwa wkoll “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u jifforma parti mis-sistema Pollakka ta’ rimedji ġudizzjarji “fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Madankollu, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istat Membru kkonċernat jiggarantixxi li tali mħallef jissodisfa r-rekwiżiti inerenti fil-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ indipendenza u imparzjalità. Dan jeħtieġ li W.Ż. ikun protett kontra trasferimenti, li għandhom, bħat-tkeċċijiet, ikunu suġġetti għal garanziji li huma suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kwalunkwe dubju raġonevoli, fl-imħuħ tas-suġġetti tal-liġi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati għal fatturi esterni.
49. Minħabba li W.Ż. jaqa’ taħt l-ambitu tal-protezzjoni mogħtija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa għandu dritt taħt dawn id-dispożizzjonijiet – li jirriżultaw direttament mid-dritt tal-Unjoni (17) – għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jimplika li r-rikors tiegħu għandu jiġi eżaminat minn organu li għandu l-istatus ta’ “qorti jew tribunal” kif iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, li huwa organu li huwa indipendenti, imparzjali u stabbilit bil-liġi (18). F’dan il-każ, peress li l-KNM ma huwiex qorti jew tribunal, l-uniku organu ġudizzjarju li jista’ josserva r-rekwiżiti ta’ hawn fuq huwa l-Qorti Suprema bħala l-unika u l-aħħar istanza ġudizzjarja msejħa biex tivverifika jekk l-indħil fl-istatus professjonali ta’ W.Ż. idgħajjifx il-garanziji li huwa għandu taħt dawn l-istess dispożizzjonijiet moqrija flimkien mal-Artikolu 6 tal-KEDB, li teħtieġ li tiġi riżolta l-kwistjoni dwar jekk l-imħallef ikkonċernat (A.S.) issodisfax dawn ir-rekwiżiti.
1) L-ewwel parti tad-domanda preliminari: Ħatra ta’ mħallfin qabel ma l-Qorti Amministrattiva Suprema tat deċiżjoni fir-rikors pendenti li tattakka r-riżoluzzjoni KNM inkwistjoni.
50. Il-punt fundamentali hawnhekk huwa jekk il-fatt li kien għaddej stħarriġ ġudizzjarju tar-riżoluzzjonijiet tal-KNM (adottati matul il-proċedura tal-ħatra tal-Qorti Suprema) għandux (jew għandux ikollu) effett sospensiv.
51. Il-Kummissjoni ssostni li jidher li l-Artikolu 184 tal-Kostituzzjoni jipprovdi li l-Qorti Amministrattiva Suprema teżerċita stħarriġ ġudizzjarju fil-limiti stabbiliti mil-liġi u jidher li mill-Artikolu 44(1b) u (4) tal-Liġi dwar il-KNM jirriżulta li rikors kontra riżoluzzjoni tal-KNM ma għandux effett sospensiv fir-rigward tal-parti ta’ din ir-riżoluzzjoni li tipproponi l-ħatra ta’ persuna għall-pożizzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Suprema.
52. Madankollu, inqis li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-ewwel parti tad-domanda preliminari hija speċjuża, b’mod partikolari minħabba l-kuntest ġenerali preżenti fil-Polonja. Tabilħaqq, kif argumentajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’A.B. et u kif sadanittant il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fis-sentenza tagħha f’din il-kawża (19), appell bħal dak ippreżentat quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema fuq il-bażi tal-Artikolu44(1a) sa (4) tal-Liġi dwar il-KNM huwa nieqes minn kwalunkwe effettività reali u joffri biss id-dehra ta’ rimedju ġudizzjarju.
53. Dan huwa hekk, b’mod partikolari, minħabba d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1b) u (4) tal-Liġi dwar il-KNM, li minnu jirriżulta, essenzjalment, li, minkejja l-preżentata ta’ appell bħal dan minn kandidat li ma tressaqx għall-ħatra mill-KNM, ir-riżoluzzjonijiet tal-KNM dejjem ser ikunu finali fir-rigward tad-deċiżjoni li tinsab f’dawn ir-riżoluzzjonijiet li jressqu kandidati għall-ħatra, peress li dawn il-kandidati huma mbagħad suġġetti – kif kien il-każ hawn – li jinħatru mill-President tar-Repubblika għall-pożizzjonijiet ikkonċernati mingħajr ma jistenna r-riżultat ta’ dan l-appell. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ċar li kull annullament tad-deċiżjoni li tinsab f’tali riżoluzzjoni li ma jitressaqx applikant għall-ħatra fit-tmiem tal-proċedura mibdija minnu jew minnha xorta ma jkollha l-ebda effett reali fuq is-sitwazzjoni tiegħu jew tagħha fir-rigward tal-pożizzjoni li għaliha kien jaspira u li b’hekk tkun diġà ġiet mimlija fuq il-bażi ta’ din ir-riżoluzzjoni.
54. Kif tispjega l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 159 sa 164 tas-sentenza A.B. et, għandu jittieħed kont ta’ dan li ġej: (i) id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali mmodifikaw b’mod kunsiderevoli l-istat tad-dritt nazzjonali fis-seħħ preċedentement; (ii) l-effett tagħhom huwa li jeqirdu l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju li sa dak iż-żmien kien jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali; (iii) dawn id-dispożizzjonijiet naqqsu l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tar-riżoluzzjonijiet tal-KNM li kienu jeżistu qabel; (iv) ir-restrizzjonijiet introdotti fl-Artikolu 44(1b) sa (4) tal-Liġi dwar il-KNM jikkonċernaw biss l-appelli ppreżentati kontra riżoluzzjonijiet tal-KNM dwar preżentazzjonijiet ta’ kandidaturi għal pożizzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Suprema; (v) l-elementi kuntestwali marbuta mar-riformi l-oħra kollha li reċentement affettwaw il-Qorti Suprema u l-KNM (ara l-punti 130 sa 135 tas-sentenza A.B. et) għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni; u (vi) id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1b) u (4) tal-Liġi dwar il-KNM, ġew introdotti bil-Liġi tal‑20 ta’ Lulju 2018 li temenda l-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji u ċerti liġijiet oħra u daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2018, jiġifieri ftit żmien qabel ma l-KNM fil-formazzjoni l-ġdida tiegħu ntalab jiddeċiedi dwar il-kandidaturi ppreżentati sabiex jimtlew diversi pożizzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Suprema ddikjarati vakanti jew maħluqa b’mod ġdid b’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema u, b’mod partikolari, dwar il-kandidaturi tar-rikorrenti fil-kawżi A.B. et.
55. Barra minn hekk, bħala riżultat ta’ emendi leġiżlattivi ulterjuri, mit‑23 ta’ Mejju 2019 il-possibbiltà ta’ appell kontra r-riżoluzzjonijiet tal-KNM f’każijiet individwali li jikkonċernaw il-ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Suprema kienet kompletament eskluża. Hawnhekk, biżżejjed jiġi rrilevat li dan ukoll ġie miċħud fil-konklużjonijiet tiegħi u fis-sentenza A.B. et (fis-sens li emendi suċċessivi għal-Liġi dwar il-KNM li għandhom l-effett li jneħħu stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjonijiet ta’ dan il-kunsill li jipproponu lill-President tar-Repubblika kandidati għall-kariga ta’ mħallef fil-Qorti Suprema jistgħu jiksru d-dritt tal-Unjoni; ara l-analiżi sottostanti għar-risposta għat-tielet domanda preliminari f’dik il-kawża, b’mod partikolari l-punti 108 et seq. ta’ din is-sentenza).
56. Minn dak li ntqal isegwi li – filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha – fil-fehma tiegħi l-impatt retrogradu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati fuq l-effettività tar-rimedju ġudizzjarju disponibbli kontra r-riżoluzzjonijiet tal-KNM li jipproponu l-ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema jikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.
57. Fl-evalwazzjoni tagħha l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-gwida pprovduta hawnhekk u fis-sentenza A.B. et u kwalunkwe ċirkustanza rilevanti oħra li tista’ ssir taf bihom, waqt li tqis, fejn xieraq, ir-raġunijiet u l-għanijiet speċifiċi allegati quddiemha sabiex tiġġustifika l-miżuri kkonċernati. Barra minn hekk, il-qorti għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 44(1a) sa (4) tal-Liġi dwar il-KNM, humiex tali li joħolqu dubji leġittimi, fl-imħuħ tas-suġġetti tal-liġi, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin maħtura abbażi tar-riżoluzzjonijiet tal-KNM għal fatturi esterni u, b’mod partikolari, għall-influwenza diretta jew indiretta tal-leġiżlatur u l-eżekuttiv Pollakk, u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe interess quddiemhom u, b’hekk, jistgħu jwasslu biex dawk l-imħallfin ma jitqisux bħala indipendenti jew imparzjali bil-konsegwenza li tiġi mminata l-fiduċja li l-ġustizzja f’soċjetà demokratika rregolata mill-Istat tad-dritt għandha tispira f’suġġetti tal-liġi.
58. Tabilħaqq, fil-kuntest ġenerali preżenti fil-Polonja, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirrikjedi li d-deċiżjonijiet adottati matul il-proċedura tal-ħatra għall-imħallfin fil-Qorti Suprema jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju b’effett sospensiv.
59. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Mejju 2008 (Kawża SK 57/06) il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li “il-limitazzjoni tal-aċċess għal stħarriġ ġudizzjarju tar-riżoluzzjonijiet tal-KNM biex ma jipproponix lill-President tar-Repubblika […] kandidatura għall-pożizzjoni ta’ mħallef hija antikostituzzjonali”.
60. Kif ġustament issottometta l-Ombudsman, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, il-proċess tal-ħatra ma għandux joħloq dubji raġonevoli, fl-imħuħ tas-suġġetti tal-liġi, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati għal fatturi esterni, ladarba l-partijiet interessati jinħatru bħala mħallfin. Għalhekk, minħabba r-rwol ewlieni tal-KNM fil-proċess ta’ ħatra ġudizzjarja u l-assenza ta’ reviżjoni legali tad-deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika li jaħtar imħallef, huwa meħtieġ li jkun jeżisti stħarriġ ġudizzjarju effettiv għall-kandidati ġudizzjarji. Dan huwa partikolarment il-każ fejn, bħal f’dan il-każ, l-Istat, permezz tal-kondotta tiegħu, qiegħed jindaħal fil-proċess tal-ħatra ta’ mħallfin b’mod li jirriskja li jikkomprometti l-indipendenza futura ta’ dawn l-imħallfin. L-istħarriġ legali meħtieġ għandu: (a) iseħħ qabel il-ħatra, peress li l-imħallef huwa mbgħad protett a posteriori mill-prinċipju ta’ impediment ta’ tneħħija; (b) ikopri mill-inqas eżerċizzju ultra vires jew mhux xieraq ta’ awtorità, żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni; u (ċ) jippermetti l-kjarifika tal-aspetti kollha tal-proċedura tal-ħatra, inklużi r-rekwiżiti taħt id-dritt tal-Unjoni, jekk xieraq, billi jsiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari dwar ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (20).
61. Kif stabbilixxiet il-qorti tar-rinviju fid-digriet tar-rinviju, kien hemm ksur doppju tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni. L-ewwel nett, il-President tar-Repubblika ħatar lil A.S. f’ċirkustanzi li fihom l-istatus legali tar-Riżoluzzjoni tal-KNM Nru 331/2018, li kienet tinkludi l-mozzjoni għall-ħatra tiegħu, ma kienx permanenti (il-punt 24 et seq. tad-digriet tar-rinviju). Barra minn hekk, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, kien hemm ukoll ksur tal-prinċipju tas-separazzjoni u l-ibbilanċjar tal-poteri u tal-prinċipju tal-legalità. Minħabba l-istatus kostituzzjonali tal-Qorti Amministrattiva Suprema bħala organu ġudizzjarju, il-fatt li ngħata l-kompetenza statutorja biex jirrevedi – f’dan il-każ – il-konformità tar-riżoluzzjonijiet tal-KNM mal-liġi, u minħabba l-ħtieġa li jiġi osservat ir-riżultat futur tal-proċeduri quddiem din il-qorti, il-President tar-Repubblika ma setax jeżerċita l-prerogattiva tiegħu li jaħtar persuna bħala mħallef tal-Qorti Suprema qabel il-konklużjoni tal-proċeduri quddiem din il-qorti.
62. Kif isegwi mid-digriet tar-rinviju – u dan ġie kkonfermat ukoll mit-tliet kmamar magħquda tal-Qorti Suprema fir-riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020 (21) (punt 35, paġna 45) – ir-riżoluzzjonijiet tal-KNM ma kinux definittivi fis-sens li kien hemm proċeduri ta’ appell mibdija li setgħu jwasslu għall-annullament tagħhom. Tali riżoluzzjonijiet ma pprovdew l-ebda bażi għal mozzjoni li l-President tar-Repubblika jaħtar il-persuni kkonċernati għal pożizzjonijiet ġudizzjarji vakanti. Peress li r-riżoluzzjonijiet kienu suġġetti għal appell, il-pożizzjonijiet ġudizzjarji vakanti ma mtlewx skont il-liġi.
63. Konsegwentement, l-att tal-ħatra bħala mħallef tal-Qorti Suprema adottat mill-President tar-Repubblika qabel ma l-Qorti Amministrattiva Suprema ddeċidiet definittivament dwar ir-rikors ippreżentat kontra r-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 tal-KNM jikkostitwixxi ksur flagranti tar-regoli nazzjonali li jirregolaw proċedura għall-ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema, meta dawn ir-regoli interpretati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni applikabbli (b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE).
2) It-tieni parti tad-domanda preliminari: Adozzjoni tal-att tal-ħatra fil-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema minkejja d-digriet tal-Qorti Amministrattiva Suprema li jissospendi l-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjoni tal-KNM li tipproponi l-ħatra ta’ kandidati
64. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivvaluta wkoll dan il-punt dwar il-bażi tal-elementi rilevanti kollha, imma fil-fehma tiegħi l-irregolarità mwettqa waqt il-ħatra tal-imħallef uniku tal-ASSAP (22) (Imħallef A.S.) tinbet a fortiori mill-fatt li nħatar fi ħdan il-Qorti Suprema u fi ħdan din l-awla minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti Amministrattiva Suprema li tordna li l-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjoni KNM inkwistjoni tiġi sospiża.
65. Għalhekk, naqbel mal-qorti tar-rinviju kif ukoll ma’ W.Ż., l-Ombudsman u l-Kummissjoni li l-ksur volontarju u intenzjonat mill-fergħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, b’mod partikolari deċiżjoni tal-Qorti Amministrattiva Suprema li tordna miżuri provviżorji (jiġifieri, d-digriet tas‑27 ta’ Settembru 2018) ‑ manifestament bil-għan li jiġi żgurat li l-gvern ikollu influwenza fuq il-ħatriet ġudizzjarji – juri nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt u jikkostitwixxi minnu nnifsu ksur mill-fergħa eżekuttiva ta’ “regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali tal-istabbiliment u tal-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja” fis-sens tal-punt 75 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Simpson u HG”).
66. Il-miżuri provviżorji inkwistjoni jfittxu li jippreservaw l-effett sħiħ tad-digriet tal-Qorti Amministrattiva Suprema f’sitwazzjoni fejn din il-qorti tilqa’ r-rikors li jikkontesta r-riżoluzzjoni tal-KNM inkwistjoni u tannulla din tal-aħħar kif mitlub mir-rikorrent.
67. Huwa ċar li l-ordni ta’ miżuri provviżorji kienet deċiżjoni definittiva legalment vinkolanti.
68. Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, b’riferiment għall-punt 75 tas-sentenza Simpson u HG, jekk il-ħatra tal-imħallef uniku tal-ASSAP (Imħallef A.S.) tikkostitwixxix irregolarità li toħloq riskju reali li l-fergħat oħra tal-Istat, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw diskrezzjoni indebita li ddgħajjef l-integrità tar-riżultat tal-proċess tal-ħatra u b’hekk jinħoloq dubju raġonevoli fl-imħuħ tal-individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallef ikkonċernat.
69. Ir-rekwiżit li tribunal għandu jiġi stabbilit bil-liġi jfittex li jiżgura li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tkun ibbażata fuq regoli li joħorġu mill-fergħa leġiżlattiva u għalhekk la tkun dipendenti fuq id-diskrezzjoni tal-fergħa eżekuttiva u lanqas fuq dik tal-awtoritajiet ġudizzjarji nfushom.
70. Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi d-dritt għal tribunal stabbilit bil-liġi u l-ambitu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ dan il-kunċett għandu jiġi stabbilit billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-QEDB dwar l-Artikoli 6(1) u 13 KEDB.
71. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni” (23).
72. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara wkoll li “mill-ispjegazzjonijiet relattivi għall-Artikolu 47 tal-Karta li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 jikkorrispondu għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 13 tal-[KEDB]” (24).
73. L-Artikolu 52(3) tal-Karta jiddikjara li, sa fejn fih drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata ta’ dawn id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti minn din il-konvenzjoni.
74. Skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, “qorti jew tribunal għandhom dejjem ikunu ‘stabbiliti bil-liġi’” (25).
75. Kif indikat mill-QEDB, “‘liġi’, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni, tinkludi mhux biss leġislazzjoni li tipprovdi għall-istabbiliment u l-kompetenza ta’ organi ġudizzjarji, iżda wkoll kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-liġi domestika li, jekk tinkiser, tirrendi l-parteċipazzjoni ta’ imħallef wieħed jew iktar fl-eżami ta’ każ bħala irregolari […] Dan jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza tal-membri ta’ qorti, it-tul tal-mandat tagħhom u l-imparzjalità tagħhom [..]. Fi kliem ieħor, il-frażi ‘stabbiliti bil-liġi’ tkopri mhux biss il-bażi legali għall-eżistenza stess ta’ ‘tribunal’ iżda wkoll il-konformità minn dan it-tribunal mar-regoli partikolari li jirregolawh” (26).
76. Għalhekk, il-kunċett ta’ “stabbiliment” jinkludi min-natura tiegħu stess il-proċedura għall-ħatra ta’ mħallfin fis-sistema ġudizzjarja inkwistjoni, li għandha skont il-prinċipju tas-supremazija d-dritt titmexxa f’osservanza stretta tar-regoli applikabbli tad-dritt nazzjonali.
77. F’Ástráðsson vs L‑Islanda, l-Awla Manja tal-QEDB – ampjament tikkonferma d-deċiżjoni tal-kamra tat‑12 ta’ Marzu 2019 – iddeċidiet li, minħabba l-implikazzjonijiet potenzjali jekk jinstab ksur u l-interessi importanti involuti, id-dritt għal “tribunal stabbilit bil-liġi” ma għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’ b’mod li kwalunkwe irregolarità fi proċedura ta’ ħatra ġudizzjarja tirriskja li dan id-dritt jiġi kompromess. B’hekk, il-QEDB ifformulat test fi tliet stadji biex jiġi ddeterminat jekk irregolaritajiet fi proċedura ta’ ħatra ġudizzjarja kinux ta’ gravità li jinvolvu ksur tad-dritt għal tribunal stabbilit bil-liġi: pass 1: jekk kienx hemm ksur manifest tad-dritt intern (punti 244 u 245 ta’ dik is-sentenza); pass 2: jekk il-ksur tad-dritt intern kienx jappartjeni għal xi regola fundamentali tal-proċedura ta’ ħatra ġudizzjarja (punti 246 u 247); u pass 3: jekk l-allegati ksur tad-dritt għal “tribunal stabbilit mil-liġi” ġiex effettivament mistħarreġ u rrimedjat mill-qrati interni (il-punti 248 sa 252).
78. Il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq japplikaw mhux biss fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw speċifikament il-proċedura ta’ ħatra stricto sensu, iżda, kif juri l-każ preżenti, għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-istħarriġ ġudizzjarju introdott fir-rigward ta’ atti preċedenti ta’ ħatra li għandhom natura kostituttiva fir-rigward ta’ din il-ħatra (bħar-riżoluzzjoni KNM inkwistjoni hawnhekk).
79. Kif indikat il-Kummissjoni, fir-rigward tar-regoli tal-ħatra tal-imħallfin, ma huwiex sorprendenti li kemm il-QEDB (fis-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Ástráðsson vs L‑Islanda, punt 247 (27)) kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja (fis-sentenza Simpson u HG, punt 75 (28)) jagħmlu rabta diretta bejn ir-rekwiżit li tribunal għandu jkun stabbilit bil-liġi u l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja fis-sens li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk irregolarità mwettqa waqt il-ħatra ta’ mħallfin “toħloq[x] riskju reali li partijiet oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għaliha l-proċess ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-Imħallef jew tal-Imħallfin ikkonċernati” (Simpson u HG, punt 75).
80. Huwa ċar mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li r-rekwiżit ta’ stabbiliment ta’ qorti bil-liġi u r-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità tal-qrati u l-imħallfin huma marbuta ma’ xulxin mill-qrib.
81. Filwaqt li l-limitu meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Simpson u HG (punti 75 u 79) jixbah lil dak impost fis-sentenza A. K. et (29), id-differenza bejn dik il-ġurisprudenza tikkonsisti fil-fatt li s-sentenza Simpson u HG tipprovdi kriterji użati għall-evalwazzjoni ta’ ksur tar-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja u, b’mod partikolari, il-ħatra ta’ mħallfin: għaldaqstant dik is-sentenza tirrigwarda ksur tar-regoli, filwaqt li A. K. et tipprovdi kriterji biex jiġi evalwat jekk il-qafas legali dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fih innifsu jipprovdix il-garanziji meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin.
82. Minħabba l-fatt li fil-każ preżenti dak li huwa inkwistjoni huwa evalwazzjoni ta’ irregolarità potenzjali fil-proċedura tal-ħatra ta’ mħallef (Imħallef A.S. tal-ASSAP), hija l-ġurisprudenza Simpson u HG li hija direttament rilevanti.
83. Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali irregolarità tikkostitwixxix ksur tar-rekwiżit li qorti jew tribunal għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi fis-sens tal-Artikolu 19 TUE, skont il-punt 75 tas-sentenza Simpson u HG, huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk dik l-irregolarità “[hijiex] ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li partijiet oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għaliha l-proċess ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-Imħallef jew tal-Imħallfin ikkonċernati, li jkun il-każ meta r-regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali tal-istabbiliment u tal-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja jkunu inkwistjoni” (enfasi miżjuda).
84. F’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżit “stabbilit bil-liġi”, kif indikat mill-Ombudsman, l-osservanza stretta tar-regoli tal-ħatra hija meħtieġa, peress li tagħti lill-imħallef maħtur is-sentiment li hu jew hi kisbu l-pożizzjoni purament fuq il-bażi tal-kwalifiki oġġettivi tagħhom u wara proċedura affidabbli, u b’hekk jiġi evitat li tinħoloq kwalunkwe relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-imħallef u l-awtoritajiet li jintervjenu f’din il-ħatra. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet, b’mod konvinċenti, minn naħa, li l-istħarriġ legali effettiv tal-proċess ta’ ħatra ġudizzjarja jikkostitwixxi rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipji kostituzzjonali relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura u mad-drittijiet suġġettivi ta’ aċċess għal funzjoni pubblika u għal qorti jew tribunal u, min-naħa l-oħra, li l-ħatra tal-imħallef ikkonċernat saret bi ksur ta’ dak l-istħarriġ legali effettiv u tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ssospendiet l-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjoni KNM inkwistjoni.
85. Mid-digriet tar-rinviju, jirriżulta li l-membri tal-ASSAP tal-Qorti Suprema, responsabbli għall-Kawża I NO 47/18, inħatru għal dik il-funzjoni minkejja li l-President tar-Repubblika kien jaf bid-digriet tal-Qorti Amministrattiva Suprema tas‑27 ta’ Settembru 2018. Għalhekk, fil-fehma tiegħi l-qorti tar-rinviju ser tkun tista’ tikkonkludi li l-att tal-ħatra ġie adottat bi ksur intenzjonat ta’ dan id-digriet.
86. Barra minn hekk, inqis li l-att li bih il-President tar-Repubblika ħatar kandidati indikati fir-Riżoluzzjoni tal-KNM Nru 331/2018 għall-karigi ta’ mħallef tal-Qorti Suprema, bla dubju, jikkostitwixxi eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni tal-KNM – minkejja l-fatt li kienet għadha ma hijiex eżegwibbli – li jammonta għal ksur manifest tad-digriet tal-Qorti Amministrattiva Suprema li jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni sakemm jiġi riżolt ir-rikors pendenti quddiem din il-qorti.
87. In-natura manifesta u intenzjonata tal-ksur tal-ordni tal-Qorti Amministrattiva Suprema li tissospendi l-eżekuzzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-KNM Nru 331/2018, imwettqa minn awtorità tal-Istat daqstant importanti bħalma huwa l-President tar-Repubblika, li għandu s-setgħa li jwassal għall-att tal-ħatra fil-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema, hija indikattiva ta’ ksur flagranti tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jirregolaw il-proċedura tal-ħatra għall-imħallfin.
88. Fir-rigward tal-kriterju tal-gravità, fil-fehma tiegħi, minħabba l-kuntest ġenerali tar-riformi ġudizzjarji kontenzjużi fil-Polonja, il-gravità tal-ksur f’dan il-każ hija iktar serja mill-irregolaritajiet inkwistjoni f’Ástráðsson vs L‑Islanda.
89. Fi kwalunkwe każ, il-fatt innifsu li l-President tar-Repubblika ma tax kas tad-deċiżjoni finali tal-Qorti Amministrattiva Suprema– jiġifieri, il-qorti amministrattiva tal-aħħar istanza – li tordna miżuri provviżorji u tissospendi l-eżekuzzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-KNM Nru 331/2018 sakemm din il-qorti tiddeċiedi dwar l-azzjoni prinċipali pendenti quddiemha, jindika l-gravità tal-ksur li twettaq.
90. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlitha ċara li l-osservanza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru ta’ miżuri provviżorji ordnati mill-qrati nazzjonali tikkostitwixxi “[element essenzjali tal-Istat] tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u li fuqu hija bbażata l-Unjoni” (30).
c) Effetti fuq l-att tal-ħatra ta’ A.S. għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema u/jew fuq id-digriet tat‑8 ta’ Marzu 2019 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ impediment ta’ tneħħija tal-imħallfin
91. Sabiex tiġi pprovduta lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ waħda jew oħra mid-dispożizzjonijiet tagħha (31), huwa meħtieġ li jiġu eżaminati wkoll l-effetti tal-konstatazzjoni li A.S. ma jistax jikkostitwixxi tribunal stabbilit bil-liġi.
92. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu rimedji li huma suffiċjenti biex tiġi żgurata protezzjoni legali effettiva, fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 47 tal-Karta, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza A. K. et, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jfisser li din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha debitament tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (32).
93. Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’A.B. et, punti 94 u 95, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet impliċitament irrikonoxxiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu effett dirett. Dan issa ġie kkonfermat ukoll b’mod espliċitu fis-sentenza f’dik il-kawża (punt 146): “[i]t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma jkollu miegħu ebda kundizzjoni għal dak li jikkonċerna l-indipendenza li għandha tikkaratterizza l-qrati msejħa biex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni”.
94. Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jista’ jiġi invokat minn individwu jew minn imħallef nazzjonali sabiex jiġi vverifikat jekk deċiżjoni ġudizzjarja ngħatatx minn qorti jew tribunal, li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ qorti jew tribunal indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.
95. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Simpson u HG, punt 57, “il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett tagħha kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq. Dan jimplika li kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fil-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix tali qorti meta jitnissel dubju serju fuq dan il-punt. Din il-verifika hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-parti f’kawża. F’dan is-sens, tali stħarriġ jikkostitwixxi formalità essenzjali li l-osservanza tagħha taqa’ taħt l-ordni pubbliku u għandha tiġi vverifikata ex officio”.
96. Jekk dawk ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfatti, inkompatibbiltà bħal din tista’ fil-prinċipju titqajjem bħala raġuni ta’ annullament tad-deċiżjoni ġudizzjarja fuq il-bażi li l-formazzjoni tal-qorti jew tribunal inkwistjoni kienet irregolari.
97. Tali konstatazzjoni għandha ssir fit-termini preskritti u għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ċertezza legali.
98. Kif indikat il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-każ preżenti, dan ifisser li meta l-imħallef uniku A.S. ta d-digriet ta’ inammissibbiltà inkwistjoni, li ma jistax jiġi appellat, allura – jekk wieħed jassumi li dan l-imħallef ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ tribunal stabbilit qabel bil-liġi – l-effettività legali ta’ dan id-digriet għandha tkun limitata.
99. Bħala riżultat, il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tannulla dan id-digriet u tiddeċiedi dwar it-talba għall-esklużjoni tal-imħallfin tal-ASSAP, imressqa minn W.Ż., sabiex ir-rikors tiegħu jkun jista’ jiġi eżaminat minn qorti jew tribunal li tissodisfa r-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (jiġifieri, il-qorti tar-rinviju).
100. Inqis li l-ksur imwettaq f’dan il-każ matul il-proċess tal-ħatra ġudizzjarja u r-riskju li W.Ż. ikun mingħajr protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jikkostitwixxu ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tan-natura vinkolanti tad-digriet tat‑8 ta’ Marzu 2019, kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.
101. Sussegwentement, huwa neċessarju li jiġi indirizzat il-prinċipju ta’ impediment ta’ tneħħija tal-imħallfin u l-kwistjoni dwar jekk ksur tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità ta’ qorti jew tribunal stabbiliti minn qabel bil-liġi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandux fil-każ preżenti jkollu wkoll effett fuq l-att tal-ħatra nnifsu (ta’ A.S. għall-pożizzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Suprema).
102. Ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ifittxu li jipproteġu d-dritt fundamentali ta’ persuna għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-każ tiegħu jew tagħha.
103. Tali rekwiżiti għalhekk ifittxu li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent fix-xogħol tiegħu bħala mħallef u, jekk meħtieġ, tali protezzjoni tista’ tiġi żgurata permezz tal-annullament ta’ deċiżjoni mogħtija minn imħallef li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.
104. Jiena nikkunsidra (bħalma jagħmlu l-Kummissjoni u l-Ombudsman) li sakemm il-protezzjoni permezz ta’ tali annullament tad-digriet ikkontestat, li jirriżulta mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, hija żgurata, ma huwiex meħtieġ li d-dritt tal-Unjoni jintervjeni fl-isfera tal-ħatriet ġudizzjarji, u lanqas fir-relazzjoni legali bejn imħallef u l-Istat Membru li ħatar tali imħallef.
105. Fi kliem ieħor, f’dan il-każ, ksur potenzjali fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali tar-rekwiżit li tribunal ikun stabbilit minn qabel bil-liġi ma jimplikax li l-att tal-ħatra tal-imħallef A.S. – l-imħallef li ta d-digriet ta’ inammissibbiltà – huwa minnu nnifsu invalidu.
III. Konklużjoni
106. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) għandha tkun kif ġej:
Id-dritt għal tribunal stabbilit bil-liġi, stabbilit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti bħall-qorti magħmula minn persuna waħda tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema (il-Polonja) ma tissodisfax ir-rekwiżiti biex tikkostitwixxi tali tribunal stabbilit bil-liġi f’sitwazzjoni fejn l-imħallef ikkonċernat ġie maħtur f’din il-pożizzjoni bi ksur flagranti tal-liġijiet tal-Istat Membru applikabbli għal ħatriet ġudizzjarji fil-Qorti Suprema, li hija kwistjoni li għandha tiġi stabbilita mill-qorti tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju għandha, f’dan ir-rigward, tevalwa n-natura manifesta u intenzjonata ta’ dan il-ksur kif ukoll il-gravità tal-ksur u għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħatra msemmija hawn fuq saret: i) minkejja appell minn qabel lill-qorti nazzjonali kompetenti kontra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, li kienet tinkludi mozzjoni għall-ħatra ta’ din il-persuna għall-pożizzjoni ta’ mħallef u li kienet għadha pendenti fil-mument rilevanti; u/jew ii) minkejja l-fatt li l-implimentazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni kienet ġiet sospiża skont il-liġi nazzjonali u dawk il-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti ma kinux ġew konklużi qabel ma ngħatat l-ittra ta’ ħatra.