Language of document : ECLI:EU:T:2021:632

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

29 ta’ Settembru 2021 (*)

“Agrikoltura – Regolament (UE) 2016/2031 – Miżuri protettivi kontra l-pesti tal‑pjanti – Lista ta’ pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni – Livell limitu li minnu l-preżenza ta’ pest irregolat mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni fil-pjanti intiżi għat‑tħawwil għandha impatt ekonomiku inaċċettabbli – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 – Assoċjazzjonijiet professjonali – Rikors għal annullament – Locus standi – Ammissibbiltà – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑116/20,

Società agricola Vivai Maiorana Ss, stabbilita f’Curinga (l-Italja),

Confederazione Italiana Agricoltori – CIA, stabbilita f’Ruma (l-Italja),

MIVA – Moltiplicatori Italiani Viticoli Associati, stabbilita f’Faenza (l-Italja),

irrappreżentati minn E. Scoccini u G. Scoccini, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Eggers u F. Moro, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Emmerechts, A. Vitro u S. Barbagallo, bħala aġenti,

u minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Knudsen u G. Mendola, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Partijiet A, B, C, F, I u J tal‑Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU 2019, L 319, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, D. Gratsias (Relatur) u M. Kancheva, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU 2016, L 317, p. 4), għandu l-għan li jistabbilixxi miżuri li jippermettu li jiġi ddeterminat ir-riskju fitosanitarju tal-pesti li jheddu s-saħħa tal-pjanti u li dan ir-riskju jinżamm f’livell aċċettabbli.

2        Skont l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 2016/2031:

“Pest ikun ‘pest regolat mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni’ jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin u jiġi inkluż fil-lista msemmija fl-Artikolu 37:

(a)      l-identità tiegħu tiġi stabbilita f’konformità mal-punt (1) tat-Taqsima 4 tal-Anness I;

(b)      ikun preżenti fit-territorju tal-Unjoni;

(c)      ma jkunx pest ta’ kwarantina fl-Unjoni jew pest soġġett għal miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1);

(d)      ikun trasmess prinċipalment permezz ta’ pjanti għat-tħawwil speċifiċi, f’konformità mal-punt (2) tat-Taqsima 4 tal-Anness I;

(e)      il-preżenza tiegħu fuq dawk il-pjanti għat-tħawwil ikollha impatt ekonomiku mhux aċċettabbli, fir-rigward tal-użu maħsub ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil, f’konformità mal-punt (3) tat-Taqsima 4 tal-Anness I;

(f)      ikunu disponibbli miżuri fattibbli u effettivi għall-prevenzjoni tal-preżenza tiegħu fuq il-pjanti għat-tħawwil ikkonċernati.”

3        L-Artikolu 37(2) tar-Regolament 2016/2031 jipprevedi, essenzjalment, li l-Kummissjoni Ewropea għandha tfassal, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-lista ta’ pesti rregolati mhux ta’ kwarantina tal-Unjoni (iktar ’il quddiem “PRMK”) u ta’ pjanti speċifiċi intiżi għat-tħawwil. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 2016/2031, “[l]-operaturi professjonisti ma għandhomx jintroduċu [PRMK] fl-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni jew iċaqalqu lil dak il-pest fi ħdanu, fuq il-pjanti għat-tħawwil li permezz tagħhom jinxtered, kif speċifikat fil-lista msemmija fil-paragrafu 2”.

4        L-Artikolu 37(8) tar-Regolament 2016/2031 jipprovdi li, fejn il-kundizzjoni prevista fil-punt (e) tal-Artikolu 36 tiġi ssodisfatta biss jekk il-pest ikkonċernat ikun preżenti f’inċidenza li taqbeż ċertu livell limitu li jkun ogħla minn żero, il-lista msemmija fl-Artikolu 37(2) għandha tindika dan il-livell limitu filwaqt li tispeċifika li l-projbizzjoni tal-introduzzjoni u tal-moviment għandha tapplika biss meta dan il-livell limitu jinqabeż. Madankollu, sabiex il-Kummissjoni tistabbilixxi tali livell limitu, jeħtieġ ukoll, skont l-istess dispożizzjoni, li l-operaturi professjonisti jkunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu li l-effett tal-PRMK fuq dawn il-pjanti intiżi għat-tħawwil ma jaqbiżx dan il-livell limitu u li jkun possibbli li jiġi vverifikat li dan il-livell limitu ma jinqabiżx fil-lottijiet tal-pjanti inkwistjoni.

5        Il-kunċett ta’ “operatur professjonist” huwa ddefinit fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031 bħala li jinkludi kull persuna rregolata bid-dritt pubbliku jew privat, involuta professjonalment f’waħda jew iktar mill-attivitajiet li ġejjin marbuta mal-pjanti, mal-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, u li tkun legalment responsabbli għalihom:

–        it-tħawwil;

–        it-tnissil;

–        il-produzzjoni, inkluż it-tkabbir, it-tkattir u ż-żamma;

–        l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni u l-moviment fih, u ’l barra minnu;

–        id-disponibbiltà fis-suq;

–        il-ħżin, il-ġbir, id-dispaċċ u l-ipproċessar.

6        Fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 37(2) tar-Regolament 2016/2031 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU 2019, L 319, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat”).

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jipprovdi:

“Il-lista ta’ [PRMK] u ta’ pjanti speċifiċi għat-tħawwil, flimkien mal-kategoriji u l-livelli limiti tagħhom, kif imsemmija fl-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031, hija stabbilita fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-pjanti għat-tħawwil ma għandhomx jiġu introdotti fl-Unjoni jew jinġarru fiha jekk jinqabżu l-livelli limitu tal-preżenza ta’ [PRMK] jew tas-sintomi kkawżati mill-[PRMK].

Il-projbizzjoni tal-introduzzjoni u l-moviment prevista fl-ewwel paragrafu għandha tapplika biss għall-kategoriji ta’ pjanti għat-tħawwil kif previst fl-Anness IV.”

8        L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jistabbilixxi l-lista ta’ PRMK fir-rigward ta’ tnax‑il pjanta speċifika. Għalhekk, l-Anness inkwistjoni huwa maqsum fi tnax‑il parti, minn A sa L, fosthom:

–        il-parti A, li ssemmi żewġ kumbinazzjonijiet ta’ PRMK u ta’ żrieragħ ta’ pjanti tal-għalf;

–        il-parti B, li ssemmi żewġ kumbinazzjonijiet ta’ PRMK u ta’ żrieragħ taċ-ċereali;

–        il-parti C, li ssemmi disa’ kumbinazzjonijiet ta’ PRMK u ta’ materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli;

–        il-parti F, li ssemmi tlettax‑il kumbinazzjoni ta’ PRMK u ta’ żrieragħ tal-ħxejjex;

–        il-parti I, li ssemmi 15‑il kumbinazzjoni ta’ PRMK u ta’ materjal tal-propagazzjoni ta’ ħxejjex u ta’ pjanti tal-ħxejjex, bl-esklużjoni taż-żrieragħ;

–        il-parti J, li ssemmi 155 kumbinazzjoni ta’ PRMK u ta’ materjal tal-propagazzjoni ta’ frott u ta’ pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott.

9        Skont dawn il-partijiet tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, il-Kummissjoni stabbilixxiet, b’erba’ eċċezzjonijiet, il-limitu ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 %.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti, Società agricola Vivai Maiorana Ss, Confederazione Italiana Agricoltori – CIA (iktar ’il quddiem “CIA”) u MIVA – Moltiplicatori Italiani Viticoli Associati (iktar ’il quddiem “MIVA”), ippreżentaw din il-kawża.

11      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-11 u fis-27 ta’ Mejju 2020 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 u tat-22 ta’ Lulju 2020 rispettivament, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi. L-intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti fit-termini mogħtija.

12      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Partijiet A, B, C, F, I u J tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat sa fejn, permezz ta’ dawn tal-aħħar, huma stabbiliti livelli limiti ta’ preżenza ta’ PRMK fuq il-pjanti kkonċernati;

–        tiddikjara l-invalidità tal-Artikolu 36, tal-Artikolu 37(2) u tal-punt 3 tat-Taqsima 4 tal-Anness I tar-Regolament 2016/2031;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti fit-8 ta’ Frar u fit-30 ta’ April 2021. Ir-rikorrenti kkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Frar u tal-14 ta’ Mejju 2021 rispettivament. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti fl-24 ta’ Frar 2021.

15      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

16      Minħabba impediment tal-Imħallef Relatur inizjalment maħtur, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid, sedenti fid-Disa’ Awla, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 2021. Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2021, il-Presidenta tad-Disa’ Awla ħatret Imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

 Fid-dritt

17      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu sitt motivi, ibbażati rispettivament fuq:

–        ksur tal-Artikolu 36(e) u (f) tar-Regolament 2016/2031, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        ksur tat-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (iktar ’il quddiem it-“TIRPIA”), li l-konklużjoni tiegħu ġiet approvata, f’isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/869/KE tal-24 ta’ Frar 2004 (ĠU 2004, L 378, p. 1);

–        ksur tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1);

–        l-inkompatibbiltà tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat mal-politika agrikola komuni.

18      Qabel il-kontestazzjoni tal-fondatezza tar-rikors, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tal-interess ġuridiku u tal-locus standi tar-rikorrenti kif ukoll taċ-ċarezza tal-motivi mqajma. Il-Parlament u l-Kunsill, min-naħa tagħhom, jikkunsidraw li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra r-Regolament 2016/2031 ma turix biċ-ċarezza meħtieġa r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata, b’tali mod li din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq il-locus standi

19      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tenfasizza li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Minn dan isegwi li, sabiex ir-rikors kontenzjuż ikun ammissibbli, jeħtieġ li l-imsemmi regolament jaffettwa lir-rikorrenti direttament fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

20      Issa, dan ma huwiex il-każ fil-każ tas-Società agricola Vivai Maiorana, mixtla tad-dwieli u l-ewwel rikorrenti, sa fejn din ma ssostnix li hija operatriċi professjonista kkonċernata mill-Partijiet A, B, F, I u J tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Għaldaqstant, bħala mixtla tad-dwieli, l-ewwel rikorrenti hija direttament ikkonċernata biss mill-Parti C tal-imsemmi anness.

21      Fir-rigward taż-żewġ assoċjazzjonijiet rikorrenti, jiġifieri CIA u MIVA, il-Kummissjoni tenfasizza li dawn għandhom locus standi sabiex jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat biss fi tliet ipoteżijiet: l-ewwel, meta l-liġi tagħtihom espressament tali dritt, it-tieni, meta xi wħud mill-membri li hija tirrappreżenta għandhom locus standi fuq bażi individwali jew, it-tielet, meta huma jistgħu jsostnu interess tagħhom stess.

22      Issa, l-ewwel nett, dawn ir-rikorrenti ma jsostnux li l-ewwel waħda minn dawn l-ipoteżijiet hija ssodisfatta f’dan il-każ.

23      It-tieni, l-assoċjazzjonijiet rikorrenti ma jippreċiżawx liema huma l-membri tagħhom li jikkostitwixxu operaturi professjonisti attivi fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti kkonċernati mill-partijiet tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat li tagħhom huma jitolbu l-annullament. Din l-informazzjoni ma tirriżultax mill-istatuti ta’ CIA u ta’ MIVA, u lanqas ma tista’ tiġi estratta mid-dokumenti prodotti bħala anness għar-replika. Peress li l-ewwel rikorrenti barra minn hekk ippreżentat ir-rikors f’isimha stess, MIVA ma tistax tibbaża l-locus standi tagħha fuq il-fatt li r-rikorrenti inkwistjoni hija waħda mill-membri tagħha. Fir-rigward tal-operaturi ċċitati fir-risposta tar-rikorrenti tal-24 ta’ Frar 2021, dawn tal-aħħar ma wrewx li huma kienu rreġistrati fir-reġistru uffiċjali tal-operaturi professjonisti li l-Istati Membri kellhom iżommu u jaġġornaw skont l-Artikolu 65 tar-Regolament 2016/2031. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tal-fatturi prodotti mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, skont l-operatur professjonist ikkonċernat, jew li dawn ma jikkonċernawx il-pjanti li jinsabu fil-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, jew li dawn jikkonċernaw biss uħud minn dawn il-pjanti, jew li għandhom data wara d-data tal-preżentata tar-rikors. Il-Kummissjoni żżid li d-dubji li jippersistu fir-rigward tal-locus standi tar-rikorrenti jirrendu inċerta l-portata tar-rikors u jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tagħha.

24      It-tielet, sa fejn CIA ssostni interess proprju sabiex tistabbilixxi l-locus standi tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li l-partijiet tal-Anness IV tar-Regolament ikkontestat li tagħhom huwa mitlub l-annullament ma jbiddlux id-drittijiet jew l-obbligi ta’ CIA bħala assoċjazzjoni, b’tali mod li din tal-aħħar ma hijiex direttament ikkonċernata mill-partijiet inkwistjoni.

25      Ir-rikorrenti, min-naħa tagħhom, jikkunsidraw ukoll li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, iżda jqisu li huma jinsabu direttament ikkonċernat mid-dispożizzjonijiet tiegħu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirribattu, l-ewwel nett, li l-membri ta’ CIA huma operaturi li jkopru l-ispettru kollu tal-attivitajiet agrikoli, filwaqt li dawk ta’ MIVA huma esklużivament produtturi ta’ materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli. Minn dan isegwi li l-membri kollha tal-assoċjazzjonijiet rikorrenti għandhom locus standi għall-annullament tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat bħala produtturi jew xerrejja ta’ żrieragħ imsemmija minn dawn il-partijiet. F’dan ir-rigward, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-assoċjazzjonijiet rikorrenti pproduċew provi li juru, fil-fehma tagħhom, li huma kellhom tal-inqas operatur professjonist li l-attività tiegħu taqa’ taħt il-Partijiet A, B, C, C, F, I jew J tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

26      Fid-dawl tan-numru tal-membri tagħha, CIA hija, barra minn hekk, assoċjazzjoni partikolarment rappreżentattiva. F’dan il-każ, CIA għandha l-intenzjoni tipproteġi interess kollettiv skont l-għan statutorju tagħha għall-iżvilupp u l-valorizzazzjoni tad-dinja rurali, l-iżvilupp tal-agrikoltura u l-promozzjoni tal-bijodiversità.

27      Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ġie adottat fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 37(2) tar-Regolament 2016/2031. Sa fejn dan ifittex li jimplimenta din id-dispożizzjoni tal-aħħar, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat għandu l-għan, skont il-premessi 2, 14 u 15 tiegħu, li jelenka l-PRMK u l-kategoriji speċifiċi ta’ pjanti intiżi għat-tħawwil, filwaqt li jistabbilixxi livelli limiti ta’ preżenza massima ta’ PRMK, jekk il-kundizzjonijiet sabiex jitwettaq dan ikunu ssodisfatti (ara l-punti 3, 4 u 6 iktar ’il fuq).

28      F’dan il-kuntest, l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jinkludi l-lista ta’ PRMK u ta’ pjanti speċifiċi intiżi għat-tħawwil flimkien ma’ kategoriji u livelli limiti. Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dawn il-pjanti intiżi għat-tħawwil ma għandhomx jiġu introdotti fl-Unjoni jew jiġu ċċirkulati fiha jekk jinqabżu l-livelli limitu ta’ preżenza ta’ PRMK jew ta’ sintomi kkawżati minn PRMK fuq dawn il-pjanti intiżi għat-tħawwil (ara l-punti 7 sa 9 iktar ’il fuq).

29      F’dan ir-rigward, kif ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jsostnu (ara l-punti 19 u 25 iktar ’il fuq), bħala att ta’ portata ġenerali mhux leġiżlattiv, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikkostitwixxi att regolamentari fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 56).

30      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, dejjem kif jesponu r-rikorrenti u l-Kummissjoni, li, sa fejn jistabbilixxu l-livelli limiti ta’ preżenza ta’ PRMK fuq il-pjanti intiżi għat-tħawwil ikkonċernati, il-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma jinkludux miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar jistabbilixxi projbizzjoni ta’ introduzzjoni u ta’ moviment fl-Unjoni jekk il-preżenza ta’ PRMK jew sintomi kkawżati minn PRMK fuq dawn il-pjanti intiżi għat-tħawwil tkun ogħla minn dawn il-livelli limiti, projbizzjoni li lanqas ma tinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni.

31      Konsegwentement, sabiex ir-rikorrenti jkollhom locus standi, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li huma direttament ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mid-dispożizzjonijiet li tagħhom huma jfittxu l-annullament.

32      Il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv. Minn naħa, il-miżura kkontestata għandha tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu. Min-naħa l-oħra, din il-miżura ma għandha tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji marbuta bl-implimentazzjoni tagħha, sa fejn hija ta’ natura purament awtomatika u toħroġ biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat, il-Kummissjoni tikkontesta li l-ewwel kundizzjoni, dwar l-effett tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, hija ssodisfatta f’dan il-każ fir-rigward tar-rikorrenti kollha u fir-rigward tal-partijiet kontenzjużi kollha tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-punti 19 sa 24 iktar ’il fuq).

34      Għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat li jiġu introdotti u ċċirkulati pjanti intiżi għat-tħawwil, jekk il-preżenza ta’ PRMK jew ta’ sintomi kkawżati minn PRMK tkun ogħla mil-livelli limiti stabbiliti mill-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV ta’ dan ir-regolament, tikkonċerna direttament l-“operaturi professjonisti” fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Fil-fatt, skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament 2016/2031, huma dawn l-operaturi li huma koperti mill-projbizzjoni inkwistjoni (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Din il-projbizzjoni ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha. Konsegwentement, operatur professjonist, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031, li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fir-rigward tal-kategorija tal-pjanti kkonċernata minn waħda jew iktar mill-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, għandu s-sitwazzjoni legali tiegħu direttament affettwata mill-projbizzjoni li dan ir-regolament tal-aħħar jistabbilixxi.

35      F’dan ir-rigward tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li r-Regolament 2016/2031 jiddistingwi bejn l-“operaturi professjonisti”, kif iddefiniti fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tiegħu, minn naħa, u l-“operaturi rreġistrati”, li, skont il-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, min-naħa l-oħra, huma l-operaturi professjonisti rreġistrati konformement mal-Artikolu 65 tiegħu. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprovdi essenzjalment li l-awtorità nazzjonali kompetenti żżomm u taġġorna reġistru li jinkludi l-operaturi professjonisti li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, mill-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 2016/2031 jirriżulta li l-operaturi professjonisti li jissodisfaw ċerti kriterji marbuta mar-riskju fitosanitarju li l-pjanti li huma jikkultivaw joħolqu ma għandhomx jiġu rreġistrati fir-reġistru inkwistjoni.

36      Konsegwentement, il-projbizzjoni ta’ introduzzjoni u ta’ moviment ta’ pjanti intiżi għat-tħawwil jekk il-preżenza ta’ PRMK jew ta’ sintomi kkawżati minn PRMK tkun ogħla mil-limiti stabbiliti mill-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat tirrigwarda l-operaturi professjonisti fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031 u mhux biss l-operaturi rreġistrati fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament. L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li ma huwiex ċert li l-operaturi membri tat-tieni u tat-tielet rikorrenti huma operaturi rreġistrati għandu għalhekk jiġi miċħud.

37      It-tieni, skont il-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031, il-kunċett ta’ “operatur professjonist” jinkludi kull persuna rregolata mid-dritt pubbliku jew privat, li tipparteċipa professjonalment f’attività waħda jew iktar imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, marbuta b’mod partikolari mal-pjanti.

38      Issa, il-kelma “pjanti” hija ddefinita fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031 bħala li tinkludi l-pjanti ħajjin u l-partijiet ħajjin tal-pjanti, bħal, b’mod partikolari, iż-żrieragħ, il-frott, il-ħxejjex, it-tuberi, ir-rimja bl-għejun, il-biċċiet u l-brokkijiet.

39      Barra minn hekk, mill-Artikolu 37(1) u (2) tar-Regolament 2016/2031 jirriżulta li l-lista ta’ PRMK u ta’ pjanti speċifiċi intiżi għat-tħawwil, li l-Kummissjoni tfassal permezz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, ma tinkludix neċessarjament il-pjanti kollha intiżi għat-tħawwil, iżda biss il-pjanti intiżi għat-tħawwil li “permezz tagħhom jinxtered [il-PRMK]”. B’mod partikolari, kif ġie espost fil-punt 8 iktar ’il fuq, l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa maqsum fi tnax‑il parti, minn A sa L, li kull waħda minnhom issemmi ċertu numru ta’ kumbinazzjonijiet ta’ pjanti u ta’ PRMK.

40      B’hekk, bħala eżempju, id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti ta’ l-għalf (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 55), telenka, fl-Artikolu 2(1)(A) tagħha, 87 ġeneru jew speċi ta’ pjanti tal-għalf. Madankollu, il-Parti A tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, intitolata “[PRMK] li jikkonċernaw iż-żrieragħ tal-pjanti tal-għalf” telenka biss l-ispeċi tal-Medicago sativa L., li permezz tagħha huma mxerrda ż-żewġ PRMK li huma hemm indikati (Clavibacter michiganensis u Ditylenchus dipsaci).

41      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “operatur professjonist” jinkludi l-operaturi kollha li jipparteċipaw f’attività waħda jew iktar elenkati fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031 u marbuta mal‑“pjanti”, kif huma ddefiniti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031 u elenkati f’kull waħda mid-direttivi li jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

42      Għalhekk, ċertament, il-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, moqri flimkien mal-Artikolu 37(1) tar-Regolament 2016/2031, li jiġu introdotti u ċċirkulati PRMK fit-territorju tal-Unjoni tirrigwarda, ratione materiae, il-pjanti intiżi għat-tħawwil elenkati fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Madankollu, din il-projbizzjoni hija intiża, ratione personae, għall-operaturi professjonisti kollha fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031.

43      B’dan il-mod, il-leġiżlatur ried jillimita r-riskju ta’ tixrid ta’ PRMK li jkunu ġejjin mhux biss mill-“operaturi rreġistrati” jew minn operaturi li wettqu attivitajiet marbuta speċifikament mal-pjanti li jidhru fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, iżda minn kull operatur professjonist attiv fil-qasam tal-pjanti, li, minħabba f’hekk, jista’ jeżerċita attivitajiet marbuta mal-pjanti li jistgħu jxerrdu il-PRMK elenkati fl-imsemmi Anness IV.

44      Minn dan isegwi li l-approċċ tal-Kummissjoni, li skontu huma biss l-operaturi professjonisti li eżerċitaw l-attività tagħhom fir-rigward biss tal-pjanti elenkati fl-annessi kontenzjużi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat li għandhom is-sitwazzjoni legali tagħhom affettwata ma jistax jintlaqa’. Minbarra l-fatt li l-approċċ inkwistjoni jikkunfliġġi mad-dispożizzjonijiet applikabbli (ara l-punti 35 sa 41 iktar ’il fuq), dan huwa bbażat fuq il-premessa li l-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma hijiex imposta fuq l-operaturi professjonisti kollha fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031, iżda biss fuq dawk li eżerċitaw fil-passat l-attività tagħhom fir-rigward tal-pjanti li jistgħu jxerrdu l-PRMK. Issa, l-aċċettazzjoni ta’ dan l-argument ikollha l-effett li tikkomprometti b’mod serju l-effett utli tal-politika intiża għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ PRMK fl-Unjoni.

45      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, bħala impriża li tikkultiva d-dwieli attiva fis-settur tal-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli, l-ewwel rikorrenti hija operatur professjonist fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031. Madankollu, f’din il-kwalità, l-ewwel rikorrenti għandha, kif issostni l-Kummissjoni, is-sitwazzjoni legali tagħha affettwata biss mill-Parti C tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, dwar il-PRMK fir-rigward tal-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli. Għaldaqstant, huwa biss sa fejn l-ewwel rikorrenti titlob l-annullament ta’ din il-parti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat li hija għandha locus standi.

46      Fir-rigward taż-żewġ assoċjazzjonijiet rikorrenti, CIA u MIVA, għandu jitfakkar li assoċjazzjoni inkarigata tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha tista’ tippreżenta rikors għal annullament minħabba li l-interessi tagħha stess bħala assoċjazzjoni huma affettwati jew meta l-persuni li hija tirrappreżenta jew uħud minnhom ikollhom locus standi individwalment (sentenza tat-30 ta’ April 2019, UPF vs Il-Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 20).

47      Fir-rigward tal-ewwel minn dawn il-kundizzjonijiet li CIA tinvoka (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat, bħalma tosserva l-Kummissjoni, li l-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma jibdlux id-drittijiet jew l-obbligi ta’ din l-assoċjazzjoni bħala tali, b’mod li dawn ma jaffettwawx il-pożizzjoni legali tagħha. Minn dan isegwi li CIA ma tistax validament tallega li għandha locus standi minħabba li l-interessi tagħha stess huma affettwati.

48      Fir-rigward tal-locus standi tal-persuni li CIA tirrappreżenta, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, skont it-tmintax‑il inċiż tal-Artikolu 3 tal-istatut tagħha, din l-organizzazzjoni għandha l-għan li tippromwovi l-interessi tal-membri tagħha. Ir-rikorrenti hemżu mar-replika lista li tinkludi l-ismijiet u l-indirizzi ta’ 584 842 membru ta’ din tal-aħħar. Bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti pproduċew provi li juru li tmien membri ta’ CIA huma operaturi professjonisti attivi fis-setturi taż-żrieragħ ta’ pjanti tal-għalf, taż-żrieragħ ta’ ċereali, tal-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli, taż-żrieragħ tal-ħxejjex, tal-pjanti tal-ħxejjex u tal-pjanti tal-frott. Dawn is-setturi huma kkonċernati mill-Partijiet A, B, C, F, I u J tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

49      Fir-rigward ta’ MIVA, mill-Artikolu 8 tal-istatut ta’ din l-assoċjazzjoni jirriżulta li hija għandha bħala membri operaturi professjonisti fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031 f’dak li jirrigwarda l-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli. Dan huwa ċertament il-każ fir-rigward tal-ewwel rikorrenti. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tistax twassal għall-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn MIVA, peress li l-ewwel rikorrenti ppreżentat ir-rikors f’isimha proprju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2019, UPF vs Il-Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punti 25 sa 27).

50      Issa, bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fit-8 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti pproduċew provi xierqa sabiex juru li tliet membri ta’ MIVA, minbarra l-ewwel rikorrenti, huma operaturi professjonisti attivi fis-setturi tal-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli, ta’ pjanti tal-ħaxix u tal-pjanti tal-frott. Dawn is-setturi huma kkonċernati mill-Partijiet C, I u J tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 3 tal-istatut ta’ MIVA, din l-assoċjazzjoni għandha l-għan li tippromwovi l-interessi relatati mal-attivitajiet tal-membri tagħha, mingħajr ma teskludi attivitajiet agrikoli fir-rigward ta’ pjanti li ma jinkludux il-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli.

51      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, li ċerti fatturi prodotti mir-rikorrenti għandhom data wara d-data tal-preżentata tar-rikors, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-kwalità ta’ “operatur professjonist” fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031 għandha, min-natura tagħha, tintwera bl-użu ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti. Fil-fatt, jekk tiġi segwita l-loġika tal-Kummissjoni jkun ifisser li huma biss il-provi li għandhom l-istess data bħal dik li fiha ġie ppreżentat ir-rikors li jistgħu juru l-kwalità ta’ operatur professjonist, peress li, pereżempju, fatturi preċedenti għal din id-data ma jippermettux li jiġi eskluż li l-operatur inkwistjoni, sadanittant, ma jkunx abbanduna l-attività relatata mal-pjanti kkonċernati.

52      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti pproduċew diversi fatturi, għal somom mhux negliġibbli, li minnhom jirriżulta li l-emittenti tagħhom, membri tal-assoċjazzjonijiet rikorrenti, huma operaturi professjonisti fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/2031. Barra minn hekk, kif sostnew ir-rikorrenti waqt is-seduta, il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti intiżi għat-tħawwil teħtieġ l-implimentazzjoni ta’ serje sħiħa ta’ azzjonijiet preċedenti li, skont il-pjanta inkwistjoni, jinfirxu fuq perijodi ftit jew wisq twal. Minn dan isegwi li l-fatt li ġew prodotti fatturi li kellhom data wara dik tal-preżentata tar-rikors sabiex jintwera li l-membri tat-tieni u t-tielet rikorrenti għandhom il-kwalità ta’ operaturi professjonisti, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jeskludi r-rilevanza ta’ dawn il-provi.

53      Fl-aħħar nett, peress li l-Kummissjoni tpoġġiet f’pożizzjoni li tippreżenta b’mod utli, bil-miktub u oralment, l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-provi kollha prodotti mir-rikorrenti dwar il-locus standi tagħhom, ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

54      Minn dan isegwi li r-rikorrenti jagħtu prova ta’ locus standi skont il-preċiżazzjonijiet li ġejjin:

–        l-ewwel rikorrenti għandha locus standi għall-annullament tal-Parti C tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat;

–        CIA għandha locus standi għall-annullament tal-Partijiet A, B, C, F, I u J tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat;

–        MIVA għandha locus standi għall-annullament tal-Partijiet C, I u J tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

 Fuq l-interess ġuridiku

55      Il-Kummissjoni ssostni li l-eventwali annullament tal-Partijiet A, B, C, F, I u J tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jinvalida l-livelli limiti ta’ preżenza ta’ PRMK stabbiliti skont il-partijiet inkwistjoni, b’tali mod li l-pjanti kkonċernati ma jibqgħux suġġetti għall-projbizzjoni ta’ introduzzjoni u ta’ moviment fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, tali annullament ma jaffettwax l-obbligi sanitarji imposti fuq l-operaturi professjonisti, kif jirriżultaw mid-diversi direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-istess pjanti. Dawn id-direttivi jikkostitwixxu atti awtonomi li sempliċement jieħdu inkunsiderazzjoni l-livelli limiti ta’ preżenza ta’ PRMK stabbiliti mill-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala atti ta’ implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li l-validità tagħhom tiġi affettwata wara l-eventwali annullament ta’ dan tal-aħħar. Minn dan isegwi li, anki jekk ir-rikorrenti jiksbu l-annullament imfittex f’dan il-każ, l-operaturi professjonisti kkonċernati huma dejjem obbligati josservaw ir-rekwiżiti fitosanitarji previsti mill-imsemmija direttivi f’dak li jirrigwarda kemm ir-risanament mhux oneruż fl-istadju tal-produzzjoni kif ukoll dak neċessarju għall-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti kkonċernati. Fl-aħħar nett, l-interess tar-rikorrenti li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-bijodiversità huwa bbażat fuq ipoteżijiet puri.

56      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors ikun jista’ għalhekk, bħala riżultat tiegħu, jipproduċi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma jieħdu ebda benefiċċju mill-eventwali annullament tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, peress li tali annullament iħalli intatti l-obbligi ta’ risanament tal-pjanti intiżi għat-tħawwil ikkonċernati, kif dawn l-obbligi jirriżultaw mid-direttivi rispettivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija pjanti.

58      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan l-argument tal-Kummissjoni, għandhom jiġu esposti l-elementi bażiċi tas-sistema fitosanitarja tal-Unjoni dwar il-PRMK, kif dawn l-elementi jirriżultaw mir-Regolament 2016/2031, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat u mid-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti kkonċernati minn dan ir-rikors.

59      B’mod partikolari, minn naħa, kif jirriżulta mill-Artikolu 36 tar-Regolament 2016/2031, il-PRMK huma pesti, preżenti fit-territorju tal-Unjoni, li huma mxerrda fuq kollox permezz ta’ ċerti pjanti intiżi għat-tħawwil u li l-preżenza tagħhom fuq l-imsemmija pjanti għandha impatt ekonomiku inaċċettabbli fuq l-użu previst tal-pjanti inkwistjoni.

60      Skont il-premessa 23 tar-Regolament 2016/2031, sabiex tiġi limitata l-preżenza ta’ PRMK, hemm lok li tiġi pprojbita l-introduzzjoni jew il-moviment tagħhom, fit-territorju tal-Unjoni, fuq il-pjanti intiżi għat-tħawwil ikkonċernati meta l-inċidenza ta’ dawn il-pesti jaqbeż ċertu livell limitu.

61      Kif ġie espost fil-punti 3 u 4 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tipprovdi lista ta’ PRMK u pjanti speċifiċi intiżi għat-tħawwil, flimkien ma’, fejn applikabbli, livelli limiti ogħla minn żero li minnhom il-preżenza ta’ PRMK fuq il-pjanti intiżi għat-tħawwil ikollha impatt ekonomiku inaċċettabbli. Din il-lista tinsab fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

62      Min-naħa l-oħra, ir-regoli li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ kull veġetazzjoni intiża għat-tħawwil u li hija kkonċernata minn parti tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huma stabbiliti permezz ta’ direttivi. Il-korrispondenza bejn il-PRMK elenkati f’kull parti kontenzjuża tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat u d-direttivi ta’ kummerċjalizzazzjoni relatati magħhom tinsab fit-tabella li ġejja:

Parti mill-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat

Direttiva dwar il-kummerċjalizzazzjoni

Parti A

PRMK li jikkonċernaw iż-żrieragħ tal-pjanti tal-għalf

Direttiva 66/401.

Parti B

PRMK li jikkonċernaw iż-żrieragħ taċ-ċereali

Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 66).

Parti C

PRMK li jikkonċernaw il-materjal tal-propagazzjoni tad-dwieli

Direttiva tal-Kunsill 68/193/KEE tad-9 ta’ April 1968 dwar il-marketing ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 123).

Parti F

PRMK li jikkonċernaw iż-żrieragħ tal-ħxejjex

Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 313).

Parti I

PRMK li jikkonċernaw il-materjal tal-propagazzjoni u tat-tħawwil tal-ħxejjex għajr iż-żrieragħ

Direttiva tal-Kunsill 2008/72/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ħxejjex ta’ propagazzjoni u materjal taż-żrigħ, barra ż-żerriegħa (ĠU 2008, L 205, p. 28).

Direttiva tal-Kummissjoni 93/61/KEE tat-2 ta’ Lulju 1993 li tistabilixxi l-pjani li jindikaw il-kondizzjonijiet li jridu jiġu mħarsa mill-materjal propagattiv ta’ ħaxix u pjanti, barra miż-żerriegħa skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/33/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 101).

Parti J

PRMK li jikkonċernaw il-materjal tal-propagazzjoni ta’ frott u l-pjanti tal-frott intiżi għall-produzzjoni tal-frott

Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (ĠU 2008, L 267, p. 8).

Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/98/UE tal-15 ta’ Ottubru 2014 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-ġeneru u l-ispeċi tal-pjanti tal-frott imsemmija fl-Anness I tagħha, rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-fornituri u regoli dettaljati dwar l-ispezzjonijiet uffiċjali (ĠU 2014, L 298, p. 22).

63      Id-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni jipprevedu l-miżuri fitosanitarji li għandhom jittieħdu sabiex jiġi ġestit ir-riskju ta’ preżenza ta’ PRMK u sabiex jiġi żgurat li l-pjanti introdotti u li jiċċirkulaw fl-Unjoni huma konformi mar-rekwiżiti tal-parti rilevanti tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat fir-rigward tal-preżenza ta’ PRMK.

64      B’hekk, wara l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, id-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti ġew emendati permezz tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/177 tal-11 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 68/193/KEE, 2002/55/KE, 2002/56/KE u 2002/57/KE tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 93/49/KEE u 93/61/KEE u d-Direttivi ta’ Implimentazzjoni 2014/21/UE u 2014/98/UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-pesti tal-pjanti fuq iż-żrieragħ u fuq il-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU 2020, L 41, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 191, p. 6).

65      B’mod partikolari, mill-premessi 5, 6, 8, 10 sa 12, 14 u 19 sa 23 tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177 jirriżulta li d-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti kkonċernati mill-partijiet kontenzjużi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat kellhom jiġu emendati sabiex il-materjal riproduttiva tal-pjanti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jissodisfa r-rekwiżiti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-PRMK stabbiliti mill-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Id-direttiva 66/401 dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ ta’ pjanti tal-għalf tikkostitwixxi eċċezzjoni parzjali, fis-sens li hija ġiet emendata sabiex tindika li ż-żrieragħ inkwistjoni kellhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti dwar il-PRMK stabbiliti skont il-Parti A tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, mingħajr madankollu ma tipprevedi rekwiżiti addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177.

66      Din ir-relazzjoni sistematika bejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, minn naħa, u d-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti intiżi għat-tħawwil li jaqgħu taħt il-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra, hija kkonfermata espliċitament mill-Kummissjoni fil-punti 24 sa 27 tar-risposta u 68 u 70 tal-kontroreplika.

67      Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li, anki jekk, kif tesponi l-Kummissjoni, id-direttivi inkwistjoni ma jikkostitwixxux atti ta’ implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, dawn jipprevedu obbligi għall-operaturi, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-istandards tal-preżenza ta’ PRMK stabbiliti minn dan ir-regolament tal-aħħar u li huma intiżi sabiex jiżguraw li l-operaturi inkwistjoni jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija standards. Din il-konklużjoni hija valida wkoll għad-Direttiva 66/401, li issa tipprevedi li l-kultivazzjoni u ż-żrieragħ ta’ pjanti tal-għalf għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti dwar il-preżenza ta’ PRMK stabbiliti permezz tal-Parti A tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, anki jekk hija ma stabbilixxietx miżuri addizzjonali f’dan ir-rigward.

68      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax validament tippretendi li annullament eventwali tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat bl-ebda mod ma jista’ jagħti benefiċċju lill-ewwel rikorrenti jew lill-membri ta’ CIA u ta’ MIVA. Fil-fatt, fid-dawl tal-koerenza interna tas-sistema fitosanitarja tal-Unjoni, ikkaratterizzata mir-relazzjoni sistematika bejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat u d-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti intiżi għat-tħawwil relatati miegħu, fil-każ ta’ annullament parzjali tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, il-leġiżlatur jista’ jitwassal, skont il-motivi tal-annullament u tal-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 266 TFUE, jeżamina mill-ġdid id-direttivi inkwistjoni, li jkunu tilfu s-sottostrat leġiżlattiv tagħhom fil-verżjoni attwali tiegħu.

69      Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti intiżi għat-tħawwil ma jinvalidawx l-interess tar-rikorrenti li jitolbu l-annullament tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom skont il-preċiżazzjonijiet esposti fil-punti 34 sa 54 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-ammissibbiltà tar-rikors mill-perspettiva tal-interess ġuridiku, ma huwiex neċessarju li r-rikorrenti jistabbilixxu interess speċifiku proprju għall-protezzjoni tal-bijodiversità, b’tali mod li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura allegatament ipotetika ta’ tali interess għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq iċ-ċarezza tar-rikors

70      Sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-espożizzjoni tal-motivi ma turix ir-regoli ta’ dritt miksura mill-Artikolu 36, mill-Artikolu 37(2) u mill-punt 3 tat-Taqsima 4 tal-Anness I tar-Regolament 2016/2031 u li l-ksur tagħhom iwassal għall-invalidità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’mod konformi mat-talbiet tar-rikorrenti. It-tieni, il-Kummissjoni tesponi li huwa biss fir-rigward tal-Parti C tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat li r-rikorrenti jippreżentaw argumenti speċifiċi li jippermettu li tinftiehem l-illegalità allegata. Min-naħa l-oħra, it-talba għall-annullament tal-partijiet l-oħra kontenzjużi tal-Anness IV tal-imsemmi regolament hija bbażata biss fuq ġeneralitajiet li ma humiex il-preċiżjoni meħtieġa mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-replika. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament 2016/2031 ma huwa vvizzjat minn ebda wieħed mill‑illegalitajiet li jistgħu jitqiesu li tqajmu fir-rigward tiegħu.

71      Ċertament, huwa minnu li r-rikors ma jinkludix kunsiderazzjonijiet li jistgħu jimmotivaw b’mod iddettaljat l-allegata illegalità tar-Regolament 2016/2031 u li ma jinkludix analiżi partikolari dwar il-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat minbarra l-Parti C tal-anness inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa minnu wkoll li diversi argumenti tar-rikorrenti huma ppreżentati bħala konklużjonijiet li r-rabta tagħhom mal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat spiss ma hijiex evidenti.

72      Madankollu, l-ewwel nett, ir-rikorrenti inkludew fir-replika argumenti dwar ċerti partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, minbarra l-Parti C. Dawn l-argumenti, li jaqgħu fil-kuntest tal-motivi mqajma fir-rikors, jikkostitwixxu amplifikazzjoni ammissibbli tagħhom. It-tieni, anki jekk ir-rabta bejn ċerti argumenti esposti insostenn tal-motivi mqajma ma hijiex dejjem evidenti, l-istudju ddettaljat tal-kuntest ġuridiku fit-totalità tiegħu jippermetti li wieħed jifhem il-portata tal-ilmenti mqajma mir-rikorrenti. It-tielet, ir-riferimenti għall-allegat ksur, mir-Regolament 2016/2031, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jippermettu lill-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti fl-intier tagħha, teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tiegħu.

73      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà dwar iċ-ċarezza tar-rikors għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 36(e) u (f) tar-Regolament 2016/2031, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

74      Ir-rikorrenti jfakkru li, skont l-Artikolu 36 tar-Regolament 2016/2031, pest jista’ jiġi inkluż fil-lista tal-PRMK biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm dawk marbuta mal-impatt ekonomiku inaċċettabbli li l-preżenza tal-pest tinvolvi, fis-sens tal-punt 3 tat-Taqsima 4 tal-Anness I tal-imsemmi regolament, u mal-eżistenza ta’ miżuri realizzabbli u effikaċi sabiex din il-preżenza fuq dawn il-pjanti tiġi prekluża (Artikolu 36(e) u (f) tar-Regolament 2016/2031). Issa, il-livelli limiti stabbiliti skont il-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma humiex motivati b’riferiment għal analiżi ddettaljata tal-impatt ekonomiku li l-preżenza ta’ PRMK għandha fuq il-pjanti kkonċernati, u lanqas ma huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ miżuri realizzabbli u effikaċi sabiex din il-preżenza tiġi prekluża. Barra minn hekk, l-istabbiliment tal-limiti ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 % iwassal għal obbligi ta’ risanament tal-pjanti, permezz ta’ selezzjoni ġenetika, tal-varjetajiet ikkonċernati, li, min-naħa tagħha, teqred definittivament id-diversità tal-varjetajiet tal-kategorija “standard”, li attwalment ma jiġux irrisanati, u tneħħi d-distinzjoni bejn il-varjetajiet li jaqgħu taħt il-kategoriji “standard”, minn naħa, u “iċċertifikati”, min-naħa l-oħra.

75      Għalhekk, bħala eżempju, il-livelli limiti stabbiliti permezz tal-Parti C tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat iwasslu għal projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, fin-nuqqas ta’ kloni li jistgħu jiżguraw l-osservanza tal-livell limitu ta’ preżenza żero ta’ PRMK, ta’ 57.7 % ta’ varjetajiet ta’ għeneb inklużi fir-reġistru Taljan tad-dwieli intiżi għall-produzzjoni tal-inbid. Din il-projbizzjoni tirrendi, għal mill-inqas għaxar snin, impossibbli li jiġu mġedda jew li jsir tħawwil ġdid ta’ varjetajiet indiġeni koperti mid-denominazzjonijiet tal-oriġini jew minn indikazzjonijiet ġeografiċi u jkollha l-effett li tissemplifika radikalment ċerti bijotipi ta’ varjetajiet. It-tnaqqis sostanzjali tal-bijodiversità intravarjetali huwa fuq kollox ir-riżultat tal-miżuri sanitarji neċessarji għall-ġlieda kontra l-virus, il-virojdi u l-mard virali. Madankollu, dawn l-effetti dannużi ma huma assoċjati ma’ ebda benefiċċju, u lanqas ma jiggarantixxu li l-pjanti rrisanati ma jkunux infettati, permezz ta’ insetti li jġorru l-mard, wara t-tħawwil tagħhom. Issa, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-effetti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar l-impatt ekonomiku inaċċettabbli tal-PRMK fuq il-pjanti intiżi għat-tħawwil. Is-sitwazzjoni attwali turi, min-naħa l-oħra, li l-preżenza tal-PRMK li huma s-suġġett tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma affettwatx il-profittabbiltà tal-impriżi agrikoli kkonċernati, b’tali mod li ebda impatt ekonomiku inaċċettabbli ma jista’ jitqies li jirriżulta minn din il-preżenza fis-sens tal-Artikolu 36(e) tar-Regolament 2016/2031.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-istudju tal-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (iktar ’il quddiem l-“OEPP”), li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, huwa vvizzjat bi żbalji u b’lakuni sa fejn ikkonkluda sabiex jiġu stabbiliti livelli limiti ta’ preżenza ta’ 0 % fir-rigward tal-PRMK preżenti fl-Ewropa għal ħafna żmien mingħajr ma huma assoċjati ma’ impatt ekonomiku negattiv.

77      Ir-rikorrenti jżidu li r-risanament impost jimplika spiża ta’ EUR 120 000 għal kull varjetà u għaxar snin ta’ xogħol fi strutturi speċjalizzati, mingħajr prospettiva ta’ rkupru ta’ dawn l-ispejjeż. Dan il-piż finanzjarju ma jistax jiġi sostnut meta l-art ikkultivata tkun inqas minn madwar 1 000 ettaru għal kull varjetà, u dan huwa l-każ fir-rigward tal-varjetajiet lokali li huma inqas diffużi. Fil-każijiet rari fejn ir-risanament inkwistjoni jkun ekonomikament interessanti, titnaqqas il-pool ġenetiku tal-varjetà ta’ tluq. Issa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-effetti qabel ma stabbilixxiet il-livelli limiti ta’ preżenza ta’ PRMK skont il-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, b’tali mod li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 36(f) tar-Regolament 2016/2031 ma hijiex issodisfatta.

78      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Artikoli 36 u 37 tar-Regolament 2016/2031 ma pprovdewx għall-istabbiliment ta’ livelli limiti ta’ preżenza proporzjonali, minn naħa, għar-riskju li l-PRMK jirrappreżentaw għall-artijiet speċifiċi u, min-naħa l-oħra, għall-ispejjeż ta’ risanament, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu li tiġi protetta l-identità tal-imsemmija artijiet.

79      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-konsegwenzi tal-istabbiliment ta’ limitu ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 % għall-bijodiversità kif ukoll għall-ispejjeż ta’ risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika issa meħtieġa kellhom ikunu s-suġġett ta’ analiżi tal-impatt skont il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-“Tfassil Aħjar tal-Liġijiet” (ĠU 2016, L 123, p. 1). L-assenza ta’ tali analiżi tivvizzja l-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat b’nuqqas ta’ motivazzjoni u bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

80      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet.

81      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 36(e) u (f) tar-Regolament 2016/2031. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, ir-rikorrenti jressqu essenzjalment tliet ilmenti.

82      L-ewwel ilment huwa bbażat fuq allegati konsegwenzi negattivi li l-istabbiliment tal-limitu ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 % għandu għall-bijodiversità. Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-istabbiliment tal-imsemmi limitu ta’ preżenza fil-livell ta’ 0 % għandu l-effett li jimponi obbligi ta’ risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika, u dan inaqqas drastikament id-diversità tal-pjanti tal-kategorija “standard” intiżi għat-tħawwil, li madankollu huma numerużi ħafna attwalment. Dan il-fatt itemm ukoll id-distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ materjal “standard” u “iċċertifikat” (ara l-punt 92 iktar ’il fuq) u għandu konsegwenzi dannużi għas-settur tal-inbid. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi sabiex tevalwa jekk l-iċken preżenza ta’ PRMK fuq il-pjanti intiżi għat-tħawwil kellhiex impatt ekonomiku inaċċettabbli skont l-Artikolu 36(e) tar-Regolament 2016/2031, iżda wkoll sabiex tivverifika li kienu jeżistu miżuri realizzabbli u effikaċi sabiex tipprekludi din il-preżenza skont l-Artikolu 36(f) tal-istess regolament. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jżidu li t-tixrid ta’ PRMK jista’ jsir permezz ta’ insetti li jġorru l-mard u li l-analiżi tal-impatt ekonomiku tal-PRMK imwettqa mill-OEPP hija defiċjenti (ara l-punti 74 sa 76 iktar ’il fuq).

83      It-tieni lment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispiża tal-miżuri ta’ risanament li saru neċessarji wara l-istabbiliment tal-limitu ta’ preżenza ta’ PRMK elenkati fil-livell ta’ 0 %, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 36(f) tar-Regolament 2016/2031 (ara l-punt 77 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, billi jippermettu tali approċċ, l-Artikoli 36 u 37 tar-Regolament 2016/2031 huma vvizzjati bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu li “tiġi protetta l-identità tal-artijiet” (ara l-punt 78 iktar ’il fuq).

84      It-tielet ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma għamlitx qabel l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat analiżi tal-impatt ambjentali soċjali u ekonomiku. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara l-punt 79 iktar ’il fuq).

85      Dawn l-ilmenti kollha huma bbażati fuq premessa waħda. Din hija l-affermazzjoni li l-istabbiliment tal-limitu ta’ preżenza ta’ PRMK elenkati fil-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat fil-livell ta’ 0 % iwassal għal obbligu ta’ risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika tal-pjanti intiżi għat-tħawwil li huma kkonċernati mill-partijiet inkwistjoni. Dan l-obbligu għandu konsegwenzi negattivi għall-bijodiversità, minn naħa, u jinvolvi spejjeż ta’ risanament eċċessivi għall-operaturi professjonisti, min-naħa l-oħra. Il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi fil-kuntest tal-istabbiliment tal-livelli limiti ta’ preżenza ta’ PRMK fuq il-pjanti intiżi għat-tħawwil jikkostitwixxi, prinċipalment, ksur tal-Artikolu 36(e) u (f) tar-Regolament 2016/2031. Jekk jiġi konkluż li l-Artikolu 36(e) u (f) tar-Regolament 2016/2031 ma jimponix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni tikser, skont ir-rikorrenti, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu li “tiġi protetta l-identità tal-artijiet”.

86      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kif espost fil-premessa 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, l-OEPP wettqet evalwazzjoni mill-ġdid tal-pesti elenkati sa dak iż-żmien fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 258), minn naħa, kif ukoll fid-direttivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti intiżi għat-tħawwil, min-naħa l-oħra.

87      Skont il-premessa 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, din l-evalwazzjoni mill-ġdid kienet neċessarja sabiex jiġi attwalizzat l-istatus fitosanitarju ta’ dawn il-pesti fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi l-iktar reċenti, iżda wkoll sabiex tiġi evalwata l-konformità tagħhom mal-kriterji stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 36 tar-Regolament 2016/2031, f’dak li jirrigwarda t-territorju tal-Unjoni, u fit-Taqsima 4 tal-Anness I tal-imsemmi regolament (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

88      Fi tmiem dan l-eżami mill-ġdid, ġie konkluż li ċerti pesti kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament 2016/2031 f’dak li jirrigwarda t-territorju tal-Unjoni u kellhom għalhekk jidhru fil-lista tal-PRMK (premessa 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat). Ittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 37(8) tal-istess regolament fir-rigward tal-istabbiliment eventwali ta’ limiti ta’ preżenza ta’ PRMK f’livelli ogħla minn 0 % (premessa 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat).

89      Dan il-proċess wassal għall-adozzjoni tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, li jistabbilixxi r-regoli tal-preżenza ta’ PRMK fil-pjanti intiżi għat-tħawwil sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiġu introdotti u ċċirkulati fl-Unjoni.

90      It-tieni, dan il-motiv huwa bbażat, fl-intier tiegħu, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-obbligi li jinvolvu, għall-operaturi professjonisti kkonċernati, l-istabbiliment fil-livell ta’ 0 % tal-limitu ta’ preżenza ta’ PRMK elenkati fil-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

91      B’mod partikolari, kif ġie espost fil-punt 63 iktar ’il fuq, id-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti intiżi għat-tħawwil jipprevedu l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġi amministrat ir-riskju u jiġi żgurat li l-pjanti introdotti u li jiċċirkulaw fl-Unjoni jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-parti rilevanti tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat fir-rigward tal-preżenza ta’ PRMK.

92      F’dan il-kuntest, uħud minn dawn id-direttivi jaqsmu l-pjanti intiżi għat-tħawwil f’kategoriji. Bħala eżempju, id-Direttiva 68/193 dwar il-marketing ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja, li fuqha r-rikorrenti jiffokaw l-analiżi tagħhom, taqsam, fl-Artikolu 2(1)D, E, F u G, il-materjal għall-propagazzjoni li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha bħala materjal “inizjali”, materjal “bażiku”, materjal “iċċertifikat” u materjal “standard”, rispettivament.

93      F’dan ir-rigward, it-tmien premessa tad-Direttiva 68/193 kienet ifformulata kif ġej:

“Billi jkun mixtieq li jkun limitat it-tqegħid fis-suq ta’ materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli ċċertifikata miksuba minn selezzjoni klonali; billi, madankollu huwa attwalment impossibbli li jkun miksub dan l-għan minħabba li ħtiġiet tal-Komunità ma setgħux ikunu interament koperti minn tali materjal; billi, għalhekk, it-tqegħid fis-suq ta’ materjal standard ivverifikat li jrid ukoll jikkonsisti minn identità u purità tal-varjetà imma li mhux dejjem jippermetti l-istess assigurazzjonijiet bħall-materjal ta’ propagazzjoni miksub minn selezzjoni klonali għandhom ikunu permessi b’mod proviżorju; billi, madankollu, din il-kategorija għandha gradwalment tkun eliminata[.]”

94      Issa, mill-Artikolu 2(1)G, kif ukoll mill-punt 6(c) tat-Taqsima 8 tal-Anness I tad-Direttiva 68/193, kif emendata bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177, jirriżulta li l-kategorija “standard” ta’ materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli hija dejjem ikkummerċjalizzata (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, it-tabella li tinsab fil-Parti C tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat tistabbilixxi livell limitu ta’ preżenza ta’ PRMK għall-materjal ta’ propagazzjoni “inizjali”, “bażiku” u “iċċertifikat”, minn naħa, u livell limitu għall-materjal “standard”, min-naħa l-oħra.

95      Ir-rikorrenti jqisu, min-naħa tagħhom, li l-effetti li jirriżultaw mill-istabbiliment tal-limiti ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 % jikkonċernaw fuq kollox il-kategoriji “standard” tal-pjanti intiżi għat-tħawwil. Skont ir-rikorrenti, dawn il-kategoriji jinkludu materjal indiġenu, li huwa s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni limitata għal territorji speċifiċi.

96      Fir-rigward tal-effetti tal-livelli limiti ta’ preżenza ta’ PRMK, huwa ċertament veru li d-direttivi dwar il-kummerċjalizzazzjoni, kif emendati mid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177 (ara l-punti 64 u 65 iktar ’il fuq), jipprevedu ċerti miżuri ta’ risanament ta’ materjal ta’ propagazzjoni għal dan il-għan. Madankollu, kif tesponi l-Kummissjoni, l-ebda waħda minn dawn id-direttivi ma timponi fuq l-operaturi professjonisti kkonċernati l-obbligu li jwettqu risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika li tista’ taffettwa l-bijodiversità bil-modi deskritti mir-rikorrenti.

97      B’mod partikolari:

–        id-Direttiva 66/401 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf ġiet emendata bil-għan li teżiġi li l-kultivazzjoni u ż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf kellhom ukoll jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-preżenza ta’ PRMK stabbiliti permezz tal-Parti A tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, minkejja li ebda rekwiżit addizzjonali ma ġie hemm previst għal PRMK speċifiċi (ara l-premessa 8, l-Artikolu 1 u l-Anness I tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177);

–        id-Direttiva 66/402 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież ġiet emendata bil-għan li tipprovdi li l-preżenza ta’ PRMK fl-uċuħ tar-raba’ u ż-żerriegħa kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti B tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Barra minn hekk, il-verżjoni emendata ta’ din id-direttiva tispeċifika n-numru massimu ta’ pjanti simptomatiċi osservati fl-ispezzjonijiet fuq kampjun rappreżentattiv sabiex il-wiċċ tar-raba’ jitqies bħala li huwa “prattikament eżenti” mill-fungu Gibberella fujikuroi Sawada [GIBBFU], kif meħtieġ mill-Parti B tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-premessa 10, l-Artikolu 2 u l-Anness II tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177);

–        id-Direttiva 68/193 dwar il-marketing ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja ġiet emendata sabiex tipprevedi, essenzjalment, li d-dwieli parent kif ukoll il-mixtliet kellhom jiġu spezzjonati viżwalment u, jekk ikun il-każ, meħuda kampjuni tagħhom u analizzati sabiex jiġi żgurat li kienu eżenti mill-PRMK elenkati fil-Parti C tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Jekk tiġi kkonstatata l-preżenza ta’ PRMK jew ta’ sintomi relatati magħhom, l-Anness I tad-Direttiva 68/193, kif emendata, jipprevedi, skont il-PRMK u l-kategorija tal-materjal ta’ propagazzjoni, l-adozzjoni ta’ miżuri bħalma huma l-qtugħ u l-qerda tad-dwieli kkonċernati, l-esklużjoni tagħhom mill-propagazzjoni, it-trattament tal-ilma sħun, it-trattament batteriċida, iż-żamma f’installazzjonijiet għall-eżami tal-insetti li jġorru l-mard, it-tilqim xieraq jew il-fumigazzjoni;

–        id-Direttiva 2002/55 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex ġiet emendata sabiex tipprovdi li l-preżenza ta’ PRMK fiż-żrieragħ tal-ħxejjex ma taqbiżx, tal-inqas fuq il-bażi ta’ spezzjoni viżwali, il-livelli limiti stabbiliti fil-Parti F tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-premessa 14, l-Artikolu 6 u l-Anness VI tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177);

–        id-Direttiva 93/61 li tistabilixxi l-pjani li jindikaw il-kondizzjonijiet li jridu jiġu mħarsa mill-materjal propagattiv ta’ ħaxix u pjanti barra miż-żerriegħa ġiet emendata sabiex tipprovdi li l-preżenza ta’ PRMK f’dawn il-ħxejjex ma taqbiżx, tal-inqas fuq il-bażi ta’ spezzjoni viżwali, il-livelli limiti stabbiliti fil-Parti I tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-premessa 12, l-Artikolu 5 u l-Anness V tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177);

–        id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/98, li tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi dwar, b’mod partikolari, it-tqegħid fis-suq ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ pjanti tal-frott u ta’ pjanti tal-frott intiżi għall-produzzjoni tal-frott, ġiet emendata sabiex tipprovdi li l-pjanti parent inizjali, il-materjal inizjali, il-pjanti parent bażiċi, il-materjal bażiku, il-pjanti parent iċċertifikati u l-materjal iċċertifikat kellhom, permezz ta’ spezzjoni viżwali u, fil-każ ta’ dubji, ta’ teħid ta’ kampjun u ta’ analiżi, jiġu kkonstatati bħala eżenti mill-PRMK elenkati fil-Parti J tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. Jekk il-preżenza ta’ PRMK jew ta’ sintomi marbuta magħhom hija kkonstatata, l-Anness IV tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/98, kif emendat, jipprevedi, skont il-PRMK u l-kategorija tal-materjal ta’ propagazzjoni, l-adozzjoni ta’ miżuri bħalma huma t-tneħħija u d-distruzzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni u tal-pjanti kkonċernati kif ukoll l-analiżi ta’ kampjun rappreżentattiv tal-materjal ta’ propagazzjoni u tal-pjanti asintomatiċi (ara l-premessi 19 sa 23, l-Artikolu 10 u l-Anness X tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177).

98      Minn dawn il-fatti jirriżulta li, bħalma tosserva l-Kummissjoni, il-livelli limiti tal-preżenza ta’ PRMK stabbiliti skont il-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jimplikaw, ċertament, l-obbligu li jiġu adottati ċerti miżuri li jikkonsistu fl-osservanza viżiva tal-pjanti u, fil-każ ta’ dehra ta’ sintomi attribwibbli lill-PRMK, fl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ iġjene jew ta’ trattamenti xierqa. Madankollu, mid-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jew mid-direttivi dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti kkonċernati ma jirriżulta ebda obbligu għall-operaturi professjonisti li jwettqu risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika.

99      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jinvokaw ebda dispożizzjoni li timponi tali obbligu.

100    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jiffokaw (ara l-punt 75 iktar ’il fuq) fuq l-allegati effetti li l-Parti C tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat għandha fuq id-diversità tal-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli infettat minn virus, minn virojdi jew minn mard simili għal virus. Ir-rikorrenti jsostnu li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ iġjene jew ta’ prodotti ta’ antivirali xierqa, il-varjetajiet affettwati minn dan il-mard jistgħu jiġu rrisanati biss permezz ta’ metodi bħat-termoterapija, il-kultivazzjoni ta’ meristemi apikali jew l-embrijoġenesi somatika, li jimplikaw, fil-fehma tagħhom, tnaqqis sinjifikattiv tal-bijodiversità intravarjetali.

101    Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, skont il-punti 2 u 3 tat-Taqsima 2 u l-punt 6(c) tat-Taqsima 8 tal-Anness I tad-Direttiva 68/193, kif emendata bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177, wara spezzjoni viżiva, sintomi ta’ dawn il-PRMK huma tollerabbli fuq massimu ta’ 10 % tad-dwieli parent intiżi għall-produzzjoni ta’ materjal ta’ kategorija “standard”, peress li d-dwieli kkonċernati għandhom jiġu esklużi mill-propagazzjoni. Min-naħa l-oħra, mill-punt 5(c) tat-Taqsima 8 tal-istess anness tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-materjal ta’ propagazzjoni “inizjali”, “bażiku” u “iċċertifikat” (ara l-punt 93 iktar ’il fuq) huwa suġġett għal standards iktar stretti fir-rigward tas-sintomi inkwistjoni, anki jekk f’dan il-każ lanqas ma hija prevista ebda selezzjoni ġenetika.

102    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jallegawx li l-materjal ta’ kategorija “standard” huwa min-natura tiegħu kollu milqut minn PRMK b’mod li l-applikazzjoni ta’ livell limitu ta’ preżenza ta’ 0 % awtomatikament twassal għal obbligu li dawn jiġu esklużi fit-totalità tagħhom mill-propagazzjoni. Il-previżjoni stess tal-limitu massimu ta’ 10 % fil-punt 6(c) tat-Taqsima 8 tal-Anness I tad-Direttiva 68/193, kif emendata bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177 (ara l-punt 101 iktar ’il fuq) pjuttost turi l-kuntrarju.

103    Konsegwentement, kif tosserva l-Kummissjoni, il-Parti C tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat la għandha l-għan u lanqas l-effett li timponi fuq l-operaturi professjonisti l-obbligu li jimplimentaw metodi ta’ risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika, bħal dawk imsemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq, jew li jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli li jaqa’ taħt il-kategorija “standard”.

104    Fl-istess kuntest, għandu jingħad ukoll, kif tesponi l-Kummissjoni, li diversi direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti intiżi għat-tħawwil fihom dispożizzjonijiet derogatorji li għandhom preċiżament l-għan li jippromwovu d-diversità ġenetika.

105    Dawn huma, b’mod partikolari:

–        l-Artikolu 3(3)(c) tad-Direttiva 68/193 dwar il-marketing ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja;

–        l-Artikolu 8(2)(c) tad-Direttiva 2008/72 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ħxejjex u ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ ħxejjex barra ż-żerriegħa; u

–        l-Artikolu 3(4)(c) tad-Direttiva 2008/90 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott.

106    Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti kwantitajiet ta’ pjanti intiżi għat-tħawwil minkejja l-fatt li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet fitosanitarji relatati magħhom, meta din il-kummerċjalizzazzjoni tkun intiża sabiex tikkontribwixxi għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika.

107    F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment ukoll għall-Artikolu 44(2)(a) tad-Direttiva 2002/55 dwar il-marketing ta’ żrieragħ ta’ ħxejjex, li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata d-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/145/KE tas-26 ta’ Novembru 2009, li tipprevedi ċerti derogi, għall-approvazzjoni ta’ landraces (tipi partikulari) u varjetajiet tal-ħxejjex tradizzjonalment imkabbra f’lokalitajiet u f’reġjuni partikulari u li huma mhedda minn tagħwir ġenetiku u varjetajiet tal-ħxejjex bla ebda valur intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari u t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-landraces u l-varjetajiet (ĠU 2009, L 312, p. 44).

108    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegata ineffettività tal-istabbiliment tal-limiti ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 % minħabba l-fatt li dawn l-pesti jistgħu jiġu mifruxa permezz ta’ insetti li jġorru l-mard għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, kif tippreċiża l-Kummissjoni, il-fatt li jiġi previst li kull materjal veġetali intiż għat-tħawwil għandu jkun eżentat minn PRMK skont il-previżjonijiet tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa ta’ natura li jipprekludi t-tixrid tal-pesti inkwistjoni permezz ta’ insetti li jġorru l-mard.

109    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-analiżi allegatament defiċjenti tal-impatt ekonomiku tal-PRMK li saret mill-OEPP (ara l-punt 76 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni tad-dwieli tal-kategorija “standard” għal snin twal ma hijiex ta’ natura li tħassar l-eżistenza ta’ impatt ekonomiku inaċċettabbli fuq l-użu previst tal-pjanti intiżi għat-tħawwil minħabba l-preżenza ta’ PRMK fis-sens tal-Artikolu 36(e) tar-Regolament 2016/2031. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-istudju li jippreżenta fil-qosor ix-xogħlijiet imwettqa fi ħdan l-OEPP, il-fatt li PRMK huwa diġà preżenti fit-territorju tal-Unjoni jimplika li dan l-impatt seta’ jiġi kkonstatat abbażi ta’ informazzjoni first-hand iddettaljata li kienet diġà disponibbli.

110    Minn dan jirriżulta wkoll f’dan ir-rigward li, sa fejn il-PRMK diġà huma s-suġġett ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni li jillimitaw l-impatt ekonomiku tal-preżenza tagħhom, l-analiżi relatata magħhom għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt li jkun prodott li kieku r-restrizzjonijiet fis-seħħ jitneħħew. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-impatt ekonomiku kienet ibbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ protezzjoni tal-pjanti kif ukoll mill-partijiet ikkonċernati li intervjenew fil-proċedura ta’ evalwazzjoni.

111    Sa fejn l-analiżi tal-OEPP hija kkontestata minħabba l-allegat nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni l-għajbien imminenti ta’ materjal ta’ propagazzjoni li jaqa’ taħt il-kategorija “standard” minħabba l-ispejjeż ta’ risanament eċċessivi, dan l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 90 sa 108 iktar ’il fuq.

112    Konsegwentement, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti li tiġi adottata l-miżura istruttorja marbuta man-nomina ta’ espert.

113    Minn dawn l-evalwazzjonijiet jirriżulta li l-ewwel ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 36(e) u (f) tar-Regolament 2016/2031, minħabba l-allegati konsegwenzi negattivi li għandhom għall-bijodiversità l-istabbiliment tal-limitu ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 % huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-livell limitu inkwistjoni jimponi l-implimentazzjoni tal-metodi ta’ risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika tal-pjanti intiżi għat-tħawwil. Minħabba f’hekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

114    Għall-istess raġunijiet, għandu wkoll jiġi miċħud it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispiża tal-miżuri ta’ risanament li saru neċessarji wara l-istabbiliment tal-limitu ta’ preżenza ta’ PRMK elenkati fil-livell ta’ 0 %, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 36(f) tar-Regolament 2016/2031 (ara l-punt 83 iktar ’il fuq).

115    Fil-fatt, minn naħa, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-ispejjeż allegatament eċċessivi tal-miżuri ta’ risanament ikkawżati mill-istabbiliment tal-limitu ta’ preżenza tal-PRMK fil-livell ta’ 0 % huma bbażati wkoll fuq il-premessa li r-risanament inkwistjoni għandu jsir permezz ta’ selezzjoni ġenetika. Issa, kif jirriżulta mill-punti 90 sa 113 iktar ’il fuq, din il-premessa hija żbaljata.

116    Min-naħa l-oħra, bħalma ssostni l-Kummissjoni, minn qari flimkien tal-Artikolu 36(e) u (f) u tal-Artikolu 37(8) tar-Regolament 2016/2031 jirriżulta li l-eżistenza ta’ miżuri realizzabbli u effikaċi sabiex tiġi evitata l-preżenza ta’ pest fil-pjanti intiżi għat-tħawwil tikkostitwixxi kundizzjoni sabiex dan il-pest jiġi inkluż fil-lista tal-PRMK u ma tikkonċernax il-possibbiltà li jiġi stabbilit limitu ta’ preżenza ta’ dan il-pest f’livell ogħla minn 0 %. Issa, ir-rikorrenti ma jitolbux l-annullament tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat sa fejn, skont dawn, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-lista ta’ PRMK, iżda biss sa fejn il-partijiet inkwistjoni stabbilixxew limiti ta’ preżenza tal-imsemmija pesti fil-livell ta’ 0 %.

117    Min-natura żbaljata tal-premessa li fuqha huwa bbażat l-ewwel ilment ta’ dan il-motiv jirriżulta wkoll li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikoli 36 u 37 tar-Regolament 2016/2031 għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, insostenn tal-imsemmija eċċezzjoni, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li dawn id-dispożizzjonijiet huma vvizzjati bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li huma ma pprekludewx lill-Kummissjoni milli timponi, billi jistabbilixxu l-limitu ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 %, obbligi sproporzjonati marbuta mar-risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika. Issa, peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat la għandu l-għan u lanqas l-effett li jimponi tali obbligi, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-Regolament 2016/2031 huma vvizzjati bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jew bi ksur ta’ xi obbligu li “tiġi protetta l-art” għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara l-punt 78 iktar ’il fuq).

118    Fir-rigward tat-tielet ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ analiżi tal-impatt (ara l-punt 79 iktar ’il fuq), dan huwa wkoll iddestinat li ma jirnexxix, sa fejn jibbaża ruħu fuq l-allegati konsegwenzi dannużi għall-bijodiversità u fuq l-ispejjeż allegatament eċċessivi tal-miżuri ta’ risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika meħtieġa mill-istabbiliment tal-limitu ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 %, allegazzjonijiet li huma madankollu infondati (ara l-punti 90 sa 113 iktar ’il fuq).

119    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jagħrfu r-raġunijiet għat-teħid tal-miżura adottata u lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni ta’ dan l-att, imma wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. F’dan ir-rigward tal-aħħar, meta l-każ ikun jirrigwarda, bħal fil-każ preżenti, att ta’ applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni sħiħa li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huwa jfittex li jilħaq (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punti 57 u 58).

120    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 12 sa 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat (ara l-punti 86 sa 88 iktar ’il fuq) jindikaw b’ċarezza l-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u l-għanijiet li huwa jfittex jilħaq. Barra minn hekk, il-kontenut tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2020/177 jikkonferma l-fatt li r-rekwiżiti sanitarji rrakkomandati mill-OEPP għall-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti intiżi għat-tħawwil wara li jiġi stabbilit il-limitu ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 % ma kinux jipprevedu risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn timmotiva l-adozzjoni tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat b’riferiment għall-ispiża ta’ tali metodi ta’ risanament jew għall-allegati konsegwenzi tagħhom fuq il-bijodiversità.

121    Għalhekk isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-TIRPIA

122    Ir-rikorrenti jsostnu li l-istabbiliment ta’ limitu ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 % fuq il-varjetajiet indiġeni tal-pjanti jikser l-Artikolu 9(3) tat-TIRPIA. Din id-dispożizzjoni tiggarantixxi lill-bdiewa d-drittijiet ta’ konservazzjoni, ta’ użu, ta’ skambju u ta’ bejgħ ta’ żrieragħ tar-razzett jew ta’ materjal ta’ propagazzjoni. Issa, is-selezzjoni ġenetika imposta skont il-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat għall-finijiet tar-risanament meħtieġ tikkomprometti l-konservazzjoni tal-pool ġenetiku tar-riżorsi tal-pjanti sal-punt li tneħħi s-sustanza tad-drittijiet li l-bdiewa għandhom igawdu skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

123    Bħall-ewwel wieħed, it-tieni motiv huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-istabbiliment tal-limitu ta’ preżenza tal-PRMK elenkati fil-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat fil-livell ta’ 0 % jinvolvi obbligu ta’ risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika tal-pjanti intiżi għat-tħawwil li huma kkonċernati mill-partijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni.

124    Fi kwalunkwe każ, l-eżami tal-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ trattat internazzjonali jirrikjedi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjoni invokata tinkludi obbligu ċar u preċiż li ma huwiex suġġett, fl-implimentazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-adozzjoni ta’ xi att sussegwenti (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 55).

125    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9 tat-TIRPIA jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom “skont kif xieraq u bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali” jieħdu miżuri sabiex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-bdiewa.

126    It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li, b’mod partikolari, skont il-bżonnijiet u l-prioritajiet tagħha, kull parti kontraenti għandha “skont kif xieraq u bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali” tieħu l-miżuri sabiex tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bdiewa, u inkluż

–        il-protezzjoni tal-għarfien tradizzjonali rilevanti għar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura;

–        id-dritt li jipparteċipaw b’mod ġust fil-qsim tal-vantaġġi riżultanti mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura;

–        id-dritt li jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fil-livell nazzjonali, fuq il-kwistjonijiet relatati mal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura.

127    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 9(3) tat-TIRPIA, invokat mir-rikorrenti, jipprevedi li xejn f’dan l-Artikolu 9 ma għandu jiġi interpretat fis-sens li jillimita d-drittijiet li jista’ jkollhom il-bdiewa li jikkonservaw, li jużaw, li jiskambjaw u li jbigħu żrieragħ tar-razzett jew materjal ta’ propagazzjoni, “bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u skont kif xieraq”.

128    Huwa ċertament veru li l-Artikolu 9(3) tat-TIRPIA għandu l-għan li jeskludi li dan l-istess Artikolu 9 jiġi interpretat b’mod li jillimita d-drittijiet li jista’ jkollhom il-bdiewa li jikkonservaw, li jużaw, li jiskambjaw u li jbigħu żrieragħ tar-razzett jew materjal ta’ propagazzjoni. Madankollu, dawn id-drittijiet tal-aħħar ma humiex iggarantiti mill-Artikolu 9(3) tat-TIRPIA. Fil-fatt, kif jipprevedi espressament l-Artikolu 9(3) tat-TIRPIA, dawn id-drittijiet, sa fejn huma mogħtija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom jiġu eżerċitati bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

129    Konsegwentement, l-Artikolu 9(3) tat-TIRPIA ma jinvolvi ebda obbligu għall-Unjoni, b’mod li l-legalità tar-Regolament 2016/2031 jew tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi evalwata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli, C‑59/11, EU:C:2012:447, punti 90 sa 92).

130    Għalhekk, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament 2018/848

131    Ir-rikorrenti jesponu li l-istabbiliment ta’ limitu ta’ preżenza fil-livell ta’ 0 % ta’ PRMK fuq il-varjetajiet indiġeni ta’ pjanti jikser l-Artikolu 13 tar-Regolament 2018/848. Bil-għan li tiġi ppreżervata l-varjabbiltà ġenetika tal-pjanti, din id-dispożizzjoni tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal eteroġenju bijoloġiku mingħajr ma tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u mal-kategoriji ta’ ċertifikazzjoni tal-materjal “prebażiku”, “bażiku” u “iċċertifikat”, jew mar-rekwiżiti għall-kategoriji l-oħra, li huma stipulati fid-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-pjanti intiżi għat-tħawwil.

132    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, peress li huwa tal-istess grad bħar-Regolament 2016/2031, ir-Regolament Nru 2018/848 ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi kkontestata l-validità tal-ewwel wieħed minn dawn ir-regolamenti. Għaldaqstant, dan il-motiv jista’ jinftiehem biss bħala li jirreferi esklużivament għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

133    Sussegwentement, huwa ċertament veru li l-premessa 18 tar-Regolament 2018/848 jirreferi għall-ħtieġa li jkun hemm enfasi fuq il-prestazzjoni agronomika, id-diversità ġenetika, ir-reżistenza għall-mard, it-tul tal-ħajja u l-adattament għad-diversi kundizzjonijiet tal-ħamrija u l-klima lokali, u li jiġu osservati l-limiti naturali għall-inkroċjar.

134    B’hekk, skont il-premessa 36 tar-Regolament 2018/848, l-attivitajiet ta’ riċerka tal-Unjoni dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti li ma jissodisfax id-definizzjoni tal-varjetà fir-rigward tal-uniformità juru li l-użu ta’ dan il-materjal jista’ jkollu benefiċċji, partikolarment fir-rigward tal-produzzjoni organika, pereżempju sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-mard, sabiex tittejjeb ir-reżiljenza u sabiex tiżdied il-bijodiversità.

135    F’dan il-kuntest, il-premessa 37 tar-Regolament 2018/848 tesponi li l-materjal riproduttiv tal-pjanti li ma jappartjenix għal varjetà, iżda li pjuttost jappartjeni għal grupp ta’ pjanti fi ħdan klassifika botanika unika b’livell għoli ta’ diversità ġenetika u fenotipika bejn l-unitajiet riproduttivi individwali, għandi jkun jista’ jintuża fil-produzzjoni bijoloġika. Huwa għal din ir-raġuni li, skont din l-istess premessa, il-leġiżlatur awtorizza lill-operaturi sabiex jikkummerċjalizzaw materjal riproduttiv ta’ pjanti ta’ materjal eteroġenju bijoloġiku mingħajr ma jkollhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u mal-kategoriji ta’ ċertifikazzjonijiet tal-materjal “prebażiku”, “bażiku” u “iċċertifikat” jew mar-rekwiżiti għall-kategoriji l-oħra stipulati fid-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni.

136    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13 tar-Regolament 2018/848 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal eteroġenju organiku jista’ jiġi kummerċjalizzat mingħajr ma jikkonforma mar-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u mingħajr ma jikkonforma mal-kategoriji ta’ ċertifikazzjoni għal materjal prebażiku, bażiku u ċċertifikat jew mar-rekwiżiti għal kategoriji oħra, li huma stabbiliti fid-Direttivi [66/401], [66/402], [68/193], 98/56/KE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, [2002/55], 2002/56/KE, 2002/57/KE, [2008/72] u [2008/90] jew atti adottati skont dawk id-Direttivi.

2.      Materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal eteroġenju organiku kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi kummerċjalizzat b’segwitu għal notifika ta’ materjal eteroġenju organiku mill-fornitur lill-korpi uffiċjali responsabbli msemmija fid-Direttivi [66/401], [66/402], [68/193], 98/56/KE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, [2002/55], 2002/56/KE, 2002/57/KE, [2008/72] u [2008/90] […]”

137    L-Artikolu 13(2) tar-Regolament 2018/848 jipprevedi wkoll il-kontenut essenzjali tan-notifika msemmija f’din l-istess dispożizzjoni kif ukoll ir-regoli proċedurali relatati magħha, filwaqt li l-paragrafu 3 tal-istess artikolu jawtorizza lill-Kummissjoni tipprevedi regoli li jirregolaw il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv ta’ pjanti ta’ materjal eteroġenju bijoloġiku ta’ ġeneri jew speċi partikolari.

138    Għalhekk, pjuttost milli jqiegħed fid-dubju l-legalità tal-istabbiliment tal-livelli limiti ta’ preżenza ta’ PRMK skont il-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2018/848 jippermetti, bħala eċċezzjoni u f’kuntest strettament iddefinit, li jiġi kkummerċjalizzat materjal riproduttiv ta’ pjanti ta’ materjal eteroġenju bijoloġiku mingħajr ma jkun jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fid-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, sa fejn, skont dawn, il-limiti ta’ preżenza ta’ PRMK fil-pjanti intiżi għat-tħawwil ġew stabbiliti fil-livell ta’ 0 %.

139    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-partijiet kontenzjużi talAnness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat mal-politika agrikola komuni

140    Ir-rikorrenti jsostnu li l-istabbiliment tal-limiti ta’ preżenza ta’ PRMK fil-livell ta’ 0 % skont il-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat:

–        jirrendi impossibbli, minħabba l-proċess ta’ selezzjoni ġenetika ta’ numru żgħir ta’ speċi li jimponi, li wieħed jikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ prevenzjoni tal-introduzzjoni ta’ speċi mhux indiġeni, impost skont dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102);

–        imur kontra l-politika ta’ preżervazzjoni tar-riżorsi tal-pjanti awtoktoni mhux irrisanati, implimentata skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1);

–        jikser il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli agrikolu u t-titjib tal-bijodiversità veġetali, iffinanzjati taħt strumenti li jaqgħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487);

–        ma huwiex koerenti fir-rigward, l-ewwel, tar-regoli tad-dritt internazzjonali kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex jippreżervaw il-bijodiversità agrikola, it-tieni, tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex jippreżervaw il-habitats seminaturali u l-iżvilupp rurali u, it-tielet, tad-direttivi li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ u tal-materjal riproduttiv tal-pjanti tal-frott.

141    Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li, peress li huma tal-istess grad bħar-Regolament 2016/2031, ir-regolamenti msemmija fl-ewwel sat-tielet inċiż tal-punt 140 iktar ’il fuq, ma jistgħux jiġu invokati sabiex tiġi kkontestata l-validità tiegħu. Għaldaqstant, dan il-motiv jista’ jinftiehem biss bħala li jirreferi esklużivament għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat.

142    Issa, mill-argumenti kollha mressqa insostenn ta’ dan il-motiv, jirriżulta li dan il-motiv huwa bbażat, huwa wkoll, fuq l-ipoteżi li l-istabbiliment tal-limitu ta’ preżenza tal-PRMK elenkati fil-partijiet kontenzjużi tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat fil-livell ta’ 0 % jimplika obbligu ta’ risanament permezz ta’ selezzjoni ġenetika tal-pjanti intiżi għat-tħawwil, ikkonċernati mill-partijiet inkwistjoni, li jikkawża konsegwenzi dannużi għall-bijodiversità. Issa, kif jirriżulta mill-analiżi li saret tal-ewwel motiv (ara l-punti 90 sa 113 iktar ’il fuq), din il-premessa hija żbaljata.

143    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet premessi, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Dwar l-ispejjeż

144    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif mitlub minn dik l-istituzzjoni.

145    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant hemm lok li jiġi deċiż li l-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Società agricola Vivai Maiorana Ss, Confederazione Italiana Agricoltori – CIA u MIVA – Moltiplicatori Italiani Viticoli Associati għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.