Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Frar 2024 minn JPMorgan Chase & Co., JPMorgan Chase Bank, National Association mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fl-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-106/17, JPMorgan Chase et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-160/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: JPMorgan Chase & Co., JPMorgan Chase Bank, National Association (rappreżentanti: M. Lester KC, D. Piccinin KC, D. Heaton, Barrister, P. Luckhurst, BL, B. Tormey, N. Frey, D. Das, A. Holroyd, D. Hunt, N. English, L. Ream, Solicitors)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punti 3 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tannulla l-Artikolu 1(c) tad-Deċiżjoni 1 , u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appellanti, inklużi dawk quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji.

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li JPMorgan Chase & Co. u JPMorgan Chase Bank, National Association (iktar ’il quddiem, flimkien, ‘JPMC’) negozjant “ipparteċipa fl-aġir relatat mal-manipulazzjoni tar-rata Euribor” fil-komunikazzjonijiet tas-27, tat-28 u tad-29 ta’ Settembru 2006, tat-2, tal-25 u tas-26 ta’ Ottubru 2006, tat-8 ta’ Novembru 2006, tat-18 ta’ Diċembru 2006, tal-4 u tat-8 ta’ Jannar 2007, tas-6 ta’ Frar 2007, tas-16 u tad-19 ta’ Marzu 2007. L-ewwel parti: il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjonijiet ta’ fatt li jmorru lil hinn mill-evalwazzjonijiet fid-Deċiżjoni u b’hekk eċċediet il-ġurisdizzjoni tagħha f’rikors għal annullament billi ssostitwixxiet ir-raġunament tagħha stess minflok dak tal-awtur tal-att ikkontestat. It-tieni parti: il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika b’mod xieraq l-oneru u l-livell tal-prova. It-tielet parti: il-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-provi. Ir-raba’ parti: il-Qorti Ġenerali naqqset milli tindirizza l-argumenti u l-provi mressqa minn JPMC u b’hekk naqset milli tikkonforma mal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-ħames parti: il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li kien jeżisti rekwiżit li JPMC tiddistanja lilha nnifisha pubblikament mill-aġir ta’ċerti impriżi oħra u b’hekk applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar distanzjar pubbliku.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-komunikazzjonijiet tat-13 ta’ Novembru 2006 u tal-14 ta’ Marzu 2007 kienu jinsabu fil-portata tal-ksur. L-ebda komunikazzjoni ma kienet tfittex l-għan identifikat mill-Kummissjoni fil-konstatazzjoni tagħha ta’ ksur uniku u kontinwu li kien inaqqas il-kompetizzjoni skont is-suġġett.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-approċċ tagħha lejn il-multa. L-ewwel parti: meta użat il-fattur ta’ tnaqqis tal-Kummissjoni biex tikkalkula l-multa, il-Qorti Ġenerali (i) naqset milli tipprovdi motivazzjoni xierqa, (ii) naqset milli tindirizza l-argumenti ta’ JPMC diretti lejn il-fattur ta’ tnaqqis, (iii) kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u (iv) imponiet multa li kienet manifestament sproporzjonata. It-tieni parti: il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-punt prinċipali ta’ JPMC, u kważi l-argumenti kollha tagħha, dwar jekk il-valur AFR (allocated franchise revenue) jew dħul f’kontanti bi skont għandhomx jintużaw fl-evalwazzjoni tal-valur tal-bejgħ, u b’hekk kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, l-obbligu li tevalwa l-argumenti ta’ JPMC, l-Artikolu 47 tal-Karta u, fi kwalunkwe każ, imponiet multa li hija manifestament sproporzjonata. It-tielet parti: fir-rigward tal-użu tal-kumpens intrakuntrattwali sħiħ (full within contract netting) minn impriża oħra suġġetta għal multa fl-istess każ, il-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-provi u kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Ir-raba’ u l-ħames partijiet: fir-rigward tal-esklużjoni ta’ “ibridi” u “eżotiċi” mill-valur tal-bejgħ minn impriżi oħra suġġett għal multa fl-istess każ, il-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni tal-provi u kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 8530 finali tas-7 ta’ Diċembru 2016 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u skont l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Euro Interest Rate Derivatives (EIRD)).