Language of document : ECLI:EU:T:2015:605





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Settembru 2015 –
Philips vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑92/13)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq dinji tat-tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Ftehimiet u prattiki miftiehma fir-rigward ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-swieq u ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni – Ksur uniku u kontinwat – Imputabbiltà lill-kumpannija parent tal-ksur imwettaq mill-impriża komuni – Ugwaljanza fit-trattament – Metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa – Teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ tat-tubi katodiċi permezz ta’ prodotti ttrasformati – Teħid inkunsiderazzjoni tal-valur medju tal-bejgħ irreġistrat matul it-tul tal-ksur – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp – Proporzjonalità– Tul tal-proċedura amministrattiva”

1.                     Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija parent u sussidjarji – Unità ekonomika – Imputazzjoni tal-aġir antikompetittiv ta’ impriża komuni lil waħda mill-kumpanniji parent tagħha – Kundizzjonijiet – Influwenza determinanti eżerċitata fuq l-aġir tal-impriża komuni – Oneru tal-prova – Eżerċizzju ta’ influwenza determinanti li tista’ tiġi dedotta minn sensiela ta’ indizji relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn l-impriża komuni u l-kumpanniji parent (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2) (ara l-punti 34-43, 56, 57, 67, 69, 75, 79, 80, 85)

2.                     Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Portata tal-prinċipju – Ksur – Kundizzjonijiet – Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ irregolarità proċedurali – Dmir ġenerali ta’ prudenza li jaqa’ fuq kull impriża – Obbligu li tiġi żgurata l-konservazzjoni tajba tal-provi neċessarji fl-ipoteżi ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1)) (ara l-punti 91-93, 97)

3.                     Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità (Artikolu 101 TFUE) (ara l-punti 94, 95, 236, 237)

4.                     Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni li tikkonċerna diversi destinatarji – Neċessità ta’ motivazzjoni suffiċjenti b’mod partikolari fir-rigward tal-entità li għandha tirrispondi għall-akkuża ta’ ksur (Artikoli 101 TFUE u 296 TFUE) (ara l-punti 102-104)

5.                     Kompetizzjoni – Multi – Evalwazzjoni skont l-aġir individwali tal-impriża – Effett tal-assenza ta’ sanzjoni kontra operatur ekonomiku ieħor – Assenza – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandha tiġi kkonċiljata ma’ dik tal-prinċipju ta’ legalità (Artikolu 101(1) TFUE) (ara l-punti 110-112, 231-233)

6.                     Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Preskrizzjoni fil-qasam tal-multi – Bidu tad-dekorrenza – Ksur uniku u kontinwat (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25) (ara l-punti 125-129)

7.                     Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Waqfien tal-istanzi ta’ ksur – Setgħa tal-Kummissjoni – Ordnijiet diretti lill-impriżi (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 7(1)) (ara l-punti 132, 133)

8.                     Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni – Applikabbiltà – Portata – Bidla ta’ sitwazzjoni eżistenti li taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Assenza ta’ ksur ta’ dawn il-prinċipji (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3)) (ara l-punti 135, 139)

9.                     Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali – Kamp ta’ applikazzjoni – Multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Inklużjoni – Portata – Emenda tad-dispożizzjonijiet applikati li kienet raġonevolment prevedibbli fil-perijodu tat-twettiq tal-ksur ikkonċernat – Assenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività (Artikolu 101 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49) (ara l-punti 136-138)

10.                     Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Akkordju bejn impriżi stabbiliti barra miż-Żona Ekonomika Ewropea iżda implementat u jipproduċi l-effetti tiegħu fis-suq intern – Bejgħ fl-Unjoni tal-prodott suġġett għal kartell – Kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni – Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku – Intervent ta’ sussidjarji, aġenti jew fergħat stabbiliti barra mill-Unjoni – Assenza ta’ effett (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53) (ara l-punti 149-152)

11.                     Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Implementazzjoni tal-akkordju ġewwa l-Unjoni – Impriża vertikalment integrata li għandha unitajiet ta’ produzzjoni li jinsabu barra miż-Żona Ekonomika Ewropea – Inkorporazzjoni tal-prodotti suġġetti għal kartell fi prodotti lesti minn dawn l-unitajiet ta’ produzzjoni – Bejgħ ta’ dawn il-prodotti lesti fiż-Żona Ekonomika Ewropea mill-impriża integrata – Inklużjoni (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53) (ara l-punt 153)

12.                     Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Bejgħ imwettaq b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur – Inkorporazzjoni tal-prodotti suġġetti għal kartell fi prodotti lesti minn unitajiet ta’ produzzjoni integrati vertikalment fl-impriża implikata – Bejgħ tal-prodotti lesti fiż-Żona Ekonomika Ewropea mill-impriża implikata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-valur ta’ bejgħ tal-prodotti lesti biss sal-frazzjoni ta’ dan il-valur li jikkorrispondi mal-valur tal-prodotti suġġetti għal kartell – Ammissibbiltà (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 13) (ara l-punti 156, 167-178)

13.                     Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Metodu ta’ kalkolu ddefinit mil-linji gwida – Obbligu tal-Kummissjoni li tapplika l-linji gwida fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Kummissjoni li tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi (Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02) (ara l-punti 182-186)

14.                     Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Sena ta’ referenza – L-aħħar sena sħiħa tal-ksur – Natura eċċezzjonali tiegħu – Teħid inkunsiderazzjoni tal-medja annwali tal-valur tal-bejgħ matul it-tul tal-ksur kollu – Ammissibbiltà (Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 13) (ara l-punti 190-198)

15.                     Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Aġġustament tal-ammont bażiku – Ammont massimu – Kalkolu – Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni – Dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jifformaw l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża (Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2)) (ara l-punti 214-221)

16.                     Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl – Portata – Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument – Konsegwenzi – Neċessità li ssir, fuq il-livell tal-oneru tal-prova li taqa’ fuq l-impriża kkonċernata, distinzjoni bejn id-dokumenti li huma prova kontra u dawk li jiskaġunaw (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 15) (ara l-punti 240-250)

17.                     Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Obbligi tal-Kummissjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Ksur – Assenza (Artikolu 101 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41 u 47) (ara l-punti 256-263, 268)

18.                     Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni rriżervat għall-Kummissjoni – Limiti – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Portata – Iffissar tal-multa proporzjonalment għall‑elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2)) (ara l-punti 271, 272)

Suġġett

Prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 8839 finali, tal-5 ta’ Diċembru 2012, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.437 – Tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter), u, sussidjarjament, talba għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Koninklijke Philips Electronics NV hija kkundannata għall-ispejjeż.