Language of document : ECLI:EU:T:2012:273

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

4 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Rikors għal annullament — Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Allokazzjonijiet mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’effett mill-2013 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina l-punti ta’ riferiment ta’ prodotti li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi kkalkolata l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Nuqqas ta’ interess individwali — Att regolamentari li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T-381/11,

Europäischer Wirtschaftsverband der Eisen- und Stahlindustrie (Eurofer) ASBL, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn S. Altenschmidt u C. Dittrich, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Wilms, K. Herrmann u K. Mifsud-Bonniċi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, I. Wiszniewska-Białecka u M. Prek, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Europäischer Wirtschaftsverband der Eisen- und Stahlindustrie (Eurofer) ASBL, hija assoċjazzjoni professjonali, skont l-istatuti tagħha, li tirrappreżenta l-interessi tal-industrija tal-azzar Ewropea. Il-membri tal-Eurofer joperaw kalkari tal-funderija u fabbriki tal-azzar għall-manifattura ta’ ħadid mhux maħdum u azzar. Din il-produzzjoni tinvolvi l-emissjonijiet ta’ gassijiet ta’ skart kombustibbli.

2        Fit-13 ta’ Ottubru 2003 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3 p. 80) kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87/KE”). Din l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġiet stabbilita biex jitnaqqsu tali emissjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 2(1) u l-Annessi I u II tad-Direttiva 2003/87, l-installazzjonijiet tal-membri tal-Eurofer jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-direttiva b’mod li huma meħtieġa jipparteċipaw fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

3        Bis-saħħa tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta miżuri ta’ implementazzjoni armonizzati madwar l-Unjoni fir-rigward tal-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni b’mod partikolari għandha tistabbilixxi l-punti ta’ riferiment ta’ kull settur u tieħu bħala punt ta’ tluq tagħha, f’dan ir-rigward, ir-rendiment medju tal-ogħla 10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti f’settur jew f’subsettur tal-Unjoni fis-snin 2007 sal-2008. Abbażi ta’ dawn il-punti ta’ riferiment, jiġi kkalkolat in-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas mill-2013 f’kull installazzjoni kkonċernata.

4        Skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87, fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment ex ante f’setturi u f’subsetturi individwali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u s-subsetturi kkonċernati. L-Eurofer ħadet sehem f’din il-konsultazzjoni.

5        Fis-27 ta’ April, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 130, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, din tapplika għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet fissi msemmija fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87 matul il-perijodi ta’ skambju li jibda mill-2013, bl-eċċezzjoni tal-allokazzjoni provviżorja ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-modernizzazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku b’applikazzjoni tal-Artikolu 10ċ ta’ din id-direttiva. Skont il-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-allokazzjonijiet għandhom jiġu ffissati qabel il-perijodu ta’ skambju sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq. Fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-punti ta’ riferiment tal-prodotti. Għalhekk, għall-punti ta’ riferiment tal-prodott “ħadid fondut likwidu”, hija ffissat valur ta’ 1328 kwota għal kull tunnellata.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

6        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Lulju 2011, l-Eurofer ressqet din il-kawża.

7        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, l-Eurofer ippreżentat talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija talbet, essenzjalment, lill-President tal-Qorti Ġenerali jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

8        Permezz ta’ att separat, ippreżentat ukoll fil-21 ta’ Lulju, l-Eurofer talbet li tingħata deċiżjoni fuq dan ir rikors permezz ta’ proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fit-8 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba.

9        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

11      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2011, Eurofer vs Il-Kummissjoni (T‑381/11 R, Ġabra p. II-0292), it-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

12      Fit-30 ta’ Settembru 2011, l-Eurofer ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

13      Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ottubru 2011, l-Euroalliages, l-assoċjazzjoni tal-produtturi Ewropej tal-ligi tal-ħadid, talbet li tintervjeni insostenn tal-Eurofer.

14      Fir-rikors tagħha, l-Eurofer titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata ;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lill-Eurofer għall-ispejjeż.

16      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-Eurofer titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        sussidjarjament, li tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu.

 Id-dritt

17      Skont l-Artikolu 114(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk tintalab minn xi parti, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tittratta l-mertu. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-proċedura sussegwenti tkun orali, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. Il-Qorti Ġenerali tqis li, dan il-każ, ġie ċċarat biżżejjed permezz tad-dokumenti fil-proċess u li ma hemmx lok għalfejn tinbeda l-proċedura orali.

18      Peress li l-Eurofer hija assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-industrija tal-azzar Ewropea, skont ġurisprudenza stabbilita, hija, fil-prinċipju, tista’ tippreżenta rikors għal annullament kemm fil-każ li l-impriżi li hija tirrappreżenta jew uħud minnhom ikollhom interess ġuridiku individwali jew jekk tista’ tinvoka interess proprju (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C 217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-kawża fuq il-bażi tal-interess proprju tal-Eurofer, din tal-aħħar issostni li hija ħadet sehem fil-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87.

20      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ħames subparagrafu l‑Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, li jiddefinixxi l-prinċipji li għandhom jiġu applikati biex jiġu stabbiliti l-punti ta’ riferiment ex ante għall-użu fid-diversi setturi u subsetturi, il-Kummissjoni kellha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u s-subsetturi kkonċernati. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 10a(2) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni kellha tikkonsulta l-partijiet interessati, inklużi s-setturi u s-subsetturi kkonċernati, sabiex tiddetermina r-rendiment medju tal-ogħla 10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti f’settur jew f’subsettur tal-Unjoni matul is-snin 2007 sal-2008 bħala punt tat-tluq sabiex tiddefinixxi l‑prinċipji għall-iffissar tal-punti ta’ riferiment ex ante skont is-settur jew subsettur. Minn dan isegwi li l-partijiet interessati fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet kienu l-operaturi tal-installazzjonijiet involuti fl-istabbiliment tal‑imsemmija punti ta’ riferiment bħalma huma l-membri tal-Eurofer. Peress li, fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeterminat il-punti ta’ riferiment tal-prodotti, hija kellha tikkonsulta mal-membri tal-Eurofer qabel l‑adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni fuq il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq. Konsegwentement, l-Eurofer setgħet ikollha dritt li tiġi kkonsultata biss fir-rwol tagħha ta’ rappreżentant tal-interessi tal-membri tagħha.

21      It-tieni nett, wieħed għandu jirrileva li l-Eurofer iddikjarat li hija kienet ipparteċipat f’tali konsultazzjoni fl-interess tal-membri tagħha, bħala parti li tirrappreżenta l‑interessi tal-kumpaniji tal-azzar. Hija ttrażmettiet il-pożizzjonijiet tagħhom u l‑fehmiet tagħhom matul dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, għaliex, skont l‑opinjoni tagħha, id-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment tal-prodott għall‑ħadid fondut likwidu kien jaffettwa serjament l-imsemmija membri. Billi tirreferi għall-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ konsultazzjoni, l-Eurofer għaldaqstant ma tinvokax, essenzjalment, interess proprju tagħha, iżda tirreferi għall‑interessi tal-membri tagħha.

22      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li dan il-każ huwa differenti minn dawk li fihom il-Qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, li interess proprju ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta impriżi jew organizzazzjonijiet kien ġie affettwat. Fil-fatt, kuntrarjament għall-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra P. 219, punti 20 sa 24) u tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C-313/90, Ġabra p. I-1125, punti 29 u 30), l-Eurofer ma rnexxiliex turi li hija kienet, f’dan il-każ, attivament segwiet negozjati mal-Kummissjoni matul il-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għad-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 2009, WWF-UK vs Il-Kunsill (C-355/08 P, Ġabra p. I‑0073), f’din il-kawża, Eurofer ma kinitx imsemmija mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq.

23      Konsegwentement, meta tirreferi għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq, l-Eurofer ma tistax tinvoka interess proprju, iżda biss l-interessi tal‑membri tagħha li, barra minn hekk, hija evokat matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni.

24      Minn dan isegwi li, minħabba nuqqas ta’ interess proprju, l-Eurofer hija intitolata tressaq dan ir-rikors biss jekk il-membri tagħha jew uħud minnhom għandhom interess ġuridiku individwali.

25      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi, tressaq rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att leġiżlattiv li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

26      F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet indirizzata, kif previst fl-Artikolu 25 ta’ din id-deċiżjoni, lill-Istati Membri. La l-Eurofer u lanqas il-membri tagħha ma huma għaldaqstant id-destinatarji ta’ dan l-att. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-Eurofer ma tistax tippreżenta rikors għal annullament kontra l-imsemmi att ħlief jekk il-membri tagħha jkunu direttament u individwalment ikkonċernati minnu jew jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att leġiżlattiv li jikkonċernahom direttament u li ma jinvolvi l-ebda miżura ta’ implementazzjoni.

27      Insostenn tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni tqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, li huma bbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ locus standi tal-Eurofer minħabba n-nuqqas ta’ interess dirett u individwali tal-membri tagħha, it-tieni nett, fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex att leġiżlattiv li jaffettwa direttament lill-membri tal‑Eurofer u li ma għandu l‑ebda miżura ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll, it-tielet nett, fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-Eurofer għaliex l‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikun ta’ vantaġġ għaliha.

 Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku minħabba n-nuqqas ta’ interess dirett u individwali tal-membri tal-Eurofer

28      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Eurofer ma għandhiex locus standi peress li l-membri tagħha ma huma la direttament u lanqas individwalment ikkonċernati mid‑deċiżjoni kkontestata.

29      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-membri tal-Eurofer humiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, għandu mill-ewwel jiġi kkonstatat li din tikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali għaliex tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali u astratt. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar tapplika għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas fuq installazzjonijiet fissi msemmija fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87 matul il-perijodi ta’ skambju li jibda mill-2013, bl-eċċezzjoni tal-allokazzjoni tranżitorja ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku taħt l-Artikolu 10ċ tad-Direttiva. Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk tikkonċerna l-operaturi kollha ta’ tali installazzjonijiet li, bħall-membri tal-Eurofer, huma marbuta li jipparteċipaw fl-iskema tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet skont l-Artikolu 2(1) u l-Annessi I u II Direttiva 2003/87, b’mod ġenerali u astratt, bis-saħħa tar-regoli stabbiliti mid-deċiżjoni kkontestata u l-imsemmija direttiva.

30      Madankollu, ma huwiex eskluż li f’ċerti ċirkustanzi d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali jkunu jistgħu jikkonċernaw b’mod individwali lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, peress li jkollu natura deċiżjonali fil-konfront tagħhom. Skont ġurisprudenza stabbilita, persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex id-destinatarju ta’ att tista’ tallega li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk hija tkun affettwata mill-att inkwistjoni minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra, u minħabba dan il-fatt, tidentifikaha b’mod analogu għad-destinatarju tal-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; p. 223; tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 36, u tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, Ġabra p. I-3425, punt 45).

31      Issa, il-fatt li l-membri tal-Eurofer huma operaturi tal-installazzjonijiet fissi msemmija fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87 ma huwiex ta’ natura li jindividwahom peress li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punt 29 hawn fuq, huma kkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni biss fil-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ operaturi tal-imsemmija installazzjonijiet, bl-istess mod bħalma kull operatur ekonomiku ieħor li, attwalment jew potenzjalment, jinsab f’sitwazzjoni identika.

32      L-Eurofer issostni li l-membri tagħha huma individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-garanziji proċedurali msemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata tikkonsulta mal-partijiet interessati sabiex jiġu ddefiniti l-prinċipji li għandhom jiġu applikati biex jiġu ddeterminati l-punti ta’ riferiment ex ante għall-użu fis-setturi u fis-subsetturi differenti. Mingħajr din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni ma kienx ikollha l-informazzjoni meħtieġa u l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma kienx ikun iggarantit. Bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni kellha tieħu konjizzjoni u tevalwa l-pożizzjonijiet tal-partijiet interessati li jinstemgħu. Fi kwalunkwe każ, il-membri tal-Eurofer huma kkaratterizzati, mill-użu ta’ din il-konsultazzjoni, fir-rigward ta’ kull persuna oħra.

33      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet proċedurali msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, il-membri tal-Eurofer humiex individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata.

34      Skont il-ġurisprudenza, il-fatt li persuna tintervjeni fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni jfisser li huma jiġu identifikati fir-rigward tal-att inkwistjoni biss jekk ikunu ġew ipprovduti ċerti garanziji proċedurali għall‑benefiċċju ta’ dik il-persuna mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni timponi, sabiex tiġi adottata deċiżjoni, li tiġi segwita proċedura li fil-kuntest tagħha persuna tista’ tinvoka drittijiet eventwali, inkluż id-dritt ta’ smigħ, il-pożizzjoni legali partikolari li tgawdi din tal-aħħar għandha l-effett li tidentifikaha għall-finijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara d-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2005, Schmoldt et vs Il-Kummissjoni, C‑342/04 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 39 u 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Madankollu, fil-prinċipju, fil-preżenza ta’ kwalunkwe salvagwardja proċedurali, għandu jiġi kkonstatat li mhux neċessarjament għandu jiġi rrikonoxxut lil persuna jew lil entità, li jkollhom it-tali dritt proċedurali, interess ġuridiku fil-konfront ta’ att tal-Unjoni sabiex jikkontestaw il‑legalità sostantiva tiegħu. Fil-fatt, il-portata eżatta tad-dritt ta’ rikors minn individwu kontra att tal-Unjoni tiddependi fuq il-pożizzjoni legali stabbilita favur tiegħu mid-dritt tal-UE intiż li jipproteġi l-interessi leġittimi b’hekk irrikonoxxuti (ara d-Digriet WWF-UK vs Il-Kunsill, punt 22 iktar ’il fuq, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Issa, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 20 iktar ’il fuq, jirriżulta mill‑ħames subparagrafu tal-Artikolu 10(1), u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad‑Direttiva 2003/87, li l-membri tal-Eurofer, bħala partijiet interessati fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kellhom id-dritt li jinstemgħu mill-Kummissjoni u li l‑Kummissjoni kellha għalhekk tikkonsultahom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-prinċipji msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet.

37      Madankollu, dan id-dritt ta’ smigħ ma joħloqx, fil-konfront tal-Kummissjoni, obbligu li jiġu implementati proposti li jinsabu fl-osservazzjonijiet magħmula mill-Eurofer għall-membri tagħha. Fil-fatt, obbligu ta’ konsultazzjoni tal-membri tal-Eurofer ma jistax jiġi assimilat mal-obbligu li jiġu segwiti l-osservazzjonijiet li jagħmlu huma. Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti ma jirriżultax li l-possibbiltà li wieħed jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-mertu tista’ tiġi rrikonoxxuta lill-membri tal-Eurofer (ara, f’dan is-sens, id-Digriet WWF-UK vs Il-Kunsill, punt 22 iktar ’il fuq, punti 45 u 46).

38      Għalhekk, is-sempliċi fatt li tiġi invokata l-eżistenza ta’ salvagwardja proċedurali quddiem il-qorti tal-Unjoni ma twassalx għall-ammissibbiltà tar-rikors minħabba li huwa bbażat fuq motivi ta’ ksur tar-regoli sostantivi (ara, f’dan is-sens, id-Digriet WWF-UK vs Il-Kunsill, punt 22 iktar ’il fuq, punt 47; ara, b’analoġija, id-Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Jannar 2012, Phoenix-Reisen u DRV vs Il‑Kummissjoni, T-58/10, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 33). Fil-fatt, il-motivi invokati mill-Eurofer insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata ma jirrigwardawx ksur allegat tal-obbligu ta’ konsultazzjoni. Min-naħa l-oħra, dawn il-motivi huma bbażati fuq ksur tal‑Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, peress li l-punti ta’ riferiment tal-prodott għall-ħadid likwidu ma kienx ġie stabbilit korrettament mill-Kummissjoni, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, l-Eurofer ma tikkontestax li l-Kummissjoni wettqet l-obbligu tagħha ta’ konsultazzjoni. Fil-fatt, hija tindika li, bħala parti interessata fil-proċedura ta’ konsultazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal‑membri tagħha, ittrażmettiet il-pożizzjonijiet u l-opinjonijiet tagħhom matul l‑imsemmija proċedura.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u sa fejn l-Eurofer tfittex f’dan il-każ mhux li tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tal-membri tagħha, iżda li tikkontesta l-legalità tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, il-membri tal-Eurofer ma humiex individwalment ikkonċernati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-Digriet WWF-UK vs Il-Kunsill, punt 22 iktar ’il fuq, punti 48 u 49).

40      Peress li l-kundizzjoni tal-interess individwali tal-membri tal-Eurofer ma ġietx sodisfatta, mingħajr ma huwa neċessarju għalhekk li jiġi eżaminat jekk dawn tal-aħħar humiex direttament milquta mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-Eurofer ma għandhiex l-interess ġuridiku biex tinvoka li l-membri tagħha huma direttament u individwalment ikkonċernati bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE.

 Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku minħabba l-assenza ta’ att leġiżlattiv li jaffettwa direttament il-membri tal-Eurofer u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni

41      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li Eurofer ma għandhiex interess ġuridiku bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv li jikkonċerna direttament lill-membri tal-Eurofer, u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

42      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att leġiżlattiv fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ att leġiżlattiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jinftiehem li jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi.

43      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata għandha portata ġenerali, għaliex tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u tipproduċi effetti legali fir‑rigward ta’ kategoriji ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali u astratt (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

44      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex att leġiżlattiv peress li ma ġietx adottata la skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas skont proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(1) sa (3) TFUE. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija att tal-Kummissjoni adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87.

45      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att leġiżlattiv fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

46      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni kkontestata fihiex jew le miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 1 tagħha, hija tiddefinixxi r-regoli tranżitorji għall-Unjoni kollha dwar l-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas skont id-Direttiva 2003/87 li tibda mill-2013.

47      Sabiex tiġi eżaminata din il-kwistjoni, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, ir-rwol u s-setgħat rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-kuntest tal-iskema stabbilita mid-Direttiva 2003/87, u d-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas matul il-perijodi ta’ skambju li jibdew mill-2013.

48      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, jirriżulta li hija għandha bħala għan li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra ġewwa l-Unjoni sabiex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi u effiċjenti. Skont it-tieni subparagrafu tal-istess artikolu, din id-direttiva tipprovdi wkoll għat-tnaqqis l-iktar importanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex tikkontribwixxi għal-livelli tat-tnaqqis ikkunsidrati meħtieġa xjentifikament sabiex jimpedixxu bidla perikoluża fil-klima.

49      Għal dawn il-finijiet, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li l-kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni kollha maħruġa kull sena mill-2013 għandha tonqos b’mod lineari min-nofs il-perijodu mill-2008 sal-2012. Skont it-tieni inċiż tal-istess artikolu, sat-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità totali tal-kwoti għall-2013 mal-Unjoni kollha. Din il-kwantità totali tiġi ddistribwita skont ir-regoli msemmija fl-Artikoli 10, 10a u 10c tad-direttiva 2003/87. B’hekk, parti tal-kwoti tiġi allokata mingħajr ħlas, abbażi tal-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva u tad-deċiżjoni kkontestata. Parti oħra tal-kwoti tiġi allokata mingħajr ħlas għall-modernizzazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku, skont l-Artikolu 10ċ tal-imsemmija direttiva. It-totalità tal-kwoti li ma jinħarġux mingħajr ħlas skont l-imsemmija Artikoli 10a u 10ċ ser jitqiegħdu għall-irkant mill-2013 għall-istati Membri, skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva.

50      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-proċedura ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas fuq il-bażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u tad-deċiżjoni kkontestata, kull Stat Membru għandu jidentifika, skont l-Artikolu 5 (1) tad-deċiżjoni kkontestata, l-installazzjonijiet kollha fit-territorju tiegħu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva. Bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni kkontestata, l-Istati Membri għandhom jaqsmu kull installazzjoni li tissodisfa l-imsemmijin kundizzjonijiet f’waħda jew iktar subinstallazzjonijiet kif iddefiniti f’din id-dispożizzjoni, skont il-ħtieġa. Wieħed mill-kategoriji ta’ subinstallazzjonijiet imsemmi huwa dak bil-punti ta’ riferiment ta’ prodott. Għal kull waħda minn dawn l-installazzjonijiet, l-Istati għandhom jiġbru mingħand l-operatur informazzjoni ta’ riferiment, skont l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-Artikolu 9(1) tad-deċiżjoni kkontestata, fil-każ ta’ installazzjonijiet eżistenti, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-livelli ta’ attività storika ta’ kull installazzjoni għall-perijodu ta’ riferiment mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008 jew, jekk dawn il-livelli jkunu ogħla, għall-perijodu ta’ riferiment mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura taħt l-imsemmi Artikolu 7. L-Artikolu 9(2) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li, għal kull prodott li għalih kien iddefinit punt ta’ riferiment ta’ prodott elenkat fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, il-livell storiku ta’ attività fuq il-prodott jikkorrispondi għall-valur medju tal-produzzjoni annwali storika ta’ dan il-prodott fl-installazzjoni kkonċernata matul il-perijodu ta’ riferiment.

51      Bis-saħħa tal-Artikolu 10(1) tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw għal kull sena, skont il-paragrafi (2) sa (8) tal-Artikolu 10, in-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 lil kull wieħed mill-installazzjonijiet eżistenti li jinsabu fit-territorju tagħhom. L-Artikolu 10(2) (a) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li biex jiġi kkalkolat dan in-numru, l-Istati Membri għandhom jibdew billi jiddeterminaw, separatament għal kull subinstallazzjoni b’punt ta’ riferiment ta’ prodott, in-numru annwali provviżorju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari, li jikkorrispondi għall-valur ta’ dan il-punt ta’ riferiment ta’ prodott elenkat fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, immoltiplikat bil-livell ta’ attività storika fuq il-prodott korrispondenti.

52      Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 u l-Artikolu 15(1) tad-deċiżjoni kkontestata, l-Istati Membri huma marbuta li jissottomettu lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ Settembru 2011, il-lista ta’ installazzjonijiet koperti mid-direttiva li jinsabu fit-territorju tagħhom, inklużi installazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata. L-Artikolu 15(2)(e) tal-imsemmija deċiżjoni tagħmilha ċara f’dan ir-rigward li, għal kull subinstallazzjoni, il-lista msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandha tkun fiha n-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet provviżorji annwali allokati mingħajr ħlas, matul il-perijodu mill-2013 sal-2020, iddeterminat skont l-Artikolu 10(2) tad-deċiżjoni kkontestata. Bis-saħħa tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha teżamina l-inklużjoni ta’ kull installazzjoni fuq il-lista u kif ukoll il-kwantitajiet annwali totali provviżorji ta’ allokazzjonijiet korrispondenti għall-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas.

53      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 15(3) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi u transettorjali li tiġi applikata, fejn xieraq, peress li, skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, il-kwantità annwali massima ta’ kwoti mingħajr ħlas huwa limitat.

54      Skont l-Artikolu 15(4) tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni ma tirrifjutax l-inklużjoni ta’ installazzjoni f’din il-lista, inklużi l-kwantitajiet annwali totali provviżorji korrispondenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal din l-installazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kwantità annwali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull sena matul il-perijodu mill-2013 sal-2020, skont l-Artikolu 10(9) tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, il-kwantità annwali totali finali ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull installazzjoni eżistenti tikkorrispondi għall-kwantità annwali totali provviżorja ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull installazzjoni, immoltiplikat bil-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali.

55      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 15(5) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li, wara li jiddeterminaw il-kwantità annwali finali għall-installazzjonijiet kollha eżistenti li jinsabu fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-lista tal-kwantitajiet annwali finali tal-kwoti allokati mingħajr ħlas matul il-perijodu mill-2013 sal-2020, stabbilita skont l-Artikolu 10(9) ta’ din id-deċiżjoni.

56      Fid-dawl tar-rwol u tas-setgħat rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tal-istadji differenti tal-proċess deċiżjonali fil-kuntest tal-iskema stabbilita mid-Direttiva 2003/87 u d-deċiżjoni kkontestata, kif esposti fil-punti 47 sa 55 iktar ’il fuq, huwa ċar li d-deċiżjoni kkontestata fiha miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

57      Fil-fatt, l-Artikolu 15 tad-deċiżjoni kkontestata tinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jadottaw abbażi ta’ din id-deċiżjoni. B’hekk, l-ewwel nett, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 u l-Artikolu 15(1) tad-deċiżjoni kkontestata, jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista ta’ installazzjonijiet koperti mill-imsemmija direttiva li jinsabu fit-territorju tagħhom li għandhom ikollhom, skont l-Artikolu 15(2)(e) tal-imsemmija deċiżjoni, in-numru annwali provviżorju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas matul il-perijodu mill-2013 sal-2020, iddeterminat skont l-Artikolu 10(2) tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transettorjali. It-tielet nett, taħt l-Artikolu 15(4) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tista’ tiċħad ir-reġistrazzjoni ta’ installazzjoni fil-lista, inklużi l-kwantitajiet annwali totali provviżorji korrispondenti ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal din l-installazzjoni. Ir-raba’ nett, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kwantità annwali finali ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għal kull sena matul il-perijodu mill-2013 sal-2020, skont l-Artikolu 10(9) tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu diversi miżuri ta’ implementazzjoni li jwasslu għad-determinazzjoni, mill-Istati Membri, tal-kwantità annwali finali ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għal kull waħda mill-installazzjonijiet ikkonċernati li l-inklużjoni tagħhom fl-imsemmija lista ma tkunx ġiet miċħuda mill-Kummissjoni. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex att leġiżlattiv li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni kkontestata tħallix setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet responsabbli għall-miżuri ta’ implementazzjoni ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, huwa veru li l-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali hija kriterju li għandu jiġi eżaminat sabiex jiġi kkonstatat jekk il-kundizzjoni ta’ interess dirett ta’ rikorrent huwiex sodisfatt (ara d-Digriet tat-23 ta’ Settembru 2008, Lafarge siment vs Il-Kummissjoni, T-195/07, Ġabra p. II-0188, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ir-rekwiżit ta’ att li ma jinkludix miżura ta’ implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 263(4) TFUE hija kundizzjoni differenti minn dik dwar l-interess dirett. L-argument tal-Eurofer, li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex miżuri ta’ implementazzjoni minħabba n-nuqqas allegat ta’ setgħa diskrezzjonali, għandu jiġi għaldaqstant miċħud.

60      Kuntrarjament għal dak li tallega l-Eurofer, il-konklużjoni li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma hijiex ikkontestata mill-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, huwa veru li din tal-aħħar tippermetti lil persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta rikors kontra l-atti ta’ portata ġenerali li ma humiex atti leġiżlattivi, li jikkonċernawha direttament u li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni, u b’hekk jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom dik il-persuna jkollha tikser il-liġi biex ikollha aċċess għal qorti. Madankollu, is-sitwazzjoni tal-membri tal-Eurofer ma hijiex dik koperta mill-imsemmi għan. F’dan il-każ, il-membri tal-Eurofer jistgħu, fil-prinċipju, jikkontestaw il-miżuri nazzjonali li jimplementaw id-deċiżjoni kkontestata u, f’dan il-kuntest, jeċċepixxu l-illegalità tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali, li jistgħu jirrikorru, qabel jiddeċiedu, għall-Artikolu 267 TFUE, mingħajr ma jkollhom qabel imorru kontra d-deċiżjoni kkontestata.

61      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tal-Eurofer li jgħidu li l-possibbiltà ta’ rikors, intiż biss kontra d-determinazzjoni mill-Istati Membri tal-kwantità annwali finali ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet kollha kkonċernati, għandhom iwasslu għal konsegwenzi inċerti minħabba t-tnaqqis tal-kwantità totali tal-kwoti li jingħataw mingħajr ħlas f’dan il-mument, u għalhekk idgħajfu l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li tali tnaqqis ma huwiex stabbilit u, it-tieni nett, li dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux ibiddlu l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament stabbilit mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Frar 2009, Galileo Lebensmittel vs Il-Kummissjoni , C-483/0 P, Ġabra p. I-959, punt 59).

62      Konsegwentement, għar-raġuni l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att leġiżlattiv li jinkludi miżuri ta’ implementazzjoni, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ interess dirett tal-membri tal-Eurofer.

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li l-Eurofer ma għandhiex interess ġuridiku bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE. Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tal-Eurofer.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent ippreżentata mill-Euroalliages.

 Fuq l-ispejjeż

65      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal‑Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent tal-Euroalliages.

3)      Europäischer Wirtschaftsverband der Eisen- und Stahlindustrie (Eurofer) ASBL hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Il-Lussemburgu, tal-4 ta’ Ġunju 2012.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       A. Dittrich


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.