Language of document : ECLI:EU:T:2021:604

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

22 ta’ Settembru 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Tariffa ta’ provvista tal-elettriku – Iffissar tat-tariffa ffatturata lil Alouminion b’deċiżjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ – Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni dwar l-ilment – Deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna – Att li jista’ jiġi kkontestat – Kwalità ta’ persuna interessata – Interess ġuridiku – Locus standi – Ammissibbiltà – Imputabbiltà lill-Istat – Vantaġġ – Prinċipju tal-operatur privat – Diffikultajiet serji”

Fil-Kawżi magħquda T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17,

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata, fil-Kawża T‑639/14 RENV, minn E. Bourtzalas, A. Oikonomou, E. Salaka, C. Synodinos, H. Tagaras u D. Waelbroeck, fil-Kawża T‑352/15, minn E. Bourtzalas, C. Synodinos, E. Salaka, H. Tagaras u D. Waelbroeck u, fil-Kawża T‑740/17, minn E. Bourtzalas, E. Salaka, C. Synodinos, H. Tagaras, D. Waelbroeck, A. Oikonomou u V.‑K.‑L. Moumoutzi, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawża T‑639/14 RENV, minn É. Gippini Fournier u A. Bouchagiar u, fil-Kawżi T‑352/15 u T‑740/17, minn A. Bouchagiar u P.-J. Loewenthal, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Mytilinaios AE – Omilos Epicheiriseon, preċedentement Alouminion tis Ellados VEAE, stabbilita f’Marousi (il-Greċja), irrappreżentata minn N. Korogiannakis, N. Keramidas, E. Chrysafis u D. Diakopoulos, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, fil-Kawża T‑639/14 RENV, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni COMP/E3/ΟΝ/AB/ark *2014/61460, tat-12 ta’ Ġunju 2014, li tinforma lil DEI bil-fatt li ma tittiħidx azzjoni dwar l-ilmenti tagħha, fil-Kawża T‑352/15, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 1942 final, tal‑25 ta’ Marzu 2015 [Każ SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Greċja – Allegata għajnuna mill-Istat favur Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku inqas mill-ispejjeż skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ], u, fil-Kawża T‑740/17, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5622 final, tal‑14 ta’ Awwissu 2017 [Każ SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Greċja – Allegata għajnuna mill-Istat favur Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku inqas mill-ispejjeż skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ],

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz (Relatur), Z. Csehi, G. De Baere u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑8 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatt li wasslu għall-kawża u l-proċeduri

1        Dawn il-kawżi jaqgħu taħt tliet kawżi konnessi mill-qrib li seħħew wara xulxin u jikkonċernaw essenzjalment l-istess suġġett, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk it-tariffa tal-provvista tal-elettriku (iktar ’il quddiem it-“tariffa inkwistjoni”) li r-rikorrenti, Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), produttur u fornitur tal-elettriku stabbilit f’Ateni (il-Greċja) u kkontrollat mill-Istat Grieg, hija obbligata tiffattura, skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ, lill-ikbar klijent tagħha, jiġifieri, l-intervenjenti, Mytilinaios AE, preċedentement Alouminion tis Ellados VEAE, produttur tal-aluminju, timplikax l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat.

2        Il-Kawża T‑639/14 RENV għandha bħala suġġett talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni Ewropea COMP/E3/ΟΝ/AB/ark *2014/61460, tat‑12 ta’ Ġunju 2014, iffirmata minn kap ta’ diviżjoni tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kompetizzjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra inkwistjoni”), li tinforma lir-rikorrenti, essenzjalment, dwar in-nuqqas li tittieħed azzjoni dwar l-ilment imressaq minnha, minħabba li t-tariffa inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li l-kriterji ta’ imputabbiltà u ta’ vantaġġ ma kinux issodisfatti. Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ippreżentat fit‑23 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem it-“tieni lment”), ir-rikorrenti kienet ikkontestat id-Deċiżjoni Nru 1/2013, tat‑31 ta’ Ottubru 2013, tat-Tribunal Arbitrali Speċjali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ”) li lilha hija u l-intervenjenti kienu rreferew it-tilwima tagħhom stess, skont l-Artikolu 37 tan-nomos 4001/2011, gia ti leitourgia Energeiakon Agoron Ilektrismou kai Fysikou Aeriou, gia Erevna, Paragogi kai diktya metaforas Ydrogonanthrakon kai alles rythmiseis (il-Liġi Nru 4001/2011, dwar l-Operat tas-Swieq tal-Enerġija tal-Elettriku u tal-Gass, il-Produzzjoni u n-Networks tat-Trasport tal-Idrokarburi u Regoli Oħra) (FEK A’ 179/22.8.2011, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 4001/2011”), u li permezz tagħha l-imsemmi tribunal kien stabbilixxa t-tariffa inkwistjoni, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2010 u l‑31 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”), għal ammont gross ta’ EUR 40.7/MWh u għal ammont nett ta’ EUR 36.6/MWh.

3        Il-Kawża T‑352/15 għandha bħala għan talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament tad-deċiżjoni C(2015) 1942 final, tal‑25 ta’ Marzu 2015 [Każ SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Greċja – Allegata għajnuna mill-Istat favur Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku inqas mill-ispejjeż skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ] (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), li fiha l-Kummissjoni, minn naħa, irtirat u ssostitwixxiet l-ittra inkwistjoni permezz tal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, qieset li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx timplika l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favur l-intervenjenti fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, essenzjalment minħabba li s-sottomissjoni volontarja mir-rikorrenti tat-tilwima tagħha mal-intervenjenti ma kinitx tikkorrispondi għall-aġir ta’ investitur avżat f’ekonomija tas-suq, u għalhekk, ma kinitx tikkostitwixxi vantaġġ.

4        Il-Kawża T‑740/17 għandha bħala għan talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5622 final, tal‑14 ta’ Awwissu 2017 [Każ SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Greċja – Allegata għajnuna mill-Istat favur Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku inqas mill-ispejjeż skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ] (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet mill-ġdid, filwaqt li ħassret u ssostitwixxiet espliċitament kemm l-ittra inkwistjoni kif ukoll l-ewwel deċiżjoni kkontestata (punti 8 u 51 u sezzjoni 5 tat-tieni deċiżjoni kkontestata), li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx tinkludi l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-motivi esposti insostenn ta’ din il-konklużjoni, ibbażati fuq l-osservanza tal-kriterju tal-investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq u fuq in-nuqqas ta’ vantaġġ, huma identiċi għal dawk esposti fl-ewwel deċiżjoni kkontestata.

5        Sussegwentement, minn naħa, l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kkontestati, meħuda flimkien, ser jiġu indikati iktar ’il quddiem permezz tad-“deċiżjonijiet ikkontestati” u, min-naħa l-oħra, dawn id-deċiżjonijiet, meħuda flimkien mal-ittra inkwistjoni, ser jiġu indikati iktar ’il quddiem permezz tal-“atti kkontestati”.

6        Dawn il-kawżi jikkostitwixxu s-segwitu ta’ tilwima twila bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti dwar it-tariffa tal-provvista tal-elettriku intiża sabiex tissostitwixxi t-tariffa preferenzjali li kienet tirriżulta minn ftehim iffirmat fl-1960, iżda li skada fl-2006.

7        Fl‑4 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ffirmaw ftehim qafas li jikkonċerna t-tariffa għall-provvista tal-elettriku li kelha tapplika matul il-perijodu inkwistjoni, kif ukoll il-modalitajiet ta’ ftehim binarju ta’ allegat dejn tal-intervenjenti fil-konfront tar-rikorrenti, li akkumula bejn il-perijodu mill‑1 ta’ Lulju 2008 sat‑30 ta’ Ġunju 2010. Fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-imsemmi ftehim qafas, l-intervenjenti u r-rikorrenti nnegozjaw inutilment il-kontenut ta’ abbozz ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku.

8        Wara t-trażmissjoni mir-rikorrenti tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku lir-Rythmistiki Archi Energeias (l-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija Ellenika, il-Greċja, iktar ’il quddiem ir-“RAE”), din tal-aħħar adottat id-Deċiżjoni Nru 692/2011 (FEK B’ 2529/7.11.2011) dwar il-“prinċipji fundamentali ta’ tariffikazzjoni tal-elettriku fil-Greċja”. Din id-deċiżjoni ġiet sussegwentement integrata fil-Kodiċi tal-Provvista tal-Elettriku Elleniku (FEK B’ 832/9.4.2013).

9        Fil-kuntest ta’ kompromess ta’ arbitraġġ iffirmat fis‑16 ta’ Novembru 2011, l-intervenjenti u r-rikorrenti ftiehmu li jagħtu soluzzjoni tat-tilwima tagħhom għall-arbitraġġ permanenti tar-RAE, skont l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 4001/2011. F’dan ir-rigward, il-kompromess ta’ arbitraġġ jipprovdi b’mod partikolari dan li ġej:

“Il-partijiet ftiehmu li jirrikorru għal ftehim komuni għall-arbitraġġ imsemmi fl-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 4001/2011 sabiex, b’applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali ta’ tariffikazzjoni għall-klijenti ta’ vultaġġ għoli, kif ifformulati mir-RAE fid-Deċiżjoni Nru 692[/2011] tagħha, iżda wkoll fid-dawl [...] tad-Deċiżjoni Nru 798[/2011] u [...] tad-Deċiżjoni Nru 8/2010 tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ, ir-RAE taġġorna u taġġusta l-kundizzjonijiet ta’ tariffikazzjoni stabbiliti fl-abbozz tal-kuntratt [dwar il-provvista tal-elettriku], imfassal fil‑5 ta’ Ottubru 2010 bil-għan tat-twettiq tal-ftehim [qafas], u sabiex hija tesponi, fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjonijiet [...], il-kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ provvista bejn il-partijiet applikabbli b’effett mis‑6 ta’ Ġunju 2011, b’mod li dawn il-kundizzjonijiet, minn naħa, jikkorrispondu għall-profil ta’ konsum [tal-intervenjenti] u, min-naħa l-oħra, ikopru minn tal-inqas l-ispejjeż [tar-rikorrenti].”

10      Wara lment ippreżentat mill-intervenjenti quddiem ir-RAE, skont l-Artikolu 140(6) u l-Artikolu 35 tal-Liġi Nru 4001/2011, din tal-aħħar, permezz tad-Deċiżjoni Nru 346/2012, tad‑9 ta’ Mejju 2012, stabbilixxiet, provviżorjament, tariffa għall-provvista tal-elettriku ta’ EUR 42/MWh applikabbli għall-intervenjenti.

11      Fil-kuntest ta’ lment imressaq quddiem il-Kummissjoni, fil‑15 ta’ Ġunju 2012 (iktar ’il quddiem l-“ewwel ilment”), ir-rikorrenti sostniet, b’mod partikolari, li din it-tariffa kienet tobbligaha tforni elettriku lill-intervenjenti bi prezz inqas mill-ispejjeż tagħha u għalhekk mill-prezz tas-suq u li, għaldaqstant, ir-RAE kienet tat lil din il-kumpannija għajnuna mill-Istat illegali.

12      Fil‑31 ta’ Ottubru 2013, permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ stabbilixxa t-tariffa inkwistjoni (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Wara rikors ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja), din tal-aħħar, permezz tas-sentenza Nru 634/2016 tat‑18 ta’ Frar 2016, ikkonfermat l-imsemmija deċiżjoni.

13      Fit‑18 ta’ Diċembru 2013, l-intervenjenti ressqet ilment quddiem l-Elliniki Epitropi Antagonismou (il-Bord tal-Kompetizzjoni Elleniku, il-Greċja, iktar ’il quddiem l-“EEA”), fejn sostniet li r-rikorrenti kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi pproponiet tariffa ġdida, allegatament eċċessiva u diskriminatorja fil-konfront tagħha, b’effett mill-2013. Dan l-ilment ta lok għall-adozzjoni mill-EEA, fit‑22 ta’ Lulju 2015, tad-Deċiżjoni Nru 621/2015 (FEK B’ 492/26.2.2016) li tqis, provviżorjament, li r-rikorrenti kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha għad-detriment tal-intervenjenti, b’mod partikolari, billi rrifjutat, b’mod inġustifikat, li tissokta b’relazzjonijiet kummerċjali magħha u li tbigħilha elettriku u billi kienet ipprevediet li timponilha prezzijiet jew kundizzjonijiet oħra tranżazzjonali irraġonevoli jew inekwi. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2016, l-EEA rrikonoxxiet l-aġir komportamentali propost mir-rikorrenti li ta lok għall-fatt li ma tittiħidx azzjoni dwar l-ilment.

14      Fit‑23 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ressqet it-tieni lment quddiem il-Kummissjoni fejn sostniet li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara l-punt 2 iktar ’il fuq).

15      Fis‑6 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-evalwazzjoni preliminari tagħha li tgħid li ma kienx hemm lok li jingħata segwitu lit-tieni ilment. B’ittri tal‑20 ta’ Mejju u tas‑6 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti bagħtet osservazzjonijiet addizzjonali lill-Kummissjoni.

16      Bl-ittra inkwistjoni (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-għeluq tal-investigazzjoni tal-ilment tagħha essenzjalment għar-raġunijiet li ġejjin:

“Nieħdu nota tal-fatt li l-argumenti li jinsabu fl-ittra tiegħek tas‑6 ta’ Ġunju 2014 ma humiex ġodda u li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni preliminari esposta fl-ittra tagħna tas‑6 ta’ Mejju 2014. Fil-fatt, permezz tal-ittra tiegħek tas‑6 ta’ Ġunju 2014, inti għadek ma wrejtx li t-Tribunal ta’ Arbitraġġ kien organu li jeżerċita setgħat pubbliċi, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li kemm [ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti] irrikorrew għall-arbitraġġ volontarjament, mingħajr ma kien hemm obbligu legali f’dan ir-rigward. Inti tirrikonoxxi wkoll li [ir-rikorrenti] (u għalhekk l-Istat [Grieg]) kellha għad-dispożizzjoni tagħha diversi għażliet sabiex tiddetermina t-tariffa li [ir-rikorrenti] kellha tiffattura fil-konfront [tal-intervenjenti]. Fid-dawl tal-fatt li t-Tribunal ta’ Arbitraġġ kellu mandat li jistabbilixxi tariffa konformement mal-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-proċedura ta’ arbitraġġ, kif ukoll deċiżjonijiet u linji gwida adottati preċedentement mir-[RAE] f’dan il-qasam, l-Istat [Grieg] ma jidhirx li huwa f’miżura li jeżerċita influwenza determinanti fuq deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Konsegwentement, id-dipartimenti tad-DG Kompetizzjoni jtennu l-pożizzjoni tagħhom espressa fl-ittra tas‑6 ta’ Mejju 2014 fir-rigward tan-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-Istat [Grieg] tal-imsemmija deċiżjoni, peress li inti ma kkomunikajtx prova suffiċjenti sabiex tikkontesta din il-pożizzjoni.

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tiegħek li t-tariffa stabbilita mit-Tribunal ta’ Arbitraġġ hija inqas mill-ispejjeż tar-[rikorrenti], nirrilevaw li l-argumenti tiegħek dwar il-metodoloġija tal-ispejjeż [ma humiex] kompatibbli ma’ dawk tal-awtoritajiet Elleniċi, tar-RAE u tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Fil-fatt, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ kellu bħala mandat speċifiku li jistabbilixxi tariffa li tkopri l-ispejjeż tar-[rikorrenti] u [din] kellha l-opportunità li ssostni l-argumenti tagħha f’dan il-kuntest. [L-imsemmija deċiżjoni] tirrikonoxxi espliċitament li din it-tariffa [...] tkopri l-ispejjeż tar- [rikorrenti] minbarra profitt raġonevoli, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-profil tal-konsum [tal-intervenjenti]. Konsegwentement, is-servizzi tad-DĠ “Kompetizzjoni” jirrepetu l-pożizzjoni li huma esprimew fl-ittra tas‑6 ta’ Mejju 2014 dwar in-nuqqas ta’ vantaġġ selettiv li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni, peress li inti ma kkomunikatx prova suffiċjenti sabiex tikkontesta din il-pożizzjoni.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, id-dipartimenti tad-DĠ Kompetizzjoni kkonkludew li l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tiegħek tas‑6 ta’ Ġunju [2014] ma [kienet] tipprovdi ebda prova li tikkontesta l-evalwazzjoni preliminari tagħna fl-ittra tagħna tas‑6 ta’ Mejju 2014. Nieħdu wkoll nota tal-fatt li inti ma tipprovdilna ebda informazzjoni addizzjonali jew ġdida li turi l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat.

Konsegwentement, “id-dipartimenti tad-DĠ ‘Kompetizzjoni’ kkonkludew li [l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2014] ma [kinitx] suffiċjenti sabiex tiġġustifika investigazzjoni ġdida tal-ilment.”

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors irreġistrat bin-numru T‑639/14 u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq l-investigazzjoni tal-ilmenti tagħha, kif tinsab fl-ittra inkwistjoni.

18      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Ottubru 2014, indirizzata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, flimkien, skont l-Artikolu 77(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerlai tat‑2 ta’ Mejju 1991, talbu sospensjoni tal-proċedura għal perijodu ta’ sitt xhur, jiġifieri sas‑7 ta’ April 2015, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina mill-ġdid il-kwistjonijiet imqajma fir-rikors. Din it-talba ntlaqgħet permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Ottubru 2014.

19      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2014, l-intervenjenti talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑639/14.

20      Fil‑25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat l-ewwel deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

21      Insostenn tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, fil-punti 12 u 13 ta’ din id-deċiżjoni, dan li ġej:

“Fit-[tieni] ilment, [ir-rikorrenti] tirreferi wkoll għall-[ewwel ilment]. F’dan l-[ewwel] ilment, huwa allegat li d-Deċiżjoni Nru 346/2012 tar-RAE, li ffissat tariffa provviżorja tal-elettriku pprovduta lill-[intervenjenti] sakemm tiġi riżolta t-tilwima bejn dawn iż-żewġ partijiet dwar l-imsemmija tariffa, obbligat lir-[rikorrenti] tipprovdi l-elettriku lill-[intervenjenti] taħt il-prezz tas-suq u, konsegwentement, tagħti għajnuna mill-Istat lill-[intervenjenti]. Madankollu, peress li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ issostitwixxiet b’mod sħiħ u retroattiv it-tariffa provviżorja stabbilita mir-RAE, il-Kummissjoni tqis li l-[ewwel] ilment [...] ma għadx għandu skop.

Għaldaqstant, din id-deċiżjoni sempliċement tevalwa t-[tieni] lment [...] dwar il-kwistjoni ta’ jekk, abbażi tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ingħatatx għajnuna mill-Istat lill-[intervenjenti] fil-forma ta’ tariffa tal-elettriku inqas mill-ispejjeż.”

22      Għalhekk, fil-kuntest tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni sempliċement evalwat il-kwistjoni dwar jekk l-iffissar u l-implimentazzjoni tal-imsemmija tariffa kinux jikkorrispondu għall-għoti ta’ vantaġġ lill-intervenjenti fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għal dan il-għan, hija eżaminat jekk, filwaqt li aċċettat li ssolvi t-tilwima mal-intervenjenti billi użat il-proċedura ta’ arbitraġġ u ssuġġettat ruħha għad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ impriża pubblika, aġixxietx skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-kriterju tal-investitur privat (punti 25 sa 47 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet, minn naħa, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju kienu ssodisfatti f’dan il-każ u li, għaldaqstant, ma kien ingħata l-ebda vantaġġ lill-intervenjenti u, min-naħa l-oħra, li, peress li l-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet tirrifletti l-pożizzjoni definittiva tagħha f’dan ir-rigward, l-ittra inkwistjoni kellha titqies li ġiet issostitwita bl-imsemmija deċiżjoni (punti 48 u 49 ta’ din id-deċiżjoni).

23      Il-Kummissjoni għalhekk ikkonstatat li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (sezzjoni 4 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata).

24      Permezz ta’ ittri tas‑27 ta’ April 2015 u tad‑19 ta’ Ġunju 2015 indirizzati lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li, wara d-deċiżjoni formali, ir-rikors ippreżentat kontra l-ittra inkwistjoni ma kienx għad għandu skop u li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq dan is-suġġett. Ir-rikorrenti ppreżentat lill-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Lulju 2015.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti ressqet rikors irreġistrat bin-numru T‑352/15 u intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

26      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Novembru 2015, l-intervenjenti talbet li tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑352/15.

27      Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Frar 2016, DEI vs Il‑Kummissjoni (T‑639/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:77, punti 36 u 37), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors fil-Kawża T‑639/14, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet issostitwixxiet formalment l-ittra inkwistjoni, b’tali mod li din tal-aħħar “ma [kinitx] għadha tipparteċipa fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, sa fejn [din] tħassret b’effett mid-[deċiżjoni]”. Hija ddeċidiet ukoll li, għaldaqstant, ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent tal-intervenjenti.

28      Fit‑22 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ppreżentat appell minn dan id-digriet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat bin-numru C‑228/16 P.

29      Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Ġunju 2016, DEI vs Il‑Kummissjoni (T‑352/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:386), il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) laqgħet it-talba għal intervent tal-intervenjenti fil-Kawża T‑352/15. L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ invervent tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini stabbiliti.

30      Permezz tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punti 44 u 46), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet tad‑9 ta’ Frar 2016, DEI vs Il‑Kummissjoni (T‑639/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:77), bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

31      Wara l-għoti ta’ din is-sentenza, il-Kawża T‑639/14 li issa għandha n-numru T‑639/14 RENV ġiet assenjata lill-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali li lilha kien assenjat l-Imħallef Relatur.

32      B’ittra tas‑27 ta’ Lulju 2017 ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti talbet li l-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15 jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura. B’ittra tal‑21 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni tat il-kunsens tagħha għal tali tgħaqqid.

33      Fl‑14 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat it-tieni deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

34      B’ittri tal‑24 ta’ Awwissu 2017 ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri wara l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tikkonstata, skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li r-rikorsi fil-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15 kienu saru mingħajr skop u li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni. B’ittra tas‑27 ta’ Ottubru 2017, l-intervenjenti ddikjarat li kienet tikkontesta d-deċiżjoni li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni f’dawn il-kawżi.

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat rikors irreġistrat bin-numru T‑740/17 u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni.

36      Fil‑21 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti Ġenerali, skont miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, staqsiet lill-partijiet dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15 sal-eżitu tal-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T‑740/17. B’ittri tal‑4 u tat‑8 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni u r-rikorrenti indikaw rispettivament li ma kinux jikkontestaw tali sospensjoni.

37      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Marzu 2018, l-intervenjenti talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑740/17.

38      Permezz ta’ digrieti tal‑14 ta’ Mejju 2018, il-Qorti Ġenerali ordnat li jingħaqdu fil-mertu t-talbiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tal-Kummissjoni u rriżervat l-ispejjeż fil-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15.

39      Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Lulju 2018, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta t-talba għal intervent tal-intervenjenti fil-Kawża T‑740/17. L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ invervent tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

40      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2018, kienet biss il-proċedura fil-Kawża T‑352/15 li ġiet sospiża sakemm tintemm il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T‑740/17.

41      B’digriet tal‑25 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T‑639/14 RENV, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta t-talba għal intervent tal-intervenjenti fil-Kawża T‑639/14. L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ invervent tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

42      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Frar 2019, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kawżi T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17 ġew assenjati lil Imħallef Relatur ġdid, sedenti fit-Tielet Awla.

43      Fit‑28 ta’ Marzu 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jesprimu ruħhom dwar il-possibbiltà ta’ tgħaqqid tal-Kawżi T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza. B’ittri tal‑4 ta’ April 2019, il-Kummissjoni tat il-kunsens tagħha sabiex dawn il-kawżi jingħaqdu, mingħajr ma talbet it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti dokumenti tal-fajl. B’ittri tal‑25 ta’ April 2019, ir-rikorrenti esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mat-tgħaqqid tal-Kawża T‑639/14 RENV mal-Kawżi T‑352/15 u T‑740/17 u talbet it-trattament separat tagħha, mingħajr madankollu ma talbet it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti dokumenti tal-fajl.

44      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, u konsegwentement, dawn il-kawżi ġew assenjati lil din l-awla.

45      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

46      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tals‑26 ta’ Frar 2020, il-Kawżi T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

47      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

48      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Ġunju 2020, l-intervenjenti ppreżentat osservazzjonijiet fuq ir-rapport għas-seduta li ddaħħlu fil-proċess u ġew innotifikati lill-partijiet l-oħra.

49      Wara t-talba tar-rikorrenti li tiġi posposta s-seduta inizjalment iffissata għall‑11 ta’ Ġunju 2020, minħabba li l-avukati impjegati tagħha, jiġifieri A. Oikonomou, G. Salaka u I. Synodinos, huma preklużi milli jassistu f’din is-seduta minħabba l-projbizzjoni ta’ kull moviment barra mill-pajjiż indirizzata mill-“awtorità ġerarkika ta’ DEI” lill-impjegati tagħha minħabba l-kriżi sanitarja, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsija bil-miktub lir-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ eventwali relazzjoni ta’ impjieg bejnha u l-imsemmija avukati u dwar l-awtorizzazzjoni tagħhom li jirrappreżentawha fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, u stednitha twieġeb bil-miktub. Ir-rikorrenti wieġbet għal din id-domanda fit-terminu previst.

50      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti ssottomettiet osservazzjonijiet dwar ir-rapport għas-seduta li kien jinkludi tmien annessi, li d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tagħhom fil-proċess ġiet irriżervata.

51      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ottubru 2020, l-intervenjenti ppreżentat osservazzjonijiet ġodda fuq ir-rapport tas-seduta li ddaħħlu fil-proċess u ġew innotifikati lill-partijiet l-oħra.

52      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑8 ta’ Ottubru 2020. Fis-seduta, il-President iddeċieda li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq ir-rapport għas-seduta kellhom jiġu inklużi fil-proċess u nnotifikati lill-partijiet l-oħra u li kellu jiġi ffissat terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħhom, u dan tniżżel fil-proċess verbali tas-seduta.

53      Peress li l-fażi orali tal-proċedura tħalliet miftuħa wara s-seduta, il-Kummissjoni u l-intervenjenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu mogħti u kkontestaw, fid-dawl tal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura, l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ir-rapport tas-seduta, inklużi l-annessi tiegħu. Wara d-deċiżjoni tal-President tal-Awla li jagħlaq il-fażi orali tal-proċedura, ir-rikorrenti, permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Jannar 2021, talbet li l-Qorti Ġenerali terġa’ tiftaħ l-imsemmija fażi orali sabiex tkun tista’ tieħu pożizzjoni dwar dawn l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti, abbażi ta’ dibattitu kontradittorju.

II.    It-talbiet tal-partijiet

A.      Kawża T639/14 RENV

54      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-ittra inkwistjoni sa fejn din tinkludi d-deċiżjoni li tiċħad l-ilmenti tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

55      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew inkella bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

56      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minnha.

B.      Il-Kawża T352/15

57      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-ewwel deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

58      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

–        Sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew inkella bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

C.      Kawża T740/17

59      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

60      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew inkella bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

61      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk li sostnuti minnha.

III. Id-dritt

A.      Osservazzjonijiet preliminari

62      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi, ma hemmx lok li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk l-“avukati impjegati” tar-rikorrenti, jiġifieri A. Oikonomou, G. Salaka u I. Synodinos, humiex, skont il-leġiżlazzjoni Ellenika applikabbli, awtorizzati jirrappreżentawha fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), peress li din ir-rappreżentanza hija żgurata suffiċjentement minn E. Bourtzalas, H. Tagaras, D. Waelbroeck u V. K. L. Moumoutzi.

63      Barra minn hekk, huwa opportun li jiġi evalwat fl-ewwel lok ir-rikors fil-Kawża T‑740/17, peress li r-riżultat tiegħu jista’ jkollu effetti fuq iż-żamma tas-suġġett tat-tilwimiet u tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15.

B.      Fuq il-Kawża T740/17

1.      Fuq l-ammissibbiltà

64      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, issostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li, l-ewwel, ir-rikorrenti la hija direttament u lanqas individwalment ikkonċernata mit-tieni deċiżjoni kkontestata, it-tieni, fl-assenza ta’ effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti, din id-deċiżjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, u, it-tielet, ir-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku.

65      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti ma għandhiex il-kwalità ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE jew ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015 L 248, p. 9). La l-fatt li hija lanjanti jew li pparteċipat fil-proċedura amministrattiva, u lanqas dak li tiġi obbligata tagħti l-allegata għajnuna permezz tal-fondi proprji tagħha ma huwa biżżejjed għal dan il-għan, iżda r-rikorrenti kellha turi l-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi tal-intervenjenti, bħala allegata impriża benefiċjarja, ħaġa li hija ma għamlitx. L-istess japplika għall-fatt li jkun “fih riżorsi li fihom jittieħdu riżorsi sabiex tiġi ffinanzjata l-għajnuna [...] allegata”, peress li l-ekonomija tal-ispejjeż ta’ Stat Membru jew il-protezzjoni tas-saħħa tajba tas-settur pubbliku ma hijiex, bħala tali, għan imfittex mir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

66      Skont il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, a fortiori, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq permezz tal-allegata għajnuna, b’tali mod li l-motivi intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tat-tieni deċiżjoni kkontestata huma inammissibbli. Hija tippreċiża essenzjalment li din l-allegata għajnuna tirrigwarda r-relazzjoni ta’ provvista tal-elettriku mir-rikorrenti lill-intervenjenti, jiġifieri relazzjoni ta’ klijentela u mhux ta’ kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi. Fil-fatt, l-attività ekonomika tal-intervenjenti u l-effett tat-tariffa inkwistjoni fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha jaqgħu taħt is-settur tal-metallurġija, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ, filwaqt li r-rikorrenti hija attiva fis-settur tal-produzzjoni jew tal-provvista tal-elettriku. Barra minn hekk, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess, l-ewwel, it-tieni u r-raba’ sas-seba’ motivi dwar il-“ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE” ma jirreferux għal diffikultajiet serji eventwali. Fl-aħħar, ir-rikorrenti lanqas ma hija individwalizzata fil-kwalità tagħha ta’ persuna li tagħti l-għajnuna allegata, peress li hija ma tistax tiġi assimilata ma’ awtorità lokali li aġixxiet fl-eżerċizzju tal-awtonomija leġiżlattiva u fiskali tagħha.

67      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li t-tieni deċiżjoni kkontestata ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament min-naħa tar-rikorrenti, minħabba li l-imsemmija deċiżjoni ma tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha, billi tbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha bħala persuna li tagħti l-għajnuna de facto. Din id-deċiżjoni ma timplikax lill-Istat Grieg, peress li tikkonkludi li t-tariffa inkwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE. Kuntrarjament, l-obbligu tar-rikorrenti li tapplika din it-tariffa jirriżulta mill-impenn volontarju tagħha li tosserva d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u mhux mill-istess deċiżjoni. Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni inkwistjoni tissodisfa b’mod sħiħ lill-Istat Grieg, sa fejn din tiggarantixxi lill-awtoritajiet Elleniċi l-libertà li jimplimentaw it-tariffa inkwistjoni, mingħajr ma tagħti bidu għall-proċedura fir-rigward tal-għajnuna eżistenti. Ir-rikorrenti, bħala impriża pubblika li tat l-allegata għajnuna, ma tagħmilx parti mill-kategorija ta’ rikorrenti ammissibbli sabiex tippreżenta rikors kontra tali deċiżjoni.

68      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tqis li r-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata. Din id-deċiżjoni tagħtiha sodisfazzjon totali bħala entità li tagħti l-allegata għajnuna, u l-obbligu li tingħata lill-intervenjenti jirriżulta esklużivament mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Fil-fehma tagħha, l-interess li r-rikorrenti tfittex li tipproteġi ma jaqax taħt l-għanijiet segwiti mid-dritt tal-għajnuna mill-Istat u l-approċċ tagħha jmur kontra l-għan tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, li huma bbażati fuq il-loġika li l-entità li tagħti l-għajnuna tixtieq tiddisponi mill-ikbar marġni ta’ manuvra f’dan ir-rigward. Hija tqabbel l-istrateġija tar-rikorrenti ma’ dik ta’ awtorità lokali li ffirmat kuntratt meqjus li ma kienx iktar profittabbli u li tirrapportah bħala għajnuna mill-Istat sabiex teħles mill-impenn tagħha. Dan l-aġir huwa kuntrarju, b’mod partikolari, għall-prinċipju tad-dritt li skontu ħadd ma jista jinvoka l-aġir kolpevoli tiegħu stess (nemo auditur propriam turpitudinem allegans ou venire contra factum proprium). L-intervenjenti tippreċiża li r-rikorrenti tinvoka b’mod żbaljat u abbużiv interess ta’ natura “privata” li ma huwiex protett mill-Artikolu 108 TFUE, jiġifieri l-interessi finanzjarji proprji stess, u mhux il-kwalità ta’ “Stat” li huwa l-uniku li jista’ jagħti għajnuna mill-Istat illegali. Ir-rikorrenti tipprova toħloq konfużjoni bejn, minn naħa, l-appartenenza tagħha għall-Istat Grieg li, bħala l-azzjonist maġġoritarju tagħha, japprova regolarment it-tariffi tagħha għall-klijenti b’vultaġġ għoli, u, min-naħa l-oħra, l-interess “privat” tagħha sabiex tibbaża l-interess ġuridiku tagħha filwaqt li żżomm l-argument żbaljat tagħha dwar l-eżistenza ta’ għajnuna.

69      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti u tqis li dan ir-rikors huwa ammissibbli.

70      Huwa neċessarju li tiġi evalwata, qabelxejn, il-kwistjoni dwar jekk it-tieni deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, sussegwentement, dik dwar jekk ir-rikorrenti tiġġustifikax interess ġuridiku, u, fl-aħħar nett, dik dwar jekk hija għandhiex locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

71      Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita, jitqiesu li huma “atti li jistgħu jiġu kkontestati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu xi effetti legali vinkolanti. Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix tali effetti, hemm lok li tiġi studjata s-sustanza tiegħu. Dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati skont kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-att, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punti 47 u 48). Barra minn hekk, fil-każ ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, bħal f’dan il-każ, huwa neċessarju li l-effetti legali vinkolanti tal-att ikkontestat ikunu ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, u li jbiddlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, it-tieni deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2015/1589, li n-natura legalment vinkolanti tagħha fir-rigward tad-destinatarju tagħha, ir-Repubblika Ellenika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ma tagħtix lok għal dubju.

73      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu inutilment li t-tieni deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix effetti legalment vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti.

74      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2015/1589 jimponi fuq il-Kummissjoni, ladarba l-osservazzjonijiet addizzjonali jiġu ppreżentati mill-persuna interessata jew it-terminu raġonevoli jiskadi, l-obbligu li tagħlaq il-fażi preliminari tal-eżami billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jew deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, jew dik li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew dik li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 37 sa 40; tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 63, u tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni, C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punt 29). Minn dan jirriżulta neċessarjament li tali deċiżjoni għandha effetti legali vinkolanti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE wkoll fir-rigward ta’ tali parti interessata.

75      Barra minn hekk, billi applikat din il-ġurisprudenza għall-fatti li taw lok għall-Kawża T‑639/14 RENV, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċediet li, bl-adozzjoni tal-ittra inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni dwar il-kwistjoni li permezz tagħha ddeċidiet li ttemm il-proċedura ta’ eżami preliminari mibdija bl-ilment tar-rikorrenti, kienet ikkonstatat li l-investigazzjoni mibdija ma kinitx ippermettiet li jiġi konkluż li teżisti għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u, għaldaqstant, kienet irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Skontha, il-Kummissjoni b’hekk adottat pożizzjoni definittiva fuq it-talba tar-rikorrenti li tikkonstata ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE. Hija ppreċiżat li, peress li l-ittra inkwistjoni kienet ipprekludiet lir-rikorrenti milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-imsemmija ittra kienet ipproduċiet effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti. Hija kkonkludiet li din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni, C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Għandu jiġi kkonstatat li l-istess japplika għat-tieni deċiżjoni kkontestata li, skont il-Kummissjoni stess, hija meqjusa li tissostitwixxi kemm l-ittra inkwistjoni kif ukoll l-ewwel deċiżjoni kkontestata.

77      Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-argumenti l-oħra mqajma mill-Kummissjoni u mill-partijiet intervenjenti.

78      Minn naħa, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tinvoka, insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, il-ġurisprudenza li tgħid li n-natura kontestabbli ta’ att tippreżupponi li dan huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li din l-argumentazzjoni ma tiħux inkonsiderazzjoni l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 iktar ’il fuq, kif ukoll il-fatt li, għall-finijiet tan-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni dwar l-ilmenti tar-rikorrenti, it-tieni deċiżjoni kkontestata tirrifjuta t-talba tagħha li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk it-tariffa inkwistjoni kinitx tinkludi l-għoti ta’ vantaġġ u, għaldaqstant, li r-riżultat tal-proċedura ta’ arbitraġġ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.

79      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-intervenjenti ma jistgħux validament isostnu li r-rikorrenti ma hijiex “persuna interessata” jew “parti interessata” li s-sitwazzjoni legali tagħha ma hijiex affettwata, peress li ma hijiex protetta mid-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, minħabba li, b’mod partikolari, it-tieni deċiżjoni kkontestata, fir-realtà, tagħti sodisfazzjon totali lill-Istat Grieg li r-rikorrenti titfixkel miegħu minħabba l-kwalità tagħha ta’ impriża pubblika kkontrollata mill-awtoritajiet Elleniċi.

80      Konformement mal-kunċett ta’ “parti interessata” msemmi fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, fis-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punti 29 sa 31), il-Qorti tal-Ġustizzja telqet minn kunċett wiesa’ ta’ “parti interessata” li jinkludi kull persuna li l-interessi tagħha jistgħu jkunu affettwati mill-għoti ta’ għajnuna, inkluż il-lanjant li l-ilment tiegħu jkun wassal għall-ftuħ tal-fażi ta’ eżami preliminari. F’dan il-każ, hija b’hekk enfasizzat li l-ittra inkwistjoni kienet tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi tipprekludiha milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, li jimplika neċessarjament li hija rrikonoxxiet l-istatus tagħha bħala parti interessata fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni. Din l-evalwazzjoni tapplika mutatis mutandis għat-tieni deċiżjoni kkontestata li kienet intiża tissostitwixxi l-ittra inkwistjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx jekk ir-rikorrenti kinitx parti interessata.

81      Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza li tipprovdi li l-kunċett ta’ persuna interessata, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 16). Bl-istess mod, l-użu tal-espressjoni “b’mod partikolari” fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 jindika li l-imsemmija dispożizzjoni tinkludi biss lista mhux eżawrjenti tal-persuni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala partijiet interessati, b’tali mod li dan il-kunċett jirreferi għal grupp indeterminat ta’ destinatarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Copebi, C‑505/18, EU:C:2019:500, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, ġie deċiż li din id-dispożizzjoni ma teskludix li impriża li ma kinitx kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna tiġi kklassifikata bħala parti interessata, sa fejn hija ssostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna, u li, għal dan il-għan, kien biżżejjed li hija turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-għajnuna seta’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti li mill-kunċett ta’ parti interessata għandhom jiġu esklużi persuni li ma jinsabux f’relazzjoni kompetittiva mal-allegat benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

83      Għall-kuntrarju, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala partijiet interessati, huwa biżżejjed li l-persuni jinvokaw il-fatt li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-imsemmija għajnuna (ara l-punt 81 iktar ’il fuq). Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li, minn naħa, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tiffissa t-tariffa inkwistjoni tobbligaha tagħti għajnuna illegali lill-intervenjenti filwaqt li tikkawżalha telf finanzjarju, u, min-naħa l-oħra, minħabba in-nuqqas ta’ azzjoni dwar l-ilment tagħha, b’mod partikolari, permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata, hija tiċċaħħad mill-possibbiltà li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

84      Minn dan isegwi li, sa fejn ir-rikorrenti tallega, skont l-Artikolu 24(2), moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) u mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2015/1589, li t-tariffa inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna pprojbita mill-Artikolu 107(1) TFUE li taffettwa l-interessi ekonomiċi tagħha, hija għandha l-istatus ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tal-istess regolament, jew ta’ “persuna interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE li hija prekluża mill-atti kkontestati li ma jiħdux azzjoni dwar l-ilmenti tagħha milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul proċedura ta’ investigazzjoni formali.

85      Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti li t-tieni deċiżjoni kkontestata la taffettwa s-sitwazzjoni legali u lanqas l-interessi tar-rikorrenti, bħala parti interessata, għandu jiġi miċħud.

86      Fit-tieni lok, minn ġurisprudenza stabbilita, inkluż fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jirriżulta li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li għalhekk ir-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ għall-parti li tkun ippreżentatu. Barra minn hekk, l-interess f’rikors għal annullament għandu jkun reali u attwali u għandu jiġi evalwat fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 55 u 56, u tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      F’dan il-każ, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti billi jressqu essenzjalment l-istess motivi bħal dawk invokati insostenn tal-argument tagħhom infondat li t-tieni deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat.

88      Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 71 sa 85 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors tar-rikorrenti huwa dirett kontra att li jikkawżalha preġudizzju billi jaffettwa l-pożizzjoni legali u l-interessi tagħha u li, għalhekk, l-annullament tiegħu jista’ jagħtiha benefiċċju, anki jekk dan jista’, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, iwassal lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE.

89      F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti, ibbażat fuq il-konfużjoni bejn l-Istat Grieg u r-rikorrenti sabiex timputalha l-allegat sodisfazzjon tal-awtoritajiet Elleniċi mar-riżultat tal-proċedura ta’ arbitraġġ u l-paragun tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma’ dik ta’ awtorità lokali, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, ir-rikorrenti esponiet, b’mod iddettaljat, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li, minn naħa, is-sitwazzjoni ekonomika tagħha kienet affettwata mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ sa fejn din kienet tobbligaha tiffattura l-provvista tal-elettriku lill-intervenjenti taħt l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha, u li, min-naħa l-oħra, l-atti kkontestati li ma jiħdux azzjoni dwar l-ilmenti tagħha kienu jipprekluduha milli tressaq l-osservazzjonijiet tagħha matul proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Fid-dawl ta’ dan l-argument, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 74 u 75 iktar ’il fuq jirriżulta li l-possibbiltà ta’ annullament, b’mod partikolari, tat-tieni deċiżjoni kkontestata minħabba li l-Kummissjoni kellha dubji jew diffikultajiet serji fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrenti, preċiżament għaliex dan huwa ta’ natura li jġiegħel lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fil-kuntest tagħha hija tista’ tinvoka l-garanziji proċedurali mogħtija lilha skont l-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 52).

90      F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti li jgħid li l-effetti legali vinkolanti li jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrenti ma humiex attribwibbli għat-tieni deċiżjoni kkontestata, iżda għad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ma jistax jintlaqa’, peress li l-imsemmija deċiżjoni tirrifjuta t-talba tar-rikorrenti li r-riżultat tal-proċedura ta’ arbitraġġ jiġi kklassifikat bħala miżura ta’ għajnuna u li r-rikorrenti tikkritika preċiżament lill-Kummissjoni li illegalment naqset milli tinvestiga, f’din id-deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk it-tariffa inkwistjoni kinitx tinkludi l-għoti ta’ vantaġġ (ara l-punt 78 iktar ’il fuq). Din l-evalwazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li r-rikorrenti ssottomettiet volontarjament it-tilwima mal-intervenjenti għall-arbitraġġ, peress li dan l-approċċ ma jimplikax neċessarjament il-kunsens minn qabel tagħha mar-riżultat tagħha, kif barra minn hekk intwera mill-fatt li hija kkontestat l-imsemmija deċiżjoni, mingħajr suċċess, quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni).

91      Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ dritt li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka l-aġir kolpevoli tiegħu stess. Dan l-argument jikkostitwixxi biss varjant ieħor ta’ dak intiż li jikkonfondi s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma’ dik tal-Istat Grieg u sabiex timputalha l-eventwali sodisfazzjon tal-awtoritajiet Elleniċi mar-riżultat tal-proċedura ta’ arbitraġġ, b’tali mod li dan l-argument lanqas ma jista’ jintlaqa’. Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument tal-intervenjenti li jgħid li r-rikorrenti tinvoka b’mod żbaljat u b’mod abbużiv allegat “interess (finanzjarju) privat”, li ma huwiex protett mid-dritt tal-għajnuna mill-Istat minħabba li l-interessi tagħha huma konfużi ma’ dawk tal-Istat Grieg li jikkontrollaha.

92      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti għandha interess ġuridiku kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata.

93      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-locus standi tar-rikorrenti skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-effett dirett u individwali tar-rikorrenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mit-tieni deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari minħabba li r-rikorrenti la hija “parti interessata” u lanqas impriża kompetitriċi tal-intervenjenti, li l-pożizzjoni tagħha fis-suq tista’ tiġi affettwata sostanzjalment mill-allegata għajnuna.

94      Għar-raġunijiet esposti fil-punti 79 sa 84 iktar ’il fuq, hemm lok li qabelxejn jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti intiżi sabiex jikkontestaw l-istatus ta’ parti interessata jew ta’ persuna interessata tar-rikorrenti. Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrenti tikkostitwixxi tali parti interessata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-locus standi tagħha.

95      Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi rrikonoxxuta l-ammissibbiltà ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(2) jew (3) tar-Regolament 2015/1589, huwa biżżejjed li r-rikorrent ikun “parti interessata” li, permezz tar-rikors tiegħu, ikollu l-intenzjoni li jikseb il-protezzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali tiegħu li jgawdi minnhom wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE. B’mod iktar preċiż, fil-kuntest ta’ rikors intiż kontra tali deċiżjoni, il-legalità tiegħu tiddependi mill-eżami tal-punt dwar jekk jeżistux diffikultajiet serji fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna jew dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali għajnuna mas-suq intern li għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, kull parti interessata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni, għar-raġuni li, bħala benefiċjarja tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, hija tista’ tiżgura l-osservanza ta’ dan biss jekk ikollha l-possibbiltà li tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, skont din il-ġurisprudenza, il-kwalità partikolari tal-parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tal-istess regolament, marbuta mas-suġġett speċifiku tar-rikors, hija biżżejjed sabiex tindividwalizza, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent li jikkontesta d-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(2) jew (3) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 41).

96      Meta, bħal f’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, ma huwiex għalhekk neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni kontroversjali ħafna bejn il-partijiet dwar jekk ir-rikorrenti tistax tiġi kklassifikata bħala impriża kompetitriċi tal-intervenjenti sabiex jiġi rrikonoxxut lilha l-locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, huwa biss fil-każ fejn ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata bħala tali, li s-sempliċi fatt li huwa jista’ jitqies li huwa “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma jkunx biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli u li għalhekk għandu juri li għandu status partikolari fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223), u, b’mod partikolari, li l-pożizzjoni tiegħu fis-suq hija affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punt 37)

97      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, huwa essenzjalment jikkontesta l-fatt li din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk bi ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu. Insostenn ta’ tali rikors, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, kellha tqajjem diffikultajiet serji fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat jew dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali għajnuna mas-suq intern, mingħajr ma dan ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors jew ibiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà. Kuntrarjament, skont din il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ tali dubji hija preċiżament il-prova li għandha tingħata sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 81, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punti 45 u ‑46).

98      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ rikors li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(2) jew (3) tar-Regolament 2015/1589, mingħajr il-ftuħ tal-proċedura formali, għandhom, bħala prinċipju, jiġu eżaminati l-ilmenti u l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrent fil-kuntest tal-motivi invokati, sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk dawn jippermettux li jiġu identifikati diffikultajiet serji jew dubji li fil-preżenza tagħhom il-Kummissjoni kellha tiftaħ l-imsemmija proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punti 45, 46 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkontesta li dan ir-rikors huwa intiż biss sabiex iqajjem dubji u sabiex jissalvagwardja l-garanziji proċedurali tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Hija tippreċiża, essenzjalment, li, fir-realtà, il-motivi ta’ annullament invokati insostenn ta’ dan ir-rikors huma intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tat-tieni deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li r-rikorrenti kellha turi l-locus standi tagħha fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223), u, b’mod partikolari, effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq bħala impriża kompetitriċi.

100    Ċertament, b’differenza mir-rikorsi fil-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15, ir-rikors fil-Kawża T‑740/17 ma jinkludix parti introduttiva separata li tippreċedi l-motivi ta’ annullament li jispeċifikaw is-suġġett ta’ dan ir-rikors li jikkonsisti fl-invokazzjoni tal-eżistenza ta’ “dubji” jew ta’ “diffikultajiet serji”. Xorta jibqa’ l-fatt li l-punti 35 u 36 ta’ dan l-aħħar rikors jirreferu għall-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” fil-kuntest tal-ammissibbiltà. Barra minn hekk, it-tieni u r-raba’ sas-seba’ motiv ta’ annullament jinkludu riferimenti analogi espressi li jispeċifikaw li huma intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ “dubji serji” jew ta’ “diffikultajiet serji” li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara l-punti 65, 91, 116, 129, 143, 148, 163, 187, 205 u 225 tal-istess rikors). Il-fatt li ma hemmx preċiżjoni analoga fl-espożizzjoni tal-ewwel u tat-tielet motiv ma jinvalidax din l-evalwazzjoni, peress li dawn il-motivi, jiġifieri, l-allegat ksur, minn naħa, tar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409), u, min-naħa l-oħra, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ eżami diliġenti u komplet tal-każ inkwistjoni, huma ta’ natura essenzjalment formali u proċedurali u huma preċiżament marbuta mad-dmir tal-Kummissjoni li timmotiva l-assenza ta’ dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ diffikultajiet serji.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn huwa intiż li jikseb is-salvagwardja tal-garanziji proċedurali tar-rikorrenti li hija tgawdi minnhom, bħala parti interessata, fil-każ tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

102    F’dan ir-rigward, il-motivi ta’ annullament invokati għandhom jitqiesu bħala li jinvokaw l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589 jew ta’ diffikultajiet serji fis-sens tal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 328, u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Kerkosand vs Il‑Kummissjoni, T‑745/17, EU:T:2020:400, punt 106) li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 97 iktar ’il fuq, ma huwiex rilevanti li wħud minn dawn il-motivi huma fformulati f’termini ta’ ksur (manifest) ta’ dispożizzjoni legali jew jinkludu lmenti intiżi sabiex jiġi kkonstatat żball (manifest) ta’ evalwazzjoni, peress li r-rikonoxximent ta’ tali ksur jew ta’ tali żball jimplika neċessarjament dak tal-eżistenza ta’ dubji jew ta’ diffikultajiet serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Il‑Belġju vs Deutsche Post u DHL International, C‑148/09 P, EU:C:2011:603, punti 58 sa 66).

103    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti tiġġustifika l-locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u li r-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk it-tieni deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix “att regolatorju”.

2.      Fuq il-mertu

a)      Fuq il-motivi ta’ annullament u fuq il-portata tal-istħarriġ tal-legalità fil-mertu

104    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi ta’ annullament.

105    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409).

106    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet b’mod żbaljat l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 u, b’mod partikolari, li kisret id-dritt tagħha għal smigħ kif iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

107    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tallega insuffiċjenza u kontradizzjoni tal-motivi, kif ukoll ksur tal-obbligu li jiġu eżaminati l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni li tgħid, b’mod partikolari, li l-kompromess ta’ arbitraġġ kien jiddefinixxi “parametri ċari u oġġettivi”.

108    Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tinvoka żball ta’ liġi “manifest” fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat u fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 108(2) TFUE meta qieset li t-tariffa inkwistjoni kienet “konsegwenza loġika” ta’ dawn il-parametri.

109    Permezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tinvoka, minn naħa, żball ta’ liġi manifest fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFEU li jiżnatura l-evalwazzjoni li skontha il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tagħmel evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, u żball ta’ liġi manifest kif ukoll żball ta’ evalwazzjoni manifest fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali sa fejn il-Kummissjoni naqset milli teżmina aspetti kruċjali li jirrigwardaw il-konstatazzjoni ta’ jekk kienx hemm għajnuna mill-Istat.

110    Permezz tas-sitt motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108(2) TFUE billi wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti dwar l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq (l-ewwel parti) u l-applikazzjoni tal-imsemmi kriterju (it-tieni parti).

111    Permezz tas-seba’ motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta ma tatx segwitu għall-ewwel ilment tagħha skont l-Artikolu 108(2) TFUE, minħabba li dan kien sar mingħajr skop wara d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

112    Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ tal-legalità li l-Qorti Ġenerali hija mitluba teżerċita f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 jistabbilixxu fażi ta’ eżami preliminari tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati. Fi tmiem din il-fażi, il-Kummissjoni tikkonstata li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna, jew taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’din l-aħħar eventwalità, l-imsemmija miżura tista’ ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, jew għall-kuntrarju, tista’ tqajjem tali dubji (sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 43).

113    Meta, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li permezz tagħha hija tikkonstata li miżura tal-Istat ma tikkostitwixxix għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq intern, hija tirrifjuta wkoll impliċitament li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dan il-prinċipju japplika kemm fil-każ fejn id-deċiżjoni tittieħed minħabba l-fatt li l-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, imsejħa “deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet”, kif ukoll meta hija tal-opinjoni li l-miżura ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u ma tikkostitwixxix għalhekk għajnuna, skont l-Artikolu 4(2) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, T‑373/15, EU:T:2019:432, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Kuntrarjament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-Kummissjoni ma tkunx konvinta, wara l-ewwel eżami fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 108(3) TFUE, li l-miżura tal-Istat inkwistjoni ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew, jekk tiġi kkwalifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat, jew meta din il-proċedura ma ppermettitilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha li qamu bl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni diskrezzjonali. Dan l-obbligu jikkorrispondi ma’ dak stabbilit fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, li jgħid li l-Kummissjoni hija marbuta tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, meta l-miżura inkwistjoni tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 113 u 185 u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tal‑25 ta’ Ġunju 2019, Fred Olsen vs Naviera Armas, C‑319/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:542, punt 30, u sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 57).

115    Il-kunċett ta’ diffikultajiet serji jikkoinċidi ma’ dak tad-dubji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 328, u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Kerkosand vs Il‑Kummissjoni, T‑745/17, EU:T:2020:400, punt 106) u huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex mhux biss fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda wara l-eżami preliminari, iżda wkoll fl-evalwazzjonijiet li bbażat ruħha fuqhom. Isegwi li l-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2015/1589, tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li kellha l-Kummissjoni, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punti 79 u 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Fil-fatt, il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll f’dan ir-rigward li l-legalità ta’ tali deċiżjoni għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li seta’ kellha l-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tagħha, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-informazzjoni li “seta’ kellha” hija dik li tidher li hija rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir u hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni tagħha matul il-fażi ta’ eżami preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 70 u 71).

117    Il-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji jew ta’ dubji tinkombi fuq ir-rikorrent li huwa jista’ jipproduċi minn serje ta’ indizji konkordanti, b’mod partikolari, billi jinvoka u jistabbilixxi n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami li sar mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punti 59 u 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Fid-dawl tal-kunċetti ta’ dubji jew ta’ diffikultajiet serji fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 112 sa 116 iktar ’il fuq, huwa neċessarju li jiġu eżaminati flimkien it-tielet sal-ħames motiv, sa fejn dawn huma intiżi li jikkontestaw it-tieni deċiżjoni kkontestata talli ma tindirizzax b’mod suffiċjenti l-ilmenti tar-rikorrenti, minkejja li dawn sostnew li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, sa fejn hija kienet iffissat it-tariffa inkwistjoni, kienet tagħti vantaġġ favur l-intervenjenti li ma kienx jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq, u madankollu talli rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

b)      Fuq it-tielet sal-ħames motiv

1)      Tfakkira tal-argumenti essenzjali tal-partijiet fil-kuntest tat-tielet motiv

119    Insostenn tat-tielet motiv, ibbażat fuq insuffiċjenza u kontradizzjoni tal-motivi, kif ukoll fuq ksur tal-obbligu li jiġu eżaminati l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, fil-punt 48 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kontenut tat-tieni lment li ma kienx jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-għażla tagħha li tissuġġetta ruħha għall-arbitraġġ kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iżda l-kwistjoni dwar jekk it-tariffa inkwistjoni imposta mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kinitx tikkostitwixxi tali għajnuna. Madankollu, fl-assenza ta’ espożizzjoni suffiċjenti tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti u r-raġunijiet tal-bidla fl-approċċ tal-Kummissjoni meta mqabbla ma’ dik segwita fid-deċiżjoni tagħha 2010/460/KE, tad‑19 ta’ Novembru 2009, dwar Għajnuna mill-Istat C 38/A/04 (ex NN 58/04) u C 36/B/06 (ex NN 38/06) implimentata mill-Italja favur Alcoa Trasformazioni dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/A/04 (ex NN 58/04) u C 36/B/06 (ex NN 38/06) implimentati mill-Italja favur Alcoa Trasformazioni [innotifikata bin-numru C (2009) 8112] (ĠU 2010, L 227, p. 62, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Alcoa”), it-tieni deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti u kontradizzjoni tal-motivi. Skont ir-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ verifika tal-fondatezza tal-metodu ta’ kalkolu u tal-ammont tat-tariffa inkwistjoni u billi llimitat ruħha li tikkonkludi li hija aġixxiet bħala investitur privat avżat, fid-dawl tal-parametri li wassluha sabiex tissottometti ruħha għall-arbitraġġ, il-Kummissjoni tbiegħdet sostanzjalment mill-approċċ tagħha adottat fil-premessa 154 tad-deċiżjoni Alcoa, mingħajr madankollu ma mmotivat dan it-tibdil b’mod speċifiku.

120    Skont ir-rikorrenti, il-punt 43 tat-tieni deċiżjoni kkontestata jindika b’mod żbaljat li l-kompromess ta’ arbitraġġ, li abbażi tiegħu t-Tribunal ta’ Arbitraġġ kellu jwettaq l-“aġġornament” u l-“aġġustament” tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku u b’hekk iwassal għall-kundizzjonijiet tariffarji applikabbli, kien jistabbilixxi “parametri ċari u oġġettivi”, minkejja li motivazzjoni suffiċjenti kienet tippreżupponi evalwazzjoni attentiva u serja tal-imsemmija parametri. Hija tosserva li l-punt 42 tal-imsemmija deċiżjoni sempliċement jirreferi għall-“prinċipji fundamentali tat-tariffikazzjoni tal-elettriku fir-rigward tal-klijenti b’vultaġġ għoli” u għall-fatt li, skont il-kompromess ta’ arbitraġġ, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kellha tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet tariffarji kienu jissodisfaw mhux biss il-karatteristiċi ta’ konsum tal-intervenjenti, iżda kienu jkopru wkoll “minn tal-inqas” l-ispejjeż tagħha. Hija tikkontesta n-natura “ċara u oġġettiva” ta’ dawn il-parametri, fid-dawl b’mod partikolari, tan-neċessità li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tariffarji permezz ta’ kalkolu aritmetiku u tal-espressjoni vaga “minn tal-inqas”. Anki jekk jitqies li l-interpretazzjoni tal-imsemmija kriterji ma hijiex ambigwa, il-mod ta’ kif għandhom jiġu kkombinati jibqa’ kompletament vag u suġġettiv. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li, fil-kompromess ta’ arbitraġġ, hija u l-intervenjenti wrew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar il-kwistjoni ta’ jekk it-Tribunal ta’ Arbitraġġ kellux jieħu inkunsiderazzjoni jew le d-Deċiżjoni Nru 8/2010 u jekk kellux “jaġġorna”, “jaġġusta” jew “jistabbilixxi” il-kundizzjonijiet tariffarji għall-perijodu qabel jew wara s‑6 ta’ Ġunju 2011. Għalhekk, mhux talli ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu “parametri ċari u oġġettivi”, iżda t-Tribunal ta’ Arbitraġġ ibbaża ruħu fuq testi li l-interpretazzjoni tagħhom kienet tħalli inċertezza kbira u marġni ta’ diskrezzjoni. Il-Kummissjoni naqset milli twettaq analiżi diliġenti ta’ dawn il-parametri u milli tispjega b’mod suffiċjenti l-analiżi tagħha li skontha dawn kienu “ċari u oġġettivi”. A fortiori, hija insuffiċjentement motivata l-allegazzjoni li l-imsemmija “parametri ċari u oġġettivi [...] jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lit-Tribunal ta’ Arbitraġġ” (punti 39 u 42 tat-tieni deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni la ppreċiżat jekk din il-“limitazzjoni” kinitx il-konsegwenza immedjata ta’ dawn il-parametri, la li dawn kienu jeskludu l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ, u lanqas kif din is-setgħa kienet limitata.

121    Skont ir-rikorrenti, l-affermazzjoni esposta fil-punt 45 tat-tieni deċiżjoni kkontestata li tgħid li t-tariffa inkwistjoni kienet tikkostitwixxi l-“konsegwenza loġika” tal-parametri inkwistjoni hija vvizzjata minn nuqqas totali ta’ motivazzjoni. Hija tindika li tali affermazzjoni hija b’mod partikolari inkompatibbli mal-analiżi li tgħid li hija aġixxiet bħala investitur privat avżat billi ssuġġettat ruħha għall-arbitraġġ. Hija tqis li huwa impossibbli li deċiżjoni tiġi kklassifikata bħala avżata meta tkun deċiżjoni dwar rikors għall-arbitraġġ, jekk ir-riżultat tagħha jitħabbar minn qabel bħala sfavorevoli għal dak li ħa din id-deċiżjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, l-iffissar ta’ tariffa li ma tkoprix l-ispejjeż tagħha. It-tieni deċiżjoni kkontestata tinkludi għalhekk kontradizzjoni ċara tal-motivi li tenfasizza l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina fil-mertu l-kwistjoni dwar jekk it-tariffa inkwistjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

122    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, twieġeb li l-biċċa l-kbira tal-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tar-raġunament espost fit-tieni deċiżjoni kkontestata u għalhekk huma ineffettivi u għandhom jiġu miċħuda. Skontha, ir-rikorrenti interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni Alcoa, fejn ma ġiex aċċettat il-metodu ta’ “prezzijiet medji ponderati fiż-żmien” bħala metodu ġeneralment applikabbli sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq tal-provvista tal-elettriku. Hija ssostni li, anki jekk ma kinitx obbligata trendi kompatibbli r-raġunament espost fil-punti 23 sa 49 tat-tieni deċiżjoni kkontestata mad-deċiżjoni Alcoa, dan huwa l-każ f’din il-kawża. L-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jikkontesta, b’mod partikolari, in-natura ċara u oġġettiva tal-parametri inkwistjoni ma jirrigwardax nuqqas ta’ motivazzjoni, iżda jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-motivi tat-tieni deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, il-motivazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni ppermettiet lir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tagħha u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fil-fatt, fil-punti 26 sa 38 tal-istess deċiżjoni, hemm esposti fit-tul ir-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tar-rikorrenti li tirrikorri għall-arbitraġġ hija razzjonali għal investitur privat.

2)      Tfakkir tal-argumenti essenzjali tal-partijiet fil-kuntest tar-raba’ motiv u tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ħames motiv

123    Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, li wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat, tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(2) TFUE, kif ukoll żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kkonkludiet li t-tariffa inkwistjoni, kif stabbilita bid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kienet il-“konsegwenza loġika tal-parametri ddefiniti korrettament fil-kompromess ta’ arbitraġġ”.

124    Skont ir-rikorrenti, essenzjalment, la l-punt 42 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, la l-kompromess ta’ arbitraġġ, u lanqas id-Deċiżjonijiet Nri 692/2011 u 798/2011 tar-RAE ma jippreċiżaw “parametri ċari u oġġettivi” li jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-arbitri, jew fatturi li jippermettu li jiġu ddeterminati l-karatteristiċi tal-konsum tal-intervenjenti, inkluż il-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż ta’ provvista sostnuti minnha marbuta ma’ dawn il-karatteristiċi, jew l-ispejjeż tagħha u s-sigħat ta’ tariffikazzjoni għolja u dgħajfa, u inqas u inqas kalkolu tal-ispejjeż kollha li jikkostitwixxu dawn il-provi inkwistjoni. Hija ssostni b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom din it-tariffa tista’ tirriżulta mill-“prinċipji fundamentali ta’ tariffikazzjoni”, filwaqt li l-metodu u d-data użata għall-kalkolu tagħha jmorru lil hinn mill-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 692/2011 li tieħu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-elettriku li ġej mil-linjite, ikkalkolati b’mod żbaljat, mingħajr ma tinkludi l-ispejjeż li jirriżultaw mill-provvista tal-elettriku fis-suq bl-ingrossa obbligatorju. Hija tippreċiża li ssottomettiet lill-Kummissjoni l-kalkolu tat-tariffa li tirriżulta mill-ispejjeż reali tagħha, jiġifieri EUR 72.42/MWh, EUR 80.55/MWh u EUR 77.33/MWh għas-snin 2011, 2012 u 2013 rispettivament. Bl-istess mod, għal dawn is-snin, kalkolu magħmul skont il-metodu segwit mill-maġġoranza tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ, jiġifieri abbażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni bil-linjite (rispettivament EUR 62.06/MWh, EUR 61.74/MWh u EUR 71.37/MWh), jew skont il-metodu tal-prezz medju kkalkolat fiż-żmien li jirriżulta mis-suq bl-ingrossa obbligatorju (rispettivament EUR 69.10/MWh, EUR 72.77/MWh u EUR 75.13/MWh), li huwa jqis li huwa l-iktar xieraq, iwassal għal tariffi kunsiderevolment ogħla jekk tintuża l-informazzjoni korretta dwar l-ispejjeż tagħha.

125    Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni u, għaldaqstant, kellha taffaċċja diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tagħha u tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

126    Fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ħames aggravju, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li kisret il-kriterju tal-investitur privat billi naqset milli tissostitwixxi lit-Tribunal ta’ Arbitraġġ u milli twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi kriterju u tal-verifika tal-kwistjoni dwar jekk it-tariffa inkwistjoni kinitx tikkorrispondi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

127    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi “manifest” fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE billi qieset li ma kinitx obbligata twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi sabiex tiddetermina jekk it-tariffa inkwistjoni kinitx timplika l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. Hija tqis li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li ma kinitx obbligata tivverifika jekk l-imsemmija tariffa kinitx “konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq”, b’mod partikolari jekk kinitx tkopri l-ispejjeż tagħha, u li, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, ma tistax tissostitwixxi lit-Tribunal ta’ Arbitraġġ.

128    Fil-fatt, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi “manifest” meta qieset li hija ma setgħetx “tissostitwixxi ruħha a posteriori”, bħal qorti tal-aħħar istanza, għall-evalwazzjoni tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ fir-rigward tal-kalkolu tat-tariffa inkwistjoni. Fit-tieni deċiżjoni kkontestata, hija rrikonoxxiet li t-Tribunal ta’ Arbitraġġ kien awtorità ġudizzjarja, mingħajr madankollu ma rrepetiet id-dikjarazzjoni żbaljata magħmula fl-ittra inkwistjoni li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx imputabbli lill-Istat Grieg. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata, b’mod partikolari, mill-fatt li t-Tribunal ta’ Arbitraġġ quddiem ir-RAE, skont l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 4001/2011, għandu jiġi kklassifikat bħala qorti statali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Dan l-iżball huwa a fortiori manifest fid-dawl tar-rimedji l-oħra possibbli, jiġifieri rikors quddiem qrati ordinarji, jew it-tentattiv għal ftehim binarju. Ir-rikorrent tqis fil-fatt li, f’kull wieħed minn dawn il-każijiet, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li teżamina l-kwistjoni dwar jekk hija aġixxietx bħala investitur privat meta għażlet wieħed minn dawn ir-rimedji, iżda kellha teżamina r-riżultat tal-proċedura magħżula. Konsegwentement, hija tqis li l-Kummissjoni kellha taffaċċja diffikultajiet serji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tariffa inkwistjoni kinitx tkopri minn tal-inqas l-ispejjeż tagħha u kinitx konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

129    Fir-rigward tar-raba’ motiv, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, issostni essenzjalment li kienet ikkonstatat ġustament li l-kompromess ta’ arbitraġġ kien jinkludi parametri ċari u oġġettivi (punti 20 sa 22 u 42 tat-tieni deċiżjoni kkontestata). Hija tikkontesta l-fatt li l-kriterju ta’ investitur privat avżat jista’ biss jiġi osservat jekk il-parametri tal-kompromess ta’ arbitraġġ ikunu kkonkretizzati għal tali punt li t-tariffa adegwata tirriżulta minnu awtomatikament. Li kieku dan kien il-każ, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma kien ikollhom ebda raġuni sabiex jirrikorru għall-arbitraġġ, iżda kienu jkunu kapaċi li jiftiehmu direttament fuq l-imsemmija tariffa. Barra minn hekk, ikun perfettament loġiku u prevedibbli li kwistjonijiet suġġetti għal arbitraġġ ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet differenti. It-tieni deċiżjoni kkontestata għalhekk ikkonkludiet ġustament li, fil-kompromess ta’ arbitraġġ, ir-rikorrenti kienet aċċettat parametri ċari u oġġettivi intiżi sabiex jiffissaw it-tariffa dovuta bl-istess mod kif kien jagħmel investitur privat u li l-imsemmija parametri kellhom bħala konsegwenza loġika l-iffissar tat-tariffa inkwistjoni permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Fid-dawl tat-tilwima li ilha teżisti bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti li wasslet għall-arbitraġġ abbażi ta’ dawn il-parametri, il-Kummissjoni tqis għalhekk li hija kienet imsejħa tevalwa jekk ir-rikorrenti aġixxietx bħala investitur privat avżat, jew saħansitra bħala bejjiegħ jew kreditur privat (punti 34 u 36 sa 38 tat-tieni deċiżjoni kkontestata), sabiex tikkonkludi li ma kienx hemm vantaġġ favur l-intervenjenti minħabba l-konformità tat-tariffa inkwistjoni mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

130    Ir-rikorrenti sempliċement titolbu jikkalkula mill-ġdid it-tariffa inkwistjoni abbażi ta’ elementi u ta’ metodi li hija tqis li huma korretti, u dan irendi l-kriterju tal-investitur privat mingħajr effett. Madankollu, peress li r-rikorrenti aċċettat volontarjament, bħal investitur privat, li tissuġġetta ruħha għall-arbitraġġ u ffirmat il-ftehim ta’ arbitraġġ li jinkludi l-parametri inkwistjoni, l-eżitu tal-imsemmi arbitraġġ, jiġifieri t-tariffa inkwistjoni, jista’ jkun biss konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq sa fejn din tirriżulta loġikament mill-parametri tal-ftehim ta’ arbitraġġ. Fir-realtà, ir-rikorrenti ma titlobx li jiġi applikat id-dritt tal-għajnuna mill-Istat, iżda li tiġi eżaminata mill-ġdid il-kawża mressqa quddiem it-Tribunal ta’ Arbitraġġ, anki jekk hija tilfet bl-istess mod bħal investitur privat li jinsab fl-istess sitwazzjoni. Il-Kummissjoni ssostni għalhekk li applikat b’mod korrett il-kriterju tal-investitur privat avżat u l-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE billi qieset li l-eżitu ta’ arbitraġġ, u għaldaqstant it-tariffa inkwistjoni, kienu konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq bħala konsegwenza loġika tal-parametri ċari u oġġettivi tal-kompromess ta’ arbitraġġ.

131    L-intervenjenti tippreċiża, essenzjalment, li l-kompromess ta’ arbitraġġ huwa r-riżultat tar-rieda libera tar-rikorrenti, wara negozjati twal mal-intervenjenti, u ġie approvat mis-servizz legali, il-bord tad-diretturi u l-assemblea ġenerali tar-rikorrenti, b’tali mod li l-ilmenti tagħha huma abbużivi u jmorru kontra l-prinċipju ġenerali tad-dritt li jipprovdi li ħadd ma jista’ jsostni favur tiegħu l-ommissjoni jew illegalità tiegħu stess (nemo auditur propriam turpitudinem allegans). Hija tindika li l-imsemmi kompromess jinkludi parametri ċari u oġġettivi li jiddelimitaw b’mod raġonevoli kemm il-portata tas-setgħa tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ kif ukoll il-linji gwida li fuqhom kellha tkun ibbażata d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u tirreferi għad-Deċiżjoni Nru 692/2011 tar-RAE li tiddefinixxi, b’mod komplet, eżawrjenti u vinkolanti, il-prinċipji fundamentali dwar it-tariffi, mingħajr ma r-rikorrenti ppreżentat rikors fir-rigward tagħha quddiem it-tribunali Elleniċi. Hija ssostni li l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni ġie approvat mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Ellenika bħala bażi għat-tfassil tat-tariffi applikabbli fil-kundizzjonijiet tas-suq liberalizzat tal-elettriku u ġie inkorporat fil-kodiċi tal-provvista tal-elettriku li abbażi tiegħu r-rikorrenti impenjat ruħha, fir-rigward taż-ŻEE, li tinnegozja magħha. Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li d-Deċiżjoni Nru 798/2011 tar-RAE hija deċiżjoni ad hoc dwar l-abbozz ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku bejn ir-rikorrenti u din li tinkludi struzzjonijiet dettaljati relatati mal-kundizzjonijiet awtorizzati f’tali kuntratt. Fl-aħħar, hija tenfasizza li, skont id-Deċiżjoni Nru 692/2011, ir-rikorrenti u hija ftehmu li l-kundizzjonijiet tal-provvista tal-elettriku kellhom jikkorrispondu għall-profil tal-konsum tagħha u jkopru tal-inqas l-ispiża tar-rikorrenti. Minn dan hija tikkonkludi li l-kompromess ta’ arbitraġġ kien suffiċjentement ċar u oġġettiv sabiex jiġu ddefiniti l-parametri obbligatorji u jiġi ffissat prezz u kundizzjonijiet ta’ provvista raġonevoli li kull imprenditur avżat, fil-kwalità tiegħu ta’ bejjiegħ jew ta’ xerrej tal-elettriku, kien jeżiġi sabiex tiġi ggarantita evalwazzjoni ekwa mit-Tribunal ta’ Arbitraġġ. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-fatt li t-tariffa inkwistjoni kienet inqas mill-ispejjeż tagħha, filwaqt li hija naqset milli tipproduċi provi ta’ spejjeż quddiem it-Tribunal ta’ Arbitraġġ, kemm fil-kuntest tal-ilmenti tagħha, kif ukoll waqt il-mori tal-kawża. Fi kwalunkwe każ, it-tariffa inkwistjoni kienet, ċertament, inferjuri għal dik mitluba mir-rikorrenti, iżda wkoll ogħla minn dik mitluba mill-intervenjenti, b’tali mod li ż-żewġ partijiet tilfu t-tnejn. Dan huwa kkorroborat mill-fatt li, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ provvista ffirmat għall-perijodu li jibda fl‑1 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti aċċettat tariffa saħansitra iktar baxxa meta mqabbla ma’ dik stabbilita mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, jiġifieri ta’ EUR 32/MWh.

132    Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ħames motiv, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li ma qisitx, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx obbligata twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

133    Skont il-Kummissjoni, ir-regola li abbażi tagħha hija kellha tevalwa l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku kienet il-kriterju tal-investitur privat avżat. Peress li r-rikorrenti qablet li tissuġġetta ruħha għall-arbitraġġ bl-istess mod li investitur privat kien jagħmel fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, ma jeżistix vantaġġ favur l-intervenjenti. F’każ bħal dan, l-eżitu ta’ arbitraġġ, jiġifieri t-tariffa inkwistjoni, kien ikun l-istess għall-intervenjenti, anki jekk investitur privat kien jaġixxi minflok ir-rikorrenti, u kien neċessarjament jinkiseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Fid-dawl tal-argumenti tagħha msemmija fil-punt 130 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tqis li kkunsidrat b’mod korrett, minn naħa, fil-punt 44 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li ma kienx neċessarju li jiġi kkonstatat jekk it-tariffa inkwistjoni kinitx konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq sabiex tikkonkludi li l-intervenjenti ma kinitx irċeviet vantaġġ, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 45 tal-imsemmija deċiżjoni, li hija ma kinitx qiegħda tintrabat bid-dettalji kollha tal-kalkolu tal-imsemmija tariffa. Fil-fehma tagħha, il-fatt li r-rikorrenti aġixxiet bħala investitur privat fil-konfront tal-intervenjenti ma għandu ebda rabta mal-kwistjoni dwar jekk it-Tribunal ta’ Arbitraġġ iffissax it-tariffa inkwistjoni skont elementi u metodi li r-rikorrenti tqis korretti, peress li din tista’ ma taqbilx mad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, bħal kull investitur privat ieħor li tilef. Huwa b’mod kontradittorju li r-rikorrenti ssostni li tariffa ġiet “imposta” fuqha permezz tal-imsemmija deċiżjoni, anki jekk hija ffirmat il-ftehim ta’ arbitraġġ li jikkostitwixxi l-bażi tagħha, bħala kontraenti privata.

134    Il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat ma tippreżumix li r-rikorrenti tiddeċiedi li tirrikorri għall-arbitraġġ abbażi ta’ studju ekonomiku preċedenti li jipparaguna l-vantaġġ ekonomiku li huwa assoċjat miegħu meta mqabbel ma’ dak li huwa marbut mal-użu ta’ rimedji oħra disponibbli għas-soluzzjoni tat-tilwima. Numru ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi huma bbażati essenzjalment fuq evalwazzjonijiet kwalitattivi, bħal, f’dan il-każ, dik tan-neċessità li tinstab soluzzjoni malajr għat-tilwima, u mhux fuq l-evalwazzjonijiet kwantitattivi ta’ studju ekonomiku dwar il-profittabbiltà futura ta’ impriża wara kontribuzzjoni ta’ kapital. Il-kriterju tal-investitur privat jeżiġi tali studju minn qabel biss għat-tranżazzjonijiet u operazzjonijiet li għat-twettiq tagħhom l-investituri privati avżati normalment jitolbu dan, li ma huwiex il-każ meta jsir rikors għall-arbitraġġ bħal f’dan il-każ.

135    Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-osservanza tal-kriterju tal-investitur privat u, għaldaqstant, tal-assenza ta’ vantaġġ favur l-intervenjenti, hija ma kellha ebda raġuni sabiex tissostitwixxi ruħha a posteriori mat-Tribunal ta’ Arbitraġġ. Min-naħa l-oħra, hija tqis li, meta deċiżjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ jew ta’ qorti ordinarja statali timplika l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tadotta deċiżjoni negattiva li tipprevali fuq tali deċiżjoni. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti dwar il-kwalità tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ bħala qorti u l-imputabbiltà tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ lill-Istat Grieg huwa ineffettiv, peress li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq l-assenza ta’ vantaġġ. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni dwar jekk Tribunal ta’ Arbitraġġ jistax jitqies bħala qorti tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ma għandha ebda rabta mal-eżistenza ta’ tali vantaġġ.

136    Skont il-Kummissjoni, l-ilmenti li jikkritikawha li naqset milli teżamina l-kuntest leġiżlattiv applikabbli, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-suq, l-importanza tal-profil tal-konsum tal-intervenjenti, l-elementi tal-ispejjeż ta’ DEI, u l-metodoloġija użata sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dak li jikkritika lit-Tribunal ta’ Arbitraġġ talli kkalkola b’mod żbaljat it-tariffa inkwistjoni, huma esklużivament diretti kontra d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, mingħajr madankollu ma juru li r-rikorrenti ma aġixxietx bħala investitur privat. Madankollu, it-tieni deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat sabiex jiġi konkluż li ma kienx hemm vantaġġ. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija deċiżjoni tirrifletti eżami tal-elementi rilevanti għal dan il-għan billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod indikattiv, l-ewwel, il-kuntest leġiżlattiv tas-suq tal-elettriku fil-Greċja (punti 18, 20, 21, 29, 33, 37, 40 u 41 u noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 5, 6 u 13 sa 18), it-tieni, il-profil tal-konsum tal-intervenjenti (punt 31 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3), it-tielet, il-karatteristiċi tar-rikorrenti bħala produttur u fornitur tal-elettriku (punt 30 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 7), ir-raba’, ċirkustanzi ġenerali tal-kawża bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti (Sezzjonijiet 2.1 u 2.2 u punti 34 sa 38 u 42). Ir-rikorrenti ma kkontestatx l-evalwazzjoni ta’ dawn il-parametri fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, iżda biss it-tariffa inkwistjoni. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li eżaminat l-eżitu ta’ arbitraġġ mill-perspettiva taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

137    L-intervenjenti tikkontesta t-tentattiv li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali jiġu ttrasformati f’korpi ta’ kontroll tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija ma kinitx aġixxiet bħala investitur privat, kemm meta hija ddeċidiet li tissuġġetta ruħha għall-arbitraġġ, skont il-kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ arbitraġġ, kif ukoll matul il-proċedura ta’ arbitraġġ. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni stabbilixxiet tariffa ħafna ogħla minn dik meqjusa mill-intervenjenti bħala ġusta u ekwa. Madankollu, peress li, skont id-dritt Grieg, deċiżjoni ta’ arbitraġġ titqies li hija ekwivalenti għal deċiżjoni ġudizzjarja u hija eżekuttiva, hija rrinunzjat milli tikkontesta d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ quddiem il-qrati kompetenti.

3)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

i)      Tfakkira tal-kunsiderazzjonijiet rilevanti esposti fit-tieni deċiżjoni kkontestata

138    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-eżistenza ta’ vantaġġ li huwa s-suġġett tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames motiv, mill-punti 37 sa 48 tat-tieni deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi sottostanti t-tilwima bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti, tat-tul tagħha u tan-nuqqas ta’ probabbiltà għar-rikorrenti li tirbaħ il-kawża quddiem il-qrati ordinarji f’terminu aċċettabbli, operatur avżat f’ekonomija tas-suq kien, fis-sitwazzjoni ta’ DEI, jagħżel l-arbitraġġ sabiex jirkupra minn tal-inqas parti mid-dejn mhux imħallas u kien jaċċetta l-iffissar tat-tariffa applikabbli mit-Tribunal ta’ Arbitraġġ magħmul minn esperti li s-setgħa ta’ diskrezzjoni tiegħu hija limitata minn parametri komparabbli għal dawk inklużi fil-kompromess ta’ arbitraġġ (punti 37 sa 39 tal-imsemmija deċiżjoni).

139    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat l-għarfien espert u l-indipendenza tal-esperti (punti 40 u 41 tat-tieni deċiżjoni kkontestata), kif ukoll il-parametri ċari u oġġettivi ddefiniti minn qabel li jirregolaw id-determinazzjoni tat-tariffa inkwistjoni u li jillimitaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-arbitri, jiġifieri l-prinċipji ta’ tariffikazzjoni applikabbli għall-klijenti b’vultaġġ għoli fis-suq tal-enerġija Grieg, li fuqhom ibbażat ruħha wkoll ir-RAE li kieku kellha tiffissa tariffi ta’ provvista tal-elettriku permezz ta’ regolamenti, kif ukoll il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija perspettiva u l-istruttura tar-rikorrenti (punt 42 tal-imsemmija deċiżjoni).

140    Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet, essenzjalment, li investitur privat avżat li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti kien jiftiehem dwar kompromess ta’ arbitraġġ li għandu tali karatteristiċi, b’tali mod li l-kriterji tal-imsemmi kompromess kienu jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet tas-suq u ma setax ikollhom bħala effett l-għoti ta’ vantaġġ lill-intervenjenti (punt 43 tat-tieni deċiżjoni kkontestata).

141    Fil-punti 44 sa 48 tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-ammont eżatt tat-tariffa inkwistjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienx konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, ir-riżultat ta’ arbitraġġ ikun konformi mal-kriterju tal-investitur privat meta l-parametri miftiehma sabiex tiġi ffissata t-tariffa jkunu ddeterminati minn qabel abbażi ta’ kriterji oġġettivi marbuta mas-suq, b’mod li tali investitur kien aċċetta li jissottometti ruħu għall-arbitraġġ fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Bl-istess mod, lanqas ma huwa neċessarju li jsiru evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi dwar il-kalkolu preċiż tat-tariffa inkwistjoni billi jiġi ssostitwit it-Tribunal ta’ Arbitraġġ, peress li din it-tariffa hija konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq bħala konsegwenza loġika tal-parametri ddefiniti minn qabel fil-ftehim ta’ arbitraġġ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li r-rikorrenti kienet iffirmat dan il-ftehim mingħajr ma kkontestat l-imsemmija parametri bħala kuntrarji għall-kundizzjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li investitur privat avżat ma jkunx f’pożizzjoni li jinfluwenza r-riżultat ta’ proċedura ta’ arbitraġġ imwettqa fuq il-bażi ta’ tali parametri, minbarra l-possibbiltà li jikkontesta l-imsemmija deċiżjoni quddiem qorti ordinarja. Barra minn hekk, it-tariffa inkwistjoni għadha ogħla mill-medja tat-tariffi tal-elettriku applikati għall-impriżi metallurġiċi fl-Ewropa fl-2013.

142    Fid-dawl tat-tielet u tar-raba’ motiv, kif ukoll tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ħames motiv, hemm lok li jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni kinitx fondata, minn naħa, li tillimita ruħha li tapplika l-prinċipju ta’ operatur privat għad-deċiżjoni tar-rikorrenti li tissuġġetta ruħha għall-arbitraġġ billi tiffirma l-kompromess ta’ arbitraġġ u, min-naħa l-oħra, li tirrinunzja milli tistħarreġ jekk, billi tiffissa t-tariffa inkwistjoni, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kinitx tinkludi l-għoti lill-intervenjenti ta’ vantaġġ li ma jikkorrispondix mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, mingħajr ma kellha dubji jew diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TUFE. Għal dan il-għan, għandu jitfakkar, preliminarjament, il-mod kif il-kompetenzi u l-obbligi bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali huma maqsuma f’dan ir-rigward, fid-dawl tal-bżonn eventwali li t-Tribunal ta’ Arbitraġġ jiġi assimilat ma’ tali qorti.

ii)    Fuq it-tqassim tal-kompetenzi u tal-obbligi bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali

143    L-implimentazzjoni ta’ din is-sistema ta’ kontroll hija r-responsabbiltà, minn naħa, tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-qrati nazzjonali, li jissodisfaw ir-rwoli rispettivi tagħhom li huma komplementari iżda distinti. Għalkemm il-qrati nazzjonali ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, peress li dan il-kontroll jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, huma għandhom jiżguraw il-protezzjoni, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-partijiet f’kawża fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE. Għal dan il-għan, il-qrati nazzjonali jistgħu jiġu aditi b’kawżi li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari bil-għan li jiġi ddeterminat jekk miżura introdotta mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ kontroll minn qabel prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE għandhiex tkun suġġetta għaliha jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, PGE, C‑574/14, EU:C:2016:686, punti 30 sa 32; tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 95 sa 98 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑387/17, EU:C:2019:51, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Jekk il-qrati nazzjonali jaslu għall-konstatazzjoni li l-miżura kkonċernata jmissha effettivament ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, huma jkollhom jivverifikaw jekk l-Istat Membru kkonċernat ikkonformax lilu nnifsu ma’ dan l-obbligu u, jekk dan ma jkunx il-każ, jiddikjaraw din il-miżura illegali. Fil-fatt, huma għandhom l-obbligu li jisiltu l-konsegwenzi kollha tal-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom, kemm fir-rigward tal-validità tal-atti li jinvolvu t-tqegħid għal implimentazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 99 u 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    L-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat FUE. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni u jevitaw milli jieħdu dawk li jistgħu jqiegħdu f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE. Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, PGE, C‑574/14, EU:C:2016:686, punt 33, u tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Minn dan jirriżulta li, abbażi tal-effett dirett tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, moqri flimkien mal-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-qrati nazzjonali jissodisfaw, flimkien mal-Kummissjoni li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, rwol komplementari għall-finijiet tal-implimentazzjoni effikaċi tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari, billi jiggarantixxu l-osservanza tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali.

147    Għall-kuntrarju, il-qrati nazzjonali stess jistgħu jiksru l-obbligi imposti fuqhom skont l-Artikolu 107(1) TFUE u l-Artikolu 108(3) TFUE u, b’dan il-mod, jrendu possibbli jew ikompli l-għoti ta’ għajnuna illegali, jew saħansitra jsiru l-istrument għal dan il-għan. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li qorti nazzjonali għal miżuri provviżorji setgħet tikser l-obbligu ta’ notifika u l-projbizzjoni tal-implimentazzjoni ta’ għajnuna, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, billi tissospendi b’mod provviżorju u ex nunc l-effetti tax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku fit-tul b’rata preferenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 107 u 108). Bl-istess mod, meta qorti nazzjonali twettaq għoti ta’ għajnuna illegali, u trendi l-eżekuzzjoni tagħha possibbli minkejja l-eżistenza ta’ deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li tkun iddikjarat din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, għandha tiġi miċħuda, skont il-prinċipju tas-supremazija, l-applikazzjoni ta’ regola intiża li tikkonferma l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punti 61 sa 63; tal‑11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C‑505/14, EU:C:2015:742, punti 41 sa 45, u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il‑Kummissjoni, C‑586/18 P, EU:C:2020:152, punti 94 u 95).

148    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan ir-rigward li, f’sitwazzjoni li fiha jkun hemm deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali dwar miżura statali li tippreċedi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, dan il-fatt ma jistax jostakola lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenza esklużiva mogħtija lilha mit-Trattat FUE inkonnessjoni mal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern. L-eżerċizzju ta’ tali kompetenza jimplika li l-Kummissjoni tista’ teżamina, skont l-Artikolu 108 TFUE, jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat li kellha tiġi nnotifikata lilha, konformement mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, f’sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet ta’ Stat Membru qiesu li din il-miżura ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE, inkluż meta dawn l-awtoritajiet ikunu kkonformaw ruħhom, f’dan ir-rigward, mal-evalwazzjoni ta’ qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il‑Kummissjoni, C‑586/18 P, EU:C:2020:152, punti 92 u 93).

149    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali, għandu jiġi eżaminat jekk it-Tribunal ta’ Arbitraġġ għandux jiġi kklassifikat bħala korp li jixbah lil qorti Ellenika ordinarja, li l-evalwazzjoni tagħha kellha tiġi vverifikata mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tneħħi kull dubju jew diffikultà serja fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tariffa inkwistjoni kinitx tinvolvi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

iii) Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku favur l-intervenjenti

–       Fuq in-natura statali tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ

150    Għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni kif deskritta fil-punt 148 iktar ’il fuq tikkorrispondi għal dik tal-każ inkwistjoni, minbarra l-fatt li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tikkostitwixxi deċiżjoni adottata minn Tribunal ta’ Arbitraġġ u mhux dik ta’ qorti statali ordinarja.

151    Fil-fatt, minn naħa, f’dan il-każ, permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ ħa deċiżjoni legalment vinkolanti dwar l-iffissar tat-tariffa inkwistjoni li setgħet tagħti vantaġġ lill-intervenjenti fil-każ li ma kinitx tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq u, għaldaqstant, li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mhux innotifikata mir-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Min-naħa l-oħra, il-provi prodotti mir-rikorrenti, li ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni, iżda biss, b’mod ftit iddettaljat, mill-intervenjenti, jistabbilixxu li t-Tribunal ta’ Arbitraġġ, kif stabbilit fir-RAE skont l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 4001/2011, il-proċedura ta’ arbitraġġ li tiżvolġi quddiemu, kif ukoll id-deċiżjonijiet tiegħu għandhom karatteristiċi analogi għal dawk tal-qrati Elleniċi ordinarji, tal-kawżi li jiżvolġu quddiemhom, u tad-deċiżjonijiet tagħhom.

152    Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-kriterji li ġejjin.

153    L-ewwel, it-tribunali ta’ arbitraġġ stabbiliti skont l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 4001/2011 jeżerċitaw funzjoni ġudizzjarja identika għal dik tal-qrati ordinarji, jew saħansitra jissostitwixxuhom sa fejn il-ftuħ tal-istanza arbitrali ċċaħħadhom mill-ġurisdizzjoni tagħhom.

154    It-tieni, l-imħallfin arbitri, magħżula minn lista stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-RAE, għandhom jiġġustifikaw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom qabel il-ħatra tagħhom (Artikolu 37(4) tal-Liġi Nru 4001/2011, u Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament ta’ Arbitraġġ tar-RAE).

155    It-tielet, il-proċeduri quddiem it-tribunali arbitrali huma rregolati, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodikas politikis dikonomias (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ellenika) u, sussidjarjament, mir-Regolament ta’ Arbitraġġ tar-RAE (Deċiżjoni tar-RAE Nru 261/2012, Parti I, preambolu)

156    Ir-raba’, is-sentenzi tat-tribunali arbitrali huma legalment vinkolanti, li għandhom l-awtorità ta’ res judicata (Artikolu 14(8) tar-Regolament ta’ Arbitraġġ tar-RAE) u jammontaw għal titoli eżekuttivi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ellenika (ara b’mod partikolari l-Artikoli 896 u 904)

157    Il-ħames, id-deċiżjonijiet tat-tribunali arbitrali jistgħu jiġu appellati quddiem qorti ordinarja, kif juri r-rikors tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

158    Minn dan isegwi li r-rikorrenti wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li t-tribunali arbitrali stabbiliti u li joperaw skont l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 4001/2011 kienu jagħmlu parti integrali mis-sistema ġudizzjarja statali Griega. Fil-fatt, anki wara domanda espressa u preċiża tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward waqt is-seduta, il-Kummissjoni astjeniet milli tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk, minħabba dawn il-karatteristiċi, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ setax jiġi assimilat ma’ qorti statali ordinarja, iżda llimita ruħu li jirrepeti li kien biżżejjed għaliha li tiddeċiedi dwar l-assenza ta’ vantaġġ favur l-intervenjenti billi tapplika l-prinċipju ta’ operatur privat għad-deċiżjoni tar-rikorrenti li tissottometti ruħha għall-arbitraġġ, li hija għamlet fit-tieni deċiżjoni kkontestata.

159    Madankollu, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, fid-dawl tan-natura tagħha, tal-kuntest tal-attività tagħha, tal-għan tagħha, kif ukoll tar-regoli li huwa suġġett għalihom, tribunal ta’ arbitraġġ, li jiddeċiedi skont proċedura ta’ arbitraġġ prevista mil-liġi u jistabbilixxi tariffa tal-elettriku permezz ta’ deċiżjoni legalment vinkolanti, suġġetta għal rikors quddiem il-qrati tal-Istat, li għandu l-awtorità ta’ res judicata u li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, bħad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ (ara l-punti 151 sa 157 iktar ’il fuq), għandu jiġi kklassifikat, l-istess bħal qorti Ellenika ordinarja, bħala organu li jeżerċita poter li jaqa’ taħt il-prerogattivi tal-poter pubbliku.

–       Fuq id-dmir tal-Kummissjoni li tivverifika l-għoti ta’ vantaġġ permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ

160    Mill-ġurisprudenza jirriżulta ċertament li l-prinċipju tal-operatur privat ma jistax jiġi applikat għad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ bħala tali, fid-dawl tal-fatt li t-tribunal ta’ arbitraġġ għandu jiġi assimilat għal qorti statali ordinarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Mytilinaios Anonymos Etairia – Omilos Epicheiriseon, C‑332/18 P, EU:C:2019:1065, punti 133 u 134) (ara l-punti 150 sa 159 iktar ’il fuq). Xorta jibqa’ l-fatt li, skont is-setgħat u l-obbligi tagħha mfakkra fil-punt 148 iktar ’il fuq, sabiex tkun tista’ teskludi kull dubju fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq kontroll fuq il-kwistjoni dwar jekk miżura statali mhux innotifikata, bħat-tariffa inkwistjoni stabbilita mill-imsemmija deċiżjoni, iżda kkontestata minn lanjant, kinitx tissodisfa l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkluż il-kriterju ta’ vantaġġ li hija tallega li applikat f’dan il-każ.

161    Fil-fatt, skont ir-responsabbiltà ċentrali u esklużiva tagħha li tiżgura, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, l-osservanza tal-Artikolu 107 TFUE u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, il-Kummissjoni hija obbligata tivverifika, b’mod partikolari, skont il-każ, bi ftehim mal-esperti, jekk miżura statali tinkludix vantaġġ li ma jikkorrispondix mal-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il‑Kummissjoni, T‑274/01, EU:T:2004:266, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja u Ellinikos Chrysos vs Il‑Kummissjoni, T‑233/11 u T‑262/11, EU:T:2015:948, punt 91, u tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punti 164 sa 179).

162    Skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi, taħt kwalunkwe forma, li jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi, jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Kuntrarjament, dan ma huwiex il-każ jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punti 70 u 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tintalab teżamina l-kwistjoni dwar jekk ċerti miżuri jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux aġixxew bl-istess mod bħal bejjiegħ privat, hija għandha twettaq evalwazzjoni ekonomika kumplessa, li fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 77 u 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-evalwazzjoni tapplika mutatis mutandis għall-bejgħ tal-elettriku minn impriża taħt il-kontroll tal-Istat, bħar-rikorrenti, li jista’ jagħti vantaġġ ekonomiku lix-xerrej li ma huwiex konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Fil-fatt, l-istess bħalma l-bejgħ ta’ art pubblika bi prezz inferjuri minn dak tas-suq jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), dak tal-elettriku minn tali impriża b’tariffa inferjuri għal dik tas-suq tista’ tagħti lix-xerrej, fil-kwalità tiegħu ta’ benefiċjarju, vantaġġ li jwassal, essenzjalment, għal tnaqqis tal-baġit tal-Istat li jikkonsisti fir-rinunzja mill-Istat għad-differenza bejn il-valur fis-suq tiegħu u l-prezz inferjuri mħallas minn dan ix-xerrej.

–       Fuq id-dmir tal-Kummissjoni li tagħmel evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ vantaġġ

164    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali u tal-argumenti u tal-motivi ppreżentati mir-rikorrenti fl-ilmenti tagħha, sabiex teskludi kull dubju fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni ma setgħetx tirrinunzja, minn naħa, il-kontroll dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kinitx tikkostitwixxi għoti ta’ vantaġġ (ara l-punti 160 sa 163 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, tissokta, għal dan il-għan, b’evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, b’mod partikolari, dwar il-konformità tat-tariffa inkwistjoni mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Barra minn hekk, hija ma tistax tevita dan l-obbligu ta’ kontroll minħabba li, wara tilwima twila, ir-rikorrenti u l-intervenjenti kienu ftiehmu dwar kompromess ta’ arbitraġġ li kien jinkludi kriterji li kienu intiżi sabiex jiddeterminaw minn qabel l-iffissar tal-imsemmija tariffa u, għaldaqstant, kienu ssuġġettaw ruħhom għal proċedura ta’ arbitraġġ li l-eżitu tagħha kien il-“konsegwenza loġika” tal-imsemmi kompromess.

165    Ċertament, kif issostni l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza ma stabbilixxietx obbligu ġenerali li hija twettaq, fil-każijiet kollha, analiżi kumplessa tal-prezz ipotetiku tas-suq li kien iħallas il-benefiċjarju ta’ miżura partikolari fl-assenza tagħha sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għaldaqstant, fil-każ tal-eżistenza manifesta ta’ vantaġġ li jirriżulta minn mekkaniżmu ta’ rimbors, permezz ta’ imposta parafiskali, tad-differenza bejn it-tariffa tal-elettriku normalment iffatturata lill-impriżi u t-tariffa preferenzjali mogħtija, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet il-prova tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jrendu tali analiżi neċessarja (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2016, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, C‑604/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:54, punti 38 sa 40, li jikkonferma s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, T‑177/10, EU:T:2014:897, punti 82 sa 84).

166    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti li wasslu għal din il-kawża ma humiex paragunabbli ma’ dawk tal-kawża li tat lok għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 165 iktar ’il fuq, li fiha ma kienx hemm dubju dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ. Fil-fatt, fil-każ ineżami, l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ vantaġġ marbut mat-tariffa inkwistjoni mhux biss kienet kontroversjali ferm bejn il-partijiet, iżda wkoll diffiċli li tiġi ddeterminata, kif jattestaw il-motivazzjoni ddettaljata u kumplessa tal-voti maġġoritarji u minoritarji esposti fid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li l-vot tal-minoranza jikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-maġġoranza tal-arbitri preċiżament fir-rigward tal-punti kkontestati fil-kuntest tal-kawża preżenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni la setgħet tikkonkludi li kien hemm assenza ta’ ċirkustanzi partikolari fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza li kienu jippermettulha tirrinunzja għal tali evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, u lanqas li teskludi f’dan ir-rigward kull dubju dwar il-fondatezza tal-evalwazzjoni tagħha esposti fil-punti 43 sa 48 tat-tieni deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, hija ma għandhiex raġun targumenta li l-kriterji tal-kompromess ta’ arbitraġġ, kif moqrija fid-dawl tal-elementi vagi stabbiliti fid-Deċiżjonijiet Nri 692/2011 u 798/2011 tar-RAE, kienu ddeterminaw minn qabel, bi preċiżjoni suffiċjenti, ir-riżultat tal-proċedura ta’ arbitraġġ, b’tali mod li dan kellu jitqies bħala l-“konsegwenza loġika” u prevedibbli għar-rikorrenti tal-imsemmija kriterji. Għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni li l-Kummissjoni kellha quddiemha permezz tat-tieni lment tar-rikorrenti hija paragunabbli ma’ dik tat-tressiq ta’ kawża quddiem qorti ċivili ordinarja għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-kjarifika tad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt irregolat mid-dritt ċivili li l-portata tiegħu hija kkontestata bejn il-partijiet, u li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni tqis li għandha hija stess kompetenza ta’ stħarriġ, kif juru l-fatti tal-kawża parallela għal din il-kawża li taw lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Mytilinaios Anonymos Etairia – Omilos Epicheiriseon (C‑332/18 P, EU:C:2019:1065).

167    Fil-fatt, fil-kawża ineżami, iċ-ċirkustanzi partikolari li wasslu lill-Kummissjoni teżamina, b’mod diliġenti, suffiċjenti u komplet (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 116 u 117 iktar ’il fuq), l-għoti eventwali ta’ vantaġġ lill-intervenjenti permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u li twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi għal dan il-għan, qabel ma jitneħħa kull dubju jew diffikultà serja fir-rigward tal-assenza ta’ laqgħa tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma dawn li ġejjin.

168    Fl-ewwel lok, il-kompromess ta’ arbitraġġ huwa limitat li jindika li l-intervenjenti u r-rikorrenti “ftiehmu li jirrikorru għal ftehim komuni għall-arbitraġġ imsemmi fl-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 4001/2011 sabiex, b’applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali ta’ tariffikazzjoni għall-klijenti ta’ vultaġġ għoli, kif ifformulati mir-RAE fid-Deċiżjoni Nru 692[/2011] tagħha, iżda wkoll fid-dawl [...] tad-Deċiżjoni Nru 798[/2011] u [...] tad-Deċiżjoni Nru 8/2010 tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ, ir-RAE taġġorna u taġġusta l-kundizzjonijiet ta’ tariffikazzjoni stabbiliti fl-abbozz tal-kuntratt [dwar il-provvista tal-elettriku], imfassal fil‑5 ta’ Ottubru 2010 bil-għan tat-twettiq tal-ftehim [qafas], u sabiex hija tesponi, fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjonijiet [...], il-kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ provvista bejn il-partijiet applikabbli b’effett mis‑6 ta’ Ġunju 2011, b’mod li dawn il-kundizzjonijiet, minn naħa, jikkorrispondu għall-profil ta’ konsum [tal-intervenjenti] u, min-naħa l-oħra, ikopru minn tal-inqas l-ispejjeż [tar-rikorrenti])”. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tqis il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ “profil tal-konsum [tal-intervenjenti]” u tal-“ispejjeż tar-[rikorrenti]” ma jippermettux li minn dan jiġi dedott faċilment ammont xieraq tat-tariffa tal-elettriku mitluba, u dan huwa kkonfermat mill-analiżi ddettaljata u kumpless li l-Qorti tal-Arbitraġġ wettqet f’dan ir-rigward (ara l-punti 171 sa 184 iktar ’il fuq).

169    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-metodu ta’ tariffikazzjoni, id-Deċiżjoni Nru 692/2011 tar-RAE sempliċement tiddikjara, b’mod partikolari, li “[i] l-prezzijiet għandhom jirriflettu l-ispejjeż reali tal-provvista tal-elettriku [...] u jkopru l-ispejjeż tal-produzzjoni kif tidher fis-suq bl-ingrossa [...], l-ispiża tal-attività ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ ġestjoni tal-klijenti [...] u qligħ raġonevoli”. Fir-rigward tal-“klijenti importanti”, fosthom “il-klijenti medji u voltaġġ għoli”, bħall-intervenjenti, hija prevista l-possibbiltà “li jiġu proposti tariffi individwalizzati, adattati għall-karatteristiċi tagħhom u għas-servizzi proposti u miftiehma bejn il-fornitur u l-klijent [...]”. Il-fatturazzjoni tal-provvista tal-elettriku għandha tkun ta’ natura li, b’mod partikolari, “tirrifletti kemm jista’ jkun possibbli l-ispejjeż għal żmien qasir u fit-tul li jiġġeneraw il-forma tal-kurva ta’ piż u l-volum tal-konsum tal-kategoriji tal-konsumaturi fis-sistema ta’ produzzjoni tal-elettriku”. Barra minn hekk, “[i]l-prezzijiet proposti skont il-kategorija ta’ klijenti jistgħu jkunu differenti”, skont, b’mod partikolari, il-kurva tal-karigu u l-koeffiċjent ta’ ħlas. Barra minn hekk, “[i]d-differenza fit-tariffi skont il-ħin, il-jum jew l-istaġun tippreżupponi l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ kejl speċifiċi”, u “ż-żoni u t-tariffi ffissati korrispondenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kurva tal-karigu tal-kategorija ta’ klijenti kkonċernati”. Fl-aħħar, “fir-rigward tal-konsum kbir ħafna, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riżultat pożittiv jew negattiv li jista’ jkollha l-attività ta’ dawn il-konsumaturi kbar li l-konsum tagħhom, fih innifsu, jista’ jaffettwa l-funzjonament u għalhekk l-ispejjeż totali tas-sistema”. Minn dan jirriżulta li l-kriterji ta’ tariffikazzjoni stabbiliti mid-Deċiżjoni Nruo692/2011 tar-RAE jipprevedu biss qafas metodoloġiku intiż li jiġu ddeterminati l-ispejjeż rilevanti u li tiġi stabbilita t-tariffa tal-elettriku, mingħajr madankollu ma tkun ta’ natura li tiddetermina minn qabel b’mod suffiċjenti l-ammont preċiż tagħha.

170    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kriterji applikabbli sabiex tiġi riżolta t-tilwima bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti, id-Deċiżjoni Nru 798/2011 tar-RAE lanqas ma tipprovdi indikazzjonijiet suffiċjentement ċari u preċiżi f’dan ir-rigward. L-imsemmija deċiżjoni tindika, l-ewwel, li “l-għan tal-possibbiltà li jsiru negozjati bejn il-klijenti [ta’ vultaġġ għoli] u, b’mod partikolari, klijent li jkollu l-profil ta’ konsum għoli tal-[intervenjenti] li jirrappreżenta madwar 5 % tal-konsum totali tas-sistema interkonnessa, u l-fornitur prinċipali, jiġifieri r-[rikorrenti], huwa li juża u jikkwantifika l-possibbiltajiet ta’ ottimizzazzjoni tal-kuntratt permezz tal-internalizzazzjoni ta’ kull vantaġġ li jista’ jirriżulta kemm fil-kuntest tal-funzjonament tal-programmazzjoni ta’ kuljum tar-riżorsi kif ukoll f’dak tal-pjanifikazzjoni tal-iżvilupp fit-tul tas-sistema, vantaġġi li jistgħu jippreżentaw konsum kbir u, b’mod partikolari, dak tal-volum tal-[intervenjenti], li l-konsum tagħha biss jiġġustifika l-kostruzzjoni u l-funzjonament profitabbli ta’ unità ta’ produzzjoni tal-elettriku ta’ 300 MW, b’kunsiderazzjoni wkoll [...] għall-kombinazzjoni tad-daqs kbir u tal-koeffiċjent tal-karigu elevat ta’ dan il-konsumatur” u li “huwa ċar li l-eżistenza jew le ta’ konsumatur tad-daqs tal-[intervenjenti] teżerċita influwenza determinanti kemm fuq il-pjan kummerċjali tar-[rikorrenti] kif ukoll fuq is-suq tal-elettriku kollu”. It-tieni, huwa ddikjarat hemmhekk, b’mod partikolari, li “n-numru ta’ sigħat ta’ karigu baxx jista’ [...] jikkostitwixxi element tal-fatturazzjoni, bil-kundizzjoni li l-partijiet fin-negozjati jaqblu dwar il-kundizzjonijiet reali ta’ konsum u fuq it-taħlita tal-enerġija li jippermettu l-produzzjoni tal-elettriku, minn naħa, u dwar il-mod kif din il-klawżola tal-kuntratt tista’ tinbidel, min-naħa l-oħra”. It-tielet, huwa rrilevat li, “fil-kuntest tal-kalkolu tas-sigħat ta’ tariffikazzjoni baxxa, kif indikat fil-‘[p]rinċipji fundamentali ta’ tariffikazzjoni’, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll [minn naħa,] l-ispejjeż evitati minħabba l-importanza tal-konsum tal-[intervenjenti], b’mod partikolari s-sigħat filgħaxija fejn, kieku dan il-konsum ma jeżistix, ikun neċessarju li unità bażika tiġi eskluża, u [min-naħa l-oħra,] it-telf ta’ dħul li jista’ jirriżulta mit-tnaqqis fit-tul tal-konsum, minħabba t-telf ta’ klijent li jirrappreżenta 5 % tal-konsum totali fis-sistema interkonnessa”. Ġie konkluż li “huwa opportun li tiġi aġġornata l-formulazzjoni tal-abbozz ta’ kuntratt [ta’ provvista tal-elettriku] propost fuq il-bażi tal-“[p]rinċipji fundamentali ta’ tariffikazzjoni tal-elettriku (Deċiżjoni Nru 692/2011 tar-RAE), minn naħa, u ta’ osservazzjonijiet partikolari fformulati f’dan id-dokument, relatati b’mod partikolari mal-konsum importanti u stabbli fiż-żmien, bħal dak [tal-intervenjenti], min-naħa l-oħra”.

171    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, għandu jitfakkar li din tiddeċiedi, l-ewwel, dwar il-profil tal-konsum tal-intervenjenti (ara l-vot tal-maġġoranza espost fil-punti 77 sa 99 tal-imsemmija deċiżjoni), bħala l-ikbar konsumatur tal-enerġija, b’sehem ta’ madwar 40 % tal-konsum totali tal-klijenti b’vultaġġ għoli fil-Greċja, li kien dipendenti fuq ir-rikorrenti, bħala l-uniku fornitur fil-Greċja b’sehem mis-suq li jeċċedi 98 % u li għandu madwar 70 % tal-impjanti ta’ produzzjoni, fosthom 100 % tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite u impjanti idroelettriċi kbar.

172    It-tieni, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ispejjeż tar-rikorrenti u tat-tariffa inkwistjoni, mill-vot tal-maġġoranza jirriżulta, essenzjalment, li, minn naħa, it-tariffa rregolata A-150 saret inapplikabbli, wara l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija Grieg (punti 100 sa 112 tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ) u hija inkompatibbli mal-profil tal-konsum tal-intervenjenti u, għaldaqstant, mal-kompromess ta’ arbitraġġ (punti 113 sa 118 tal-imsemmija deċiżjoni), u, min-naħa l-oħra, li tariffa marġinali ma tirriflettix din it-tariffa (ara l-punti 119 sa 140 ta’ din is-sentenza).

173    F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi aġġustata t-tariffa tal-provvista, b’mod partikolari, skont il-profil tal-konsum tal-klijent, tal-istruttura tas-suq tal-enerġija Grieg, tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti, kif ukoll tal-karta tal-bilanċ tar-rikorrenti għall-2011, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ iqis li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż ta’ provvista tagħha, iżda wkoll id-dħul tagħha ġġenerat bħala produttur (punti 127 u 128 tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ). Huwa jippreċiża li dawn l-ispejjeż ta’ provvista u ta’ dħul huma rispettivament sostnuti f’din il-karta tal-bilanċ bħala spejjeż (nefqiet) separati mill-attivitajiet ta’ provvista ta’ enerġija u, għaldaqstant, dħul separat mill-imsemmija attivitajiet. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħu, dak li huwa indikat, fil-karta tal-bilanċ ikkonsolidata, bħala l-ispiża reali tar-rikorrenti hija d-differenza bejn dawn iż-żewġ flussi finanzjarji, peress li dan it-trasferiment kontabbli intern tal-flussi finanzjarji bejn l-unitajiet ta’ provvista u ta’ produzzjoni tar-rikorrenti huwa bbażat fuq dak magħżul bħala l-“ftehim finanzjarju bilaterali” (punti 123 u 124 tal-imsemmija deċiżjoni). F’dan ir-rigward, huwa jfakkar li d-Deċiżjoni Nru 692/2011 tar-RAE tirreferi għall-ispejjeż reali tal-provvista tal-enerġija u torbothom, b’mod partikolari, mal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-enerġija, l-istess bħas-suq ta’ “pool” u l-mekkaniżmi individwali tiegħu (punt 125 ta’ din id-deċiżjoni).

174    Skont it-Tribunal ta’ Arbitraġġ, il-prezz marġinali tas-sistema ma jirrappreżentax l-ispejjeż reali tar-rikorrenti. Fil-kwalità tagħha ta’ impriża integrata vertikalment, l-ispejjeż reali tagħha għandhom jiġu stabbiliti fuq bażi annwali, u mhux fis-siegħa, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż totali varjabbli u fissi tal-impjanti kollha ta’ produzzjoni ta’ enerġija li hija għandha, flimkien mal-ispejjeż ta’ xiri mwettqa minnha mingħand terzi permezz tas-“sistema DAS”, miżjuda bl-ispejjeż sostnuti mill-fornituri tal-enerġija barra mill-imsemmija sistema, skont ir-regoli applikabbli (punt 129 tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ). F’dan ir-rigward, huwa jiċħad il-proposta tar-rikorrenti li tiġi ddeterminata t-tariffa skont il-prezz marġinali tas-sistema fuq il-bażi ta’ rapport stabbilit minn ditta tal-awditjar (punti 131 sa 140 tal-imsemmija deċiżjoni), għar-raġuni, b’mod partikolari, li, konformement mad-Deċiżjoni Nru 692/2011 tar-RAE, il-prezz tal-provvista tal-enerġija għandu jiġi ddeterminat skont metodu li “jirrifletti l-kurva tal-karigu u l-konsum totali ta’ kull kategorija ta’ konsumaturi u jieħu inkunsiderazzjoni l-kurva ta’ kull konsumatur jew kategorija ta’ konsumaturi [...] minflok il-kurva tal-karigu tas-sistema integrali”. Minn dan huwa jikkonkludi li t-tariffa proposta mir-rikorrenti ma tistax tiġi applikata għal konsumatur bħall-intervenjenti (punti 139 u 140 ta’ din id-deċiżjoni).

175    Fir-rigward tat-tariffa proposta mill-intervenjenti, ibbażata fuq l-ispejjeż varjabbli u fissi tal-impjanti kollha bil-linjite tar-rikorrenti, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ ifakkar, minn naħa, li, skont id-Deċiżjoni Nru 692/2011 tar-RAE, tali tariffa għandha tirrifletti s-somma tal-ispejjeż ta’ produzzjoni, l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-provvista u marġni ta’ profitt raġonevoli (punti 141 sa 145 tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ) u, min-naħa l-oħra, li din tikkorrispondi għat-“tariffa C” deskritta mill-espert K. li tikkonsisti fir-riflessjoni tal-ispiża minima fit-tul għal kull konsumatur u li fir-rigward tagħha dan l-espert huwa tal-fehma, essenzjalment, li din hija bbażata fuq l-ispejjeż totali ta’ impjant ta’ karigu bażiku, jiġifieri, linjite jew tal-faħam, għad-differenza tat-tariffa proposta mir-rikorrenti li hija bbażata fiż-żmien tal-prezz marġinali tas-sistema (punti 148 u 149 tal-imsemmija deċiżjoni). Fil-fehma tiegħu, din l-opinjoni ġiet ikkonfermata minn esperti oħra, li x-xhieda tagħhom hija miġbura fil-qosor fil-punti 150 sa 154 ta’ din id-deċiżjoni. Minn dan huwa jikkonkludi li dan jikkorrispondi għal prattika kompletament adegwata fis-suq tal-enerġija li konsumatur bħall-intervenjenti jiġi ffatturat tariffa bbażata fuq l-ispejjeż totali tal-enerġija tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite b’karigu bażiku u li tali tariffa hija konformi mal-kriterji stabbiliti mid-Deċiżjoni Nru 692/2011 tar-RAE (punti 155 u 156 tal-istess sentenza).

176    F’dan ir-rigward, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ jiċħad ir-raġunament tar-rikorrenti intiż li jikkontesta din l-evalwazzjoni, peress li t-tariffa proposta minnha hija inkompatibbli mad-Deċiżjonijiet Nri 692/2011 u 798/2011 tar-RAE, sa fejn timplika li l-ispejjeż totali jiġu attribwiti bl-istess mod bejn il-konsumaturi kollha, b’tali mod li kull wieħed minnhom jiġi ffatturat l-istess prezz għal kull siegħa tal-ġurnata. Din it-“tariffa għad-distribuzzjoni orizzontali” tagħti lok għal prezzijiet kunsiderevolment ogħla għad-djar u għal konsumaturi oħra li ma għandhomx profil ta’ konsum tipiku, jiġifieri dawk li huma ta’ karigu f’perijodu intensiv (punti 156 sa 163 u 169 tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ). L-istess japplika għall-argument tar-rikorrenti li l-ispejjeż tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite b’karigu bażiku ma jirriflettux l-ispejjeż tal-provvista, peress li t-tilwima mressqa quddiemha ma tirrigwardax l-ispejjeż tar-rikorrenti, iżda l-applikazzjoni ta’ tariffa li tkopri dawn l-ispejjeż u li tieħu inkunsiderazzjoni l-profil tal-konsum tal-intervenjenti, konformement mad-Deċiżjoni Nru 692/2011 u billi tieħu inkonsiderazzjoni d-Deċiżjonijiet Nri 798/2011 u 8/2010 tar-RAE. Skont dan it-tribunal, li kieku t-tariffa proposta mill-intervenjenti kienet applikata b’mod separat għal kull konsumatur jew għal kull kategorija ta’ konsumaturi, din kienet tagħti lok għall-irkupru ta’ 100 % tal-ispejjeż tar-rikorrenti matul kull sena, u dan jissodisfa l-prinċipji fundamentali ta’ tariffikazzjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ arbitraġġ (punt 165 tal-imsemmija deċiżjoni). Barra minn hekk, huwa jikkontesta li t-tariffikazzjoni proposta mill-intervenjenti tirriżulta f’sussidju trażversali bejn kategoriji differenti ta’ konsumaturi jew tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u tiċħad l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw din l-evalwazzjoni (punti 166 sa 183 ta’ din is-sentenza).

177    Fl-aħħar, fir-rigward tan-natura raġonevoli tal-kundizzjonijiet ta’ provvista adottati fil-kompromess ta’ arbitraġġ, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ jesponi, fil-punti 184 sa 207 tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, essenzjalment dan li ġej:

–        l-applikazzjoni fir-rigward tal-intervenjenti tat-tariffa bbażata fuq prezz marġinali tas-sistema, kif proposta mir-rikorrenti, hija inkompatibbli mal-kompromess ta’ arbitraġġ, minħabba li l-imsemmija tariffa ma tirriflettix l-ispejjeż reali tar-rikorrenti (punti 185 u 186);

–        l-applikazzjoni fir-rigward tal-intervenjenti tat-tariffa A-150 hija inkompatibbli mal-kompromess ta’ arbitraġġ (punt 187);

–        fost il-metodi kollha ta’ tariffi proposti, huwa biss kompatibbli mal-kompromess ta’ arbitraġġ dak li jimponi tariffa fissa għaż-żona unika mifrux fuq il-ħinijiet kollha tas-sena u bbażat fuq l-ispejjeż tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite operati mir-rikorrenti (punt 188);

–        l-abbozz ta’ ftehim għandu jiġi aġġornat, emendat u kkonfigurat b’konformità ma’ dak li ntqal; għal dan il-għan, għandu jiġi ddeterminat il-prezz li jirriżulta mill-imsemmija tariffa, li jikkorrispondi għall-karatteristiċi tal-konsum tal-intervenjenti u jkopri mill-inqas l-ispejjeż tar-rikorrenti matul il-perijodu inkwistjoni (punt 189);

–        ir-rikorrenti naqset milli tipprovdi biżżejjed informazzjoni li tistabbilixxi l-ispiża reali tal-impjanti tagħha bil-linjite matul il-perijodu inkwistjoni (punt 191);

–        l-informazzjoni pprovduta dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impjanti bil-faħam u bil-linjite li setgħu nbnew jew ser jinbnew fil-futur ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li din ma tirrigwardax l-ispejjeż marbuta mal-impjanti eżistenti matul il-perijodu inkwistjoni (punt 193);

–        konformement mad-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ B. li jipprovdi informazzjoni ddettaljata, kompluta u affidabbli dwar l-ispejjeż tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite tar-rikorrenti matul il-perijodu inkwistjoni, l-ispiża tal-linjite tal-kombustibbli fl-2009 kienet ta’ EUR 24.5/MWh, filwaqt li l-ispiża ta’ “enerġija”, jiġifieri l-ispiża fissa miżjuda bl-ispiża varjabbli mhux marbuta mal-ispiża tal-kombustibbli, flimkien mad-deprezzament u l-ispiża finanzjarja tal-produzzjoni, kienet ta’ EUR 12.2/MWh, b’kunsiderazzjoni għall-ispiża raġonevoli ta’ estrazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni (punt 195);

–        fir-rigward tal-ispejjeż fissi għal kull unità tar-rikorrenti li għandhom jiġu ffatturati lill-intervenjenti, il-kalkolu espost fil-punt 200 tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jirriżulta f’ammont ta’ EUR 12.1/MWh (punt 201);

–        it-tariffa li tikkorrispondi għall-karatteristiċi tal-konsum tal-intervenjenti u li tkopri l-ispejjeż tar-rikorrenti għall-perijodu inkwistjoni għandha tiġi ffissata għall-ammont (nett) ta’ EUR 36.6/MWh (24,5 + 12,1) (punt 202);

–        fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li, minn naħa, skont it-tariffa ta’ Jannar 2012, l-intervenjenti tħallas lir-rikorrenti, bħala imposti differenti, servizzi u spejjeż, l-ammont ta’ EUR 4.06/MWh u li, min-naħa l-oħra, il-konsum tal-intervenjenti jibqa’ prattikament stabbli matul is-sena kollha u ma nbidilx matul il-perijodu inkwistjoni, dan l-ammont jippreżenta stima raġonevoli għall-imsemmi perijodu u jiffissa t-tariffa totali għal EUR 40.66/MWh (36.6 + 4.06) (punt 203);

–        fir-rigward tal-4 710 sigħat, il-prezz totali għal kull unità li r-rikorrenti kienet tat il-kunsens tagħha li tiffattura lill-intervenjenti fil-ftehim qafas kien ta’ EUR 40.70/MWh li kien jinkludi l-imposti kollha esposti fil-punt 1.2 tal-imsemmi ftehim qafas, b’tali mod li huwa stabbilit li dan il-prezz ikopri kemm l-ispejjeż ta’ produzzjoni tar-rikorrenti kif ukoll dawn l-imposti (punti 204 u 205);

–        it-tariffa li r-rikorrenti kienet ftiehmet li tiffattura lill-intervenjenti għall-provvista tal-enerġija abbażi tal-ftehim qafas, fir-rigward tal-4 710 sigħat tas-sena, jiġifieri EUR 40.7/MWh, jekk tiġi applikata għas-sigħat kollha tas-sena, tkopri l-ispejjeż totali tar-rikorrenti, jiġifieri EUR 36.6/MWh, li huwa konformi mal-karatteristiċi tal-konsum tal-intervenjenti, fis-sens tal-ftehim ta’ arbitraġġ, jekk jiżdiedu l-imposti applikabbli (EUR 40.66/MWh) (punt 206).

178    L-evalwazzjoni tal-vot tal-maġġoranza tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ esposta fil-punti 171 sa 177 iktar ’il fuq hija kkontestata mill-vot minoritarju tal-imsemmija deċiżjoni fil-punti 217 sa 262 tagħha.

179    Fir-rigward tal-ispejjeż tar-rikorrenti, il-vot minoritarju tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ essenzjalment isostni li ma jistax jiġi injorat il-fatt li din attwalment topera, bħal matul il-perijodu inkwistjoni, bħala impriża integrata vertikalment involuta b’mod parallel fil-produzzjoni u fil-provvista tal-enerġija. L-ispejjeż reali tar-rikorrenti, f’din il-kwalità, fuq bażi annwali u mhux fis-siegħa, jikkonsistu fl-ispejjeż totali varjabbli u fissi tal-impjanti kollha tagħha ta’ produzzjoni ta’ enerġija, matul il-perijodu inkwistjoni, flimkien mal-ispejjeż tax-xiri li sar minnha mingħand terzi permezz tas-“sistema DAS” u permezz ta’ spejjeż sostnuti mill-fornituri tal-enerġija barra mill-imsemmija sistema, imposti mir-regoli applikabbli, inklużi ċ-ċertifikati ta’ ħruġ ta’ enerġija (PDC), il-mekkaniżmu ta’ rkupru tal-ispejjeż varjabbli, l-ispiża tax-xiri tad-drittijiet ta’ emissjonijiet CO2, u imposti oħra imposti mill-Istat, bħall-imposti tal-użu tas-sistema u tan-network, l-imposta speċjali fuq l-emissjonijiet tal-gass li jniġġsu, u kull taxxa applikabbli okkażjonalment skont il-liġijiet Elleniċi li jirregolaw il-provvista tal-elettriku. Peress li l-livell ta’ spejjeż rilevanti jaqgħu taħt il-produzzjoni proprja u l-provvista minn terzi li jvarjaw kuljum u fis-siegħa, ikun għalhekk raġonevoli li jiġi adottat proporzjon 70/30 f’dan ir-rigward. Ikun kontra l-kriterji tal-kompromess ta’ arbitraġġ dwar l-ispejjeż reali tar-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ impriża vertikalment integrata, li tiżola jew li tiffoka fuq wieħed minn dawn iż-żewġ komponenti, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-ieħor. Għall-istess raġunijiet, dawn l-ispejjeż la jistgħu jiġu limitati għall-ispejjeż tal-produzzjoni tal-enerġija u lanqas għal kategorija waħda ta’ impjanti operati mir-rikorrenti (punti 217 sa 222 tal-imsemmija deċiżjoni).

180    Il-vot minoritarju tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jippreċiża r-raġunijiet li għalihom huwa jqis li l-vot maġġoritarju huwa bbażat fuq metodu żbaljat ta’ tariffi filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż totali reali tar-rikorrenti (punti 227 sa 262 tal-imsemmija deċiżjoni).

181    Skont il-vot minoritarju tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, qabelxejn, essenzjalment, il-vot maġġoritarju jirrikonoxxi li l-prezz marġinali tas-sistema bħala tali ma jirriflettix l-ispejjeż reali tar-rikorrenti u ma huwiex użat biss sabiex jiġu ddeterminati dawn l-ispejjeż, iżda l-imsemmi prezz ponderat fiż-żmien huwa wkoll mezz ta’ tariffikazzjoni tal-volum ta’ enerġija pprovdut lir-rikorrenti minn terzi. Il-metodu propost mir-rikorrenti jalloka l-ispiża tal-provvista lill-konsumaturi li hija bbażata eżattament fuq il-karatteristiċi tas-sistema, abbażi tal-kwantità ta’ enerġija kkonsmata minn kull konsumatur matul kull siegħa. Skont dan il-metodu, l-utenti li jagħmlu użu intensiv huma ffatturati prezz inqas għoli mill-konsumaturi f’perijodu intensiv, peress li l-ispiża tal-provvista tal-enerġija tinfirex fuq numru ikbar ta’ sigħat. Dan il-metodu huwa għaldaqstant kompletament kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 692/2011 tar-RAE, mal-kriterji tal-kompromess ta’ arbitraġġ, u mal-intenzjonijiet tal-partijiet kontraenti. Dan huwa metodu bbażat fuq l-ispejjeż li, l-ewwel, jieħu inkunsiderazzjoni l-profil ta’ kull konsumatur, b’mod partikolari l-kurva ta’ konsum tagħhom u l-fattur ta’ spiża tagħhom, it-tieni, jirrifletti b’mod iktar preċiż l-ispejjeż reali tal-provvista tal-enerġija (spiża ta’ produzzjoni, spejjeż ta’ skambju, profitt raġonevoli), it-tielet, ma jagħtix lok għal prezzijiet li jipprekludu lill-kompetituri ġodda milli jidħlu fis-suq, li jkun il-każ meta t-tariffikazzjoni tkun ibbażata fuq is-sors ta’ enerġija l-inqas għolja, u r-raba’, jieħu inkonsiderazzjoni l-fatt li l-intervenjenti għandha, flimkien ma’ konsumaturi oħra, domanda għall-enerġija matul kull siegħa tal-ġurnata (punti 231 u 232 tal-imsemmija deċiżjoni).

182    Sussegwentement, il-vot minoritarju tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ifakkar, essenzjalment, it-tliet rapporti tekniċi ta’ ditta tal-awditu, li skonthom l-ispiża medja ponderata fiż-żmien sostnuta mir-rikorrenti dwar il-produzzjoni tal-enerġija u tal-provvista tal-elettriku minn terzi kienet ta’ EUR 72.42/MWh fl-2011 u ta’ EUR 78.53/MWh fl-2012. Dawn il-prezzijiet kellhom jiġu suġġetti għal tnaqqis tal-volum konformement mar-rekwiżiti tad-dritt tal-kompetizzjoni (punti 233 u 234 tal-imsemmija deċiżjoni).

183    Barra minn hekk, il-vot minoritarju tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ jikkritika r-raġunament dwar il-metodu ta’ tariffikazzjoni, b’mod partikolari, bħala li huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-ftehim ta’ arbitraġġ u tad-Deċiżjoni Nru 692/2011 tar-RAE (punti 235 sa 249 tal-imsemmija deċiżjoni). B’mod partikolari, ir-riferiment fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż varjabbli u fissi tal-kapaċità ta’ produzzjoni l-inqas għolja joħloq immaġni distorta tal-ispejjeż tar-rikorrenti, peress li l-kombinazzjoni tal-ispejjeż fissi u varjabbli tal-impjant elettriku tvarja skont in-numru ta’ sigħat ta’ attività. B’hekk, ir-riferiment għall-enerġija prodotta abbażi ta’ linjite joħloq l-impressjoni żbaljata li l-ispiża ser titnaqqas matul il-ħinijiet ta’ domanda intensiva, peress li din tieħu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż varjabbli ta’ kategorija partikolari ta’ impjanti, u mhux il-parteċipazzjoni ta’ impjanti li għandhom spiża totali ta’ produzzjoni għal kull unità ogħla matul l-istess perijodu (punt 245 ta’ din is-sentenza). Barra minn hekk, il-metodu ta’ tariffikazzjoni approvat mill-vot tal-maġġoranza ma jipprovdix inċentivi xierqa għal użu iktar razzjonali tal-enerġija, peress li jillimita b’mod irraġonevoli l-kapaċità tal-konsumaturi li jibbenefikaw mill-ispejjeż varjabbli iktar baxxi tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite (punt 246 tal-istess sentenza). Barra minn hekk, l-imsemmi metodu joħloq riskju għoli ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq għad-detriment ta’ kompetituri ġodda filwaqt li jsaħħaħ il-possibbiltà li jiġi pprattikat id-dumping illegali. Lanqas ma huwa ġġustifikat li tiġi stabbilita rabta bejn it-tariffa li tista’ titlob l-intervenjenti u l-ispejjeż tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite, peress li dawn jinjettaw l-enerġija kollha prodotta fil-“pool”, u dan irendi impossibbli li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ tali rabta. Għalhekk, il-konsumaturi li jikkontribwixxu għall-formazzjoni tad-domanda kollha jiġu fornuti b’enerġija permezz ta’ taħlita ta’ impjanti bi prezz baxx, intermedja jew għolja u varjabbli skont is-sigħat ta’ konsum. L-intervenjenti ma hijiex eċċezzjoni f’dan ir-rigward, iżda tikkontribwixxi għad-domanda tas-sistema kemm matul il-ħinijiet intensivi kif ukoll ħinijiet kalmi, b’tali mod li t-tariffa għandha tirrifletti l-ispiża medja operattiva tal-impjanti kollha (punti 247 u 248 tad-deċiżjoni inkwistjoni).

184    Fl-aħħar, il-vot minoritarju tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tikkontesta l-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezz unitarju li jikkonsisti fir-rabta tal-karigu bażiku mal-unità ta’ karigu bażiku (punti 250 sa 262 tal-imsemmija deċiżjoni). Għal raġunijiet ta’ loġika u ta’ koerenza sistematika, tali metodu għandu jkun ibbażat fuq spejjeż fissi u varjabbli totali tal-impjant tal-linjite u mhux fuq taħlita ta’ elementi ta’ spejjeż li jirriżultaw minn diversi approċċi metodoloġiċi. Barra minn hekk, tali kalkolu jikkonċerna essenzjalment l-ispejjeż ta’ impjant eżistenti tal-fornitur inkwistjoni u ma għandux jieħu inkonsiderazzjoni mudelli ipotetiċi (punti 251 ta’ din id-deċiżjoni). Fir-rigward tal-ispejjeż varjabbli tal-impjanti tal-linjite, il-vot minoritarju jikkontesta l-fondatezza tal-konklużjonijet ta’ M.B (punti 252 u 253 tal-istess deċiżjoni). Essenzjalment, huwa jqis bħala mhux ipprovat il-fatt li t-tariffa ta’ EUR 40.7/MWh prevista fil-ftehim qafas tkopri n-nefqiet ta’ produzzjoni u l-ispejjeż tar-rikorrenti (punti 254 et seq. tad-deċiżjoni kkonċernata) u jqis li t-tariffa ma tista’ f’ebda każ tkun inqas minn EUR 46.08/MWh b’kunsiderazzjoni għal EUR 33.98/MWh bħala nefqa medja tal-linjite, eċċ, u ta’ EUR 12.1/MWh ta’ nefqa ta’ enerġija (punti 262 u 274 ta’ tali deċiżjoni). Fl-aħħar, huwa jqiegħed f’dubju l-konklużjonijiet kollha tal-vot maġġoritarju fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (punti 263 sa 268 tas-sentenza inkwistjoni).

185    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, taħt piena li jkollha dubji jew diffikultajiet serji, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tirrifjuta li tivverifika, abbażi ta’ analiżi kumplessa tal-kundizzjonijiet normali tas-suq, jekk it-tariffa inkwistjoni, kif stabbilita mill-vot maġġoritarju tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, setgħetx tagħti lill-intervenjenti vantaġġ u, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat.

186    Minn naħa, l-espożizzjoni ddettaljata tal-motivi kontroversjali li fuqhom huma bbażati l-voti maġġoritarji u minoritarji tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ turi li d-determinazzjoni tal-metodu ta’ tariffikazzjoni xieraq u, b’mod partikolari, tal-ispejjeż “reali” tar-rikorrenti timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi relatati kemm mal-istruttura u mal-funzjonament tas-suq tal-enerġija Grieg kif ukoll mas-sitwazzjonijiet ekonomiċi rispettivi tal-intervenjenti u tar-rikorrenti, inklużi r-relazzjonijiet tranżazzjonali tagħhom, li huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk tariffa tal-provvista tal-enerġija tikkorrispondix għal “prezz tas-suq”. Madankollu, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 164 sa 185 iktar ’il fuq, billi llimitat ruħha li tapplika l-prinċipju ta’ operatur privat għall-kwistjoni dwar jekk tali operatur ikunx issottometta ruħu, bħar-rikorrenti, għall-arbitraġġ, il-Kummissjoni ddelegat dawn l-evalwazzjonijiet kumplessi lill-awtoritajiet Elleniċi filwaqt li kisret id-dmir tagħha ta’ kontroll imfakkar fil-punti 143 sa 148 iktar ’il fuq, anki billi wettqet żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

187    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-elementi ddettaljati u kontradittorji esposti mill-voti maġġoritarji u minoritarji tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, fosthom it-tliet rapporti tekniċi ta’ ditta tal-awditu, il-Kummissjoni kellha twettaq l-analiżi tagħha stess tal-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari, il-metodu ta’ determinazzjoni tal-ispejjeż tar-rikorrenti, kif applikat mit-Tribunal ta’ Arbitraġġ, kienx kemm xieraq kif ukoll suffiċjentement plawżibbli sabiex jiġi stabbilit li t-tariffa inkwistjoni kienet konformi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, taħt piena ta’ diffikultajiet serji jew ta’ dubji, fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589, fir-rigward tan-natura ta’ għajnuna mill-Istat tagħha, li setgħet twassalha tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

188    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kellha b’mod partikolari jkollha dubji fir-rigward tal-elementi kontroversjali li ġejjin:

–        il-klassifikazzjoni tal-ispejjeż tar-rikorrenti minħabba l-kwalità tagħha ta’ impriża integrata vertikalment, li l-bilanċ ikkonsolidat tagħha huwa bbażat fuq trasferiment kontabbli intern tal-flussi finanzjarji bejn l-unitajiet ta’ provvista u ta’ produzzjoni tar-rikorrenti (abbażi tal-hekk imsejjaħ “ftehim finanzjarju bilaterali”) (ara l-punt 173 iktar ’il fuq);

–        l-allegata neċessità li jiġu stabbiliti l-ispejjeż reali tar-rikorrenti fuq bażi annwali u mhux fis-siegħa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż totali varjabbli u fissi tal-impjanti kollha ta’ produzzjoni ta’ enerġija li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha (ara l-punt 174 iktar ’il fuq);

–        ir-rilevanza tal-għażla bejn it-tariffa proposta minn “DEI/PwC”, ibbażata fuq il-prezz marġinali tas-sistema u fuq il-medja ponderata fiż-żmien li twassal għal “tariffa għad-distribuzzjoni orizzontali”, minn naħa, u t-tariffa proposta mill-intervenjenti li hija bbażata fuq l-ispiża fissa u varjabbli tal-impjanti tal-lignite tar-rikorrenti, jew fuq l-ispiża minima għal żmien twil għal kull konsumatur, min-naħa l-oħra (ara l-punt 174 iktar ’il fuq);

–        ir-rabta ta’ dawn it-tariffi proposti mal-bżonn li jiġu koperti l-ispejjeż (varjabbli u fissi) reali r-rikorrenti u l-konsegwenza tagħha għat-tariffi li għandhom jiġu ffatturati lill-profili differenti tal-konsum, jew imposti fuq bażi, fosthom dak tal-intervenjenti, jew bi spejjeż kbar jew għolja (ara l-punt 174 iktar ’il fuq);

–        l-effetti eventwali tal-għażla tal-metodu ta’ tariffikazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija Grieg (ara l-punt 176 iktar ’il fuq);

–        in-natura suffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti sabiex tistabbilixxi l-ispejjeż reali tagħha, b’mod partikolari dawk marbuta mal-attività tal-impjanti tagħha ta’ produzzjoni bil-linjite (ara l-punt 177 iktar ’il fuq).

189    Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li hija tqis, il-Kummissjoni, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, ma ssodisfatx ir-rekwiżiti ta’ kontroll li huma imposti fuqha fid-dawl tal-kunċett oġġettiv ta’ dubji jew ta’ diffikultajiet serji, billi ħadet inkunsiderazzjoni, sempliċement b’mod “indikattiv” fil-fehma tagħha, il-kuntest leġiżlattiv tas-suq tal-elettriku fil-Greċja (punti 18, 20, 21, 29, 33, 37, 40 u 41 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 5, 6 u 13 sa 18), il-profil tal-konsum tal-intervenjenti (punt 31 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3), il-karatteristiċi tar-rikorrenti bħala produttur u fornitur tal-elettriku (punt 30 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 7) u ċ-ċirkustanzi ġenerali tal-kawża bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti (Sezzjonijiet 2.1 u 2.2 u punti 34 sa 38 u 42).

190    Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni naqset milli teżamina dawn l-elementi ekonomiċi u tekniċi kumplessi, jekk ikun il-każ bl-għajnuna ta’ esperti interni jew esterni, u li timmotiva t-tieni deċiżjoni kkontestata b’dan il-mod, la huwa neċessarju u lanqas ġuridikament possibbli għall-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, u lanqas li timla lakuna fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata b’motivi li ma humiex parti minnha, taħt piena li teċċedi l-limiti tal-istħarriġ tal-legalità tagħha skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punti 75, 88 u 89; tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 77 u 78 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Mytilinaios Anonymos Etairia – Omilos Epicheiriseon, C‑332/18 P, EU:C:2019:1065, punti 128 sa 131).

191    Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma tistax tevalwa l-fondatezza tad-diversi lmenti u argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tan-natura eventwalment żbaljata fid-dritt jew fil-fatt tal-evalwazzjoni tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ li fuqha hija bbażata d-determinazzjoni tat-tariffa inkwistjoni, u lanqas il-kwistjoni dwar jekk il-każ inkwistjoni huwiex komparabbli jew le mas-sitwazzjoni li tat lok għad-deċiżjoni Alcoa. Fil-fatt, l-elementi esposti iktar ’il fuq huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li, fl-assenza ta’ eżami iktar fil-fond tal-elementi ta’ informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ vantaġġ, b’mod partikolari tal-kwistjoni dwar jekk it-tariffa inkwistjoni kinitx tikkorrispondi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, il-Kummissjoni kellu jkollha diffikultajiet serji jew ikollha dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589 li jeżiġu li hija tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

c)      Konklużjonijiet dwar il-Kawża T740/17

192    Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ motiv u l-ewwel u t-tieni parti tal-ħames motiv għandhom jintlaqgħu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-partijiet l-oħra tal-imsemmi motiv.

193    Konsegwentement, ir-rikors fil-Kawża T‑740/17 għandu jintlaqa’ u t-tieni deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra.

194    Peress li t-tieni deċiżjoni kkontestata ġiet iddikjarata nulla u bla effett, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, hija għandha titneħħa retroattivament mis-sistema ġuridika u għandha titqies li qatt ma kienet fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, River Kwai International Food Industry vs AETMD, C‑144/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:266, punti 45 sa 57). Minn dan jirriżulta li l-imsemmija deċiżjoni ma setgħetx tħassar u tissostitwixxi la l-ewwel deċiżjoni kkontestata u lanqas l-ittra inkwistjoni.

195    Għalhekk, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fis-seduta f’din is-sitwazzjoni, il-Kawżi T‑639/14 RENV u T‑352/15 ma tilfux is-suġġett tagħhom u jeħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikorsi fl-imsemmija kawżi.

C.      Fuq il-Kawża T352/15

196    Fir-rigward tar-rikors fil-Kawża T‑352/15, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, l-ewwel, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 194 u 195 iktar ’il fuq, dan għad għandu skop, b’mod li t-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

197    It-tieni, għar-raġunijiet esposti fil-punti 70 sa 103 iktar ’il fuq, li japplikaw mutatis mutandis għall-ewwel deċiżjoni kkontestata li l-kontenut tagħha huwa kważi identiku għal dak tat-tieni deċiżjoni kkontestata, hemm lok li r-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli.

198    Fil-fatt, il-motivi ta’ annullament invokati insostenn tal-imsemmi rikors huma ppreċeduti minn parti introduttiva li tippreċiża s-suġġett tagħha li jikkonsisti fl-invokazzjoni tal-eżistenza ta’ “dubji [serji]” jew ta’ “diffikultajiet serji” fis-sens tal-ġurisprudenza. Bl-istess mod, fil-kuntest tal-ewwel, tat-tielet, tar-raba’, tal-ħames u tas-sitt motiv, isir riferiment espliċitu għall-kunċetti ta’ “dubji” jew ta’ “diffikultajiet serji” (punti 61, 62, 87, 100, 114, 119, 134, 158, 176 u 196 tar-rikors). Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ eżami diliġenti u komplet tal-każ inkwistjoni, li huwa ta’ natura essenzjalment formali u proċedurali, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 100 iktar ’il fuq japplikaw mutatis mutandis.

199    It-tielet, fid-dawl ta’ dan il-kontenut kważi identiku tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għar-raġunijiet esposti fil-punti 138 sa 192 iktar ’il fuq, għandhom jintlaqgħu t-tieni u t-tielet motiv u l-ewwel u t-tieni parti tar-raba’ motiv li jikkorrispondu għat-tielet u r-raba’ motiv u għall-ewwel u t-tieni parti tal-ħames motiv fil-Kawża T‑740/17.

200    Minn dan isegwi li r-rikors fil-Kawża T‑352/15 għandu jintlaqa’ wkoll u l-ewwel deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-partijiet l-oħra u l-motivi l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti.

201    Konformement ma’ dak li ġie espost fil-punt 194 iktar ’il fuq, peress li l-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet nulla u bla effett, hija ma kinitx ta’ natura li tħassar u tissostitwixxi l-ittra inkwistjoni, b’tali mod li l-Kawża T‑639/14 RENV ma setgħetx titlef l-iskop tagħha għal din ir-raġuni.

202    Għaldaqstant, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-Kawża T‑639/14 RENV ukoll għal din ir-raġuni.

D.      Fuq il-Kawża T639/14 RENV

1.      Fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u fuq l-ammissibbiltà

203    Preliminarjament, hemm lok li t-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tiġi miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 194 u 201 iktar ’il fuq.

204    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, huwa biżżejjed li jitfakkru l-motivi esposti fil-punti 70 sa 103 iktar ’il fuq li japplikaw mutatis mutandis għall-ittra inkwistjoni u li minnhom jirriżulta wkoll li din tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat.

205    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li, bl-adozzjoni tal-ittra inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet adottat att dwar il-fatt li ma tittiħidx azzjoni dwar il-kawża li permezz tiegħu ddeċidiet li ttemm il-proċedura ta’ eżami preliminari mibdija bl-ilment tar-rikorrenti, ikkonstatat li l-investigazzjoni mibdija ma kinitx ippermettiet li jiġi konkluż li teżisti għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u, għaldaqstant, kienet irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. B’dan il-mod, il-Kummissjoni adottat pożizzjoni definittiva fuq it-talba tar-rikorrenti li tikkonstata ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE. Hija ppreċiżat li, bħal ma din l-ittra kienet ipprekludiet lir-rikorrenti milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-imsemmija ittra kienet ipproduċiet effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti. Minn dan hija kkonkludiet li din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi att ikkontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni, C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206    Barra minn hekk, il-motivi mqajma insostenn tar-rikors huma ppreċeduti minn parti introduttiva li tippreċiża s-suġġett tagħha li jikkonsisti fl-invokazzjoni tal-eżistenza ta’ “dubji [serji]” jew ta’ “diffikultajiet serji” fis-sens tal-ġurisprudenza (ara l-punti 51 sa 53 tar-rikors). Bl-istess mod, isir riferiment espress għall-kunċetti ta’ “dubji” jew ta’ “diffikultajiet serji” fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motiv dwar il-kriterji ta’ imputabbiltà (punti 90 u 128 tar-rikors) u ta’ vantaġġ (punti 145 u 152 tar-rikors). Fir-rigward tal-ewwel u tar-raba’ motiv, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn huma ta’ natura formali u proċedurali u huma preċiżament marbuta mal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni indirizzatx u mmotivatx l-elementi rilevanti u neċessarji kollha sabiex tegħleb id-dubji u d-diffikultajiet fil-kuntest tal-fażi preliminari tal-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il‑Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2012:351, punt 81; tal20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Settembru 2019, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, T‑417/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:597, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

207    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli fir-rigward tal-motivi kollha mqajma insostenn tiegħu.

2.      Fuq il-mertu

a)      Fuq il-motivi ta’ annullament

208    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi ta’ annullament.

209    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-ittra inkwistjoni hija vvizzjata bi ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali, minħabba li l-Kummissjoni ma osservatx il-kundizzjonijiet proċedurali meħtieġa sabiex tadotta deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ lment.

210    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni “ta’ liġi u ta’ fatt” f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, billi qieset li l-miżura inkwistjoni ma kinitx imputabbli lill-Istat Grieg u, għaldaqstant, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

211    Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni “ta’ liġi u ta’ fatt” f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, billi qieset li l-miżura inkwistjoni ma kellhiex l-effett li tagħti vantaġġ lill-intervenjenti.

212    Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, l-obbligu tagħha li teżamina l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”.

b)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali

213    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-ittra inkwistjoni hija vvizzjata b’difett formali jew proċedurali, peress li, minflok l-imsemmija ittra, iffirmata minn kap ta’ diviżjoni tad-DĠ “Kompetizzjoni” u indirizzata lilha, il-Kummissjoni kienet obbligata tadotta deċiżjoni formali skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 u tibgħatha lir-Repubblika Ellenika.

214    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, twieġeb li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, b’mod li l-ittra inkwistjoni, kif ikkompletata mill-imsemmija deċiżjoni, ma hijiex ivvizzjata bi ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali. Hija tippreċiża li r-rikorrenti tkompli tikkonfondi l-argument prinċipali tagħha li jgħid li din id-deċiżjoni ssostitwixxiet validament din l-ittra u li għalhekk għandu jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, flimkien mal-argument sussidjarju tagħha li jgħid li l-imsemmija deċiżjoni rrimedjat id-difetti tal-imsemmija ittra. L-“elementi miżjuda” mill-istess deċiżjoni huma preċiżament dawk intiżi għal dan il-għan.

215    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, sa mhux iktar tard mill-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li dan il-motiv kien fondat. Fil-fatt, l-ittra inkwistjoni tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni definittiva tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fuq l-ilmenti tar-rikorrenti billi ma tiħux azzjoni dwarhom. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali ittra tinkludi deċiżjoni kontestabbli, adottata fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, skont l-Artikolu 4(2) jew (3) tar-Regolament 2015/1589, li hija impliċitament indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat u li għalhekk għandha tittieħed mill-Kummissjoni bħala korp kolleġġjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 37 sa 40; tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑362/09 P, EU:C:2010:783, punt 63, u tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni, C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punt 29).

216    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ittra inkwistjoni ma ġietx adottata konformement mar-regoli proċedurali rilevanti għal dan il-għan (ara l-punt 222 iktar ’il quddiem), u dan jikkostitwixxi preċiżament il-ġustifikazzjoni invokata minnha fil-punti 8 u 51 tat-tieni deċiżjoni kkontestata u fil-kuntest tad-difiża tagħha fil-Kawża T‑740/17 għall-finijiet tal-irtirar u tas-sostituzzjoni tal-imsemmija ittra b’din id-deċiżjoni, konformement mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il‑Kummissjoni (C‑228/16 P, EU:C:2017:409, punti 32, 40 u 41).

217    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni “ta’ liġi u ta’ fatt” fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE marbuta mal-kriterju ta’ imputabbiltà

218    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni “ta’ liġi u ta’ fatt” fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE billi affermat li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma setgħetx tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna imputabbli lill-Istat Grieg. Fil-fehma tagħha, l-użu ta’ arbitraġġ huwa mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim mill-qrati ordinarji filwaqt li jipproduċi essenzjalment l-istess effetti legali, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura obbligatorja u eżekuttiva tad-deċiżjoni finalment mogħtija. Hija tqis li, min-natura u mill-għan tagħha, l-imsemmija deċiżjoni hija att tal-poter pubbliku imputabbli lill-Istat Grieg, li jobbligaha, b’mod legalment vinkolanti u b’saħħa eżekuttiva, tiddisponi minn riżorsi tal-Istat. Minn dan hija tikkonkludi li t-tariffa inkwistjoni hija imputabbli lill-Istat Grieg, b’mod li l-Kummissjoni kellha, minn tal-inqas, ikollha “dubji serji” u għalhekk, tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tippermettilha, b’mod partikolari, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

219    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tirrileva li t-tieni u t-tielet motiv huma marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ imputabbiltà u ta’ vantaġġ. Fir-risposta, hija tillimita ruħha li tallega li, peress li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat huma kumulattivi, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li ma hemmx għajnuna mill-Istat. Sussegwentement, hija tesprimi ruħha esklużivament fuq il-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ vantaġġ tistax tiġi eskluża minħabba li r-rikorrenti aġixxiet bħala investitur privat avżat.

220    Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni żżid li t-tieni u t-tielet motiv huma ineffettivi, peress li ebda wieħed minnhom ma huwa, waħdu, ta’ natura li jwassal għall-annullament tal-ittra inkwistjoni. Peress li l-imsemmija ittra hija bbażata fuq l-assenza konġunta tal-kundizzjonijiet ta’ imputabbiltà u ta’ vantaġġ sabiex tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat, għal dan il-għan, ir-rikorrenti kellha tqajjem motiv wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-assenza kemm ta’ imputabbiltà kif ukoll ta’ vantaġġ. Madankollu, it-tieni motiv ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jwassal għal tali annullament, “peress li l-assenza ta’ vantaġġ teskludi l-argument tal-imsemmi motiv u hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li ma hemmx għajnuna mill-Istat”. L-istess japplika għat-tielet motiv, “peress li l-assenza ta’ imputabbiltà teskludi l-argumentazzjoni tal-imsemmi motiv u hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li ma hemmx għajnuna mill-Istat”.

221    Il-Kummissjoni tippreċiża, essenzjalment, li l-assenza ta’ imputabbiltà ma tikkostitwixxix il-“parti essenzjali” tal-motivazzjoni tal-ittra inkwistjoni. Dan l-aspett, l-istess bħal dak tan-nuqqas ta’ vantaġġ, ġie ttrattat f’din l-ittra biss fil-qosor, u l-konklużjoni dwar l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat kienet ibbażata fuq dawn iż-żewġ elementi tal-istess importanza. Min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata ffokat fuq l-assenza ta’ vantaġġ, peress li din kienet suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, l-ittra inkwistjoni esponiet biss konklużjoni “kompletament preliminari” dwar dan is-suġġett, li ma hijiex strutturata b’mod ċar daqs deċiżjoni formali tal-Kummissjoni.

222    Il-Kummissjoni tikkontesta li kellha l-intenzjoni li tevita stħarriġ ġudizzjarju tal-ittra inkwistjoni. Hija tindika li l-imsemmija ittra hija espressjoni purament preliminari mill-perspettiva tas-servizzi tagħha. Hija tippreċiża li kien biss bi żball u, għaldaqstant, b’mod illegali, li, f’din l-ittra, il-membru tal-persunal firmatarju fformula b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-imsemmija servizzi. Hija ssostni li dan il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali madankollu ġie rregolarizzat permezz tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata li tesponi r-risposta definittiva tagħha fil-forma korretta u debita. Ir-rikorrenti ma tistax tiġġustifika interess leġittimu sabiex tiġi eżaminata motivazzjoni preċiża tal-ittra inkwistjoni, b’mod partikolari dik li tirrigwarda l-imputabbiltà, peress li tali interess jippreżupponi li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdilha benefiċċju.

223    Għandu jitfakkar li, minn naħa, fl-ittra inkwistjoni, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hijiex imputabbli lill-Istat Grieg, huwa ddikjarat, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ma wrietx li “t-Tribunal ta’ Arbitraġġ kien korp li jeżerċita poteri pubbliċi, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li kemm [ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti] irrikorrew għall-arbitraġġ volontarju, mingħajr ma kien hemm obbligu legali għal dan il-għan”. Barra minn hekk, f’tali ittra tqies li, fid-dawl tal-fatt li t-Tribunal ta’ Arbitraġġ kellu l-mandat li jiffissa tariffa konformement mal-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-proċedura ta’ arbitraġġ, kif ukoll mad-deċiżjonijiet u mal-linji gwida adottati preċedentement adottati mir-RAE f’dan il-qasam, “l-Istat [Grieg] ma jidhirx li kien f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza determinanti fuq [l-imsemmija deċiżjoni]”. Il-Kummissjoni tenniet ukoll il-pożizzjoni tagħha “espressa fl-ittra tas‑6 ta’ Mejju 2014 dwar in-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-Istat [Grieg] f’[din id-deċiżjoni]”. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jgħidu li t-tariffa inkwistjoni kienet inqas mill-ispejjeż tagħhom, b’mod partikolari minħabba li l-istess deċiżjoni kienet tirrikonoxxi espliċitament li din it-tariffa kienet tkopri l-ispejjeż tar-rikorrenti minbarra benefiċċju raġonevoli, filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-profil ta’ konsum tal-intervenjenti. Għalhekk, hija tenniet ukoll il-pożizzjoni tagħha “espressa fl-ittra tas‑6 ta’ Mejju 2014 dwar in-nuqqas ta’ vantaġġ selettiv li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni” (ara wkoll il-punt 16 iktar ’il fuq).

224    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament qieset fl-ittra inkwistjoni, minn naħa, li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx imputabbli lill-Istat Grieg u, min-naħa l-oħra, li l-iffissar tat-tariffa inkwistjoni fl-imsemmija deċiżjoni ma kienx jagħti vantaġġ favur l-intervenjenti. Għaldaqstant, il-konklużjoni tagħha dwar l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat kienet ibbażata fuq dawn iż-żewġ elementi b’mod parallel.

225    Kuntrarjament, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma tennietx il-kunsiderazzjonijiet esposti fl-ittra inkwistjoni dwar l-assenza ta’ imputabbiltà tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ lill-Istat Grieg. Għall-kuntrarju, hija ma tagħmilx iktar riferiment għal din l-evalwazzjoni u lanqas ma tagħti deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni eventwali tal-kriterju ta’ imputabbiltà, u dan minkejja l-fatt li, minn naħa, is-sunt tal-ilmenti li jinsab fil-punti 11 tal-imsemmija deċiżjonijiet jieħu inkunsiderazzjoni l-argument tar-rikorrenti li l-imsemmija deċiżjoni kienet imputabbli lill-Istat Grieg u li, min-naħa l-oħra, il-punti 24 ta’ dawn id-deċiżjonijiet isemmu dan il-kriterju bħala parti integrali mill-kunċett ta’ għajnuna.

226    Għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni tipproċedi bl-istess mod fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fil-mori tal-kawża, li fihom hija tevita li tieħu pożizzjoni fuq il-kriterju ta’ imputabbiltà u li tiddefendi ruħha speċifikament kontra l-ilmenti invokati insostenn tat-tieni motiv. Kuntrarjament, hija tikkonċentra ruħha fuq ir-risposta tagħha għat-tielet motiv marbut mal-eżistenza ta’ vantaġġ filwaqt li tallega li huwa biżżejjed li wieħed mill-kriterji li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna ma jkunx issodisfatt sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2015/1589. Fl-aħħar, matul is-seduta, anki wara domanda preċiża magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni adottat approċċ analogu.

227    Fir-rigward tal-kriterju ta’ imputabbiltà, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, sabiex il-vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” skont l-Artikolu 107(1) TFUE għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi ġewx implikati fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

228    Għalhekk, fil-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippreskrivi obbligu ta’ provvista jew ta’ xiri tal-elettriku jew mekkaniżmu ta’ sostenn u ta’ kumpens tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-elettriku li jinfluwenza l-ammont tat-tariffa tiegħu, ġurisprudenza stabbilita rrikonoxxiet li l-obbligi korrispondenti huma miżura imputabbli lill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punti 16 sa 18; u tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punti 20 sa 22, u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punti 47 sa 49).

229    F’dan il-każ, huma biss il-kriterji ta’ tariffikazzjoni fil-qasam tal-provvista tal-elettriku tal-klijenti b’vultaġġ għoli, u mhux l-ammont preċiż tat-tariffi, li huma preskritti fil-leġiżlazzjoni Ellenika applikabbli, jiġifieri, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-“prinċipji fundamentali ta’ tariffikazzjoni tal-elettriku fil-Greċja” stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 692/2011 tar-RAE (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi applikabbli skont dawn il-prinċipji, l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 4001/2011 jipprevedi biss il-possibbiltà għall-partijiet kontraenti li jirrikorru għall-arbitraġġ permanenti tar-RAE, li wassal, f’dan il-każ, għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 346/2012 tar-RAE, tad‑9 ta’ Mejju 2012, li tiffissa tariffa provviżorja, u dik tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tiffissa t-tariffa inkwistjoni, applikabbli għar-relazzjonijiet ta’ tranżazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti (ara l-punti 9 u 12 iktar ’il fuq). In-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti tat-tariffi ta’ provvista tal-elettriku fil-Greċja huwa kkonfermat mill-proċedura mibdija quddiem l-EEA li kellha bħala għan allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa tar-rikorrenti intiż sabiex jiġu ffatturati tariffi eċċessivi u diskriminatorji fir-rigward tal-intervenjenti u li wassal lill-EEA sabiex taċċetta impenji ta’ aġir offruti mir-rikorrenti (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Minn dan jirriżulta li hija l-imsemmija deċiżjoni, kif ikkonfermata mill-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni), fis-sentenza tagħha Nru 634/2016 tat‑18 ta’ Frar 2016, li imponiet, b’mod legalment vinkolanti, it-tariffa inkwistjoni fuq ir-rikorrenti.

230    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hijiex att ta’ awtorità pubblika imputabbli lill-Istat Grieg, huwa biżżejjed li jitfakkru l-elementi esposti fil-punti 150 sa 158 iktar ’il fuq sabiex jiġi kkonstatat li r-rikorrenti wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li dan huwa l-każ.

231    Fil-fatt, dawn l-elementi jistabbilixxu li, min-natura tagħha u mill-effetti legali tagħha, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija paragunabbli ma’ sentenzi ta’ qorti ordinarja Ellenika, b’tali mod li għandha tiġi kklassifikata bħala att ta’ awtorità pubblika. Dan jintwera b’mod partikolari mill-fatt li hija kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni). Minn dan jirriżulta wkoll li t-tribunali arbitrali stabbiliti u li joperaw skont l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 4001/2011 jagħmlu, bħall-qrati ordinarji Elleniċi li huma jistgħu jissostitwixxu, parti integrali mis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja statali Griega.

232    Huwa għalhekk bi żball li l-Kummissjoni kkonkludiet, fl-ittra inkwistjoni, minn naħa, li ma ntweriex mir-rikorrenti li “t-Tribunal ta’ Arbitraġġ kien organu li jeżerċita poteri pubbliċi, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li kemm [ir-rikorrenti] kif ukoll [l-intervenjenti] irrikorrew għall-arbitraġġ volontarju, mingħajr ma kien hemm obbligu legali f’dan ir-rigward”, u, min-naħa l-oħra, li “l-Istat [Grieg] ma jidhirx li [kien] f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ”. Fil-fatt, il-fatt li l-partijiet adixxew lil Tribunal ta’ Arbitraġġ volontarjament jew bi ftehim komuni, bħal f’dan il-każ, ma jikkostitwixxix kriterju ta’ distinzjoni rilevanti f’dan ir-rigward, peress li anki t-tressiq ta’ kawża quddiem qorti ordinarja Ellenika kienet daqstant volontarja.

233    Din il-konklużjoni hija biżżejjed sabiex jitqies li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji jew dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat jew, tal-inqas, li hija kinitx obbligata tevita tali dubji minħabba li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx imputabbli lill-Istat Grieg. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li għajnuna mill-Istat tista’ tingħata wkoll permezz tal-intervent ta’ qorti tal-Istat li ma tosservax l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 108(3) TFUE (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 147 iktar ’il fuq).

234    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jintlaqa’, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ilmenti l-oħra invokati insostenn tiegħu.

235    Konsegwentement, peress li l-ewwel u t-tieni motiv għandhom jintlaqgħu, hemm lok li tiġi annullata l-ittra inkwistjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra.

E.      Konklużjoni dwar il-Kawżi magħquda T639/14 RENV, T352/15 u T740/17

236    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorsi fil-Kawżi magħquda T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17 għandhom jintlaqgħu u l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq ir-rapport tas-seduta, inklużi l-annessi tiegħu, sa fejn dawn jistgħu jinkludu offerti ta’ prova ġodda u tardivi fis-sens tal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll fuq it-talba tar-rikorrenti li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura.

IV.    Fuq l-ispejjeż

237    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

238    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Fil-Kawża T639/14 RENV, l-ittra tal-Kummissjoni COMP/E3/ΟΝ/AB/ark *2014/61460, tat12 ta’ Ġunju 2014, li tinforma lil Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) bin-nuqqas li tittieħed azzjoni dwar tal-ilmenti tagħha, hija annullata.

2)      Fil-Kawża T352/15, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 1942 final, tal-25 ta’ Marzu 2015 [Każ SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Greċja – Allegata għajnuna mill-Istat favur Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku inqas mill-ispejjeż skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ], hija annullata.

3)      Fil-Kawża T740/17, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5622 final, tal14 ta’ Awwissu 2017 [Każ SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Greċja – Allegata għajnuna mill-Istat favur Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku inqas mill-ispejjeż skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ], hija annullata.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn DEI fil-Kawżi magħquda T639/14 RENV, T352/15 u T740/17 kif ukoll fil-Kawża C228/16 P.

5)      Mytilinaios AE – Omilos Epicheiriseon għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Collins

Kreuschitz

Csehi

De Baere

 

      Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Settembru 2021.

Firem


Werrej


I. Il-fatt li wasslu għall-kawża u l-proċeduri

II. It-talbiet tal-partijiet

A. Kawża T639/14 RENV

B. Il-Kawża T352/15

C. Kawża T740/17

III. Id-dritt

A. Osservazzjonijiet preliminari

B. Fuq il-Kawża T740/17

1. Fuq l-ammissibbiltà

2. Fuq il-mertu

a) Fuq il-motivi ta’ annullament u fuq il-portata tal-istħarriġ tal-legalità fil-mertu

b) Fuq it-tielet sal-ħames motiv

1) Tfakkira tal-argumenti essenzjali tal-partijiet fil-kuntest tat-tielet motiv

2) Tfakkir tal-argumenti essenzjali tal-partijiet fil-kuntest tar-raba’ motiv u tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ħames motiv

3) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

i) Tfakkira tal-kunsiderazzjonijiet rilevanti esposti fit-tieni deċiżjoni kkontestata

ii) Fuq it-tqassim tal-kompetenzi u tal-obbligi bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali

iii) Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku favur l-intervenjenti

– Fuq in-natura statali tat-Tribunal ta’ Arbitraġġ

– Fuq id-dmir tal-Kummissjoni li tivverifika l-għoti ta’ vantaġġ permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ

– Fuq id-dmir tal-Kummissjoni li tagħmel evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ vantaġġ

c) Konklużjonijiet dwar il-Kawża T740/17

C. Fuq il-Kawża T352/15

D. Fuq il-Kawża T639/14 RENV

1. Fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u fuq l-ammissibbiltà

2. Fuq il-mertu

a) Fuq il-motivi ta’ annullament

b) Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali

c) Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni “ta’ liġi u ta’ fatt” fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE marbuta mal-kriterju ta’ imputabbiltà

E. Konklużjoni dwar il-Kawżi magħquda T639/14 RENV, T352/15 u T740/17

IV. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.