Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2013 – Fard u Sarkandi vs Il-Kusill

(Kawża T-439/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Mohammad Moghaddami Fard (Teheran, l-Iran); u Ahmad Sarkandi (l-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentanti: M. Taher, Solicitor, M. Lester, Barrister, u S. Kentridge, QC)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 156, p. 10) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 156, p. 3) u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest tal-Kunsill meta huwa kkunsidra li l-kriterji kollha ta’ inklużjoni kienu sodisfatti sa fejn jirrigwarda kull wieħed mir-rikorrenti, u li d-deskrizzjoni tar-rikorrenti ma hija bbażata fuq ebda bażi legali valida.

It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill kellu l-għan li jimponi projbizzjoni fuq ir-rikorrenti milli jivvjaġġaw fl-assenza ta’ bażi legali xierqa.

It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas tal-Kunsill milli jagħti motivi adegwati jew suffiċjenti li jiġġustifikaw l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-miżuri kkontestati.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas tal-Kunsill milli jipproteġi d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, kif ukoll id-dritt tagħhom għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kunsill b’mod inġustifikat u sproporzjonat, tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, inkluż id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tal-proprjetà, tal-ħajja tal-familja, tal-attività professjonali u tar-reputazzjoni tagħhom, minħabba d-deċiżjoni tiegħu li jiddeskrivi lir-rikorrenti.