Language of document : ECLI:EU:C:2021:531

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fl‑1 ta’ Lulju 2021 (1)

Kawża C277/20

UM

fil-preżenza ta’

HW bħala amministratur tas-suċċessjoni ta’ ZL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Atti ta’ trasferiment causa mortis – Kunċett ta’ ‘patt ta’ suċċessjoni’ – Donazzjoni inter vivos – Għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni – Dispożizzjonijiet tranżitorji – Artikolu 83(2) sa (4)”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) kif ukoll tal-Artikolu 83(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (2).

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kontestazzjoni minn UM, ċittadin Ġermaniż, taċ-ċaħda, mill-awtoritajiet Awstrijaki tar-rikors tiegħu għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tal-proprjetarji ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-Awstrija, li għandu l-intenzjoni jasserixxi, għall-bżonnijiet ta’ proċedura ta’ suċċessjoni miftuħa fil-Ġermanja, billi jibbaża ruħu fuq att ta’ donazzjoni causa mortis.

3.        Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna sabiex tiddeċiedi, skont il-klassifikazzjoni ta’ tali att bħala inter vivos, li x’aktarx tinżamm, fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 kif ukoll fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu.

4.        Ser nesponi r-raġunijiet li minħabba fihom ser nasal sabiex nikkunsidra li att ta’ donazzjoni causa mortis jista’ jikklassifika bħala “patt ta’ suċċessjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 650/2012, u l-konsegwenzi li jirriżultaw fir-rigward tal-validità tal-għażla tal-liġi applikabbli li fuqha tiddependi l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 650/2012

5.        Il-premessi 9, 11, 14, 37 u 49 tar-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxu:

“(9)      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, jiġifieri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, sew jekk permezz ta’ trasferiment volontarju taħt trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.

[…]

(11)      Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oqsma tal-liġi ċivili għajr is-suċċessjoni. Għal finijiet ta’ ċarezza, għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li għandhom rabta ma’ kwistjonijiet ta’ suċċessjoni għandhom jiġu espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(14)      Drittijiet ta’ proprjetà, interessi u assi maħluqa jew ittrasferiti b’modi oħra għajr is-suċċessjoni, bħala eżempju, permezz ta’ donazzjonijiet, għandhom ikunu esklużi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, għandha tkun il-liġi speċifikata minn dan ir-Regolament bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni li tiddetermina jekk donazzjonijiet jew forom oħra ta’ trasferimenti inter vivos li jirriżultaw fi dritt in rem qabel il-mewt għandhomx jagħtu lok għal restituzzjoni jew teħid f’kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ishma tal-benefiċjarji skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

[…]

(37)      Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermettilhom jkunu jafu minn qabel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati ta’ kunflitti ta’ liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li s-suċċessjoni tkun irregolata minn liġi prevedibbli li magħha tkun marbuta mill-qrib. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, dik il-liġi għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-proprjetà kollha li tifforma parti mill-partimonju, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

[…]

(49)      Ftehim ta’ suċċessjoni huwa tip ta’ trasferiment causa mortis li l-ammissibbiltà u l-aċċettazzjoni tiegħu tvarja fost l-Istati Membri. Sabiex ikun aktar faċli li drittijiet ta’ suċċessjoni miksuba bħala riżultat ta’ ftehim ta’ suċċessjoni jiġu aċċettati fl-Istati Membri dan ir-Regolament għandu jiddetermina liema liġi għandha tirregola l-ammissibbiltà ta’ ftehimiet bħal dawn, il-validità sostantiva tagħhom u l-effetti vinkolanti tagħhom bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment tagħhom.”

6.        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafi (1) u (2)(g) tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti […]

2.      Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(g)      drittijiet ta’ proprjetà, interessi u assi maħluqa jew ittrasferiti b’modi oħra minbarra bis-suċċessjoni, pereżempju permezz ta’ rigali, proprjetà konġunta bid-dritt tas-superstiti, il-pjanijiet ta’ pensjoni, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni u arranġamenti ta’ natura simili, mingħajr preġudizzju għall-punt (i) tal-Artikolu 23(2);”

7.        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu (1)(a), (b) u (d) tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)      ‘suċċessjoni’ tfisser is-suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċedut u tkopri l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato;

(b)      ‘patt ta’ suċċessjoni’ tfisser ftehim, inkluż ftehim li jirriżulta minn testmenti reċiproċi, li, bi jew mingħajr konsiderazzjoni, joħloq, jimmodifika jew itemm drittijiet għall-patrimonju jew patrimonji futuri ta’ persuna waħda jew aktar li tkun parti għall-ftehim;

[…]

(d)      ‘trasferiment causa mortis’ tfisser testment, testment konġunt jew ftehim rigward suċċessjoni;”

8.        Skont il-kliem tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Regola Ġenerali”, fi ħdan il-Kapitolu III, dwar il-“[l]iġi applikabbli”:

“1.      Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.

2.      Fejn, bħala eċċezzjoni, ikun ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li, fil-mument tal-mewt, id-deċedut kien manifestament aktar marbut ma’ Stat li mhux l-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikabbli skont il-paragrafu 1, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni għandha tkun il-liġi ta’ dak l-Istat l-ieħor.”

9.        L-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Għażla ta’ liġi”, jipprovdi kif ġej:

“1.      Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

[…]

2.      L-għażla ta’ liġi għandha ssir b’mod espliċitu f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera b’mod ċar bit-termini ta’ tali trasferiment.”

10.      L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, jiddisponi, fil-paragrafi (1) u (2)(i) tiegħu:

“1.      Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.

2.      Dik il-liġi tirregola, b’mod partikolari:

[…]

(i)      kwalunkwe obbligu li jitraddu jew li jingħata kont ta’ xi rigali, avvanzi jew legati meta jiġu ddeterminati l-ishma tal-benefiċjarji differenti; […]”

11.      L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ftehimiet dwar suċċessjoni”, jistabbilixxi fil-paragrafi (1) u (3):

“1.      Ftehim dwar is-suċċessjoni fir-rigward tas-suċċessjoni ta’ persuna waħda għandu jkun irregolat, fir-rigward tal-ammissibbiltà tiegħu, tal-validità sostantiva tiegħu u l-effetti vinkolanti tiegħu bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu, bil-liġi li, skont dan ir-Regolament, kienet tkun applikabbli għas-suċċessjoni ta’ dik il-persuna fil-każ tal-mewt tagħha fil-jum li fih ġie konkluż il-ftehim.

[…]

3.      Irrispettivament mill-paragrafi 1 u 2, il-partijiet jistgħu jagħżlu bħala l-liġi li tirregola l-ftehim tagħhom rigward is-suċċessjoni, fir-rigward tal-ammissibbiltà tiegħu, tal-validità sostantiva tiegħu u l-effetti vinkolanti tiegħu bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu, il-liġi li l-persuna jew waħda mill-persuni li l-patrimonju tagħha huwa involut setgħet tagħżel f’konformità mal-Artikolu 22 bil-kondizzjonijiet stabbiliti hawnhekk.”

12.      L-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Dispożizzjonijiet transizzjonali”, jistabbilixxi, fil-paragrafi (2) sa (4) tiegħu:

“2.      Fejn id-deċedut ikun għażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, dik l-għażla għandha tkun valida jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk kienet valida fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument meta tkun saret l-għażla, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza.

3.      Trasferiment causa mortis magħmul qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 għandu jkun ammissibbli u validu f’termini sostantivi u fir-rigward tal-forma jekk ikun jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk huwa ammissibbli u validu f’termini sostantivi u fir-rigward tal-forma fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument li fih ikun sar it-trasferiment, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza jew fl-Istat Membru tal-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni.

4.      Jekk trasferiment causa mortis kien sar qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 skont il-liġi li l-mejjet ikun għażel skont dan ir-Regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.”

B.      Id-dritt Awstrijak

13.      L-Artikolu 956 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża preżenti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Erbrechts-Änderungsgesetz 2015 (il-Liġi li Temenda d-Dritt tas-Suċċessjoni tal‑2015) (3), tat‑30 ta’ Lulju 2015, kien jipprovdi kif ġej:

“Donazzjoni, li għandha sseħħ biss wara l-mewt ta’ donatur, hija valida bħala legat meta l-formalitajiet stabbiliti huma rrispettati. Hija kkunsidrata bħala kuntratt biss jekk id-donatarju jkun aċċettaha, jekk id-donatur ikun espliċitament esprima r-rinunzja għar-revoka u li att bil-miktub għal dan il-għan ikun ingħata lid-donatarju.”

14.      L-Artikolu 1(1)(d) tan-Notariatsaktsgesetz (il-Liġi dwar l-Atti Nutarili) (4), tal‑25 ta’ Lulju 1871, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jorbot il-validità ta’ att ta’ donazzjoni li ma jistax jiġi kkontestat effettivament mal-istabbiliment ta’ att nutarili.

15.      L-Artikolu 26 tal-Allgemeines Grundbuchsgesetz (il-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet) (5), tat‑2 ta’ Frar 1955, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“(1)      Ir-reġistrazzjonijiet u r-riżervi jistgħu jiġu awtorizzati biss fuq il-bażi ta’ attestazzjonijiet stabbiliti taħt il-forma preskritta għall-validità tagħhom.

(2)      Dawn l-attestazzjonijiet għandhom, meta jirrigwardaw l-akkwist jew l-emenda ta’ dritt in rem, jinkludu bażi legali valida.”

16.      Skont il-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Rechtspflegergesetz (il-Liġi dwar l-Uffiċjali tal-Qorti) (6), tat‑12 ta’ Diċembru 1985, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali:

“Skrivan tal-qorti jista’ jinħatar uffiċjal tal-qorti għal waħda jew iktar mill-oqsma ta’ attivitajiet li ġejjin:

[…]

3.      Kawżi dwar ir-reġistru tal-artijiet u r-reġistru marittimu.”

17.      Il-punt 6 tal-Artikolu 16(2) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Huma dejjem riżervati għall-qorti:

[…]

6.      Id-deċiżjonijiet li fihom għandu jiġi applikat id-dritt barrani.”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18.      ZL, ċittadin Ġermaniż li kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-Ġermanja meta miet fit‑13 ta’ Mejju 2018, kien ikkonkluda, fit‑22 ta’ Lulju 1975, flimkien ma’ ibnu, UM, ċittadin Ġermaniż, u mal-mara tiegħu, XU, ċittadina Awstrijaka, kuntratt li ppreveda l-għoti, fil-mument tal-mewt tiegħu, favur dawn tal-aħħar, f’nofs kull wieħed, ta’ proprjetà immobbli li tinstab fl-Awstrija. Waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, il-partijiet kollha kellhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja.

19.      Dan il-kuntratt ippreveda l-akkwist, minn ZL, ta’ proprjetà immobbli, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

b)      ZL jintrabat li jibni, fuq din il-proprjetà, li mbagħad ikollha dar għal żewġ familji f’terminu ta’ għaxar snin li jibdew jiddekorru mill-konklużjoni tal-kuntratt. Dan l-impenn jgħaddi fuq l-eredi tiegħu jekk dan ma jissodisfahx waqt ħajtu […]

c)      ZL jgħaddi l-proprjetà ċċitata fil-mument tal-mewt tiegħu lil XU u UM, f’nofs kull wieħed, inkluż dak kollu li fil-mument tal-mewt tiegħu jkun marbut mal-proprjetà immobbli, partikolarment id-dar li tinsab […] L-għoti jseħħ fil-mument tal-mewt ta’ ZL, iżda mhux qabel ma jitlesta l-bini tad-dar. L-għoti huwa suġġett għall-kundizzjoni li, fil-mument tal-mewt ta’ ZL, [UM u XU] ma jkunux iddivorzjati u li XU ma tmutx qabel ZL. Jekk din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta, l-għoti huwa meqjus li jseħħ fil-mument tal-mewt għall-benefiċċju ta’ UM biss; id-dritt li jirriżulta mill-kuntratt li għandu jiġi konkluż jista’ jiġi ttrasferit b’suċċessjoni qabel il-mewt ta’ ZL.

d)      Sakemm ma jkunx ġie miftiehem korrispettiv għal dan l-għoti, dan iseħħ fil-mument tal-mewt abbażi ta’ donazzjoni hekk kif ZL iddikjara espliċitament. Huwa rrinunzja għar-revoka tal-kuntratt.

e)      Bħala korrispettiv parzjali tal-għoti, [UM u XU] huma marbuta jirrikonoxxu lil […] l-omm ta’ XU, dritt ta’ abitazzjoni fid-dar li għandha tinbena […]

f)      Id-dritt Awstrijak japplika għar-rapporti ġuridiċi li jirriżultaw mill-kuntratti li għandhom jiġu konklużi […]

g)      ZL jintrabat sabiex ma jbiehx jew jostakola, mingħajr il-ftehim ta’ UM u ta’ XU, il-proprjetà immobbli li hija proprjetà tiegħu sabiex jiżgura lid-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ ċessjoni fil-mument tal-mewt. […]

h)      ZL jawtorizza r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet permezz tan-numru tar-reġistru tal-komun kadastrali […] maħluq għall-art li hija s-suġġett tal-kuntratt

aa)      […]

bb)      abbażi ta’ dan il-kuntratt u taċ-ċertifikat uffiċjali tal-mewt ta’ ZL, id-dritt għall-proprjetà, f’kull każ f’nofs, fuq talba taż-żewġ ċessjonarji, [UM u XU], jew tad-dritt għall-proprjetà għal UM biss fuq it-talba tiegħu u fuq preżentazzjoni tal-prova ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjoni għall-għoti tal-proprjetà immobbli lilu biss.

[…]”

20.      Meta miet ZL, XU, iddivorzjata minn UM, kienet ilha mejta mill‑5 ta’ Novembru 2005, u ma nbniet l-ebda dar.

21.      Il-proċedura ta’ suċċessjoni seħħet quddiem l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja). Għal dan il-għan, billi sostna li, fil-mument tal-mewt ta’ missieru, huwa kien l-uniku benefiċjarju tal-att ta’ donazzjoni, UM talab ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet tad-dritt tiegħu fuq il-proprjetà li jirrigwarda l-proprjetà immobbli inkwistjoni quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, il-Bezirksgericht Hermagor (il-Qorti Distrettwali ta’ Hermagor, l-Awstrija). Ir-Rechtspfleger (l-Uffiċjal tal-Qorti, l-Awstrija) ta’ din il-qorti tal-ewwel istanza, inkarigat sabiex jivverifika t-talba ta’ UM, ikkunsidra li l-liġi applikabbli kienet il-liġi Awstrijaka u ċaħad lil din it-talba fl-assenza ta’ provi dokumentarji li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-kuntratt invokat minn UM kienu ġew issodisfatti. Il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija) ikkonfermat lil din id-deċiżjoni minħabba l-fatt li r-Regolament Nru 650/2012 ma japplikax minħabba l-għażla tad-dritt Awstrijak operat f’dan il-kuntratt u li l-għoti tal-proprjetà immobbli fuq il-bażi tad-donazzjoni inkwistjoni ma setax iseħħ mingħajr il-prova tal-bini tad-dar hekk kif previst fl-imsemmi kuntratt. Il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), ġiet adita b’rikors għal “Reviżjoni” kontra din id-deċiżjoni.

22.      Din il-qorti, li nnotat li d-dokumenti prodotti lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni għar-reġistru tal-artijiet, jippermettu li jiġi konkluż li, skont il-kriterji tad-dritt Awstrijak, att ta’ donazzjoni causa mortis kien ġie konkluż għall-benefiċċju ta’ UM, hija tal-opinjoni li dan l-att jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 u jista’ jiġi kklassifikat bħala “patt ta’ suċċessjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) jew (d) ta’ dan ir-regolament.

23.      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi Awstrijaka magħżula mill-partijiet fil-kuntratt, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-imsemmi regolament huma applikabbli u tiddubita l-interpretazzjoni tal-Artikolu 83(2) ta’ dan l-istess regolament, fir-rigward tal-applikabbiltà tiegħu fir-rigward tal-għażla ta’ liġi applikabbli f’patt dwar suċċessjoni.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi patt ta’ suċċessjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, att ta’ donazzjoni causa mortis rigward proprjetà immobbli li tinsab fl-Awstrija, konkluż bejn żewġ ċittadini Ġermaniżi li għandhom il-post ta’ residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja u li jgħid li d-donatarju għandu jkollu fir-rigward tas-suċċessjoni, wara l-mewt tad-donatur, dritt personali għar-reġistrazzjoni tad-dritt tiegħu għall-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet abbażi ta’ dan l-att ta’ donazzjoni u taċ-ċertifikat ta’ mewt tad-donatur, u għaldaqstant mingħajr intervent tal-amministrazzjoni kompetenti fil-qasam tas-suċċessjoni?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

L-Artikolu 83(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jirregola wkoll il-validità tal-għażla tal-liġi applikabbli, magħmula qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, għal att ta’ donazzjoni causa mortis li għandu jiġi kklassifikat bħala patt ta’ suċċessjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 650/2012?”

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja minn UM, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet kif ukoll il-Gvern Ġermaniż wieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-termini stabbiliti.

IV.    Analiżi

26.      Qabel kollox, jidhirli li huwa xieraq li jiġi enfasizzat, minħabba l-iskop tar-Regolament Nru 650/2012, li t-talba għal deċiżjoni preliminari, li tirrigwarda l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament, ġiet magħmula fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li għandha bħala suġġett l-għoti ta’ drittijiet li jirrigwardaw proprjetà immobbli, li tinsab fl-Awstrija, li kienet is-suġġett ta’ donazzjoni causa mortis (7), bl-għan ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet. Il-proċedura ta’ suċċessjoni infetħet fi Stat Membru ieħor. Konsegwentement, b’mod bla preċedent, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ppreżentata f’kuntest iktar ġenerali tal-verifika tad-dritt ta’ proprjetà minn dak tas-suċċessjoni, fis-sens li l-awtorità adita minn UM ma hijiex responsabbli sabiex tieħu deċiżjoni jew sabiex toħroġ att marbuta magħha direttament. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li t-talba tagħha hija intiża sabiex tivverifika l-kompetenza tal-awtorità li ċaħdet it-talba ta’ UM, li tiddependi mill-applikazzjoni tad-dritt Awstrijak (8).

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

27.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “patt ta’ suċċessjoni”, att ta’ donazzjoni inter vivos li abbażi tiegħu t-trasferiment tal-proprjetà li hija tad-donatur iseħħ biss fil-mument tal-mewt tiegħu.

28.      L-ewwel, hemm lok li jiġi ppreċiżat li d-domanda li tirrigwarda l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament hija ġġustifikata:

–        ratione temporis, konformement mal-Artikolu 83(1) tiegħu, peress li l-kawża prinċipali għandha bħala suġġett is-suċċessjoni ta’ ZL, li miet wara s‑17 ta’ Awwissu 2015;

–        minħabba l-impatt transkonfinali tas-suċċessjoni, peress li l-mejjet kien jirresjedi normalment fil-Ġermanja u l-kawża prinċipali tikkonċerna proprjetà immobbli li kienet tiegħu li tinsab fl-Awstrija (9), u

–        sa fejn il-kawża għandha bħala suġġett il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom inkiseb dritt fil-kuntest tas-suċċessjoni, fid-dawl tar-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru tal-artijiet, u mhux tal-modalitajiet tiegħu li ma jaqawx taħt ir-Regolament Nru 650/2012 (10).

29.      It-tieni, għandu jiġi nnotat li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet dwar donazzjonijiet causa mortis fir-Regolament Nru 650/2012 (11), elementi differenti għandhom jittieħdu sabiex jiġi ddeterminat jekk tali atti jistgħu jikklassifikaw bħala “patt ta’ suċċessjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tiegħu, kif isostnu l-qorti tar-rinviju, UM, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jew, bil-kontra, jekk dawn l-atti għandhomx jiġu kkunsidrati bħala rigali fis-sens tal-Artikolu 1(2)(g) ta’ dan ir-regolament, hekk kif isostni wkoll il-Gvern Spanjol.

30.      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (12).

31.      Għall-ħtiġiet tal-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 applikabbli fil-kawża preżenti, nosserva li, minn naħa, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, dan japplika għas-“suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċeduti”. Fl-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament, huwa ppreċiżat b’“suċċessjoni” infissru s-suċċessjoni causa mortis u li dan it-terminu jkopri “il-forom kollha ta’ assi […] minħabba mewt” (13). Din id-definizzjoni tirrepeti l-kontenut tal-premessa 9 tal-istess regolament, li tipprovdi li din għandha tapplika “għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta” (14).

32.      Żewġ metodi ta’ trasferiment ta’ beni causa mortis huma previsti, jiġifieri att volontarju abbażi ta’ trasferiment causa mortis u fil-kuntest ta’ suċċessjoni ab intestato.

33.      Fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 650/2012, huwa ppreċiżat li l-espressjoni “trasferiment causa mortis” tkopri “testment, testment konġunt jew ftehim rigward suċċessjoni”. Dan il-patt huwa ddefinit fis-subparagrafu (b) ta’ dan l-artikolu bħala li huwa, essenzjalment, ftehim li jagħti drittijiet għall-patrimonji futuri ta’ persuna waħda jew iktar li tkun parti għall-ftehim.

34.      Min-naħa l-oħra, dawn id-definizzjonijiet, li jikkostitwixxu kunċetti awtonomi (15), sa fejn huma intiżi sabiex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 650/2012 indipendentement mid-dritt tal-Istati Membri, għandhom jiġu mqabbla mal-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tad-“drittijiet ta’ proprjetà […] ittrasferiti b’modi oħra minbarra bis-suċċessjoni, pereżempju permezz ta’ rigali” (16), stabbilita fl-Artikolu 1(2)(g) tiegħu (17).

35.      Fid-dawl tal-kunċett ta’ “suċċessjoni” (18) u fin-nuqqas ta’ definizzjoni kemm tar-rigali u kemm ta’ testment, titqajjem il-kwistjoni sabiex isir magħruf liema huwa l-kriterju li jippermetti li ssir distinzjoni bejn ir-rigali (19) u t-trasferimenti causa mortis, fid-dawl ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti.

36.      Fl-ewwel lok, ninnota li, fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 650/2012, li fid-dawl tiegħu għandu jkun ikkunsidrat l-Artikolu 1(2)(g) ta’ dan ir-regolament, tintuża l-espressjoni “donazzjonijiet jew forom oħra ta’ trasferimenti inter vivos li jirriżultaw fi dritt in rem qabel il-mewt” (20).

37.      Jidhirli li huwa dedott minn dan, ukoll permezz ta’ paragun ma’ metodi ta’ trasferiment ta’ drittijiet u ta’ beni previsti fl-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, jiġifieri proprjetà konġunta bid-dritt tas-superstiti, il-pjanijiet ta’ pensjoni, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni u arranġamenti ta’ natura simili, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, l-atti inter vivos li jikkostitwixxu drittijiet qabel il-mewt tas-sid tagħhom jew li, bħala prinċipju, jorganizzaw it-trasferiment tal-beni barra mis-suċċessjoni.

38.      Fit-tieni lok, nippreċiża li l-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 li għandu bħala sors l-Artikolu 1(2)(d) tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi Applikabbli fuq is-Suċċessjoni Causa Mortis, iffirmata f’Den Haag fl‑1 ta’ Awwissu 1989 (21), li qatt ma daħal is-seħħ. Fir-rapport ta’ spjega ta’ din il-konvenzjoni (22), huwa ppreċiżat li l-Artikolu 1(2)(d) għandu qasam wiesa’ ħafna li jkopri lid-dispożizzjonijiet kollha minbarra dawk causa mortis u li jeskludi t-tranżazzjonijiet inter vivos,meta d-dritt għall-proprjetà jinħoloq kif iseħħ il-mewt.

39.      It-tielet, nenfasizza li, fir-rigward tal-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 intiż sabiex jissuġġetta lis-suċċessjoni kollha lil liġi unika, l-Artikolu 1(2)(g) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat b’mod strett, anki jekk ir-rigali ma jevitawx kompletament l-applikazzjoni tal-liġi tas-suċċessjoni (23).

40.      Bħala konsegwenza, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “rigali”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(g) id-donazzjonijiet causa mortis, li jipprevedu l-għoti ta’ dritt fuq il-beni li huma parti mill-patrimonju tal-mejjet, fil-mument tal-mewt tiegħu biss, favur id-donatarju, jekk ikun għadu ħaj, u jorganizzaw, permess tal-istess, il-modalitajiet tat-trażmissjoni tal-wirt. Fi kliem ieħor, il-kriterju essenzjali huwa dak tad-determinazzjoni tad-drittijiet tad-donatarju fir-rigward tal-beni li jikkostitwixxu l-massa patrimonjali fir-rigward tal-eredi l-oħra (24) fuq suċċessjoni mhux miftuħa.

41.      Peress li l-mewt tad-donatur għandha tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ dan it-trasferiment tad-dritt u mhux tal-eżekuzzjoni konkreta tiegħu (25) u li d-donazzjoni li tirriżulta fi ftehim irrevokabbli (26) bejn il-partijiet fuq id-drittijiet tal-proprjetà jinħolqu mal-mewt fuq il-beni li għaldaqstant jikkostitwixxu l-patrimonju tal-mejjet (27), id-donazzjoni causa mortis (jew, fi kliem ieħor, kull ftehim dwar it-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà causa mortis) jista’ jikklassifika, fl-opinjoni tiegħi, bħala “patt ta’ suċċessjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 650/2012, bħala kunċett awtonomu (28), anki jekk dan l-att ma jirrigwardax is-suċċessjoni kollha (29) jew fuq il-beni li d-donatur ma kellux diġà meta seħħ il-ftehim.

42.      Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tad-diversità fis-sistemi ġuridiċi tad-donazzjonijiet causa mortis kif ukoll dwar il-patt ta’ suċċessjoni, innotata, għal dan tal-aħħar, fil-premess 49 tar-Regolament Nru 650/2012 u enfasizzata kemm mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll mill-kummentarji (30), sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-regolament.

43.      F’dan ir-rigward, naqbel mal-opinjoni espressa minn diversi awturi fis-sens li l-klassifikazzjoni tal-att għandha tirriżulta mill-applikazzjoni tal-liġi li tirregola l-patt ta’ suċċessjoni, hekk kif previst fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 650/2012 (31).

44.      Tali interpretazzjoni hija konformi għall-għan segwit minn dan ir-regolament, li huwa, minn naħa, sabiex jgħin lill-eredi u lil-legatarji, lill-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll lill-kredituri tas-suċċessjoni sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali kif ukoll sabiex jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jħejju s-suċċessjoni tagħhom (32).

45.      Min-naħa l-oħra, minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni (33), ir-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi, għall-patrimonju kollu li hija komposta minnu, l-unità tal-liġi tas-suċċessjoni, li għandha impatt fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri sabiex jiddeċiedu fuq is-suċċessjoni fl-intier tagħha (34), permezz ta’ rabta mal-liġi tal-Istat Membru li fih il-mejjet kellu r-residenza normali tiegħu fil-mument tal-mewt, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament, jew mal-liġi tal-Istat li l-mejjet kellu ċ-ċittadinanza tiegħu, magħżula minnu abbażi tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament.

46.      Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet ikunu iktar adattati għall-għanijiet tar-Regolament Nru 650/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda xi arranġamenti, partikolarment għall-prinċipju ta’ unità tal-liġi tas-suċċessjoni (35). Dan huwa l-każ, hekk kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, li għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-premessa 49 tiegħu, li jiddetermina, fi kliem simili għal dawk tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, dwar it-trasferimenti l-oħra causa mortis, li l-patt ta’ suċċessjoni huwa rregolat mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni fil-ġurnata li jiġu konklużi, sabiex tiġi ppreżervata l-organizzazzjoni tas-suċċessjoni prevista f’dawn l-atti.

47.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra, b’differenza mill-Gvern Spanjol, li l-klassifikazzjoni ta’ donazzjoni causa mortis ta’ “patt ta’ suċċessjoni” ma hijiex ta’ natura li twassal għall-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, iżda tiżgura għall-partijiet ikkonċernati bit-trasferiment ta’ ben jew beni li jikkostitwixxu l-patrimonju tal-mejjet iċ-ċertezza legali mfittxija f’każ ta’ suċċessjoni li għandu impatt transkonfinali.

48.      Interpretazzjoni kuntrarja jkollha bħala effett li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni, atti oħra preżentement stabbiliti fid-dawl li jiġi ppjanat it-trasferiment ta’ suċċessjoni li għalih jitqajmu l-istess mistoqsijiet, bħalma huma d-donazzjonijiet inter vivos jew id-donazzjonijiet maqsuma (36).

49.      Għaldaqstant, numru kbir ta’ atti importanti għall-organizzazzjoni tas-suċċessjoni għandhom ikunu suġġetti, skont il-każ, kemm għar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (37), u kemm għar-regoli nazzjonali jew konvenzjonali tal-Istat kkonċernat(38), li jirriskja li jdgħajjef b’mod serju l-prinċipju ta’ unità tal-liġi tas-suċċessjoni.

50.      Fil-każ preżenti, il-kawża prinċipali għandha bħala suġġett patt li jorganizza t-trasferiment tal-proprjetà ta’ proprjetà immobbli li kellha sseħħ fil-mument tal-mewt ta’ missier ir-rikorrent, taħt xi kundizzjonijiet (39). Għalkemm, fl-opinjoni tiegħi, dan il-ftehim jippreżenta l-karatteristiċi ta’ patt ta’ suċċessjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012, din il-klassifikazzjoni jkollha tiddependi fuq il-liġi ta’ suċċessjoni applikabbli, hekk kif qed nipproponi (40).

51.      Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, nikkunsidra li l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “patt ta’ suċċessjoni” inter vivos, li abbażi tiegħu t-trasferiment, għal benefiċċju tad-donatarju, tal-proprjetà ta’ ben jew beni li jikkostitwixxu anki parzjalment il-patrimonju ta’ suċċessjoni ta’ donatur, iseħħ biss wara l-mewt tiegħu.

B.      Fuq ittieni domanda preliminari

52.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-validità tal-għażla tal-liġi Awstrijaka fil-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali (41) fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 650/2012 u tal-Artikolu 83(2) tiegħu. Dan jipprevedi rinviju għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għażla ta’ liġi”.

53.      Hekk kif innotat il-Kummissjoni, il-verżjoni bil-Ġermaniż tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012, b’differenza mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (42), ma tippreċiżax li l-għażla ta’ liġi għandha tirrigwarda lis-suċċessjoni kollha.

54.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’sentenza mogħtija ftit żmien wara l-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, li persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li “tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha” abbażi ta’ dan l-Artikolu 22 u li l-Artikolu 83(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi l-każ li fih il-mejjet kien, qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, għażel il-liġi “applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu” (43).

55.      Konsegwentement, nikkunsidra, bħall-Kummissjoni, li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dritt Awstrijak kien intgħażel mill-partijiet sabiex jiġi applikat għar-rapporti ġuridiċi bejniethom u mhux sabiex tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.

56.      Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ġiet magħmula din it-tieni domanda preliminari, jidhirli opportun li nikkompleta l-analiżi tiegħi dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji billi nindika, minn naħa, li, fir-rigward ta’ trasferiment causa mortis li jseħħ qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 minn donatur li miet qabel din id-data, dan ikun validu, konformement mal-Artikolu 83(3) tar-Regolament Nru 650/2012, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi magħżula skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, preċiżament l-Artikolu 25, applikabbli għal patt ta’ suċċessjoni jkunu ssodisfatti, jew, fin-nuqqas ta’ dan skont ir-regoli ta’ kunflitt preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

57.      Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie nnotat mill-Kummissjoni, f’dan il-każ, il-konsegwenzi fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-att inkwistjoni, għandhom jittieħdu mill-konstatazzjoni tal-inapplikabbiltà tal-Artikolu 83(2) tar-Regolament Nru 650/2012, fin-nuqqas tal-għażla tal-liġi li tirregola lis-suċċessjoni fl-intier tagħha (44), u għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, tal-inapplikabbiltà tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu (45). Fil-fatt, peress li, abbażi ta’ dan ir-regolament, il-mejjet ma setax jagħżel il-liġi Awstrijaka, din ma tistax titqies bħala li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni (46).

58.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li ma hemmx lok li tingħata risposta lit-tieni domanda preliminari.

V.      Konklużjoni

59.      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej:

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “patt ta’ suċċessjoni” inter vivos, li abbażi tiegħu t-trasferiment, għal benefiċċju tad-donatarju, tal-proprjetà ta’ ben jew beni li jikkostitwixxu anki parzjalment il-patrimonju ta’ suċċessjoni ta’ donatur, iseħħ biss wara l-mewt tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140.


3      BGBl. I, 87/2015.


4      BGBl, 76/1871.


5      BGBl, 39/1955.


6      BGBl, 560/1985.


7      L-istess domanda setgħat tiġi magħmula kieku kienet saret talba għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li jippermetti lil kull eredi, legatarju jew aventi kawża msemmi f’dan iċ-ċertifikat, li jipprova fi Stat Membru ieħor il-kwalità tiegħu u d-drittijiet ta’ suċċessjoni tiegħu fil-patrimonju. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2018:138, punti 36 u 42, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 45).


8      Ara, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-proċedura nazzjonali, il-punti 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:569, punti 34 sa 36, kif ukoll 42 u 43).


10      Ara l-premessa 18 u l-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament Nru 650/2012, kif ukoll is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 54).


11      Dan huwa l-każ fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża. Madankollu, l-kelma “donaciones” tidher fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola tal-Artikolu 23(2)(i) ta’ dan ir-regolament, b’differenza għall-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, partikolarment bil-Ġermaniż, l-Ingliż, it-Taljan jew ir-Rumen. Nippreċiża li dawn id-differenzi ma għandhomx impatt fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament inkwistjoni fil-kawża preżenti.


12      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB (C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Il-korsiv huwa miżjud minni.


14      Il-korsiv huwa miżjud minni. Din l-espressjoni ġiet innotata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 34), u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 30).


15      Ara, f’dan ir-rigward, Bonomi, A., “Article 1. Champ d’application”, f’Bonomi, A., u Wautelet, P., Le droit européen des succession, Commentaire du règlement (UE) nº 650/2012, tal4 ta’ Lulju 2012, it-tieni edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2016, p. 73 sa 139, partikolarment il-punt 2, p. 75, kif ukoll Looschelders, D., “Artikel 3 EuErbVO”, f’Hüßtege, R., u Mansel, H.‑P., Rom-Verordnungen, it-tieni edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2015, p. 839 sa 847, partikolarment il-punt 8, p. 841 u 842.


16      Il-korsiv huwa miżjud minni.


17      Fuq it-tfakkira tan-natura limitattiva tal-esklużjonijiet li jidhru fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, partikolarment fir-rigward tad-domandi marbuta mar-reġimi matrimonjali, ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 33).


18      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19      F’dan ir-rigward, Marie Goré nnotat li “[l]-antiċipazzjoni tas-suċċessjoni ma ġietx maħsuba għal kollox” (Goré, M., “Les silences du règlement européen sur les successions internationales”, Droit et Patrimoine, Lamy, Pariġi, 2013, Nru 224, p. 34 sa 37, partikolarment p. 6).


20      Il-korsiv huwa miżjud minni.


21      Disponibbli fuq is-sit internet: https://www.hcch.net/fr/instruments/conventions/full-text/?cid=62. L-espressjoni “bħala eżempju, permezz ta’ donazzjonijiet” ġiet miżjuda fir-Regolament Nru 650/2012. Ara l-premessa 9 u l-Artikolu 1(3)(f) tal-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (COM(2009) 154 final), ifformulati mill-ġdid mill-Parlament fir-rapport tiegħu tas‑6 ta’ Marzu 2012 fuq din il-proposta (A7‑0045/2012), fir-rigward tal-kliem tal-esklużjoni.


22      Ara r-rapport ta’ spjega ta’ M. Donovan u W. M. Waters disponibbli fuq is-sit internet: https://assets.hcch.net/docs/ed641835-352a-4fe0-a378-5bf4222086c8.pdf (punti 41 (p. 542) u 92 (p. 574)).


23      Ara l-Artikolu 23(2)(i) tar-Regolament Nru 650/2012.


24      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 40).


25      Għandha titwettaq distinzjoni bejn id-donazzjonijiet causa mortis u d-donazzjonijiet li jorganizzaw it-trasferiment tad-drittijiet immedjat billi jipprevedu l-pussess tal-oġġett iddifferit lejn data li tista’ tkun dik tal-mewt tad-donatur. Ara, f’dan is-sens, Boulanger, D., “Le renouvellement du traitement de l’anticipation successorale au travers du règlement (UE) du 4 juillet 2012”, La Semaine Juridique Notariale et Immobilière, LexisNexis, Pariġi, Nru 27, p. 39 sa 44, partikolarment punt 15, p. 41. Nosserva, f’dan ir-rigward, li fil-verżjoni Franċiża tad-dokumenti tal-proċedura, l-espressjoni “kunsinna tal-beni” ma għandhiex tkun sors ta’ konfużjoni. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, hemm lok li ssir referenza għall-“Abstraktionsprinzip”, li abbażi tiegħu trasferiment ta’ proprjetà immobbli jkopri dak tad-dritt għall-proprjetà (att ta’ bejgħ pereżempju) u l-kunsinna fiżika tal-beni (permezz ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet). Fuq id-distinzjoni bejn l-eżekuzzjoni matul il-ħajja tad-donatur u dak li jseħħ wara l-mewt tiegħu, ara Looschelders, D., “Artikel 1 EuErbVO”, f’Hüßtege, R., u Mansel, H.-P., Rom-Verordnungen, op. cit., p. 817 sa 835, partikolarment il-punti 45 u 46, p. 829 u 830.


26      Ara Bonomi, A., “Article 25. Pacte successoral”, f’Bonomi, A., u Wautelet, P., Le droit européen des succession, Commentaire du règlement (UE) nº 650/2012, du 4 juillet 2012, op. cit., p. 429 sa 449, partikolarment il-punt 13, p. 436; Pesendorfer, U., “Art. 3 EuErbVO”, f’Burgstaller, A., Neumayr, M., Geroldinger, A., u Schmaranzer, G., Die EU-Erbrechtsverordnung, LexisNexis, Vjenna, 2016, p. 68 sa 81, partikolarment il-punti 12 u 17, p. 74 sa 76, kif ukoll Dutta, A., “Art. 3 EuErbVO Begriffsbestimmungen”, Münchener Kommentar zum Bürgerlichen Gesetzbuch, C.H. Beck, München, 2020, punt 8.


27      Ara Boulanger, D., op. cit., punt 14, p. 41.


28      Ara, fl-istess sens, Bonomi, A., “Article 3. Définitions”, f’Bonomi, A., u Wautelet, P., Le droit européen des succession, Commentaire du règlement (UE) nº 650/2012, du 4 juillet 2012, op. cit., p. 143 sa 179, partikolarment il-punt 21, p. 155; Dutta, A., “Art. 1 EuErbVO Anwendungsbereich”, Münchener Kommentar zum Bürgerlichen Gesetzbuch, op. cit., punt 37 u “Art. 3 EuErbVO Begriffsbestimmungen”, op. cit., punt 10; Mankowski, P., “Art 1 EuErbVO”, f’Deixler-Hübner, A., u Schauer, M., Kommentar zur EU-Erbrechtsverordnung (EuErbVO), it-tieni edizzjoni, Manz’sche Verlags- und Universitätsbuchhandlung, Vjenna, 2020, p. 16 sa 66, partikolarment il-punt 79, p. 42 u 43; Deixler-Hübner, A., u Schauer, M., “Art 3 EuErbVO”, f’Deixler-Hübner, A.,u Schauer, M., Kommentar zur EU-Erbrechtsverordnung (EuErbVO), op. cit., p. 70 sa 94, partikolarment, punt 14, p. 77 u 78, kif ukoll Fontanellas Morell, J. M., “Las donaciones mortis causa ante la reglementación comunitaria de la sucesiones”, Anuario Español de Derecho Internacional Privado, Iprolex, Madrid, Spanja, 2011, p. 465 sa 484, partikolarment p. 481 sa 483.


29      F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-opinjoni tal-Gvern Spanjol, iżda naqbel mal-analiżi tal-partijiet l-oħra, fis-sens li l-kunċett ta’ “patt ta’ suċċessjoni” li jidher fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 650/2012 huwa ddefinit f’termini suffiċjentement ġenerali sabiex ikopri ftehim fuq ben uniku jew fuq parti mis-suċċessjoni. Huwa suffiċjenti li l-kriterju komuni li jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(d), ikkunsidrat flimkien mad-definizzjoni li tidher fis-subparagrafu (a) dwar id-dispożizzjonijiet causa mortis ikun irrispettat, jiġifieri li trasferiment ta’ proprjetà sseħħ mal-mewt tal-proprjetarju, parti mill-ftehim.


30      Ara Bonomi, A., “Article 1. Champ d’application”, op. cit., punti 51 u 52, kif ukoll l-awturi ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, p. 102 sa 104.


31      Ara Bonomi, A., “Article 1. Champ d’application”, op. cit., punt 53 u l-awturi ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 76, p. 104. Ara, ukoll, Dutta, A., “Art. 25 EuErbVO Erbverträge”, Münchener Kommentar zum Bürgerlichen Gesetzbuch, op. cit., punt 9. Fuq il-kunsiderazzjoni iktar ġenerali li tipprovdi li għandha ssir referenza għal-liġi applikabbli għad-dispożizzjonijiet causa mortis ara Bonomi, A., “Article 1. Champ d’application”, op. cit., punt 53 u l-awturi ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 75, p. 104. Fl-istess sens, ara Köhler, A., “Teil 1 EuErbVO, § 4 Internationales Privatrecht”, dans Grierl, W., Köhler, A., Kroiß, L., u Wilsch, H., Internationales Erbrecht: EuErbVO, IntErbRVG, DurchfVO, Länderberichte, it-tielet edizzjoni, Nomos, Vjenna, 2020, p. 57 sa 127, partikolarment il-punt 52, p. 70, u l-punt 74, p. 78.


32      Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C-218/16, EU:C:2017:755, punt 56), u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 49).


33      Ara l-premessa 37 tar-Regolament Nru 650/2012, kif ukoll is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755, punti 44 u 57), kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 56).


34      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 55), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:569, punt 41).


35      Ara fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:569, punt 69). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-prinċipju tal-unità tas-suċċessjoni ma huwiex assolut”.


36      Ara, f’dan ir-rigward, Boulanger, D., op. cit., punti 16 u 17, p. 41. Ara wkoll, fid-dritt Ġermaniż, Dutta, A., “Art. 3 EuErbVO Begriffsbestimmungen”, op. cit., punt 11.


37      ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87. Żewġ differenzi kbar bejn ir-Regolament Nru 593/2008 u r-Regolament Nru 650/2012 jistgħu jiġu nnotati fir-rigward tar-regoli ta’ rabta li dan tal-aħħar ippreveda preċiżament sabiex jabbanduna. Minn naħa, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 593/2008, il-partijiet fid-donazzjoni jiddisponu minn għażla libera tad-dritt applikabbli għall-kuntratt. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ għażla, id-donazzjonijiet immobbli huma suġġetti għal-liġi tal-pajjiż fejn tinstab din il-proprjetà immobbli, abbażi tal-Artikolu 4(1)(c) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament li, fin-nuqqas ta’ għażla, id-donazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli huma rregolati mil-liġi tar-residenza normali tad-donatur bħala debitur tas-servizz karatteristiku tal-kuntratt.


38      Abbażi tal-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament Nru 593/2008, huwa eskluż minnu d-dritt patrimonjali tal-familja. Ara, f’dan ir-rigward, is-sinteżi ta’ Gaudemet-Tallon, H., “Convention de Rome du 19 juin 1980 et règlement “Rome I” du 17 juin 2008. – Champ d’application. – Clauses générales”, JurisClasseur Droit international, LexisNexis, Pariġi, 2020, Vol. 552‑11, punt 52.


39      Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Ara l-paragrafu (f) tal-kuntratt iċċitat fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Hekk kif ġie nnotat mill-Kummissjoni, nosserva li l-portata tal-liġi magħżula hija ppreċiżata fil-verżjonijiet bl-Ingliż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Pollakk, u li fil-verżjoni bl-Ispanjol, li kienet ekwivoka daqs il-verżjoni Ġermaniża meta ġiet ippubblikata, ġiet emendata kif ġej: “Kull persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha, il-liġi tal-Istat” (rettifika fil-ĠU 2019, L 243, p. 9).


43      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:569, punti 88 sa 92).


44      Ara l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Verifika tal-ġuriżdizzjoni”. Ara, fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u l-impatt tagħhom fuq iċ-ċirkulazzjoni tad-deċiżjonijiet, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punti 37 u 53 sa 55), kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:569, punti 61 u 62).


45      Ara, fir-rigward tal-artikulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kif ukoll tar-rabta bejn dawn u il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja internazzjonali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:230, punti 101 sa 104, kif ukoll 108 sa 112).


46      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:569, punti 92 u 93).