Language of document : ECLI:EU:C:2019:1146

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2019 (1)

Kawża C779/18

Mikrokasa S.A. w Gdyni,

Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty w Warszawie

vs

XO

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‐ Protezzjoni tal-konsumaturi — Ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi – Direttiva 2008/48 – Portata tal-armonizzazzjoni – Kunċett ta’ spiża totali ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 93/13 – Klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur – Esklużjoni prevista għall-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatorji leġiżlattivi jew regolatorji)






1.        Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki fil-ĠU 2008, L 133, p. 40, fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46) tistabbilixxi l-qafas ġuridiku li jirregola l-ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur. B’mod partikolari, l-Artikolu 10 jippreċiża t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’tali ftehim ta’ kreditu. Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mitluba permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex tikkjarifika ċerti aspetti tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-interpretazzjoni xierqa ta’ din id-dispożizzjoni.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, il-Polonja) fit‑12 ta’ Diċembru 2018 fil-kuntest ta’ żewġ rikorsi ppreżentati minn Mikrokasa S.A., stabbilita f’Gdynia, u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, stabbilita f’Varsavja, rispettivament, kontra XO, u magħquda mill-qorti tar-rinviju, dwar talbiet għall-ħlas tas-somom dovuti skont żewġ ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi distinti.

3.        Il-kwistjoni prinċipali mqajma minn din il-kawża tikkonċerna l-grad ta’ armonizzazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 u l-portata sa fejn ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu kkomplementati mir-rekwiżiti imposti mil-liġi nazzjonali. Qabel ma jitqiesu dawn il-kwistjonijiet, jeħtieġ, madankollu, li jiġu ppreżentati d-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-premessi 3, 4, 6 sa 9, 19 u 31 tad-Direttiva 2008/48, kif applikabbli fl‑2016, jipprovdu:

“(3) Dawk ir-rapporti u l-konsultazzjonijiet urew differenzi sostanzjali bejn il-liġijiet tad-diversi Stati Membri fil-qasam tal-kreditu lil persuni fiżiċi in ġenerali u fil-kreditu lill-konsumatur b’mod partikolari. Analiżi tal-liġijiet nazzjonali li għamlu traspożizzjoni tad-Direttiva 87/102/KEE [(2)] turi li l-Istati Membri jużaw varjeta’ ta’ mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-konsumatur, minbarra d-Direttiva 87/102/KEE, minħabba differenzi fis-sitwazzjoni legali jew ekonomika fil-livell nazzjonali.

(4) Is-sitwazzjoni de facto u de jure li tirriżulta minn dawk id-differenzi nazzjonali f’xi każijiet twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fost il-kredituri [fl-Unjoni] u toħloq ostakoli għas-suq intern fejn Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet obbligatorji differenti aktar strinġenti minn dawk previsti fid-Direttiva 87/102/KEE. Hi tirrestrinġi l-ħila tal-konsumaturi li jagħmlu użu dirett mid-disponibbiltà li dejjem qed tiżdied tal-kreditu trans-konfini. Dawk id-distorsjonijiet u restrizzjonijiet jista’ mbagħad ikollhom konsegwenzi f’termini ta’ talba għal merkanzija u servizzi.

[…]

(6) Skond it-Trattat, is-suq intern jikkonsisti f’żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi u l-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu huma żgurati. L-iżvilupp ta’ suq tal-kreditu iktar trasparenti u effiċjenti fiż-żona mingħajr fruntieri interni hu vitali sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ attivitajiet trans-konfinali.

(7) Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. Bil-ħsieb tas-suq tal-kreditu lill-konsumaturi li qed jiżviluppa kontinwament u l-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej li qed tiżdied, leġiżlazzjoni Komunitarja li tħares il quddiem u li kapaċi tadatta ruħha għal forom futuri ta’ kreditu u li tippermetti lil Stati Membri l-livell xieraq ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tgħin biex jiġi stabbilit korp modern ta’ liġi dwar kreditu lill-konsumaturi.

(8) Huwa importanti li s-suq għandu joffri livell suffiċjenti ta’ protezzjoni lill-konsumatur biex jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur. Għalhekk għandu jkun possibli li l-moviment liberu ta’ offerti ta’ kreditu jsir taħt kondizzjonijiet ottimali kemm għal dawk li joffru kreditu u kemm għal dawk li għandhom bżonnu, b’attenzjoni dovuta għal sitwazzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri individwali.

(9) Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha [fl-Unjoni Ewropea] igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali […]

[…]

(19) Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, huma għandhom jirċievu informazzjoni adegwata, li l-konsumatur jista’ jieħu miegħu biex jikkunsidraha, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, dwar il-kondizzjonijiet u l-ispiża tal-kreditu u l-obbligi tagħhom. Biex ikunu żgurati trasparenza u komparabbiltà ta’ offerti bl-aktar mod sħiħ possibbli, tali informazzjoni għandha, b’mod partikolari, tinkludi r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena applikabbli għall-kreditu, u maħduma madwar [l-Unjoni] kollha bl-istess mod […]

[…]

(31) Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.”

5.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim li jkopru kreditu għall-konsumaturi.”

6.        Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(g) ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kummerċjalizzati.”

7.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jistipula:

“1. Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut minn kwalunkwe ftehim jew offerta ta’ kreditu, il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix ftehim ta’ kreditu. Tali informazzjoni, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, għandha tiġi provduta permezz tal-formola ta’ ‘Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur’ pprovduta fl-Anness II. Il-kreditur għandu jiġi meqjus bħala li ssodisfa ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni f’dan il-paragrafu u fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2002/65/KE [(3)] jekk forna l-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur.

Din l-informazzjoni għandha tispeċifika:

(a) it-tip ta’ kreditu;

(b) l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-kreditur kif ukoll, jekk applikabbli, l-identità u l-indirizz ġeografiku ta’ l-intermedjarju ta’ kreditu involut;

(ċ) l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ self;

(d) it-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ kreditu;

(e) f’każ ta’ kreditu fil-forma ta’ ħlas differit għal merkanzija speċifika jew servizz u ftehim ta’ kreditu marbut magħhom, dik il-merkanzija jew is-servizz u l-prezz ta’ ħlas fil-pront;

(f) ir-rata tas-self, il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni tar-rata tas-self u, fejn huma disponibbli, kwalunkwe indiċi jew rata ta’ referenza applikabbli għar-rata inizjali tas-self, kif ukoll il-perijodi, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għal bidliet fir-rata tas-self […]

(g) ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur […]

[…]

Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-kreditur ikun jixtieq jipprovdi lill-konsumatur għandha tingħata f’dokument separat li jista’ jiġi anness mal-formola ta’ Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur.

[…]

4. Fuq talba, il-konsumatur għandu, minbarra l-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur, jiġi fornut mingħajr ħlas b’kopja ta’ l-abbozz tal-ftehim ta’ kreditu […]

[…]

6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri u, fejn applikabbli, l-intermedjarji ta’ kreditu, jipprovdu spjegazzjonijiet adegwati lill-konsumatur, sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jivvaluta jekk il-ftehim ta’ kreditu propost hux adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, fejn ikun il-każ billi tiġi spjegata lilu l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tiġi provduta skond il-paragrafu 1, il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti u l-effetti speċifiċi li dawn jista’ jkollhom fuq il-konsumatur, inklużi l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur […]”

8.        L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2):

“1. Ftehim ta’ kreditu għandhom jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor.

Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li huma f’konformità mal-liġi [tal-Unjoni].

2. Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

(a) it-tip ta’ kreditu;

(b) l-identitajiet u l-indirizzi ġeografiċi tal-partijiet kontraenti kif ukoll, jekk applikabbli, l-iddentità u l-indirizz ġeografiku ta’ l-intermedjarju ta’ kreditu involut;

(ċ) it-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ kreditu;

(d) l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ kreditu;

(e) f’każ ta’ kreditu fil-forma ta’ ħlas differit għal merkanzija jew servizz speċifika/u jew ftehim ta’ kreditu marbut magħhom, il-merkanzija jew is-servizz u l-prezz ta’ ħlas fil-pront;

(f) ir-rata tas-self, il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni tar-rata tas-self u, fejn huma disponibbli, kwalunkwe indiċi jew rata ta’ referenza applikabbli għar-rata inizjali tas-self, kif ukoll il-perijodi, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għal bidliet fir-rata tas-self u, jekk ikunu applikabbli rati tas-self differenti f’ċirkostanzi differenti, l-informazzjoni ta’ hawn fuq rigward ir-rati kollha applikabbli;

(g) ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

[…]”

9.        L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jispeċifika:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

B.      Dritt nazzjonali

10.      L’ustawa z dnia 7 lipca 2005 r. o zmianie ustawy Kodeks cywilny oraz o zmianie niektórych innych ustaw (il-Liġi tas‑7 ta’ Lulju 2005 li Temenda l-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili u Ċerti Liġijiet Oħrajn) (Dz. U. tal-2005, Nru 157, pożizzjoni 1316), introduċiet, fl-ustawa z dnia 23 kwietnia 1964 r. – Kodeks cywilny (Liġi tat‑23 ta’ April 1964 – il-Kodiċi Ċivili) (Dz. U. tal‑2014, pożizzjoni 121, test ikkonsolidat), kif emendata (iktar ’il quddiem “il-Kodiċi Ċivili”), Artikolu 359(22). Din id-dispożizzjoni tistabblixxi ammont massimu ta’ interessi li jistgħu jintalbu bħala korrispettiv ta’ att ġuridiku, jiġifieri d-doppju tal-ammont tal-interessi legali annwali. Preżentement, dan l-ammont massimu ta’ interessi jikkorrispondi għal 10% tal-kapital misluf.

11.      Xi kredituri evitaw dan il-limitu impost fuq livell nazzjonali billi żiedu artifiċjalment l-ammont ta’ kummissjoni u onorarji imposti. Bi tweġiba għal dan, qrati nazzjonali ddeċidew li meta l-klawżoli li jiffissaw dawn il-kummisjonijiet jew spejjeż ġew ikkontestati jew meta l-kreditur ippreżenta rikors għal ħlas quddiem qorti, kien għaldaqstant neċessarju għalih li jipprova l-eżistenza ta’ kunsiderazzjoni għal kwalunkwe kummissjoni jew spejjeż imposti addizzjonalment għall-interessi. Fin-nuqqas ta’ tali kunsiderazzjoni jew jekk il-kummissjoni jew l-ispejjeż kienu fil-fatt dovuti bħala korrispettiv tal-kapital ipprovvdut, il-qrati nazzjonali qiesu li dawk il-kummissjonijiet jew spejjeż kienu intiżi sabiex jevitaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 359(2) tal-Kodiċi Ċivili. Konsegwentement, l-ammont tagħhom ġie mnaqqas għall-ammont massimu ta’ interessi li seta’ jintalab skont l-Artikolu 359(2) tal-Kodiċi Ċivili. Meta l-kummissjonijiet jew l-ispejjeż kienu l-kontroparti ta’ servizz għajr dak tal-provvista ta’ kapital, tali klawżoli setgħu madankollu jiġu ddikjarati invalidi, iżda biss jekk huma inġusti fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (4).

12.      Sabiex isaħħaħ il-kontroll tal-prezzijiet imposti mill-kredituri, il-leġiżlatur Pollakk introduċa mekkaniżmu sabiex jillimita l-ammont ta’ spejjeż tal-kreditu minbarra interessi li jistgħu jiġu imposti, permezz tal-Artikolu 6a u 36a tal-ustawa o kredycie konsumenckim (il-Liġi tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar il-Kreditu għall-Konsumatur) (Dz. U. tal‑2011, Nru 126, pożizzjoni 715) (il-“Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur”).

13.      L-Artikolu 5(6), (6a), (7) u (8) tal-Liġi dwar Kreditu għall-Konsumatur jiddefinixxi sensiela ta’ kunċetti li għalihom issir referenza f’dik il-liġi. Fil-verżjoni kkwotata mill-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tipprovdi għal:

“(6) l-ispiża totali tal-kreditu – l-ispejjeż kollha li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari:

(a) interessi, imposti, miżati, taxxi u marġnijiet, jekk magħrufa mill-kreditur; u

(b) spejjeż ta’ servizzi anċillari, b’mod partikolari assigurazzjoni, jekk dawn għandhom jitħallsu sabiex jinkiseb il-kreditu jew jinkiseb fuq it-termini u kundizzjonijiet ikkummerċjalizzati, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż tad-drittijiet notarili mħallsa mill-konsumatur;

(6a) l-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi – l-ispejjeż kollha sostnuti mill-konsumatur b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi, minbarra interessi;

(7) l-ammont totali tal-kreditu – l-ammont massimu ta’ flus, mingħajr spejjeż ta’ kreditu, li l-kreditur ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-konsumatur skont il-ftehim ta’ kreditu jew, fil-każ ta’ ftehimiet li għalihom ma ġie pprovvdut l-ebda ammont massimu, l-ammont totali ta’ flus, mingħajr spejjeż ta’ kreditu, li l-kreditur ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-konsumatur skont il-ftehim ta’ kreditu;

(8) l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur – is-somma tal-ispiża totali tal-kreditu u l-ammont totali tal-kreditu”.

14.      L-Artikolu 13 tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur jgħid:

“1. Qabel ma jidħol fi ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur jew l-intermedjarju ta’ kreditu għandu jkun meħtieġ li jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni segwenti, fuq mezz durabbli, fi żmien suffiċjenti li jippermetti lill-konsumatur jiffamiljarizza ruħu ma’ dik l-informazzjoni:

[…]

(5) l-ammont totali tal-kreditu;

(6) dati u metodi ta’ ġbid ta’ kreditu;

(7) l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur;

[…]

(10) fejn applikabbli, informazzjoni fuq l-ispejjeż l-oħra li l-konsumatur huwa meħtieġ li jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi, b’mod partikolari rigward interessi, miżati, marġnijiet, imposti, inklużi imposti għaż-żamma ta’ kont wieħed jew diversi li jirreġistraw tranżazzjonijiet kemm ta’ ħlas kif ukoll ta’ ġbid, flimkien ma’ imposti għall-użu ta’ mezz ta’ ħlas għal tranżazzjonijiet kemm ta’ ħlas kif ukoll ta’ ġbid, u l-ispejjeż ta’ servizzi anċillari, b’mod partikolari assigurazzjoni, jekk magħrufa mill-kreditur, u l-kundizzjonijiet li fihom dawk l-ispejjeż jistgħu jinbidlu;

(11) informazzjoni dwar il-ħtieġa li jitħallsu drittijiet notarili, jekk ikun il-każ;

[…]”

15.      L-Artikolu 30 tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur jipprovdi:

“1. Bla ħsara għall-Artikoli 31 sa 33, ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi għandu jistabbilixxi:

[…]

(2)      it-tip ta’ kreditu;

[…];

(4)      l-ammont totali ta’ kreditu;

(5)      id-dati u l-metodi ta’ ġbid ta’ kreditu;

(6)      ir-rata ta’ interessi ta’ kreditu, […];

(7)      ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur kif stabbilit fid-data li fiha l-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur ġie konkluż flimkien mas-supposizzjonijiet kollha użati sabiex tiġi kkalkolata;

(8)      ir-regoli u t-termini fir-rigward tal-rimbors tal-kreditu, […];

(9)      dikjarazzjoni li tinkludi t-termini u r-regoli fir-rigward tal-pagament tal-interessi u ta’ kwalunkwe spejjeż ta’ kreditu oħra fejn il-kreditur jew l-intermedjarju ta’ kreditu jippermetti perijodu ta’ grazzja għar-rimbors tal-kreditu;

(10)      informazzjoni dwar l-ispejjeż l-oħra li l-konsumatur huwa meħtieġ li jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi, b’mod partikolari imposti, inklużi imposti għaż-żamma ta’ kont wieħed jew diversi li jirreġistraw tranżazzjonijiet kemm ta’ ħlas kif ukoll ta’ ġbid, flimkien ma’ imposti għall-użu ta’ mezz ta’ ħlas għal tranżazzjonijiet kemm ta’ ħlas kif ukoll ta’ ġbid, miżati, marġnijiet u spejjeż ta’ servizzi anċillari, b’mod partikolari assigurazzjoni, jekk magħrufa mill-kreditur, u l-kundizzjonijiet li fihom dawk l-ispejjeż jistgħu jinbidlu;

[…]”

16.      L-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumaturi jistipula:

“1. L-ammont massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi għandu jiġi kkalkulat skont il-formola:

Image not found

fejn it-tifsira ta’ kull wieħed mis-simboli hija s-segwenti:

MPKK – l-ammont massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi;

K – l-ammont totali tal-kreditu;

n – il-perijodu ta’ rimbors, espress fi ġranet;

R – in-numru ta’ ġranet f’sena.

2. Matul il-perijodu kollu ta’ self, l-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi ma jistgħux jeċċedu l-ammont totali tal-kreditu.

3. L-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi li jirriżultaw minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi ma humiex pagabbli sa fejn jeċċedu l-massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi kalkolati bil-mod deskritt fil-paragrafu 1 iktar ’il fuq jew l-ammont totali tal-kreditu.”

17.      L-Artikolu 45(1) tal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumaturi jipprovdi għat-telf tal-interessi u spejjeż ta’ kreditu oħra bħala sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 36a. Skont l-Artikolu 47 ta’ dik il-liġi, klawżoli kuntrattwali ma jistgħux jeskludu jew jillimitaw id-drittijiet tal-konsumatur.

II.    Il-proċeduri prinċipali u d-domandi preliminari

18.      Iż-żewġ kawżi pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija għaqdet bid-Deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2018, jirrigwardaw il-ħlas ta’ talbiet li jirriżultaw minn żewġ ftehimiet ta’ kreditu distinti, konklużi minn XO.

19.      L-ewwel kawża tikkonċerna ftehim ta’ self ta’ flus kontanti konkluż fil‑21 ta’ Diċembru 2016 bejn Mikrokasa u XO li permezz tiegħu 4000 zloty (PLN) (madwar EUR 940) ġew mislufa lil XO. Skont dak il-ftehim – li ma kienx innegozjat bejn il-partijiet – XO qablet li tħallas, għal dak is-self, tariffa tal-arranġament ta’ PLN 600 (madwar EUR 139), tariffa amministrattiva ta’ PLN 3400 (madwar EUR 790) u rata ta’ interessi ta’ 7% fis-sena, li jammontaw, fuq it-terminu tas-self, għal PLN 371.87 (madwar EUR 86) bħala total.

20.      Il-ftehim ta’ self ta’ flus kontanti jistipula li l-“ammont totali pagabbli mill-konsumatur” – li huwa deskritt bħala “is-somma tal-flus kollha li l-kreditur ser jagħmel għad-dispożizzjoni tiegħek u l-ispejjeż kollha li int ser tkun obbligat tħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu” – kien jammonta għal PLN 8 371.87 (madwar EUR 1 946). Il-ftehim ta’ self ta’ flus kontanti jsemmi wkoll li l-“ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi” kienu jammontaw għal PLN 4000 (madwar EUR 929).

21.      Ir-rikorrenti tispjega li l-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi ġew stabbiliti fil-livelli inferjuri tal-limiti tal-ispejjeż sostnuti mill-fornituri tas-self, u għalhekk dawk l-imposti kienu neċessarjament ikunu inferjuri mill-ispejjeż effettivament sostnuti mill-kredituri. Hija ċċitat ukoll ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali Pollakki, li tgħid li l-ebda eżami mill-ġdid dwar jekk spejjeż tal-kreditu minbarra interessi humiex eċċessivi huwa ammissibbli sakemm l-ammonti tagħhom huma fil-limiti tal-massimu tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi.

22.      Peress li XO ma ħallset l-ebda ammont dovut lil Mikrokasa, din tal-aħħar ressqet talba kontra XO quddiem is-Sąd Rejonowy Lublin Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin tal-Punent, il-Polonja), fit-30 ta’ Ġunju 2017, titlob il-ħlas ta’ PLN 8184.53 għas-self li XO kienet naqset milli tħallas lura.

23.      Bid-deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2017, is-Sąd Rejonowy Lublin Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin tal-Punent) sabet li ma kienx hemm raġunijiet biex tingħata ordni għall-ħlas u rriferiet dik il-kawża lill-qorti li għandha kompetenza fuq kawżi tal-konsumatur, jiġifieri l-qorti tar-rinviju.

24.      It-tieni kawża tikkonċerna ftehim ta’ self konkluż fil‑21 ta’ Novembru 2016 bejn IPF Polska sp. z o.o., Varsavja (iktar ’il quddiem “il-kreditur”) u XO, li wkoll ma kienx innegozjat bejn il-partijiet, skont liema l-kreditur poġġa għad-dispożizzjoni ta’ XO flus kontanti li jammontaw għal PLN 3000 (madwar EUR 698).

25.      Skont dak il-ftehim ta’ self, XO kienet meħtieġa li tħallas onorarju ta’ PLN 2084 (madwar EUR 484) u rata ta’ interessi ta’ 10 % fis-sena li jammontaw fuq it-terminu tas-self għal total ta’ PLN 248.41 (madwar EUR 57).

26.      Ir-rikorrenti f’din it-tieni kawża, Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, (iktar ’il quddiem “Revenue”) akkwistat it-talba kontra l-konvenuta mill-kreditriċi skont ftehim ta’ assenjazzjoni ta’ talba. Il-konvenuta ħallset ammont żgħir dovut lir-rikorrenti skont il-ftehim ta’ self.

27.      Fis-27 ta’ Ottubru 2017, Revenue ressqet talba kontra XO quddiem is-Sąd Rejonowy Lublin Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin tal-Punent), titlob il-ħlas ta’ PLN 5 196.68 (madwar EUR 1208).

28.      Fid-29 ta’ Novembru 2017 s-Sąd Rejonowy Lublin Zachód w Lublinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin tal-Punent) ħarġet ordni ta’ ħlas fl-ammont mitlub. Il-konsumatur ikkontesta dan id-digriet u t-tieni kawża ntbagħtet lura lill-qorti tar-rinviju.

29.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, XO essenzjalment sostniet li l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 359(21) hija insuffiċjenti u li l-kunċett ta’ “spejjeż tal-kreditu minbarra interessi” użat minn dik id-dispożizzjoni biex jiġu kkalkolati l-onorarji massimi li jistgħu jiġu imposti ma jirriflettix l-ispejjeż ta’ kreditu attwali.

30.      F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali tirrileva li fiż-żewġ kawżi, l-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi ma jeċċedux l-ammont massimu permess skont l-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur. Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar il-konformità tal-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn il-kunċett tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi ma huwiex imsemmi fid-Direttiva 2008/48. Anke jekk l-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur isegwi għanijiet oħra minbarra li jinforma lill-konsumaturi, il-ħolqien ta’ din il-kategorija ġdida ta’ spejjeż tista’ tkun kuntrarja għall-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur mfittex minn dik id-direttiva, peress illi, b’mod partikolari, l-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur ma jipprovvdix għal obbligu li jiġu informati l-konsumaturi bl-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi, inkluż meta huma inqas mil-livell previst f’dik id-dispożizzjoni.

31.      Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-klawżoli differenti li jistabbilixxu l-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi humiex koperti mid-Direttiva 93/13 u jekk jaqgħux taħt l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) ta’ dik id-direttiva. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur jistabbilixxi limitu massimu għall-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi li jistgħu jiġu imposti, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix l-ammont eżatt tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi li jistgħu jiġu imposti. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk klawżoli fuq prezzijiet li huma konformi ma’ din id-dispożizzjoni jistgħux jitqiesu bħala li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatorji leġiżlattivi jew regolatorji fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.

32.      Is-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1) Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2008/48, kif emendata], b’mod partikolari l-Artikolu 3(g), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 22(1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu separazzjoni tal-“ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi”, iddeterminati b’rata fissa skont il-formola legali ta’ kalkolu deskritta fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur tat-12 ta’ Mejju 2011 (ustawa z dnia 12 maja 2011 r. o kredycie konsumenckim Dz.U.2018.993 test ikkonsolidat), mill-“ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, kif iddefinita fid-direttiva msemmija hawn fuq, b’mod li jaħbi lill-konsumatur l-ispejjeż reali tal-kreditu minbarra l-interessi mġarrba mill-professjonist?

(2)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill [93/13, kif emendata], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-istħarriġ tal-klawżoli kuntrattwali ta’ kreditu lill-konsumatur mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-direttiva ċċitata, għall-parti li tinkludi l-imsemmija spejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi, li l-kriterji ta’ determinazzjoni tagħhom huma ddefiniti fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur tat-12 ta’ Mejju 2011(ustawa z dnia 12 maja 2011 r. o kredycie konsumenckim Dz.U.2018.993 test ikkonsolidat)?”

III. Analiżi

33.      Kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita l-osservazzjonijiet tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet għall-ewwel domanda.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

34.      Mill-bidu nett, għandu jiġi osservat li d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju huma relatati mar-referenza magħmula fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur għall-kunċett ta’ spejjeż tal-kreditu minbarra interessi. Peress li d-Direttiva 2008/48 ma fiha ebda riferiment għal dan jew xi kunċett simili, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tirreferi għal dan il-kunċett u jekk ftehimiet ta’ kreditu għandhomx jew sempliċement jistgħux isemmu l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż. Għalhekk, l-ewwel domanda tqajjem żewġ kwistjonijiet distinti.

35.      L-ewwel waħda hija biex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 10(2), moqri flimkien mal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur, milli tirreferi, għall-applikazzjoni tagħha, għal kunċett mhux previst mid-Direttiva 2008/48, bħal dak ta’ “spejjeż tal-kreditu minbarra interessi”.

36.      It-tieni waħda hija biex jiġi vverifikat jekk dawk id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni jipprekludux il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li ftehim ta’ kreditu jinkludi, fost l-informazzjoni pprovvduta lill-konsumaturi, informazzjoni minbarra dik stabbilita f’dik id-direttiva, bħal spejjeż tal-kreditu minbarra interessi.

37.      Nipproponi issa li neżamina dawn iż-żewġ kwistjonijiet wara xulxin.

38.      F’dan ir-rigward, jidher li mhux id-dispożizzjonijiet kollha ċċitati mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha – jiġifieri l-Artikoli 3(g), 10(1)       u 22(1) tad-Direttiva 2004/48 – huma rilevanti.

39.      Fir-rigward tal-Artikolu 3(g), minkejja li dan jiddefinixxi l-kunċett ta’ “spiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, mill-proċess ma jidhirx li r-referenza għal din l-ispiża totali jew għall-kalkolu tagħha qegħdin jiġu kkontestati f’xi wieħed miż-żewġ ftehimiet li huma kkontestati f’din il-kawża.

40.      Fir-rigward tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/48, isegwi mill-kliem tiegħu li din id-dispożizzjoni tikkonċerna il-mezz li fuqu għandu jiġi mfassal il-ftehim ta’ kreditu. Din id-dispożizzjoni għalhekk ukoll tidher li ma hijiex relatata mal-ewwel domanda magħmula. Huwa minnu li l-Artikolu 10(1) jispeċifika li din id-dispożizzjoni tapplika bla ħsara għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kreditu li huma f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, peress li tali indikazzjoni hija intiża li tikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 10, dik id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod indipendenti.

41.      F’dawn iċ-ċirkustanzi jista’ jiġi osservat li l-paragrafu rilevanti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 ma huwiex, fil-fatt, il-paragrafu 1, iżda l-paragrafu 2, li jiddefinixxi l-elementi rilevanti tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu.

42.      Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, nipproponi li d-domanda mqajma tiġi kkunsidrata fis-sens li tirrigwarda, l-ewwel, jekk l-Artikolu 10(2), moqri flimkien mal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli tirreferi għall-ammont ta’ spejjeż tal-kreditu minbarra interessi dovuti, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tirrikjedix li l-kredituri jsemmu dan l-ammont fil-ftehim ta’ kreditu u, it-tieni, jekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet, leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tippermetti l-kredituri b’mod volontarju jsemmu din l-informazzjoni fi ftehim ta’ kreditu.

B.      Jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tuża kunċett mhux previst mid-Direttiva 2008/48 fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kreditu

43.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/48 jistipula li din id-direttiva tarmonizza ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi.

44.      F’dan ir-rigward, il-premessa 9 ta’ din id-direttiva tispeċifika li, fir-rigward ta’ dawk l-aspetti, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha fl-Unjoni jgawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u biex ġenwinament jinħoloq suq intern, l-armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni nazzjoni hija mfittxa.

45.      Għalhekk. l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 jistipula li, sakemm din id-direttiva tinkludi dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati li jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk previsti mill-istess direttiva (5).

46.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi, bħalma jindika t-titolu tiegħu, għall-armonizzazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża b’mod obbligatorju fi ftehim ta’ kreditu. Din id-dispożizzjoni ma ssemmix fost dawn l-elementi l-ammont tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi dovuti.

47.      L-Artikolu 10(2) madankollu jobbliga lill-kredituri li jispeċifikaw l-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur. Dan it-terminu tal-aħħar huwa ddefinit mill-Artikolu 3(g) bħala li jirreferi għal “l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili.” Peress li, madankollu, il-leġiżlatura tal-Unjoni rrikjediet lill-kredituri biex sempliċement isemmu dak it-total biss – u mhux l-ispejjeż diversi li jikkomponu dan it-total, l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu għal xi obbligu alternattiv ieħor fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, irrispettivament minn jekk tali obbligu ta’ informazzjoni jikkonċernax ammont li jikkostitwixxi parti mit-total tal-ispejjeż tal-kreditu fis-sens tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 jew le (6). Konsegwentement, dritt nazzjonali ma jistax ikun kuntrarju għal din id-direttiva għaliex ma jipprovdix l-obbligu li l-konsumaturi jiġu infurmati bl-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi, fis-sens ta’ din il-frażi fid-dritt nazzjonali.

48.      Dan ma jfissirx, madankollu, li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludi lill-Istati Membri milli jużaw informazzjoni li ma hijiex imsemmija f’dik id-direttiva għall-finijiet li tiġi applikata parti minn leġiżlazzjoni li ma timponix obbligi fuq il-provvista ta’ informazzjoni. Din hija distinzjoni kritika li jidhirli li hija fil-qalba stess ta’ din il-kawża. Fil-fatt, meta att tal-Unjoni jarmonizza ċertu aspett tal-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, tali armonizzazzjoni ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, sakemm tali regoli nnifishom ma jostakolawx l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

49.      Pereżempju, fil-kawża Assica u Kraft Foods Italia (7), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm is-sistema tal-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (8) hija eżawrenti, din il-kompletezza ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ sistema li tipproteġi indikazzjonijiet ġeografiċi li jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament. Peress li dan tal-aħħar huwa intiż li jipproteġi l-indikazzjonijiet u d-denominazzjonijiet użati sabiex jenfasizzaw rabta partikolari bejn il-karatteristiċi ta’ prodott u l-oriġini ġeografika tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kompletezza ta’ din is-sistema ma tipprekludix l-eżistenza ta’ sistema nazzjonali intiża li tipprojbixxi l-użu ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi qarrieqa, sakemm din is-sistema ma tirrikjedix, għall-implementazzjoni tagħha, li l-prodotti kkonċernati ikollhom ċerti karatteristiċi (9).

50.      Bl-istess mod, fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur, iżda f’dan il-każ fir-rigward tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kawża Kirschstein (11), li anki jekk id-direttiva tarmonizza kompletament ir-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali (12), din ma tipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali milli tippenalizza persuni li, mingħajr ma kienu awtorizzati biex jagħmlu dan, jagħtu ċerti diplomi. Peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża ma kinitx intiża biex tissanzjona ċerti arranġjamenti meħuda għas-servizzi ta’ promozzjoni jew kummerċjalizzazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, iżda pjuttost immirata biex tiddetermina liema operatur huwa awtorizzat li jipprovvdi servizz, mingħajr ma tirregola direttament il-prattiki li dak l-operatur jista’ sussegwentement jimplimenta sabiex jippromwovi jew jiddisponi mill-bejgħ ta’ dak is-servizz, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma taqax fil-qasam armonizzat mid-Direttiva 2005/29 (13).

51.      Fil-proċeduri prinċipali, jidher mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali biex tiddetermina, li l-kunċett ta’ “spejjeż tal-kreditu minbarra interessi” stabbilit fl-Artikolu 5(6a) tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur huwa użat biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 36a ta’ dik il-liġi.

52.      Sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdix għall-obbligu li l-konsumatur jiġi informat dwar l-ammont tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi dovuti, iżda pjuttost hija intiża sabiex tistabbilixxi ammont massimu ta’ dik it-tip ta’ spiża li tista’ tiġi imposta lil konsumatur - interpretazzjoni li ġiet ikkonfermata waqt is-seduta mill-Gvern Pollakk - ir-referenza għal dak l-ammont fl-Artikoli 5(6a) u 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur ma taqax taħt il-kamp tal-armonizzazzjoni sħiħa magħmula mid-Direttiva 2008/48.

53.      Skont il-qorti nazzjonali, l-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur tista’ madankollu tkun ta’ kunflitt mad-Direttiva 2008/48, peress li l-metodu tal-ikkalkolar tal-ispejjeż massimi minbarra interessi li jistgħu jiġu imposti lill-konsumaturi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni ma jirriflettux l-ispiża attwali sostnuta mill-kreditur.

54.      Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li la d-Direttiva 2008/48 u lanqas, f’dan ir-rigward, xi strument ieħor tal-Unjoni (14), ma jarmonizza l-ispejjeż tal-ftehim ta’ kreditu jew, fi kwalunkwe każ, l-ammont massimu ta’ onorarji li jistgħu jiġu imposti fuq il-konsumaturi. Għalhekk, minn dan isegwi li l-Istati Membri jistgħu fil-prinċipju jużaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali biex jirregolaw il-prezzijiet fis-suq tal-kreditu lill-konsumatur, anki jekk għal dan l-għan huma jibbażaw ruħhom fuq kunċetti li ma jirriflettux l-ispiża attwali tal-kreditu sostnuta mill-kreditur, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx l-oqsma armonizzati mid-dritt tal-Unjoni.

55.      Il-qorti nazzjonali tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumaturi mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, minħabba n-nuqqas ta’ obbligu għall-kredituri li jsemmu fil-ftehim ta’ kreditu l-ispiża tal-kreditu minbarra interessi dovuta, minkejja li tali informazzjoni tista’ tkun ta’ importanza għall-konsumaturi.

56.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-Direttiva 2008/48 ma ssemmix l-ammont ta’ spejjeż tal-kreditu minbarra interessi dovuti fost l-elementi ta’ informazzjoni li għandhom jiġu inklużi b’mod imperattiv fi ftehim ta’ kreditu. Peress li l-armonizzazzjoni mwettqa minn dik id-direttiva hija eżawrjenti, il-validità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tiġi kkontestata fuq il-bażi li tali informazzjoni ma ġietx inkluża (15).

57.      F’dan il-kuntest, ma ninjorax il-fatt li l-qorti ta’ rinviju tidher impliċitament li qiegħda tpoġġi inkwistjoni l-validità tal-armonizzazzjoni sħiħa magħmula mill-Artikolu 10(2), peress li dan l-artikolu jista’ jidher kuntrarju għall-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur imfittex mid-Direttiva 2008/48 (16). Madankollu, wieħed jista’ josserva li, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, filwaqt li dan l-għan partikolari huwa naturalment ta’ importanza kunsiderevoli, huwa xorta ma huwiex l-uniku wieħed imfittex minn din id-direttiva. Fil-fatt, jidher ċar mill-premessi 3 sa 7 ta’ din id-direttiva li hija intiża fl-ewwel lok sabiex tnaqqas id-differenzi nazzjonali rimanenti u d-distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-kredituri, liema għan jista’ biss jintlaħaq permezz ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ self.

58.      Fit-tieni nett, wieħed jista’ josserva wkoll li l-provvista ta’ informazzjoni eċċessiva lill-konsumaturi tista’ effettivament tkun kontroproduttiva. Peress li d-Direttiva 2008/48 diġà tipprovdi li l-liġijiet nazzjonali għandhom jirrikjedu lill-kredituri biex jinkludu informazzjoni fi ftehim ta’ self għall-konsumaturi, bħall-ammont totali ta’ kreditu (17), ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta (18), jew l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur (19), il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ raġjonevolment ikkunsidra li tali informazzjoni hija biżżejjed sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jevalwaw il-konsegwenzi ekonomiċi potenzjalment sinjifikanti tal-ftehim ta’ self tagħhom u li ma kienx neċessarju li l-kredituri jiġu obbligati biex isemmu wkoll fil-ftehim ta’ kreditu l-ammont ta’ spejjeż tal-kreditu minbarra interessi li kienu dovuti. Għalkemm uħud, bla dubju, jixtiequ li kienet mod ieħor, dik, fi kwalunkwe każ, kienet għażla politika li kellha tittieħed mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

59.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet, fil-fehma tiegħi, jistgħu jiġu meqjusa bħala li jiġġustifikaw il-konklużjoni li din id-direttiva tipprekludi l-Istati Membri milli jimponu fil-liġi nazzjonali tagħhom xi obbligi ta’ informazzjoni fuq fornituri ta’ kreditu minbarra dawk espressament stipulati fl-Artikolu 10(2).

60.      Fi kwalunkwe każ, fil-proċeduri fil-kawżi prinċipali, jidher mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja li la l-Artikolu 5(6a), u lanqas l-Artikolu 36(a) tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumaturi ma jirrikjedu li l-ammont tal-ispejjeż tal-kreditu minbarra interessi dovuti jissemmew fil-ftehim ta’ self, u dan huwa, naturalment, suġġett għall-verifika mill-qrati nazzjonali. Jekk, madankollu, din l-interpretazzjoni hija korretta, mela għandu jiġi nnutat li dawn id-dispożizzjonijiet sempliċement jagħmlu referenza għal dik it-tip ta’ spiża għall-fini biss tal-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-prezzijiet fir-rigward ta’ dawk l-ispejjeż.

61.      Għalhekk, jiena tal-fehma li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jmorrux kontra l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, peress li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw ftehimiet li jkopru kreditu għall-konsumaturi li ġew suġġetti għal armonizzazzjoni sħiħa bl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48.

C.      Jekk kreditur jistax volontarjament isemmi l-ammont ta’ spejjeż tal-kreditu minbarra interessi dovuti

62.      Sa fejn hija kkonċernata l-possibbiltà li jissemma volontarjament fi ftehim ta’ kreditu l-ammont ta’ spejjeż tal-kreditu minbarra interessi, għandu jiġi rrilevat, bħalma jagħmlu ċar il-premessi 3 sa 9 tad-Direttiva 2008/48, li din tal-aħħar hija intiża sabiex tirrimedja kemm distorsjonijiet tal-kompetizzjoni marbuta mal-applikazzjoni ta’ diversi miżuri nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur, minn naħa, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jgawdu livell għoli ta’ protezzjoni, min-naħa l-oħra. L-ebda wieħed minn dawn l-għanijiet ma jirrikjedi li l-kredituri jiġu ipprojbiti milli jżidu informazzjoni oħra fi ftehim ta’ kreditu.

63.      B’mod partikolari, fir-rigward tal-għan li jiġu rrimedjati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, għandu jiġi rrilevat li tali distorsjonijiet jistgħu jeżistu biss sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi timponi obbligi distinti mhux previsti fid-Direttiva 2008/48. Jekk, madankollu, wieħed japplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità - skont liema kull att adottat mill-Unjoni ma jistax jeċċedi dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu (20) - id-Direttiva 2008/48 ma tipprekludix lill-kredituri milli volontarjament jipprovdu informazzjoni oħra lill-konsumaturi.

64.      Din is-soluzzjoni tista’ tidher ovvja, imma seta’ kien hemm xi dubji peress li, minn naħa, l-informazzjoni msemmija f’dik id-dispożizzjoni tinkludi dik kollha, bħala prinċipju, neċessarja għat-tfassil ta’ kuntratt. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48, li jikkonċerna informazzjoni li għandha tiġi pprovduta qabel kwalunkwe konsumatur jintrabat bi ftehim ta’ kreditu jew offerta, isemmi espressament fit-tielet subparagrafu tiegħu li meta kreditur jipprovdi lill-konsumatur b’informazzjoni addizzjonali b’żieda ma’ dik imsemmija fit-tieni subparagrafu, huwa għandu jagħmel dan f’dokument separat.

65.      Madankollu, il-fatt li l-Artikolu 10(2) jirreferi għal dawk l-elementi kostitwenti kollha ta’ kuntratt ma huwiex suffiċjenti biex jiġi konkluż li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jillimita t-termini ta’ ftehim ta’ kreditu għal dawk l-elementi.

66.      Nemmen ukoll li n-nuqqas fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ta’ dispożizzjoni simili għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ma għandux jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi kredituri milli jinkludu fi ftehim ta’ self informazzjoni oħra minbarra dik imsemmija f’dik id-dispożizzjoni.

67.      Fil-fatt, filwaqt li kemm l-Artikolu 5(1) kif ukoll l-Artikolu 10(2) jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali imfittex mid-Direttiva 2008/48 li jiġu informati l-konsumaturi, ir-rwol tal-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet huwa, madankollu, kemxejn differenti.

68.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48 jarmonizza l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi fil-forma ta’ dokument komprensiv. Kif stabbilit mill-premessa 19 tad-Direttiva 2008/48, l-elementi ta’ informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti f’dak l-istadju, huma dawk li, skont dik il-premessa, jiżguraw l-iktar trasparenza u paragunabbiltà ta’ offerti possibbli.

69.      Sabiex tali paragun ikun effettiv, l-informazzjoni pprovduta għandha neċessarjament tkun standardizzata. Dan min-naħa tiegħu jimplika li l-punti ta’ paragun għandhom jibqgħu limitati għal dawk ikkunsidrati bħala rilevanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, hekk kif ġie enfasizzat minn studju empiriku mwettaq mill-Office of Fair Trading (l-Uffiċċju għall-Kummerċ Ġust tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“OFT”) (21) - li kien responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur fir-Renju Unit qabel ma ġie magħluq fl-1 ta’ April 2014 - “ħafna nies ma jaqrawx il-kuntratti b’mod sħiħ u minflok jiffukaw fuq l-elementi ewlenin bħall-prezz” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (22). Meta ftehim ikun kompost minn diversi dokumenti, konsumaturi “kemm-il darba jonqsu milli jaqraw dokument biex jaqraw ieħor, billi jagħżlu li jaqraw id-dokument li jemmnu li hu l-iktar importanti” (23).

70.      Minkejja li dan l-istudju sar wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/48, l-esperjenza ordinarja tissuġġerixxi li dawn ir-riżultati ma huma xejn sorprendenti. Il-lingwaġġ monotonu komunement misjub fi ftehim ta’ kreditu ta’ formola standard diffiċli jappella għan-nies, ħlief għal minoranza żgħira ta’ avukati tad-dritt kuntrattwali avventurużi u dedikati. Dan l-istudju juri, madankollu, għaliex fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ raġonevolment iddeċieda fil-kuntest tar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48 li l-elementi ta’ informazzjoni meqjusa bħala essenzjali għandhom jiġu kkomunikati f’dokument komprensiv wieħed, jiġifieri, permezz tal-formola ta’ Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur, filwaqt li informazzjoni oħra għandha tingħata fuq folja separata (24).

71.      L-Artikolu 10(2) ifittex għan kemxejn differenti peress li l-konsumatur huwa mistenni li jqabbel offerti differenti u jagħżel l-iktar waħda vantaġġjuża għalih abbażi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5. Kif jirriżulta mil-premessa 31 tad-Direttiva 2008/48, l-għan speċifiku imfittex mill-Artikolu 10(2) huwa li jippermetti lill-konsumatur li jkun jaf x’inhuma jew x’ħa jkunu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu skont il-ftehim ta’ kreditu b’mod ċar u konċiż. Tali għan ma jipprekludix lill-kredituri milli jinkludu informazzjoni oħra minbarra dik imsemmija fl-Artikolu 10(2) fl-istess dokument, iżda pjuttost il-kuntrarju (25).

72.      Barra minn hekk, peress li kwalunkwe klawżola ta’ kuntratt tista’ titqies li tipprovdi informazzjoni f’xi forma jew oħra (26), sabiex l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 jiġi interpretat fis-sens li jiddefinixxi l-lista ta’ informazzjoni li tista’ tissemma f’kuntratt b’mod eżawrjenti, ikun ifisser fil-prattika li d-Direttiva 2008/48 effettivament tarmonizza l-kontenut tal-ftehim ta’ kreditu stess, f’ċirkostanzi fejn dik id-direttiva ma tagħmel ebda referenza għal tali armonizzazzjoni. Huwa, madankollu, ċar mill-kliem tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva li din tirregola biss ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u proċeduri amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehimiet li jkopru kreditu għall-konsumaturi.

73.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, isegwi, fil-fehma tiegħi, li d-Direttiva 2008/48 ma tirrikjedix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi kredituri milli jinkludu, fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fi ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, informazzjoni oħra bħall-ammont ta’ spejjeż minbarra interessi dovuti.

74.      Madankollu, peress li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi li kwalunkwe punt ta’ informazzjoni msemmi f’din id-dispożizzjoni għandu jkun speċifikat b’mod ċar u konċiż, kwalunkwe tali informazzjoni addizzjonali ma tistax tiġi miżjuda jekk, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, iż-żieda ta’ tali informazzjoni tista’ tagħmel mhux ċara jew toħloq riskju ta’ konfużjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) (27).

75.      Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-Artikolu 10(2), moqri flimkien mal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali milli tirreferi għall-ammont ta’ spejjeż tal-kreditu minbarra interessi dovuti, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tirrikjedix lill-kredituri jsemmu dawn l-ammonti fir-rigward ta’ ftehim ta’ kreditu. Min-naħa l-oħra, kredituri jistgħu ċertament volontarjament jagħtu din l-informazzjoni addizzjonali, sakemm tali informazzjoni addizzjonali, flimkien mal-informazzjoni addizzjonali l-oħra kollha pprovduta, ma jkollhiex l-effett li l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 10(2) ma tibqax iktar ippreżentata b’mod ċar u konċiż.

 Konklużjoni

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda magħmula mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, il-Polonja) kif ġej:

L-Artikolu 10(2), moqri flimkien mal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali milli tirreferi għall-ammont ta’ spejjeż tal-kreditu minbarra interessi dovuti, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tirrikjedix lill-kredituri jsemmu dawn l-ammonti fir-rigward ta’ ftehim ta’ kreditu. Min-naħa l-oħra, kredituri jistgħu ċertament volontarjament jagħtu din l-informazzjoni addizzjonali, sakemm tali informazzjoni addizzjonali, flimkien mal-informazzjoni addizzjonali l-oħra kollha pprovduta, ma jkollhiex l-effett li l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 10(2) ma tibqax iktar ippreżentata b’mod ċar u konċiż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta’ Dicembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326).


3      Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, u Rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14).


4      Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


5      Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443, punti 38, 63 u 64), kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 55).


6      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2016 Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 58 u 59), kif ukoll tal-5 ta’ Settembru 2019 Pohotovosť (C‑331/18, EU:C:2019:665, punti 50 u 51).


7      Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Assica u Kraft Foods Italia (C-35/13, EU:C:2014:306).


8      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4).


9      Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Assica u Kraft Foods Italia (C-35/13, EU:C:2014:306, punti 28 sa 30).


10      Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).


11      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019 (C‑393/17, EU:C:2019:563).


12      Ara, fuq din il-kwistjoni, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Canal Digital Danmark (C-611/14, EU:C:2016:800, punt 26).


13      Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein  (C-393/17, EU:C:2019:563, punti 37 sa 49).


14      Fir-rigward tad-Direttiva 93/13, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi espressament li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ma tirrigwardax l-adegwatezza bejn il-prezz impost u l-oġġett jew is-servizz offrut bħala korrispettiv sa fejn dawn it-termini huma f’lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Għaldaqstant, kull klawżola li tipprovdi għall-ħlas ta’ kummissjoni fissa taqa’ ’l barra mill-kamp tal-kontroll ta’ klawżoli inġusti pprovdut mid-Direttiva 93/13 - jekk hija redatta b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem - sakemm ma jiġux ikkontestati għal raġuni oħra għajr l-ammont tagħhom.


15      Fir-rigward tal-possibbiltà li min isellef jiġi obbligat jipprovdi tali informazzjoni ’l barra mill-ftehim innifsu, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni prekuntrattwali hija rregolata mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48, li ma jsemmix l-ispiża tal-kreditu minbarra interessi dovuta fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-persuni li jissellfu. Huwa minnu li skont l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, jekk ikun il-każ, li kredituri jipprovdu spjegazzjonijiet adegwati lill-konsumatur sabiex ipoġġu lill-konsumatur f’sitwazzjoni li tippermettilu jevalwa jekk il-ftehim ta’ kreditu propost huwiex adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Madankollu, jiena nemmen, fid-dawl tal-armonizzazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva, li din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jissanzjonaw lil kreditur talli ma pprovdiex parti verament speċifika ta’ informazzjoni, iżda li għandhom jippenalizzawh meta jidher, wara evalwazzjoni globali tal-informazzjoni kollha mgħotija, li din tal-aħħar kienet inadegwata jew insuffiċjenti.


16      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2019, Schyns (C‑58/18, EU:C:2019:467, punt 28), u tal-11 ta’ Settembru 2019, Lexitor (C‑383/18, EU:C:2019:702, punt 29).


17      Ara l-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48.


18      Ara l-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48. Fir-rigward tal-importanza ta’ dik il-parti ta’ informazzjoni, ara, per eżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Danko u Danková (C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 64).


19      Ara l-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48.


20      Ara l-premessa 46 tad-Direttiva 2008/48.


21      Ara Office of Fair Trading, “Consumer Contracts”, Frar 2011, pp. 1–116.


22      Ibid., ara “Key Findings”, p. 17. F’dan l-istudju, 35 % ta’ dawk intervistati semmew li huma għażlu biss punti ewlenin biex jaqraw, 30 % qraw il-ftehim ta’ malajr u 10 % ma qraw xejn. Ara l-punt 2.23, p. 27. Waħda mill-ispjegazzjonijiet mogħtija hija li l-ftehim kien wisq twil, kien jinkludi wisq lingwaġġ tekniku jew li l-konsumaturi kkunsidraw li ma għandhomx biżżejjed ħin biex jaqrawh. Raġuni oħra mogħtija minn dawk li wieġbu kienet li jikkunsidraw lilhom infushom protetti mil-liġi u, għalhekk, ma kienx neċessarju li jaqraw il-ftehim fid-dettall. Ara l-punti 2.26-2.29, pp. 28-29. L-esperjenza tissuġġerixxi li l-konsumaturi jaqraw il-kuntratti fid-dettall meta jqumu diffikultajiet. Dan juri li filwaqt li l-informazzjoni lill-konsumatur hija importanti, din bl-ebda mod ma hija suffiċjenti sabiex il-protezzjoni tal-konsumatur tkun effettiva. Li hemm bżonn, fil-fehma tiegħi, huwa li termini li jiddevjaw kunsiderevolment minn x’jista’ jkun qiegħed jistenna li jsib fi ftehim konsumatur li huwa raġjonevolment informat, fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jkun japplika fin-nuqqas ta’ dak il-ftehim, jiġu ddikjarati mhux inforzabbli. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C-415/11, EU:C:2013:164, punt 68), u tas-16 ta’ Jannar 2014, Constructora Principado  (C-226/12, EU:C:2014:10, punti 21 sa 23).


23      Ibid., Anness E, punt 3.18, p. 31. Ara, ukoll fuq dan is-suġġett, il-Kummissjoni Ewropea, “Consumer Empowerment”, Special Eurobarometer, Nru 342April 2011, p. 28. Skont dan l-istħarriġ, 60 % ta’ dawk intervistati ma qrawx fis-sħiħ it-termini u kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ servizz. Iktar minn nofshom (57 %) taw bħala raġuni li l-kuntratt kien twil wisq jew kien jeħtieġ wisq ħin biex jinqara.


24      Fuq din il-kwistjoni, ara l-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur, “Consumers benefit from a standardised front page to loan offers”, Competitive Markets and Consumer Welfare, Nru 23, Diċembru 2018; pp. 1-5, aċċessibbli minn https://www.en.kfst.dk/publikationer/kfst-english/2018/20181219-consumers-benefit-from-a-standardised-front-page-to-loan-offers/.


25      Dan jispjega għala, b’differenza mill-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1), l-informazzjoni imsemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma għandhiex bżonn tiġi inkluża f’dokument wieħed, sakemm id-dokumenti differenti użati jifformaw kuntratt wieħed u jinkludu referenzi ċari u preċiżi. Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C-42/15, EU:C:2016:842, punti 33 u 34).


26      Madankollu, mhux il-klawżoli kollha ta’ kuntratt joħolqu drittijiet jew obbligi, peress li xi uħud jistgħu ikunu purament informattivi, bħall-klawzoli li jirrepetu verbatim jew li jfakkru l-eżistenza ta’ regoli ta’ ordni pubbliku.


27      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-argument imressaq mill-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-fatt li l-informazzjoni addizzjonali ma hijiex relatata ma’ waħda mill-punti ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġu esklużi ċ-ċarezza u l-qosor tal-informazzjoni l-oħra milli jiġu mhedda. Fatturi oħra, bħan-numru ta’ elementi ta’ informazzjoni żejda miżjuda, id-daqs tagħhom jew il-mod kif jiġu ppreżentati fir-rigward tal-elementi l-oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi żgurat li ċ-ċarezza u l-qosor tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) ma tiġix affettwata.