Language of document : ECLI:EU:T:2006:252

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Settembru 2006(*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Proċedura ta' aġġudikazzjoni – Ħlas in natura – Dannu subit fis-suq ikkonċernat minħabba l-ħlas in natura – Rabta kawżali”

Fil-kawża T-226/01,

CAS Succhi di Frutta SpA, stabbilita f’Castagnaro (l-Italja), irrappreżentata minn G. Roberti, F. Sciaudone u A. Franchi, Avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Cattabriga u L. Visaggio, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, Avukat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal kumpens ta’ dannu allegatament ikkawżat minħabba d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(96) 1916 tat-22 ta’ Lulju 1996, u C(96) 2208 tas-6 ta’ Settembru 1996, adottati fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 228/96 tas-7 ta’ Frar 1996, dwar il-provvista ta’ meraq tal-frott u ta’ ġamm iddestinati għall-popolazzjonijiet ta’ l-Armenja u ta’ l-Ażerbajġan (ĠU L 30, p. 18),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-10 ta’ Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

1        Fis-7 ta’ Frar 1996, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 228/96 dwar il-provvista ta’ meraq tal-frott u tal-ġamm iddestinat għall-popolazzjonijiet ta’ l-Armenja u ta’ l-Ażerbajġan (ĠU L 30, p. 18, iktar ‘il quddiem l-“avviż għall-offerti”), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1975/95 ta’ l-4 ta’ Awwissu 1995, dwar azzjonijiet ta’ provvista mingħajr ħlas ta’ prodotti agrikoli ddestinati għall-popolazzjonijiet tal-Georgia, ta’ l-Armenja, ta’ l-Ażerbajġan, tal-Kirghiztan, tat-Taġikistan (ĠU L 191, p. 2) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2009/95 tat-18 ta’ Awwissu 1995, rigward dispożizzjonijiet applikabbli għall-provvista mingħajr ħlas ta’ prodotti miżmuma fi stokk ta’ intervent, iddestinati għal Georgia, għall-Armenja, għall-Ażerbajġan, għall-Khirgistan u għat-Taġikistan, previst mir-Regolament Nru 1975/95 (ĠU L 196, p. 4).

2        Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 228/96:

“Ikun hemm offerta għall-provista ta’ massimu ta’ 1000 tunnellata meraq tal-frott, 1000 tunnellata meraq tal-frott ikkonċentrat u 1000 tunnellata ġamm tal-frott, kif indikat fl-Anness I [...]”

3        Skond l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 228/96, l-offerta ta’ l-offerenti tindika, għal kull lott, il-kwantità ta’ frott irtirat mis-suq li kull offerenti jimpenja ruħu li jieħu a karigu, bi ħlas ta’ l-ispejjeż kollha li l-provvista tas-servizzi u tal-prodotti li huma s-suġġett ta’ l-offerti tinkludi.

4        Skond l-Anness I tar-Regolament Nru 228/96, fil-każ tal-lottijiet Nru 1, 2 u 5 li jirrigwardaw rispettivament il-provvista ta’ 500 tunnellata netta ta’ meraq tat-tuffieħ, ta’ 500 tunnellata netta ta’ meraq tat-tuffieħ li huwa 50% kkonċentrat u ta’ 500 tunnellata ġamm ta’ frott differenti, il-frott li għandu jiġi rtirat għal dawn il-lottijiet huwa t-tuffieħ. Il-każ tal-lottijiet numru 3, 4 u 6 jikkonċernaw rispettivament il-provvista ta’ 500 tunnellata netta ta’ meraq tal-larinġ, 500 tunnellata netta ta’ meraq tal-larinġ li huwa 50% kkonċentrat u 500 tunnellata ġamm ta’ frott differenti, il-frott li għandu jiġi rtirat għal minn dawn il-lottijiet huwa l-larinġ.

5        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Frar 1996, ir-rikorrenti ssottomettiet offerta għal-lottijiet numru 1 u 2 filwaqt li pproponiet li tirtira, bħala ħlas tal-provvista ta’ dawn il-lottijiet, rispettivament 12500 tunnellata u 25000 tunnellata tuffieħ.

6        Il-kumpanniji Trento Frutta SpA u Loma GmbH offrew, rispettivament, li jirtiraw 8000 tunnellata tuffieħ għal-lott numru 1 u 13500 tunnellata tuffieħ għal-lott numru 2. Minbarra dan, Trento Frutta indikat li, fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ tuffieħ, hija kienet lesta li tirtira l-ħawħ.

7        Fis-6 ta’ Marzu 1996, il-Kummissjoni indirizzat lill-Azienda di Stato per gli Interventi nel Mercato Agricolo (korp ta’ intervent Taljan, iktar ‘il quddiem l-“AIMA”), b’kopja lil Trento Frutta, in-Nota Nru 10663 li tindika li hija kienet aġġudikat il-lottijiet numru 1, 3, 4, 5 u 6 lil din ta’ l-aħħar. Skond din in-nota, Trento Frutta tirċievi fi ħlas, b’titolu ta’ preċedenza, il-kwantitajiet segwenti ta’ frott irtirat mis-suq:

–        Lott Nru 1: 8000 tunnellata tuffieħ jew, alternattivament, 8000 tunnellata ħawħ;

–        Lott Nru 3: 20000 tunnellata larinġ jew, alternattivament, 8500 tunnellata tuffieħ jew 8500 tunnellata ħawħ;

–        Lott Nru 4: 32000 tunnellata larinġ jew, alternattivament, 13000 tunnellata tuffieħ jew 13000 tunnellata ħawħ;

–        Lott Nru 5: 18000 tunnellata tuffieħ jew, alternattivament, 18000 tunnellata ħawħ;

–        Lott Nru 6: 45000 tunnellata larinġ jew, alternattivament, 18000 tunnellata tuffieħ jew 18000 tunnellata ħawħ.

8        Fit-13 ta’ Marzu 1996, il-Kummissjoni indirizzat lill-AIMA n-Nota Nru 11832 li biha infurmatu li hija kienet aġġudikat il-Lott Nru 2 lil Loma.

9        Fl-14 ta’ Ġunju 1996, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(96) 1453, dwar il-provvista ta’ meraq tal-frott u tal-ġamm iddestinat għall-popolazzjonijiet ta’ l-Armenja u ta’ l-Ażerbajġan, prevista mir-Regolament Nru 228/96 (iktar ‘il quddiem id-Deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 1996”). Skond it-tieni premessa ta’ l-imsemmija Deċiżjoni, sa mill-aġġudikament, il-kwantitajiet ta’ frott in kwistjoni irtirati mis-suq kienu zagħar meta mqabbla mal-kwantitajiet neċessarji, filwaqt li l-kampanja ta’ irtirar kienet pratikament konkluża. B’hekk kien neċessarju, sabiex din l-operazzjoni tintemm, li l-impriżi aġġudikatarji li xtaqu hekk li jieħdu bħala ħlas, filwaqt li jissostitwixxu t-tuffieħ u l-larinġ, frott ieħor irtirat mis-suq fi proporzjonijiet stabbiliti minn qabel li jirriflettu l-ekwivalenza tat-tibdil tal-frott in kwistjoni.

10      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 1996 jipprovdi li l-frott irtirat mis-suq kien ingħata għad-dispożizzjoni ta’ l-aġġudikanti (jiġifieri Trento Frutta u Loma), fuq talba tagħhom, skond il-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni li ġejjin:

"a)      tunnellata ħawħ għal tunnellata tuffieħ;

b)      0.667 tunnellata berquq għal tunnellata tuffieħ;

c)      0.407 tunnellata ħawħ għal tunnellata laring;

d)      0.27 tunnellata berquq għal tunnellata larinġ".

11      Fit-22 ta’ Lulju 1996, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (96) 1916, dwar il-provvista ta’ meraq tal-frott u ta’ ġamm iddestinat għall-popolazzjonijiet ta’ l-Armenja u ta’ l-Ażerbajġan, prevista mir-Regolament Nru 228/96 (iktar ‘il quddiem id-“Deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 1996”). Skond it-tielet premessa ta’ l-imsemmija Deċiżjoni, il-kwantità disponibbli ta’ ħawħ ma kienx suffiċjenti sabiex tintemm l-operazzjoni. Konsegwentement, kien xieraq li jiġi permess, minbarra dan, li t-tuffieħ li qabel kellu jiġi rtirat mill-aġġudikaturi jiġi sostitwit min-nuċipriski.

12      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 1996 kien jipprovdi li l-frott irtirat mis-suq kien ingħata għad-dispożizzjoni ta’ Trento Frutta u ta’ Loma, fuq talba tagħhom, skond il-koeffiċjent ta’ sostituzzjoni ta’ 1.4 tunnellata nuċipriski għal tunnellata tuffieħ.

13      Fis-26 ta’ Lulju 1996, matul laqgħa organizzata fuq talba tagħha mad-dipartimenti tad-Direttorat Ġenerali “Agrikoltura” tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ppreżentat l-oġġezzjonijiet tagħha dwar is-sostituzzjoni ta’ frott ieħor mat-tuffieħ u l-larinġ awtorizzat mill-Kummissjoni u ħadet kopja tad-Deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 1996.

14      Fit-2 ta’ Awwissu 1996, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni r-rapport tekniku magħmul mid-Dipartimento Territorio e Sistemi Agro-Forestali (Dipartiment territorjali u sistema agroforestali) ta’ l-Università ta’ Padova, fuq il-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni ekonomiċi ta’ xi frott għall-iskop ta’ l-ipproċessar tagħhom f’meraq.

15      Fis-6 ta’ Settembru 1996, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(96) 2208, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 1996 dwar il-provvista ta’ meraq tal-frott u tal-ġamm iddestinat għall-popolazzjonijiet ta’ l-Armenja u ta’ l-Ażerbajġan, prevista mir-Regolament Nru 228/96 (itkar ‘il quddiem id-"Deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 1996"). Hija indirizzat din id-Deċiżjoni lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Ellenika, lir-Repubblika Taljana u lir-Renju ta’ Spanja. Wara t-tieni kunsiderazzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni, sabiex tilħaq sostituzzjoni tal-frott aktar ekwilibrat, għall-perijodu kollu ta’ irtirar tal-ħawħ, bejn it-tuffieħ u l-larinġ użat għall-provvista tal-meraq tal-frott għall-popolazzjonijiet tal-Kawkażu, minn naħa, u l-ħawħ irtirat mis-suħ għall-ħlas tal-provvista tal-prodotti kkonċernati, min-naħa l-oħra, kien xieraq li jiġu emendati l-koeffiċjenti stabbilti fid-Deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 1996. Il-koeffiċjenti l-ġodda kellhom japplikaw biss għall-frott li kienu għadu ma ġiex irtirat mill-aġġudikatarji bħala ħlas tal-prodotti li kellhom jiġu pprovduti.

16      Skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 1996, l-Artikolu 1(a) u (c) tad-Deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 1996 ġie emendat kif ġej:

"a)      0.914 tunnellata ħawħ għal tunnellata tuffieħ;

b)      0.372 tunnellata ħawħ għal tunnellata larinġ".

17      Ir-rikorrenti ressqet żewġ rikorsi għal annullament, wieħed kontra d-Deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 1996 (irreġistrat taħt ir-referenza T-191/96) u l-ieħor kontra d-Deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 1996 (irreġistrat taħt ir-referenza T-106/97).

18      Permezz tas-sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni (T-191/96 u T-106/97, Ġabra p. II-3181, iktar ‘il quddiem “is-sentenza CAS vs Il-Kummissjoni”), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-Deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 1996 fil-kawża T-191/96 u ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors fil-kawża T-106/97. Fis-sustanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet l-ewwel motiv ta’ annullament fil-kawża T-191/96 filwaqt li kkunsidrat li s-sostituzzjoni tal-ħawħ mat-tuffieħ u l-larinġ kien jikkostitwixxi emenda importanti ta’ kundizzjoni essenzjali ta’ l-avviż għall-offerti, mhux prevista mit-testi, u għaldaqstant kienet tikkostitwixxi ksur ta’ l-avviż għall-offerti kif ukoll tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza ta’ trattament (punti 74 sa 82).

19      Fil-21 ta’ Diċembru 1999, il-Kummissjoni appellat kontra s-sentenza CAS vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ‘il fuq, irreġistrata taħt in-numru C-496/99 P.

20      Fil-25 ta’ Settembru 2001, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors għal kumpens.

21      Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Lulju 2003, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li sema’ l-partijiet, issospenda l-proċediment fil-kawża preżenti, skond l-Artikolu 77(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sakemm ingħatat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-496/99 P.

22      Permezz tas-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (C-496/99 P, Ġabra p. I-3801, iktar ‘il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs CAS”), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet fuq il-mertu l-appell magħmul mill-Kummissjoni kontra s-sentenza CAS vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ‘il fuq. Konsegwentement il-proċediment f’din il-kawża tkompla.

23      Fuq stedina tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-tkomplija tal-proċediment f’din il-kawża, fid-dawl tas-sentenza Il-Kummissjoni vs CAS, punt 22 iktar ‘il fuq.

 It-talbiet tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tagħti kumpens għad-dannu kkawżat lilha minħabba d-Deċiżjonijiet tat-22 ta’ Lulju u s-6 ta’ Settembru 1996, ikkalkulat fi 1385163 EUR [2682049410 liri Taljani (ITL)];

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE hija suġġetta għall-minimu ta' kundizzjonijiet, jiġifieri: l-illegalità ta' l-aġir li tiegħu l-istituzzjonijiet qed jiġu akkużati, id-dannu reali u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-2 ta’ Lulju 1974, Holtz & Willemsen vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, 153/93, Ġabra p. 675, punt 7, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, T-19/01, Ġabra p. II-315, punt 76).

27      Fil-każ fejn it-tliet kundizzjonijiet ta’ impenn tar-responsabbiltà huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ wieħed fosthom huwa biżżejjed sabiex ir-rikors għal kumpens jiġi miċħud (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C-257/98 P, Ġabra p. I-5251, punt 14, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T-43/98, Ġabra p. II-3519, punt 59).

28      Primarjament, ir-rikorrenti tallega, filwaqt li tirreferi għas-sentenza Il-Kummissjoni vs CAS, punt 22 iktar ‘il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà rrikonoxxiet it-dritt tagħha għal dannu minħabba li hija kienet espliċitatament irrikonoxxiet li r-rikorrenti kellha interess sabiex titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 1996, minħabba l-kostatazzjoni ta’ illegalità magħmula skond il-każ minħabba li s-setgħa ta’ l-aġġudikant tkun tista’ sservi ta’ bażi għal rikors għal kumpens fil-futur iddestinat sabiex iqiegħed fi stat xieraq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

29      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet saret fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament tar-rikorrenti u ma tista fl-ebda każ tieħu deċiżjoni minn qabel dwar l-impenn tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni minħabba l-fatt ta’ l-illegalità kkonstatata tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rikors.

30      Fit-tieni lok, ir-rikors għal kumpens invokat mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa intiż għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ l-offerta, fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament, kif ikkonstatat mis-sentenza CAS vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ‘il fuq. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma tinvokax dannu subit minħabba l-fatt li l-offerta tagħha ma kinitx ġiet aċċettata mal-ħruġ ta’ l-offerta, imma dannu subit in kwantu operatriċi ekonomika li taġixxi fis-suq li fih l-aġġudikatarji huma attivi.

31      Konsegwentement, l-argument dwar l-awtorità tas-sentenza Il-Kummissjoni vs CAS, punt 22 iktar ‘il fuq, għandu jiġi miċħud.

32      Fir-rigward ta’ l-illegalitajiet invokati, ir-rikorrenti tallega li d-Deċiżjonijiet tat-22 ta’ Lulju 1996 u tas-6 ta’ Settembru 1996 safejn dawn minn naħa organizzaw is-sostituzzjoni tal-ħawħ u tan-nuċipriski mat-tuffieħ li kien previst bħala ħlas tal-prodotti li kellhom jiġu pprovduti u, min-naħa l-oħra, iffissaw il-koeffiċjenti sabiex jipproċedu għal dan il-għan, jikkostitwixxu ksur ta’ bosta dispożizzjonijiet. Fl-ewwel lok, huma jikkostitwixxu ksur ta’ l-avviż għall-offerti kif ukoll tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza ta’ trattament, kif ikkonstatati mis-sentenza CAS vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ‘il fuq, li minħabba dawn il-motivi annullat id-Deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 1996. Fit-tieni lok, dawn jikkostitwixxu ksur tar-Regolamenti Nru 1975 u 2009/95, b’mod partikolari minħabba li l-Kummissjoni pproċediet għal sostituzzjoni bejn il-frott li ma kienx jappartjeni għall-istess grupp ta’ frott kuntrarjament għal dak li jipprovdu r-Regolamenti. Fit-tielet lok, dawn jikkostitwixxu ksur ta’ l-Artikoli 33 KE u 34 KE, kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72 tat-18 ta’ Mejju 1972 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU L 118, p. 1) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-frott u l-ħxejjex (ĠU L 297, p. 1) safejn fis-sustanza dawn jipprojbixxu kull tfixkil tas-swieq agrikoli u kull distorsjoni ta’ kompetizzjoni.

33      Fir-rigward tad-dannu, ir-rikorrenti tallega li kellha tipprattika prezzijiet ta’ bejgħ tal-prodotti pproċessati tagħha fuq bażi ta’ ħawħ jew ta’ nuċipriski għal inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha sabiex tbiegħ bil-prezzijiet ipprattikati minn Trento Frutta. Hija tinvoka bħala dannu dan in-nuqqas ta’ qliegħ, li jinkludi t-telf tal-marġni ta’ benefiċċji normali. Minbarra dan, hija titlob ir-rimborż ta’ l-ispejjeż ta’ proċedura u ta’ parir legali li hija kellha toħroġ sabiex tipproteġi d-drittijiet tagħha.

34      Fir-rigward tar-rabta kawżali, ir-rikorrenti tressaq, fis-sustanza, li minħabba s-sostituzzjoni tal-ħawħ u tan-nuċipriski mat-tuffieħ inizjalment previst bħala ħlas tal-prodotti li kellhom jiġu pprovduti u minħabba l-koeffiċjenti ffissati biex jipproċedu, Trento Frutta rċeviet kwantità sinjifikattiva ħafna ta’ ħawħ u ta' nuċipriski meħuda bi prezz baxx ħafna. B’hekk dan l-aġġudikatarju kien fixkel is-suq biegħ bi prezz baxx ħafna l-prodotti pproċessati tiegħu fuq bażi ta’ ħawħ u ta’ nuċipriski u, f’kull każ, għal prezzijiet inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni tar-rikorrenti. Din ta’ l-aħħar tallega li sabiex tibqa’ teżisti, hija kellha tbiegħ b’telf.

35      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għanda tiddistingwi bejn ir-rikors li huwa intiż għal kumpens ta’ dannu allegatament subit minħabba bejgħ b’telf u dak ikkostitwit mill-ispejjeż esposti għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti.

 Fuq id-dritt għal kumpens tad-dannu kkostitwit mill-bejgħ b’telf

36      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa xieraq, f’dan il-każ, li fl-ewwel lok teżamina l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalitajiet invokati u d-dannu allegat.

37      Skond ġurisprudenza kostanti, rabta kawżali skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE hija aċċettata meta teżisti rabta diretta ta’ kawża fuq effett bejn in-nuqqas magħmul mill-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat, rabta li r-rikorrenti għandha l-obbligu li tressaq il-prova tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, T-149/96, Ġabra p. II-3841, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Komunità ma tistax tinżamm responsabbli ħlief tad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari ta’ l-istituzzjoni kkonċernata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Ottubru 1979, Durmortier Frères et vs Il-Kunsill, 64/76 u 113/76, 167/78 u 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ settembru 1995, Blackspur et vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, T-168/94, Ġabra p. II-2627, punt 52). B’mod partikolari, huwa obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex tkun tista’ teskludi kull responsabbiltà tal-Komunità, li tivverifika jekk diffikultajiet li rikorrenti jiltaqa’ magħhom fis-suq ma jkunux preċiżament ikkawżati mill-illegalitajiet invokati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 2005, Alessandrini et vs Il-Kummissjoni, C-295/03 P, Ġabra p. I-5673, punt 57).

38      F’dan il-każ għandu jiġi eżaminat jekk id-Deċiżjonijiet tat-22 ta’ Lulju u tas-6 ta’ Settembru 1996, safejn għandhom bħala għan uniku, minn naħa, li jistabbilixxu sostituzzjoni għall-frott previst bħala ħlas tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti u, min-naħa l-oħra, li jiffissaw il-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni sabiex jipproċedu għal dan, effettivament ipprovokaw id-dannu allegat.

39      F’dan ir-rigward, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni jekk, għall-finijiet li jiġu evalwati l-konsegwenzi dannużi tas-sostituzzjoni tal-frott u l-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni, għandu jiġi kkunsidrat il-frott kollu qabel ma ġie riċevut minn Trento Frutta, jiġifieri 65000 sa 85000 tunnellata ħawħ u nuċipriski, argument sostnut mir-rikorrenti, jew jekk il-kwantitajiet ta’ frott eventwalment mogħtija żejda biss, minħabba l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ sostituzzjoni wisq favorevoli, għandhom jiġu kkunsidrati għal dan il-għan, argument sostnut mill-Kummissjoni.

40      Għandu jiġi mfakkar li huwa biss id-dannu li joħroġ b’mod suffiċjentement dirett minn illegalità ta’ organu Komunitajru li jikkostitwixxi dannu li jista’ jiġi kkumpensat (ara l-punt 37 iktar ‘il fuq). Fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-frott, fil-każ fejn din taffettwa l-akbar parti kbira tal-frott qabel ma ġie riċevut minn Trento Frutta, l-analiżi tal-konsegwenzi dannużi ta’ l-illegalità invokata għandha tieħu in kusniderazzjoni dan il-frott kollu. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni, l-analiżi tal-konsegwenzi dannużi ta’ l-eventwalità tagħhom għandha tirrigwarda biss il-kwantitajiet ta’ frott milqut minn din l-illegalità, jiġifieri tirrigwarda biss il-frott milqut minn koeffiċjent allegatament żbaljat.

 Fuq is-sostituzzjoni tal-frott

41      Fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-frott u tan-nuċipriski mat-tuffieħ u l-larinġ previsti fl-oriġini, ir-rikorrenti spjegat biss, fil-kitbiet tagħha li, minħabba l-fatt ta’ din is-sostituzzjoni, Trento Frutta kienet irċeviet kwantitajiet sinjifikattivi ħafna ta’ ħawħ u ta’ nuċipriski miksuba bi prezz baxx.

42      Fl-ewwel lok, mistoqsija matul is-seduta fuq il-kwistjoni ta’ kif din is-sostituzzjoni, minbarra l-fatt li nneċessitat l-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni kkontestati, setgħet, minnha nfisha, twassal għal kwalunkwe dannu, minn naħa, ir-rikorrenti rrispondiet li, mingħajr is-sostituzzjoni, is-suq ta’ l-ipproċessar tal-ħawħ u tan-nuċipriski kien suq mhux milqut mill-offerta, minħabba li dan is-suq ma kienx ġie ppjanat, u, min-naħa l-oħra, hija esponiet li Trento Frutta kienet irċeviet kwantitajiet ta’ ħawħ u ta’ nuċipriski seba’ darbiet aktar għolja mill-kapaċitajiet ta’ pproċessar tagħha u kellha tagħti b’subappalt dan l-ipproċessar lil terzi. Minħabba l-fatt li l-kwantitajiet riċevuti kienu jaqbżu bil-kbir il-kapaċitajiet tagħha, Trento Frutta kienet obbligata tipprattika politika kummerċjali aggressiva ħafna. Din is-sostituzzjoni kienet "rigal" magħmul lil Trento Frutta li kienet ippermettiet lil din ta’ l-aħħar li ssaħħaħ kunsiderevolament is-suq ta’ l-ipproċessar tal-ħawħ u tan-nuċipriski u li permezz tagħhom tikseb benefiċċji sostanzjali, filwaqt li qabel hija kienet biss operatriċi minuri.

43      Għall-istess kwistjoni, il-Kummissjoni esponiet li hija qatt ma fehmet kif is-sostituzzjoni, indipendentement min-natura korretta jew le tal-koeffiċjenti, kienet ipprovokat dannu.

44      Jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti li din ta’ l-aħħar fir-verità tilmenta li hija kellha titħabat ma’ kompetizzjoni b’saħħitha fis-suq ta’ l-ipproċessar tal-ħawħ u tan-nuċipriski, kompetizzjoni li hija kienet ipproteġiet, f’dan is-suq, fin-nuqqas ta’ sostituzzjoni.

45      Fl-ewwel lok il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li peremzz ta’ sostituzzjoni tal-frott li qabel kellu jingħata lil Trento Frutta bħala ħlas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi tagħha li rriżultaw mill-offerta, il-Kummissjoni kienet neċessarjament ressqet l-effetti eventwali ta’ dan it-tip ta’ ħlas fuq suq mhux inizjalment previst mill-offerta. Huwa wkoll ċert li, minħabba regoli ta’ l-offerta, li l-frott li kien inkiseb bi ħlas kien ser jiġi pproċessat, mill-aġġudikatarju jew minn terżi, fi prodotti sekondarji (meraq, purè jew ġamm) u mqiegħed fuq is-suq ta’ dawn il-prodotti.

46      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, jekk dan il-ħlas kien sar mal-frott oriġinarjament previst, fin-nuqqas ta’ sostizzjoni, l-aġġudikatarji kienu jadottaw l-istess tip ta’ aġir, u b’hekk aġir li jipproduċi l-istess konsegwenzi fuq is-swieq in kwistjoni, minħabba l-fatt ta’ att Komunitarju, mingħajr ma ebda dannu ekonomiku għall-operaturi l-oħra fuq dawn is-swieq ma jiġi kkumpensat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ebda illegalità ma hija invokata kontra l-offerta stess u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-fatt li l-ħlas kellu jsir minn frott irtirat mis-suq. Bl-istess mod, is-suċċess ta’ Trento Frutta matul l-appalt b’ebda mod ma huwa kkontestat.

47      Madankollu, għal dak li jikkonċerna l-prezz effettiv li għalih Trento Frutta kellha tixtri l-frott in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li l-avviż għall-offerti jipprovdi li kull wieħed mil-lottijiet ser jiġi aġġudikat lill-offerent li jippreżenta l-offerta l-aktar favorevoli, jiġifieri li jitlob il-kwantità l-aktar baxxa ta’ frott in kunsiderazzjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi tiegħu li jipproċessa u li jittrasporta lejn il-pajjiż in kwistjoni l-kwantitajiet ta’ meraq ta’ frott u ta’ ġamm speċifiku għal kull lott. Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-frott miksub bħala ħlas kien jikkostitwixxi l-ħlas normali ta’ l-aġġudikatur li kien jikkorrispondi essenzjalment għall-ispejjeż ta’ l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi, eventwalment flimkien ma’ marġni ta’ benefiċċju xieraq.

48      Minn dan isegwi li, fil-każ fejn l-aġġudikatriċi Trento Frutta kienet ressqet l-offerta l-aktar favorevoli f’termini ta’ kwantità ta’ frott mitlub, m'hemm ebda raġuni, a priori, li titqies li rċeviet frott bi prezz vantaġġjuż. Bil-kontra, is-suċċess tagħha matul l-aġġudikazzjoni jindika, bħala prinċipju, li rċeviet l-iżgħar kwantità possibbli ta’ frott, fi kwalunkwe każ kwantità inferjuri għal dik mitluba mill-offerenti l-oħra, bħala ħlas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi tagħha. B’mod partikolari, Trento Frutta pproponiet offerta inqas ta’ madwar in-nofs dik proposta mir-rikorrenti (ara l-punt 5 u 6 iktar ‘il fuq).

49      Għal dak li jikkonċerna l-kwantitajiet ta’ frott kif mogħtija għad-dispożizzjoni ta’ Trento Frutta, għandu jiġi rrilevat li s-sostituzzjoni b’ebda mod ma biddlet, minnha nfisha, il-mekkaniżmu fundamentali ta’ l-offerta, jiġifieri l-għoti lill-aġġudikanti ta’ frott irtirat mis-suq minħabba l-kwantità żejda tagħhom. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li tali mekkaniżmu neċessarjament jimplika d-disponibbiltà tal-frott in kwistjoni fis-suq, fi kwantitajiet importanti, għall-operaturi ekonomiċi kollha, minħabba li dan il-frott kien is-suġġett ta’ irtirar minħabba l-fatt li ma nstabx xerrej għall-prezz ta’ irtirar. Min-naħa l-oħra, dan il-mekkaniżmu jimplika li dan il-frott kien, a priori, disponibbli fis-suq qabel l-irtirar tagħhom għal prezz viċin dak tal-prezz effettiv ta’ l-irtirar. Fil-fatt, fuq suq li kien is-suġġett ta’ irtirar, minħabba l-waqa’ tal-prezzijiet ipprovokat minn produzzjoni eċċessiva, il-prezz tas-suq naturalment ikollu tendenza jersaq lejn il-prezz ta’ l-irtirar li jikkawża dan ta’ l-aħħar. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti, jew kull operatur ekonomiku ieħor, għandha l-possibbiltà li tikseb frott bi prezz ekwivalenti għall-valur tal-frott miksub mill-aġġudikatarja u, minbarra dan, il-possibbiltà li tikseb kwantitajiet daqshekk importanti għar-raġuni tas-sovrabbondanza tal-frott in kwistjoni. Fejn l-aġġudikaturi kien għad kellhom vantaġġ kompetittiv fir-rigward ta’ l-operaturi l-oħra fis-swieq tal-prodotti pproċessati, dan kien biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet ekonomiċi akbar ta’ l-offerti tagħhom fil-kuntest ta’ l-offerta, meta mqabbla ma’ dak ta’ l-offerenti l-oħra.

50      Minn dan isegwi li mhuwiex stabbilit li s-sostituzzjoni kienet tat vantaġġ kompetittiv addizzjonali lill-offerenti fir-rigward ta’ ħlas effettwat fuq il-kuntratti ta’ oriġini. Fl-ewwel lok, jekk wieħed jippreżupponi li l-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni kienu taw garanzija ta’ l-ekwivalenza ekonomika bejn, minn naħa, il-larinġ u t-tuffieħ u, min-naħa l-oħra, il-ħawħ u n-nuċipriski, is-sostituzzjoni ttrasferixxiet fuq il-ħawħ u n-nuċipriski d-definizzjoni ġusta tal-prezz tal-frott iddefinit matul l-offerta. Fit-tieni lok, xejn ma jindika li s-suċċess ekonomiku ta’ l-operazzjoni magħmula minn Trento Frutta kien jiddependi mit-tip ta’ frott miksub, anki jekk din ta’ l-aħħar kienet tidher li xtaqet li tiġi mħallsa f’ħawħ. Fit-tielet lok, dejjem jekk wieħed jippreżupponi ekwivalenza ekonomika korretta, il-kwantitajiet konsegwenti ta’ frott miksub minn Trento Frutta jirriżultaw mill-fatt li din l-aġġudikatrici kienet rebħet, mingħajr ma dan huwa kkontestat, ħamsa mis-sitt lottijiet imressqa għall-offerta.

51      Fit-tieni lok, matul is-seduta, ir-rikorrenti affermat li l-kwantità ta’ tuffieħ qabel ma nkiseb bħala ħlas tal-provvista tal-prodotti effetwata skond l-offerta fir-rigward tal-kwantità totali tat-tuffieħ iddestinat għall-industrija ta’ l-ipproċessar kien minimu filwaqt li l-istess kwantità fir-rigward ta’ ħawħ kienet sinjifikattiva.

52      Permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tidher li trid tagħti x’tifhem li l-ħlas skond l-offerta kellu effetti differenti skond is-swieq ikkonċernati minn dan il-pagament. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istnza mhijiex f'pożizzjoni li tevalwa l-portata ta’ dan l-argument fid-dawl ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet. Ir-rikorrenti affermat, mingħajr ma kienet ikkontestata, li 650000 sa 85000 tunnellata ħawħ u nuċipriski qabel ma kienu mħallsa lil Treta Frutta kienu jirrappreżentaw 70% tas-suq Taljan tat-tibdil ta’ l-ipproċessar ta’ dan il-frott. Il-Kummissjoni allegat, mingħajr ma kienet ukoll ikkontestata, li dawn il-kwantitajiet kienu jirrappreżentaw 0.8 % tas-suq Taljan tal-frott frisk. Ebda ammont ma ġie pprovdut għal dak li jikkonċerna s-swieq tat-tuffieħ frisk jew it-tuffieħ iddestinat sabiex jiġi pproċessat. L-uniċi elementi ta’ l-inkartament dwar is-suq tat-tuffieħ juru li l-irtirar ta’ dan il-frott mis-suq Taljan kien ħafna inqas mill-irtirar tal-ħawħ u tan-nuċipriski għas-sena in kwistjoni. Konsegwentment, peress illi l-oneru tal-prova jistrieħ fuq ir-rikorrenti, l-argument għandu jiġi miċħud.

53      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti allegat li l-fatt li Trento Frutta setgħet tkun taf, mid-data ta’ l-offerta, li hija kienet ser tiġi mħallsa f’ħawħ u kienet taf l-ispejjeż tal-provvista, ippermettilha li tadotta aġir spekulattiv. Madankollu, minn naħa, iċ-ċertezza li tirċievi ħawħ ġejja biss mid-data tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 1996. Min-naħa l-oħra, ebda element fl-inkartament ma jippermetti li jinftiehem kif il-fatt li kienet taf it-tip ta’ frott qabel ma rċevietu kien ippermettila l-adozzjoni ta’ aġir spekulattiv li jmur lil hin min-normal, jiġifieri lil hinn mill-preparazzjoni neċessarja għat-trattament ta’ dan it-tip ta’ frott u għall-bejgħ tal-prodotti pproċessati li ħarġu minnhom. In kwantu għall-konoxxjenza ta’ l-ispejjeż tal-provvista, għandu jiġi kkonstatat li din il-konoxxjenza kienet tardiva u inċerta, minħabba li l-Kummissjoni kienet ippermettiet ruħha li tbiddel konstantement il-ħlas dovut permezz tat-tibdil tal-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni. Minbarra dan, xejn ma jindika li l-vantaġġ kompetittiv allegat jirriżulta mis-sostituzzjoni tal-frott. Fil-fatt, ikun xi jkun il-kuntratt li fuqu għandu jsir il-ħlas, l-aġġudikatarji kienu jafu minn qabel li huma kienu ser jirċievu l-frott bi prezz ekwivalenti, minbarra l-prezz ta’ irtirar ta’ dan il-frott (ara l-punt 49 iktar ‘il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess, ikkwalifikat b’mod partikolarment trasparenti s-suq tal-ħawħ u tan-nuċipriski, ħaġa li ta lill-informazzjoni fuq il-prezzijiet interess minimu. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti wkoll saret taf b’din l-informazzjoni kmieni ħafna, peress illi hija setgħet tikkontesta fiha l-proċedimenti permezz tar-rikors tagħha quddiem il-Kummissjoni qabel is-26 ta’ Lulju 1996 (ara l-punt 13 hawn fuq).

54      Minn dan jirriżulta li imkien ma jidher li, bla ħsara għall-preservazzjoni ta’ sostituzzjoni ekonomika eżatta tal-frott permezz tal-fissazzjoni ta’ l-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni adegwati, il-konsegwenzi benefiċi allegati ta’ l-offerta favur Trento Frutta jirriżultaw mis-sostituzzjoni tal-frott u mhux, direttament, mill-offerta.

 Fuq il-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni

55      Fir-rigward tal-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni ffissati mid-Deċiżjonijiet in kwistjoni, ir-rikorrenti tallega, fil-kitbiet tagħha, li l-iffissar ta’ koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni ġenerali wisq, bejn it-tuffieħ u l-ħawħ jew bejn il-ħawħ u n-nuċipriski pprovoka, prinċipalment, id-dannu allegat.

56      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar primarjament li d-dannu allegat mir-rikorrenti għandu jirriżulta direttament mill-illegalità invokata tal-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni (ara l-punt 37 iktar ‘il fuq). Kosegwentement, l-uniċi kwantitajiet ta’ frott li jirriżultaw mill-illegalità invokata, dejjem jekk tiġi stabbilita, għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet ta’ l-analiżi tal-konsegwenzi dannużi ta’ din l-illegalità, jiġifieri l-kwantitajiet ta’ frott li kienu nġabru wisq fir-rigward ta’ koeffiċjent korrett.

57      L-ewwel nett, mistoqsija matul is-seduta fuq il-kwistjoni jekk hija kkonfermat li ma tikkontestax il-koeffiċjent ta’ sostituzzjoni bejn il-larinġ u l-ħawħ jew bejn il-larinġ u n-nuċipriski, ir-rikorrenti rrispondet li tali kwistjoni kienet mingħajr skop minħabba l-fatt ta’ l-illegalità ta’ sostituzzjoni. B’hekk għandu jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ kull kontestazzjoni ta’ dan il-koeffiċjent, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala korrett. Għaldaqstant, il-lottijiet numru 3, 4 u 6, qabel ma kienu fil-bidu mħallsa bħala larinġ, kienu taw lok għal sostituzzjoni li ma twassalx għall-ħlas li mhuwiex inġustifikat.

58      Fit-tieni lok, għal dak li jikkkonċerna l-lottijiet numru 1 u 5, jirriżulta mill-inkartament li, minħabba t-tqassim tal-ħlas ta’ l-aġġudikaturi, Trento Frutta rċeviet għal dawn il-lottijiet, fid-29 ta’ Jannar 1997, jiġiferi matul is-sena 1996, l-unika sena ċċitata fil-kuntest tad-dannu invokat, mhux iktar minn 5611-il tunnellata ħawħ u 4317-il tunnellata nuċipriski.

59      Anki jekk wieħed jippreżuponi li dawn il-kwantitjiet kienu ġew iddeterminati skond il-koeffiċjenti kkontestati mir-rikorrenti (jiġifieri koeffiċjent ta’ 0.914 tunnellata ħawħ għal tunnellata tuffieħ li jirriżulta mid-Deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 1996 u koeffiċjent ta’ 1.4 tunnellata nuċipriski għal tunnellata tuffieħ li jirriżulta mid-Deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 1996), l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti mixtieqa minnha (jiġifieri koeffiċjent ta’ 0.704 tunnellata ħawħ għal tunnellata tuffieħ u koeffiċjent ta’ 1.25 tunnellata nuċipriski għal tunnellata tuffieħ), juri ħlas żejjed minn Trento Frutta ta’ madwar 1800 tunnellata ħawħ jew nuċipriski.

60      Madankollu, xejn ma juri li dawn it-18000 tunnellata eventwalment miksuba kellhom effetti ta’ tfixkil kif imressqa mir-rikorrenti.

61      Fl-ewwel lok, f’termini ta’ kwantità, ir-rikorrenti sostniet dan fuq il-fatt li Trento Frutta kienet fixklet is-swieq bis-65000 sa 85000 tunnellata ħawħ u nuċipriski li hija kellha tirċievi, kwantità li tirrappreżenta 70% tal-kwantità annwali pproċessata mill-industrija Taljana. Fl-ewwel lok, matul is-sena in kwistjoni, Trento Frutta rċeviet biss 21000 tunnellata ħawħ u nuċipriski, fejn il-lottijiet kienu kollha mħallta. Wara, kif ġie mfakkar iktar ‘il fuq, il-kwantitajiet biss li kienu ġew mogħtija illegalment setgħu jkunu l-kawża ta’ dannu. Minn dan jirriżulta li d-dannu li seta’ jiġi kkumpensat seta’ jiġi kkawżat biss mill-1800 tunnellata eventwalment riċevuti żejda u mhux mis-65000 sa 85000 tunnellata qabel ma nkisbu fit-totalità. Jekk jista’ jiġi aċċettat li kwantitajiet li jirrappreżentaw 70% tas-suq ta’ l-ipproċessar tal-ħawħ u tan-nuċipriski għandhom effett ċert fuqu, tali raġunament b’ebda mod ma juri li l-1800 tunnellata in kwistjoni, li jirrappreżentaw madwar, bħala stima, 1.8% tal-madwar 100000 tunnellata li jikkostitwixxu s-suq, jistgħu jkollhom tali effett. Minbarra dan, id-daqs tas-suq nazzjonali mhuwiex għal kollox rilevanti, minħabba li r-rikorrenti rrikonoxxiet li Trento Frutta kienet ukoll aġixxiet fuq swieq barranin kif ukoll fis-suq nazzjonali.

62      Fit-tieni lok, f’termini ta’ prezz, ir-rikorrenti kkalkulat li l-valur ekonomiku tal-frott qabel ma jinkiseb minn Trento Frutta bħala kunsiderazzjoni tas-servizzi tagħha kien ekwivalenti, għall-ħawħ, għal 62.48 liri Taljani kull kilo (ITL/kilogramm) u, għan-nuċipriski, għal 51.44 ITL/kg filwaqt li hija kienet ħallset il-ħawħ tagħha għal 260/OTL/kg u n-nuċipriski tagħha għal 180 ITL/kg. Madankollu, filwaqt li tammetti li t-tunnellati eventwalment wisq miksub kienu ekwaivalenti għal tnaqqis fuq il-prezz tal-kwantitajiet li kellhom jinkisbu, l-1800 tunnellata in kwistjoni jikkostitwixxu tnaqqis fuq il-21000 tunnellata li nkisbu fl-1996, fejn l-effett jonqos fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ frott miksuba kollha, fosthom dawk miskbuba bi prezz ġust f’sostituzzjoni tal-larinġ previst fl-oriġini. Għaldaqstant, dawn it-1800 tunnellata jirrappreżentaww tnaqqis ta’ inqas minn 9%. Dan it-tnaqqis eventwali ta' 9% ftit li xejn jispjega d-differenza ta’ prezz bejn dawk li r-rikorrenti allegatament iltaqgħet magħhom (260 ITL/kg għall-ħawħ u 180 ITL/kg għan-nuċipriski) u dawk ikkalkulati għal Trento Frutta (62.48 ITL/kg għall-ħawħ u 51.44 ITL/kg għan-nuċipriski). Minbarra dan, il-Kummissjoni pproduċiet ukoll fatturi li juru li l-prezzijiet ta’ dan il-frott kienu jinsabu, f’mument tas-sena 1996, bejn 70 u 90 ITL/kg. Barra minn hekk ir-rikorrenti rrikonixxiet li l-prezz tal-ħawħ u tan-nuċipriski huwa varjabbli ħafna. Minn dan jirriżulta li t-tnaqqis eventwali ta’ 9% m’għandhux x’jaqsam mal-varjazzjonijiet estremament importanti tal-prezz ta’ dan il-frott fuq is-suq u mad-dannu allegat li jirriżulta essenzjalment mill-prezz tal-frott.

63      Fit-tielet lok, fir-rigward tad-djgħufija tal-vantaġġ eventwalment miksub, dan diffiċilment jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-kawża tad-dannu allegat. Fil-fatt, xejn ma juri li dan il-vantaġġ eventwali ma kienx ġie assorbit mill-ispejjż ta’ pproċessar tal-frott li jirrappreżenta, skond l-ammonti tar-rikorrenti, ftit inqas minn 50% tal-prezz tal-prodotti pproċessati. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti affermat b’mod qawwi li Trento Frutta b’ebda mod ma setgħet ikollha spejjeż ta’ produzzjoni inqas minn tagħha. Għaldaqstant, il-vantaġġ kompetittiv ta’ din l-aġġudikatarja seta’ jkun biss dgħajjef. Fit-tieni lok, benefiċċju normali kellu jittieħed fuq l-ispiża ta’ l-ipproċessar mill-impriżi li, skond ir-rikorrenti, għamlu parti kbira mit-trattament tal-frott miksub għal Trento Frutta. Konsegwentement, il-vantaġġ kif allegat huwa minimu u ma jistax ikun il-kawża tad-dannu allegat.

64      Fir-raba’ u l-aħħar lok, anki jekk wieħed jippreżupponi li jeżisti vantaġġ kompetittiv fir-rigward tar-rikorrenti, dan huwa ħafna inqas mill-benefiċċju normali ta’ 15% indikat mir-rikorrenti fil-kalkolu tad-dannu tagħha u f’kull każ huwa inqas mir-riskji kummerċjali inerenti għas-settur in kwistjoni. Għaldaqstant, ma jistax jaqbeż il-marġni ta’ manuvra kummerċjali li kellha, f’kull ipoteżi, Trento Frutta.

65      Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ikkaratterizzati minn spiża tal-materji primi estremament varjabbli u minn kompetizzjoni ġusta ta’ l-aġġudikatriċi prinċipali, il-vantaġġ eventwali li kien ġej mill-koeffiċjenti ta’ sostituzzjoni ma jistax jispjega d-dannu allegat.

 Konklużjoni fuq id-dritt għal kumpens tad-dannu magħmul minn bejgħ b’telf

66      Bħala konklużjoni, anki jekk wieħed jippreżupopni li huma stabbiliti l-konswegwenzi ekonomiċi, ippreżentati bħala dannu, li joħorġu mill-perturbazzjoni tas-swieq minħabba l-fatt tal-prezzijiet baxxi pprattikati minn Trento Frutta, ir-rikorrenti ma wrietx li kienet sofriet konsegwenzi minbarra fid-dawl tas-suċċess leġittimu ta’ l-aġġudikatrji għall-offerta, mingħajr ma s-sostituzzjoni tal-ħawħ u tan-nuċipriski mal-larinġ u mat-tuffieħ previst bħala ħlas jew li l-koeffiċjenti magħmula sabiex jippreċedu jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kawżi diretti ta’ dawn il-konsegwenzi ekonomiċi, jew ukoll bħala li kienu kkontribwixxew għall-preżenza tagħhom sa ċertu punt.

67      Jirriżulta mill-kostatazzjonijiet ta’ fatt li jippreċedu li mhuwiex muri li d-dannu allegat kien ġie kkawżat mill-illegalitajiet invokati. Konsegwentement, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ‘il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud safejn huwa intiż għall-kumpens tad-dannu allegat ikkostitwit mill-bejgħ b’telf tar-rikorrenti għar-raġuni tan-nuqqas ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn dawn l-illegalitajiet u dan id-dannu.

 Fuq id-dritt għal kumpens tad-dannu mressaq mid-difiża tad-drittijiet tar-rikorrenti

68      Ir-rikorrenti tosserva li l-ispejjeż ta’ assistenza teknika u legali li hija ħallset sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha huma direttament marbuta ma’ l-illegalitajiet invokati u jikkostitwixxu dannu li għandu jiġi kkumpensat. Matul is-seduta hija naqqset l-ammont ta’ dan id-dannu għal 28628 EUR sabiex tieħu in kunsiderazzjoni r-rimborż ta’ l-ispejjeż tagħha fil-kuntest tas-sentenza CAS vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ‘il fuq. Hija wkoll ressqet għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza l-possibbiltà li tirrikonoxxi l-ispejjeż esposti għall-parteċipazzjoni tagħha għall-offerta, skond il-ġurisprudenza stabbilita mill-ġdid mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni (T-160/03, Ġabra p.II-981).

69      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-ispejjeż esposti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti ġudizzjarji ma jistgħux, bħala tali, jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu dannu distint mit-talba għall-ispejjeż tal-kawża (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Settembru 2005, Ehcon vs Il-Kummissjoni, T-140/04, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 79, u, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999, Il-Kummissjoni vs Montorio, C-334/97, Ġabra p. I-3387, punt 54). Minbarra dan, anki jekk xogħol legal sostanzjali jsir matul il-proċediment li tippreċedi l-fażi ġuridika, għandu jiġi mfakkar li, bi “proċedura”, l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura jfisser biss il-proċediment quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, bl-esklużjoni tal-fażi li tippreċediha (ara d-digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79 u, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, Groupe Origny vs Il-Kummissjoni, T-38/95 DEP, Ġabra p. II-217, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, li lil tali spejjeż tiġi rikonoxxuta l-kwalità tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens huwa f’kuntradizzjoni man-natura mhux rekuperabbli ta’ l-ispejjeż sostnuti matul il-fażi preċedenti tal-proċedimenti ġuridizzjarji, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata.

70      B’hekk hemm lok li t-talba għal kumpens tad-danni esposti għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet tad-difiża tad-drittijiet tar-rikorrenti f’din il-kawża fil-kuntest tad-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

71      Fir-rigward tat-talba intiża għar-rimborż ta’ l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ‘il fuq, irrikonoxxiet dritt għal kumpens li jkopri l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni meta din il-proċedura tkun ġiet ivvizzjata b’mod fundamentali mill-illegalitajiet ikkonstatati, li għaldaqstant jaffettwaw il-possibbiltajiet tar-rikorrenti li tieħu l-kuntratt in kwistjoni (punti 99 u 102). Madankollu, f’dan il-każ il-proċedura ta’ offerta ma kinitx is-suġġett ta’ kontestazzjoni u ma kienx ġie allegat li r-rikorrenti kienet sofriet it-telf ta’ possibbiltà fid-dawl ta’ avvenimenti sussegwenti għal din l-offerta. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ l-illegalità invokata kontra d-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjni, li tinsab fin-noti tas-6 ta’ Marzu 1996 u tat-13 ta’ Marzu 1996 u fin-nuqqas ta’ dannu allegat ikkostitwit mit-telf ta’ possibbiltà, mhemmx lok li jiġi rrikonoxxut dritt għal kumpens fuq il-bażi tas-sentenza AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ‘il fuq.

72      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li t-talba għal kumpens tad-dannu magħmula mid-difiża tad-drittijiet tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Konklużjoni ġenerali

73      Peress illi mhemmx lok li t-talba ta’ kumpens tad-danni allegati, ikkostitwiti mill-bejgħ b’telf u mid-difiża tad-drittijiet tar-rikorrenti, tiġi milqugħa, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

74      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-

Reġistratur

 

      il-President

E. Coulon

 

      J. Pirrung


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.