Language of document : ECLI:EU:T:2006:267

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

27 ta' Settembru 2006 (*)

"Kompetizzjoni – Akkordji - Glukonat tas-sodju – Artikolu 81 KE – Multi – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multi – Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni – Prinċipju ta' proporzjonalità – Trattament ugwali – Prinċipju ne bis in idem"

Fil-kawża T-322/01

Roquette Frères SA, stabbilita f'Lestrem (Franza), irrappreżentata minn O. Prost, D. Voillemot u A. Choffel, Avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għall-ewwel irrappreżentata minn A. Bouquet, W. Wils, A. Whelan u F. Lelièvre, wara minn A. Bouquet, W. Wils u A. Whelan, bħala aġenti, assistiti minn A. Condomines u J. Liygonie, Avukat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, l-ewwel nett, talba għall-annullament ta' l-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni C(2001) 2931 finali, tat-2 ta' Ottubru 2001, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.756 – Glukonat tas-sodju), safejn dawn jistabbilixxu l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, it-tieni nett, talba sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa u, it-tielet nett, talba sabiex ir-rikorrenti titħallas lura l-ammonti illegalment imħallsa,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President ta' l-Awla, M. Jaeger u F. Dehousse, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Roquette Frères SA (iktar 'il quddiem "Roquette" hija kumpannija li topera fl-industrija kimika. Hija tipproduċi, b'mod partikolari, il-glukonat tas-sodju.

2        Il-glukonat tas-sodju jagħmel parti mill-aġenti kelanti, li huma prodotti li jagħmlu inattivi l-jonijiet metalliċi fil-proċessi industrijali. Dawn il-proċessi jinkludu, b’mod partikolari, it-tindif industrijali (tindif ta’ fliexken u ta’ utensili), it-trattament ta’ l-uċuħ (trattament kontra s-sadid, tneħħija ta' xaħam, inċiżjoni ta’ l-aluminju) u t-trattament ta’ l-ilma. L-aġenti kelanti huma wkoll użati fl-industrija ta' l-ikel, fl-industrija kożmetika, fl-industrija farmaċewtika, fl-industrija tal-karta, fl-industrija tal-konkrit u f'industriji oħra. Il-glukonat tas-sodju jinbiegħ fid-dinja kollha u l-impriżi li jikkompetu ma' xulxin huma preżenti fis-swieq dinjija.

3        Fl-1995, il-bejgħ totali ta’ glukonat tas-sodju fil-livell dinji kien ta’ madwar 58.7 miljun EUR, u dak magħmul fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kien ta' madwar 19.6 miljun EUR. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-kważi-totalità tal-produzzjoni dinjija ta’ glukonat tas-sodju kienet f’idejn ħames impriżi, jiġifieri, l-ewwel, Fujisawa Pharmaceutical Co. Ltd (iktar 'il quddiem “Fujisawa”), it-tieni, Jungbunzlauer AG, it-tielet, Roquette Frères SA, ir-raba', Glucona vof, impriża li sa Diċembru ta' l-1995 kienet ikkontrollata minn Akzo Chemie BV, li hija kumpannija sussidjarja kkontrollata 100% minn Akzo Nobel NV (iktar 'il quddiem "Akzo") flimkien ma Verkoop- en Productievereniging van Aardappelmeel en Derivaten Avebe BA (iktar 'il quddiem "Avebe") u l-ħames, Archer Daniels Midland Co. (iktar 'il quddiem “ADM”).

4        F’Marzu 1997, il-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan informa lill-Kummissjoni li, sussegwentement għal inkjesta li saret fuq is-swieq tal-lisina u ta’ l-aċidu ċitriku, kienet infetħet inkjesta wkoll fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. F’Ottubru u Diċembru 1997 kif ukoll fi Frar 1998, il-Kummissjoni ġiet informata li Akzo, Avebe, Glucona, Roquette u Fujisawa kienu rrikonoxxew li kienu pparteċipaw f'akkordju li kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju u fit-tqassim tal-volumi ta’ bejgħ ta’ dan il-prodott fl-Istati Uniti u f'pajjiżi oħra. Wara numru ta’ ftehim konklużi mal-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan, ġew imposti multi mill-awtoritajiet Amerikani fuq dawn l-impriżi.

5        Fit-18 ta’ Frar 1998, il-Kummissjoni bagħtet, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), talbiet għal informazzjoni lill-produtturi, importaturi, esportaturi u xerrejja prinċipali tal-glukonat tas-sodju fl-Ewropa.

6        Wara li saret it-talba għal informazzjoni, Fijisawa kkuntattjat lill-Kummissjoni sabiex tinformaha li hija kienet ikkooperat ma’ l-awtoritajiet Amerikani fil-kuntest ta’ l-inkjesta deskritta hawn fuq u li hija xtaqet tagħmel l-istess mal-Kummissjoni abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-non impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-każijiet dwar akkordji (ĠU C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-“Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). Fit-12 ta’ Mejju 1998, wara laqgħa li saret mal-Kummissjoni fl-1 ta’ April 1998, Fujisawa pprovdiet dikjarazzjoni bil-miktub u fajl li jinkludi sunt ta' l-istorja ta’ l-akkordju u ċertu numru ta’ dokumenti

7        Fis-16 u 17 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, fil-bini ta’ Avebe, ta’ Glucona, ta’ Jungbunzlauer u ta’ Roquette

8        Fl-10 ta' Novembru 1998, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil ADM. Fis-26 ta' Novembru 1998, ADM ħabbret l-intenzjoni tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni. Matul il-laqgħa li nżammet fil-11 ta' Diċembru 1998, ADM bagħtet l-"ewwel rata minħabba l-kooperazzjoni tagħha". Iktar tard fil-21 ta' Jannar 1999 din l-impriża bagħtet dikjarazzjoni u dokumenti relatati mal-kwistjoni lill-Kummissjoni.

9        Fit-2 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni dettaljata lil Glucona, lil Roquette u lil Jungbunzlauer. Permezz ta’ ittri ta’ l-14, 19 u 20 ta’ April 1999, dawn l-impriżi wrew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni u pprovdewlha xi informazzjoni fuq l-akkordju. Fil-25 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil ADM, lil Fujisawa, lil Glucona, lil Roquette u lil Jungbunzlauer.

10      Fis-17 ta’ Mejju 2000, abbażi ta’ l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lil Roquette u lill-impriżi l-oħra kkonċernati għall-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim fuq iż-ŻEE (iktar 'il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). Roquette u l-impriżi l-oħra kollha kkonċernati bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub b'risposta għall-oġġezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni. Ebda waħda minn dawn il-partijiet ma talbet li ssir seduta jew ikkontestat il-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet

11      Fil-11 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil Roquette u lill-impriżi kkonċernati l-oħra.

12      Fit-2 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2001) 2931 finali dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/E-1/36.756 – Glukonat tas-sodju) (iktar 'il quddiem id-“Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lil Roquette permezz ta’ l-ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001.

13      Id-Deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

[Akzo], [ADM], [Avebe], [Fujisawa], [Jungbunzlauer] u [Roquette] kisru l-Artikolu 81(1) [...] KE u – mill-1 ta’ Jannar 1994 'il quddiem – l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ftehim u/jew prattika miftiehma kontinwa fis-settur tal-glukonat tas-sodju.

Il-ksur dam għaddej:

–        fil-każ ta’ [Akzo], ta’ [Avebe], ta’ [Fujisawa] u ta’ [Roquette], minn Frar 1987 sa Ġunju 1995;

–        fil-każ ta’ [Jungbunzlauer], minn Mejju 1988 sa Ġunju 1995;

–      fil-każ ta’ [ADM], minn Ġunju 1991 sa Ġunju 1995.

[...]

Artikolu 3

Qed jiġu imposti l-multi segwenti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1

a)      [Akzo]                                     9 miljun EUR

b)      [ADM]                                     10.13 miljun EUR

c)      [Avebe]                                     3.6 miljun EUR

d)      [Fujisawa]                            3.6 miljun EUR

e)      [Jungbunzlauer]                   20.4 miljun EUR

f)      [Roquette]                            10.8 miljun EUR"

 […]"

14      Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodoloġija esposta fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(2) tat-Trattat KEFA (ĠU C 9, 1998, p. 3, iktar 'il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

15      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont ta’ bażi tal-multa skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur.

16      F’dan il-kuntest, għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni fl-ewwel lok ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, ta' l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju fiż-ŻEE u tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat (premessa 371 tad-Deċiżjoni).

17      Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali li tikkawża dannu għall-kompetizzjoni u tistabbilixxi l-multa f'livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti. Konsegwentement, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-fatturati dinjija magħmula mill-impriżi kkonċernati mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju matul is-sena 1995, l-aħħar sena tal-perijodu tal-ksur, ikkomunikati mill-impriżi kkonċernati wara talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni u li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkalkluat l-ishma fis-suq rispettivi ta’ dawn l-impriżi, il-Kummissjoni kklassifikat dawn l-impriżi f’żewġ kategoriji. Fl-ewwel kategorija, hija kklassifikat l-impriżi li, skond l-informazzjoni li kellha, kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta' iktar minn 20%, jiġifieri Fujisawa (35.54%), Jungbunzlauer (24.75%) u Roquette (20.95%). Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont ta’ tluq ta’ 10 miljun EUR. Fit-tieni kategorija, hija kklassifikat l-impriżi li, skond l-informazzjoni li kellha, kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta' inqas minn 10%, jiġifieri Glucona (madwar 9.5%) u ADM (9.35%). Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont ta’ tluq tal-multa ta' 5 miljun EUR, jiġifieri għal Akzo u Avebe li flimkien kienu jippossiedu lil Glucona, 2.5 miljun EUR kull waħda (premessa 385 tad-Deċiżjoni).

18      Minbarra dan, sabiex tassigura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, minn naħa, u sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi kbar għandhom għarfien u infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jippermettulhom japprezzaw aħjar li l-imġiba tagħhom tikkostitwixxi ksur u l-konsegwenzi li joħorġu mill-imġiba tagħhom mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għamlet aġġustament ta’ dan l-ammont ta’ tluq. Konsegwentement, filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 għall-ammonti ta’ tluq iddeterminati għal ADM u AKZO u għaldaqstant żiedet dan l-ammont ta’ tluq b’mod li ġie ffissat għal 12.5 miljun EUR fil-każ ta’ ADM u għal 6.25 miljun EUR fil-każ ta’ Akzo (premessa 388 tad-Deċiżjoni).

19      Għal dak li jikkonċerna t-tul ta' żmien tal-ksur imwettaq minn kull impriża, dan l-ammont ta’ tluq ġie miżjud b'10% fis-sena, jiġifieri żieda ta’ 80% għal Fujisawa, għal Akzo, għal Avebe u għal Roquette, ta’ 70% għal Jungbunzlauer u ta’ 35% għal ADM (premessi 389 sa 392 tad-Deċiżjoni).

20      Kien b'dan il-mod li l-Kummissjoni ffissat l-ammont ta’ bażi tal-multi għal 4.5 miljun EUR fir-rigward ta' Roquette. Fir-rigward ta’ ADM, ta’ Akzo, ta' Avebe, ta’ Fujisawa u ta’ Jungbunzlauer, l-ammont ta’ bażi ġie ffissat, rispettivament, għal 16.88, għal 11.25, għal 4.5, għal 18 u għal 17 miljun EUR (premessa 396 tad-Deċiżjoni).

21      Fit-tieni lok, l-ammont ta’ bażi tal-multa imposta fuq Jungbunzlauer ġie miżjud b'50% minħabba ċirkustanzi aggravanti, għar-raġuni li din l-impriża kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest ta’ l-akkordju (premessa 403 tad-Deċiżjoni).

22      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet l-argumenti ta’ xi impriżi fir-rigward tal-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti (premessi 404 sa 410 tad-Deċiżjoni).

23      Fir-raba’ lok, skond it-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni akkordat lil Fujisawa “tnaqqis sinjifikattiv ħafna” (jiġifieri 80%) ta’ l-ammont tal-multa li kien jiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni kkunsidrat li ADM ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mit-Titolu C ta' din l-istess Komunikazzjoni sabiex tkun tista' tibbenefika minn "tnaqqis sinjifikattiv" fl-ammont tal-multa tagħha. Fl-aħħar nett, skond it-Titolu D ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni akkordat “tnaqqis sinjifikattiv” (jiġifieri 40%) ta’ l-ammont tal-multa lil ADM u lil Roquette u ta’ 20% lil Akzo, lil Avebe u lil Jungbunzlauer (premessi 418, 423, 426 u 427 tad-Deċiżjoni).

24      Fid-19 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni irtirat id-Deċiżjoni safejn din kienet ġiet adottata kontra Jungbunzlauer. Fid-29 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida, C(2004) 3598 dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE u ta' l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.756- Glukonat tas-sodju) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004") kontra Jungbunzlauer u t-tliet kumpanniji oħra tal-grupp Jungbunzlauer (Jungbunzlauer Ladenburg GmbH, Jungbunzlauer Holding AG u Jungbunzlauer Austria AG) li fiha imponitilhom multa ta' 19.04 miljun EUR għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju fis-settur tal-glukonat tas-sodju. Fit-23 ta' Diċembru 2004, l-erba' destinatarji ta' din l-aħħar deċiżjoni ressqu rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Dan ir-rikors tniżżel fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bin-numru T-492/04.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta' att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Diċembru 2001, Roquette ressqet dan ir-rikors.

26      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li rrispondew għalihom fit-termini mogħtija.

27      Il-partijiet instemgħu matul it-trattazzjoni orali li nżammet matul is-seduta tat-18 ta' Frar 2004.

28      Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004 kontra, b'mod partikolari, Jungbunzlauer, Roquette, permezz ta' ittra tat-2 ta' Frar 2005, talbet, preliminarjament, l-adozzjoni ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura skond l-Artikolu 64(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza u, sussidjarjament, sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tieħu l-miżuri kolla meħtieġa bħal per eżempju l-ftuħ mill-ġdid tat-trattazzjoni jew li l-kawżi jingħaqdu. Fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta' l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti tal-Prim'Istanza, mingħajr ma reġgħet fetħet il-proċedura, stiednet lill-Kummissjoni tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba ta' Roquette. B'ittra tas-7 ta' Marzu 2005, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Prim'Istanza li t-talbiet ta' Roquette ma kellhomx jintlaqgħu.

29      Roquette titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni safejn, fir-rigward tagħha, dan jikkunsidra li l-ksur dam għaddej minn Frar ta' l-1987 sa Ġunju ta' l-1995;

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni safejn dan jimponilha multa ta' 10.8 miljun EUR;

–        tuża s-setgħa ġurisdizzjonali sħiħa tagħha sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tordna li l-Kummissjoni tħallasha lura l-ammont tal-multa indebitament imħallsa (is-somma ewlenija u l-interessi bir-rata ta' 3.76 %);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Roquette tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

31      Il-motivi invokati minn Roquette, li kollha kemm huma jirrigwardaw l-iffissar tal-multa li ġiet imposta fuqha, jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-gravità tal-ksur, it-tieni nett, it-tul ta' żmien tal-ksur, it-tielet nett, l-eżistenza ta' ċirkustanzi attenwanti, ir-raba' nett, il-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva u, il-ħames nett, l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem fir-rigward tal-multi li ġew imposti fuqha mill-awtoritajiet Amerikani.

I –  Fuq il-gravità tal-ksur

A –  Introduzzjoni

32      Fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur li l-Kummissjoni wettqet, Roquette tressaq tliet ilmenti bbażati fuq, l-ewwel nett, id-determinazzjoni żbaljata tal-fatturat li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, it-tieni nett, l-evalwazzjoni ħażina ta' l-impatt konkret li l-akkordju kellu fuq is-suq in kwistjoni u, it-tielet nett, il-fatt li ma ġietx ikkunsidrata l-imġiba ta' Roquette.

33      Qabel ma tiddeċiedi fuq il-mertu ta' dawn id-diversi lmenti, ikun utli li jiġu mfakkra wħud mill-elementi ta' l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fid-Deċiżjoni, li jikkonċernaw il-gravità ta' l-infrazzjoni.

34      Mid-Deċiżjoni jirriżulta li, sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni qabel kollox ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, ta' l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju fiż-ŻEE u tal-firxa tas-suq geografiku kkonċernat, li kien effettwa ż-ŻEE kollha (premessi 334 sa 371 tad-Deċiżjoni).

35      Wara dan, il-Kummissjoni qieset li fir-rigward ta' l-impriżi kkonċernati kellu jiġi applikat "trattament differenti li jieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali tagħhom li tikkawża dannu għall-kompetizzjoni u tistabbilixxxi l-multa f'livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti". F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat li hija kellha tikkunsidra l-piż speċifiku ta' kull impriża, u għalhekk ta' l-effett reali ta' l-imġiba illegali ta' kull waħda minn dawn fuq il-kompetizzjoni (premessi 378 u 379 tad-Deċiżjoni).

36      Għal finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni għażlet li tibbaża ruħha fuq il-fatturat li l-impriżi kkonċernati għamlu mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju fuq livell dinji matul l-aħħar sena tal-perijodu tal-ksur, jiġifieri s-sena 1995. Il-Kummissjoni f'dan il-kuntest ikkunsidrat li, "[peress li] s-suq [tal-glukonat tas-sodju huwa] globali, iċ-ċifri tiegħu jagħtu l-aħjar indikazzjoni possibbli dwar il-kapaċità ta' l-impriżi li ħadu sehem li jikkawżaw dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra fis-suq komuni u/jew fiż-ŻEE" (premessa 381 tad-Deċiżjoni). Il-Kummissjoni żiedet li, fl-opinjoni tagħha, dan il-metodu kien ikkorroborat mill-fatt li f'dak li jirrigwarda akkordju dinji, li l-għan tiegħu kien, b'mod partikolari, it-tqassim tas-suq fuq livell dinji u, għaldaqstant, sabiex il-konkorrenza ma jkollhiex aċċess għall-uħud miż-żoni tas-suq taż-ŻEE. Hija qieset, barra minn dan, li l-fatturat dinji ta' parti li ħadet sehem fl-akkordju jagħti indikazzjoni tal-kontribut li din ta' l-aħħar tat għall-effettività ta' l-akkordju kollu kemm hu jew, bil-kontra ta' dan, ta' l-instabbiltà li dan l-akkordju kien ikollu li kieku l-imsemmija parti ma ħaditx sehem fih (premessa 381 tad-Deċiżjoni).

37      Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni għażlet li tiddefinixxi żewġ kategoriji ta' impriżi, jiġifieri, minn naħa, dik magħmula mit-"tliet produtturi prinċipali tal-glukonat tas-sodju li kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta' iktar minn 20%" u min-naħa l-oħra, dik magħmula mill-impriżi "li s-sehem tas-suq tagħhom fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju kien ħafna iżgħar ("inqas minn 10%" (Premessa 382 tad-Deċiżjoni). Għalhekk, il-Kummissjoni ffissat ammont ta’ tluq ta’ 10 miljun EUR għall-impriżi ta' l-ewwel kategorija li kienu jinkludu Fujisawa, Jungbunzlauer u Roquette, li s-sehem tagħhom tas-suq kienu rispettivament ta' madwar 36 %, 25 % u 21 %, u ammont ta' tluq ta' 5 miljun EUR għall-impriżi tat-tieni kategorija, jiġifieri Glucona u ADM, li s-sehem tas-suq ta' kull waħda minnhom kien ta' madwar 9 %. Peress li Glukona kienet miżmuma minn Akzo flimkien ma Avebe, il-Kummissjoni għalhekk, għal kull waħda minn dawn il-kumpanniji, iffissat ammont ta' tluq ta' 2.5 miljun EUR (premessa 385 tad-Deċiżjoni).

38      Fl-aħħar nett, sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, minn naħa, u sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi kbar għandhom għarfien u infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jippermettulhom japprezzaw aħjar li l-imġiba tagħhom tikkostitwixxi ksur u l-konsegwenzi li joħorġu mill-imġiba tagħhom mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għamlet aġġustament ta’ dan l-ammont ta’ tluq. Konsegwentement, filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 għall-ammonti ta’ tluq iddeterminati għal ADM u AKZO u għalhekk stabbiliet l-ammont tal-multa, skond il-gravità ta' l-infrazzjoni għal 12.5 miljun EUR fil-każ ta’ ADM u għal 6.25 miljun EUR fil-każ ta’ Akzo (premessa 388 tad-Deċiżjoni).

B –  Fuq id-determinazzjoni tal-fatturat

1.     L-argumenti tal-partijiet

39      Essenzjalment Roquette issostni li l-Kummissjoni ma ddeterminatx korrettament il-fatturat li kellu jiġi kkunsidrat għall-kalkolu ta' l-ammont ta' tluq tal-multa. Skond Roquette, din l-evalwazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni hija dovuta għall-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat fatturat li kien jinkludi l-fatturat tal-"likuri tal-melħ" tagħha, meta l-Kummissjoni kienet għarfet li s-suq tal-glukonat tas-sodju kkunsidrat mill-akkordju ma kienx jinkludi l-"likuri tal-melħ".

40      Wara li fakkret li l-"likuri tal-melħ" huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni, Roquette enfasizzat li mill-ittra tagħha tad-19 ta' Novembru 1999, mir-risposta tagħha tat-3 ta' Mejju 1999 għat-talba ta' informazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 1999 u mill-osservazzjonijiet tagħha tal-25 ta' Lulju 2000 fuq id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, jirriżulta li l-glukonat tas-sodju fil-forma likwida li hija tipproduċi jikkorrispondi ma "likuri tal-melħ" prodotti mill-proċess ta' fabbrikazzjoni speċifika tagħha u, għaldaqstant, li huwa distint minn dak tal-kompetituri tagħha. Fuq din il-bażi hija tikkontesta li l-Kummissjoni ma setgħetx tkun taf bil-fatt li l-"glukonat likwidu" li għalih tirreferi Roquette jikkorrispondi għal-"likuri tal-melħ" u mhux għall-glukonat tas-sodju fil-forma likwida kif prodott mill-kompetituri tagħha. F'dan ir-rigward hija tirreferi wkoll għall-pożizzjoni li l-Kummissjoni ħadet fir-risposta tad-difiża tagħha, fejn din impliċitament ammettiet li dak li Roquette ssejjaħ "likuri tal-melħ" mhuwiex eżattament l-istess ħaġa bħall-glukonat tas-sodju fil-forma likwida.

41      Roquette tikkontesta li n-nuqqas ta' riferiment għal-"likuri tal-melħ" fir-risposti tagħha tat-3 ta' Mejju 1999 u tal-21 ta' Mejju 2001 għat-talbiet ta' informazzjoni tat-2 ta' Marzu 1999 u tal-11 ta' Mejju 2001 jista' jiġġustifika l-fatt li l-Kummissjoni ma tiddistingwixxix il-"likuri tal-melħ" mill-glukonati tas-sodju fil-forma likwida. Hija tenfasizza li rrispondiet għat-talbiet ta' informazzjoni billi kkonformat ruħha mal-formati stabbiliti mill-Kummissjoni li ma jiddistingwixxux bejn il-"glukonati likwidi" u l-"likuri tal-melħ". Min-naħa l-oħra, skond Roquette, l-informazzjoni li ngħatat fir-risposti tagħha, fosthom il-fatturat, kellha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-ispjegazzjonijiet preċedenti li kienu jindikaw li l-glukonati likwidi tagħha ma kinux prodotti li jaqgħu taħt l-akkordju. F'dan ir-rigward hija tirreferi wkoll għad-dokumenti ppreżentati minn Fujisawa fit-12 ta' Mejju 1998, li fihom hija ssostni li jiġi ammess li l-"likuri tal-melħ" ma kinux jikkostitwixxu prodott lest u ma kinux inklużi fl-akkordju. Fl-aħħar nett, skond Roquette, il-fatt li l-partijiet ma semmewx l-esklużjoni tal-glukonat tas-sodju likwidu ta' Roquette mill-akkordju ma jipprekludix lit-terzi kollha u lill-Kummissjoni milli jirrikonoxxu l-esklużjoni tal-"likuri tal-melħ" mill-akkordju. Għalhekk, skond Roquette, il-Kummissjoni setgħet tkun taf li l-"glukonat likwidu" li Roquett issemmi kienu fil-fatt il-"likuri tal-melħ".

42      Roquette issostni li peress li ma jistax ikun hemm dubji li l-Kummissjoni ma fehmitx in-natura tal-glukonat tas-sodju tagħha u li, jekk il-Kummissjoni kienet tqis li l-informazzjoni li hija kellha ma kinitx biżżejjed, kien hemm nuqqas ta' diliġenza minn naħa tal-Kummissjoni meta din ma talbitx l-ispjegazzjonijiet meħtieġa f'dak li jirrigwarda d-distinzjoni bejn il-"glukonat likwidu" ta' Roquette u dak ta' l-impriżi l-oħra għall-finijiet tal-kalkolu tal-fatturat (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Gruber + Weber vs Il-Kummissjoni, T-310/94, Ġabra p. II-1043, punt 242). Skond Roquette, diliġenza ikbar min-naħa tal-Kummissjoni kienet tippermettilha tikseb dokumenti oħra li jikkonfermaw il-produzzjoni ta' "likuri tal-melħ" minn Roquette. Fl-aħħar nett, Roquette tippreżenta dikjarazzjoni tal-president direttur ġenerali tagħha li tikkonferma li l-glukonat tas-sodju likwidu ta' Roquette kien jikkorrispondi għal-"likuri tal-melħ" u li din ta' l-aħħar ma kinitx tipproduċi glukonati tas-sodju likwidi oħra ħlief il-"likuri tal-melħ" tagħha.

43      Sussidjarjament, Roquette issostni li skond il-ġurisprudenza, l-eżami ta' l-imputabbiltà ta' l-iżball fil-kalkolu tal-multa mhuwiex rilevanti u li, peress li kien hemm żball, il-multa għandha, f'kull każ, tiġi mnaqqsa konsegwentement (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T-156/94, Ġabra p. II-645, punti 584 sa 586).

44      Konsegwentement Roquette issostni li l-fatturat tagħha li għandu jiġi kkunsidrat sabiex ikun iddeterminat l-ammont tal-multa, m'għandux ikun jinkludi l-bejgħ tal-"likuri tal-melħ" tagħha. Issa l-fatturat li ġie kkunsidrat fil-premessa 48 tad-Deċiżjoni għall-kalkolu ta' l-ammont ta' tluq tal-multa kien jinkludi l-fatturat tal-"likuri tal-melħ" ta' Roquette.

45      Il-konsegwenza ta' dan l-iżball ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija li l-fatturat ta' Roquette għall-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur huwa inferjuri minn dak li l-Kummissjoni qieset. B'dan l-iżball ta' evalwazzjoni l-Kummissjoni tikser ir-regoli tagħha stess, dawk tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan il-qasam kif ukoll il-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' proporzjonalità. Konsegwentement, Roquette m'għandhiex tiġi kklassifikata fost il-produtturi ta' l-"ewwel kategorija", li s-sehem tas-suq ta' kull wieħed minnhom kien ta' 20% u li għalihom l-ammont ta' tluq tal-multa ġie stabbilit għal 10 miljun EUR, u l-Kummissjoni imponiet multa għolja wisq.

46      Roquette tfakkar ukoll li, skond il-ġurisprudenza, il-fatturat huwa element essenzjali sabiex jiġi evalwat il-piż li kull impriża li ħadet sehem fl-akkordju kellha u li huwa biss il-fatturat li jkun ġej minn merkanzija li tkun is-suġġett ta' l-akkordju li għandu jiġi kkunsidrat bħala indikatur tal-portata tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 120, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Gruber + Weber vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar 'il fuq, punt 237, u tal-11 ta' Marzu 1999, Ensidesa vs Il-Kummissjonii T-157/94, Ġabra p. II-707). Hija tqis li ż-żamma ta' l-istess multa wara t-tnaqqis tal-fatturat, li jirriżulta wara l-esklużjoni tar-riżultati dwar il-"likuri tal-melħ", tikser il-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' proporzjonalità. Sussidjarjament, hija tfakkar l-indipendenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rispett tal-Kummissjoni sabiex jiġu stabbiliti multi fir-rigward tas-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

47      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha ta' Roquette. Hija ssostni li l-ebda element ma kien jippermettilha li tkun taf li l-glukonat tas-sodju likwidu ta' roquette kien jikkorrispondi għal-"likuri tal-melħ". Skond il-Kummissjoni, Roquette żammet l-ambigwità f'dan ir-rigward intenzjonalment. Sabiex issostni din l-affermazzjoni hija tirreferi għar-risposti ta' Roquette tat-3 ta' Mejju 1999 u tal-21 ta' Mejju 2001 għad-domandi ta' informazzjoni tagħha u għad-dokument kummerċjali anness ma l-ittra ta' Roquette tad-19 ta' Novembru 1999. Il-kummissjoni tosserva li, f'kull wieħed minn dawn id-dokumenti Roquette ssemmi l-glukonat tas-sodju likwidu mingħajr ma tispeċifika jekk dan jikkostitwixxix "likuri tal-melħ". Min-naħa l-oħra, ir-riferimenti, li saru fl-ittra ta' Roquette tad-19 ta' Novembru 1999, għall-glukonat tas-sodju likwidu u għal-"likuri tal-melħ" ma jippermettux li jiġi konkluż b'mod ċar li Roquette kienet tikkummerċjalizza biss glukonat tas-sodju likwidu tat-tip "likuri tal-melħ". Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li Roquette kienet taf li t-talbiet għall-informazzjoni kienu intiżi sabiex jiġi evalwat is-suq effettwat mill-akkordju sabiex fuq dan ikunu jistgħu jiġu bbażati l-multi. Hija ssostni, konsegwentement, li mhuwiex kredibli wisq li Roquette, meta rrispondiet għat-talbiet ta' informazzjoni, ma semmietx in-natura tal-glukonat tas-sodju likwidu tagħha minħabba li kellha tirrispetta l-formula li ġiet trażmessa lilha u minħabba l-biża li tonqos, billi titbiegħed minn dan il-format, mill-obbligu ta' kollaborazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tas-sentenza, invokata minn Roquette, Gruber + Weber vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar 'il fuq, peress li, f'dan il-każ, hija ġiet indotta fi żball minn Roquette. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li ebda waħda mill-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju ma indikat, matul il-proċedura, li l-glukonat tas-sodju fil-forma likwida ta' Roquette seta' jiġi eskluż mill-kartell.

48      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tenfasizza li, anki li kieku l-prodott fil-forma likwida ta' Roquette jkollu jiġi eskluż mill-kalkolu tal-fatturat relatat mal-glukonat tas-sodju ta' din ta' l-aħħar, dan ma jaffettwax l-ammont ta' tluq ta' 10 miljun EUR li l-Kummissjoni stabbiliet għall-multa.

49      Hija tindika, f'dan ir-rigward, li l-multa għandha tkun proporzjonata mal-gravità u mat-tul taż-żmien tal-ksur u mhux mal-fatturat ta' l-impriża. Il-linji gwida jipprovdu li din il-gravità għandha tiġi evalwata skond in-natura tal-ksur, ta' l-impatt tal-ksur fuq is-suq meta dan ikun jista' jitkejjel u tal-firxa ġeografika tas-suq ikkonċernat. Barra minn dan, kemm it-Titolu 1A tal-linji gwida kif ukoll il-ġurisprudenza jgħarrfu li l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza tista' twassal li għall-istess imġiba jiġu applikati ammonti differenzjati għall-impriżi kkonċernati mingħajr ma din id-differenzjazzjoni tkun ibbażata fuq kalkolu aritmetiku (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni, T-48/98, Ġabra p II-3859, punt 90).

50      F'dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk is-sehem tas-suq ta' Roquette jkollu jitnaqqas minn 20.96 għal 17.4 %, Roquette xorta waħda tibqa' waħda mit-tliet produtturi prinċipali tal-glukonat tas-sodju li għalihom għandu jiġi stabbilit ammont ta' tluq ta' 10 miljun EUR. Hija tibqa' ħafna iktar il-quddiem minn ADM u mill-kumpanniji prinċipali ta' Glucona, li għandhom sehem tas-suq ta' inqas minn 10% u li ġie impost fuqhom ammont ta' tluq ta' 5 miljun EUR.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

51      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skond il-premessi 34 u 38 tad-Deċiżjoni, huwa kostanti li l-prodott li huwa s-suġġett ta' l-infrazzjoni huwa l-glukonat tas-sodju, li jinkludi l-glukonat tas-sodju solidu, dak likwidu u l-aċidu glukoniku, bl-eċċezzjoni tal-prodott imsemmi "likuri tal-melħ".

52      Barra minn dan, mill-premessi 48 u 381 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-fatturati li l-Kummissjoni kkunsidrat huma dawk li ntbagħtu mar-risposti li l-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju bagħtu għat-talbiet ta' informazzjoni tal-Kummissjoni u li dawn il-fatturati jikkorrispondu maċ-ċifri tal-bejgħ tal-glukonat tas-sodju fuq livell dinji li kull wieħed mill-membri ta' l-akkordju għamel matul l-aħħar sena tal-ksur, jiġifieri l-1995, il-fatturat dinji ta' Roquette għall-glukonat tas-sodju kien jitla' għal 12 293.62 il-elf EUR u s-sehem tagħha tas-suq dinji ġie stmat għal 20.96 % (premessa 48 tad-Deċiżjoni).

53      B'risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni kkonfermat li s-somma ta' 12293.62 elf EUR kienu jikkorrispondu għal 80216582 Frank Franċiż (FRF), ammont li Roquette kienet bagħtet lill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għat-talba għall-informazzjoni tal-21 ta' Mejju 2001. Minn din ir-risposta tal-21 ta' Mejju jirriżulta li l-ammont ta' 80216582 FRF, li jirrappreżenta l-fatturat dinji li Roquette għamlet għall-glukonat tas-sodju fl-1995, jikkorrispondi mat-total tal-fatturat ta' Roquette għall-glukonat tas-sodju fil-forma solida (60517501 FRF) flimkien ma ta' dak fil-forma likwida (16029382 FRF) u għall-aċidu glukoniku (3669699 FRF) fl-1995.

54      Fl-aħħar nett, fir-replika tagħha, Roquette annettiet dikjarazzjoni magħmula mill-president direttur ġenerali tagħha li tgħid li, fl-1995 u qabel, hija taħt l-isem "glukonat likwidu" kkummerċjalizzat biss "likuri tal-melħ". Il-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżattezza ta' din id-dikjarazzjoni la fil-kontro replika tagħha, la fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub li sarula mill-Qorti tal-Prim'Istanza u lanqas matul is-seduta.

55      Konsegwentement, huwa kostanti li l-fatturat ta' Roquette, li ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni, kien jinkludi dak magħmul mill-bejgħ ta' "likuri tal-melħ" meta dan il-prodott ma kienx jagħmel parti mis-suġġett ta' l-akkordju. Minn dan isegwi li l-fatturat ta' Roquette li ġie kkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa huwa żbaljat. Għalhekk, bi-żball, ġiet imposta fuq Roquette multa li l-ammont tagħha ma kienx jirrifletti b'mod xieraq il-pożizzjoni li hija kellha fis-suq tal-prodott li kien is-suġġett tal-ksur.

56      Il-konsegwenzi ta' dan l-iżball jiġu kkunsidrati, wara l-analiżi tal-motivi l-oħra mressqa minn Roquette, fil-kuntest ta' l-eżerċiżzzju mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

C –  Fuq l-impatt konkret ta' l-akkordju

1.     Osservazzjonijiet preliminari

57      Essenzjalment Roquette issostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-effett limitat ta' l-akkordju matul l-evalwazzjoni ta' l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq in kwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni marret kontra l-prattiċi tagħha stess u ta' ġurisprudenza stabbilita bi ksur ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

58      F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-gravità ta' infrazzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta' diversi elementi bħal ma huma, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kwistjoni u l-kuntest tagħha, u dan mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' lista mandatorja jew eżawrjenti ta' kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 443).

59      Fil-linji gwida tagħha (l-ewwel inċiż tal-punt 1 A), il-Kummissjoni indikat li, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta' ksur, hija kkunsidrat, minbarra l-istess natura ta' dan il-ksur u tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat, "l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta dan ikun jista' jitkejjel".

60      Fir-rigward ta' dan il-każ, mill-premesssi 334 sa 388 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament stabbiliet l-ammont tal-multa, determinata skond il-gravità tal-ksur, billi kkunsidrat dawn it-tliet kriterji. B'mod partikolari, f'dan il-kuntest, hija kkunsidrat li l-akkordju kellu "effett reali" fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju (premessa 371 tad-Deċiżjoni).

61      Fil-premessa 340 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreżentat l-analiżi tagħha kif ġej:

"Il-Kummissjoni tqis li l-ksur, imwettaq minn impriżi li, matul il-perijodu previst minn din id-deċiżjoni, li kienu jirrappreżentaw iktar minn 90 % tas-suq dinji u 95 % tas-suq Ewropew tal-glukonat tas-sodju, kellu impatt reali fuq is-suq fiż-ŻEE, għaliex dan ġie implementat b'mod għaqli. Peress li l-ftehim kien intiż speċifikament sabiex jirrestrinġi l-volumi ta' bejgħ, sabiex jinżammu prezzijiet għola minn dawk li kienu jinżammu fin-nuqqas tal-ftehim u sabiex il-bejgħ lill-ċerti klijenti jkun limitat, dawn kellhom jeffettwaw l-iskema normali ta' l-imġiba fuq is-suq u, għaldaqstant, ikollhom effett fuq dan ta' l-aħħar."

62      Fil-premessa 341 tad-Deċiżjoni, hija tenfasizza li, "safejn possibbli, saret distinzjoni bejn il-kwistjoni ta' l-implementazzjoni tal-ftehim u l-kwistjoni ta' l-effetti li dan ta' l-aħħar kellu fuq is-suq", iżda li "madankollu ma setax jiġi evitat li wħud mill-elementi ta' fatt jintużaw darbtejn sabiex tittieħed deċiżjoni fuq dawn iż-żewġ punti".

63      Minħabba dan, l-ewwel nett, il-Kummissjoni analizzat l-implementazzjoni ta' l-akkordju (premessi 342 sa 351 tad-Deċiżjoni). Hija tgħid li l-implementazzjoni ta' l-akkordju kienet ipprovata minn diversi elementi li wasslu għal dak li hija tikkunsidra bħala l-qofol ta' l-akkordju, jiġifieri l-kwoti tal-bejgħ. Barra minn dan, il-Kummissjoni invokat il-fatt li "l-akkordju kien ikkaratterizzat mill-għan kostanti li jiġu ffissati prezzijiet imfittxija u/jew minimi" u żiedet li, fl-opinjoni tagħha, "dawn il-prezzijiet kellhom ikollhom effett fuq l-imġiba ta' dawk li ħadu sehem, anki jekk dawn ma kinux sistematikament mimsusa minn dawn ta' l-aħħar" (premessa 348 tad-Deċiżjoni). Il-Kummissjoni kkonkludiet li "wieħed ma setax ikollu dubji fuq l-effiċjenza ta' l-implementazzjoni ta' [l-akkordju]" (premessa 350 tad-Deċiżjoni).

64      It-tieni nett, il-Kummissjoni evalwat l-impatt tal-ksur fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. F'dan ir-rigward, hija qabel kollox irriferiet għall-evalwazzjoni tas-suq rilevanti li saret fil-premessi 34 sa 41 tad-Deċiżjoni. Wara dan, billi rreferiet għall-evalwazzjoni li kienet diġà saret fil-premessi 235 u 236 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni, billi invokat iż-żewġ tabelli (iktar 'il quddiem "il-grafiċi") ikkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette (premessa 354 tad-Deċiżjoni), sostniet dan li ġej:

"L-evoluzzjoni tal-prezzijiet, hekk kif jirriżulta mill-[grafiċi] li nstabu fl-uffiċċji ta' Roquette matul l-ispezzjoni, turi li l-iskop imfittex mill-membri li ħadu sehem fl-akkordju kien intlaħaq, minn ta' l-inqas f'parti minnu. Iż-żewġ [grafiċi], li jiddeskrivu l-evoluzzjoni tal-prezz fi FRF fis-suq Ewropew tal-glukonat tas-sodju mill-1977 sa l-1995, juru li fl-1985 kien hemm tnaqqis. Din il-fluttwazzjoni probabbilment kienet ir-riżultat tat-tmiem ta' l-akkordju l-qadim u ż-żieda tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni li rriżultat. Lejn it-tmiem tas-sena 1986, il-livell tal-prezzijiet kien naqas bi kważi n-nofs meta mqabbel ma' dak tal-bidu tas-sena 1985. Huwa x'aktarx minnu li l-applikazzjoni tal-ftehim li stabbilixxew l-akkordju l-ġdid sa mill-1986 ikkontribwixxew b'mod kunsiderevoli għaż-żieda (irduppjar) fil-prezz li ġie kkonstatat bejn l-1987 u l-1989. Wara tnaqqis fl-1989, li kien inqas qawwi minn dak ta' l-1985, il-livell tal-prezzijiet baqa', sa l-1995, madwar 60% għola minn dak ta' l-1987."

65      Fil-premessi 235 u 236 tad-Deċiżjoni, li għalihom tirreferi l-premessa 354 ta' din ta' l-aħħar, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:

"(235) Żewġ dokumenti li ġew ikkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette matul l-ispezzjoni huma espliċiti biżżejjed u jikkostitwixxu elementi ta' prova dwar ir-riżultati miksuba mill-akkordju fuq il-glukonat tas-sodju. Dawn b'mod partikolari fihom [grafiċi] li jipprovdu l-prezz medju "Ewropew" tal-glukonat tas-sodju mill-1977 sa l-1995.

(236)          [Waħda mill-grafiċi] turi b'mod ċar li fl-1981 u fl-1987, meta rispettivament ġew implementati l-"ewwel" u t-"tieni" akkordji, il-prezzijiet telgħu bħal vleġġa. Il-prezzijiet waqgħu f'daqqa fl-1985, u dan jikkorrispondi mat-tmiem ta' l-"ewwel akkordju", peress li Roquette kienet ħarġet minnu. Bejn l-1987 u l-1989, kien hemm żieda qawwija fil-prezz tal-glukonat tas-sodju; fil-fatt dan ġie rduppjat. Wara dan, mill-1989 sa l-1995, dan baqa' jogħla b'madwar 60% mill-prezz li dan kellu fil-perijodu ta' l-1987. Għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għall-perijodu 1981-1986, il-prezz tal-glukonat tas-sodju seta' jinżamm fuq livell għoli ħafna sa l-1995."

66      Wara dan, il-Kummissjoni ġabret flimkien, analizzat u ċaħdet id-diversi argumenti li l-partijiet ikkonċernati invokaw matul il-proċedura amministrattiva sabiex jikkontestaw il-konklużjoni li hija kienet laħqet fuq il-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette. F'dak li jirrigwarda l-argumenti ta' ADM, li b'mod partikolari sostniet li din l-evalwazzjoni tal-prezzijiet kienet isseħħ anki li kieku ma kienx hemm l-akkordju, il-Kummissjoni qalet dan li ġej (premessa 359, 365 u 369 tad-Deċiżjoni):

"(359) […] L-argumenti mressqa minn ADM ma jipprovawx b'mod konvinċenti li l-implementazzjoni ta' l-akkordju ma kellha l-ebda sehem fil-fluttwazzjoni tal-prezz. Għalkemm huwa minnu li s-sitwazzjoni proposta minn ADM tista' tivverifika ruħha fin-nuqqas ta' akkordju, madankollu dan jgħodd ukoll għal akkordju li jkun jeżisti. Iż-żieda ta' kapaċità li ġiet irreġistrata f'nofs is-snin 80 setgħet kienet, fl-istess hin, kemm il-kawża kif ukoll ir-riżultat tat-tmiem ta' l-ewwel akkordju (1981-1985). F'dak li jirrigwarda l-evoluzzjoni li seħħet sa mill-1987, din hija kompletament kompatibbli mar-riattivazzjoni ta' l-akkordju li sar fuq dan il-perijodu. Konsegwentement, il-fatt li l-prezz tal-glukonat tas-sodju beda jiżdied ma jistax jiġi spjegat biss minħabba l-kompetizzjoni, iżda għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ftehim li l-partijiet li ħadu sehem laħqu fuq il-"prezz minimu", it-tqassim ta' l-ishma tas-suq kif ukoll is-sistema ta' informazzjoni u ta' sorveljanza. Dawn il-fatturi kollha kkontribwixxew għas-suċċess taż-żidiet tal-prezz.

[…]

(365)          [Waħda mill-grafiċi] li nstabet fl-uffiċċji ta' Roquette tikkonferma li bejn l-1991 u l-1995, jiġifieri l-perijodu li matulu ADM pparteċipat fl-akkordju, il-prezzijiet baqgħu stabbli jew naqsu ftit. Xejn ma jindika li l-prezzijiet kienu waqgħu ħafna u inqas u inqas li dawn ma kinux lukrattivi. Il-ħruġ ta' ADM mis-suq iktar tista' tiġi spjegata permezz tal-problemi tekniċi gravi, li hija kellha eżatt wara li hija daħlet fl-akkordju u li baqgħu jippersistu.

[…]

(369)          Fl-aħħar nett, ma tantx jidher probabbli li l-partijiet kienu ddeċidew, għal diversi drabi, li jiltaqgħu mad-dinja kollha sabiex bejniethom jiftehmu l-kwoti tal-bejgħ, jiffissaw il-prezzijiet u jaqsmu l-klijenti għall-perijodu daqsekk twil, jekk fost l-oħrajn wieħed jikkunsidra r-riskji meħuda, li kieku, kif huma jsostnu, l-akkordju kellu biss effett żgħir jew limitat fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju."

67      Fir-rigward ta' din l-analiżi, id-diversi lmenti mressqa minn Roquette dwar l-espożizzjoni li l-Kummissjoni għamlet ta' l-eżistenza ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju jistgħu jiġu distinti skond jekk kinux jirrigwardaw id-deduzzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet mill-implementazzjoni ta' l-akkordju, l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tipprova li l-akkordju ġie implementat u li kellu effett u n-nuqqas tal-Kummissjoni li tikkunsidra elementi oħra meta hija kienet qegħda tevalwa l-impatt konkret ta' l-akkordju.

2.     Fuq il-fatt li l-Kummissjoni għażlet metodu żbaljat sabiex tipprova li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq

a)     L-argumenti tal-partijiet

68      Fir-rigward tal-kontestazzjoni tagħha dwar ir-rilevanza ta' l-elementi li l-Kummissjoni kkunsidrat sabiex tipprova l-implementazzjoni u l-effett ta' l-akkordju, Roquette tikkontesta li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi l-eżistenza ta' impatt konkret billi tibbaża ruħha fuq deduzzjonijiet magħmula mill-implementazzjoni ta' l-akkordju.

69      B'mod partikolari, Roquette tikkontesta, minn naħa, l-analiżi li l-Kummissjoni għamlet fil-premessi 340 sa 351 tad-Deċiżjoni, li fihom hija tafferma li, peress li l-akkordju ġie implementat b'mod għaqli, dan bilfors kellu jeffettwa l-iskema normali ta' l-imġiba fis-suq u li l-implementazzjoni effettiva tal-ftehim mhux bilfors tfisser l-applikazzjoni eżatta ta' l-istess prezzijiet u volumi fis-suq, iżda li tqarrib tal-livell miftiehem ikun biżżejjed. Roquette tikkontesta, min-naħa l-oħra, id-deduzzjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni, fil-premessa 369 tad-Deċiżjoni, mil-laqgħat kontinwi li l-partijiet kellhom għal perijodu twil minkejja r-riskji, ta' l-eżistenza ta' effett fuq is-suq.

70      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta' dan l-argument.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

71      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel inċiż tal-Punt 1A tal-linji gwida, fil-kalkolu tal-multa skond il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, b'mod partikolari, l-"impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta dan ikun jista' jitkejjel".

72      F'dan ir-rigward, għandu jiġi analizzat is-sinjifikat eżatt tal-kliem "meta dan [jiġifieri l-impatt konkret] ikun jista' jitkejjel". B'mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk, skond dan il-kliem, il-Kummissjoni tistax tikkunsidra l-impatt konkret ta' ksur fil-kuntest tal-kalkolu ta' l-ammont tal-multi biss jekk, u safejn, din tkun kapaċi tikkwantifika dan l-impatt.

73      Kif ġustament ikkunsidrat il-Kummissjoni, l-eżami ta' l-impatt ta' akkordju fuq is-suq ikkonċernat neċessarjament jimplika l-użu ta' ipoteżi. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari teżamina x'kien ikun il-prezz tal-prodott in kwistjoni li kieku ma kienx hemm l-akkordju. Issa, fl-eżami tal-kawżi ta' l-evoluzzjoni reali tal-prezzijiet, huwa perikoluż li jsiru spekulazzjonijiet fuq is-sehem rispettiv ta' kull waħda minn dawn ta' l-aħħar. Għandha tiġi kkunsidrata ċ-ċirkustanza oġġettiva li, minħabba l-akkordju fuq il-prezz, il-partijiet espliċitament irrinunċjaw għal-libertà tagħhom li jikkompetu kontra xulxin permezz tal-prezz. Għalhekk, l-evoluzzjoni ta' l-influwanza li tirriżulta minn fatturi oħra li mhumiex din l-astensjoni volontarja tal-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju għandha bilfors tkun ibbażata fuq probabbiltajiet raġonevoli u li ma jistgħux jiġu kkwantifikati bi preċiżjoni.

74      Għalhekk, sabiex ma jintilifx l-effett utli ta' dan il-kriterju li jista' jiġi kkunsidrat għad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli bbażat ruħha fuq l-impatt konkret li akkordju kellu fuq is-suq rilevanti, anki jekk hija ma tkunx tista' tikkwantifika dan l-impatt jew tipprovdi evalwazzjoni numerika f'dan ir-rigward.

75      Konsegwentement, l-impatt konkret ta' akkordju fuq is-suq ikkonċernat għandu jiġi kkunsidrat bħala suffiċjentement ipprovat jekk il-Kummissjoni tista' tipprovdi indizzji konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġjonevoli, li l-akkordju kellu impatt ċert fuq is-suq.

76      F'dan il-każ, mis-sinteżi ta' l-analiżi li saret mill-Kummissjoni (ara l-punti 61 sa 66 iktar 'il fuq) jirriżulta li din ibbażat ruħha fuq żewġ indizzji sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta' l-"effett reali" ta' l-akkordju fuq is-suq. Fil-fatt, minn naħa, hija invokat il-fatt li l-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju kienu, b'mod għaqli, implementaw il-ftehim ta' l-akkordju (ara, b'mod partikolari, il-premessa 340 tad-Deċiżjoni, riprodotta fil-punt 61 iktar 'il fuq) u li din ippersistiet għal perijodu twil (premessa 369 tad-Deċiżjoni, riprodotta fil-punt 66 iktar 'il fuq). Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette juru ċertu qbil bejn il-prezzijiet stabbiliti mill-akkordju u dawk li l-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju kienu realment jipprattikaw fis-suq (premessa 354 tad-Deċiżjoni, riprodotta fil-punt 64 iktar 'il fuq).

77      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma limitatx ruħha li tikkunsidra biss l-implementazzjoni effettiva ta' l-akkordju sabiex tiddeduċi li kien hemm impatt konkret fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. Fil-fatt, kif jirriżulta mis-siltiet tad-Deċiżjoni ċċitati iktar 'il fuq, il-Kummissjoni fittxet, safejn possibbli, li teżamina b'mod separat l-implementazzjoni ta' l-akkordju u l-impatt konkret li dan kellu fuq is-suq, billi essenzjalment ikkunsidrat li l-implementazzjoni ta' akkordju hija kundizzjoni preliminari u neċessarja, għalkemm mhux suffiċjenti, sabiex jintwera l-impatt konkret li dan kellu (ara, f'dan is-sens, il-premessa 341 tad-Deċiżjoni). Huwa minnu li fil-premessa 341 il-Kummissjoni ammettiet li "ma setax jiġi evitat li wħud mill-elementi ta' fatt jintużaw darbtejn sabiex tittieħed deċiżjoni fuq dawn iż-żewġ punti" – u kien għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni, fil-kuntest ta' kull waħda mill-partijiet ta' l-analiżi tagħha, qatt ma użat, kif tosserva Roquette, kliem xieraq – iżda xorta jibqa' l-fatt li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ħawwdet flimkien l-implementazzjoni ta' akkordju u l-impatt konkret li dan kellu. Min-naħa l-oħra, minħabba n-natura tagħha ta' kundizzjoni preliminari għall-impatt konkret ta' akkordju, l-implementazzjoni effettiva ta' akkordju tikkostitwixxi l-bidu ta' l-indikazzjoni ta' l-eżistenza ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju.

78      Barra minn dan, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli kkunsidrat li, peress li l-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju kienu jirrappreżentaw 90 % tas-suq dinji u 95 % tas-suq taż-ŻEE tal-glukonat tas-sodju u peress li kienu jagħmlu sforzi kunsiderevoli sabiex jorganizzaw, isegwu u jissorveljaw il-ftehim ta' dan l-akkordju, l-implementazzjoni ta' dan ta' l-aħħar kienet tikkostitwixxi indikazzjoni qawwija ta' l-eżistenza ta' effetti fuq is-suq, meta wieħed jikkunsidra (ara l-punt 167 iktar 'il fuq) li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ma limitatx ruħha għal din l-analiżi.

79      Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-piż ta' dan l-indizzju jżid fl-importanza aktar ma jtul l-akkordju. Fil-fatt, sabiex akkordju kumpless jiffunzjona tajjeb dan għandu jkun jiddependi, bħal fil-każ in eżami, fuq l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u l-iskambju ta' informazzjoni li b'mod partikolari tkun tinkludi indikazzjonijiet dwar l-ispejjeż ta' amministrazzjoni u ġestjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-fatt li l-impriżi baqgħu għaddejjin bil-ksur għal żmien twil u assiguraw l-effettività tal-ġestjoni amministrattiva ta' l-akkordju għal perijodu twil, u dan minkejja r-riskji inerenti ta' tali attivitajiet illegali, jindika li l-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju ħadu ċertu benefiċċju minn dan l-akkordju u, għaldaqstant, li dan kellu impatt konkret fuq is-suq ikkonċernat, anki jekk dan ma setax jiġi kkwantifikat.

80      Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx żbaljata fil-metodu li użat sabiex tevalwa l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju.

3.     Fuq l-ilmenti bbażati fuq l-elementi li l-Kummissjoni kkunsidrat sabiex tikkonkludi l-implementazzjoni u l-effetti ta' l-akkordju

a)     Dwar il-fażijiet differenti ta' l-akkordju

 L-argumenti tal-partijiet

81      Skond Roquette, fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn tliet fażijiet fl-implementazzjoni ta' l-akkordju, jiġifieri l-fażi "preparatorja" (minn Mejju 1986 sa April 1987), il-fażi "operattiva" (minn April 1987 sa Mejju 1990, data ta' meta ADM daħlet fl-akkordju) u l-fażi ta' "deklin" (minn Mejju 1990 sa Ġunju 1995). Roquette issostni li din id-distinzjoni hija x'aktarx ibbażata fuq il-livell ta' l-impatt li l-akkordju kellu fuq is-suq u li l-Kummissjoni ma evalwatx b'mod xieraq l-effetti li l-akkordju kellu matul l-ewwel u l-aħħar fażijiet.

82      Roquette issostni li, matul il-fażi preparatorja, ma kien hemm ebda effett reali kontra l-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat u dan għaliex, f'din il-fażi, il-partijiet stabbilixxew biss il-kuntatti u qablu fuq il-prinċipji ġenerali ta' l-akkordju. Kif il-Kummissjoni għarfet fil-premessa 106 tad-Deċiżjoni, il-laqgħa ta' Mejju 1986 ma kellhiex effetti u għalhekk din ma kellhiex tiġi kkunsidrata fl-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' l-akkordju, Roquette tqis li lanqas il-laqgħa tad-19 u l-20 ta' Frar 1987 ma pproduċiet effetti u li għalhekk lanqas din ma kellha tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni. Skond Roquette, matul din l-aħħar laqgħa ġew deċiżi biss il-prinċipji ta' l-akkordju iżda mhux il-modalitajiet prattiċi li ġew deċiżi biss iktar tard matul il-laqgħa tal-11 u tat-12 ta' April 1987. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li l-ksur beda jipproduċi effetti biss minn April 1987 u mhux kif ikkunsidrat fid-Deċiżjoni minn Frar 1987.

83      Barra minn dan, Roquette tqis li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' l-akkordju fuq is-suq, naqset milli tikkunsidra ċerti nuqqasijiet funzjonali li dan ta' l-aħħar kellu matul il-fażi ta' deklin. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li s-sistema ta' kumpensazzjoni kellha tiġi rriveduta minħabba li ADM ma setatx tirrispetta l-kwoti li kienu ġew attribwiti lilha meta din ingħaqdet ma l-akkordju, anki jekk il-Kummissjoni tirrikonoxxi dawn il-fatti fil-premessi 100, 200 u 209 tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni lanqas ma kkunsidrat in-nuqqas ta' implementazzjoni tal-prinċipji miftehma matul il-laqgħat, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-iskambju ta' informazzjoni relatata mal-bejgħ u r-rispett tal-kwoti mill-partijiet. B'mod partikolari, Roquette issostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li hija kienet irrifjutat li tieħu sehem fis-sistema ta' sorveljanza esterna, ħaġa li kienet tagħtiha marġni ta' manuvra.

84      Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

85      F'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tad-diversi perijodi ta' l-akkordju, l-ewwel nett għandu jitqies li, bil-kontra ta' dak li ssostni Roquette, il-Kummissjoni ma stabbilitx il-livell ta' l-impatt ta' l-akkordju skond kull waħda mill-fażijiet ta' dan ta' l-aħħar. Fil-fatt, mill-premessi 352-il quddiem tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat l-impatt ta' l-akkordju fuq il-bażi ta' perijodu wieħed li jkopri t-tul ta' żmien kollu tal-ksur.

86      Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' effett ta' l-akkordju matul il-fażi preparatorja tiegħu, mid-Deċiżjoni jirriżulta b'mod ċar li matul il-laqgħa tad-19 u l-20 ta' Frar 1987 f'Amsertdam, Benckiser GmbH (li, fl-1988, ċediet l-attivitajiet tagħha li kienu jikkonċernaw il-glukonat tas-sodju lil Jungbunzlauer), Fujisawa, Glucona u Roquette laħqu ftehim-qafas ġenerali li l-modalitajiet tiegħu kellhom jiġu eżaminati matul il-laqgħa ta' wara, li kienet prevista għal xahrejn wara f'Vancouver (premessi 108 u 109 tad-Deċiżjoni), u li, matul il-laqgħa tal-11 u t-12 ta' April 1987 f'Vancouver, dawn l-istess partijiet, kif ukoll Finnsugar, kienu ppreċiżaw prinċipji ta' implementazzjoni ta' l-Akkordju (premessi 112, 113, 115 u 116 tad-Deċiżjoni).

87      Madankollu, matul il-laqgħa tad-19 u l-20 ta' Frar 1987 f'Amsterdam, ġie miftiehem, f'dak li jirrigwarda l-prinċipju ta' l-iffissar, l-iffriżar u r-rispett ta' l-ishma tas-suq fuq il-bażi taċ-ċifri ta' bejgħ reali tas-sena jew tas-sentejn preċedenti, li ċ-ċifri tal-bejgħ ta' l-1986 kellhom iservu ta' riferiment (premessa 108 tad-Deċiżjoni) u li l-ishma tas-suq kellhom jinqasmu skond ċerta skala ta' tqassim. Dan l-aħħar element jirriżulta minn nota ta' rappreżentant ta' Roquette tat-3 ta' Marzu 1997, li Roquette ppreżentat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Konsegwentement, matul il-laqgħa tad-19 u l-20 ta' Frar 1987 f'Amsterdam, minn ta' l-anqas, il-partijiet ftehmu fuq uħud mill-modalitajiet li kellhom jiġu pprattikati u b'hekk ippermettew applikazzjoni parzjali ta' l-akkordju. Għaldaqstant, l-implementazzjoni tiegħu sa minn din id-data ma tistax tiġi kkontestata, u dan minkejja d-diversi preċiżazzjonijiet li saru iktar tard.

88      F'dak li jikkonċerna n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tad-diminuzzjoni ta' l-effetti ta' l-akkordju matul il-perijodu ta' deklin, mid-Deċiżjoni jirriżulta b'mod ċar li n-nuqqas ta' rispett tal-kwoti minn ADM ġab miegħu nuqqas ta' ftehim bejn id-diversi membri li ħadu sehem fl-akkordju u talbiet sabiex ma tibqax tintuża s-sistema ta' kumpensazzjoni (ara, b'mod partikolari, il-premessi 100, 200 u 209 tad-Deċiżjoni). Madankollu, l-impossibbiltà li ADM tissodisfa l-kwota ta' bejgħ tagħha, filwaqt li l-partijiet l-oħra li ħadu sehem fl-akkordju naqqsu l-offerta tagħhom tal-prodott, kienet naqqset iktar l-offerta tal-glukonat tas-sodju fis-suq, u dan bl-ebda mod ma naqqas, anzi żied l-effett ta' l-akkordju fuq is-suq.

89      Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet ta' Roquette li jikkonċernaw in-nuqqas tal-partijiet li jirrispettaw il-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni li tirrigwarda l-bejgħ tagħhom u fir-rispett tal-kwoti matul dan il-perijodu ta' deklin, għandu jiġi osservat li Roquette limitat ruħha li sabiex issostni l-argument tagħha tinvoka r-rifjut tagħha li tipparteċipa fis-sistema ta' sorveljanza esterna, li kienet tħallilha marġni ta' manuvra. Issa, skond ġurisprudenza stabbilita sew, l-imġiba effettiva li impriża tallega li tadotta mhijiex rilevanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' l-akkordju fuq is-suq, peress li l-effetti li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu kemm hu li hija tkun ħadet sehem fih (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazzioni, C-49/92 P. Ġabra p. I-4125, punti 150 u 152, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punti 160 u 167). Konsegwentement, l-argument ta' nuqqas ta' kunsiderazzjoni tat-tnaqqis ta' l-effetti ta' l-akkordju matul il-perijodu ta' deklin, ukoll mhuwiex fondat.

90      Fl-aħħar nett, f'kull każ, anki jekk ikun il-każ li l-akkordju ma ġiex implementat matul il-perijodu preparatorju u l-perijodu ta' deklin, dan il-fatt, fih innifsu, ma jipprovax in-nuqqas ta' impatt ta' dan l-akkordju fuq is-suq. L-impatt ta' akkordju mhux bilfors ikun relatat mat-tul ta' żmien tiegħu. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li, meta akkordju ma jkollux effett għal żmien twil iżda mbagħad ikollu effett devastanti għal żmien qasir, l-effett ta' dan l-akkordju jkun importanti daqs dak ta' akkordju li jkollu ċertu effett għat-tul ta' żmien kollu li dan dam għaddej. Konsegwentement, in-nuqqas ta' effett jew il fatt li l-akkordju, matul ċerti perijodi, jkollu effett limitat, anki jekk dan ikun minnu, mhux bilfors jipprova li l-effett kien inqas minn dak ta' akkordju meħud għat-tul ta' żmien kollu tiegħu.

91      Fir-rigward ta' dak li ntqal iktar il-fuq, l-ilmenti ta' Roquette bbażati fuq in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tad-diversi perijodi ta' l-akkordju għandhom jiġu miċħuda.

b)     Fuq in-nuqqas ta' l-ilħuq ta' l-għanijiet ta' l-akkordju matul il-fażi operattiva

 Introduzzjoni

92      Roquette tqis ukoll li, matul il-fażi operattiva (minn April 1987 sa Mejju 1990). l-akkordju kellu impatt reali limitat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx b'mod xieraq. B'mod partikolari, Roquette tinvoka n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' l-effetti limitati ta' l-akkordju, minħabba l-falliment tas-sistema ta' sorveljanza, u n-nuqqas ta' twettiq ta' l-għanijiet ta' l-akkordju li huma l-istabbiliment tal-kwoti, l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tal-klijenti.

93      F'dan ir-rigward għandu, qabel kollx, jiġi enfasizzat li f'dan il-każ il-Kummissjoni ma tipprovax l-effett ta' l-akkordju fuq il-bażi tat-twettiq sħiħ ta' l-għanijiet tiegħu. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-partijiet, id-definizzjoni ddettaljata ta' l-ishma tas-suq, l-iffissar tal-prezzijiet imfittxija u/jew minimi u l-allokazzjoni tal-klijenti lill-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju matul il-laqgħat huma l-prova ewlenija ta' l-implementazzjoni ta' l-akkordju. Fir-rigward ta' din l-implementazzjoni u ta' l-evoluzzjoni tal-prezz fis-suq tal-glukonat tas-sodju, kif jirriżulta, skond il-Kummissjoni, mill-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette, il-Kummissjoni tikkonkludi li kien hemm twettiq, almenu parzjali, ta' l-għan ewlieni mfittex mill-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju, jiġifieri ż-żamma artifiċjali ta' prezzijiet għolja tal-glukonat tas-sodju (premessa 354 tad-Deċiżjoni).

94      Għalhekk, għandha tiġi kkunsidrata kull oġġezzjoni ta' Roquette dwar in-nuqqas ta' twettiq ta' l-għanijiet ta' l-akkordju sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jistgħux jikkontestaw l-eżistenza ta' implementazzjoni bħal dik ipprovata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, peress li l-implementazzjoni ta' akkordju tikkostitwixxi l-kundizzjoni preliminari ta' l-eżistenza ta' l-impatt konkret ta' l-imsemmi akkordju, il-kontestazzjoni ta' l-implementazzjoni ta' l-akkordju tagħmel il-prova ta' l-eżistenza ta' impatt konkret ta' l-akkordju impossibbli.

 Is-sistema ta' sorveljanza

–       L-argumenti tal-partijiet

95      Roquette issostni li s-sistema ta' sorveljanza, meqjusa bħala element fundamentali ta' l-effetti ta' l-akkordju, kienet falliet totalment. Dan il-fatt ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni fil-premessi 93, 172, 195 u 214 tad-Deċiżjoni u enfasizzat minn Roquette fid-dikjarazzjoni ta' kooperazzjoni tagħha tat-22 ta' Lulju 1999 (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjoni tat-22 ta' Lulju 1999"), u dan jindika li l-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju kienu jipprovdu informazzjoni ineżatta. Madankollu l-Kummissjoni ma kkunsidratx dan il-falliment tas-sistema ta' sorveljanza matul l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

96      Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

97      F'dak li jirrigwarda s-sistemi ta' sorveljanza, jiġifieri, għall-ewwel, dik li kienet titwettaq permezz ta' kumpannija fiduċarja Żvizzera, li kienet tiġbor l-informazzjoni statistika fuq il-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju, kif ukoll dik li permezz tagħha wieħed mill-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju kien jiġbor l-informazzjoni dwar il-membri kollha sabiex iktar tard iqassamha lill-membri l-oħra ta' l-akkordju (premessa 92 tad-Deċiżjoni), mhuwiex ikkontestat li dawn ma operawx perfettament, b'tali mod li l-informazzjoni miġbura minn dawn is-sistemi ma kinitx tirrifletti b'mod sħieħ ir-realtà tas-suq.

98      Madankollu, l-ebda wieħed mill-elementi invokati minn Roquette ma jippermetti li jiġi kkontestat il-fatt li l-partijiet għaddew informazzjoni lill-akkordju fil-kuntest tas-sistema ta' sorveljanza. Barra minn dan, l-informazzjoni mgħoddija, anki jekk tiġi ammessa n-natura approssimattiva tagħhom, kellha almenu jkollha ċerta rilevanza u, għaldaqstant, ċerta utilità għall-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju. Fil-fatt, fl-ebda mument, il-partijiet ma waqfu jibagħtu informazzjoni lis-sistema ta' sorveljanza u dawn baqgħu jiltaqgħu sabiex jiddiskutuha u jistabbilixxu kwoti fuq il-bażi tagħha.

99      Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, fil-premessa 344 tad-Deċiżjoni tagħha, li l-partijiet kienu implementaw, anki jekk b'mod imperfett, sistema ta' sorveljanza.

 Il-kwoti

–       L-argumenti tal-partijiet

100    Roquette issostni li l-għan li tiġi stabbilita sistema ta' kwoti ta' bejgħ kienet miżura ewlenija li ġiet innewtralizzata mill-falliment tas-sistema ta' sorveljanza. Il-premessi 181, 196, 200, 209 u 225 tad-Deċiżjoni għalhekk jenfasizzaw il-fatt li r-rispett tal-kwoti kien sors kontinwu ta' diffikultajiet. Barra minn hekk, Roquette, matul il-perijodu kollu tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, kienet ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' rispett tal-kwoti. Fid-dikjarazzjoni tagħha tat-22 ta' Lulju 1999 hija indikat ukoll li hija kienet dejjem ipproduċiet u biegħet fil-massimu tal-kapaċitajiet industrijali tagħha – u b'hekk eskludiet kull idea ta' limitazzjoni tal-produzzjoni jew ta' bejgħ -, billi segwiet l-evoluzzjoni tat-talbiet tas-suq. Roquette tenfasizza li l-Kummissjoni ma kkontestatx dan l-istat ta' fatt, iżda li ma kkunsidratux fl-analiżi tagħha. Hija indikat ukoll li wħud mill-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju kienu qabżu l-kwoti ta' bejgħ u dan iqiegħed fid-dubju l-kredibbiltà ta' l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-preċiżjoni tal-kwantitajiet annwali assenjati. Fl-aħħar nett, Roquette issostni li l-analiżi tagħha hija kkonfermata mill-qbiż kunsiderevoli tagħha tal-kwoti assenjati u dan kien fisser it-telf ta' klijent importanti skond l-applikazzjoni tas-sanzjoni imposta fuq il-partijiet l-oħra ta' l-akkordju.

101    Roquette tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, fuq il-bażi tad-differenzi żgħar bejn il-kwoti miftehma u l-volumi realment mibjugħa, li s-sistema ta' kwoti kienet ġiet "effettivament implementata" mill-partijiet (premessa 346 tad-Deċiżjoni). Skond Roquette, konklużjoni bħal din ma tistax tiġi dedotta miċ-ċifri li l-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju bagħtu fil-kuntest ta' dan ta' l-aħħar, peress li huwa stabbilit b'mod ċar li fil-parti l-kbira tagħhom dawn iċ-ċifri kienu żbaljati u li, fil-każ tagħha, is-sistema ta' kwoti ma kellha l-ebda impatt fuq il-politika kummerċjali tagħha. In-nuqqas ta' effiċjenza tas-sistema tal-kwoti hija pprovata mill-fatt li l-partijiet l-oħra li ħadu sehem fl-akkordju ma kellhomx is-setgħa li jġagħlu lil Roquette jew lil ADM jirrispettaw il-kwoti tagħhom. Fl-aħħar nett, Roquette tikkontesta li l-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessa 347 tad-Deċiżjoni, li kien hemm implementazzjoni ta' sistema ta' kwoti u li dan jirriżulta minn "elaborazzjoni metikoluża", safejn l-iffissar ta' kwoti flimkien ma sistema ta' kompensazzjoni kienet tnaqqas l-effettività tagħha.

102    Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti jiġu miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

103    F'dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjoni tal-kwoti mill-Kummissjoni, Roquette l-ewwel nett issostni li l-effettività tas-sistema ta' kwoti kienet fil-parti l-kbira tagħha nnewtralizzata mill-falliment tas-sistema ta' sorveljanza. Issa, peress li, kif indikat iktar 'il fuq fil-punt 98 ta' din is-sentenza, l-eventwali difetti tas-sistema ta' sorveljanza ma kinux ta' natura tali li jikkontestaw l-implementazzjoni tagħha, din l-anqas ma tista' teffettwa l-implementazzjoni, permezz ta' din is-sistema ta' sorveljanza, ta' sistema ta' kwoti.

104    It-tieni nett, Roquette issostni li l-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju naqsu milli jirrispettaw il-kwoti. Għalkemm huwa minnu, kif tindika l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, li ċerti elementi jindikaw li wħud mill-operaturi naqsu milli jirrispettaw il-kwoti, għandu jiġi enfasizzat li l-partijiet komplew jiddiskutu regolarment fuq dawn il-kwoti u fuq ir-rispett tagħhom. Dan jipprova suffiċjentement li bejn il-partijiet kienet ġiet elaborata sistema ta' kwoti li, minn ta' l-anqas, kienet ġiet implementata parzjalment. Fil-fatt, li kieku d-diskussjonijiet fuq il-kwoti kienu purament teoretiċi, kif tafferma Roquette, il-partijiet ma kinux ikomplu jiddiskutu fuq dawn il-kwoti.

105    Barra minn dan, ġara, u dan mingħajr ma ġie kkontestat minn Roquette, li wħud mill-partijiet kienu tlewmu dwar ir-rispett ta' dawn il-kwoti. Għalhekk, ġiet deskritta tilwima bejn il-partijiet meta d-delegati ta' Finnsugar kienu esponew l-intenzjoni tagħhom li jżidu kunsiderevolment is-sehem tas-suq tagħhom (premessa 125 tad-Deċiżjoni). Il-fatt li Finnsugar għamlet din id-dikjarazzjoni u r-reazzjoni li hija pprovokat jikkostitwixxu indikazzjoni ta' l-eżistenza ta' ftehim minn qabel fuq kwoti u fuq tqassim ta' l-ishma tas-suq. Bl-istess mod, l-istediniet intiżi sabiex ADM tirrispetta l-kwoti tagħha u d-dispjaċir ta' Glucona wara li ADM naqset milli tirrispetta dawn il-kwoti jindikaw li Glucona kienet tħossa marbuta mill-kwoti li kienu ġew attribwiti lill-partijiet skond l-akkordju u, konsegwentement, mill-kwoti tagħha stess, u dan jagħti l-wieħed x'jifhem li f'ċertu mument din kienet irrispettathom (premessa 193 tad-Deċiżjoni).

106    It-tielet nett, Roquette issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tafda ċ-ċifri li l-partijiet bagħtu fil-kuntest ta' l-akkordju, peress li ġie stabbilit li dawn iċ-ċifri fil-parti l-kbira tal-każijiet ma kinux eżatti. Konsegwentement, Roquette tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprova l-implementazzjoni ta' l-akkordju billi tibbaża ruħha fuq id-differenzi żgħar ta' bejn il-kwoti u l-volumi effettivament mibjugħa.

107    Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li wħud mill partijiet bagħtu ċifri mhux eżatti li l-partijiet l-oħra li ħadu sehem fl-akkordju kienu jikkunsidraw bħala eżatti, xorta jibqa' l-fatt li bejn il-partijiet ġew mgħoddija ċifri u li ishma tas-suq ġew ikkalkolati bi preċiżjoni u assenjati bejn il-partijiet. Dawn l-elementi jiżvelaw l-implementazzjoni ta' l-akkordju.

108    Ir-raba' nett, Roquette issostni li l-fatt li la hija stess u lanqas ADM ma setgħu jiġu mġiegħla jirrispettaw il-kwoti tagħhom jipprova n-nuqqas ta' funzjonament tas-sistema ta' kompensazzjoni. Barra minn dan, Roquette tqis li l-iffissar tal-kwoti flimkien mas-sistema ta' kumpensazzjoni huwa ta' natura tali li jnaqqaslu l-effettività u li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi biss mill-implementazzjoni tal-kwoti li l-partijiet tawhom elaborazzjoni metikoluża.

109    F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li s-sistema ta' kumpensazzjoni kienet tikkonsisti fiż-żieda jew fit-tnaqqis tal-kwota li impriża lilha tiġi assenjata għas-sena ta' wara, fuq bażi annwali, tad-differenza bejn il-kwota annwali assenjata lill-impriża u l-bejgħ reali tagħha. Għalhekk, impriża li f'sena minnhom taqbeż il-kwota annwali assenjata lilha kienet tara l-kwota tagħha tas-sena ta' wara titnaqqas bid-differenza li kien hemm bejn il-kwota tagħha u l-bejgħ li jkun realment sar fis-sena ta' qabel, u bil-kontra (premessa 99 tad-Deċiżjoni).

110    Madankollu, il-fatt li ADM u Roquette qatt ma setgħu jkunu mġiegħla jirrispettaw il-kwoti tagħhom mhux bilfors jindika n-nuqqas ta' implementazzjoni tas-sistema ta' kumpensazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li ADM akkumulat kwoti żejda fir-rispett tal-membri l-oħra ta' l-akkordju, minħabba l-fatt li hija ma kienx jirnexxiela tirrispetta l-kwota tagħha, u b'dan il-mod ikkawżat id-dispjaċir ta' Glucona (premessa 193 tad-Deċiżjoni), jipprova li n-nuqqas ta' rispett tal-kwoti ta' ADM ġie ssanzjonat u li s-sistema ta' kumpensazzjoni kienet taħdem. Min-naħa l-oħra minn dan ma jistax jiġi dedott li sistema ta' kumpensazzjoni hija ta' natura li tnaqqas l-importanza tal-kwoti, li ġiet elaborata b'metikolożità ftit jew wisq kbira. In-natura metikoluża li ġiet enfasizzata mill-Kummissjoni ma kienx jirrigwarda, f'kull każ, biss l-istabbiliment tal-kwoti bħala tali. Fl-aħħar nett, l-argument mhuwiex ikkoroborat bil-fatti, safejn, f'dan il-każ, l-importanza tal-kwoti mhijiex imnaqqsa mis-sistema ta' kumpensazzjoni; fil-fatt is-sistema ta' kumpensazzjoni tippermetti biss id-differiment tas-sanzjoni għan-nuqqas ta' rispett tal-kwoti. Barra minn dan, Roquette stess tosserva li parti ma setgħetx tabbuża minn din is-sistema ta' kumpensazzjoni għaliex, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni tat-22 ta' Lulju 1999, in-nuqqas tagħha li tirrispetta l-kwoti swiela t-telf ta' Glucona, klijent importanti għas-suq tal-glukonat tas-sodju, u dan skond is-sanzjoni imposta fuq il-partijiet l-oħra li ħadu sehem fl-akkordju.

111    Għaldaqstant, il-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza ta' implementazzjoni ta' sistema ta' kwoti

 Il-prezzijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

112    Roquette tqis ukoll li l-iffissar tal-prezzijiet minimi u/jew imfittxija fil-prattika qatt ma ħadem. Il-premessi 199 u 209 tad-Deċiżjoni u d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Lulju 1999 jagħtu prova tan-nuqqas ta' rispett tal-prezzijiet minimi u/jew imfittxija mill-partijiet. Id-dikjarazzjoni li tidher fil-premessa 219 tad-Deċiżjoni li tgħid li kienu ġew irrispettati prezzijiet minimi u/jew imfittxija kienet ġiet ipprovata biss fir-rigward ta' Glucona.

113    Barra minn dan Roquette issostni li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-informazzjoni li hija kienet bagħtitilha u li kienet tippermetti li jiġi stabbilit li d-differenzi bejn il-prezzijiet iffissati mill-partijiet u l-prezzijiet li hija kienet iżżomm kienu kbar ħafna u li l-prezzijiet tagħha kienu sistematikament iktar baxxi mill-prezzijiet imfittxija u/jew minimi. Sabiex tissustanzja dan, Roquette fir-rikors tagħha tirriproduċi, fil-forma ta' tabelli, il-lista tax-xerrejja prinċipali tagħha fl-Ewropa u l-prezzijiet li hija kienet iżżomm mill-1989 sa' l-1994.

114    Min-naħa l-oħra Roquette issostni li, fid-dikjarazzjoni tat-22 ta' Lulju 1999 kollha kemm hi, hija pprovat tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-fatt li l-prezz imfittex iffissat mill-partijiet kien purament teoretiku.

115    Min-naħa l-oħra, Roquette tikkunsidra li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-prezzijiet tiġi pprovata meta l-prezzijiet miżmuma jkunu joqorbu lejn il-livell miftiehem (premessa 348 tad-Deċiżjoni), f'dan il-każ japplika biss għall-prezzijiet imfittxija u mhux għall-prezzijiet minimi.

116    Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti jiġu miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

117    Fir-rigward tan-nuqqas ta' funzjonament tas-sistema ta' prezzijiet minimi u/jew imfittxija, mhuwiex ikkontestat li f'ċerti każijiet il-partijiet naqsu milli japplikaw il-prezzijiet miftehma (ara, b'mod partikolari, il-premessi 199 u 209 tad-Deċiżjoni).

118    Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li dawn il-prezzijiet imfittxija u/jew minimi qatt ma ġew implementati. Barra minn hekk, kif tagħraf l-istess Roquette, mill-premessa 219 tad-Deċiżjoni jirriżulta li Glaucona segwiet il-prezzijiet imfittxija.

119    Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li ssostni Roquette, din il-premessa mhijiex l-unika waħda li tikkonferma li wħud mill-partijiet applikaw il-prezzijiet miftehma. Mill-premessa 204 tad-Deċiżjoni jirriżulta wkoll li nota interna ta' Jungbunzlauer tikkonferma li din ta'' l-aħħar applikat il-prezzijiet minimi li kienu ġew miftehma matul waħda mil-laqgħat ta' l-akkordju.

120    Għalhekk il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkonkludiet li l-prezzijiet stabbiliti mill-partijiet ma kinux purament teoretiċi u li l-partijiet implementaw ftehim dwar prezzijiet, anki jekk mhux b'mod sistematiku.

121    Din il-konklużjoni ma tiġix ikkontestata mill-fatt, anki li kieku seħħ, li Roquette qatt ma segwiet l-iffissar tal-prezzijiet kif kien ġie stabbilit mill-akkordju u li l-prezzijiet tagħha kienu sistematikament u kunsiderevolment differenti mill-prezzijiet imfittxija. Fil-fatt, kif indikat iktar 'il fuq fil-punt 89, fl-istadju ta' l-eżami tal-kwalifikazzjoni tal-gravità tal-ksur mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex teżamina l-imġiba ta' l-impriżi fiha nfisha u dan peress li l-effetti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-livell ġenerali tal-multi mhumiex dawk li jirriżultaw mill-imġiba effettiva li impriża tallega li adottat, iżda dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu kemm hu li fih hija tkun ħadet sehem.

122    Fl-aħħar nett, Roquette tqis li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-implementazzjoni effettiva ta' l-akkordju fuq il-prezzijiet imfittxija u fuq il-volumi ta' bejgħ mhux bilfors ifisser li wieħed jiltaqa' eżattament ma' l-istess prezzijiet u volumi fis-suq, iżda li meta l-iffissar tal-prezzijiet mill-partijiet ikun joqrob biżżejjed għal-livell miftiehem, dan ikun biżżejjed sabiex juri applikazzjoni tal-ftehim (premessa 348 tad-Deċiżjoni), f'dan il-każ mhuwiex validu. Roquette issostni li l-argument tal-Kummissjoni huwa rilevanti biss fir-rigward tal-prezzijiet imfittxija u mhux fir-rigward ta' dawk minimi. F'dan ir-rigward ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li Roquette tibqa' ma tipprovax b'liema mod dan l-argument ma jreġix fir-rigward tal-prezzijiet minimi.

123    Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li l-partijiet implementaw akkordju fuq il-prezz tal-glukonat tas-sodju.

  It-tqassim tal-klijenti

–       L-argumenti tal-partijiet

124    Roquette issostni li hija qatt ma ħadet sehem fil-ftehim li jirrigwardaw il-klijentela u li hija żammet il-klijenti tagħha skond il-volum tas-suq, u dan jikkonferma l-ineffiċjenza tas-sistema ta' skambju tal-klijenti u għalhekk ipoġġi fid-dubju l-effettività ta' l-akkordju.

125    Il-Kummissjoni ma tressaq l-ebda argument speċifiku f'dan ir-rigward.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tal-Prim'Istanza

126    F'dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet ta' Roquette dwar l-ineffiċjenza tas-sistema ta' skambju tal-klijenti, għandu jiġi osservat li Roquette tibbaża dan l-argument biss fuq in-nuqqas ta' parteċipazzjoni tagħha għall-imsemmi skambju.

127    Issa, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li tiġi kkontestata l-implementazzjoni ta' l-iskambju ta' klijenti bejn il-partijiet l-oħra li ħadu sehem fl-akkordju, kif tirriżulta mir-rendikonti tal-laqgħat tad-9 ta' Awwissu 1989 f'Zurich (premessa 137 tad-Deċiżjoni) u min-noti meħuda bl-idejn minn Roquette matul il-laqgħat tat-28 ta' Novembru 1989 f'Hakone u fl-10 u l-11 ta' Ġunju 1991 f'Ġinevra (premessi 148 u 177 tad-Deċiżjoni).

128    F'kull każ, kif indikat hawn fuq fil-punt 89, f'dan l-istadju ta' l-analiżi tal-gravità tal-ksur, għandhom jiġu kkunsidrati biss l-effetti li jirriżultaw mill-ksur kollu kemm hu u mhux l-imġiba speċifika ta' waħda mill-partijiet li ħadet sehem fil-ksur. Peress li l-oġġezzjonijiet ta' Roquette jirrigwardaw biss l-imġiba tagħha, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ f'dan l-istadju ta' l-analiżi.

129    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi l-eżistenza ta' implementazzjoni ta' skambju ta' klijenti bejn il-partijiet.

130    Għar-raġunijiet kollha msemmija iktar 'il fuq, għandu jiġi meqjus li l-Kummissjoni m'għamlet l-ebda żball meta kkunsidrat li l-partijiet kienu implementaw l-akkordju.

c)     Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet ta' l-effetti ta' l-akkordju fuq il-bażi tal-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette

 L-argumenti tal-partijiet

131    Skond Roquette, sabiex turi l-effett ta' l-akkordju, il-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq il-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji tagħha. Issa, skond Roquette, dawn il-grafiċi ma jikkonċernawx l-operaturi kollha, u l-Kummissjoni kienet żbaljata meta minnhom ħarġet konklużjonijiet ġenerali fuq l-akkordju billi bdiet mis-sitwazzjoni partikolari tagħha. Barra minn hekk, l-informazzjoni riprodotta f'dawn il-grafiċi kkonfiskati hija f'kontradizzjoni totali mal-prezzijiet miżmuma lill-klijenti li Roquette tat lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha magħha, u dan juri li l-prezzijiet previsti mill-akkordju ma ġewx applikati. Min-naħa l-oħra dawn il-grafiċi jindikaw li għall-perijodu li jibda mill-1989 – perijodu fundamentali ta' l-akkordju – kien hemm fluttwazzjonijiet qawwija u tendenza għat-tnaqqis u għaldaqstant dan imur kontra akkordju li ġie implementat b'suċċess. Skond Roquette, il-Kummissjoni fir-risposa tad-difiża tagħha ammettiet ukoll li ma kinitx taf jekk dawn il-grafiċi kinux jikkorrispondu mal-prezzijiet ta' Roquette u mal-prezzijiet tal-partijiet kollha li ħadu sehem fl-akkordju dwar il-glukonat tas-sodju. Dawn id-dubji jikkonfermaw in-nuqqas ta' diliġenza tal-Kummissjoni peress li naqset milli ssir taf iktar fuq is-sinjifikat ta' dawn il-grafiċi.

132    Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

133    Barra mill-fatt li mill-implementazzjoni ta' l-akkordju, il-Kummissjoni tiddeduċi l-eżistenza ta' effett reali ta' dan l-aħħar (ara punt 63 iktar 'il fuq), hija tikkonkludi wkoll l-eżistenza ta' "effett reali" ta' l-akkordju billi tibbaża ruħha fuq ir-relazzjoni li seta' kien hemm bejn, minn naħa, l-implementazzjoni ta' l-akkordju, u min-naħa l-oħra, l-evoluzzjoni tal-prezzijiet hekk kif din tirriżulta mill-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette.

134    F'dan ir-rigward, jirriżulta li ż-żewġ grafiċi li l-Kummissjoni kkonfiskat mingħand Roquette, l-ewwel waħda intitolata "Glukonat tas-sodju – Evoluzzjoni tal-prezz Ewropew" u t-tieni intitolata "Evoluzzjoni tal-prezz Ewropew tal-glukonat tas-sodju", jirrigwardaw l-evoluzzjoni tal-prezz. Dawn il-grafiċi jirripproduċu, vertikalment, il-prezzijiet fi-FRF/Kg u, orizzontalment, is-snin, u jkopru l-perijodu li jmur mill-1977 sa l-1995 fir-rigward ta' l-ewwel grafika, u mill-1979 sa l-1992 fir-rigward tat-tieni grafika.

135    Mill-ewwel grafika jirriżulta li, mill-1985 sal-bidu ta' l-1982, il-prezz jonqos minn 8.5 FRF/Kg għal ftit iktar minn 4.5 FRF/Kg. Mill-1987 sal-bidu ta' l-1989 il-prezz jerġa jitla' minn ftit iktar minn 4.5 FRF/Kg għall-ftit iktar minn 8 FRF/Kg. Mill-1989 sa l-1991 il-prezz jerġa jonqos minn 8 FRF/Kg għal ftit inqas minn 7 FRF/Kg sabiex iktar tard, sa' l-1991, jerġa jitla għal madwar 7.5 FRF/Kg u jistabbilizza ruħu sa' l-1994. It-tieni grafika tindika evoluzzjoni simili tal-prezzijiet għall-perijodu li jmur mill-1986 sa' l-1992.

136    Minn dawn il-grafiċi jista' jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-ftehim li jistabbilixxu l-akkordju l-ġdid sa mill-1986 jikkorrispondi ma żieda qawwija (irduppjar) tal-prezz ta' bejn l-1987 u l-1989 b'rispett tal-prezz tal-bidu tas-sena 1985.

137    Roquette issostni, madankollu, li l-prezzijiet riprodotti fuq dawn il-grafiċi huma l-prezzijiet tagħha u mhux dawk tas-suq. Għalkemm huwa minnu li dawn il-grafiċi bl-ebda mod ma jindikaw jekk jirrigwardawx il-prezzijiet ta' Roquette jew tas-suq kollu tal-glukonat tas-sodju, madankollu xorta waħda għandu jiġi osservat li, matul il-proċedura amministrattiva (premessi 353 sa 362 tad-Deċiżjoni), partijiet oħra li ħadu sehem fl-akkordju rreferew għal dawn il-grafiċi fl-argumenti tagħhom dwar iż-żieda tal-prezzijiet bejn l-1987 u l-1989. ADM ssostni wkoll ritorn awtomatiku għal-livell tal-prezzijet ta' qabel l-1987. Akzo ssostni flutwazzjonijiet monetarji (premessa 357 tad-Deċiżjoni).

138    Il-fatt li l-partijiet l-oħra li ħadu sehem fl-impriża pprovaw jiġġustifikaw l-evoluzzjoni tal-prezzijiet riprodotti f'dawn il-grafiċi jindika li dawn kienu jikkunsidraw li dawn il-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju kienu jikkorrispondu wkoll mal-prezzijiet miżmuma minnhom u mhux biss ma dawk miżmuma minn Roquette. Peress li mhuwiex ikkontestat li l-membri kollha flimkien kellhom sehem tas-suq ta' iktar minn 90%, il-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża ruħha fuq dawn il-grafiċi sabiex turi l-effett ta' l-akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju.

139    Roquette tqis ukoll li l-prezzijiet riprodotti fuq dawn il-grafiċi ma jikkorrispondux mal-prezzijiet tagħha kif dawn jirriżultaw mil-informazzjoni li hija kienet tat lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha ma din ta' l-aħħar.

140    Madankollu għandu jiġi osservat li l-informazzjoni mogħtija minn Roquette fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha mal-Kummissjoni mhux dejjem tkopri l-perijodu li jmur mill-1987 sa' l-1989. Il-paragun li Roquette tagħmel bejn il-prezzijiet minimi u l-prezzijiet reali medji, li huwa riprodott fir-rikors fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, ikopri biss il-perijodu li jmur mill-1989 sa Ottubru ta' l-1994, u għalhekk iħalli barra l-perijodu li matulu, skond il-grafiċi kkonfiskati, iż-żieda fil-prezzijiet kien l-iktar wieħed kunsiderevoli, jiġifieri mill-bidu ta' l-1987 sa nofs l-1989. Min-naħa l-oħra, mill-ittra tat-12 ta' Ottubru 1999, li Roquette bagħtet flimkien ma xi informazzjoni, jirriżulta li d-dokument li jirriproduċi din l-informazzjoni jfassal l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-glukonat tas-sodju li Roquette, bejn l-1988 u l-1997, lil uħud mill-klijenti tagħha li bejn wieħed u ieħor jirrappreżentaw terz tal-bejgħ dinji tagħha.

141    Fl-aħħar nett, f'kull każ, għandu jiġi mfakkar li l-imġiba effettiva li impriża tallega li adottat mhijiex rilevanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' l-akkordju fuq is-suq u li għandhom jiġu kkunsidrati biss l-effetti li jirriżultaw mill-ksur (ara punt 89 iktar 'il fuq). Għalhekk il-Kummissjoni ma kelliex għalfejn teżamina, sabiex tiddetermina l-impatt ta' l-akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju, l-imġiba partikolari ta' Roquette, peress li l-effetti li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit il-livell ġenerali tal-multi huma biss dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu kemm hu li din tkun ħadet sehem fih.

142    F'dak li jirrigwarda l-argument ta' Roquette li jgħid li l-fluttwazzjonijiet u t-tendenzi għat-tnaqqis, li l-grafiċi kkonfiskati jindikaw sa mill-1989, jiġifieri matul l-iktar perijodu fundamentali ta' l-akkordju, mhumiex karatteristiċi ta' akkordju li ġie implementat b'suċċess, għandu jiġi osservat li, jekk iż-żewġ grafiċi jindikaw tnaqqis għall-perijodu ta' bejn l-1989 u l-1991, dan it-tnaqqis tal-prezzijiet huwa segwit minn żieda fil-prezzijiet sa' l-1992 u segwit minn prezzijiet relattivament stabbli sa' l-1995. Għalhekk ma jistax jiġi sostnut li kien hemm tendenza ġenerali għat-tnaqqis.

143    Barra minn dan, il-fatt li, matul l-akkordju, il-prezzijiet kellhom xi fluttwazzjonijiet ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-akkordju ma kellux effett.

144    Konsegwentement, l-ilment ta' Roquette bbażat fuq li, fid-dawl tal-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji tagħha, l-akkordju ma kellux impatt, għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tikkunsidra elementi oħra matul l-evalwazzjoni tagħha ta' l-effetti ta' l-akkordju

a)     F'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' l-aspetti speċifiċi tas-suq

 L-argumenti tal-Partijiet

145    Roquette issostni wkoll li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-karatteristiċi tal-prodott in kwistjoni, jiġifieri s-sehem żgħir ħafna li huwa għandu fl-ispejjeż ta' produzzjoni, id-daqs żgħir tas-suq u l-qawwa kunsiderevoli tax-xerrejja.

146    Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

147    Fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni tad-daqs żgħir tas-suq, il-valur tal-prodott u l-qawwa tax-xerrejja, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-gravità tal-ksur u tat-tul ta' żmien tiegħu. Barra minn dan, konformement mal-linji gwida, l-ammont bażi tal-multa jiġi stabbilit skond il-gravità tal-ksur, billi wieħed jikkunsidra l-istess natura tal-ksur, l-impatt konkret li dan kellu fuq is-suq u tal-firxa tas-suq ġeografiku.

148    Għalhekk dan il-kuntest ġuridiku ma jimponix espliċitament li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra d-daqs żgħir tas-suq, il-valur ta' l-imsemmi prodott u l-qawwa tax-xerrejja.

149    Madankollu, skond il-ġurisprudenza, matul l-evalwazzjoni tal-gravità ta' infrazzjoni l-Kummissjoni għandha tikkunsidra numru kbir ta' elementi li n-natura u l-importanza tagħhom tvarja skond it-tip ta' ksur in kwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar 'il fuq, punt 120). Fost l-elementi li jindikaw il-gravità ta' ksur jista' jkun hemm, skond il-każ, il-valur tal-prodott li huwa s-suġġett tal-ksur, id-daqs tas-suq tal-prodott in kwistjoni u l-qawwa tax-xerrejja.

150    Konsegwentement, għalkemm id-daqs tas-suq, il-valur tal-prodott u l-qawwa tax-xerrejja jistgħu jikkostitwixxu elementi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur, l-importanza tagħhom tvarja skond iċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat.

151    F'dan il-każ, il-ksur jirrigwarda b'mod partikolari akkordju fuq il-prezz, li, minnu nnifsu, huwa gravi hafna. Barra minn dan, l-impriżi li ħadu sehem fl-akkordju flimkien jipprovdu għal iktar minn 90% tas-suq mondjali u 95 % tas-suq Ewropew (premessa 9 tad-Deċiżjoni). Fl-aħħar nett, jidher li l-glukonat tas-sodju hija materja prima użata f'numru ta' prodotti lesti varji, u għalhekk jeffettwa diversi swieq (premessi 6 u 8 tad-Deċiżjoni). F'dan il-kuntest, id-daqs żgħir tas-suq in kwistjoni, il-valur ristrett tal-prodott u l-qawwa tax-xerrejja, anki jekk jiġu pprovati, għandhom biss importanza minima b'rispett ta' l-elementi l-oħra kollha li jindikaw il-gravità tal-ksur.

152    F'kull każ, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li skond il-linji gwida l-ksur għandu jitqies bħala gravi ħafna u li għal tali każ, il-linji gwida jipprovdu li l-Kummisssjoni tista' "tipprovdi" għal ammont bażi li jkun jaqbeż l-20 miljun EUR. Madankollu, f'dan il-każ, mill-premessa 385 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni pprovdiet biss għal ammont bażi ta' 10 miljun EUR għall-impriżi ta' l-ewwel kategorija u għal 5 miljun EUR għal dawk tat-tieni kategorija, u dan jikkorrispondi għal nofs, f'xi każijiet għal kwart ta' l-ammont li, skond il-linji gwida, hija setgħet "tipprovdi" għal ksur gravi ħafna.

153    Din id-determinazzjoni ta' l-ammont bażi tal-multi tikkonferma li, kif hija indikat fil-premessa 377 tad-Deċiżjoni f'dak li jirrigwarda d-daqs tas-suq, il-Kummissjoni kkunsidrat, b'mod partikolari, dawn l-elementi.

154    Għal dawn ir-raġunijiet, l-oġġezzjonijiet ta' Roquette dwar in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tad-daqs żgħir tas-suq, tal-valur dgħajjef tal-prodott in kwistjoni u tal-qawwa tax-xerrejja għandhom jiġu miċħuda.

b)     In-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tax-xerrejja

 L-argumenti tal-partijiet

155    Roquette issostni li l-Kummissjoni, waqt li kienet qed tistabbilixxi l-multa, naqset milli tikkunsidra l-opinjoni tax-xerrejja li jirrappreżentaw il-qofol tat-talba tas-settur. Skond Roquette, il-Kummissjoni interrogat lix-xerrejja fuq l-impatt ta' l-akkordju peress li hija kienet tikkunsidra li l-elementi żvelati mill-inkjesta kienu "meħtieġa" sabiex jiġi stabbilit dan l-impatt. Issa, fil-konklużjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fil-premessa 368 tad-Deċiżjoni, hija ma kkunsidratx l-opinjoni tax-xerrejja li tikkonferma n-nuqqas ta' effett ta' l-akkordju.

156    Skond Roqquette, ir-risposti li x-xerrejja taw fil-kwestjonarju tal-Kummissjoni jipprovaw li l-ebda żieda fil-prezz tal-glukonat tas-sodju ma ġiet innotata matul il-perijodu kopert mill-inkjesta, jiġifieri mill-1989 sa Ottubru ta' l-1994. Bil-kontra ta' dan, uħud mix-xerrejja kienu kkonstataw tnaqqis ta' dan il-prezz. Barra minn dan, l-ebda wieħed mix-xerrejja ma qies li kellu jaffaċja rifjut ta' bejgħ ta' glukonat tas-sodju. Fl-aħħar nett, tnejn mix-xerrejja biss kienu kkunsidraw li ma kienx hemm kompetizzjoni intensa fis-suq, disa' xerrejja li kien hemm kompetizzjoni normali u ħames xerrejja ddikjaraw li ma kinux f'pożizzjoni li jirrispondu.

157    Sussidjarjament Roquette issostni li r-risposti daqshekk newtri tax-xerrejja huma dovuti għall-fatt li, fis-suq in kwistjoni, bħal mhuwa l-każ għal ħafna mis-swieq ta' materja prima, differenzi kbar ta' prezz ma jeżistux. Barra minn dan, hija tallega li jeżistu kompetituri li l-piż tagħhom fuq is-swieq kollha tal-glukonat tas-sodju ma jistax jiġi injorat.

158    Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

159    F'dak li jirrigwarda l-argumenti ta' Roquette dwar il-kunsiderazzjoni ta' l-opinjoni tax-xerrejja, għandu jiġi mfakkar li fil-premessa 368 tad-Deċiżjoni l-Kummissjoni kkunsidrat, minn naħa, li r-risposti tax-xerrejja għat-talba ta' informazzjoni ma kinitx tippermetti li tintlaħaq l-ebda konklużjoni fuq l-effetti ta' l-akkordju u, min-naħa l-oħra, li r-risposti tax-xerrejja għall-mistoqsija dwar żieda sinjifikattiva fil-prezzijiet wara l-1 ta' Jannar 1992 kienu kkonfermati mill-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette, fejn jirriżulta li, fl-1992, il-prezzijiet naqsu xi ftit qabel ma stabbilizzaw ruħhom.

160    Wara dan, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-mistoqsijiet magħmula fil-kwestjonarju, ir-risposti tax-xerrejja in kwistjoni kienu jirrigwardaw biss il-perijodu ta' wara l-1 ta' Jannar 1992. Għaldaqstant, anki jekk dawn kienu fondati, l-oġġezzjonijiet ta' Roquette ma jippermettux li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-effeti li l-akkordju pproduċa qabel l-1 ta' Jannar 1992.

161    Fl-aħħar nett. għandu wkoll jiġi mfakkar, kif ġie indikat fil-punt 135 iktar 'il fuq, li mill-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette jirriżulta li, sa mill-1992, il-prezz tal-glukonat tas-sodju kien naqas xi ftit sabiex iktar tard stabilizza ruħu sa' l-1995.

162    F'dan il-każ, mir-risposti tax-xerrejja interrogati jirriżulta li l-parti l-kbira fosthom kienu jqisu li fis-suq tal-glukonat tas-sodju kien hemm kompetizzjoni normali jew mhux qawwija wisq. Madankollu dawn il-kunsiderazzjonijiet mhumiex ta' natura tali li jdgħajfu l-konstatazzjonijiet dwar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju ta' wara l-1992, kif tirriżulta minn wieħed mill-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette. Fil-fatt, kompetizzjoni normali jew mhux qawwija wisq tista' tissarraf fit-tnaqqis, segwita minn stabbiltà relattiva tal-prezzijiet fis-suq, hekk kif jirriżulta minn wieħed mill-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette għall-perijodu ta' wara l-1992. Madankollu, dan ma jipprovax li dawn il-prezzijiet jikkorrispondu mal-prezzijiet li kien ikun hemm f'suq kompetittiv. Fil-fatt, dan it-tnaqqis, segwit minn stabbiltà relattiva, kien ippreċedut minn żieda sostanzjali tal-prezzijiet li kienet ġiet irreġistrata sa mill-implementazzjoni ta' l-akkordju.

163    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li r-risposti tax-xerrejja kienu konformi mal-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette u li minnhom hija ma setgħet tasal għall-ebda' konklużjoni speċifika fuq l-effetti ta' l-akkordju.

164    Din il-konklużjoni ma tiġix ikkontestata mill-argumenti l-oħra li Roquette tagħmel f'dan ir-rigward.

165    Barra minn hekk, il-fatt li x-xerrejja kienu qiesu li ma kienx hemm rifjut ta' bejgħ mhux bilfors iwassal għall-konklużjoni li kien hemm kompetizzjoni effettiva. Fil-fatt, minbarra l-fatt li, taħt ċerti sistemi ġuridiċi nazzjonali, rifjut ta' bejgħ jista' jikkostitwixxi ksur, għalkemm tali rifjut huwa indikazzjoni qawwija ta' suq fejn hemm nuqqas ta' kompetizzjoni, in-nuqqas ta' dan ir-rifjut ta' bejgħ mhux bilfors jipprova li suq huwa kompletament kompettitiv.

166    L-argumenti li Roquette tibbaża fuq il-piż tal-kompetituri fis-suq in kwistjoni u fuq il-fatt li, bħal f'ħafna mis-swieq tal-materja prima, ma jistgħux jiġu kkonstatati differenzi kbar fil-prezz, ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt Roquette tibqa' ma tipprovax kif dawn l-elementi effettivament ippermettew li jitnaqqsu l-effetti ta' l-akkordju kif dawn jirriżultaw mill-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette.

167    Fl-aħħar nett, l-argument ta' Roquette li jgħid li l-interrogazzjoni li l-Kummissjoni għamlet lix-xerrejja, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, timplika li r-risposti tagħhom kienu meħtieġa sabiex jiġi stabbilit l-impatt ta' l-akkordju, ma jistax jintlaqa f'dan il-każ. Dan l-argument jimplika li l-Kummissjoni ma kkunsidratx ir-risposti tax-xerrejja. Issa, kif indikat iktar 'il fuq, ir-risposti tax-xerrejja ma jdgħajfux il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fuq il-bażi tal-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette u għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala li ġew debitament ikkunsidrati.

168    F'dan ir-rigward, għandu jerġa jiġi enfasizzat li, għalkemm l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li l-Kummissjoni tista' tiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand l-impriżi sabiex twettaq l-obbligi tagħha, il-fatt li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiġbor ċerta informazzjoni mingħand impriżi bl-ebda mod mhuwa ta' ħsara għar-rilevanza ta' din l-informazzjoni sabiex jintwera l-effett tal-ksur.

169    Għar-raġunijiet imsemmija iktar 'il fuq, l-argumenti ta' Roquette bbażati fuq in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tar-risposti tax-xerrejja għandhom jiġu miċħuda.

c)     In-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tal-klima ta' suspett

 L-argumenti tal-partijiet

170    Roquette issostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, matul l-evalwazzjoni tagħha ta' l-ammont tal-multa, il-klima ta' suspett ġenerali li kien effettwa l-funzjonament ta' l-akkordju u limita, konsegwentement, l-effett tiegħu fuq is-suq. Skond Roquette dan il-klima ta' suspett ġenerali jirriżulta b'mod ċar mill-premessi 100, 187 sa 197, 208, 214, 216, 225, 227 u 232 tad-Deċiżjoni.

171    Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

172    Dwar in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tal-klima ta' suspett, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li l-akkordji sigrieti ġeneralment jagħtu lok, mill-istess natura tagħhom, għal klima ta' suspett.

173    F'dan il-każ, peress li l-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju preċedentement kienu kompetitturi, li setgħu, b'deċiżjoni unilaterali, jerġgħu jiksbu l-libertà tagħhom, u fid-dawl tan-natura potenzjalment kompetittiva tal-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju u ta' l-interessi ekonomiċi in kawża, fir-rigward, b'mod partikolari, tal-fatt li dan kien jinvolvi l-qsim ta' suq ristrett fost produtturi li kellhom, f'ċerti każijiet, produzzjoni żejda, jista' raġjonevolment jiġi meqjus li l-akkordju seħħ fi-klima ta' suspett.

174    Madankollu, l-eżistenza ta' klima ta' suspett mhux bilfors teffettwa l-impatt konkret ta' l-akkordju. F'dan il-każ, Roquette tibqa' ma tipprovax li din il-klima ta' tensjoni tikkontesta l-impatt ta' l-akkordju, kif ġie stabbilit mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

175    Konsegwentement, l-argument ta' Roquette ibbażat fuq in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tal-klima ta' suspett għandu jiġi miċħud.

176    Għar-raġunijiet kollha msemmija iktar 'il fuq, għandu jiġi deċiż li l-argumenti ta' Roquette ma jippermettux li tiġi kkontestata l-eżistenza ta' impatt konkret ta' l-akkordju, hekk kif ġie stabbilit mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

D –  Fuq il-limitazzjoni ta' l-effetti ta' l-akkordju minn Roquette

a)     L-argumenti tal-partijiet

177    F'dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur, Roquette issostni wkoll li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-imġiba tagħha, li kienet ippermettiet li jiġu limitati l-effetti antikompetittivi ta' l-akkordju. Dan in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni jġib miegħu l-ksur ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, tal-prinċipju ta' proporzjonalità u tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

178    Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

179    L-argument ta' Roquette dwar l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur u bbażat fuq l-imġiba tagħha matul l-akkordju għandu jiġi miċħud. F'dan ir-rigward huwa biżżejjed li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 89 iktar 'il fuq li tgħid li meta tiddeċiedi fuq il-kunsiderazzjoni ta' l-effetti tal-ksur, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex teżamina l-imġiba ta' l-impriżi peress li l-effetti li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit il-livell ġenerali tal-multi mhumiex dawk li jirriżultaw mill-imġiba effettiva li impriża tallega li adottat iżda huma dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu kemm hu li fih hija tkun ħadet sehem

II –  Fuq it-tul ta' żmien tal-ksur

A –  L-argumenti tal-partijiet

180    Roquette essenzjalment issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u l-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità meta qieset li t-tul ta' żmien tal-ksur ta' Roquette kien ta' tmien snin u xahrejn minflok ta' seba' snin u seba' xhur.

181    Kuntrarjament għal dak li stabbiliet il-Kummissjoni, jiġifieri li Roquette waqfet tieħu sehem fil-ksur f'Ġunju ta' l-1995, din ta' l-aħħar issostni li hija temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f'Mejju ta' l-1994, id-data ta' meta hija waqfet tibgħat l-istatistika tagħha tas-suq, jew, sussidjarjament, f'Ottubru 1994, id-data ta' meta hija, matul laqgħa li nżammet f'Londra, ikkonfermat ir-rifjut tagħha li tkompli tieħu sehem fl-akkordju.

182    Sabiex issostni din il-pożizzjoni, Roquette tinvoka, minn naħa, numru ta' dokumenti li jikkonfermaw li l-akkordju ġie fi tmiemu qabel Ġunju 1995. Hija tfakkar ukoll li, f'dikjarazzjoni tat-23 ta' April 1999, Jungbunzlauer ikkunsidrat li, "minn Mejju 1994, ma kienx hemm iktar statistika fuq is-suq" u li, "meta fl-4 ta' Ottubru 1994, f'Londra, Roquette iddikjarat li ma kienet għadha tirrispetta l-ebda wieħed mill-ftehim, dawn ta' l-aħħar saru nulli u mingħajr ebda effett". Barra minn dan, Fujisawa, skond Roquette, f'dokument tat-12 ta' Marzu 1998 dwar is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni statistika, iddikjarat li "din is-sistema kienet ġiet mitmuma f'mument preċiż, fit-tmiem ta' l-1993 jew fil-bidu ta' l-1994", filwaqt li l-Kummissjoni kienet għarfet, fil-premessa 91 tad-Deċiżjoni, l-importanza ewlenija ta' dan l-iskambju ta' statistika. Roquette tinvoka wkoll l-ittra tat-22 ta' Lulju 1999 li hija kienet bagħtet lill-Kummissjoni kif ukoll id-dokumenti użati matul il-proċedura quddiem l-awtoritajiet Amerikani, fir-rigward ta' liema hija tfakkar li kienet iddikjarat li l-laqgħa ta' Ottubru 1994 kienet ġabet l-akkordju fi-tmiemu. Fl-aħħar nett, Roquette tirreferi għall-premessi 226 sa 229 tad-Deċiżjoni fejn il-Kummissjoni tispjega li s-suq kien qiegħed jespandi ferm iktar bil-mod milli mistenni u dan kien wassal għal degradazzjoni progressiva tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet li kienet laħqet il-qofol tagħha matul il-laqgħa ta' Ottubru 1994.

183    Min-naħa l-oħra, Roquette issostni li l-laqgħa ta' Ġunju 1995 f'Anaheim kienet tikkostitwixxi biss "tentattiv li ma tkompliex" sabiex jinbeda akkordju ġdid. Hija tibbaża din il-konklużjoni fuq il-kuntrast bejn il-frekwenza ta' l-iskambju ta' statistika u r-regolarità tal-laqgħat preliminari li seħħu qabel, rispettivament, Mejju 1994 u Ġunju 1994, u n-nuqqas ta' skambju ta' statistika bejn Mejju 1994 u Ġunju 1995 u ta' laqgħat bejn Ottubru 1994 u Ġunju 1995. Din l-analiżi hija kkonfermata mid-distinzjoni li l-Kummissjoni għamlet bejn l-"ewwel" akkordju, bejn l-1981 u l-1985, u t-"tieni" akkordju, sa mill-1987. L-ewwel laqgħa tat-tieni akkordju ma ġietx ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala s-segwitu ta' l-ewwel akkordju iżda bħala tentattiv sabiex jiġi stabbilit it-tieni akkordju. Barra minn dan, din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-laqgħa ta' Ġunju 1995, skond Roquette, ma wasslet għal xejn, kif jirriżulta minn dokument li Roquette ppreżentat lill-awtoritajiet Amerikani u li ntbagħat lill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, Roquette tenfasizza li ma jistax jiġi stabbilit li kien hemm kontinwazzjoni ta' l-akkordju preċedenti mill-fatt biss li l-partijiet kienu ddiskutew, matul il-laqgħa ta' Ġunju 1995, dwar "kumpensazzjoni" jew "objettivi ta' produzzjoni mfittxija".

184    Konsegwentement it-tul ta' żmien reali tal-ksur, f'dak li jirrigwarda Roquette, huwa ta' seba' snin u seba' xhur.

185    F'dak li jirrigwarda l-metodu tal-kalkolu użat mill-Kummissjoni, li jikkonsisti fiż-żieda ta' l-ammont bażi tal-multi, fuq il-bażi tal-gravità tal-ksur b'10 % fis-sena, Roquette issostni li ż-żieda ma kellhiex tkun ta' 80 % iżda ta' 70 %.

186    Barra minn dan, l-aħħar sena li fih seħħ il-ksur hija, skond Roquette, l-1994 u mhux l-1995. Safejn il-Kummissjoni tinkludi din l-aħħar sena tal-ksur fil-kalkolu ta' l-ammont tal-multi (premessa 381 tad-Deċiżjoni), sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażi tal-multi għandu jiġi kkunsidrat il-fatturat ta' l-1994, jiġifieri 62 204 098 FRF (mingħajr il-"likuri tal-melħ"), u mhux il-fatturat ta' l-1995 li kien jitla sa 64 187 200 FRF.

187    Sussidjarjament, Roquette issostni li, anki li kieku l-akkordju kien intemm f'Ġunju 1995, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat ta' l-1995 kollu kemm hu. Skond Roquette, huma biss l-ewwel sitt xhur ta' l-1995 li kellhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit il-piż li Roquette kellha fl-akkordju.

188    Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti jiġu miċħuda.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

189    F'dak li jirrigwarda l-argument li Roquette, allegatament, waqfet milli tieħu sehem fl-akkordju f'Mejju 1994 jew, sussidjarjament, matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994, għandu jiġi mfakkar li, fil-premessi 81 sa 90 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-elementi li jiffurmaw l-akkordju kienu jinkludu mekkaniżmu kumpless intiż għat-tqassim tas-swieq, għall-iffissar tal-prezzijiet u għall-iskambju ta' informazzjoni fuq il-klijenti. Issa, is-sempliċi fatt, anki jekk jiġi pprovat, li Roquette waqfet, f'Mejju ta' l-1994 jew wara l-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994, milli tibgħat lill-membri l-oħra ta' l-akkordju ċ-ċifri ta' bejgħ tagħha ma jippermettix, minnu nnifsu, li jintwera li l-akkordju kien ġie fi-tmiemu jew li Roquette ma kinitx baqgħet tieħu sehem fih.

190    Bil-kontra ta' dan, mill-premessi 220 sa 228 tad-Deċiżjoni, li mhumiex ikkontestati minn Roquette, jirriżulta li din ta' l-aħħar baqgħet tieħu sehem f'diversi laqgħat ta' l-akkordju, jiġifieri għal dawk tas-26 u tas-27 ta' Ġunju 1994 f'Atlanta, tal-31 ta' Awwissu u ta' l-1 ta' Settembru 1994 f'Zurich u ta' l-4 ta' Ottubru 1994 f'Londra.

191    Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-laqgħa li kienet seħħet f'Atlanta fis-26 u fis-27 ta' Ġunju 1994, mid-Deċiżjoni jirriżulta, mingħajr ma dan huwa kkontestat minn Roquette, li d-"diskussjonijiet kienu jixbħu dawk tax-xhur preċedenti u kienu jittrattaw l-evoluzzjoni negattiva tas-suq, tal-prezziiet u tal-kwantitajiet".

192    F'dak li jirrigwarda l-laqgħa li seħħet f'Londra fl-4 ta' Ottubru 1994, mid-Deċiżjoni jirriżulta li f'din l-okkażjoni kien qam kunflitt bejn il-membri ta' l-akkordju fuq it-tqassim tal-kwoti ta' bejgħ tal-glukonat tas-sodju. Dan il-kunflitt jindika, kuntrarjament għal dak li tipprova tistabbilixxi Roquette, li l-membri ta' l-akkordju kellhom minn ta' l-inqas l-intenzjoni li jkomplu jfittxu kompromess fuq il-kwantitajiet ta' bejgħ. Il-fatt li jirriżulta mir-risposta ta' Roquette għad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet tal-25 ta' Lulju 2000, hekk kif riprodotta fil-premessa 229 tad-Deċiżjoni, li, matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994, Roquette "esprimiet l-intenzjoni tagħha li ma tiħux sehem iktar fl-akkordju" mhuwiex biżżejjed sabiex jipprova li Roquette ma baqgħetx tieħu sehem fl-akkordju. Fil-fatt, ikkunsidrat minn dan il-lat, dan it-teħid ta' pożizzjoni minn Roquette matul dik il-laqgħa jfisser iktar u iktar li hija kienet għamlet sforzi sabiex titbiegħed mill-akkordju. Bl-istess mod iċ-ċirkustanza li r-rappreżentant ta' Roquette kien ħareġ mis-sala tal-laqgħa qabel il-ħin ma jfissirx li Roquette ddisasoċjat ruħha pubblikament mill-kontenut ta' dik il-laqgħa. Fil-kuntest tan-nuqqas ta' qbil li kien hemm bejn il-partijiet matul din il-laqgħa, tali mġiba setgħet ġustament tiġi kkwalifikata mill-Kummissjoni bħala strateġija sabiex jinkisbu iktar konċessjonijiet mingħand il-membri l-oħra ta' l-akkordju minflok att li jindika t-tmiem tal-parteċipazzjoni ta' Roquette f'dan l-akkordju.

193    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li Roquette ma kinitx temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f'Mejju 1994 jew matul il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994.

194    F'dak li jirrigwarda n-natura tal-laqgħa li nżammet fit-3 u fil-5 ta' Ġunju 1995 f'Anaheim, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li Roquette ma tikkontestax, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 232 tad-Deċiżjoni, li matul din il-laqgħa, li fiha l-membri kollha ta' l-akkordju kienu preżenti, il-partijiet iddiskutew dwar il-volumi ta' bejgħ ta' glukonat tas-sodju li kien sar fl-1994. Il-Kummissjoni b'mod partikolari osservat, mingħajr ma Roquette kkontestat dan l-element, li skond ADM, Jungbunzlauer kienet saqsiet "li jiġu mogħtija ċ-ċifri totali ta' bejgħ ta' glukonat tas-sodju magħmul minn ADM fl-1994" (premessa 232 tad-Deċiżjoni).

195    Issa, għandu jiġi osservat li dan il-metodu ta' proċedura huwa essenzjalment l-istess bħall-prattika kostanti użata fi-ħdan l-akkordju li kienet intiża li jiġi assigurat ir-rispett tal-kwoti ta' bejgħ allokati u li, kif jirriżulta mill-premessi 92 u 93 tad-Deċiżjoni, kienet tikkonsisti f'li, qabel kull laqgħa, il-membri ta' l-akkordju jibagħtu ċ-ċifri tal-bejgħ tagħhom lill-Jungbunzlauer li kienet tiġborhom u tiddistribwihom matul il-laqgħa.

196    It-tieni nett, Roquette ma tikkontestax id-deskrizzjoni ta' l-avvenimenti mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessa 232 tad-Deċiżjoni li tgħid li, matul din il-laqgħa, ġiet proposta sistema ġdida għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-volum ta' bejgħ. Din is-sistema kellha tippermetti li jiġi ddeterminat, b'mod anonimu, jiġifieri b'mod li l-ebda wieħed mill-membri ma jkun jaf iċ-ċifri ta' l-oħrajn, id-daqs sħieħ tas-suq tal-glukonat tas-sodju billi "L-impriża A tissottoskrivi numru arbitrarju li jirrapreżenta parti mill-volum totali tagħha; wara dan l-impriża B turi lill-impriża C it-total tan-numri ta' l-impriża A magħdudin ma dawk ta' l-impriża B; l-impriża C iżżid il-volum totali tagħha ma dan it-total, fl-aħħar, l-impriża A ma dan l-ammont iżżid il-volum kollu tagħha u tgħarraf lill-grupp bit-total li jirriżulta" (premessa 233 tad-Deċiżjoni).

197    Fir-rigward ta' dan l-element, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li kien jikkostitwixxi tentattiv ġdid min-naħa tal-membri ta' l-akkordju sabiex "jerġgħu jistabbilixxu l-ordni fis-suq" u sabiex ikomplu l-prattiċi li jmorru kontra l-kompetizzjoni u li kienu ġew implementati matul is-snin preċedenti, intiżi sabiex permezz ta' azzjoni konġunta jinżamm il-kuntroll tas-suq, għalkemm, jekk ikun il-każ, taħt forom u permezz ta' metodi differenti. Iċ-ċirkustanza li l-membri ta' l-akkordju kienu qegħdin jipprovaw jistabbilixxu sistema "anonima" ta' skambju ta' informazzjoni, hekk kif deskritta iktar 'il fuq, setgħet ġustament tiġi interpretata mill-Kummissjoni bħala li kienet is-segwitu naturali ta' l-imġiba ta' l-impriżi fi ħdan l-akkordju li, hekk kif b'mod partikolari jirriżulta mill-premessa 93 tad-Deċiżjoni, li kienet ikkaratterizzata minn "klima ta' suspett reċiproku dejjem jiżdied", iżda li madanakollu kellha bħala għan it-tqassim tas-suq. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li, billi waqqfu s-sistema l-ġdida ta' skambju ta' informazzjoni, il-membri ta' l-akkordju wrew li huma "kien għadhom [deċiżi] li jsibu soluzzjoni li kienet tippermettilhom li jkomplu l-prattiċi tagħhom li jmorru kontra l-kompetizzjoni" (punt 322 tad-Deċiżjoni) u li "jżommu l-kontroll tagħhom tas-suq permezz ta' azzjoni konġunta" (punt 232 tad-Deċiżjoni).

198    It-tielet nett, iċ-ċirkustanza li l-perijodu li għadda bejn il-laqgħa ta' l-4 ta' Ottubru 1994 u dik ta' Ġunju 1995 kien itwal mill-perijodi li kien hemm bejn il-laqgħat preċedenti tenfasizza, l-iktar l-iktar, il-kunflitt li kien jeżisti fost il-membri ta' l-akkordju, iżda mhijiex ta' natura tali li ddajjef il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li, matul il-laqgħa ta' Ġunju 1995, dawn ta' l-aħħar bdew tentattiv ġdid sabiex iżommu l-prattiċi li jmorru kontra l-kompetizzjoni.

199    Ir-raba' nett, in-nota qasira li Roquette poġġiet fuq il-mejda matul din il-laqgħa u li l-Kummissjoni invokat fil-punti 233 u 322 tad-Deċiżjoni ("6.95 Anaheim : Diskussjoni : kumpens; 44 000 mt produzzjoni mfittxija fuq livell dinji; prezz") tista' raġjonevolment tiġi kkunsidrata bħala li tikkonferma t-teżi tal-Kummissjoni, anki jekk huwa minnu li, meħuda waħedha u barra mill-kuntest tagħha, din in-nota tagħti biss idea impreċiża tal-kontenut tad-diskussjonijiet li kien hemm matul il-laqgħa tat-3, l-4 u l-5 ta' Ġunju 1995.

200    Il-ħames nett, id-dikjarazzjoni ta' impjegat ta' Roquette, flimkien ma l-ittra ta' din ta' l-aħħar tat-22 ta' Lulju 1999, li jgħidu li din il-laqgħa "ma wasslet għal xejn u ma serviet għal xejn", dikjarazzjoni li taqbel ma dik li Jungbunzlauer għamlet fl-ittra tagħha tat-30 ta' April 1999, hija mingħajr ebda importanza peress li din tikkonferma li din il-laqgħa ma bidlitx il-funzjonament ta' ksur wieħed u kontinwat (punt 254 tad-Deċiżjoni). Din l-ittra lanqas ma tipprova n-nuqqas ta' intenzjoni, min-naħa tal-membri ta' l-akkordju, li jkomplu bl-imġiba illegali tagħhom, permezz ta' forom u ta' metodi diversi.

201    F'dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi mfakkar li għall-finijiet ta' l-eżami ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE għal ftehim jew prattika miftehma, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-effetti konkreti ta' ftehim mhumiex importanti, dan safejn ikun jidher li dan ta' l-aħħar kellu l-iskop li tfixkel, tirrestrinġi jew jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496; Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 89 iktar 'il fuq, punt 99, u tat-8 ta' Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 178; Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni T-39/92 u T-40/92, Ġabra p. II-49, punt 87).

202    Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-akkordju baqa' għaddej sa Ġunju 1995.

III –  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

A –  L-argumenti tal-Partijiet

203    Roquette essenzjalment issostni li, anki jekk jiġi meqjus li l-Kummissjoni m'għamlet l-ebda żball fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, hija kellha tieħu in kunsiderazzjoni, matul l-evalwazzjoni ta' l-ammont ta' l-multa, bħala ċirkustanzi attenwanti, li Roquette kienet sempliċement issegwi jew li kellha rwol esklużivament passiv fil-ksur, in-nuqqas ta' implementazzjoni tal-prattiċi restrittivi ta' l-akkordju minn Roquette u r-"rwol ta' twaqqif" li hija kellha fil-ksur. F'dan ir-rigward Roquette tirreferi għall-argumenti li hija ressqet fir-rigward tal-gravità tal-ksur.

204    Din l-ommissjoni tikkostitwixxi, skond Roquette, ksur tal-linji gwida u tmur kontra l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 1991, Petrofina vs Il-Kummissjoni, T-2/89, Ġabra p. II-1087, punt 173, u ta' l-14 ta' Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-925, punti 230 u 231).

205    Fir-replika tagħha, Roquette tippreċiża li, f'dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi attenwanti li ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni, hija tirreferi għall-elementi li jiċċertifikaw ir-"rwol ta' twaqqif" li hija kellha fl-akkordju. B'mod partikolari hija, l-ewwel nett, tinvoka li hija kienet wara l-esklużjoni tal-"likuri tal-melħ". It-tieni nett, hija tindika li l-funzjonament tas-sistema ta' sorveljanza, li kienet il-qofol ta' l-akkordju, ġiet imdgħajfa mir-rifjut tagħha li tgħaddi statistika b'mod suffiċjentement frekwenti. It-tielet nett, hija ssostni li r-rifjut tagħha li tiffinanzja s-sistema ta' sorveljanza esterna kellu l-effett li jikkuntrasta l-funzjonament effiċjenti ta' l-akkordju peress li ma kienx possibbli li tiġi vverifikata l-affidabbiltà ta' l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet li hadu sehem fl-akkordju, u dan ta' lok għall-possibbiltà li t-termini ta' l-akkordju jiġu implementati ħażin kif ukoll li jkun hemm klima ta' nuqqas ta' fiduċja li wasslet sabiex l-akkordju jiġi mwaqqaf. Ir-raba' nett, hija tinvoka l-fatt li hija dejjem żammet politika kummerċjali indipendenti, kif jindika l-fatt li l-prezzijiet tagħha kważi qatt ma kkorrispondew mal-prezzijiet minimi jew imfittxija stabbiliti fil-kuntest ta' l-akkordju. Il-ħames u l-aħħar nett, hija ssostni li hija kienet l-ewwel waħda li ġabet fi-tmiemu l-akkordju.

206    Il-Kummissjoni titlob li dawn l-argumenti jiġu miċħuda.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

207    Mir-rikors jirriżulta li Roquette tallega li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħtiha l-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti li jirriżultaw mill-fatt li hija kienet sempliċement issegwi jew li kellha rwol esklużivament passif fit-twettiq tal-ksur, li hija naqset milli timplementa prattiċi restrittivi u mir-"rwol ta' twaqqif" li hija kellha fir-rispett ta' l-akkordju. F'dan ir-rigward Roquette, b'mod ġeneriku, tirreferi għall-elementi li diġà ġew esposti fil-kuntest tal-motivi relatati mal-gravità tal-ksur, filwaqt li tippreċiża li, safejn dawn l-elementi ma ġewx ikkunsidrati għad-determinazzjoni ta' l-ammont bażi, dawn għandhom evidentement jiġu inklużi fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

208    Fir-rigward ta' dawn l-argumenti għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 44(1) (c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikors għandu b'mod partikolari jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Barra minn dan, skond il-ġurisprudenza, indipendentement minn kull kwistjoni ta' terminoloġija, din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-parti konvenuta li tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun hemm bżonn mingħajr ma tintalab informazzjoni oħra. Fil-fatt, sabiex rikors ikun ammissibbli huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, minn ta' l-anqas sommarjament, iżda b'mod koerenti u li jiftiehem, mill-kliem stess użat fir-rikors, u dan sabiex tiġi assigurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 31, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, Ġabra p. II-1703, punt 49).

209    F'dan il-każ, ir-riferiment ġeneriku għall-elementi esposti fil-kuntest tal-motivi relatati mal-gravità ta' l-infrazzjoni, sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-allegati ċirkustanzi attenwanti, ma tippermettix lill-Qorti tal-Prim'Istanza tkun taf bi-preċiżjoni l-portata tal-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta' ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom Roquette tibbaża ruħha jinsabu fir-rikors, madankollu r-rikorrenti għandha tippreżentahom b'mod koerenti u li jiftiehem. B'mod partikolari l-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex tfittex jekk l-elementi kollha invokati in sostenn ta' l-ewwel motiv jistgħux jintużaw in sostenn tat-tieni motiv u, f'dan il-każ, għal-liema tip ta' ċirkustanza attenwanti għandhom jintużaw wieħed jew ieħor minn dawn l-elementi. Il-fatt li l-Kummissjoni pprovat, minkejja l-impreċiżjoni evidenti ta' dan il-motiv, tidentifika eventwali argumenti li r-rikorrenti invokat fil-kuntest ta' l-argumentazzjoni tagħha dwar motiv ibbażat fuq il-gravità tal-ksur jista' jintuza in sostenn tal-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta' ċirkustanzi attenwanti, kif ukoll li tirrispondi għalihom f'dan il-kuntest, ma jeffettwax din il-konklużjoni. Fil-fatt, din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi biss ipoteżi dwar il-portata eżatta tal-motiv ta' Roquette bbażat fuq l-eżistenza ta' ċirkustanzi attenwanti.

210    Konsegwentement il-motivi dwar żbalji li l-Kummissjoni għamlet fil-kuntest ta' l-analiżi taċ-ċirkustanzi attenwanti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli skond l-Artikolu 44(1) (c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura.

IV –  Fuq il-kooperazzjoni ta' Roquette matul il-proċedura amministrattiva

A –  Introduzzjoni

211    Skond Roquette, il-Kummissjoni għamlet ukoll żbalji ta' evalwazzjoni matul l-evalwazzjoni tagħha ta' l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

212    Roquette issostni lil-Kummissjoni kellha tagħtiha tnaqqis ta' minn 50 sa 75 % tal-multa kif previst mit-Titolu C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni minflok it-tnaqqis ta' 40 % ta' l-ammont tal-multa kif previst mit-Titolu D ta' din l-istess komunikazzjoni.

213    Sabiex issostni din il-pożizzjoni Roquette tirrileva li l-evalwazzjoni tan-natura u tal-kontenut ta' l-elementi pprovduti minnha, li l-Kummissjoni wettqet, hija żbaljata għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, bil-kontra ta' dak li l-Kummissjoni sostniet fid-Deċiżjoni, hija kienet l-ewwel u l-uniku membru ta' l-akkordju li pprovditilha elementi ta' prova determinanti għall-elaborazzjoni tad-Deċiżjoni. Roquette issostni li min-naħa l-oħra l-Kummissjoni kienet żbaljata meta naqqset l-importanza tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva billi indikat li hija bagħtet id-dokumenti kkonċernati biss wara li l-Kummissjoni, fit-2 ta' Marzu 1999, bagħtitilha talba formali għall-informazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17.

214    Hija għalhekk titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza, skond il-kompetenza tagħha ta' ġurisdizzjoni sħiħa f'dak li jirrigwarda l-multi, tirrevedi din l-evalwazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummisjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 111)

B –  Fuq il-fatt li Roquette kienet l-ewwel u l-unika membru ta' l-akkordju li pprovdiet elementi ta' prova determinanti għall-elaborazzjoni tad-Deċiżjoni

1.     Ġeneralitajiet

215    Roquette issostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta fil-premessa 415 tad-Deċiżjoni qieset li "Fujisawa kienet l-ewwel membru ta' l-akkordju li pprovdiet elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju". F'dan ir-rigward Roquette tressaq żewġ ilmenti. L-ewwel nett, hija ssostni li l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni qabel il-kooperazzjoni tagħha ma Roquette ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' akkordju. It-tieni nett, skond Roquette, kien biss permezz tal-kooperazzjoni xierqa tagħha mal-Kummissjoni li din ta' l-aħħar kisbet elementi determinanti għall-elaborazzjoni tad-Deċiżjoni. Dawn l-argumenti huma ppreċeduti minn kunsiderazzjonijiet ġeneriċi dwar ir-regoli li l-Kummissjoni għandha tapplika, f'dan il-każ, sabiex tevalwa l-kooperazzjoni tal-partijiet matul il-proċedura amministrattiva.

2.     Kunsiderazzjonijiet ġeneriċi dwar ir-regoli applikabbli, f'dan il-każ, għall-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-partijiet matul il-proċedura amministrattiva

a)     L-argumenti tal-partijiet

216    Skond Roquette, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tevalwa l-importanza tat-tnaqqis, ta' l-ammont tal-multa, mogħti minħabba l-kooperazzjoni mhux abbażi ta' l-ordni li fih il-partijiet ikkooperaw matul il-proċedura amministrattiva iżda abbażi tal-kontenut u tal-valur miżjud ta' l-elementi ta' prova pprovduti minn dawn il-partijiet għall-elaborazzjoni ta' l-ilmenti magħmula fid-Deċiżjoni.

217    Abbażi taċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ, Roquette issostni li kien biss wara li rċeviet l-informazzjoni dwar l-inkjesti magħmula fl-Istati Uniti li l-Kummissjoni bdiet l-inkjesta tagħha li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Roquette fil-fatt tfakkar li mill-premessa 53 tad-Deċiżjoni jirriżulta li, f'Marzu ta' l-1997, il-ministru tal-Ġustizzja Amerikan informa lill-Kummissjoni dwar l-inkjesta li kienet għaddejja fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. Jirriżulta wkoll li f'Ottubru ta' l-1997 il-Kummissjoni ġiet informata li Akzo, Avebe u Glukona kienu ammettew li ħadu sehem f'akkordju internazzjonali relatat ma dan il-prodott, intiż sabiex jiffissa l-prezzijiet u li jqassam l-ishma tas-suq "fl-Istati Uniti u bnadi oħra" u li, rispettivament f'Diċembru ta' l-1997 u fi Frar ta' l-1998, Roquette u Fujisawa kienu ammettew dawn l-istess fatti. Anki jekk, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma indikatx b'mod preċiż in-natura ta' l-informazzjonijiet li hija kellha minħabba l-proċedura miftuħa fl-Istati Uniti, huwa madankollu leġittimu li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha minn ta' l-inqas diversi komunikazzjonijiet għall-istampa, datati 24 ta' Settembru u 17 ta' Diċembru 1997, li jirrigwardaw ir-riżultati ta' l-investigazzjonijiet magħmula fl-Istati Uniti, komunikati li kienu aċċessibbli mill-pubbliku permezz ta' l-internet.

218    Roquette minn dan tiddeduċi li, kif jirriżulta mill-premessa 54 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni "fix-xitwa ta' bejn l-1997 u l-1998" bagħtet, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, l-ewwel talbiet tagħha għal informazzjoni "lill-produtturi prinċipali, importaturi/esportaturi u klijenti tal-glukonat tas-sodju fl-Ewropa", li din kienet taf kemm dwar l-eżistenza ta' akkordju fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju fuq livell dinji kien ukoll dwar l-identità tal-parteċipanti, minħabba l-fatt li kull wieħed mill-parteċipanti kien ammetta l-ksur quddiem l-awtoritajiet Amerikani, u li l-ksur kien waqaf sa mix-xahar ta' Ġunju 1995.

219    Issa, f'ċirkustanzi partikolari bħal dawn, ma jkunx xieraq li jingħata l-għola tnaqqis lill parti li kkooperat l-ewwel mal-Kummissjoni, iżda lill-parti li pprovdiet l-informazzjoni u d-dokumenti rilevati u li għalhekk realment ippermettiet lill-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur b'inqas diffikultà.

220    Min-naħa l-oħra, din il-pożizzjoni tikkorrispondi ma dik li l-istess Kummissjoni esponiet f'abbozz ta' komunikazzjoni ġdida dwar it-tnaqqis tal-multi, ippubblikat f'Lulju 2001 (iktar 'il quddiem l-"abbozz ta' komunikazzjoni ġdida") u, wara li ġie ppubblikat fl-2002, fil-komunikazzjoni l-ġdida tagħha fuq l-immunità tal-multi u t-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fi-kwistjonijiet li jirrigwardaw akkordji (ĠU C45, 2002, p. 3; iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni ġdida"). Għalhekk il-Kummissjoni kellha ssegwi, f'dan il-każ, din il-politika l-ġdida. Sabiex issostni dan l-argument Roquette tinvoka, fir-replika tagħha, minn naħa, in-natura ġuridika ta' tali komunikazzjoni, li toħloq aspettattivi leġittimi favur l-impriżi kkonċernati u, minn-naħa l-oħra, il-prinċipju ġenerali tad-dritt kriminali li jgħid li għandha tiġi applikata dik il-liġi kriminali l-anqas ħarxa (retroattivita in mitius) [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ottubru 1998, Awoyemi, C-230/97, Ġabra p. I-6781 u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/210/KE ta' l-14 ta' Ottubru 1998, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/F-3/33,70 – British Sugar plc et) (ĠU L 76, 1999, p. 1)].

221    Il-Kummissjoni ssostni li Roquette ma tistax tagħmel użu mill-komunikazzjoni l-ġdida. Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibblità tal-motiv ta' Roquette li jgħid li l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni l-ġdida hija ġġustifikata mill-prinċipju ta' l-applikazzjoni tal-liġi kriminali l-anqas ħarxa. Hija tqis dan il-motiv bħala inammissibbli peress li ġie mqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika. Sussidjarjament, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li Roquette tikkontradixxi ruħha meta minn naħa tikkontesta li l-Kummissjoni applikat ħażin il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u, min-naħa l-oħra, billi titlob li l-komunikazzjoni l-ġdida, li ħadet post il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tiġi applikata retroattivament.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

222    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tagħha, ipprovdiet definizzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jkunu kkooperaw magħha matul inkjesta fuq akkordju jkunu jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis ta' l-ammont tal-multa li kieku huma kien ikollhom iħalsu (ara Titolu A(3) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni).

223    Din il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tirriżulta mill-eżerċizzju tas-setgħa ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni u tfisser li din ta' l-aħħar tillimita s-setgħa tagħha stess fir-rispett tal-prinċipju ta' ugwaljanza ta' trattament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 89). Min-naħa l-oħra, kif jingħad ukoll espressament fit-Titolu D (3) ta' din il-komunikazzjoni, din ta' l-aħħar ħolqot aspettattivi leġittimi li fuqhom ibbażaw ruħhom l-impriżi li xtaqu jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta' akkordju. Fid-dawl tar-rispett tal-prinċipju ta' trattament ugwali u taċ-ċertezza legali li l-impriżi li xtaqu jikkooperaw mal-Kummissjoni kellhom minħabba din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni kienet għalhekk obbligata li tikkonforma ruħha magħha matul l-evalwazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa imposta fuq Roquette, tal-kooperazzjoni tagħha.

224    Għalhekk Roquette hija żbaljata meta ssostni li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex tapplika r-regoli previsti fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni iżda dawk previsti fl-abbozz ta' komunikazzjoni ġdida jew fl-istess komunikazzjoni l-ġdida. Fil-fatt, f'dak li jirrigwarda l-abbozz ta' komunikazzjoni ġdida, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk dan id-dokument ġie ppubblikat f'Lulju 2001, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, Roquette ma tikkontestax li l-Kummissjoni ppublikat dan id-dokument biss bl-iskop li tippermetti lill-partijiet interessati li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tiegħu. F'dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni l-ġdida, għandu jiġi osservat li dan id-dokument ġie ppubblikat biss wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Għalhekk, f'dan il-każ, la l-abbozz ta' komunikazzjoni ġdida u lanqas il-komunikazzjoni l-ġdida nfisha ma setgħu joħolqu effett awtolimitanti fuq l-eżerċizzju tas-setgħa ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99, Ġabra p. II-3305, punt 121, u Alpharma vs Il-Kunsill, T-70/99, Ġabra p. II-3495, punt 142).

225    Għaldaqstant, Roquette ma kinitx iġġustifikata meta invokat il-prinċipju ta' kunfidenza leġittima u, anki jekk jiġi meqjus li tali prinċipju jeżisti fid-dritt Komunitarju, dak ta' l-applikazzjoni tal-liġi kriminali l-anqas ħarxa sabiex ikun sostnut li l-Kummissjoni kellha, f'dan il-każ, tapplika l-abbozz ta' komunikazzjoni ġdida jew il-komunikazzjoni l-ġdida, iktar u iktar il-prinċipji li jinstabu f'dawn id-dokumenti.

226    Wara dan, jidher li huwa minnu li kif tenfasizza Roquette, bil-kontra ta' ċerti inkjesti oħra li l-Kummissjoni wettqet fil-passat, f'dan il-każ, din ta' l-aħħar diġà kellha ċerta informazzjoni dwar l-eżistenza ta' akkordju dinji fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju u dwar l-identità ta' wħud minn dawk li ħadu sehem fih qabel ma fetħet l-inkjesta tagħha skond ir-Regolament Nru 17, kif jirriżulta mill-premessa 53 tad-Deċiżjoni.

227    Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma jistax ikollha bħala konsegwenza li l-Kummissjoni għandha twarrab ir-regoli li hija ddefiniet fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u li jirrigwardaw il-kooperazzjoni ta' l-impriżi.

228    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li Roquette ma tikkontestax li Fujisawa kienet l-ewwel membru ta' l-akkordju li ddenunċjat l-eżistenza tiegħu u li informat lill-Kummissjoni bl-identità ta' dawk li ħadu sehem fih u bl-iskop tal-ksur. Roquette tammetti wkoll li l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tipprovdi l-prinċipju li jgħid li hija biss dik l-impriża li "tkun l-ewwel li tipprovdi l-elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju" li tista' tikseb tnaqqis kbir ħafna (almenu 75 %) jew rilevanti (50 sa 75 %) ta' l-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqu fin-nuqqas ta' kooperazzjoni [ara t-Titolu B (b) u t-Titolu C tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni].

229    F'dan il-każ, kien biss wara li rċeviet l-informazzjoni mingħand Fujisawa li l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel verifika ma' l-impriżi li ħadu sehem fl-akkordju, skond it-Titolu B (a) ta' din il-komunikazzjoni. L-informazzjoni r-reċepita mill-inkjesta li saret fl-Istati Uniti għalhekk ma setgħetx tippreġudika, skond din id-dispożizzjoni, l-applikazzjoni tat-trattament previst fit-Titolu B ta' l-imsemmija komunikazzjoni lill-Fujisawa.

230    Konsegwentement, bill-kontra ta' dak li ssostni Roquette, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta f'dan il-każ applikat ir-regoli li hija ddefiniet fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tagħha ta' l-1996.

3.     Dwar il-fatt li l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni qabel il-kooperazzjoni ta' Roquette kienet insuffiċjenti sabiex tipprova l-eżistenza ta' akkordju

a)     L-argumenti tal-partijiet

231    Roquette issostni li l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni qabel ma hija kkooperat magħha ma kinitx tikkostitwixxi prova inkonfutabbli tal-kontenut ta' l-akkordju jew tal-funzjonament tiegħu.

232    L-ewwel nett, Roquette issostni li, qabel il-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, l-informazzjoni li din ta' l-aħħar kellha ma kinitx tmur lil hinn mill-informazzjoni li hija kienet diġà kisbet mill-awtoritajiet Amerikani u li kienet disponibbli pubblikament. Din l-informazzjoni kienet tindika biss li l-kumpanniji Akzo, Glucona, Roquette u Fujisawa kienu ngħaqdu bejn Awwissu 1993 u Ġunju 1995 sabiex, b'mod partikolari, jiftehmu fuq il-prezz u t-tqassim ta' l-ishma tas-suq tal-glukonat tas-sodju.

233    It-tieni nett, skond Roquette, din l-informazzjoni kienet insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' akkordju, safejn din kienet essenzjalment komposta minn sempliċi dikjarazzjonijiet. L-uniċi provi dokumentarji pprovduti kienu jikkonsistu minn titoli ta' trasport. Għalhekk il-Kummissjoni, peress li ma kinitx sodisfatta bl-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet Amerikani u bl-ewwel elementi pprovduti mill-kumpanniji Fujisawa fit-12 ta' Mejju 1998 u ADM fil-21 ta' Jannar 1999, qieset li kien meħtieġ li tibgħat talbiet għall-informazzjoni u li tagħmel verifiki mal-partijiet.

234    Il-Kummissjoni ssostni li kienet Fujisawa li kienet l-ewwel kumpannija li pprovditilha elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

235    Billi ssostni li l-informazjoni miksuba mill-Kummissjoni qabel ma hija bdiet tikkoopera magħha ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' akkordju, Roquette essenzjalment tipprova turi li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li tqis li Fujisawa kienet "l-ewwel li pprovdiet lill-Kummissjoni elementi determinanti sabiex tipprova l-eżistenza ta' l-akkordju", skond it-Titolu C, moqri flimkien mat-Titolu B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

236    It-Titolu C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, "It-Tnaqqis sinjifikattiv ta' l-ammont tal-multa", jipprovdi:

"L-impriża li, tissodisfa l-kundizzjonijiet esposti skond fit-[Titolu] B, inċiż b) sa e), tiddenunzja l-akkordju sigriet wara li l-Kummissjoni pproċediet għal verifika fuq deċiżjoni għand l-impriżi li huma partijiet fl-akkordju, mingħajr ma' din il-verifika setgħet tkun bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ tal-proċedura bil-għan ta' l-adozzjoni ta' deċiżjoni, tibbenefika minn tnaqqis minn 50 sa 75% ta' l-ammont tal-multa."

237    Il-kundizzjonijiet tat-Titolu B, inċiż (b) sa (e), li t-Titolu C jirreferi għalihom, jirrigwardaw l-impriża li:

" b)      hija l-ewwel waħda li tipprovdi elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju;

c)      waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-attività illegali l-aktar tard fil-mument meta hija tiddenunzja l-akkordju;

d)      tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni utli kollha, kif ukoll id-dokumenti kollha u l-provi li hija tiddisponi minnhom fir-rigward ta' l-akkordju u tmantni kooperazzjoni permanenti u totali matul il-perijodu kollu ta' l-investigazzjoni;

e)      ma tkunx ġegħlet impriża oħra tipparteċipa fl-akkordju u lanqas ma kellha rwol ta inizjatur jew rwol determinanti fl-attività illegali."

238    Minn dawn id-dispożizzjonijiet l-ewwel nett jirriżulta li, bil-kontra ta' dak li ssostni Roquette, dawn ma jeħtiġux li sabiex impriża tkun tista' tibbenefika minn tnaqqis ta' l-ammont tal-multa skond it-Titoli B u C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-parti li tiddenunzja l-akkordju tkun ipprovdiet lill-Kummissjoni "prova inkonfutabbli tal-kontenut ta' l-akkordju u tal-funzjonament tiegħu".

239    Fil-fatt, skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-kundizzjoni prevista mit-Titolu B(b) tkun diġà sodisfatta meta l-impriża li tirrapporta l-akkordju sigriet tkun "l-ewwel" li tipprovdi "elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju".

240    Iċ-ċirkustanza li, wara li din il-parti tkun irrappurtat l-akkordju, il-Kummissjoni tibgħat talbiet għall-informazzjoni u tagħmel verifiki mal-partijiet l-oħra bl-ebda mod ma turi li l-informazzjoni pprovduta mill-membru ta' l-akkordju li rrapporta l-ksur ma kinitx suffiċjenti fir-rigward tat-Titoli B u C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

241    Wara dan, safejn Roquette issostni, essenzjalment, li l-informazzjoni mogħtija minn Fujisawa ma kinitx tmur lil hinn minn dik li l-Kummissjoni kellha, jew li minn ta' l-anqas, kellu jkollha mingħand l-awtoritajiet Amerikani, għandu jiġi mfakkar li, anki jekk jiġi meqjus li din l-affermazzjoni hija korretta, il-prinċipju tal-kompetenza awtonoma tal-Komunità f'dak li jirrigwarda d-dritt tal-kompetizzjoni timplika li l-Kummissjoni mhijiex awtomatikament marbuta minn provi ta' awtoritajiet ta' Stati Terzi meta tkun qegħda tistabbilixxi l-elementi ta' prova li jippermettulha tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 81 KE.

242    Fl-aħħar nett, f'kull każ, għandu bilfors jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta' dak li ssostni Roquette, l-informazzjoni pprovduta minn Fujisawa kienet tmur lil hinn minn dik li kienet tinsab fil-komunikati għall-istampa ta' l-awtoritajiet Amerikani li Roquette ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt jidher li, l-ewwel nett, dawn il-komunikazzjonijiet ma kienx fihom l-ismijiet tal-membri kollha li hadu sehem fl-akkordju. It-tieni nett, dawn il-komunikazzjonijiet kienu jillimitaw ruħhom li jiddeskrivu b'mod sommarju d-diversi ftehim milħuqa. Issa, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 415 tad-Deċiżjoni, Fujisawa, fl-ittra tagħha tat-12 ta' Mejju 1998, irrappurtat l-eżistenza ta' l-akkordju, kixfet l-identità tal-membri ta' l-akkordju u pprovdiet deskrizzjoni tal-ftehim prinċipali milħuqa bejniethom, filwaqt li ppreċiżat il-perijodu li għalih dawn kienu ntlaħqu, il-mekkaniżmi ta' l-applikazzjoni u tal-funzjonament ta' l-akkordju kif ukoll lista, għalkemm mhux kompluta, tal-laqgħat ta' l-akkordju b'sunt tal-kontenut ta' wħud minnhom.

243    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li mill-premessa 414 tad-Deċiżjoni jirriżulta li, billi applikat it-Titolu B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għall-Fujisawa, il-Kummissjoni, sa ċertu punt, ikkunsidrat li, għalkemm Fujisawa ddenunzjat l-akkordju, "hija kienet saret taf bl-inkjesta magħmula mill-ministru […] tal-Ġustizzja [Amerikan] fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju u kienet taf li Akzo, Avebe u Glucona kienu ammettew li kienu ħadu sehem f'akkordju internazzjonali intiz għall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim ta' l-ishma tas-suq "fl-Istati Uniti u bnadi oħra".

244    Minn dak li ntqal iktar il-fuq jirriżulta li Roquette hija żbaljata meta ssostni li Fujisawa ma kinitx l-ewwel membru ta' l-akkordju li pprovda lill-Kummissjoni elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' l-akkordju, fis-sens tat-titolu B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-ewwel ilment ta' Roquette bbażat fuq il-fatt li l-informazjoni miksuba mill-Kummissjoni qabel ma hija bdiet tikkoopera magħha ma kinitx suffiċjenti.

4.     Fuq il-fatt li kienu biss l-elementi pprovduti minn Roquette li kienu determinanti għall-elaborazzjoni tad-Deċiżjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

245    Roquette issostni li kien minħabba l-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni kisbet l-informazzjoni riprodotta fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u, iktar tard, fid-Deċiżjoni.

246    Fil-fatt, minn naħa, f'dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, Roquette issostni li, mit-total tat-tlettax–il anness, għaxra minnhom kienu jirrappreżentaw dokumenti mgħoddija volontarjament mill-partijiet u fost dawn l-għaxra, tmienja minnhom kienu ġew ippreżentati minnha. Barra minn hekk, fil-parti li tittratta l-istorja ta' l-akkordju, isir riferiment, kważi f'kull faċċata, għal noti miktuba bl-idejn pprovduti minn Roquette.

247    Min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda l-istess Deċiżjoni, Roquette issostni li żewġ elementi juru n-natura determinanti ta' l-informazzjoni li hija pprovdiet. L-ewwel nett, kien permezz ta' l-informazzjoni ta' Roquette li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi ta' l-organizzazzjoni, is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni fuq il-klijenti, l-implementazzjoni tal-ftehim u d-deskrizzjoni ta' l-iskop tal-laqgħat li nżammu bejn Frar 1987 u Ġunju 1995. It-tieni nett, mid-Deċiżjoni jirriżulta ċertu kuntrast, f'termini ta' preċiżjoni, bejn id-deskrizzjonijiet li din fiha skond jekk dawn humiex ibbażati fuq informazzjoni pprovduta minn Roquette jew jekk dawn ma setgħux jibbażaw ruħhom fuq l-ebda informazzjoni pprovduta minn Roquette.

248    F'dak li jirrigwarda n-natura determinanti ta' l-informazzjoni ta' Roquette, dawn jidhru li huma, f'dak li jikkonċerna l-prinċipji bażiċi ta' l-organizzazzjoni, noti fil-qiegħ tal-paġna tas-sezzjoni tad-Deċiżjoni li tirrigwarda dawn il-prinċipji bażiċi. Minn tnax-il riferiment, tmienja minnhom huma meħudin minn elementi ta' prova pprovduti minn Roquette. Il-premessa 83 tad-Deċiżjoni, li tiddeskrivi s-sistema ta' l-għoti tal-kwoti, tirreferi, b'mod partikolari, għan noti miktuba bl-idejn ta' Roquette li ġew ipprovduti fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha mal-Kummissjoni. Fil-premessa 88 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq id-dokumenti pprovduti esklużivament minn Roquette sabiex tispjega l-funzjonament tas-sistema dwar l-iffissar tal-prezzijiet minimi u/jew imfittxija.

249    F'dak li jirrigwarda l-istabbiliment mill-Kummissjoni tas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni fuq il-klijenti, in-natura determinanti ta' l-informazzjoni pprovduta minn Roquette tirriżulta mill-premessa 90 u min-noti fil-qiegħ tal-paġni Nru 46 u 47 tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tiċċita esklużivament informazzjoni pprovduta minn Roquette fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha.

250    F'dak li jirrigwarda l-prova ta' l-implementazzjoni tal-ftehim u, b'mod partikolari, ta' l-eżistenza ta' sistema ta' sorveljanza, jidher li, skond Roquette, il-Kummissjoni użat, mingħajr ma speċifikat dan espressament, l-elementi ta' prova pprovduti minn Roquette (premessa 172 tad-Deċiżjoni).

251    Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda d-deskrizjoni li l-Kummissjoni tat ta' l-iskop tal-laqgħat li l-partijiet li ħadu sehem fl-akkordju żammu bejn Frar 1987 u Ġunju 1995, in-noti miktuba bl-idejn ipprovduti minn Roquette huma determinanti. Dan huwa ammess mill-Kummissjoni fil-premessa 121 tad-Deċiżjoni tagħha, li tindika li "il-kontenut ta’ kull laqgħa huwa magħruf aħjar għall-perijodu 1989-1900, dan għaliex id-dikjarazzjonijiet ta’ l-impriżi huma sostnuti minn dokumenti ta’ dak iż-żmien". Issa, l-imsemmija dokumenti ta’ dak iż-żmien jikkorrispondu man-noti tal-laqgħat li Roquette ħadet mil-laqgħa ta’ Göteborg tal-11 ta’ Mejju 1989 sal-laqgħa f'Zurich tat-3 ta’ Settembru 1991. In-noti pprovduti minn Roquette kif ukoll l-ispjegazzjonijiet relatati magħhom (ara l-memorandum tat-22 ta’ Lulju 1999) ippermettew lill-Kummissjoni tifhem il-funzjonament ta’ l-akkordju, is-suġġett tad-diskussjonijiet bejn il-partijiet u r-rwol li kull wieħed minnhom kellu, u tiddeċifra l-kodiċi li kienu jintużaw mill-impriżi sabiex jindikaw kull waħda minnhom. Dawn in-noti miktuba bl-idejn huma, fir-rigward ta’ ċertu laqgħat, l-uniċi dokumenti li l-Kummissjoni kellha sabiex issir taf l-iżvolġiment tagħhom (ara l-laqgħat imsemmija fil-premessi 131, 132 sa 138 u 139 sa 149 tad-Deċiżjoni, kif ukoll iż-żjara ta’ rappreżentant ta’ Fujisawa fil-fabbrika ta’ Roquette fit-22 ta’ Jannar 1990, il-laqgħa bejn Jungbunzlauer u Roquette tat-2 ta’ Frar 1990, il-laqgħa tal-21 u t-22 ta’ Mejju 1990 f’Zurich, il-laqgħa ta’ l-10 u l-11 ta’ Ġunju f’Ġinevra, il-laqgħa ta’ l-24 ta’ Lulju 1991 f’Zurich u, fl-aħħar nett, il-laqgħa tat-2 u t-3 ta’ Settembru 1991 f’Zurich). In-noti miktuba bl-idejn ta’ Roquette ppermettew ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi n-natura antikompetittiva tad-diskussjonijiet li seħħu bejn, minn naħa, ADM u, min-naħa l-oħra, Glucona u l-produtturi l-oħra ewropej (premessa 155 tad-Deċiżjoni).

252    Ir-rwol determinanti tal-kontribuzzjonijiet ta’ Roquette huwa wkoll ipprovat, skond hi, mill-fatt li, minn 175-il riferiment li l-Kummissjoni għamlet, fin-noti fin-naħa tal-qiegħ tal-paġni tad-Deċiżjoni, għal dokumenti u dikjarazzjonijiet ta’ l-impriżi kkonċernati, kważi nofshom inkisbu permezz tal-kooperazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra l-provi kollha tanġibbli li jippermettu li jiġi stabbilit l-iskop u l-modalitajiet ta’ l-akkordju kienu ġew ipprovduti minn Roquette. Il-Kummissjoni tagħraf dan fil-premessa 426 tad-Deċiżjoni, meta tfakkar li "Roquette [kienet] l-uniku membru ta’ l-akkordju li pprovdiet dokumenti li jirrigwardaw il-kontenut u l-konklużjonijiet tal-laqgħat ta’ l-akkordju".

253    Roquette tinvoka, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ deskrizzjonijiet preċiżi, fid-Deċiżjoni, tal-kontenut tal-laqgħat li għalihom il-Kummissjoni ma kinitx tiddisponi min-noti miktuba bl-idejn ta’ Roquette, fil-konfront ta’ dawk li għalihom il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq tali informazzjonijiet.

254    Barra minn hekk, għall-perijodu ta’ qabel l-ewwel laqgħa deskritta min-noti ta’ Roquette, il-Kummissjoni tillimita ruħha għal deskrizzjonijiet vagi u mhux preċiżi (ara l-premessa 121 tad-Deċiżjoni, fejn il-Kummissjoni ssemmi "numru kbir ta’ laqgħat multilaterali" li seħħu "bejn April u Mejju ta’ l-1990" kif ukoll id-deskrizzjonijiet tal-laqgħat li għalihom isir riferiment fil-premessi 122 sa 128 tad-Deċiżjoni).

255    L-insuffiċjenza ta’ elementi li minnhom kienet tiddisponi l-Kummissjoni tirriżulta wkoll mid-deskrizzjonijiet ta’ avvenimenti posterjuri jew mhux koperti min-noti miktuba bl-idejn ipprovduti minn Roquette. Din ta’ l-aħħar tosserva diversi kuntradizjonijiet u tirreferi għall-premessi 129 u 164 tad-Deċiżjoni. Barra minn dan, kif juru l-premessi 201 u 214 tad-Deċiżjoni, id-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet ta’ Roquette dwar dan il-perijodu ta’ l-akkordju kienu ta’ utilità kbira għall-Kummissjoni.

256    Roquette tqis li hija kienet l-unika li pprovdiet tant elementi b’valur probatorju kbir, li jinkludu elementi ta’ prova miktuba, dokumenti li jixhdu d-data tal-ksur u dokumenti relatati direttament ma’ l-imġiba ta’ l-impriżi. Hija tikkunsidra, għalhekk, li skond il-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il-Kummissjoni, T-13/89, Ġabra p. II-1021) u l-abbozz ta’ komunikazzjoni ġdida, il-Kummissjoni kellha qabel xejn tikkunsidra n-natura determinanti ta’ l-informazzjoni pprovduta għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tat-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa.

257    Fir-replika tagħha Roquette issostni li n-natura determinanti ta’ l-informazzjoni li hija pprovdiet ma tistax tiġi kkontestata mill-elementi pprovduti minn Fujisawa. Skond Roquette, billi rrappurtat l-eżistenza ta’ l-akkordju, l-identità ta’ dawk li ħadu sehem fih u l-iskop tal-ksur, Fujisawa pprovdiet biss informazzjoni li l-Kummissjoni kienet diġa saret taf permezz tas-sit internet ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Amerikani. Barra minn dan, is-sunt tad-dokumenti pprovduti minn Fujisawa huwa biss noti ta’ spejjeż ta’ vjaġġ li jirrigwardaw id-diversi postijiet fejn kienu jinżammu l-laqgħat ta' l-akkordju. L-informazzjoni pprovduta minn Roquette tmur ferm lil hinn minn dan.

258    Il-Kummissjoni tikkontesta r-relevanza ta’ dawn l-elementi u tenfasizza li hija kkunsidrat b’mod xieraq il-kollaborazzjoni ta’ Roquette billi tagħtha tnaqqis ta' 40 % ta’ l-ammont tal-multa, skond it-Titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

259    Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li Roquette mhijiex l-ewwel membru ta’ l-akkordju li rrapurtat dan mal-Kummissjoni. Fil-fatt, Fujisawa hija l-ewwel li pprovdiet lill-Kummissjoni b’elementi determinanti fir-rigward ta’ ksur li kien jimplika lilha stess (ara l-punt 244 iktar ‘il fuq). Issa, kien ikun biss li kieku Roquette kienet l-ewwel membru ta’ l-akkordju li rrapurtat dan il-ksur lill-Kummissjoni, billi tipprovdi elementi determinanti, li din ta’ l-aħħar, jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet l-oħra, setgħet tagħtiha, kif din tippretendi, tnaqqis aktar sostanzjali skond it-Titolu B jew C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

260    F’dan il-każ, Il-Kummissjoni tat lil Roquette tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa billi applikat it-Titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Billi għamlet dan, kif ġustament ssostni l-Kummissjoni, hija ħadet in kunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-kooperazzjoni ta’ Roquette.

261    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li kienu biss l-elementi pprovduti minn Roquette li kienu determinanti għall-elaborazzjoni tad-Deċiżjoni għandu jiġi miċħud

262    L-argument ta’ Roquette li jgħid li l-Kummissjoni kella tagħtiha, minn ta’ l-anqas, it-tnaqqis massimu previst taħt it-Titolu D ta’ l-imsemmija komunikazzjoni jingħaqad mal-kontestazzjoni li Roquette tagħmel ta’ l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet ta’ l-importanza tal-kooperazzjoni tagħha, li wasslet għal tnaqqis ta’ 40 % ta’ l-ammont tal-multa li kieku hija kien ikollha tħallas. Konsegwentement, minn hawn il-quddiem, dawn iż-żewġ argumenti huma ttrattati flimkien.

C –  Fuq il-fatt li l-Kummissjoni inġustament issostni li Roquette pprovdiet id-dokumenti kkonċernati biss fir-risposta tagħha għat-talba għall-informazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

263    Roquette issostni li kien sabiex tikkwalifika l-imġiba tagħha bħala li taqa' taħt it-Titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li l-Kummissjoni allegat li d-dokumenti rilevanti ġew ipprovduti lilha biss fir-risposta għat-talba formali għall-informazzjoni tat-2 ta' Marzu 1999, ibbażata fuq l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17. Issa, skond Roquette, it-talba għal informazzjoni tat-2 ta' Marzu 1999 kien fiha mistoqsijiet li jħeġġu lill-wieħed jinkrimina lilu nnifsu, li kienu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża u għalhekk kienu jiġġustifikaw id-dritt li wieħed jibqa' lura milli jirrispondihom u, konsegwentement, il-fatt li hija rrispondiet għal dawn il-mistoqsijiet biss fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni. Fir-rigward tan-nuqqas ta' natura purament fattwali tal-mistoqsijiet magħmula u ta' l-informazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha, Roquette issostni li dawn il-mistoqsijiet kellhom l-iskop li jobbligawha tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Dan jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-112/98, Ġabra p. II-729, punti 66,67, 71, 73 u 78), li min-naħa l-oħra kienu jintitolaw għad-dritt li wieħed jibqa' lura milli jweġibhom. Skond Roquette, minn dan il-ksur potenzjali tad-drittijiet tad-difiża jirriżulta li r-risposti tagħha għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni ngħataw biss wara li hija kienet iddeċidiet li tikkoopera mal-Kummissjoni.

264    Il-Kummissjoni ssostni li t-talba formali għal informazzjoni tat-2 ta' Marzu 1999 ġiet ippreżentata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 u li l-ebda waħda mill-mistoqsijiet, f'din it-talba għall-informazzjoni, ma kienet ta' natura tali li tobbliga lill-Roquette tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim illegali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, jekk il-mistoqsijiet kienu jinċitaw ammissjoni ta' ħtija, Roquette kienet fid-dritt li tirrifjuta li tirrispondihom. Il-Kummissjoni tqis li, peress li Roquette ma rrifjutatx li tirrispondi l-mistoqsijiet, ir-risposti li hija pprovdiet ma kinux ammissjoni ta' ħtija u kienu informazzjoni fil-kuntest ta' talba għall-informazzjoni u mhux fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

265    Għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, bil-kontra ta' dak li ssostni Roquette, li ma kienx sabiex tikkwalifika l-imġiba tagħha bħala li taqa' taħt it-Titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat li d-dokumenti rilevanti ġew ipprovduti lilha biss fir-risposta għat-talba formali għal informazzjoni tat-2 ta' Marzu 1999, ibbażata fuq l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, mill-premessa 426 tad-Deċiżjoni jirriżulta li kien biss sabiex tiġi stabbilita l-perċentwali tat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa, fil-kuntest tas-setgħa ta' evalwazzjoni li jagħtiha t-Titolu D ta' din il-komunikazzjoni, li hija kkunsidrat dan l-element.

266    Wara dan, għandu jiġi osservat, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk, kif issostni Roquette, uħud mill-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-talba għal informazzjoni tagħha jiksrux id-drittijiet tad-difiża, li, kif tenfasizza l-istess Roquette, hija għażlet liberament li tirrispondi l-mistoqsijiet li sarulha, fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni. Fil-fatt, Roquette setgħet, f'kull każ, ma tirrispondix dawn il-mistoqsijiet, bir-riskju, ovvjament, li ma tingħatax it-tnaqqis tal-multa previst mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Apparti dan, għandu jiġi kkunsidrat li r-risposti ta' Roquette mhux bilfors jagħtu indikazzjoni ta' kooperazzjoni spontanea fil-kuntest tal-proċedura in kwistjoni peress li Roquette pprovdiet l-informazzjoni tagħha biss wara talba għal informazzjoni u mhux fuq inizjattiva tagħha stess. Roquette għalhekk ma tistax tilmenta li l-Kummissjoni, meta kienet qegħda tistabbilixxi l-perċentwali ta' tnaqqis ta' l-ammont tal-multa, ikkunsidrat l-fatt li hija kkooperat biss wara t-talba għal informazzjoni li l-Kummissjoni kienet bagħtitliha.

267    Fl-aħħar nett, dwar il-fatt li l-Kummissjoni kellha tagħti lill-Roquette, minn ta' l-anqas, it-tnaqqis massimu previst taħt it-Titlolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar 'il fuq u, b'mod partikolari, li Roquette pprovdiet l-informazzjoni tagħha biss wara talba għal informazzjoni, tnaqqis ta' 40 % ta' l-ammont tal-multa huwa wieħed xieraq.

268    Konsegwentement, dan it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li ssostni li Roquette pprovdiet id-dokumenti kkonċernati biss fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni, għandu jiġi miċħud.

269    Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, il-motivi bbażati fuq żbalji li l-Kummissjoni għamlet fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta' Roquette matul il-proċedura amministrattiva għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma. Fin-nuqqas ta' illegalita fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta' Roquette matul il-proċedura amministrattiva, m'hemmx lok li d-Deċiżjoni tiġi emendata fuq din il-bażi.

V –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ne bis in idem

A –  L-argumenti tal-partijiet

270    Fl-aħħar motiv tagħha Roquette essenzjalment tallega ksur tal-prinċipju ne bis in idem u tal-prinċipju ta' proporzjonalità, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-awtoritajiet Amerikani dwar il-kompetizzjoni kienu wkoll immultaw lil Roquette għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

271    Sabiex issostni dan l-aħħar motiv, Roquette tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Diċembru 1972, Boehringer vs Il-Kummissjoni (7/72, Ġabra p. 1281), li tindika li, "fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandhiex ukoll tagħti sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta' Stat terz, din tqum biss jekk il-fatti kkunsidrati fil-każ in kwistjoni kontra r-rikorrenti mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet Amerikani min-naħa l-oħra, ikunu identiċi".

272    Issa, skond Roquette, fil-proċedura mibdija mill-awtoritajiet Amerikani dwar il-kompetizzjoni u f'dik mibdija mill-Kummissjoni, mhijiex biss kwistjoni ta' l-istess tipi ta' akkordju u ta' l-istess partijiet, iżda wkoll implementazzjoni identika ta' l-akkordju u mġiba identika tal-partijiet.

273    Sabiex turi li l-proċeduri quddiem l-awtoritajiet dwar il-kompetizzjoni Ewropej u dawk Amerikani kellhom l-istess suġġett, jiġifieri akkordju dinji li jmur kontra l-kompetizzjoni, Roquette tirreferi għall-ftehim ġudizzjarju (Plea Agreement) li hija kkonkludiet. Dan il-ftehim jikkonferma li l-multa imposta fl-Istati Uniti hija bbażata mhux biss fuq l-imġiba ta' Roquette fl-Istati Uniti iżda wkoll fuq l-imġiba tagħha fis-suq Ewropew minħabba l-fatt li din l-imġiba tirrifletti l-funzjonament ta' l-akkordju fuq livell dinji. Il-ftehim in kwistjoni jistabbilixxi li, "[i]l-kundizzjonijiet prinċipali ta' dan l-akkordju kienu li ishma tas-suq jiġu mqassma bejn impriżi kbar li jipproduċu l-glukonat tas-sodju fl-Istati Uniti u fi bnadi oħra, u li jiġi stabbilit u miżmum il-prezz tal-glukonat tas-sodju mibjugħ fl-Istati Uniti u fi bnadi oħra". Għalhekk, skond Roquette, il-multa imposta fl-Istati Uniti ma tissanzjonax biss l-effetti ta' l-imġiba tagħha fis-suq Amerikan, iżda tirrigwarda wkoll is-sehem tagħha fl-implementazzjoni ta' l-akkordju fuq livell dinji u għalhekk, b'mod partikolari, fuq livell Ewropew.

274    Roquette issostni li d-definizzjoni ġeografika ta' l-akkordju għal-livell dinji tirriżulta wkoll mill-għanijiet ta' l-akkordju, bħall-iskambju ta' informazzjoni fuq il-klijenti u l-għoti ta' kwoti ta' bejgħ fuq livell dinji, kif ukoll iż-żamma ta' laqgħat madwar id-dinja.

275    Fl-aħħar nett, matul l-evalwazzjoni ta' l-ammont tal-multa, kemm l-awtoritajiet Amerikani dwar il-kompetizzjoni kif ukoll il-Kummissjoni kkunsidraw il-fatturat dinji ta' Roquette. Il-fatt li dan il-fatturat ġie kkunsidrat darbtejn sabiex jiġu ssanzjonati l-istess fatti jmur kontra, skond Roquette, il-prinċipju ne bis in idem u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

276    Il-Kummissjoni ssostni li l-motiv ta' Roquette għandu jiġi miċħud.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

277    Mill-Ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ne bis in idem, li huwa previst ukoll mill-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li r-rispett tagħhom jiġi assigurat mill-Qorti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Mejju 1966, Gutmann vs Il-Kummissjoni KEEA, 18/65 u 35/65, Ġabra p. 149, 172, u tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C 252/99 P eu C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 59; ara wkoll, f'dan is-sens. is-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 271 iktar 'il fuq, punt 3).

278    Il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi li l-istess persuna tiġi ssanzjonata iżjed minn darba għall-istess imġiba illegali sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija suġġetta għal tliet kunidzzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-identità tal-fatti, l-identità ta’ min wettaq il-ksur u l-identità ta’ l-interess ġuridiku protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 p, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 338).

279    Il-ġurisprudenza inkludiet ukoll il-possibbiltà ta' akkumulu ta' sanzjonijiet, waħda Komunitarja, l-oħra nazzjonali, wara li jkun hemm proċeduri paralleli, li jippersegwixxu finijiet distinti, li l-ammissibbiltà tagħhom tirriżulta mis-sistema partikolari ta' tqassim ta' kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-akkordji. Madankollu, ħtieġa ġenerali ta' ekwità timplika li, meta tkun qegħda tistabbilixxi l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra s-sanzjonijiet li diġà jkunu ġew imposti fuq l-istess impriża għall-istess fatt, meta dawn ikunu sanzjonijiet imposti għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji ta' Stat Membru u, konsegwentement, imwettqa fuq it-territorju tal-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1969, Wilhelm et, 14/68, Ġabra p. 1, punt 11, u Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 271 iktar 'il fuq, punt 3; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, T-141/89, Ġabra p. II-791, punt 191, u Sotralentz vs Il-Kummissjoni T-149/89, Ġabra p. II-1127, punt 29).

280    Safejn Roquette tallega li, billi imponitilha multa għall-parteċipazzjoni tagħha f'akkordju diġà ssanzjonat mill-awtoritajiet Amerikani, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ne bis in idem, li jgħid li ma tistax tiġi imposta sanzjoni oħra lill-istess persuna għall-istess imġiba pprojbita, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Komunitarja ddeċidiet li impriża tista' validament tkun is-suġġett ta’ żewġ proċeduri paralleli għall-istess imġiba pprojbita, u għallhekk għall-sanzjoni doppja, waħda ta' l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat, l-oħra Komunitarja, safejn l-imsemmija proċeduri jkollhom finijiet distinti u sakemm id-dispożizzjonijiet miksura ma jkunux identiċi (sentenzi Wilhelm et punt 279 iktar 'il fuq, punt 11; Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, punt 279 iktar 'il fuq, punt 191, u Sotralentz vs Il-Kummissjoni, punt 279 iktar 'il fuq, punt 29).

281    Minn dan isegwi li l-prinċipju ne bis in idem ma jistax, iktar u iktar, jiġi applikat f'każ bħal dak in eżami, fejn il-proċeduri użati u s-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet Amerikani, min-naħa l-oħra, ma kinux evidentement jippersegwixxu l-istess għanijiet. Fil-fatt, jekk, fl-ewwel każ, l-għan kien li tiġi salvagwardjata kompetizzjoni mhux distorta fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea u fiż-ŻEE, il-protezzjoni mfittxa fit-tieni każ, tikkonċerna s-suq Amerikan (ara f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1970, Buchler vs Il-Kummissjoni 44/69, Ġabra p. 733, punti 52 u 53, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punti 103 sa 106). Għalhekk, il-kundizzjoni li l-interess ġuridiku protett ikun identiku, meħtieġa sabiex ikun jista' jiġi applikat il-prinċipju ne bis in idem mhijiex sodisfatta.

282    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li Roquette la tinvoka u lanqas tipprova l-eżistenza ta' prinċipju legali jew ta' regola jew ta' konvenzjoni fid-dritt internazzjonali pubbliku li tipprojbixxi lill-awtoritajiet jew qrati ta' Stati differenti milli jippersegwixxu u jikkundannaw persuna minħabba fatti identiċi li jkollhom effett fuq it-territorju jew il-ġurisdizzjoni tagħhom. Fin-nuqqas ta' prova ta' l-eżistenza ta' tali regola jew konvenzjoni li torbot lill-Komunità ma Stati terzi, bħall-Istati Uniti, u li tipprevedi tali projbizzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta minn tali prinċipju.

283    Minn dan isegwi li għandu jiġi miċħud l-argument ta' Roquette, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ne bis in idem minħabba li l-akkordju in kwistjoni kien ukoll is-suġġett ta' kundanna li ngħatat 'il barra mit-territorju Komunitarju u li l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkunsidrat il-fatturat globali ta' Roquette, li diġà kien ġie kkunsidrat mill-awtoritajiet Amerikani sabiex jistabbilixxu multi.

284    Safejn Roquette tallega li l-Kummissjoni interpretat ħażin is-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 271 iktar 'il fuq, li tgħid li l-Kummissjoni hija obbligata tagħti sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta' pajjiż terz jekk il-fatti li l-Kummissjoni tallega kontra l-impriża rikorrenti, minn naħa, u minn dawn l-awtoritajiet, min-naħa l-oħra, huma identiċi, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 3 ta' dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dan li ġej:

"[…] fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandhiex ukoll tagħti sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta' Stat terz, din tqum biss jekk il-fatti kkunsidrati fil-każ in kwistjoni kontra r-rikorrenti mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet Amerikani min-naħa l-oħra, ikunu identiċi."

285    Minn din is-silta Roquette tiddeduċi li, kuntrarjament għal dan, il-Kummissjoni hija obbligata tikkunsidra s-sanzjonijiet imposti fuqha mill-awtoritajiet Amerikani għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju dinji fuq il-glukonat tas-sodju, li huwa ta' l-istess tip, li jissarraf fl-istess implementazzjoni u kien jinkludi mġiba identika tal-partijiet, kemm fuq il-livell tas-suġġett kif ukoll tal-post, bħal dak ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni li imponitilha multa ta' 10.8 miljun EUR.

286    Madankollu, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li mis-silta tas-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 271 iktar 'il fuq, huwa evidenti li l-Qorti tal-Ġustizzja, 'il bogħod milli ssolvi l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni hijiex obbligata tagħti sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta' Stat terz fl-ipoteżi fejn il-fatti, li din l-istituzzjoni u l-imsemmija awtoritajiet jallegaw kontra impriża, ikunu identiċi, hija għamlet minn din l-identiċità tal-fatti kkundannati mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta' Stat terz kundizzjoni preliminari għall-mistoqsija kkunsidrata iktar 'il fuq.

287    Barra minn dan, għandu t-tieni nett jiġi enfasizzat li huwa in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari li tirriżulta, minn naħa, mill-interdipendenza stretta tas-swieq nazzjonali ta' l-Istati Membri u tas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, mis-sistema partikolari tat-tqassim ta' kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri dwar l-akkordji fuq l-istess territorju, dak tas-suq komuni, li l-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ammettiet il-possibbiltà ta' prosekuzzjoni doppja, iddeċidiet, fir-riġward ta' l-eventwali sanzjoni doppja li tirriżulta minn dan, li huwa meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-ewwel deċiżjoni repressiva, skond il-ħtiġijiet ta' ekwità (sentenza Wilhelm et, punt 279 iktar 'il fuq, punt 11, u konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Mayras fis-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 271 iktar 'il fuq, Ġabra p. 1293, 1301 sa 1303).

288    Issa, sitwazzjoni bħal din mhijiex, evidentement, sodisfatta f'dan il-każ. Għalhekk, fin-nuqqas ta' dispożizzjoni espressa ta' konvenzjoni li tipprevedi l-obbligu li l-Kummissjoni, meta tkun qed tistabbilixxi l-ammont tal-multa, tikkunsidra sanzjonijiet diġà imposti fuq l-istess impriża għall-istess fatt minn awtoritajiet jew qrati ta' Stat terz, bħall-Istati Uniti, Roquette ma tistax validament tilmenta li l-Kummissjoni, f'dan il-każ, interpretat ħażin din l-allegata obbligazzjoni.

289    F'kull każ, fuq il-bażi tas-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 271 iktar 'il fuq, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li għalkemm il-prinċipju ta' ekwità jobbliga lill-Kummissjoni tikkunsidra s-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet ta' Stati terzi meta l-fatti li l-Kummissjoni tallega kontra impriża jkunu identiċi ma dawk li Stat terz jallega kontra din l-istess impriża, bilfors għandu jiġi kkonstatat li Roquette baqgħat ma pprovatx li, f'dan il-każ, l-awtoritajiet Amerikani kkunsidraw applikazzjonijiet jew effetti li l-akkordju kellu fuq territorju ieħor apparti dak tagħhom.

290    Fil-fatt, f'dak li jirrigwarda l-kundanna li Roquette ngħatat fl-Istati Uniti, mill-ftehim konkluż bejn il-Ministru tal-Ġustizzja Amerikan u Roquette, hekk kif ippreżentat quddiem il-United States District Court for the Northern District Court of California, jirriżulta li Roquette ġiet ikkundannata għal multa ta' 2.5 miljun dollaru Amerikan (USD). Għalkemm dan il-ftehim jevoka l-fatt li l-akkordju fuq il-glukonat tas-sodju kellu l-għan li jelimina l-kompetizzjoni billi jistabbilixxi u jżomm il-prezzijiet, u billi jqassam l-ishma tas-suq tal-glukonat tas-sodju mibjugħ "fl-Istati Uniti u bnadi oħra", bl-ebda mod ma ġie stabbilit li dan il-ftehim milħuq minn awtorità Amerikana kien jikkunsidra applikazzjonijiet jew effetti ta' l-akkordju minbarra dawk li seħħu f'dan il-pajjiż (ara f'dan is-sens, is-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 271 iktar 'il fuq, punt 6) u, b'mod partikolari, dawk ikkonstatati fiż-ŻEE, ħaġa li, min-naħa l-oħra, kienet tkun ta' ndħil manifest fuq il-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni. Barra minn dan, mhuwiex ikkontestat li l-Kummissjoni għamlet l-inkjesta tagħha stess (premessi 54 sa 64 tad-Deċiżjoni) u impenjat ruħha li tagħmel l-evalwazzjoni tagħha tal-mezzi ta' prova li ġew ippreżentati lilha.

291    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret allegat obbligu li tagħti s-sanzjonijiet imposti preċedentement mill-awtoritajiet ta' Stat terz kif ukoll dak, invokat indirettament minn Roquette, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità li jirriżulta minnu.

292    Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, huwa biss l-ilment ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tal-fatturat li għandu jiġi kkunsidrat għall-kalkolu ta' l-ammont bażi tal-multa ta' Roquette li jista' jiġi aċċettat. Għalhekk il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tiddetermina, skond is-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-konsegwenzi ta' dan l-iżball.

 Fuq l-eżerċizzju tas-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa

293    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza, abbażi tas-setgħa ġurisdizzjonali sħiħa tagħha, tikkunsidra li, għalkemm l-iżball ikkostitwit mit-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat tal-"likuri tal-melħ" ta' Roquette sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażi tal-multa tagħha (ara l-punt 55 iktar 'il fuq) huwa imputabbli lill-Roquette, din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġġustifika li dan il-fatturat jiġi kkunsidrat fid-determinazzjoni ta' l-ammont bażi tal-multa (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Aristrain vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar 'il fuq, punt 586).

294    Minn dan isegwi li l-fatturat dinji li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażi tal-multa ta' Roquette huwa ta' 9820600 EUR minflok 12293620 EUR u li s-sehem tas-suq tagħha kien ta' 17.4 % u mhux ta' 20.96 %.

295    F'dak li jirrigwarda l-konsegwenzi ta' dan it-tnaqqis, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, meta l-imprizi li kisru l-Artikolu 81(1) KE kienu qegħdin jitqassmu fi-gruppi għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa, id-determinazzjoni tal-limiti għal kull wieħed mill-gruppi hekk identifikati għandha tkun kooerenti u oġġettivament iġġustifikata (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 298, tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 416, u tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 1541).

296    F'dan il każ, it-tqassim tal-membri ta' l-akkordju f'żewġ kategoriji kien iġġustifikat, fid-Deċiżjoni, mill-importanza relattiva ta' l-impriżi fis-suq in kwistjoni espressa f'fatturati u f'ishma tas-suq. Fuq din il-bażi, Jungbunzlauer, Fujisawa u Roquette ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija minħabba li kienu t-tliet produtturi prinċipali tal-glukonat tas-sodju u kellhom ishma tas-suq dinji li kienu jammontaw għal aktar minn 20 %. Glucona u ADM, li l-ishma tas-suq in kwistjoni kienu jammontaw għall-inqas minn 10 %, ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija (premessi 380 u 382 tad-Deċiżjoni).

297    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-importanza relattiva ta' l-impriżi in kwistjoni, espressa f'fatturati u f'ishma tas-suq, tikkostitwixxi kriterju xieraq sabiex dawn jiġu mqassma f'diversi kategoriji. Dan il-kriterju għandu madankollu jiġi applikat fir-rispett tal-prinċipji ta' proporzjonalità u tat-trattament ugwali.

298    Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet inizjali, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li, minħabba l-iżball li sar meta ġie kkunsidrat il-fatturat ta' Roquette, din ta' l-aħħar ma tistax tinżamm fl-ewwel kategorija. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li jmur kontra l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali li jiġi segwit it-tqassim f'kategoriji tad-diversi impriżi in kwistjoni fuq il-bażi tal-kriterju ta' l-importanza relattiva tagħhom u li jiġi applikat lil Roquette, li, wara l-korrezzjoni, s-sehem tas-suq tagħha sar ta' 17.4 % u l-fatturat ta' 9820600 EUR, l-istess ammont ta' tluq ta' 10 miljun EUR bħal Fujisawa, li, wara l-korrezzjoni tas-sehem tas-suq ta' Roquette, is-sehem tas-suq tagħha sar ta' 37.1 % u li għandha fatturat ta' 20843500 EUR, filwaqt li lil ADM, li s-sehem tas-suq tagħha, wara l-korrezzjoni tas-sehem tas-suq ta' Roquette, sar ta' 9.7 % u li għandha fatturat ta' 5485810 EUR, gie impost l-ammont ta' tluq ta' 5 miljun EUR.

299    Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni li jgħidu li l-multa ma ġietx ikkalkulata skond il-fatturat. Fil-fatt, għalkemm l-ammont tal-multa ma ġiex stabbilit direttament skond il-fatturat ta' l-impriżi in kwistjoni, dan il-fatturat, madankollu, jiddefinixxi l-ammont ta' tluq tal-multa li huwa determinanti sabiex jiġi stabbilit l-ammont finali tal-multa. Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-impriżi ġew imqassma f'kategoriji skond il-kwalità tagħhom ta' produtturi prinċipali u mhux skond jekk is-sehem tas-suq tagħhom kienx iktar jew anqas minn 20 %. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni hija żbaljata meta ssostni li, fid-Deċiżjoni tagħha, iż-żewġ kategoriji jiddependu biss fuq l-applikazzjoni tal-kriterju tat-tliet produtturi prinċipali (ara l-punt 296 iktar 'il fuq) u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni skond dan l-uniku kriterju ma tistax tiġi ġġustifikata fir-riġward tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali. F'dak li jirrigwarda r-riferiment li sar, mill-Kummissjoni, għas-sentenza Acerinox vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li wieħed ma jistax jużah utilment f'dan il-każ partikolari peress li d-differenza bejn l-ishma tas-suq ta' l-impriżi kkonċernati mill-kwistjoni li tat lok għal dik is-sentenza ma kinitx kbira wisq, bejn il-11% u t-18 %, filwaqt li, f'dan il-każ, wara l-korrezzjoni tal-fatturat ta' Roquette, l-ishma tas-suq ivarjaw minn 9.1 % sa 37.1 % .

300    Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, skond is-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li Roquette għandha tiġi kklassifikata f'kategorija intermedja bejn l-ewwel u t-tieni kategoriji ddefiniti mill-Kummissjoni, li l-ammont ta' tluq għaliha huwa ta' 7.5 miljun EUR. Jekk jiġu applikati l-metodoloġija u l-fatturi l-oħra li l-Kummissjoni użat f'dan il-każ, il-multa ta' Roquette għandha għalhekk tkun ta' 8.1 il-miljun EUR.

301    Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li għalkemm l-imputabbiltà lil Roquette ta' l-iżball in kwistjoni ma jistax jippreġudika r-rettifika ta' l-imsemmi żball u tal-konsegwenzi tiegħu (ara l-punt 293 iktar 'il fuq), dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ma tistax, fl-ebda każ, tikkunsidra din l-imputabbiltà sabiex tevalwa l-konsegwenzi ta' dan l-iżball.

302    F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, fl-ittra li bagħtet lill-Kummissjoni fid-19 ta' Novembru 1999, Roquette enfasizzat l-ambigwità tal-kunċett tal-glukonat tas-sodju likwidu jew "GDS 'likwidu' ". Fil-fatt, fl-ittra tagħha Roquette indikat li "[l]-isem GDS 'likwidu' [kien] jikkorrispondi kemm għal-'likuri tal-melħ', miksuba bħala prodott inevitabbli matul il-kristallizzazzjoni tal-GDS 'solidu', kif ukoll għal meta l-GDS 'solidu' jiġi ridott f'likwidu".

303    Wara dan, minn din l-istess ittra jirriżulta li Roquette ppreċiżat il-partikolarità tal-glukonat tas-sodju likwidu tagħha kif ġej:

"[…] Roquette tixtieq ukoll tiġbed l-attenzjoni fuq il-partikolarità tal-prodott tagħha, GDS 'likwidu', fir-rispett ta' dak tal-konkorrenti tagħha. Fil-fatt, Roquette għandha teknika ta' kristallizzazzjoni tal-GDS 'solidu' li l-partikolarita tagħha hija li, minħabba passaġġ wieħed f'kristallizzazzjoni, tipprovdi "likuri tal-melħ" (GDS 'likwdu'):

–        fi kwantitajiet kunsiderevoli ħafna;

–        ta' kwalità li tista' tiġi kkummerċjalizzata; u

–        bi prezz baxx.

Bil-kontra ta' dan u safejn taf Roquette, il-proċessi ta' fabrikazzjoni tal-kompetituri tagħha jipproduċu biss kwantita żgħira ta' "likuri tal-melħ", minħabba diversi passaġġi fil-kristallizzazzjoni, ta' kwalità iktar baxxa u li mhumiex ikkummerċjalizzati jew ikkumerċjalizzati ftit fis-settur industrijali. Il-GDS 'likwidu' tal-kompetituri ta' Roquette iktar kien jikkorrispondi ma GDS 'solidu' ridott f'likwidu, jiġifieri prodott bi prezz ħafna iktar għoli.

Il-proċess ta' fabrikazzjoni ta' Roquette huwa sigriet tan-negozju, bl-istess mod bħall-produzzjoni inevitabbli tal-GDS 'likwidu' li jirriżulta minnu, li, f'kull każ ma kienx magħruf mill-kompetituri tagħha meta ġraw il-fatti. Din il-preċiżazzjoni hija importanti ħafna, peress li kien minħabba din il-partikolarità tal-proċess ta' fabrikazzjoni tagħha li Roquette dejjem kienet kontra li l-laqgħat organizzati mal-kompetituri tagħha jkunu estiżi għall-GDS 'likwidu', minkejja l-insistenza ta' dawn ta' l-aħħar."

304    Fl-ittra tagħha tat-3 ta' Mejju 1999, Roquette tippreċiża li l-laqgħat imsemmija fl-anness ta' dik l-ittra kienu jikkonċernaw, "f'dak li jirrigwarda lill-Roquette, il-GDS ikkristallizzat (solidu) biss u mhux il-GDS likwidu." Fir-risposta tagħha tal-25 ta' Lulju 2000 għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, Roquette tindika wkoll li, "minħabba l-proċess ta' produzzjoni tagħha tal-GDS, [hija] kienet tipproduċi glukonat likwidu (jew 'likuri tal-melħ') fi kwantitajiet kbar" u li hija "dejjem kienet kontra li l-glukonat tas-sodju likwidu jkun jagħmel parti mill-kwoti u, b'mod iktar ġenerali, mir-regoli deċiżi matul il-laqgħat."

305    Barra minn dan, fid-dikjarazzjoni ta' kooperazzjoni tat-12 ta' Mejju 1998 ta' Fujisawa, din ta' l-aħħar issostni li l-"likuri tal-melħ" ma kinux jikkostitwixxu prodott lest u għalhekk ma kinux inklużi fil-portata ta' l-akkordju.

306    Fl-aħħar nett, fl-ittri tagħha tat-3 ta' Mejju u tal-21 ta' Mejju 2001, Roquette bagħtet lill-Kummissjoni fatturati bl-isem "glukonat tas-sodju likwidu", wara t-talbiet għal informazzjoni tat-2 ta' Marzu 1999 u tal-11 ta' Mejju 2001.

307    Fir-rigward ta' dak li ntqal iktar il-fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li l-ispjegazzjonijiet li Roquette pprovdiet lill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tad-19 ta' Novembru 1999 ma jippermettux li tiġi konkluża l-ekwivalenza bejn il-glukonat tas-sodju ta' Roquette u l-likuri tal-melħ". F'din l-ittra Roquette tenfasizza, ċertament, li l-kunċett ta' glukonat tas-sodju likwidu jew "GDS 'likwidu' jista' jikkorrispondi kemm mal-"likuri tal-melħ" miksuba bħala prodott inevitabbli matul il-kristallizzazzjoni tal "GDS 'solidu'", kif ukoll mar-riduzzjoni f'likwidu tal-"GDS 'solidu'", u li hija tiddisponi minn teknika ta' kristallizzazzjoni tal-"GDS 'solidu'" li l-partikolarità tagħha hija li, minħabba passaġġ wieħed fi kristallizzazzjoni, tipprovdi "likuri tal-melħ" fi kwantitajiet kunsiderevoli ħafna, ta' kwalità li tista' tiġi kkummerċjalizzata u bi prezz baxx, madankollu bl-ebda mod ma jirriżulta li l-prodott likwidu ta' Roquette imsemmi "glukonat tas-sodju likwidu" jikkorrispondi biss ma' "likuri tal-melħ".

308    Il-fatt li Roquette, fl-ittri tagħha tat-3 ta' Mejju 1999 u tal-25 ta' lulju 2000, indikat lill-Kummissjoni li l-laqgħat ta' l-akkordju kienu jikkonċernaw, f'dak li jirrigwardaha, il-GDS ikkristallizzat biss u mhux il-GDS likwidu, jew li hija dejjem kienet kontra li l-glukonat likwidu jaqa' taħt ir-regoli deċiżi matul il-laqgħat, lanqas ma jindika b'mod ċar li l-glukonat tas-sodju likwidu prodott minn Roquette kien magħmul esklużivament minn "likuri tal-melħ".

309    Fin-nuqqas ta' preċiżjoni fuq l-ekwivalenza perfetta bejn il-glukonat tas-sodju likwidu ta' Roquette u tal-"likuri tal-melħ", il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li Roquette kienet tipproduċi, minbarra "likuri tal-melħ", glukonat tas-sodju likwidu li jixbah lil dak tal-kompetituri tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet ġustament titlob lill-Roquette sabiex tipprovdilha l-fatturat għal, b'mod partikolari, il-glukonat tas-sodju likwidu tagħha.

310    Barra minn dan, fir-risposti tagħha tat-3 ta' Mejju 1999 u tal-21 ta' Mejju 2001 għat-talbiet għall-informazzjoni tal-Kummissjoni dwar, b'mod partikolari, il-fatturat tagħha għall-glukonat tas-sodju likwidu, Roquette baqgħat lura milli tippreċiża li l-glukonat tas-sodju likwidu tagħha kien jikkorrispondi esklużivament għal "likuri tal-melħ". Il-fatt, invokat minn Roquette, li l-Kummissjoni talbitha tikkonforma ruħha strettament mal-format tat-talbiet għal informazzjoni bl-ebda mod ma jipprekludi li hija kellha tishar sabiex il-Kummissjoni ma tkunx imqarrqa u li tippreċiża li l-fatturat tagħha għall-glukonat tas-sodju likwidu kien jikkorrispondi esklużivament mal-fatturat tagħha għal-"likuri tal-melħ". Din il-konklużjoni timponi ruħha iktar u iktar meta, minħabba l-metodu ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni tal-glukonat tas-sodju likwidu minn Roquette, din ta' l-aħħar kellha tkun taf li seta' jkun hemm konfużjoni fi ħdan il-Kummissjoni.

311    Min-naħa l-oħra, peress li Roquette tista' tiġi meqjusa bħala impriża ta' daqs kbir, wieħed jista' ġustament jippreżumi li hija kienet tiddisponi minn għarfien u infrastrutturi ġuridiko-ekonomiċi li kienu jippermettulha tkun taf li l-fatturati tagħha setgħu jintużaw sabiex jiġi kkalkulat l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqha.

312    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tafda, għall-bżonnijiet tal-kalkolu tal-multa. fuq il-fatturati pprovduti minn Roquette taħt it-titolu "glukonat tas-sodju likwidu". Id-dikjarazzjoni li Fujisawa tagħmel, fid-dikjarazzjoni ta' kooperazzjoni tagħha tat-12 ta' Mejju 1998, li l-"likuri tal-melħ" ma kinux jikkostitwixxu prodotti lesti u għalhekk ma kinux inklużi fil-portata ta' l-akkordju, tikkonferma biss il-portata ta' dan ta' l-aħħar. Bil-kontra ta' dak li ssostni Roquette, din mhijiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kellhiex tkun taf li l-glukonat tas-sodju likwidu ta' Roquette kien jikkorrispondi għal-"likuri tal-melħ".

313    Jidher ukoll li, matul il-proċedura amministrattiva u, partikolarment, fir-risposti għall-mistoqsijiet preċiżi tal-Kummissjoni, Roquette kkommettiet negliġenza gravi billi naqset milli tinformha b'mod suffiċjentement ċar u mhux ekwivoku bl-ekwivalenza ta' bejn il-glukonat tas-sodju likwidu tagħha u l-"likuri tal-melħ".

314    B'mod partikolari, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li Roquette pprovdiet il-fatturat tagħha b'mod żbaljat wara t-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Mejju 2001, magħmula skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, fejn il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tad-destinatarji ta' din it-talba fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Skond din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni setgħet, permezz ta' deċiżjoni, timponi multa ta' ammont li jvarja bejn 100 u 5000 EUR lil impriża jekk, negliġentement, din l-impriża tipprovdi informazzjoni li ma tkunx eżatta fir-risposta għal talba għal informazzjoni, hekk kif prevista mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

315    Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li fid-dawl tan-negliġenza gravi ta' Roquette hija għandha, skond is-setgħa ġurisdizzjonali sħiħa tagħha, iżżid l-ammont tal-multa b' 5000 EUR.

316    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-multa ta' Roquette għandha tkun ta' 8105000 EUR.

 Fuq it-talbiet ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura

317    Wara li ġiet irtirata, f'dak li jikkonċerna lil Jungbunzlauer, id-Deċiżjoni li kienet timponilu multa ta' 20.4 miljun EUR għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-akkordju fis-settur tal-glukonat tas-sodju u l-adozzjoni, fid-29 ta' Settembru 2004, ta' deċiżjoni meħuda kontra Jungbunzlauer u tliet kumpanniji oħra tal-grupp Jungbunzlauer, li kienet timponilhom multa ta' 19.04 miljun EUR għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju fis-settur tal-glukonat tas-sodju, Roquette sostniet li kien hemm fatt ġdid li kien jiġġustifika motiv ġdid u miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura.

318    Roquette essenzjalment issostni li peress li d-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004 timponi lill-Jungbunzlauer u lill-tliet kumpanniji oħra tal-grupp Jungbunzlauer multa li hija inqas minn dik li kienet ġiet imposta fuq Jungbunzlauer fid-Deċiżjoni, Jungbunzlauer ġiet offruta "ċans ieħor" sabiex tiddefendi ruħha u tippreżenta argumenti ġodda. Roquette issostni li hija ma kellhiex tali "ċans ieħor". Hija għalhekk tressaq motiv ġdid, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, tal-prinċipju ta' trattament ugwali u tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

319    Sabiex jiġi kkunsidrat dan il-fatt ġdid, Roquette titlob, l-ewwel nett, fil-kuntest ta' miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura meħuda fuq il-bażi ta' l-Artikolu 64(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Kummissjoni tiġi mitluba tieħu pożizzjoni fuq il-motiv il-ġdid imressaq minn Roquette u li, fid-dawl ta' dan il-motiv ġdid, tannulla d-Deċiżjoni. Sussidjarjament, Roquette titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tieħu dawk il-miżuri kollha meħtieġa previsti mir-Regoli tal-Proċedura tagħha bħall-ftuħ mill-ġdid tat-trattazzjoni jew l-inġunzjoni.

320    Il-Kummissjoni tikkontesta kull waħda minn dawn it-talbiet ta' Roquette.

321    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li kemm mill-finalità kif ukoll mis-suġġett tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċeduri, kif previsti fl-Artikolu 64 (1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li dawn jidħlu fil-kuntest ta' diversi fażijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li tagħha huma intiżi li jiffaċilitaw l-iżvolġiment. Minn dan isegwi li, wara t-tmiem tal-proċedura orali, parti tista' titlob miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura biss jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li terġa tiftaħ il-proċedura orali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hoechst vs Il-Kummissjoni, C-227/92 P, Ġabra p. I-4443, punti 102 u 103).

322    Konsegwentement, minkejja l-impostazzjoni tat-talbiet ta' Roquette, għandha l-ewwel nett tingħata deċiżjoni fuq l-opportunità li terġa' tinfetaħ il-proċedura orali f'din il-kawża.

323    Kif ġie stabbilit mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija marbuta li tilqa' talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex jinstemgħu fatti allegatament ġodda biss jekk il-parti kkonċernata tibbaża ruħha fuq fatti li jista' jkollhom influwenza deċiżiva fuq is-soluzzjoni tal-kwistjoni u li hija ma setgħetx issostni qabel it-tmiem tal-proċedura orali [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, ICI vs Il-Kummissjoni, C-200/92 P, Ġabra p. I-4399, punt 60 u 61, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ġunju 2002, British American Tobacco (Investments) vs Il-Kummissjoni, T-311/00, Ġabra p. II-2781, punt 53].

324    F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li l-kwistjoni tirrigwarda, f'dan il-każ, il-legalità tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni adottat kontra Roquette. Fil-fatt, Roquette titlob l-annullament tad-Deċiżjoni safejn din timponilha multa ta' 10.8 miljun EUR. Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li d-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004 hija evidentement posterjuri għad-Deċiżjoni.

325    Issa, kif ġie stabbilit mill-ġurisprudenza, il-legalità ta' att Komunitarju għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta' fatt u ta' dritt li kienu jeżistu meta ġie adottat l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punti 7 u 8, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, Altmann et vs Il-Kummissjoni, T-177/94 u T-377/94, Ġabra. p. II-2041, punt 119). Konsegwentement, ma jistgħux jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta' dan l-att, elementi posterjuri għad-data ta' meta l-att Komunitarju ġie adottat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-legalità ta' deċiżjoni għandha, fil-prinċipju, issir fuq il-bażi ta' elementi ta' fatt u ta' dritt li l-partijiet ressqu matul il-proċedura amministrattiva u/jew imsemmija f'din id-deċiżjoni. Jekk dan ma jkunx il-każ, issir ħsara lill-paralleliżmu, li jserraħ fuq l-identità ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt, ta' bejn il-proċedura – preċedenti – amministrattiva u l-proċedura ta' stħarriġ – posterjuri – ġudizzjarju.

326    Għaldaqstant, peress li l-fatt il-ġdid invokat minn Roquette huwa evidentement posterjuri għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni, dan ma jeffettwax il-validità ta' din ta' l-aħħar (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Settembru 1998, IECC vs Il-Kummissjoni, T-133/95 u T-204/95, Ġabra p. II-3645, punt 37). Id-deċiżjoni adottata fid-29 ta' Settembru 2004 kontra Jungbunzlauer u tlieta mill-kumpanniji sussidjarji tagħha, għalhekk, ma tikkostitwixxix fatt ġdid ta' natura tali li jkollu influwenza deċiżiva fuq is-soluzzjoni tal-kwistjoni. Għalhekk mhemmx lok li l-proċedura terġa tinfetaħ fuq din il-bażi.

327    Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-fatt li Roquette titlob ukoll l-emendar tad-Deċiżjoni. Huwa minnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza tista', bis-saħħa tas-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tikkunsidra elementi ta' informazzjoni supplementari li ma kinux issemmew fid-deċiżjoni kkontestata matul l-evalwazzjoni ta' l-ammont tal-multa fir-rigward ta' l-ilmenti invokati mir-rikorrenti (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il-Kummissjoni, T-230/00, Ġabra p. II-2733, punt 61). Madanakollu, fid-dawl tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, din il-possibbiltà għandha, fil-prinċipju, tkun limitata għall-kunsiderazzjoni ta' elementi ta' informazzjoni li jkunu preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni setgħet tkun taf dwarhom meta ħadet id-deċiżjoni tagħha. Imġiba differenti twassal sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tissostitwixxi ruħha ma' l-amministrazzjoni sabiex tevalwa kwistjoni li din ta' l-aħħar tkun għadha ma ġietx interpellata li teżamina, b'tali mod li tkun qegħda tindaħal fil kompetenzi tagħha u, b'mod ġenerali, li tikser is-sistema tat-tqassim tal-funzjonijiet u ta' l-ekwilibriju istituzzjonali bejn il-poteri ġudizzjarji u dawk amministrattivi. L-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004 mhijiex ta' natura tali li tiġġustifika eċċezzjoni għal dawn il-prinċipji. Min-naħa l-oħra, Roquette bl-ebda mod ma stabbiliet li din id-deċiżjoni tippreżenta xi karatteristiċi eċċezzjonali. Għaldaqstant, safejn id-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004 hija posterjuri għad-Deċiżjoni u mhijiex ta' natura tali li tiġġustifika deroga mill-prinċipju li jgħid li huma biss dawk l-elementi ta' informazzjoni ġodda li jkunu preċedenti għad-Deċiżjoni li jistgħu jiġu kkunsidrati, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura u, għaldaqstant, it-talbiet għall-adozzjoni ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, għandhom jiġu miċħuda.

328    Il-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest ta' l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tikkunsidra l-fatti posterjuri in kwistjoni bl-ebda mod ma jwaqqaf lir-rikorrenti milli ssostni d-drittijiet tagħha quddiem il-Kummissjoni. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lir-rikorrenti milli titlob formalment lill-Kummissjoni terġa' tiftaħ il-proċedura amministrattiva sabiex tirrevedi l-ewwel deċiżjoni tagħha u, eventwalment, tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kontra deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni li tiċħad din it-talba.

329    B'mod supplementari, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, anki jekk jiġi meqjus li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004 hija ta' natura tali li tiġġustifika eċċezzjoni għall-projbizzjoni li jiġu kkunsidrati elementi ta' informazzjoni supplementari posterjuri għad-deċiżjoni kkontestata, f'dan il-każ, il-kundizzjoni li dan l-element ġdid għandu jkollu influwenza deċiżiva fuq is-soluzzjoni tal-kwistjoni sabiex jiġġustifika ftuħ mill-ġdid tal-proċedura (ara l-ġurisprudena ċċitata fil-punt 323 iktar 'il fuq) mhijiex sodisfatta.

330    Fil-fatt, l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004 ma tistax, fl-ebda każ, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tat-trattament ugwali, kif allegat minn Roquette.

331    F'dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida kontra Jungbunzlauer u tliet kumpanniji oħra tal-grupp Jungbunzlauer ma effettwatx il-ħtieġa ta' amministrazzjoni tajba li kellha tmexxi lill-Kummissjoni matul l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontra Roquette, anki jekk ikun hemm ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba fir-rigward ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004, hija biss Jundbunzlauer li tista' tipprevali ruħha minn dan il-fatt. B'dan il-mod Roquette tagħmel tagħha motiv li jista' jitressaq biss, jekk ikun hemm bżonn, minn Jungbunzlauer sabiex issostni lment xieraq. Għalhekk, tali motiv fl-ebda każ ma jista' jirnexxi.

332    Bl-istess mod, f'dak li jikkonċerna l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida kontra Jungbunzlauer, Roquette ma tagħmel xejn ħlief tinvoka f'isimha lment li allegatament huwa ta' terz. Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriża kkonċernata kienet fil-pożizzjoni li tippreżenta b'mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni tallega kontriha (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, T-5/00 u T-6/00, Ġabra p. II-5761, punti 32 u 33). Issa, f'dan il-każ, ma ġie ppreżentat l-ebda element li jgħid li d-deċiżjoni tad-29 ta' settembru 2004 effettwat id-Deċiżjoni meħuda kontra Roquette. Roquette tibqa' ma tipprovdix l-iċken indizzju li jipprova li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004, ġew imputati lilha ċerti fatti ġodda li b'dan il-mod jibdlu d-Deċiżjoni li tikkonċernaha. Għal dawn ir-raġunijiet, l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004 bl-ebda mod ma hija ta' ħsara, f'dan il-każ, għad-drittijiet tad-difiża ta' Roquette.

333    Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali fir-rigward tal-fatt li Jungbunzlauer setgħet tieħu pożizzjoni għat-tieni darba fuq il-fatti li ġew allegati kontriha, meta dan ma kienx il-każ għal Roquette, għandu jiġi mfakkar li l-atti ta' l-istituzzjonijiet igawdu, fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta' legalità u, għaldaqstant, jipproduċu effetti ġuridiċi sakemm ma jkunux ġew annullati jew irtirati (sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar 'il fuq, punt 69). Barra minn hekk, deċiżjoni li timponi multa lil parti hija meqjusa legali u tipproduċi effetti ġuridiċi sa minn meta tiġi adottata. Bil-kontra ta' dan, l-irtirar ta' deċiżjoni li timponi multa għandu bħala konsegwenzi li jneħħi għal kollox l-effetti ġuridiċi ta' din id-deċiżjoni.

334    Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni, safejn din kienet għall-ewwel tirrigwarda lill-Jungbunzlauer, u d-deċiżjoni adottata fid-29 ta' Settembru 2004 kontra Jungbunzlauer u tliet kumpanniji oħra tal-grupp Jungbunzlauer, ma kinux ifissru li Jungbunzlauer kellha l-opportunità li għat-"tieni darba" tieħu pożizzjoni fuq fatti li ġew allegati kontriha. Jungbunzlauer kellha tieħu pożizzjoni fuq deċiżjoni ġdida, li segwiet l-irtirar ta' l-ewwel deċiżjoni, li rrendiet lil din ta' l-aħħar ineżistenti. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2004 ma kinitx ta' natura tali li ġġib magħha ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali fir-rispett ta' Roquette.

335    Konsegwentement, it-talba ta' Roquette sabiex tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura u, għaldaqstant, it-talbiet għall-adozzjoni ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, għandhom ukoll jiġu miċħuda għal dawn ir-raġunijiet.

336    F'dak li jirrigwarda t-talba ta' Roquette intiża sabiex din il-kawża tiġi magħquda mal-kawża T-492/04, Jungbunzlauer et vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li din it-talba għandha wkoll tiġi miċħuda peress li din il-kawża waslet fl-istadju ta' deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

337    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 87(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.

338    F'dan il-każ, il-Kummissjoni tilfet biss f'dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjoni tal-fatturat dwar il-glukonat tas-sodju ta' Roquette għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multa ta' Roquette. Madankollu, kien biss minħabba n-negliġenza gravi ta' Roquette li l-Kummissjoni kkunsidrat fatturat żbaljat. Roquette tilfet fir-rigward tat-talbiet l-oħra kollha li hija ppreżentat.

339    F'ċirkustanzi bħal dawn, issir evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi jiġi deċiż li Roquette tbati l-ispejjeż kollha tagħha u l-ispejjeż kollha magħmula mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi

1)      L-ammont tal-multa ta' Roquette Frères SA huwa stabbilit għall-8105000 EUR

2)      Id-deċiżjoni C(2001) 2931 finali, tat-2 ta' Ottubru 2001, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.756 – Glukonat tas-sodju), hija emendata safejn din tmur kontra l-ewwel punt ta' hawn fuq.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Roquette Frères SA għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Azizi

Jaeger

Dehousse

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 27 ta' Settembru 2006

E. Coulon

 

       J. Azizi

Reġistratur

 

       President





Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

I –  Fuq il-gravità tal-ksur

A –  Introduzzjoni

B –  Fuq id-determinazzjoni tal-fatturat

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq l-impatt konkret ta' l-akkordju

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq il-fatt li l-Kummissjoni għażlet metodu żbaljat sabiex tipprova li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq l-ilmenti bbażati fuq l-elementi li l-Kummissjoni kkunsidrat sabiex tikkonkludi l-implementazzjoni u l-effetti ta' l-akkordju

a)  Dwar il-fażijiet differenti ta' l-akkordju

L-argumenti tal-partijiet

Il-kuunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

b)  Fuq in-nuqqas ta' l-ilħuq ta' l-għanijiet ta' l-akkordju matul il-fażi operattiva

Introduzzjoni

Is-sistema ta' sorveljanza

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Il-kwoti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Il-prezzijiet

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

It-tqassim tal-klijenti

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tal-Prim'Istanza

c)  Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet ta' l-effetti ta' l-akkordju fuq il-bażi tal-grafiċi kkonfiskati mill-uffiċċji ta' Roquette

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tikkunsidra elementi oħra matul l-evalwazzjoni tagħha ta' l-effetti ta' l-akkordju

a)  F'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' l-aspetti speċifiċi tas-suq

L-argumenti tal-Partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

b)  In-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tax-xerrejja

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

c)  In-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tal-klima ta' suspett

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

D –  Fuq il-limitazzjoni ta' l-effetti ta' l-akkordju minn Roquette

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

II –  Fuq it-tul ta' żmien tal-ksur

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

III –  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

A –  L-argumenti tal-Partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

IV –  Fuq il-kooperazzjoni ta' Roquette matul il-proċedura amministrattiva

A –  Introduzzjoni

B –  Fuq il-fatt li Roquette kienet l-ewwel u l-unika membru ta' l-akkordju li pprovdiet elementi ta' prova determinanti għall-elaborazzjoni tad-Deċiżjoni

1.  Ġeneralitajiet

2.  Kunsiderazzjonijiet ġeneriċi dwar ir-regoli applikabbli, f'dan il-każ, għall-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-partijiet matul il-proċedura amministrattiva

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Dwar il-fatt li l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni qabel il-kooperazzjoni ta' Roquette kienet insuffiċjenti sabiex tipprova l-eżistenza ta' akkordju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  Fuq il-fatt li kienu biss l-elementi pprovduti minn Roquette li kienu determinanti għall-elaborazzjoni tad-Deċiżjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq il-fatt li l-Kummissjoni inġustament issostni li Roquette pprovdiet id-dokumenti kkonċernati biss fir-risposta tagħha għat-talba għall-informazzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

V –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ne bis in idem

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-eżerċizzju tas-setgħa ta' ġurisdizzjoni sħiħa

Fuq it-talbiet ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura

Fuq l-ispejjeż



*Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.