Language of document : ECLI:EU:T:2006:269

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

27 ta' Settembru 2006 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Glukonat tas-sodju – Artikolu 81 KE – Multa – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Linji gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi – Prinċipju tal-proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-kawża T-330/01,

Akzo Nobel NV, stabbilita f’Arnhem (l-Olanda), inizjalment irrappreżentata minn M. van Empel u C. Swaak, wara minn C. Swaak, Avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Whelan, A. Bouquet u W. Wils, bħala aġenti, assistiti minn H. van der Woude, Avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament ta’ l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2001) 2931 finali tat-2 ta’ Ottubru 2001 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.756 – Glukonat tas-sodju), safejn dawn jikkonċernaw ir-rikorrenti jew, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, M. Jaeger u F. Dehousse, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-kumpannija Akzo Nobel NV (iktar 'il quddiem “Akzo”) hija l-kumpannija parent ta’ grupp ta’ impriżi speċjalizzati fl-industrija kimika u fl-industrija farmaċewtika. Hija żżomm l-ishma kollha tal-kumpannija Akzo Nobel Chemicals BV (iktar 'il quddiem “ANC”). Fiż-żmien meta seħħew il-fatti u sa Diċembru 1995, ANC kienet attiva fis-suq tal-glukonat tas-sodju permezz tas-sehem tagħha fil-kumpannija Glucona vof, impriża li hija kienet tikkontrolla flimkien mal-Coöperatieve Verkoop- en Productievereniging van Aardappelmeel en Derivaten Averbe BA (iktar 'il quddiem “Avebe”). F’Diċembru 1995, Avebe akkwistat l-ishma ta’ ANC fi Glucona vof, li saret kumpannija b’responsabbiltà limitata u ħadet l-isem ta’ Glucona BV (iktar 'il quddiem Glucona vof u Glucona BV jissejħu indistintament “Glucona”).

2        Il-glukonat tas-sodju jagħmel parti mill-aġenti kelanti, li huma prodotti li jagħmlu inattivi l-jonijiet metalliċi fil-proċessi industrijali. Dawn il-proċessi jinkludu, b’mod partikolari, it-tindif industrijali (tindif ta’ fliexken u ta’ utensili), it-trattament ta’ l-uċuh (trattament kontra s-sadid, tneħħija ta' xaħam, inċiżjoni ta’ l-aluminju) u t-trattament ta’ l-ilma. L-aġenti kelanti huma għaldaqstant użati fl-industrija ta' l-ikel, fl-industrija kożmetika, fl-industrija farmaċewtika, fl-industrija tal-karta, fl-industrija tal-konkrit u f'industriji oħra. Il-glukonat tas-sodju jinbiegħ fid-dinja kollha u l-impriżi li jikkompetu ma' xulxin huma preżenti fis-swieq dinjija.

3        Fl-1995, il-bejgħ totali ta’ glukonat tas-sodju fil-livell dinji kien ta’ madwar 58.7 miljun EUR, u dak magħmul fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kien ta' madwar 19.6 miljun EUR. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-kważi-totalità tal-produzzjoni dinjija ta’ glukonat tas-sodju kienet f’idejn ħames impriżi, jiġifieri, l-ewwel, Fujisawa Pharmaceutical Co. Ltd (iktar 'il quddiem “Fujisawa”), it-tieni, Jungbunzlauer AG (iktar 'il quddiem “Jungbunzlauer”), it-tielet, Roquette Frères SA (iktar 'il quddiem “Roquette”), ir-raba', Glucona vof u l-ħames, Archer Daniels Midland Co. (iktar 'il quddiem “ADM”).

4        F’Marzu 1997, il-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan informa lill-Kummissjoni li, sussegwentement għal inkjesta li saret fuq is-swieq tal-lisina u ta’ l-aċidu ċitriku, kienet infetħet inkjesta wkoll fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju. F’Ottubru u f'Diċembru 1997 kif ukoll fi Frar 1998, il-Kummissjoni ġiet informata li Akzo, Avebe, Glucona, Roquette u Fujisawa kienu rrikonoxxew li kienu pparteċipaw f'akkordju li kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-glukonat tas-sodju u fit-tqassim tal-volumi ta’ bejgħ ta’ dan il-prodott fl-Istati Uniti u f'pajjiżi oħra. Wara numru ta’ ftehim konklużi mal-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan, ġew imposti multi mill-awtoritajiet Amerikani fuq dawn l-impriżi.

5        Fit-18 ta’ Frar 1998, il-Kummissjoni bagħtet, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), talbiet għal informazzjoni lill-produtturi, importaturi, esportaturi u xerrejja prinċipali tal-glukonat tas-sodju fl-Ewropa.

6        Wara li saret it-talba għal informazzjoni, Fijisawa kkuntattjat lill-Kummissjoni sabiex tinformaha li hija kienet ikkooperat ma’ l-awtoritajiet Amerikani fil-kuntest ta’ l-inkjesta deskritta hawn fuq u li hija xtaqet tagħmel l-istess mal-Kummissjoni abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-każijiet dwar akkordji (ĠU C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-“Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). Fit-12 ta’ Mejju 1998, wara laqgħa li saret mal-Kummissjoni fl-1 ta’ April 1998, Fujisawa pprovdiet dikjarazzjoni bil-miktub u fajl li jinkludi sunt ta' l-istorja ta’ l-akkordju u ċertu numru ta’ dokumenti.

7        Fis-16 u 17 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, fil-bini ta’ Avebe, ta’ Glukona, ta’ Jungbunzlauer u ta’ Roquette.

8        Fit-2 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni dettaljata lil Glucona, lil Roquette u lil Jungbunzlauer. Permezz ta’ ittri ta’ l-14, 19 u 20 ta’ April 1999, dawn l-impriżi wrew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni u pprovdewlha xi informazzjoni fuq l-akkordju. Fil-25 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil ADM, lil Fujisawa, lil Glucona, lil Roquette u lil Jungbunzlauer.

9        Fis-17 ta’ Mejju 2000, abbażi ta’ l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lil Akżo u lill-impriżi l-oħra kkonċernati għall-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim fuq iż-ŻEE (iktar 'il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). Akzo u l-impriżi l-oħra kollha kkonċernati bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub b'risposta għall-oġġezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni. Ebda waħda minn dawn il-partijiet ma talbet li ssir seduta jew ikkontestat il-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

10      Fil-11 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil Akzo u lill-impriżi kkonċernati l-oħra.

11      Fit-2 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2001) 2931 finali dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.756 – Glukonat tas-sodju) (iktar 'il quddiem id-“Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lil Akzo permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001.

12      Id-Deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

[Akzo], [ADM], [Avebe], [Fujisawa], [Jungbunzlauer] u [Roquette] kisru l-Artikolu 81(1) [...] KE u – mill-1 ta’ Jannar 1994 'il quddiem – l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ftehim u/jew prattika miftiehma kontinwa fis-settur tal-glukonat tas-sodju.

Il-ksur dam għaddej:

–        fil-każ ta’ [Akzo], ta’ [Avebe], ta’ [Fujisawa] u ta’ [Roquette], minn Frar 1987 sa Ġunju 1995;

–      fil-każ ta’ [Jungbunzlauer], minn Mejju 1988 sa Ġunju 1995;

–      fil-każ ta’ [ADM], minn Ġunju 1991 sa Ġunju 1995.

[...]

Artikolu 3

Qed jiġu imposti l-multi segwenti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a)      [Akzo]                                     9 miljuni EUR

b)      [ADM]                                     10.13 miljun EUR

c)      [Avebe]                                     3.6 miljun EUR

d)      [Fujisawa]                            3.6 miljun EUR

e)      [Jungbunzlauer]                   20.4 miljun EUR

f)      [Roquette]                            10.8 miljun EUR

[...]"

13      Fil-premessi 296 sa 309 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni analizzat ir-relazzjonijiet li kienu jeżistu matul il-perijodu kkonċernat mill-akkordju bejn Glucona u l-kumpanniji parent tagħha, Avebe u Akzo. B’mod partikolari, hija nnutat li, sal-15 ta’ Awwissu 1993, Glucona kienet ġiet ġestita minn rappreżentanti ta’ Avebe u ta’ Akzo flimkien, imma li, minn dik id-data 'l quddiem, minħabba ristrutturazzjoni ta’ Glucona, hija kienet ġiet ġestita esklużivament minn rappreżentant ta’ Avebe. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li Avebe u Akzo kellhom jiġu kkunsidrati responsabbli għall-imġiba antikompetittiva tas-sussidjarja tagħhom matul il-perijodu kollu kkonċernat u li, għaldaqstant, kellhom ikunu d-destinatarji tad-Deċiżjoni.

14      Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodoloġija esposta fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(2) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar 'il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

15      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont ta’ bażi tal-multa skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur.

16      F’dan il-kuntest, għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni fl-ewwel lok ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, ta' l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju fiż-ŻEE u tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat (premessa 371 tad-Deċiżjoni).

17      Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika reali li tikkawża dannu għall-kompetizzjoni u tistabbilixxi l-multa f'livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti. Konsegwentement, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-fatturati dinjija magħmula mill-impriżi kkonċernati mill-bejgħ tal-glukonat tas-sodju matul is-sena 1995, l-aħħar sena tal-perijodu tal-ksur, ikkomunikati mill-impriżi kkonċernati wara talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni u li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkalkluat l-ishma fis-suq rispettivi ta’ dawn l-impriżi, il-Kummissjoni kklassifikat dawn l-impriżi f’żewġ kategoriji. Fl-ewwel kategorija, hija kklassifikat l-impriżi li, skond l-informazzjoni li kellha, kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta' iktar minn 20%, jiġifieri Fujisawa (35.54%), Jungbunzlauer (24.75%) u Roquette (20.95%). Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont ta’ tluq ta’ 10 miljun EUR. Fit-tieni kategorija, hija kklassifikat l-impriżi li, skond l-informazzjoni li kellha, kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta' inqas minn 10%, jiġifieri Glucona (madwar 9.5%) u ADM (9.35%). Għal dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ffissat ammont ta’ tluq tal-multa ta' 5 miljun EUR, jiġifieri għal Akzo u Avebe li flimkien kienu jippossiedu lil Glucona, 2.5 miljun EUR kull waħda (premessa 385 tad-Deċiżjoni).

18      Minbarra dan, sabiex tassigura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, minn naħa, u sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi kbar għandhom għarfien u infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jippermettulhom japprezzaw aħjar li l-imġiba tagħhom tikkostitwixxi ksur u l-konsegwenzi li joħorġu mill-imġiba tagħhom mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għamlet aġġustament ta’ dan l-ammont ta’ tluq. Konsegwentement, filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 għall-ammonti ta’ tluq iddeterminati għal ADM u AKZO u għaldaqstant żiedet dan l-ammont ta’ tluq b’mod li ġie ffissat għal 12.5 miljun EUR fil-każ ta’ ADM u għal 6.25 miljun EUR fil-każ ta’ Akzo (premessa 388 tad-Deċiżjoni).

19      Għal dak li jikkonċerna d-dewmien tal-ksur imwettaq minn kull impriża, l-ammont ta’ tluq ġie miżjud, minbarra dan, b'10% fis-sena, jiġifieri żieda ta’ 80% għal Fujisawa, għal Akzo, għal Avebe u għal Roquette, ta’ 70% għal Jungbunzlauer u ta’ 35% għal ADM (premessi 389 sa 392 tad-Deċiżjoni).

20      Kien għalhekk li l-Kummissjoni ffissat l-ammont ta’ bażi tal-multi għal 11.25 miljun EUR għal dak li jikkonċerna lil Akzo. Fir-rigward ta’ ADM, ta’ Avebe, ta’ Fujisawa, ta’ Jungbunzlauer u ta’ Roquette, l-ammont ta’ bażi ġie ffissat, rispettivament, għal 16.88, għal 4.5, għal 18, għal 17 u għal 18 miljun EUR (premessa 396 tad-Deċiżjoni).

21      Fit-tieni lok, l-ammont ta’ bażi tal-multa imposta fuq Jungbunzlauer ġie miżjud b'50% minħabba ċirkustanzi aggravanti, għar-raġuni li din l-impriża kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest ta’ l-akkordju (premessa 403 tad-Deċiżjoni).

22      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet l-argumenti ta’ xi impriżi fir-rigward tal-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti (premessi 404 sa 410 tad-Deċiżjoni).

23      Fir-raba’ lok, skond it-Titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni akkordat lil Fujisawa “tnaqqis sinjifikattiv ħafna” (jiġifieri 80%) ta’ l-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Fl-aħħar nett, skond it-Titolu D ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni akkordat “tnaqqis sinjifikattiv” (jiġifieri 40%) ta’ l-ammont tal-multa lil ADM u lil Roquette u ta’ 20% lil Akzo, lil Avebe u lil Jungbunzlauer (premessi 418, 423, 426 u 427).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Diċembru 2001, Akzo ressqet dan ir-rikors.

25      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ressqet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li huma rrispondew għalihom fit-termini mogħtija.

26      It-trattazzjoni orali tal-partijiet instemgħet fis-seduta tas-17 ta’ Frar 2004.

27      Akzo titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni safejn dawn jirrigwardaw lil Akzo;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3, flimkien mal-premessa 388 tad-Deċiżjoni, safejn il-koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 ġie applikat lilha;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, li jinkludu l-ħlas ta’ l-interessi u ta' l-ispejjeż tal-garanzija bankarja.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lil Akzo tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

29      Il-motivi ta’ annullament invokati minn Akzo jikkonċernaw, fl-ewwel lok, l-iffissar ta’ l-ammont ta’ tluq tal-multi imposti fuq il-partijiet kollha fl-akkordju, fit-tieni lok, il-klassifikazzjoni tal-parteċipanti fl-akkordju, fit-tielet lok, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat ta’ Akzo u, fir-raba' lok, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5.

 Fuq l-iffissar ta’ l-ammont ta' tluq għall-kalkolu tal-multi imposti fuq il-partijiet kollha fl-akkordju

30      Akzo tindika l-ksur, fl-ewwel lok, tal-prinċipju tal-proporzjonalità u, fit-tieni lok, ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

31      Akzo tosserva li, meta, fil-premessa 385 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ffissat l-ammont ta’ tluq għall-kalkolu tal-multi imposti fuq il-partijiet kollha fl-akkordju għal 40 miljun EUR, hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-volum ristrett tas-suq tal-glukonat tas-sodju, li għaldaqstant wassal għal ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

32      Akzo tindika li l-ammont totali tal-fatturat magħmul fl-1995 fiż-ŻEE li jikkonċerna l-glukonat tas-sodju kien jammonta għal inqas minn 20 miljun EUR u dak magħmul fil-livell dinji għal inqas minn 59 miljun EUR. Hija ssostni li, konsegwentement, l-ammont totali tal-multi imposti bid-Deċiżjoni jirrappreżenta aktar mid-doppju tal-fatturat annwali tal-prodott in kwistjoni fiż-ŻEE u aktar minn żewġ terzi tal-fatturat tagħha fuq skala dinjija.

33      Skond Akzo, meta għamlet dan, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni, minkejja li allegat li għamlet dan fil-premessa 377 tad-Deċiżjoni, tad-daqs limitat tas-suq, jiġifieri tal-volum ristrett tas-suq tal-prodott in kwistjoni, meta ffissat l-ammont ta’ tluq għall-kalkolu tal-multi. Min-naħa l-oħra, hija klassifikat il-parteċipanti fl-akkordju f’żewġ kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel kategorija, l-impriżi li kellhom ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju ta' iktar minn 20% u, fit-tieni kategorija, dawk li kellhom ishma fis-suq dinji ta’ glukonat tas-sodju ta' inqas minn 10% (ara punt 17 hawn fuq). Issa tali klassifikazzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati skond l-impatt relattiv tagħhom fuq is-suq in kwistjoni f’kull każ m'għandha ebda relazzjoni mad-daqs iktar jew inqas limitat ta’ l-imsemmi suq.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud.

35      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammont tal-multa huwa ddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur u tad-dewmien tiegħu. Minbarra dan, skond il-linji gwida, l-ammont ta’ tluq huwa ffissat skond il-gravità tal-ksur fid-dawl tan-natura stess tal-ksur, ta’ l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u l-firxa tas-suq ġeografiku.

36      Għalhekk dan il-kuntest ġuridiku ma jimponix esspressament lill-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs żgħir tas-suq u l-valur tal-prodott fil-mument ta’ l-iffissar ta’ l-ammont ta’ tluq tal-multa.

37      Madankollu, skond il-ġurisprudenza, fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, huwa obbligu tal-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skond it-tip ta’ ksur in kwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 120). Fost l-elementi li jikkonfermaw il-gravità ta’ ksur jista' b’mod partikolari jkun hemm, skond il-każ, id-daqs tas-suq tal-prodott in kwistjoni.

38      Konsegwentement, jekk id-daqs tas-suq u l-valur tal-prodott jistgħu jikkostitwixxu elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur, l-importanza tagħhom tvarja skond iċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat.

39      F’dan il-każ, jidher mill-premessa 385 tad-Deċiżjoni li, għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat il-ksur bħala gravi ħafna fis-sens tal-linji gwida li, f’każijiet bħal dawn, jipprovdu li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tadotta ammont ta’ tluq ta’ għall-inqas 20 miljun EUR, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ffissat biss ammont ta’ tluq ta’ 10 miljun EUR għall-impriżi kklassifikati fl-ewwel kategorija u ta’ 5 miljun EUR għal dawk ikklassifikati t-tieni kategorija, li jikkorrispondi rispettivament għan-nofs u għal kwart ta’ l-ammont li, skond il-linji gwida, hija tista’ tikkunsidra li tapplika għall-ksur gravi ħafna.

40      Din id-determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ tluq tal-multa tindika li, skond il-premessa 377 tad-Deċiżjoni fejn il-Kummissjoni speċifikat li d-daqs limitat tas-suq ta’ prodotti “ser ukoll jittieħed in kunsiderazzjoni f’dan il-każ fl-iffissar ta’ l-ammonti ta’ tluq”, il-Kummissjoni ħadet suffiċjentement in kunsiderazzjoni d-daqs tas-suq ta’ prodotti in kwistjoni.

41      F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fid-dawl tan-natura tal-ksur imwettaq minn Akzo u tad-daqs tas-suq tal-prodotti in kwistjoni, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju tal-proporzjonalità meta imponiet lil Akzo ammont ta’ tluq ta’ 5 miljun EUR għall-kalkolu tal-multa tagħha.

42      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

43      Akzo tqis li d-Deċiżjoni hija insuffiċjentement motivata safejn teżisti, skondha, kontradizzzjoni bejn, minn naħa, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li hija kienet ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs limitat tas-suq tal-glukonat tas-sodju (premessa 377 tad-Deċiżjoni) u, min-naħa l-oħra, il-premessi dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati (premessi 378 sa 384 tad-Deċiżjoni).

44      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud

45      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-awtorità Komunitarja, awtriċi ta’ l-att in kwistjoni, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-301/96, Ġabra p. I-9919, punt 87; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T-251/00, Ġabra p. II-4825, punt 155).

46      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fil-premessa 377 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ħadet in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammonti ta’ tluq, id-daqs limitat tas-suq tal-glukonat tas-sodju. Sussegwentement, fil-premessi 378 sa 384 tad-Deċiżjoni, hija applikat trattament differenzjali lill-membri ta’ l-akkordju billi kklassifikathom f’żewġ kategoriji skond l-impatt speċifiku tagħhom fuq is-suq u n-neċessità li tassigura livell dissważiv għall-multa. Fl-aħħar nett, kif diġà ġie indikat fil-punt 39 hawn fuq, il-Kummissjoni ffissat, fil-premessa 385 tad-Deċiżjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa skond il-gravità tal-ksur, ammont ta’ tluq ta’ 10 miljun EUR għall-impriżi li jaqgħu fl-ewwel kategorija u ta’ 5 miljun EUR għal dawk li jaqgħu fit-tieni kategorija li jikkorrispondu, rispettivament, għan-nofs u għal kwart ta’ l-ammont li, skond il-linji gwida, hija setgħet taħseb li tapplika għal ksur gravi ħafna.

47      Għalhekk jirriżulta mill-qari tal-premessi 377 u 385 tad-Deċiżjoni flimkien li l-Kummissjoni indikat b’mod suffiċjentement ċar li hija kienet ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs limitat tas-suq tal-prodotti meta ffissat ammonti ta’ tluq tal-multi inqas minn dawk li hija setgħet, skond il-linji gwida, tikkunsidra li tiffissa għal ksur gravi ħafna. Din l-ispjegazzjoni dwar it-teħid in kunsiderazzjoni tad-daqs tas-suq ta’ prodotti mhijiex ikkontradetta mill-premessi 378 sa 384 tad-Deċiżjoni, li fihom il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom, skondha, il-membri ta’ l-akkordju għandhom jiġu kklassifikati f’żewġ kategoriji skond l-impatt speċifiku tagħhom fuq is-suq u n-neċessità li tassigura livell dissważiv tal-multa. Fil-fatt, dan l-istadju tal-kalkolu jikkonċerna r-relazzjoni relattiva bejn il-membri ta’ l-akkordju u mhux il-valur assolut tas-suq ikkonċernat.

48      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Akzo, ma teżistix kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-premessa 377 u, min-naħa l-oħra, il-premessi 378 sa 384 tad-Deċiżjoni.

49      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-klassifikazzjoni tal-parteċipanti fl-akkordju

50      Akso ssemmi l-ksur, fl-ewwel lok, tal-prinċipju tal-proporzjonalità u, fit-tieni lok, ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

51      Akzo tikkunsidra li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità safejn hija kklassifikat il-parteċipanti fl-akkordju skond l-ishma tagħhom fis-suq tal-glukonat tas-sodju f’żewġ kategoriji, mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni b’mod preċiż l-ishma reali tagħhom fis-suq, imma billi użat sistema wisq sempliċistika li tikkonsisti f'li tqassam dawn l-impriżi skond jekk is-sehem tagħhom fis-suq kienx akbar minnn 20% jew inqas minn 10% (premessi 379 sa 382 tad-Deċiżjoni).

52      Akzo tenfasizza li l-proporzjon reali tal-fatturat dinji ta’ l-impriżi kkonċernati jvarja sostanzjalment mill-proporzjon sempliċistiku ta’ 1 għal 2 applikat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-proporzjon reali bejn l-impriżi li għandhom l-iżgħar sehem fis-suq (9% rispettivament, għal ADM u Glucona) u dawk li għandhom l-ikbar sehem fis-suq (36% għal Fujisawa) hija ta' 1 għal 4 u mhux ta' 1 għal 2. Għaldaqstant, skond il-kalkolu magħżul mill-Kummissjoni, imma bit-teħid in kunsiderazzjoni ta' dan il-proporzjon reali bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni kien imissha ffissat l-ammont ta’ bażi tal-multa imposta fuq Akzo u fuq Avebe għal 1.25 miljun EUR u mhux għal 2.5 miljun EUR.

53      Akzo tammetti li m’għandux neċessarjament ikun hemm proporzjon matematiku bejn il-multa finali u l-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati. Madankollu, skondha, jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li din tibbaża ruħha fuq il-fatturat tal-parteċipanti f'akkordju fis-suq in kwistjoni.

54      Akzo tiddeduċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza li, sakemm ma tinvokax ġustifikazzjonijiet oġġettivi partikolari, il-Kummissjoni għandha tassigura ruħha li l-ammonti ta’ bażi speċifiċi jirriflettu s-saħħa ekonomika relattiva ta’ l-impriżi kkonċernati f'termini ta' fatturat jew ta' ishma fis-suq. Madankollu, dan ma seħħx f'dan il-każ. Skond Akzo, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' dan il-każ, il-Kummissjoni kien imissha kklassifikat l-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji: fil-fatt kien possibbli li tiġi identifikata kategorija ta’ impriżi li tinsab, f'termini ta' ishma fis-suq, bejn ADM u Glucona (9% kull waħda) u Fujisawa (36%), jiġifieri l-impriżi Roquette (21%) u Jungbunzlauer (25%). Tali klassifikazzjoni kienet tirrifletti aħjar is-saħħa relattiva ta’ l-impriżi kkonċernati u kienet tippermetti lill-Kummissjoni li tilħaq l-iskop iddikjarat tagħha li jikkonsisti f'li tieħu in kunsiderazzjoni s-saħħa relattiva ta’ l-impriżi kkonċernati fl-iffissar ta’ l-ammont ta’ bażi speċifiku tal-multa.

55      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

56      Skond il-linji gwida, f’każ ta’ ksur li jinvolvi bosta impriżi, il-Kummissjoni tista’, bħalma għamlet f’dan il-każ, tibbilanċja l-ammonti ta’ tluq sabiex tieħu in kunsiderazzjoni s-saħħa speċifika ta’ kull impriża billi tqassam il-membri ta’ l-akkordju fi gruppi “b’mod partikolari meta teżisti disparità kunsiderevoli fid-daqs ta’ l-impriżi li jwettqu ksur ta’ l-istess natura” (is-sitt paragrafu ta' punt 1 A tal-linji gwida). Barra minn hekk, fil-linji gwida huwa speċifikat li “il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza ta’ piena għall-istess imġiba jista’ jwassal, meta ċ-ċirkustanzi hekk jirrikjedu, għall-applikazzjoni ta’ ammonti differenti għall-impriżi kkonċernati mingħajr ma dan id-differenzjar isegwi xi kalkolu aritmetiku” (is-seba’ paragrafu ta’ punt 1 A tal-linji gwida).

57      Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-istadju tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li tassigura, fil-każ fejn jiġu imposti multi fuq bosta impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li jasal għalihom il-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza bejniethom fir-rigward tal-fatturat globali tagħhom imma hija tista’ tipproċedi għal tqassim fi gruppi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 278; tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punti 385 u 386; u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, iktar 'il quddiem is-“sentenza TACA”, punti 1519 u 1520 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

58      Madankollu, kif diġà ddeċidiet bosta drabi l-Qorti tal-Prim’Istanza, meta l-Kummissjoni tqassam l-impriżi kkonċernati fi gruppi sabiex tiddetermina l-ammont tal-multi, id-determinazzjoni tal-limiti għal kull wieħed mill-gruppi hekk identifikati għandha tkun koerenti u oġġettivament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar 'il fuq, punt 298; sentenzi CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar 'il fuq, punt 416, u TACA, punt 57 iktar 'il fuq, punt 1541, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

59      F’dan il-każ, sabiex tiddefinixxi l-kategoriji li permezz tagħhom jitqassmu l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għażlet li tieħu in kunsiderazzjoni l-importanza tagħhom fis-suq in kwistjoni, filwaqt li bbażat ruħha fuq kriterju wieħed, jiġifieri l-ishma fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju, ikkalkulati skond il-fatturat magħmul minnhom f'dan is-suq fl-1995.

60      Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni stabbiliet żewġ kategoriji ta’ impriżi, jiġifieri, minn naħa, dik magħmula mit-“tliet produtturi prinċipali ta’ glukonat tas-sodju [li] kellhom ishma fis-suq dinji ta' akbar minn 20%” u, min-naħa l-oħra, dik magħmula mill-impriżi “li l-ishma fis-suq tagħhom kienu sostanzjalment inqas fis-suq dinji tal-glukonat tas-sodju (inqas minn 10%)” (premessa 382 tad-Deċiżjoni).

61      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ffissat ammont ta’ tluq ta’ 10 miljun EUR għal Fujisawa, għal Jungbunzlauer u għal Roquette, li l-ishma fis-suq rispettivi tagħhom kienu jammontaw għal madwar 36%, 25% u 21%, u ammont ta’ tluq ta’ 5 miljun EUR għal dawk li jaqgħu fit-tieni kategorija, jiġifieri Glucona u ADM, li l-ishma fis-suq tagħhom kienu jammontaw għal madwar 9% kull waħda. Peress li Glucona kienet miżmuma minn Akzo u Avebe flimkien, il-Kummissjoni għalhekk iffissat għal kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji ammonti ta’ tluq ta’ 2.5 miljun EUR (premessa 385 tad-Deċiżjoni).

62      Billi pproċediet b’dan il-mod, abbażi tal-kalkolu tagħha relattiv għall-ishma fis-suq ta’ l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għażlet metodu koerenti ta’ tqassim tal-membri ta’ l-akkordju f'żewġ gruppi, li huwa oġġettivament iġġustifikat minħabba d-differenza fid-daqs eżistenti bejn l-impriżi li jaqgħu f'dawn iż-żewġ kategoriji.

63      F’tali sitwazzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni Akzo, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tiddistingwi aktar il-membri ta’ l-akkordju skond l-ishma fis-suq tagħhom. Huwa b’mod partikolari irrilevanti li wieħed isir jaf jekk, bħalma ssostni Akzo, klassifikazzjoni tal-membri ta’ l-akkordju fi tliet kategoriji kienx jirrifletti aħjar is-saħħa relattiva ta’ l-impriżi kkonċernati, billi l-metodu magħżul mill-Kummissjoni la huwa inkoerenti u lanqas mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva. Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li, f’każijiet oħra, il-Kummissjoni għażlet klassifikazzjoni oħra tal-membri ta’ l-akkordju in kwistjoni f'dawk il-każijiet, lanqas ma tista' tiġi validament invokata, minħabba li hija ma turix li, f’dan il-każ, il-metodu magħżul mill-Kummissjoni ma kienx koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

64      F’kull każ, anki li kieku klassifikazzjoni tal-membri ta’ l-akkordju fi tliet kategoriji kellha tkun iġġustifikata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 39 et seq. hawn fuq, li l-impożizzjoni fuq Glucona ta’ ammont ta’ tluq ta’ 5 miljun EUR mhijiex sproporzjonata. Konsegwentement, ir-riklassifikazzjoni ipotetika tal-membri ta’ l-akkordju ma tistax taffettwa s-sitwazzjoni ta’ Akzo.

65      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

66      Akzo tikkunsidra li d-Deċiżjoni mhijiex suffiċjentement motivata minħabba li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma esponiet ir-raġuni li għaliha hija kienet iffissat ammont ta’ bażi speċifiku li ma kienx jirrifletti b’mod ċar is-saħħa relattiva ta’ Glucona fir-rigward tal-fatturat tagħha jew tas-sehem fis-suq tagħha.

67      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud.

68      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni, kif definit fil-punt 45 hawn fuq, huwa sodisfatt ukoll meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tikkalkula l-gravità u d-dewmien tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punti 73, 76 u 80, u Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 39 sa 47; sentenza TACA, punt 57 iktar 'il fuq, punt 1521).

69      Kif jirriżulta mill-punti 15 sa 20 hawn fuq, il-Kummissjoni indikat, fid-Deċiżjoni, l-elementi ta’ evalwazzjoni li kienu ppermettewlha tikkalkula l-gravità u d-dewmien tal-ksur.

70      Minbarra dan, indipendentement mill-kwistjoni ta’ eventwali nuqqas ta’ korrelazzjoni preċiża bejn l-ammont ta’ bażi ffissat għal Glucona mill-Kummissjoni, minn naħa, u l-fatturat tagħha jew is-sehem fis-suq tagħha, min-naħa l-oħra, diġà ġie deċiż fil-punt 57 hawn fuq li l-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li tassigura li l-ammonti tal-multi kkalkulati għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza bejniethom fir-rigward tal-fatturat tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ tipproċedi għal tqassim fi gruppi. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tipprovdi motivazzjoni speċifika rigward il-fatt li l-ammont ta’ bażi speċifiku kien jirrifletti preċiżament jew le s-saħħa relattiva ta’ Glucona fir-rigward tal-fatturat tagħha jew tas-sehem fis-suq tagħha.

71      Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju tat-tqassim tal-membri ta’ kartelli fi gruppi, għandu jiġi kkonstatat li tali tqassim jistrieħ fuq il-linji gwida, li jipprovdu għall-possibbiltà li l-ammonti jiġu bbilanċjati (ara punt 56 hawn fuq). Għalhekk id-Deċiżjoni kienet ġiet adottata fil-kuntest magħruf sew ta’ Akzo.

72      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat ta’ Akzo

73      Akzo tqajjem motivi bbażati fuq il-ksur, fl-ewwel lok, ta’ l-Artikolu 81 KE u, fit-tieni lok, ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 81

–       L-argumenti tal-partijiet

74      Akzo ma tikkontestax li, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premssa 310 tad-Deċiżjoni, ANC, sussidjarja li tagħha hija kellha 100% tal-kapital u li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, kienet tikkontrolla, flimkien ma’ Avebe, il-kumpannija Glucona, għandha parti mir-responsabbiltà fil-ksur imwettaq imputat lil din ta’ l-aħħar.

75      Madankollu, Akzo ssostni li, fil-premessi 296 sa 310 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet żball meta kkonkludiet li, għall-attivitajiet ta’ Glucona, ANC kienet aġixxiet billi segwiet l-istruzzjonijiet ta’ Akzo sal-punt li din ta’ l-aħħar setgħet tiġi kkunsidrata responsabbli, f’isimha stess, għall-ksur allegat imwettaq minn Glucona.

76      Akzo tosserva li, fil-premessa 310 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bbażat, prinċipalment, il-konklużjoni tagħha li Akzo setgħet tiġi kkunsidrata responsabbli għall-attivitajiet ta’ Glucona fuq il-preżunzjoni li, minħabba li ANC kienet 100% sussidjarja ta’ Akzo, ANC kienet, essenzjalment, applikat l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha u, f’dan ir-rigward, hija straħet fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151). Akzo sussegwentment tosserva li huwa biss addizzjonalment [“minbarra dan” (premessa 310 tad-Deċiżjoni)] li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li għall-anqas tnejn mir-rappreżentanti ta’ ANC fi ħdan Glucona kienu ħadu sehem attiv fl-akkordju, b’mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom għal-laqgħat multilaterali, u li huma kienu fl-istess żmien okkupaw il-karigi ta’ Viċi President u ta’ Direttur Ġenerali ta’ Akzo.

77      Akzo tammetti li, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C-286/98 P, Ġabra p. I-9925), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 29, li l-Kummissjoni setgħet raġonevolement tippreżumi li kumpannija li tkun 100% sussidjarja tapplika l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha u f’każ bħal dan huwa obbligu ta’ l-impriża kkonċernata li tipprova li din il-preżunzjoni hija żbaljata.

78      Madankollu, Akxo tesprimi dubji dwar il-kwisjtoni jekk din il-preżunzjoni għandhiex tapplika mhux biss fil-każijiet fejn teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, imma wkoll f’każijiet bħal dan il-każ, fejn din ir-relazzjoni hija sostanzjalment aktar fil-bogħod. Fl-ewwel lok, hija fil-fatt tosserva li, f’dan il-każ, ANC hija sussidjarja tal-kumpannija holding nazzjonali Akzo Nobel Nederland BV (iktar 'il quddiem “ANN”), li min-naħa tagħha hija sussidjarja tal-kumpannija holding prinċipali. Fit-tieni lok, hija ssostni li kemm Akzo kif ukoll ANN kienu kumpanniji holding li ma jeżerċitaw ebda attività kummerċjali huma stess u lanqas ma jimmanifatturaw jew jiddistribwixxu prodotti. Fit-tielet lok, hija tfakkar li kien biss permezz ta’ kumpanniji oħra li Akzo kellha sehem (indirett) ta’ 50% fil-kumpannija Glucona, li fuqha hija għalhekk ma kinitx teżerċita kontroll dirett.

79      Għaldaqstant, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Akzo tagħmel enfasi fuq xi numru ta’ elementi fattwali. Hija ssostni li, abbażi tagħhom, hija f’kull każ f'pożizzjoni li tirribatti l-preżunzjoni msemmija hawn fuq u li tipprova li, minkejja l-fatt li ANC kienet 100% sussidjarja ta’ Akzo, kien għal kollox irreali li wieħed iqis li Akzo setgħet tiddetermina jew anki biss tinfluwenza l-imġiba strateġika u kummerċjali ta’ Glucona u li barra minn hekk dan ma kienx seħħ.

80      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

81      Akzo ma tikkontestax li l-ksur imwettaq minn Glucona seta’ jiġi imputat lil ANC. Għaldaqstant, għandu biss jiġi eżaminat jekk Akzo setgħetx tiġi kkunsidrata responsabbli għall-atti imputati lil ANC, li hija 100% sussidjarja tagħha.

82      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm sussidjarja għandha personalità ġuridika, din mhijiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-imġiba tagħha tkun imputabbli lill-kumpannija parent, b’mod partikolari meta s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-imġiba tagħha fis-suq, imma essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent (ara s-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar 'il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

83      Minbarra dan, kif tammetti Akzo stess, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni tista’, f’dan il-kuntest, raġonevolemnt tippreżumi li kumpannija li tkun 100% sussidjarja ta’ kumpannija parent tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent u li din il-preżunzjoni timplika li l-Kummissjoni m’għandhiex obbligu li tivverifika jekk il-kumpannija parent effettivament eżerċitatx din is-setgħa. F’tali sitwazzjoni, meta, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, filwaqt li tinvoka din il-preżunzjoni, tesprimi l-intenzjoni tagħha li timputa r-responsabbiltà għal ksur ta’ sussidjarja li tkun 100% miżmuma mill-kumpannija parent tagħha lil din il-kumpannija parent, huma l-partijiet ikkonċernati, meta jikkunsidraw li, minkejja l-ishma in kwistjoni, is-sussidjarja tiddetermina b’mod awtonomu l-imġiba tagħha fis-suq, li għandhom jirribattu din il-preżunzjoni billi matul il-proċedura amministrattiva jipprovdu lill-Kummissjoni elementi ta’ prova suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, T-354/94, Ġabra p. II-2111, punt 80, ikkonfermata fuq dan il-punt mis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar 'il fuq, punti 27 sa 29, u s-sentenza AEG vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar 'il fuq, punt 50, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T-65/89, Ġabra p. II-389, punt 149).

84      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, matul il-perijodu kkonċernat mid-Deċiżjoni, ANC kienet 100% sussidjarja ta’ Akzo.

85      Minbarra dan, għal dak li jikkonċerna l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi osservat li, bħalma nnutat il-Kummissjoni fil-premessa 300 tad-Deċiżjoni, hija kienet analizzat, fil-punti 324 sa 330 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ir-relazzjonijiet li kienu jeżistu bejn Glucona u l-kumpanniji parent tagħha u ħabbret l-intenzjoni tagħha li żżomm lil ANC u Aveba responabbli in solidum għall-ksur. Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn ANC u Akzo, il-Kummissjoni kkunsidrat li, billi ANC kienet 100% sussidjarja ta’ Akzo, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kellha tiġi indirizzata lil din ta’ l-aħħar. Kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premssa 301 tad-Deċiżjoni, Akzo, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ikkonfermat espliċitament li l-ksur kellu jiġi imputat lilha in solidum ma’ Avebe.

86      F’tali sitwazzjoni, Akzo ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li żammitha responsabbli, f’isimha proprju, għall-ksur imwettaq mill-kumpannnija li kienet 100% sussidjarja tagħha, ANC, inkwantu ko-proprjetarja ta’ Glucona.

87      Akzo tiżbalja meta ssostni, f’dan il-kuntest, li l-iskop tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jikkonsisti fl-ewwel lok fid-delimitazzjoni tal-ksur allegat mill-Kummissjoni għall-elementi li huma espressament imsemmija fiha, b’mod li jippermetti lill-impriża kkonċernata li tiddefendi ruħha billi tippreżenta l-argumenti tagħha fuq dawn l-elementi kollha matul il-proċedura amministrattiva u lill-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni dawn l-argumenti fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha, imma li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ma tikkonċernax il-kwistjoni ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-impriża (jew ta’ l-impriżi) li lilha (jew lilhom) huwa imputabbli tali ksur. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummisjsoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni li timponi piena għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tinkludi l-elementi essenzjali stabbiliti fil-konfront ta’ din l-impriża, bħall-fatti allegati, il-kwalifika li tingħatalhom u l-elementi ta’ prova li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f'pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva miftuħa fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 26, tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġarba p. I-3359, punt 29, u tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punt 135). Bl-istess mod, skond ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl ta’ l-importanza tagħha, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet għandha tispeċifika b'mod inekwivoku l-persuna ġuridika li fuqha jistgħu jiġu imposti multi u għandha tiġi indirizzata lil din ta’ l-aħħar (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummisjsoni, C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365, punti 143 u 146, u tat-2 ta’ Ottubru 20003, ARBED vs Il-Kummissjoni, C-176/99 P, Ġabra p. I-10687, punt 21).

88      Għaldaqstant, abbażi ta’ l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Akzo ma kellhiex tinjora li hija setgħet tkun id-destinatarja ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. F’tali sitwazzjoni, kien obbligu tagħha li tirreaġixxi matul il-proċedura amministrattiva billi turi li, minkejja l-elementi stabbiliti mill-Kummissjoni, il-ksur magħmul minn Glucona ma kienx imputabbli lilha, u dan peress li fin-nuqqas ma kienx ikun iktar possibbli li tagħmel dan.

89      Għaldaqstant, bir-rispett dovut għall-prinċipji u leġiżlazzjoni li jirregolaw il-proċedura amministrattiva u, b’mod partikolari, għall-eżiġenza ta’ l-effikaċja tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, mhuwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tad-diversi elementi fattwali invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li permezz tagħhom Akzo tfittex li tipprova li, minkejja l-fatt li ANC kienet 100% sussidjarja ta’ Akzo, Akzo ma setgħetx tiddetermina jew anki biss tinfluwenza l-imġiba strateġika u kummerċjali ta’ Glucona.

90      Konsegwentemet, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 81 KE għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

91      Akzo tikkunsidra li d-Deċiżjoni hija insuffiċjentement motivata minħabba li l-Kummissjoni limitat ruħha għal affermazzjoni apodittika u vaga li ANC kienet 100% sussidjarja ta’ Akzo u li għaldaqstant kellu jiġi preżunt li ANC kienet essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet li kienet tatha l-kumpannija parent tagħha.

92      Il-Kummissjoni min-naħa l-oħra tosserva li kienet suffiċjentement immotivat id-Deċiżjoni fuq dan il-punt.

93      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, meta, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skond din id-Deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1994, AWS Benelux vs Il-Kummissjoni, T-38/92, Ġabra p. II-211, punt 26).

94      F'dan il-każ, fil-premessi 278 sa 284 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qiegħdet fil-qosor, b'referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-prinċipji li kellha l-intenzjoni li tapplika sabiex tiddefinixxi d-destinatarji tad-Deċiżjoni. Għal dak li jikkonċerna speċifikatament il-kwistjoni ta’ l-imputazzjoni ta’ l-imġiba ta’ ANC lil Akzo li, bħalma indikat il-Kummissjoni fil-premessa 310 tad-Deċiżjoni, kienet “100% sussidjarja tal-grupp Akzo Nobel NV”, il-Kummissjoni fakkret fil-premessi 280, 281 u 310 tad-Deċiżjoni l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 hawn fuq u minnha ddeduċiet, fil-premessa 310 tad-Deċiżjoni, li kien hemm lok li jiġi preżunt li ANC kienet essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet li kienet tatha l-kumpannija parent tagħha. Minbarra dan, fil-premessi 300 u 301 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni fakkret li, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, hija kienet ħabbret l-intenzjoni tagħha li tikkunsidra lil Akzo u Avebe bħala responsabbli in solidum għall-ksur matul iż-żmien kollu li dam il-ksur u li Akzo ma kinitx ikkontestat dan il-punt.

95      Minn dan jirriżulta li, mhux talli ma limitatx ruħha għal affermazzjoni apodittika u vaga, bħalma ssostni Akzo, iżda talli l-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni preċiża fid-dritt u fil-fatt tar-raġunijiet li għalihom hija kienet iddeċidiet li timputa l-imġiba ta’ ANC lil Akzo.

96      Minbarra dan, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem ta’ l-att in kwistjoni, imma wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 45 iktar 'il fuq, punt 63, u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar 'il fuq, punt 87). Issa l-motivi tad-Deċiżjoni li jirrigwardaw l-imputabbiltà ta’ l-imġiba ta’ ANC lil Akzo huma wkoll ikkjarifikati permezz tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li tagħmel parti mill-kuntest li fih tidħol id-Deċiżjoni u li minnu r-rikorrenti kellha tieħu l-informazzjoni dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timputalha l-imġiba ta’ ANC. Minbarra dan, peress li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Akzo kienet hija stess espliċitatament affermat, f’dan ir-rigward, li l-ksur kellu jiġi imputat lilha in solidum ma’ Avebe (ara punt 85 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni setgħet validament tippresupponi li Akzo kienet suffiċjentement informata bil-kuntest tad-deċiżjoni fuq dan il-punt speċifiku.

97      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5

98      Akzo tqajjem motivi bbażati fuq il-ksur, fl-ewwel lok, ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u, fit-tieni lok, ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

–       L-argumenti tal-partijiet

99      Minn naħa, Akzo ssostni li, meta applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 għall-ammont ta’ tluq sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs tagħha u r-riżorsi globali tagħha, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 minħabba li ddeterminat il-multi mhux, kif tipprovdi din id-dispożizzjoni, skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur, imma b'referenza għat-tip ta’ impriża li wettqet dan il-ksur.

100    Akzo ssosnti li, għalkemm huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidew li, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi, fosthom in-neċessità li l-multa jkollha portata dissważiva, jibqa’ l-fatt li dan ir-raġunament jirreferi direttament għall-kriterju tal-gravità tal-ksur u mhux għat-tip ta’ impriża kkonċernata. Hija ssostni li dan l-aħħar kriterju ma jsibx il-bażi tiegħu fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li, bil-fatt li impona limitu ta’ 10% tal-fatturat għall-multa finali, il-Kunsill diġà ħa in kunsiderazzjoni l-impatt differenti tal-multi fuq l-impriżi skond id-daqs tagħhom.

101    B'referenza għas-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar 'il fuq (punt 280), Akzo ssostni wkoll li, meta stabbiliet il-koeffiċjent multiplikatur abbażi ta’ element wieħed biss, jiġifieri l-fatturat tal-grupp Akzo Novel, il-Kummissjoni tat valur disproporzjonali lil dan l-element meta mqabbel ma’ l-importanza li hija tat lil elementi oħra li abbażi tagħhom hija evalwat il-gravità tal-ksur.

102    Akzo tikkunsidra wkoll li, safejn l-aħħar tliet subparagrafi tal-parti A “Gravità” tal-linji gwida għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Kummissjoni li tapplika koeffiċjent multiplikatur bħal dak applikat f’dan il-każ, dawn id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida, min-naħa tagħhom, jiksru l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u għaldaqstant ma jistgħux jintużaw kontriha.

103    Min-naħa l-oħra, Akzo ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 minħabba li hija applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 għall-ammont ta’ tluq tal-multa applikata għal din il-kumpannija, koeffiċjent li kien ibbażat fuq id-daqs tal-grupp Akzo Nobel kollu kemm hu.

104    Akzo tosserva li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa skond il-gravità tal-ksur u d-dewmien tiegħu u mhux skond l-impatt ekonomiku ta’ dan il-ksur.

105    Akzo tammetti li, fis-sentenza tagħha Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatturat globali ta’ l-impriżi kkonċernati jikkostitwixxi indikazzjoni, għalkemm approssimattiva u mhux perfetta, tad-daqs tagħhom u tas-saħħa ekonomika tagħhom.

106    Madankollu, fl-ewwel lok, mhuwiex evidenti li l-kunċett ta’ “impriżi” użat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza jista' jiġi applikat f’dan il-każ.

107    Fit-tieni lok, Akzo tenfasizza li, fis-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li kellha wkoll tittieħed in kunsiderazzjoni l-parti ta’ dan il-fatturat li ġejja mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur u li għalhekk tista' tagħti indikazzjoni tal-kobor ta' dan il-ksur. Madankollu, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni injorat il-fatt li dan il-kriterju kien ta' importanza aktar diretta minn dak imsemmi fil-punt 104 hawn fuq, billi kellu rabta diretta mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma aktar u aktar importanti meta, bħal f’dan il-każ, il-parti tal-fatturat li ġejja mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur meta mqabbla mal-fatturat globali hija ta’ 0.05%.

108    Għal dak li jikkonċerna s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni (T-31/99, Ġabra p. II-1881), Akzo tenfasizza li l-koeffiċjent multiplikatur applikat f’dan il-każ ma kienx ġie ffissat abbażi tal-fatturat globali tal-grupp. Min-naħa l-oħra jirriżulta mill-punti 164 u 165 ta’ din is-sentenza li l-koeffiċjent multiplikatur għandu jkun ibbażat fuq id-daqs ta’ l-impriża li wettqet l-allegat ksur li ġie kkonstatat mill-Kummissjoni. Minbarra dan, hija tinvoka l-fatt li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, b'risposta għall-argument ta’ ABB li l-Kummissjoni setgħet biss tiffissa l-multa (u tapplika l-koeffiċjent multiplikatur) abbażi tal-fatturat magħmul mid-diviżjoni tat-tisħin distrettwali tal-grupp, li l-Kummissjoni kienet tidher li kkalkulat il-multa korrettement billi bbażat il-koeffiċjent multiplikatur fuq id-daqs tal-grupp ABB kollu, u mhux biss fuq dak ta’ l-“impriża” li setgħet tikkostitwixxi d-diviżjoni tat-tisħin distrettwali ta’ ABB, għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkonstatat, abbażi ta’ bosta elementi, li l-ksur kellu jiġi imputat lill-grupp ABB (punt 163 tas-sentenza).

109    Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

110    Fl-ewwel lok, safejn Akzo ssostni li l-Kummissjoni ffissat il-multa skond it-tip ta’ impriża li wettqet il-ksur, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 334 sa 371 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni, fl-ewwel stadju ta’ l-analiżi tagħha, ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, ta' l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq tal-glukonat tas-sodju fiż-ŻEE u tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat, ksur li kien affettwa ż-ŻEE kollha.

111    Sussegwentement, il-Kummissjoni tat trattament differenzjali lill-impriżi kkonċernati sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-impatt speċifiku ta’ l-imġiba tagħhom fuq il-kompetizzjoni, u f’dan ir-rigward ibbażat ruħha fuq il-fatturat magħmul mill-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-bejgħ tal-glukonat tas-sodju fil-livell dinji matul l-aħħar sena tal-perijodu tal-ksur, jiġifieri s-sena 1995 (ara, b’mod partikolari, il-premessa 381 tad-Deċiżjoni). Matul dan l-istadju ta' l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għalhekk ma ħaditx in kunsiderazzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni Akzo, it-tip ta’ impriża li wettqet il-ksur, imma ta’ l-importanza ta’ l-imsemmija impriżi fis-suq speċifiku.

112    Kien biss fl-aħħar stadju tal-kalkolu tal-multa skond il-gravità tal-ksur li, konformement mal-possibbiltà ta' differenzjar prevista mil-linji gwida, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni ċerta tipoloġija ta’ l-impriżi in kwistjoni. Din it-tipoloġija toħroġ direttament mit-teħid in kunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi ta’ l-impriżi in kwistjoni li jikkostitwixxu kriterji li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi assigurat l-effet dissważiv tal-pieni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, f’dan l-istadju, id-daqs u r-riżorsi globali tal-gruppi ta’ impriżi li l-membri ta’ l-akkordju kienu jagħmlu parti minnhom billi applikat koeffiċjent multiplikatur ta' 2.5 għall-ammont ta’ tluq stabbilit għal uħud minnhom, fosthom Akzo (premessa 388 tad-Deċiżjoni).

113    Issa, meta għamlet dan, hija ma ffissatx il-multa, kuntrarjament għal dak li tafferma Akzo, skond it-tip ta’ impriża li wettqet il-ksur, iżda skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur anki jekk, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, hija ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati sabiex tiggarantixxi l-effett dissważiv tal-multi li kellhom jiġu imposti. Għaldaqstant, l-argument ta’ Akzo huwa żbaljat fil-fatt.

114    Fit-tieni lok, safejn Akzo takkuża lill-Kummissjoni li għamlet żbalji ta’ dritt meta ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati, għandu jiġi osservat li Akzo stess tammetti li, sabiex tevalwa l-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi, fosthom hemm in-neċessità li l-multa jkollha portata dissważiva. Issa l-Kummissjoni għandha kull dritt, sabiex tiskeb dan l-effett dissważiv, li tiddetermina l-ammont tal-multa skond karatteristiċi speċifiċi għall-impriża responsabbli għall-ksur.

115    Meta ffissat l-ammont ta’ tluq tal-multa f'livell aktar għoli għall-impriżi li għandhom sehem fis-suq relattivament akbar mill-oħrajn fis-suq ikkonċernat, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni r-responsabbiltà speċifika ta’ l-impriża fid-dawl ta’ l-eżiġenza taż-żamma tal-kompetizzjoni ħielsa u kkunsidrat li dan huwa element suġġettiv li jippermetti li jikkaratterizza l-gravità ta’ l-imġiba ta’ l-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, dan l-element jirrifletti l-livell ta’ responsabbiltà aktar għoli, f’każ ta’ konklużjoni ta’ akkordju, ta’ l-impriżi li għandhom sehem fis-suq relattivament akbar mill-oħrajn fis-suq ikkonċernat f'dak li jirrigwarda d-danni kkważati lill-kompetizzjoni.

116    Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni wkoll setgħet raġonevolament tieħu in kunsiderazzjoni l-eżistenza, fi ħdan tliet impriżi kbar bħal Akzo, tal-konoxxenzi u ta’ infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jippermettulhom japprezzaw aħjar li l-imġiba tagħhom tikkostitwixxi ksur u l-konsegwenzi li joħorġu mill-imġiba tagħhom mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni.

117    Għalhekk, għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur skond id-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati, għandu jiġi enfasizzat li, skond ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tikkalkola l-multa ta’ impriża, hija tista’ tieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u s-saħħa ekonomika tagħha (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 120, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni, T-48/98, Ġabra p. II-3859, punti 89 u 90). Minbarra dan, fir-rigward tal-kalkolu tal-kapaċità finanzjarja tal-membri ta’ akkordju, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet ir-rilevanza tal-fatturat globali (sentenza Sarrió vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar 'il fuq, punti 85 u 86). Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 sabiex tevalwa l-effett dissważiv tal-multa imposta filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ l-impriża kkonċernata.

118    Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq il-fatturat globali ta’ Akzo sabiex tistabbilixxi l-multa f'livell suffiċjentement dissważiv u sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-kobor ta’ l-infrastrutturi, f’termini ta’ għarfien ġuridiku u ekonomiku, li għandhom gruppi ta’ impriżi ta’ tali daqs. Għalhekk l-argument ta’ Akzo huwa wkoll żbaljat fid-dritt.

119    Fit-tielet lok, safejn Akzo tinvoka l-illegalità tal-linji gwida safejn dawn jippermettu lill-Kummissjoni li tapplika koeffiċjent multiplikatur bħal dak applikat f’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li, skond il-metodu msemmi fil-linji gwida, il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi jsir skond iż-żewġ kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jiġifieri l-gravità tal-ksur u d-dewmien tiegħu, filwaqt li jiġi rrispettat il-limitu massimu b'referenza għall-fatturat ta’ kull impriża stabbilit mill-istess dispożizzjoni u li, konsegwentement, il-linji gwida ma jmorrux lil hinn mill-kuntest ġuridiku tal-pieni definit minn din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar 'il fuq, punti 219 sa 232; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punti 39 sa 52; sentenza TACA, punt 57 iktar 'il fuq, punt 1527). Issa Akzo ma ressqet ebda prova ġdida fir-rigward ta’ dawk diġà miċħuda minn din il-ġurisprudenza (ara l-punti ta’ dawn is-sentenzi msemmija iktar 'il fuq).

120    Fir-raba’ lok, safejn Akzo tikkunsidra li, f’kull każ, sabiex tapplika koeffiċjent ta’ żieda bħal dak applikat f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tal-grupp Akzo Nobel NV li kienet tagħmel parti minnu ANC, l-impriża li wettqet il-ksur, imma l-iktar l-iktar setgħet tieħu in kunsiderazzjoni l-kobor tal-fatturat magħmul mill-bejgħ tal-prodott li kien is-suġġett tal-ksur, Akzo tinjora l-fatt li l-Kummissjoni applikat dan il-koeffiċjent sabiex tassigura li l-multi jkollhom natura dissważiva. Issa meta kkunsidrat, f’dan il-każ, li huwa biss billi tibbaża ruħha fuq id-daqs tar-riżorsi tal-grupp ta’ impriżi kollu kemm hu li jista’ jintlaħaq l-iskop dissważiv tal-multi, il-Kummissjoni m’għamlitx żball ta’ evalwazzjoni li jwassal għal ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

121    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

122    Akzo takkuża lill-Kummissjoni li ma indikatx għalfejn hija kienet applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2.5 għall-ammont ta’ bażi tal-multa li hija kienet imponiet fuqha, għalfejn dan il-koeffiċjent kien identiku għal dak applikat lil ADM u għalfejn kien ibbażat fuq il-fatturat globali tagħha u mhux fuq 50% tal-fatturat annwali ta’ Glucona. F’dan il-kuntest, Akzo tosserva li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni kienet applikat l-istess koeffiċjent bħal dak applikat f’dan il-każ imma kienet ipprovdiet, f’dan il-każ l-ieħor, motivazzjoni dettaljata f'dan ir-rigward.

123    Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud.

124    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 hawn fuq, li, fil-premessi 389 sa 392 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni spjegat abbażi ta’ liema elementi ta’ evalwazzjoni hija kienet ikkalkulat il-gravità u d-dewmien tal-ksur, spjegazzjonijiet li, barra minn hekk, ippermettew lil Akzo li tqajjem bosta lmenti bbażati fuq l-illegalità fil-mertu ta’ dawn l-elementi u lill-qorti Komunitarja li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

125    Għal dak li jikkonċerna l-importanza tal-fattur ta’ żieda applikat lil Akzo, il-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha li tinvoka d-daqs ta’ din l-impriża, kif jirriżulta approssimament mill-fatturat globali magħmula minnha, u li tenfasizza n-neċessità li tassigura l-multa tkun ta' natura dissważiva. Hija mhijiex meħtieġa, skond l-obbligu ta’ motivazzjoni, li tindika l-figuri relatati mal-metodu ta’ kalkolu li fuqu hija bbażata din l-għażla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sarrió vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar 'il fuq, punt 80).

126    Bl-istess mod, Akzo tiżbalja meta takkuża lill-Kummissjoni li ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom il-koeffiċjent ta’ żieda applikat għall-ammont ta’ tluq tal-multa li ġiet imposta fuqha kien identiku għal dak applikat għal ADM. Fil-fatt il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tispeċifika l-importanza ta’ dan il-koeffiċjent billi tirrifletti eżattament ir-relazzjoni eżistenti bejn id-diversi gruppi ta’ impriżi li l-membri ta’ l-akkordju kienu jifformaw parti minnhom. L-iskop ta’ dan il-koeffiċjent kien pjuttost, kif jirriżulta mill-premessi 386 sa 388 tad-Deċiżjoni, li jiffissa l-multa f'livell suffiċjentement dissważiv u li jieħu in kunsiderazzjoni l-importanza ta’ l-infrastrutturi f’termini ta’ għarfien ġuridiku u ekonomiku li għandhom il-gruppi ta’ impriżi ta’ tali daqs. Meta pprovdiet dan ir-raġunament, il-Kummissjoni indikat b’mod suffiċjenti li kien abbażi tad-daqs u tar-riżorsi tal-gruppi ta’ impriżi u mhux ta’ l-impriżi li jifformaw parti minn dawn il-gruppi li hija kellha l-intenzjoni li tevalwa n-natura dissważiva ta’ l-ammont tal-multa.

127    Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur jikkostitwixxi applikazzjoni tad-differenzjar imsemmi mil-linji gwida. Għalhekk id-Deċiżjoni ġiet adottata fil-kuntest magħruf sew ta’ Akzo.

128    Għaldaqstant, mingħajr mhemm bżonn li jiġi eżaminat jekk, kif issostni Akzo, f’kawżi oħra l-Kummissjoni kinitx ipprovdiet motivazzjoni aktar iddettaljata fir-rigward tal-għażla tal-koeffiċjent multiplikatur applikat, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti.

129    Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

130    Billi ebda wieħed mill-motivi mqajma kontra l-legalità tad-Deċiżjoni ma ġew milqugħa, mhemmx lok, għaldaqstant, li, bis-saħħa tas-setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li huwa attribwiti lill-Qorti tal-Prim’Istanza, jitnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-Deċiżjoni u r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

131    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-konvenuta.

132    Billi r-rikors huwa kollu kemm hu miċħud (ara punt 130 iktar 'il fuq), it-talba ppreżentata minn Akzo intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ l-interessi u ta' l-ispejjeż tal-garanzija bankarja (ara punt 27 hawn fuq) għandha tiġi miċħuda bħala inapplikabbli.

133    F’kull każ, għandu jiġi mfakkar li l-ispejjeż ikkawżati lil impriża mill-kostituzzjoni u ż-żamma ta’ garanzija bankarja sabiex tiġi evitata l-eżekuzzjoni furzata ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-konfront tagħha ma jikkostitwixxux spejjeż li saru għall-finijiet tal-proċedura, fis-sens ta' l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura. Bl-istess mod, għandha tiġi miċħuda t-talba ta’ impriża intiża għall-kundanna tal-Kummissjoni għar-rimbors ta’ l-ispejjeż li hija kellha tiffaċċja matul il-proċedura amministrattiva dwar il-kompetizzjoni. Fil-fatt, għalkemm, skond l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura, “għandhom jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru [...] l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura”, din id-dispożizzjoni tkopri biss, bit-terminu “proċedura”, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, bl-esklużjoni tal-frażi prekontenzjuża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punti 5133 u 5134, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Akzo Nobel NV għandha tbati l-ispejjeż.

Azizi

Jaeger

Dehousse

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-27 ta' Settembru 2006.

E. Coulon

 

       J. Azizi

Reġistratur

 

       President

Werrej

Il-fatti fl-oriġini tal-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-iffissar ta’ l-ammont għall-kalkolu ta’ l-ammendi imposti lill-partijiet kollha għall-akkordju

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq il-klassifikazzjoni tal-parteċipanti għall-akkordju

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq il-kunsiderazzjoni tal-fatturat ta’ Akzo

Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 81

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq l-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur ta’ 2.5

Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.