Language of document : ECLI:EU:T:2006:270

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

27 ta' Settembru 2006 (*)

"Kompetizzjoni – Akkordji – Aċidu ċitriku –Artikolu 81 KE – Multa – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Attribuzzjoni ta' aġir lil sussidjarja – Prinċipju ta' legalità tal-pieni – Linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multi – Prinċipju ta' proporzjonalità – Prinċipju ne bis in idem – Dritt ta' aċċess għall-fajl"

Fil-kawża T-43/02,

Jungbunzlauer AG, stabbilita f'Basel (L-Iżvizzera), irrappreżentata minn R. Bechtold, U. Soltész u M. Karl, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Oliver, bħala aġent, assistit minn H. Freund, avocat,

konvenuta,

sostnuta mill-

Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Karlsson u S. Marquardt, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/742/KE, tal-5 ta' Diċembru 2001, dwar il-proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.604 – Aċidu ċitriku) (ĠU 2002, L 239, p. 18), u, b'mod sussidjarju, talba għal tnaqqis tal-multa imposta minn din id-deċiżjoni fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, M. Jaeger u F. Dehousse, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-24 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Jungbunzlauer AG (aktar 'il-quddiem "Jungbunzlauer" jew ir-"rikorrenti"), ġiet maħluqa fl-1993 bħala sussidjarja kkontrollata 100 % minn Jungbunzlauer Holding AG, kumpannija holding prinċipali kkontrollata mill-kumpannija holding Montana AG (aktar 'il quddiem il-"grupp Jungbunzlauer"). Fl-Istati Uniti, il-grupp huwa preżenti permezz ta' l-intermedjarju ta' Jungbunzlauer International AG, sussidjarja tal-grupp Jungbunzlauer. Is-sede tal-grupp qegħda fil-bini ta' Jungbunzlauer f'Basel (L-Iżvizzera). Qabel l-1993, il-grupp kien immexxi minn Jungbunzlauer GmbH li s-sede tagħha kienet tinsab fi Vjenna (L-Awstrija).

2        Il-grupp Jungbunzlauer jipproduċi u jbiegħ ingredjenti użati fil-qasam tal-prodotti ta' l-ikel u tax-xorb, prodotti farmaċewtiċi u kosmetiċi, kif ukoll għal diversi applikazzjonijiet oħra industrijali. Huwa ukoll, b'mod partikolari wieħed mill-ewwel produtturi dinjija ta' l-aċidu ċitriku.

3        L-aċidu ċitriku huwa l-aġent aċiduż u preżervattiv l-aktar użat fid-dinja. Jeżistu tipi differenti, li jservu għal użi diversi, b'mod partikolari fil-prodotti ta' l-ikel u tax-xorb, fid-deterġenti u prodotti ta' tindif, fil-prodotti farmaċewtiċi u kosmetiċi kif ukoll f'diversi proċessi industrijali.

4        Fl-1995, il-bejgħ totali ta' l-aċidu ċitriku fuq livell dinji kien jammonta għal madwar EUR 894.72 miljun u dak li sar fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kien ammonta għal madwar EUR 323.69 miljun. Fl-1996, madwar 60 % tas-suq dinji ta' aċidu ċitriku kien f'idejn il-ħames destinatarji tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta' dan ir-rikors, jiġifieri, barra minn Jungbunzlauer, F. Hoffmann-La Roche AG (aktar 'il quddiem "HLR"), Archer Daniels Midland Co. (aktar 'il quddiem "ADM"), Haarmann & Reimer Corporation (aktar 'il quddiem "H & R"), kumpannija li tappartjeni għall-grupp Bayer AG (aktar 'il quddiem "Bayer"), u Cerestar Bioproducts BV (aktar 'il quddiem "Cerestar"), flimkien imsejħa il-"partijiet kkonċernati".

5        F'Awwissu 1995, il-Ministru tal-Ġustizzja Amerikan informa lill-Kummissjoni li kienet qed issir investigazzjoni dwar is-suq ta' l-aċidu ċitriku. Bejn ix-xahar ta' Ottubru 1996 u x-xahar ta' Ġunju 1998, il-partijiet kkonċernati, inkluż fosthom Jungbunzlauer International AG, irrikonoxxew li ħadu sehem f'akkordju. Wara l-ftehim konkluż mal-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan, ġew imposti multi fuq dawn l-impriżi mill-awtoritajiet Amerikani. Barra dan uħud mill-persuni akkużati ġew ikkundannati jħallsu multi f'isimhom personalment. Barra dan, saru ukoll investigazzjoni fil-Kanada fejn ġew imposti xi multi fuq uħud minn dawn l-istess impriżi, fosthom Jungbunzlauer International AG.

6        Fis-6 ta' Awwissu 1997, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), il-Kummissjoni talbet xi informazzjoni mingħand l-erba' produtturi prinċipali ta' aċidu ċitriku fil-Komunità, fosthom Jungbunzlauer GmbH. Barra dan, f'Jannar 1998, il-Kummissjoni talbet xi informazzjoni mingħand ix-xerrejja prinċipali ta' aċidu ċitriku fil-Komunità u, f'Ġunju u f'Lulju 1998, hija reġgħet talbet xi informazzjoni mingħand il-produtturi prinċipali ta' aċidu ċitriku fil-Komunità.

7        Wara t-talba ta' informazzjoni li saritilha f'Lulju 1998, Cerestar ikkuntattjat lill-Kummissjoni u ddikjarat, waqt laqgħa li saret fid-29 ta' Ottubru 1998, li hija kellha l-intenzjoni li tikkoopera mal-Kummissjoni abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 1996 dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' multi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi fuq l-akkordji (JO C 207, p. 4, aktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni"). F'din l-istess okkażżjoni, Cerestar tat deskrizzjoni bil-fomm ta' l-attivitajiet li jirriżultaw mill-ftehim li kienet ħadet sehem fih. Fil-25 ta' Marzu 1999, hija bagħtet lill-Kummissjoni dikjarazzjoni bil-miktub li tikkonferma dak li kienet qalet waqt din il-laqgħa.

8        B'ittra tat-28 ta' Lulju 1998, il-Kummissjoni bagħtet lil Jungbunzlauer GmbH talba ġdida għal informazzjoni li għaliha din irrispondiet b'ittra tat-28 ta' Settembru 1998.

9        Waqt laqgħa li nżammet fil-11 ta' Diċembru 1998, ADM iddikjarat li riedet tikkoopera mal-Kummissjoni u stqarret bil-fomm liema kienu l-attivitajiet anti-kompetittivi li kienet ħadet sehem fihom. B'ittra tal-15 ta' Jannar 1999, ADM ikkonfermat id-dikjarazzjonijiet tagħha li kienet għamlet bil-fomm.

10      Fit-3 ta' Marzu 1999, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lil HLR, lil Jungbunzlauer u lil Cerestar.

11      Fit-28 ta' April, fil-21 ta' Mejju u fit-28 ta' Lulju 1999, rispettivament, Bayer, f'isem H & R, ir-rikorrenti u HLR ipprovdew dikjarazzjonijiet skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

12      Fit-28 ta' Marzu 2000, abbażi ta' informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni ta' lmenti lir-rikorrenti u lill-partijiet l-oħra kkonċernati għal ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE u ta' l-Artikolu 53(1) ŻEE. Ir-rikorrenti u l-partijiet l-oħrajn kollha kkonċernati bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub b'risposta għall-ilmenti li mressqa mill-Kummissjoni. Ebda waħda mill-partijiet ma talbet li tinżamm seduta u lanqas ma kkontestat sostanzjalment il-fatti materjali spjegati fil-komunikazzjoni ta' lmenti.

13      F'ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fil-11 ta' April 2001, Jungbunzlauer GmbH għamlet ċerti kummenti dwar il-proċedura li kienet diġà nbdiet.

14      Fis-27 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni addizzjonali lir-rikorrenti u lill-partijiet l-oħrajn kkonċernati. Ir-rikorrenti rrispondiet b'ittra tat-3 ta' Awwissu 2001, f'isimha u f'isem Jungbunzlauer GmbH.

15      Fil-5 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/742/KE dwar proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/36.604 – Aċidu ċitriku) (aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni"). Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-18 ta' Diċembru 2001.

16      Id-Deċiżjoni tinkludi, b'mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

"L-Ewwel Artikolu

[ADM], [Cerestar], [H & R], [HLR] u [r-rikorrenti] kisru l-Artikolu 81(1) tat-Trattat u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE peress li ħadet sehem fi ftehim u/jew fi prattika miftehma kontinwati fil-qasam ta' l-aċidu ċitriku.

Il-ksur dam:

–        fil-każ ta' [ADM], ta' [H & R], ta' [HLR] u tar-[rikorrenti] : minn Marzu 1991 sa Mejju 1995;

–      fil-każ ta' [Cerestar] : minn Mejju 1992 sa Mejju 1995.

[…]

Artikolu 3

Il-multi li ġejjin huma imposti fuq l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 minħabba l-ksur kkonstatat fl-imsemmi artikolu:

(a)      [ADM] : multa ta' EUR 39.69 miljun,

(b)      [Cerestar] : multa ta' EUR 170 000,

(ċ)      [HLR] : multa ta' EUR 63.5 miljun,

(d)      [H & R] : multa ta' EUR 14.22 miljun,

(e)      [Ir-rikorrenti] : multa ta' EUR 17.64 miljun".

17      Fil-premessi 80 sa 84 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjon indikat illi l-ftehim jirrigwarda l-allokazzjoni ta' kwoti ta' bejgħ speċifiċi lil kull membru u l-ħarsien ta' dawn il-kwoti, l-iffissar tal-prezzijiet immirati u/jew tal-prezzijiet minimi, it-tneħħija ta' l-iskontijiet u l-iskambju ta' informazzjoni speċifika fuq il-klijenti.

18      Fil-premessi 185 sa 188 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li, f'dak li jikkonċerna l-grupp Jungbunzlauer, il-ksur kellu jkun attribwit lil Jungbunzlauer.

19      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni applikat, il-metodoloġija spjegata fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, aktar 'il quddiem il-"linji gwida"), kif ukoll il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

20      L-ewwelnett, il-Kummissjoni stabbiliet l-ammont bażiku tal-multa skond is-serjetà u t-tul tal-ksur.

21      F'dan il-kuntest, għal dak li jikkonċerna s-serjetà tal-ksur, il-Kummissjoni, l-ewwel, ikkunsidrat li l-partijiet kkonċernati kienu kkommettew ksur serju ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, ta' l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq ta' l-aċidu ċitriku fiż-ŻEE u tal-medda tas-suq ġeografiku kkonċernat (premessa 230 tad-Deċiżjoni).

22      Wara dan, il-Kummissjoni qieset li kellha tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika reali li ssir ħsara lill-kompetizzjoni u li kellha tiġi ffissata l-multa fuq livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti. Konsegwentement, peress li bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ dinji miksub mill-partijiet ikkonċernati bil-bejgħ ta' l-aċidu ċitriku matul is-sena 1995, l-aħħar sena tal-perijodu li fih sar il-ksur, il-Kummissjoni qasmithom fi tliet kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel kategorija, H & R b'sehem ta' 22 % mis-suq dinji, fit-tieni kategorija, ADM u Jungbunzlauer b'sehem ta' [kunfidenzjali](1) % mis-suq u HLR b'sehem ta' 9 % tas-suq u, fit-tielet kategorija, Cerestar b'sehem ta' 2.5 % mis-suq dinji. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni ffissat ammonti inizjali ta' EUR 35 miljun, għall-impriża li qegħda fl-ewwel kategorija, ta' EUR 21 miljun, għal dik li qiegħda fit-tieni kategorija, u ta' EUR 3.5 miljun għal dik ikklassifikata fit-tielet kategorija (premessa 239 tad-Deċiżjoni).

23      Barra dan, sabiex tassigura li l-multa għandha effett suffiċjentement dissważiv, il-Kummissjoni aġġustat dan l-ammont inizjali. Konsegwentement, filwaqt li kkunsidrat id-daqs u r-riżorsi globali tal-partijiet ikkonċernati, espressi fl-ammont totali tad-dħul mill-bejgħ dinji tagħhom, il-Kummissjoni applikat ko-effiċjent multiplikatur ta' 2 għall-ammonti inizjali stabbiliti għal ADM u għal HLR u ta' 2.5 għall-ammont inizjali stabbilit għal H & R (premessi 50 u 246 tad-Deċiżjoni).

24      Għal dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur kommess minn kull impriża, l-ammont iniżjali hekk stabbilit ġie miżjud b'10 % fis-sena, jiġifieri żieda ta' 40 % għal ADM, għal H & R, għal HLR u għal Jungbunzlauer kif ukoll żieda ta' 30 % għal Cerestar (premessi 249 sa 250 tad-Deċiżjoni).

25      Għalhekk il-Kummissjoni stabbiliet l-ammont bażiku tal-multi għal EUR 29.4 miljun għal dak li jikkonċerna Jungbunzlauer. Fir-rigward ta' ADM, Cerestar, HLR u H & R, l-ammonti bażiċi ġew iffissati, rispettivament, għal EUR 58.8, EUR 4.55, EUR 58.8 u għal 122.5 miljun (premessa 254 tad-Deċiżjoni).

26      Fit-tieni lok, skond iċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ADM u fuq HLR ġie miżjud b'35 % għar-raġuni li dawn l-impriżi kellhom rwol ta' mexxejja fl-akkordju (premessa 273 tad-Deċiżjoni).

27      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat u ċaħdet l-argumenti ta' uħud mill-impriżi dwar il-benefiċċju ta' ċirkustanzi attenwanti (premessi 274 sa 291 tad-Deċiżjoni).

28      Fir-raba' lok, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni adattat l-ammonti hekk ikkalkulati għal Cerestar u għal H & R sabiex ma jaqbżux il-limitu ta' 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-partijiet kkonċernati (premessa 293 tad-Deċiżjoni).

29      Fil-ħames lok, b'applikazzjoni tat-titolu B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni kkonċediet "tnaqqis kbir ħafna" (jiġifieri ta' 90 %) favur Cerestar ta' l-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta' kooperazzjoni. B'applikazzjoni tat-titolu D ta' din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonċediet "tnaqqis  sinifikanti" (jiġifieri 50 %) ta' l-ammont tal-multa favur ADM, (ta' 40 %) favur Jungbunzlauer, (ta' 30 %) favur H & R u (ta' 20 %) favur HLR (premessa 326).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Jungbunzlauer ressqet din il-kawża permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Frar 2002.

31      Permezz ta' digriet ta' l-18 ta' Ġunju 2002, il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' it-talba tal-Kunsill sabiex jintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

32      Wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li rrispondew għalihom fit-termini stabbiliti.

33      Matul s-seduta ta' l-24 ta' Mejju 2004 instemgħu t-trattazzjoni tal-partijiet ippreżentaw u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet li għamlitilhom il-Qorti tal-Prim'Istanza.

34      Jungbunzlauer titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-Deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni u l-Kunsill, intervenjent, jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lil Jungbunzlauer tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

36      Ir-rikorrenti l-ewwelnett tqajjem eċċezzjoni ta' illegalità peress li ssostni li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament nru 17 jikser il-prinċipju ta' legalità fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tiddeterminax minn qabel, b'mod suffiċjenti, il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni (aktar 'il quddiem il-"prinċipju ta' legalità"). Wara dan, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni hija vvizzjata bi żbalji għal dak li jikkonċerna d-destinatarju tad-Deċiżjoni, l-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur, ir-rikonoxximent taċ-ċirkustanzi attenwanti, in-nuqqas tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-multi imposti fi Stati oħrajn, il-ħarsien tal-limitu tal-multi previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u d-dritt ta' aċċess għall-fajl. Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti tallega li t-tul tal-proċedura amministrattiva għandu jkollu effett fuq l-ammont tal-multa.

I –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' legalità

A –  Fuq l-eċċezzjoni ta' illegalità imqajma fir-rigward ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

1.     L-argumenti tal-partijiet

37      Jungbunzlauer tqajjem eċċezzjoni ta' illegalità, fis-sens ta' l-Artikolu 241 KE, u ssostni li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, dispożizzjoni li tagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex timponi multi fil-każ ta' ksur ta' dritt Komuitarju tal-kompetizzjoni, jikser il-prinċipju ta' legalità, korollarju tal-prinċipju ta' ċertezza legali li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali ta' dritt Komunitarju, fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix minn qabel, b'mod suffiċjenti, il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni.

38      L-ewwel, Jungbunzlauer issostni li l-prinċipju ta' legalità huwa stabbilit bl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (aktar 'il-quddiem il-"KEDB"), li jipprovdi dan li ġej :

"Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skond liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar".

39      Jungbunzlauer invokat l-Artikolu 6(2) UE, li jgħid illi "[l-]Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[KEDB], u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità".

40      Barra dan, Jungbunzlauer tenfasizza illi, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kull dispożizzjoni Komunitarja li tipprovdi għal penali, ta' natura kriminali jew le (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Settembru 1984, Könecke, 117/83, Ġabra p. 3291, punt 11, u tat-18 ta' Novembru 1987, Maizena, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15), għandha tħares il-prinċipju ta' legalità, safejn huwa korollarju tal-prinċipju ta' ċertezza legali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Novembru 1969, Stauder, 29/69, Ġabra p. 419, punt 7, tat-13 ta' Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27, u tat-12 ta' Diċembru 1996, Proċeduri kriminali kontra X, C-74/95 u C-129/95, Ġabra p. I-6609, punt 25 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-112/98, Ġabra p. II-729, punti 59 et seq).

41      Fl-aħħar, Jungbunzlauer tirrileva illi l-prinċipju ta' legalità huwa wkoll inkorporat fl-Artikolu 41 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000 f'Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Karta tad-Drittijiet Fundamentali") u tifforma parti integrali mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri.

42      Jungbunzlauer issotni illi, skond il-prinċipju ta' legalità, korollarju tal-prinċipju ta' ċertezza legali, il-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċara u prevedibbli għall-individwi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Novembru 1981, Salumi, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 10; tat-22 ta' Frar 1984, Kloppenburg, 70/83, Ġabra p. 1075, punt 11; Könecke, punt 40 supra, punt 11, u Maizena, punt 40 supra, punt 15) u li, meta l-kwistjoni tkun dwar leġiżlazzjoni li tista' ġġib konsegwenzi finanzjarji, il-karatteristiċi ta' ċertezza u prevedibbiltà jikkostitwixxu obbligu li huwa impost b'mod strett ħafna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs Franza, C-30/89, Ġabra p. I‑691, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha). Dan ikun aktar u aktar il-każ meta jirrigwarda regola tal-Kunsill li tagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni, li ma tistax tkun valida jekk ma tkunx suffiċjentement preċiża, fis-sens li l-Kunsill jindika b'mod ċar il-limiti tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Lulju 1988, Central-Import Münster, 291/86, Ġabra p. 3679, punt 13).

43      Jungbunzlauer issostni li l-prinċipju ta' legalità huwa ta' importanza essenzjali għad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu penali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 32/79, Ġabra p. 2403, punt 46 ; Kloppenburg, punt 42 supra, punt 11 ; Maizena, punt 40 supra, punt 15, u ta' l-14 ta' Lulju 1994, Milchwerke Köln, C-352/92, Ġabra p  I-3385, punti 22 u 23). Jungbunzlauer tenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiddefinixxu, b'mod prevedibbli, mhux biss l-aġir ippenalizzat, iżda wkoll il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw għall-individwu (sentenza Proċeduri kriminali kontra X, punt 40 supra, punt 25).

44      Jungbunzlauer tikkunsidra li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi għall-possibiltà li tiġi imposta penali kriminali jew kważi-kriminali.

45      F'dan ir-rigward, Jungbunzlauer qabel xejn tinvoka d-dijkarazzjonijiet tas-Sur Monti, li dak iż-żmien kien il-Kummissarju responsabbli mill-politika dwar il-kompetizzjoni, il-formulazzjoni tal-linji gwida, kif ukoll il-kliem użat mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha. Fil-fatt, fihom hemm kwisjtoni dwar "penali" u "kastigi" għal ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE li għandhom ikunu suffiċjentement għolja sabiex ikollhom "karattru dissważiv".

46      Barra dan, Jungbunzlauer tfakkar illi l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-multi previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 m'għandhomx in-natura ta' penali li titħallas perjodikament, iżda għandhom l-għan li jwaqqfu l-aġir illegali kif ukoll li jipprevjenu li jerġa' jiġi kommess (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1970, Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 172 u 173) dak li, skond Jungbunzlauer, jikkorrispondi għall-interpretazzjoni komuni tal-kunċett ta' akkuża kriminali mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Jungbunzlauer tirrileva wkoll illi, fis-sentenza ta' l-20 ta' Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni (T-15/99, Ġabra p. II-1613, punti 109 u 122), il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat il-validità tal-multa imposta, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fir-rigward ta' l-Artikolu 7 tal-KEDB.

47      Jungbunzlauer tikkunsidra li l-espressjoni użata fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17, li tgħid li d-Deċiżjonijiet li jimponu l-multi "m'għandhomx ikunu ta' natura ta' liġi kriminali", ma tistax tibdel din l-evalwazzjoni, sakemm, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, mhuwiex l-isem ta' att ġuridiku li huwa determinanti iżda l-kontenut reali tiegħu.

48      Għalhekk, skond Jungbunzlauer, il-proċedura li twassal għall-impożizzjoni ta' multa, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għandha tissodisfa l-eżiġenzi minimi kollha fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jirriżultaw, mhux biss mill-KEDB, kif inhuma interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iżda wkoll mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tikkonferma b'mod partikolari d-drittijiet li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza.

49      F'dan il-kuntest, Jungbunzlauer issostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li kemm ir-reat kif ukoll il-piena li tingħata fil-każ ta' ksur għandhom ikunu "previsti mil-liġi", li jimplika li l-partijiet għandhom ikunu f'pożizzjoni li jipprevedu, sa grad raġonevoli skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iżżid tgħid li liġi li tagħti setgħa diskrezzjonali, fiha nnifisha ma tmurx kontra din l-eżiġenza, sakemm l-estensjoni u l-modi ta' kif tiġi eżerċitata din is-setgħa jkunu definiti b'mod ċar ħafna, fid-dawl ta' l-għan leġittimu li ikun irid jintlaħaq, li jista' jagħti lill-individwu protezzjoni adegwata kontra aġir arbitrarju.

50      Fid-dawl ta' dak li ngħad qabel, Jungbunzlauer tikkunsidra li l-prinċipju ta' legalità jiġi miksur meta dispożizzjoni li tipprovdi għall-impożizzjoni ta' multa ma tillimitax biżżejjed il-konsegwenzi ġuridiċi ta' deċiżjoni mogħtija f'dak ir-rigward iżda tħalli lill-awtorità kompetenti, minħabba in-nuqqas ta' preċiżjoni fil-formulazzjoni tat-test in kwistjoni, possibilitajiet wiesgħa fl-applikazzjoni għall-każ in eżami. F'dan il-każ, il-konsegwenzi ġuridiċi mhumiex, fil-fatt, stabbiliti bil-quddiem mil-leġiżlatur, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-prinċipju ta' legalità, iżda huma stabbiliti mill-amministrazzjoni. Għalkemm, tammetti Jungbunzlauer, l-eżistenza ta' marġini ta' diskrezzjoni fil-kap ta' l-amministrazzjoni ma tikkostitwixxix fiha nnifisha illegalità skond il-prinċipju ta' legalità, dan ma jfissirx li dan il-marġini għandu jkun illimitat.

51      Jungbunzlauer tqis illi l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi msemmija aktar 'il fuq.

52      Jungbunzlauer tfakkar illi l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex timponi, fil-każ ta' ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni tat-Trattat, multa li l-ammont minimu tagħha huwa ta' EUR 1,000 u li l-ammont massimu għandu jkun ikkonstatat individwalment għal kull impriża skond id-dħul mill-bejgħ. Hija iżżid illi, għal dak li jikkonċerna l-ammont konkret tal-multa, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jippreċiża sempliċement illi, "[f]l-iffissar ta' l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkunsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur".

53      Jungbunzlauer tikkunsidra li, minħabba din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tiddisponi minn marġini ta' diskrezzjoni kważi illimitat għal dak li jikkonċerna l-iffissar ta' l-ammont tal-multa.

54      L-ewwelnett, Jungbunzlauer tinvoka l-fatt illi, fis-sitwazzjoni tal-lum, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li kienet tipprevali waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 17, id-dħul mill-bejgħ tal-gruppi dinjija jista' jogħla, in parti, sa diversi mijiet ta' biljuni ta' euros, il-limitu massimu jista' faċilment jilħaq diversi biljuni ta' kbar ta' euros. Hija tqis, per eżempju, illi, jekk il-grupp ta' produzzjoni taż-żejt ExxonMobil — li d-dħul mill-bejgħ tal-grupp jitla' għal EUR 248 biljun — jieħu sehem f'akkordju, il-Kummissjoni tista' timponilu multa li l-ammont tagħha jista' jkun bejn EUR 1 000 u EUR 24.8 biljun, somma li tikkorrispondi għall-prodott gross nazzjonali tal-Lussemburgu. Jungbunzlauer tikkunsidra illi, jekk, għall-ksur partikolari, il-liġi tqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità firxa ta' multi li jvarjaw bejn EUR 1 000 sa EUR 24.8 biljun — jew anke eżenzjoni totali skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni —, ma tkunx iżjed il-liġi li tistabbilixxi l-multa bil-quddiem, iżda esklużivament l-awtorità. B'mod definittiv, din it-tip ta' dispożizzjoni fetħet il-bieb għal iffissar arbitrarju ta' l-ammont tal-multa.

55      It-tieninett, għal dak li jikkonċerna l-linji gwida, Jungbunzlauer tikkunsidra illi dawn ma jikkostitwixxux "liġi" fis-sens tal-KEDB. Hija tenfasizza illi dawn il-linji gwida jorbtu biss lill-Kummissjoni stess, iżda mhux lill-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Lulju 1998, Regione Toscana vs Il-Kummissjoni, T-81/97, Ġabra p. II-2889, punt 49, u l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Alber għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, I-2484, punt 23) li għandhom il-poter li jeżerċitaw kontroll ta' ġurisdizzjoni assoluta fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Madankollu, skond ir-rikorrenti, peress li huma l-imsemmija awtoritajiet ġudizzjarji li huma kompetenti li jiffissaw, b'mod definittiv, l-ammont tal-multi u li dawn mhumiex marbuta bil-linji gwida, dawn ta' l-aħħar m'għandhom ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-karattru suffiċjenti tal-legalità ta' regola kriminali fis-sens ta' l-Artikolu 7 tal-KEDB. Aktar minn hekk, hija tirrileva illi l-Qorti tal-Prim'Istanza reċentement iddikjarat illi l-kuntest ġuridiku applikabbli għall-multi kien definit biss bir-Regolament Nru 17 (sentenza Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, punt 46 supra, punt 123).

56      It-tieletnett, Jungbunzlauer tikkontesta l-mertu ta' l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid illi grad ogħla ta' previdibbiltà u ta' kredibbiltà tal-kalkolu ta' l-ammont tal-multi jkun irrikonċiljabbli mal-prinċipju illi l-multa għandha, minn naħa, tikkunsidra d-dettalji tal-każ u, min-naħa jkollha effett dissważiv suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-ħarsien tar-regoli ta' kompetizzjoni mill-impriżi. Fil-fatt, skond Jungbunzlauer, huwa, għall-kuntrarju, l-għarfien jew il-fatt li tista' tkun taf bil-konsegwenzi possibbli ta' att kriminali li jippermetti li jkun garantit b'mod aktar effikaċi l-effett dissważiv mixtieq mill-Kummissjoni. Dan ikun l-aktar għal din ir-raġuni illi l-liġijiet kriminali ta' l-Istati Membri jkunu kkostitwiti minn numru ta' elementi differenti ta' ksur li kull wieħed minnhom għandu konsegwenzi differenti mil-lat ta' penali. Abbażi ta' dawn in-normi u l-interpretazzjoni tagħhom mill-ġurisprudenza nazzjonali, l-individwu jkun jista' jipprevedi b'mod suffiċjentement preċiż il-konsegwenzi kriminali ta' l-azzjonijiet tiegħu. Il-kuntest tal-penali kważi illimitat ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jkollux preċiżament dan l-effett dissważiv peress li ma jipprovdix l-iċken indikazzjoni fuq il-kontenut konkret tal-ksur li tista', a priori, iwassal għall-eżawriment komplet ta' l-imsemmi kuntest.

57      Jungbunzlauer iżżid tgħid illi l-fatt li l-linji gwida ma jillimitawx, b'mod suffiċjenti, il-kalkolu tal-multi huwa muri bil-fatt illi, għall-ksur msejjaħ "gravi ħafna", il-Kummissjoni  "tista'" tagħżel bħala ammont bażiku kull ammont li jaqbeż l-20 miljun euros. Madankollu, il-linji gwida ma jippermettu bl-ebda mod li wieħed ikun jaf liema kundizzjonijiet jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li l-ammont bażiku jkun ta' EUR 20, 50 jew 100 miljun jew anke ammont għola.

58      Fir-raba' lok, Jungbunzlauer tikkunsidra li l-argument tal-Kunsill, ibbażat fuq il-fatt li l-multi ffissati mill-Kummissjoni huma, jekk ikun il-każ, ikkontrollati mill-Qorti Komunitarja, li għandha ġurisdizzjoni assoluta, lanqas ma jista' jkun validu. Fil-fatt, skond Jungbunzlauer, il-Kunsill interpreta ħażin il-fatt li l-eżiġenzi ta' kjarezza suffiċjenti tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi għandhom preċiżament l-għan li jħallu lill-Imħallef Komunitarju li jikkontrolla l-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda abbażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet. It-teżi difiża mill-Kunsill twassal sabiex tiddelega lill-qrati Komunitarji r-rwol ta' leġiżlatur Komunitarju.

59      Fil-ħames lok, Jungbunzlauer tinvoka l-fatt illi, fuq livell nazzjonali, ma jeżistix poter simili ta' awtorità li jippermetti lil din ta' l-aħħar li timponi multi b'mod kważi illimitat. Dwar il-paragun mad-dritt Żvediż, invokat mill-Kunsill, Jungbunzlauer tikkunsidra illi, f'dan l-Istat Membru, id-dritt ġie żviluppat fuq il-mudell tad-dritt Komunitarju u m'huwiex ta' utilità għad-diskussjoni. Għal dak li jikkonċerna d-dritt Ġermaniż, ukoll invokat mill-Kunsill, Jungbunzlauer issostni li d-dispożizzjonijiet Ġermaniżi dwar l-iffissar tal-multi jolqtu l-ksur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni jikkostitwixxu sistema differenti, li ma' tistax tiġi mqabbla mal-poter globali previst fl-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu limitu għola li jista' jitla' sa EUR 500 000 u, aktar minn hekk, sa tliet darbiet aktar tal-profitt li jirriżulta mill-ksur, dak li, fil-prattika, jwassal għal livell ta' multi anqas minn dak li jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Barra dan, Jungbunzlauer tirrileva li dan il-livell ta' multi jerġa' jinbidel skond il-mod ta' kif il-ksur huwa kommess. Huwa biss fil-każ li att jiġi kommess intenzjonalment li tiġi applikata l-multa sħiħa, filwaqt li, meta jkun hemm ksur li jkun ġie kommess b'negliġenza, huwa biss nofs l-ammont massimu previst li jista' jiġi ffissat. F'dan il-kuntest, il-multa tiġi kkalkolata skond kriterji definiti b'mod strett, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni per eżempju l-kobor tal-ksur, is-serjetà ta' l-ilment, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-persuna u tas-sitwazzjoni ekonomika ta' l-awtur tal-ksur. Jungbunzlauer tammetti li din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix iżjed li jkun stabbilit bil-quddiem, bi preċiżjoni ta' kalkolu, l-ammont tal-multi. Madanakollu, din il-preċiżjoni tmur ħafna lilhinn mill-grad ta' delineazzjoni previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Jungbunzlauer tinvoka l-fatt illi kienet prinċipalment l-idea ta' metodu ibbażat biss fuq id-dħul mill-bejgħ ma kienx jieħu biżżejjed in kunsiderazzjoni l-estensjoni u kobor tal-ksur, li kien wassal lill-leġiżlatur, fl-1999, li jirrinunzja għal tibdil fil-kuntest ġuridiku f'dan is-sens.

60      Fis-sitt lok, Jungbunzlauer tikkunsidra li l-mertu tat-teżi tagħha huwa muri mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni fis-suġġett tal-multi. Fil-fatt, il-prattika tal-Kummissjoni mhijiex ikkaratterizzata biss minn differenzi enormi fl-ammonti b'valur assolut tal-multi, iżda wkoll, u fuq kollox b'żieda drastika ta' l-ammont tal-multi mis-sena 2001. Jungbunzlauer tirrileva, b'mod partikolari, li mill-medja tal-multi imposti fuq l-impriżi bejn l-1994 u 2000 meta mqabbla mal-multa rekord ta' EUR 462 miljun imposta matul is-sena 2001 fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta' Novembru 2001, dwar il-proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.512 – Vitamini) (ĠU 2003, L 6, p. 1), jirriżulta kważi proporzjon ta' wieħed għal ħmistax. Anke t-tieni l-għola multa imposta fuq impriża fl-2001, jiġifieri multa ta' EUR 184.27 miljun, imposta fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/337/KE, ta' l-20 ta' Diċembru 2001, dwar il-proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/36.212 – Karta li tagħmel kopji) (ĠU 2004, L 115, p. 1), kienet tirrappreżenta wkoll aktar minn sitt darbiet dan il-valur medju. Jungbunzlauer tikkunsidra li l-fatt li dawn id-deċiżjonijiet kollha huma ─ bħall- prattika preċedenti għal kollox differenti tal-Kummissjoni ─ ibbażati fuq kuntest ġuridiku uniku ta' multi, jiġifieri l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, juri li fir-realtà din id-dispożizzjoni m'għandha ebda effett ta' delineazzjoni tal-prattika tal-Kummissjoni. Dan l-iżvilupp fir-realtà ma jikkostitwixxix żieda mill-ġdid tal-multi, iżda multiplikazzjoni tiegħu.

61      Fis-seba' lok, Jungbunzlauer tirrileva li, f'artikolu ppubblikat fl-1993, uffiċjal tal-Kummissjoni kien ammetta li l-proċedura li tista' twassal għal multa skond ir-Regolament Nru 17 " [tidher] li hija 'l bogħod minn dak li wieħed normalment jikkwalifika bħala proċedura ġusta (due process)".

62      B'mod sussidjarju, Jungbunzlauer tikkunsidra illi, jekk jiġi presuppost li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa kompatibbli mal-prinċipju ta' legalità, il-Kummissjoni għandha mill-inqas tinterpreta din id-dispożizzjoni b'mod restrittiv u għandha tikkumpensa l-livell insuffiċjenti ta' previżjoni ta' din id-dispożizzjoni b'sistema ta' multi koerenti u trasparenti li tippermetti li l-impriżi kkonċernati jiġu assigurati livell ta' ċertezza legali indispensabbli. Din l-interpretazzjoni għandha, skond Jungbunzlauer, tittraduċi ruħha bil-fatt illi l-Kummissjoni għandha tkun lesta li tiggarantixxi minimu ta' transparenza u ta' prevedibbiltà f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iffissar tal-multa. Il-poter wiesa', mogħti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għandu, fl-opinjoni tagħha, jakkwista minimu ta' konkretezza mill-fatt tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, u b'hekk jeskludi deċiżjonijiet sorprendenti, kif ġara f'din il-kawża.

63      Il-Kummissjoni u l-Kunsill huma ta' l-opinjoni illi l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jiksirx il-prinċipju ta' legalità.

64      Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-fatt illi d-deċiżjonijiet tagħha fir-rigward tal-multi huma suġġetti għall-ġurisdizzjoni assoluta tal-qorti Komunitarja. Barra dan, hija tenfasizza illi l-kriterji previsti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kienu ppreċiżati, minn naħa, mill-ġurisprudenza, u min-naħa l-oħra, mil-linji gwida. Skond hi, għalkemm dawn il-kriterji jistgħu jkunu definiti b'mod aktar preċiż, hija ma tkunx tista, minn naħa, tieħu in kunsiderazzjoni d-dettalji ta' kull każ u, min-naħa l-oħra, tassigura effett dissważiv tal-multi.

65      Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll illi, kif jgħid l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17, ir-regoli tal-kompetizzjoni m'għandhomx karattru kriminali. Barra dan, hija tqis illi r-rikorrenti għamlet żball meta invokat ksur ta' l-Artikolu 7(1), KEDB u ta' l-Artikoli 41 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

66      Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li hija għandha l-poter li tgħolli l-livell tal-multi u li l-linji gwida ma jaffettwawx il-kuntest ġuridiku applikabbli għall-iffissar tal-multi.

67      Fl-aħħarnett, għal dak li jikkonċerna l-paragun mad-dritt Ġermaniż, il-Kummissjoni ġġib l-eżempju ta' regola kriminali biex turi li l-liġi ta' dan il-pajjiż tipprovdi ukoll marġni ta' diskrezzjoni wiesa' li fil-kuntest tiegħu l-penali individwali u konkreta għandha tkun iffissata.

68      Il-Kunsill qies illi d-dispożizzjonijiet invokati mill-KEDB u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma japplikawx għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Aktar minn hekk, skond hu, l-Artikolu 15(2) tar-Regoalment Nru 17 hija regola perfettament ċara u mhix ambigwa.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

69      L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, kif emendat it-tieni darba bir-Regolament (KE) Nru 1216/1999 (ĠU L 148, p. 5) jipprovdi li :

"Il-Kummissjoni tista' permezz ta' deċiżjoni timponi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi multi li huma ta' l-inqas [EUR 1 000] u mhux aktar minn [EUR 1 miljun], dan ta' l-aħħar ma jistax jaqbeż 10 % tad-dħul mill-bejgħ fis-sena tan-negozju preċedenti ta' kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, intenzjonalment jew b'negliġenza:

(a) dawn jiksru l-Artikolu [81](1) [KE] jew l-Artikolu [82 KE], jew

(b) dawn ma josservawx obbligu impost skond l-Artikolu 8(1).

Fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkunsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien tal-ksur". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

70      Għandu jiġi eżamint jekk, bħalma ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jiksirx il-prinċipju ta' legalità meta peress li ma jistabbilixxix minn qabel b'mod suffiċjenti l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni.

71      Fir-rigward ta' dan is-suġġett, għandu jiġi mfakkar illi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta' legalità huwa korollarju tal-prinċipju ta' ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali ta' dritt Komunitarju li jeżiġi, b'mod partikolari li kull leġiżlazzjoni Komunitarja, b'mod partikolari dik li timponi penali, għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni li għandhom x'jaqsmu ikunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minnha u jkunu jistgħu jieħu il-prekawzjonijiet tagħhom bħala konsegwenza (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Lulju 1981, Jondrand, 169/80, Ġabra p. 1931, punt 17 ; Maizena, punt 40 supra, punt 15 ; Van Es Douane Agenten, punt 40 supra, punt 27, u Proċeduri kriminali kontra X, punt 40 supra, punt 25).

72      L-istess, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-prinċipju japplika kemm għar-regoli ta' natura kriminali kif ukoll għall-istrumenti amministrattivi speċifiċi li jimponu jew li jippermettu li jkunu imposti penali amministrattivi (ara s-sentenza Maizena, punt 40 supra, punti 14 u 15, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata) u japplika mhux biss għar-regoli li jistabbilixxu l-elementi kostituttivi ta' ksur, iżda wkoll għal dawk li jiddefinixxu l-konsegwenzi li jirriżultaw minn ksur tal-bidu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Proċeduri kriminali kontra X, punt 40 supra, punti 22 u 25).

73      Barra dan, għandu jiġi mfakkar illi l-prinċipju ta' legalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali ta' dritt Komunitarju li jinsabu fil-bażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri u kien ġie inkorporat f'diversi trattati internazzjonali, b'mod partikolari fl-Artikolu 7 tal-KEDB, u dan, fost l-oħrajn, għal dak li jikkonċerna l-ksur u l-pieni kriminali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Proċeduri Kriminali kontra X, punt 40 supra, punt 25).

74      Skond ġurisprudenza stabbilita d-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali ta' dritt li l-Qorti Komunitarja għandha tassigura l-ħarsien tagħhom (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/94, tat-28 ta' Marzu 1996, Ġabra p. I-1759, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Mejju 1997, Kremzow, C-299/95, Ġabra p. I-2629, punt 14). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza huma ispirati mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kienu kkooperaw magħhom u aderew għalihom. Il-KEDB għandha, f'dan ir-rigward, sinifikat partikolari (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18, u Kremzow, iċċitata aktar 'il fuq, punt 14). Barra dan, skond l-Artikolu 6(2) UE, "[l]-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[KEDB], u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità" (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ottubru 2002, Roillitte Frères, C-94/00, Ġabra p. I-9011, punti 23 u 24, u s-sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 40 supra, punt 60).

75      F'dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-kliem ta' l-Artikolu 7(1) tal- KEDB:

"Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skond liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar."

76      Skond il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (aktar 'il quddiem il-"QEDB"), minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-liġi għandha tiddefinixxi b'mod ċar il-ksur u l-pieni għalihom. Din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta l-individwu jkun jista' jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u bl-għajnuna ta' l-interpretazzjoni li tkun ngħatat mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għal responsabbilità kriminali (ara QEDB, sentenza Coëme vs Il-Belġju tat-22 ta' Ġunju 2000, Ġabra ta' sentenzi u deċiżjonijiet, 2000-VII, p. 1, punt 145).

77      Meta irreferew għall-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru  17, li jipprovdi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skond, b'mod partikolari, il-paragrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni m'għandhomx natura kriminali, il-Kummissjoni u l-Kunsill esprimew dubji dwar jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tistax ikun ispirata mill-Artikolu 7(1) tal-KEDB u mill-ġurisprudenza tal-QEDB dwar dan l-Artikolu sabiex tanalizza l-legalità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

78      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tenfasizza, l-ewwelnett, illi m'għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-legalità ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fid-dawl ta' l-Artikolu 7(1) tal-KEDB, safejn id-dispożizzjonijiet tal-KEDB ma jifformawx parti, bħala tali, mid-dritt Komunitarju (ara f'dan is-sens, is-sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 40 supra, punt 59). Madankollu, kif indikat fil-punt 74 'il fuq, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-Qorti Komunitarja għandha tassigura r-rispett tagħhom filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni b'mod partikolari l-KEDB bħala sors ta' ispirazzjoni.

79      Isegwi li, mingħajr il-bżonn li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk, minħabba, b'mod partikolari, in-natura u l-grad ta' severità tal-multi imposti mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-Artikolu 7(1) tal-KEDB jistax japplika għal tali penali amministrattivi u għaldaqstant iservi ta' għajn ta' ispirazzjoni għall-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P, C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 215 sa 223), huwa biżżejjed illi jiġi kkonstatat illi l-Artikolu 7(1) tal-KEDB ma jeżiġix illi l-kliem tad-dispożizzjonijiet li bihom ikunu imposti l-penali jkunu tant preċiżi li l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn ksur ta' dawn id-dispożizzjonijiet ikunu prevedibbli b'ċertezza assoluta.

80      Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza tal-QEDB, l-eżistenza ta' kliem vag fid-dispożizzjoni ma jwassalx neċessarjament għal ksur ta' l-Artikolu 7 tal-KEDB. Barra dan, il-QEDB irrikonoxxiet li l-kunċett ta' dritt użat fl-Artikolu 7 tal-KEDB jikkorrispondi għal dak ta' liġi li hemm fl-artikoli l-oħra tal-KEDB (ara QEDB, sentenza Baskaya u Okçuoglu vs It-Turkija, tat-8 ta' Lulju 1999, Ġabra ta' sentenzi u deċiżjonijiet, 1999-IV, p. 308, punt 36, u sentenza Dansk Rørindustri et.vs Il-Kummissjoni, punt 79 supra, punt 216). Barra dan, il-QEDB irrikonoxxiet illi ħafna liġijiet m'għandhomx preċiżjoni assoluta u ħafna minnhom, minħabba l-bżonn li jevitaw riġidità eċċessiva, u li jadattaw għat-tibdil ta' sitwazzjoni, neċessarjament jużaw formulazzjonijiet xi ftit jew wisq vagi, u li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom tiddependi mill-prattika (ara QEDB, sentenza Kokkinakis vs Il-Greċja, tal-25 ta' Mejju 1993, serje A nru 260-A, punti 40 u 52). Madankollu, il-QEDB ippreċiżat ukoll illi kull liġi tippresupponi kundizzjonijiet kwalitattivi li huma, fost l-oħrajn, dawk ta' aċċessibbiltà u previdibbiltà (sentenza Baskaya u Okçuoglu vs It-Turkija, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36). Madankollu, il-fatt li liġi tagħti setgħa diskrezzjonali, fih innifsu, ma jmurx kontra din l-eżiġenza ta' previdibbiltà, bil-kundizzjoni li l-estensjoni u l-modi ta' eżerċizzju ta' din is-setgħa jkunu definiti b'mod ċar biżżejjed, fid-dawl ta' l-għan leġittimu in kwistjoni, sabiex l-individwu jingħata protezzjoni adegwata kontra aġir arbitrarju (ara QEDB, sentenza Margareta u Roger Andersson vs L-Iżvezja, tal-25 ta' Frar 1992, serje A nru 226-A, § 75). Fl-aħħarnett, il-QEDB ippreċiżat illi barra mit-test stess tal-liġi hija tikkunsidra l-ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata waqt l-evalwazzjoni tan-natura determinanti jew le tal-kunċetti użati (ara QEDB, sentenzi G. vs Franza, tas-27 ta' Settembru 1995, serje A nru 325-B, § 25, u E.K. vs It-Turkija, tas-7 ta' Frar 2002, punt 51).

81      Fir-rigward tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, ebda element ma jħalli lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tagħti lill-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, illi jikkostitwixxi l-prinċipju ta' legalità, interpretazzjoni differenti minn dik li tirriżulta mill-iżviluppi aktar 'il fuq. L-ewwelnett, meta r-rikorrenti invokat it-termini tad-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż li bis-saħħa tagħha l-organi kompetenti Ġermaniżi jimponu multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandu jiġi osservat li tradizzjoni kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ma tistax tiġi mnissla mis-sitwazzjoni ġuridika ta' Stat Membru wieħed biss. Wara dan, kif ammettiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, id-dritt rilevanti ta' ħafna Stati Membri oħrajn għandhom, għall-għoti ta' penali amministrattivi bħal dawk imposti għal ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni, livell ta' determinazzjoni minn qabel simili għal dak ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 7, jiġifieri kriterji li jixxiebhu jew identiċi għal dak previsti minn din id-dispożizzjoni.

82      Huwa għalhekk fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' prinċipju stabbiliti aktar 'il fuq li għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jħarisx il-prinċipju ta' legalità.

83      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi l-penali previsti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fil-każ ta' ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, jikkostitwixxu strument ewlieni li tiddisponi l-Kummissjoni sabiex tissorvelja l-implementazzjoni, fi ħdan il-Komunità, ta' "sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata" [Artikolu 3(1)(g), KE]. Din is-sistema tippermetti lill-Komunità li twettaq il-missjoni tagħha li tikkonsisti, fl-istabbiliment ta' suq komuni, u li tippromwovi fil-Komunità kollha, b'mod partikolari, l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta' l-attivitajiet ekonomiċi u livell għoli ta' kompetittività (Artikolu 2 KE). Din is-sistema hija wkoll neċessarja sabiex fi ħdan il-Komunità tiġi stabbilita, politika ekonomika li tkun ibbażata fuq il-ħarsien tal-prinċipji ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ fejn il-kompetizzjoni hija libera (Artikolu 4(1) u (2), KE). B'hekk, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jippermetti l-implementazzjoni ta' sistema li tikkorrispondi għall-missjonijiet fundamentali tal-Komunità.

84      Barra dan, għandu jiġi ppreċiżat illi, sabiex ma jkunx hemm riġidità eċċessiva fil-leġiżlazzjoni u li tippermetti li r-regola ta' dritt tadatta skond iċ-ċirkustanzi, huwa permess ċertu grad ta' imprevidibblità fir-rigward tal-penali li tista' tiġi imposta għal ksur. Multa li għandha varjazzjoni suffiċjentement limitata bejn il-multa minima u l-multa massima li tista' tiġi imposta għal ksur partikolari tista' b'hekk tikkontribwixxi għall-effettività ta' din il-penali, kemm mil-lat ta' l-applikazzjoni tagħha kif ukoll mill-poter tagħha ta' dissważjoni.

85      F'din il-kawża, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jistabbilixxi bħala penali, għal impriża li tkun kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 82 KE, l-impożizzjoni ta' multa li l-livell tagħha huwa bejn EUR 1,000 u 10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub waqt is-sena tan-negozju preċedenti ta' l-impriża in kwistjoni. Għalhekk, għandu jkun ikkonstatat illi, kuntrarjament għal dak illi sostniet ir-rikorrenti, il-Kummissjoni m'għandiex marġini ta' diskrezzjoni illimitat sabiex tiffissa l-multi fil-każ ta' ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni.

86      Aktar minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis illi, meta ipprovdiet, fil-każ ta' ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni, multi f'ammont li jvarja bejn EUR 1 000 u 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta' l-impriża ikkonċernata, il-Kunsill ma ħalliex lill-Kummissjoni marġini ta' diskrezzjoni eċċessiv. B'mod partikolari, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-massimu ta' 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta' l-impriża kkonċernata huwa raġonevoli, fir-rigward ta' l-interessi difiżi mill-Kummissjoni meta jsir dan it-tip ta' ksur. Għandu wkoll ikun enfasizzat illi, kuntrarjament għal dak li indikat ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tal-multi li jistgħu jkunu imposti abbażi ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 m'għandhiex tkun mifhuma b'mod assolut, iżda f'termini relativi, jiġifieri b'konnessjoni mad-dħul mill-bejgħ ta' min ikun kiser il-liġi.

87      Barra dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza tenfasizza illi, sabiex ikun iffissat l-ammont tal-multi skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni hija marbuta li tirrispetta l-prinċipji ġenerali ta' dritt, b'mod l-aktar partikolari l-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità, kif inhuma rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza li hija stabbilita sew ukoll kienet iċċarat il-kriterji u l-metodu ta' kalkolu li l-Kummissjoni għandha tapplika fil-kuntest ta' l-iffissar tal-multi (ara, b'mod partikolari, punti 213 et seq aktar 'il quddiem). Ir-rikorrenti tirreferi ukoll hija stess ukoll għal din il-ġurisprudenza biex issaħħaħ il-motivi u l-argumenti tagħha (ara, b'mod partikolari, punt 199 aktar 'il quddiem).

88      Aktar minn hekk, abbażi tal-kriterji li hemm fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ppreċiżati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni stess, żviluppat prattika deċiżjonali pubblikament magħrufa u aċċessibbli. Għalkemm, ċertament, il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, bħala tali, ma rabtitx lill-Kummissjoni dwar kif tistabbilixxi l-ammont ta' multa (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II-1705, punt 234, u tat- 30 ta' Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 254), jibqa' l-fatt li, skond il-prinċipju ta' trattament ugwali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt li l-Kummissjoni hija marbuta li tħares, il-Kummissjoni ma tistax titratta sitwazzjonijiet li jixxiebhu b'mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti b'mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309).

89      Aktar minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat illi, minħabba problema ta' trasparenza u sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali ta' l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida li fihom hija tistabbilixxi l-metodu ta' kalkolu li hija timponi lilha nnifisha f'kull każ in kwistjoni.

90      Abbażi ta' dawn l-elementi kollha, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, operatur avżat, meta jkollu bżonn parir legali, jista', skond il-liġi, jipprevedi l-metodu u l-kobor tal-multi li jista' jaqla' għal aġir partikolari. Il-fatt, mhux ikkontestat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, illi l-impriżi ma jistgħux ikunu jafu bil-quddiem l-ammont preċiż tal-multi li l-Kummissjoni tkun ser timponi f'kull każ partikolari mhuwiex tali li jistabbilixxi li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru  17 jikser il-prinċipji ta' legalità.

91      Għalkemm hu minnu illi l-impriżi ma jistgħux ikunu jafu minn qabel l-ammont preċiż tal-multi li l-Kummissjoni tkun ser timponi f'kull każ partikolari, jibqa' l-fatt illi mill-inqas, kif jgħid l-Artikolu 253 KE, fid-deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni hija marbuta li tagħti motivazzjoni, b'mod partikolari dwar l-ammont tal-multa imposta u dwar il-metodu magħżul f'dan ir-rigward. Din il-motivazzjoni għandha turi, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-Kummissjoni b'mod li jippermetti lill-persuni interessati li jkun jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda sabiex tiġi evalwata l-possibbiltà li l-kwistjoni titressaq quddiem il-qorti Komunitarja, u, jekk ikun il-każ, li tippermetti lil din li teżerċita l-kontroll tagħha.

92      Fir-rigward ta' dak kollu li ngħad qabel, l-eċċezzjoni ta' illegalità, imqajma fir-rigward ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għandha tiġi miċħuda.

B –  Fuq l-interpretazzjoni konformi ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru  17

93      Ir-rikorrenti ssostni illi, jekk jiġi presuppost li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa kompatibbli mal-prinċipju ta' legalità, korollarju tal-prinċipju ta' ċertezza legali, il-Kummissjoni għandha ta' l-inqas tinterperta din id-dispożizzjoni b'mod restrittiv u tikkumpensa l-grad ta' previżjoni insuffiċjenti ta' din id-dispożizzjoni b'sistema ta' multi koerenti u trasparenti li tippermetti li l-impriżi kkonċernati jiġu assigurati l-livell ta' ċertezza legali indispensabbli.

94      Il-Kummissjoni tfakkar illi huwa preċiżament bil-għan li tassigura grad ta' trasparenza suffiċjenti li hija adottat il-linji gwida u illi, mill-adozzjoni tagħhom, id-dritt tagħha li tagħżel l-ammont tal-multi jinsab limitat.

95      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li, fil-kuntest ta' din it-tieni parti ta' dan il-mottiv, mqajjem b'mod sussidjarju b'konnessjoni ma' l-ewwel parti, ir-rikorrenti ma tqajjem ebda lment konkret kontra d-Deċiżjoni, iżda tagħmel dikjarazzjonijiet ġenerali fis-sens li l-Kummissjoni għandha, b'mod ġenerali, tbiddel il-politika tagħha fir-rigward tal-multi u tnaqqas l-ammont ta' dan ta' l-aħħar jew tippreċiża it-termini tal-linji gwida.

96      Għalhekk, din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

II –  Fuq id-destinatarju tad-deċiżjoni

97      Ir-rikorrrenti tqajjem motivi bbażati, l-ewwelnett, fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, u t-tieni, fuq żbalji fir-rigward tad-destinatarju tad-deċiżjoni.

A –  Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

98      Jungbunzlauer tikkunsidra li d-deċiżjoni m'għandha ebda motivazzjoni li tagħti r-raġunijiet li għalihom ir-responsabblità ta' l-aġir anti-kompetittiv ta' Jungbunzlauer GmbH matul il-perijodu qabel l-1993 għandha tkun attribwita lilha.

99      Il-Kummissjoni ma qajmet ebda argumenti speċifiċi f'dan ir-rigward.

100    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar illi skond ġurisprudenza stabbilita il-motivazzjoni meħtieġa l-Artikolu 253 KE għandha turi, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta' l-awtorità Komuitarja, l-awtriċi ta' l-att inkriminat, b'mod li tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti tkun tista' teżerċita l-kontroll tagħha. Il-ħtieġa għal motivazzjoni għandha tkun evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari, il-kontenut ta' l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom biex jirċievu xi spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt rilevanti, safejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 253 KE għandha tkun evalwata mhux biss fir-rigward ta' kif hija fformulata, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tat-30 ta' Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-301/96, Ġabra p. I-9919, punt 87).

101    F'din il-kawża, il-Kummissjoni invokat ir-raġunijiet li ġejjin sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tattribwixxi l-ksur lil Jungbunzlauer mhux biss għall-perijodu wara x-xahar ta' Awwissu 1993, iżda ukoll għall-perijodu li jmur lura għall-bidu tal-ksur, f'Marzu 1991, sa Lulju 1993.

102    Fil-premessi 30 u 33 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat illi r-rikorrenti, il-kumpannija Jungbunzlauer, kienet il-kumpannija li timmaniġġa li, wara r-ristrutturar tal-grupp fl-1993, mexxiet l-ħidmiet tal-grupp Jungbunzlauer li fuqha hemm kumpannija holding, jiġifieri Jungbunzlauer Holding AG. Il-Kummissjoni nnutat illi, wara l-1993, ir-rikorrenti, Jungbunzlauer, kienet tmexxi ukoll il-ħidmiet tal-grupp fis-suq ta' l-aċidu ċitriku, li kien prodott fi ħdan il-grupp minn Jungbunzlauer GmbH, sussidjarja kkontrollata 100 % minn Jungbunzlauer Holding AG. Il-Kummissjoni żiedet tgħid illi, qabel r-ristrutturar tal-grupp fl-1993, il-grupp kien immexxi minn Jungbunzlauer GmbH. It-tqassim ta' l-aċidu ċitriku kien magħmul, sa l-1993, minn Jungbunzlauer GmbH u, wara din id-data, minn sussidjara oħra ta' Jungbunzlauer Holding AG, jiġifieri Jungbunzlauer International AG.

103    Fil-premessa 70 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni nnutat illi, waqt il-laqgħat ta' l-akkordju, il-grupp Jungbunzlauer kien irrappreżentat mill-president-direttur ġenerali tal-grupp u mid-direttur ta' Jungbunzlauer GmbH.

104    Fil-premessa 186 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat illi, fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti, Jungbunzlauer u Jungbunzlauer GmbH kienu ddikjaraw flimkien illi kienet Jungbunzlauer GmbH li kellha tkun ikkunsidrata bħala destinatarja tad-Deċiżjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni pprovdiet ir-raġunament li ġej:

"(187) […] L-ewwelnett, sat-tieni simestru ta' l-1993, Jungbunzlauer [GmbH] ma kinitx biss sussidjarja responsabbli mill-produzzjoni u mit-tqassim ta' l-aċidu ċitriku, iżda kienet ukoll l-entità ġuridika responsabbli mit-tmexxija tal-grupp kollu ta' Jungbunzlauer. Fl-1993, ir-responsabbilità tat-tmexxija tal-grupp ġiet ittrasferita lil Jungbunzlauer AG, li tista' tkun ikkunsidrata bħala s-suċċessur ta' Jungbunzlauer [GmbH] għat-tmexxija tal-grupp Jungbunzlauer. Minn dik id-data, Jungbunzlauer [GmbH] hija s-sussidjarja 100 % tal-grupp, li ma tiddeterminax l-aġir tagħha fuq is-suq b'mod awtonomu, iżda tapplika essenzjalment l-ordnijiet mogħtija lilha minn Jungbunzlauer AG, kumpannija responsabbli mit-tmexxija tal-grupp.

(188)  Għal parti mill-perijodu eżaminat minn din id-deċiżjoni, Jungbunzlauer AG ħadet sehem direttament f'laqgħat ta' l-akkordju, jiġifieri fil-persuna tal-[president-direttur] ġenerali tagħha. Għalhekk għandu jkun konkluż illi f'kull mument ikkunsidrat f'din id-deċiżjoni l-entità ġuridika responsabbli mit-tmexxija tal-grupp Jungbunzlauer kollu kemm hu ħadet sehem attivament u direttament fl-akkordju. Peress li l-entità ġuridika in kwistjoni attwalment hija Jungbunzlauer AG, hija din ta' l-aħħar li kellha tkun destinatarja ta' din id-deċiżjoni."

105    Dawn l-indikazzjonijiet, għalkemm qosra, jidentifikaw l-elementi essenzjali li kkunsidrat il-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ksur lil Jungbunzlauer għall-perijodu qabel l-1993. Il-Kummissjoni fil-fatt indikat illi huwa minħabba sensiela ta' xogħlijiet tat-tmexxija għall-ħidmiet tal-grupp, b'mod partikolari fis-suq ta' l-aċidu ċitriku, li saru minn Jungbunzlauer GmbH għal Jungbunzlauer li hija kkunsidrat illi din ta' l-aħħar kienet responsabbli mill-ksur għall-perijodu qabel ir-ristrutturar tal-grupp fl-1993.

106    Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandu jkun miċħud.

B –  Fuq il-motiv bbażat fuq żbalji fir-rigward tad-destinatarju tad-Deċiżjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

107    Jungbunzlauer tqis illi huwa żball li hija d-destinatarja tad-Deċiżjoni. Fir-rikors, hija ssostni illi d-Deċiżjoni kellha tkun indirizzata lil Jungbunzlauer GmbH. Hija tqis illi kienet din il-kumpannija li, fi ħdan il-grupp, kienet tipproduċi u tqassam l-aċidu ċitriku u li, barra dan, sa l-1993, kienet reponsabbli mit-tmexxija tal-grupp kollu. Għal dak li jikkonċerna il-perijodu wara li ġiet maħluqa fl-1993 bħala kumpannija li timmaniġġa, fir-replika tagħha, hija tenfasizza li anke wara din id-data, id-"direzzjoni effettiva" tal-grupp kienet eżerċitata minn Jungbunzlauer Holding AG.

108    Minn naħa, għal dak li jikkonċerna l-perijodu wara l-1993, Jungbunzlauer tfakkar, fl-ewwel lok, illi mill-1993, kemm Jungbunzlauer GmbH kif ukoll hi stess kienu sussidjarji kkontrollati 100 % minn Jungbunzlauer Holding AG, b'mod li hi stess ma kinitx il-kumpannija prinċipali (parent company) ta' Jungbunzlauer GmbH, iżda kienet biss kumpannija sussidjarja fl-istess grupp (sister company).

109    Għalhekk, skond Jungbunzlauer, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tinvoka s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, aktar 'il quddiem is-"sentenza AEG", punt 50), u tas-16 ta' Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, aktar 'il quddiem is-"sentenza Stora", punt 28), li kienu jikkonċernaw l-attribuzzjoni ta' aġir ta' sussidjarja lill-kumpannija prinċipali. Madankollu, din il-konnessjoni bejn il-kumpannija prinċipali u s-sussidjarja tkun fil-kwalità differenti minn dik li kienet teżisti bejnha u bejn Jungbunzlauer GmbH, peress li Jungbunzlauer Holding AG, bħala kumpannija prinċipali komuni, kellha l-possiblità li f'kull ħin tirtira mingħand waħda mis-sussidjarji d-dritt li tikkontrolla waħda mill-kumpanniji sussidjarji l-oħra.

110    Jungbunzlauer iżżid tgħid illi lill-kumpanniji l-oħra tal-grupp kienet tipprovdilhom biss servizzi ta' tmexxija u ta' pariri dwar kwistjonijiet ta' politika ta' l-impriża, ta' organizzazzjoni u investiment finanzjarju. Jungbunzlauer kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha fuq talba ta' Jungbunzlauer Holding AG li kienet tikkontrolla l-grupp u kienet l-unika li kellha d-dritt li tagħti struzzjonijiet lill-kumpanniji tal-grupp. Jungbunzlauer ma setgħetx tiddisponi minn dan id-dritt hi stess fir-rigward ta' l-impriżi differenti tal-grupp u dan id-dritt lanqas ingħatalha bħala "Treuhänder " (mandatarja) ta' Jungbunzlauer Holding AG. Il-ħidmiet proprji tagħha kienu, għall-kuntrarju, limitati li tipprovdi lill-kumpanniji l-oħrajn tal-grupp is-servizzi tal-persuni li kienet timpjega. Safejn, f'każ partikolari, dawn il-persuni kienu jirċievu struzzjonijiet tal-kumpanniji grupp, (per eżempju Jungbunzlauer GmbH), huma ma kinux ikunu qed jaġixxu f'isimhom proprju, iżda bħala rappreżentanti ta' Jungbunzlauer Holding AG.

111    Jungbunzlauer tiġbed il-konklużjoni illi d-"direzzjoni effettiva" tan-negozji ta' Jungbunzlauer Holding AG u tal-grupp kollu kienet f'idejn din ta' l-aħħar. Dan huwa korroborat mid-dritt tal-kumpanniji Awstrijaku applikabbli għal Jungbunzlauer GmbH. Fil-fatt, kumpannija kkostitwita taħt il-forma ta' GmbH tkun immexxija mill-organi tagħha, jiġifieri mill-kumitat ta' tmexxija u mill-kunsill ta' sorveljanza, filwaqt li l-politika kummerċjali tagħha tkun, fl-aħħar, definita mill-assemblea tas-soċji fi ħdanha, f'din il-kawża, Jungbunzlauer Holding AG kellha d-drittijiet kollha ta' vot peress li kienet soċja unika.

112    Fit-tieni lok, Jungbunzlauer sostniet, li anki wara l-ħolqien tagħha fl-1993, il-parteċipanti prinċipali fid-diskussjonijiet, bl-eċċezzjoni tad-direzzjoni ta' Jungbunzlauer, li kienu bdew il-funzjonijiet tagħhom matul is-sajf ta' l-1993, għal żmien twil ħafna kienu eżerċitaw il-funzjonijiet ta' tmexxija fi ħdan Jungbunzlauer GmbH. Barra minn dan, wara l-ħolqien Jungbunzlauer fl-1993, dawn il-persuni kellhom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ma' Jungbunzlauer GmbH. Il-biċċa l-kbira ta' l-attivitajiet kienu ta' Jungbunzlauer GmbH. L-istqarrija tal-Kummissjoni li tgħid li ċerti persuni in kwistjoni kienu eżerċitaw funzjonijiet fi ħdan il-grupp, mhijiet rilevanti f'dan il-kuntest. Skond Jungbunzlauer, il-Kummissjoni kellha, ta' l-inqas, tindika l-kumpanniji differenti tal-grupp li jimpjegaw dawn il-persuni u li lista tagħhom kienet tinsab fir-risposta għall-komumikazzjoni ta' ilmenti. Jungbunzlauer tressaq, b'eżempju, li huwa żbaljat li jiġi ddikjarat illi s-Sinjuri H. u R. kienu ġew impjegati minnha jew minn Jungbunzlauer Holding AG.

113    Fit-tielet lok, Jungbunzlauer tqis illi, fid-dawl tal-progress tal-proċedura amministrattiva, kien artifiċjali li l-akkordju jkun attribwit lilha. Fil-fatt hija tirrileva illi l-Kummissjoni indirizzat it-talbiet għal informazzjoni fis-6 ta' Awwissu 1997, fit-28 ta' Lulju 1998 u fit-3 ta' Marzu 1999 lil Jungbunzlauer GmbH u illi l-kooperazzjoni intervenuta fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kienet ukoll f'idejn din ta' l-aħħar.

114    Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna il-perijodu ta' qabel l-1993, Jungbunzlauer issostni, fl-ewwel lok, illi, sa l-1993, kienet Jungbunzlauer GmbH li mexxiet il-grupp u illi, qabel din id-data, Jungbunzlauer lanqas kienet għadha bdiet topera.. Għalhekk, skond hi, rigward il-perijodu ta' qabel l-1993, ir-responsabbilità ta' l-aġir anti-kompetittiv f'ebda każ ma kien attribwit aktar lilha.

115    Fit-tieni lok, Jungbunzlauer tikkunsidra illi s-sentenzi invokati mill-Kummissjoni mhumiex rilevanti sabiex isaħħu t-teżi tagħha ta' trasferiment lilha tar-responsabblità tal-ksur ta' Jungbunzlauer GmbH. Hija ssostni illi l-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 84 sa 87), dwar suċċessjoni ta' dritt u li dik li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, NMH Stahlwerke vs Il-Kummissjoni (T‑134/94, Ġabra p. II-239, punti 35 sa 38), kienet tikkonċerna l-bidu mill-ġdid ta' kumpannija li kienet falliet.

116    Fit-tielet lok, Jungbunzlauer tqis illi ma tistax ikun ikkunsidrata bħala is-"suċċessur ekonomiku" ta' Jungbunzlauer GmbH u li l-aġir ta' din ta' l-aħħar qabel l-1993 ma jistax jkun attribwit lilha. Dan jidher mill-fatt li r-rwol proprju tagħha fi ħdan il-grupp kien limitat għall-provvista ta' servizzi għal kumpanniji oħrajn fl-imsemmi grupp (ara punt 110 aktar 'il fuq). Bl-istess mod, hija ssostni illi, anke qabel l-1993, Jungbunzlauer GmbH kompliet il-ħidmiet tagħha li jikkonsistu fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-aċidu ċitriku. Madankollu, għalkemm f'dan ir-rigward, Jungbunzlauer GmbH kellha xi drabi tirrikorri għal kumpanniji oħrajn tal-grupp bħalha, din ma kelllhiex l-istatus ta' aġent. Il-politika ta' kwantitajiet u ta' prezz kienet dejjem tkun imposta minn Jungbunzlauer GmbH.

117    Fir-raba' lok, mhuwiex eżatt illi s-Sinjuri B. u H. kienu jmexxu Jungbunzlauer jew jaġixxu f'isimha. Fi kwalunkwe każ, għal dak li jikkonċerna s-Sur H., Jungbunzlauer tirrileva li ma kienx impjegat minnha iżda mill-kumpanniji l-oħrajn tal-grupp.

118    Fil-ħames lok, Jungbunzlauer tenfasizza illi hija għandha mezzi finanzjarji limitati.

119    Il-Kummissjoni tenfasizza illi hija bbażat ruħha fuq informazzjoni mogħtija minn Jungbunzlauer GmbH u minn Jungbunzlauer stess matul il-proċedura amministrattiva.

120    Għal dak li jikkonċerna l-perijodu ta' wara l-1993, il-Kummissjoni tqis illi minn din l-informazzjoni jirriżulta, li sa l-1993, Jungbunzlauer GmbH kienet responsabbli mit-tmexxija tal-grupp u li, fl-1993, Jungbunzlauer reġgħet okkupat din il-funzjoni, b'mod illi kien hemm suċċessjoni ekonomika bejn dawn il-kumpanniji għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-akkordju. Il-fatt illi r-rikorrenti kienet biss il-kumpannija sussidjarja fl-istess grupp ma twaqqax din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġbed il-konklużjoni b'mod kostanti miż-żamma tal-kapital li l-kumpannija prinċipali tista' tinfluwenza b'mod determinanti l-politika ekonomika tas-sussidjarja tagħha, sakemm dan il-fatt ma jkunx ikkontestat. Għalhekk, mhijiex iż-żamma tal-kapital bħala tali li tkun deċiżiva, iżda l-possibbiltà li din tagħti lill-kumpannija prinċipali li teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ekonomika tas-sussidjarja. Madankollu, skond il-Kummissjoni, il-kumpannnija prinċipali tista' tittrasferixxi lil kumpannija oħra tal-grupp il-possibbiltà li tinfluwenza l-aġir ta' waħda mis-sussidjarji tagħha. Dan huwa l-każ preżenti.

121    Għal dak li jikkonċerna l-perijodu qabel l-1993, il-Kummissjoni tqis illi, minħabba s-suċċessjoni ekonomika msemmija aktar 'il fuq minħabba fir-rigward x-xogħlijiet konnessi mat-tmexxija ta' l-attivitajiet tal-grupp Jungbunzlauer fis-suq ta' l-aċidu ċitriku, il-ksur kommess minn Jungbunzlauer GmbH qabel ir-ristrutturar li kien hemm fl-1993 għandu jkun attribwit lil Jungbunzlauer. Il-fatt illi din il-kumpannija ma kinitx teżisti qabel l-1993 u li Jungbunzlauer GmbH kompliet teżisti wara din id-data m'għandux jitqies bħala rilevanti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

122    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, billi jipprojbixxi lill-impriżi, b'mod partikolari, milli jikkonkludu ftehim jew li jieħdu sehem fi prattiċi miftehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ fl-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, l-Artikolu 81(1)KE jindirizza entitajiet ekonomiċi magħmula minn ġabra ta' elementi materjali u umani li jistgħu iwasslu sabiex jiġi kommess ksur kif previst minn din id-dispożizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T-6/89, Ġabra p. II-1623, punt 235).

123    F'din il-kawża, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta' ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tattribwilha r-responsabbiltà ta' dan il-ksur.

124    F'dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi mfakkar, illi sa l-1993, il-grupp Jungbunzlauer kien immexxi minn Jungbunzlauer GmbH li fost l-oħrajn kienet ukoll tipproduċi l-aċidu ċitriku, iżda li, mir-ristrutturar tal-grupp fl-1993, Jungbunzlauer, bħala kumpannija li timmaniġġa mexxiet l-attivitajiet kollha ta' l-imsemmi grupp, inklużi dawk li jirrigwardaw is-suq ta' l-aċidu ċitriku, u li, tmexxi dan il-grupp kien hemm kumpannija holding, li kienet Jungbunzlauer Holding AG (ara punt 102 aktar 'il fuq).

125    Għal dak li jikkonċerna il-perijodu wara r-ristrutturar tal-grupp Jungbunzlauer fl-1993, għandu jiġi osservat illi Jungbunzlauer, sussidjarja 100 % ta' Jungbunzlauer Holding AG, kienet sister company ta' Jungbunzlauer GmbH u mhux il-parent company tagħha. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti ġustament issostni li din il-kawża hija differenti minn dawk li taw lok għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, T-354/94, Ġabra p. II-2111, punt 80, ikkonfermata fl-appell, mis-sentenza Stora, punt 109 supra, punti 27 sa 29, kif ukoll is-sentenza AEG, punt 109 supra, punt 50, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kuummissjoni, T‑65/89, Ġabra p. II-389, punt 149) li, fis-sustanza, tistabbilixxi li l-Kummissjoni tista' tippreżumi li sussidjarja 100 % tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija prinċipali, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk il-kumpannija prinċipali effettivament eżerċitatx dan il-poter.

126    Madankollu, kif jirriżulta mill-premessi tad-Deċiżjoni u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq din il-preżunzjoni, iżda min-naħa l-oħra, eżaminat, abbażi tar-risposti mogħtija minn Jungbunzlauer u Jungbunzlauer GmbH matul il-proċedura amministrattiva, jekk minkejja l-istruttura tal-grupp Jungbunzlauer, analizzata aktar 'il fuq, il-ksur kellux ikun attribwit lil Jungbunzlauer.

127    F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi, wara, partikolarment, talba għal informazzjoni, datata 3 ta' Marzu 1999, li l-Kummissjoni kienet bagħtet lil Jungbunzlauer GmbH b'ittra tal-21 ta' Mejju 1999, din, fil-kuntest tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni, iddeskriviet l-istruttura tal-grupp Jungbunzlauer u, b'mod partikolari, iddikjarat li t-"tmexxija tal-grupp [kienet] assigurata minn Jungbunzlauer AG […] li, bħala kumpannija li timmaniġġa, [kienet] tmexxi l-impriżi miżmuma minn Jungbunzlauer Holding AG".

128    Barra dan, fid-29 ta' Marzu 2000, il-Kummissjoni indirizzat il-komunikazzjoni tagħha ta' ilmenti lil Jungbunzlauer. Fir-risposta tagħha għal din il-komunikazzjoni ta' ilmenti li Jungbunzlauer tat fit-22 ta' Ġunju 2000, "f'isem Jungbunzlauer GmbH", Jungbunzlauer qieset illi hi ma setgħetx tkun id-destinatarja ta' l-att kollu ta' din il-proċedura. F'dan ir-rigward, hija ddeskriviet l-istruttura organizzattiva tal-grupp Jungbunzlauer billi annettiet skema. Ir-rikorrenti indikat illi Jungbunzlauer kienet tikkostitwixxi biss il-kumpannnija li timmaniġġa li kienet tmexxi l-kumpanniji kkontrollati mill-grupp u li fuqhom kien hemm Jungbunzlauer Holding AG. Min-naħa l-oħra, Jungbunzlauer ippreċiżat illi kienet Jungbunzlauer li kienet "qed taħdem" fis-suq ta' l-aċidu ċitriku, ħlief għal dak li jikkonċerna t-tqassim ta' dan il-prodott li, mill-1993, kien limitat, minn Jungbunzlauer GmbH, għal sussidjarja oħra ta' Jungbunzlauer Holding AG, jiġifieri Jungbunzlauer International AG. Barra dan, Jungbunzlauer ippreċiżat illi "[s]at-tieni semestru ta' l-1993, it-tmexxija kollha flimkien kienet fdata f'idejn Jungbunzlauer [GmbH] " u li, "wara 1993, Jungbunzlauer AG […] teżisti bħala kumpannija li timmaniġġa".

129    Abbażi tad-dikjarazzjonijiet komuni ta' Jungbunzlauer u ta' Jungbunzlauer GmbH, msemmija fil-premessa 187 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis illi, wara r-ristrutturar tal-grupp Jungbunzlauer fl-1993, l-attivitajiet ta' Jungbunzlauer GmbH kienu limitati għal produzzjoni ta' aċidu ċitriku biss filwaqt li t-tmexxija ta' l-attivitajiet tal-grupp, inkluż dak li jikkonċerna dan il-prodott, kien fdat lil Jungbunzlauer b'mod illi Jungbunzlauer GmbH ma kinitx tiddetermina b'mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda kienet essenzjalment tapplika, l-istruzzjonijiet mogħtija minn Jungbunzlauer. Fil-fatt, il-Kummissjoni setgħet validament tiġbed il-konklużjoni illi l-parent company ta' Jungbunzlauer GmbH u Jungbunzlauer kienet ddeċidiet li jagħtu lil din ta' l-aħħar ix-xogħol li tmexxi l-attivitajiet kollha tal-grupp u, konsegwentement, dawk ukoll marbuta ma' l-aġir tal-grupp fis-suq li kien is-suġġett ta' l-akkordju, jiġifieri dak ta' l-aċidu ċitriku.

130    Għalhekk il-Kummissjoni m'għamlitx żbalji billi tikkonkludi li għal dak li jikkonċerna il-perijodu ta' wara r-ristrutturar tal-grupp Jungbunzlauer fl-1993, il-ksur għandu jkun attribwit lil Jungbunzlauer.

131    Għal dak li jikkonċerna l-perijodu qabel ir-ristrutturar tal-grupp Jungbunzlauer fl-1993, għandu jkun ikkonstatat, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 187 tad-Deċiżjoni, illi, sa l-1993, Jungbunzlauer GmbH kienet responsabbli mhux biss mill-attivitajiet tal-grupp fis-suq ta' l-aċidu ċitriku iżda ukoll mit-tmexxija ta' l-attivitajiet kollha tal-grupp. Dan l-aħħar impenn, li kien jikkonsisti fit-tmexxija ta' l-attivitajiet tal-grupp, inklużi dawk li jirrigwardaw is-suq ta' l-aċidu ċitriku, madankollu fl-1993 kienu ġew ittrasferiti lil Jungbunzlauer, li b'hekk saret is-suċċessur ekonomiku ta' Jungbunzlauer għal dak li jikkonċerna t-tmexxija ta' l-attivitajiet tal-grupp.

132    Madankollu, il-fatt illi kumpannija tkompli teżisti bħala entità ġuridika ma jeskludix illi, fir-rigward tad-dritt Komuitarju dwar il-kompetizzjoni, jista' jkun hemm trasferiment ta' parti mill-attivitajiet ta' din il-kumpannija, lil kumpannija oħra, li ssir responsabbli għall-atti kommessi mill-ewwel waħda (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C‑213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 356 sa 359).

133    Għalhekk, il-Kummissjoni ma kkommettiet l-ebda żball meta kkunsidrat illi, għal dak li jikkonċerna il-perijodu qabel ir-ristruttur tal-grupp Jungbunzlauer fl-1993, il-ksur kellu jkun attribwit lil Jungbunzlauer.

134    Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq żbalji fir-rigward tad-destinatarju tad-Deċiżjoni għandu jiġi miċħud.

III –  Fuq is-serjetà tal-ksur

135    Ir-rikorrenti tikkunsidra, minn naħa, illi l-Kummissjoni ma evalwatx tajjeb l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq ta' l-aċidu ċitriku u ma tatx motivazzjoni suffiċjenti f'dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis illi l-Kummissjoni ma kkunsidratx biżżejjed il-kapaċità ekonomika relattivament limitata tar-rikorrenti meta mqabbla ma' l-impriżi l-oħrajn ikkonċernati.

A –  Dwar l-eżistenza ta' impatt konkret ta' l-akkordju fis-suq

1.     Daħla

136    L-ewwelnett, għandu jiġi mfakkar illi s-serjetà tal-ksur għandha tkun stabbilita skond diversi elementi, bħalma huma, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża u l-kuntest tagħha, u dan mingħajr ma kienet ġiet stabbilita lista obbligatorja jew eżawrjenti ta' kriterji li obbligatorjament għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 54; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 443). F'dan il-kuntest, l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq ikkonċernat jista' jiġi kkunsidrat bħala wieħed mill-kriterji rilevanti.

137    Fil-linji gwida tagħha (l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A), il-Kummissjoni indikat illi, sabiex tiġi evalwata s-serjetà tal-ksur, hija tieħu in kunsiderazzjoni, barra n-natura proprja ta' dan il-ksur u l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat, "l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta dan ikun jista' jitqies".

138    F'dan il-każ, mill-premessi 210 sa 230 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament iffissat l-ammont tal-multa, stabbilit skond is-serjetà tal-ksur, billi kkunsidrat dawn it-tliet kriterji. B'mod partikolari, f'dan il-kuntest, hija kkunsidrat illi l-akkordju kellu "effett reali" fuq is-suq ta' l-aċidu ċitriku (premessa 230 tad-Deċiżjoni).

139    Madankollu, skond Jungbunzlauer, f'dan il-kuntest il-Kummissjoni ma evalwatx korrettament l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq ta' l-aċidu ċitriku u ma tatx motivazzjoni suffiċjenti f'dan ir-rigward.

2.     Fuq l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni

140    Skond Jungbunzlauer, il-Kummissjoni kkommettiet diversi żbalji ta' evalwazzjoni li affettwaw il-kalkolu ta' l-ammont tal-multi.

a)     Għal dak jikkonċerna l-fatt li l-Kummissjoni għażlet metodu żbaljat sabiex turi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq.

 L-argumenti tal-partijiet

141    Jungbunzlauer takkuża lill-Kummissjoni li kienet naqset milli ġġib prova ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq u li qalbet il-piż tal-prova fuq l-impriżi kkonċernati. Madankollu, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib din il-prova peress illi hija għażlet li tikkunsidraha għall-iffissar tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-925, punti 180 et seq, u tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T‑46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T‑88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 4863).

142    L-eżiġenzi fir-rigward tal-prova ma jistgħux, f'dan il-kuntest, ikunu inqas iebsa ħlief għal konstatazzjonijiet oħrajn materjali : id-dubju jivvantaġġja lill-impriżi kkonċernati ("in dubio pro reo"). Għalhekk, Jungbunzlauer tikkunsidra illi, għalkemm iċ-ċirkustanzi kkonstati mill-Kummissjoni jistgħu jkollhom spjegazzjoni oħra aktar konvinċenti minn dik mogħtija mill-Kummissjoni, l-eżiġenzi imposti fuq din ta' l-aħħar fir-rigward ta' l-amministrazzjoni tal-prova mhumiex sodisfatti (sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 267, u tat-28 ta' Marzu 1984, CRAM vs Il-Kummissjoni, C‑29/83 u C-30/83, Ġabra p. 1679, punt 20).

143    Jungbunzlauer issostni li mill-premessi 211, 213, 216, 218 u 226 tad-Deċiżjoni jirriżulta li, minflok ma ġabet il-prova ta' l-eżistenza ta' effetti ta' l-akkordju fuq is-suq mill-eżistenza ta' l-akkordju, il-Kummissjoni waslet għar-realtà ta' l-effetti ta' dan fuq is-suq. Madankollu, dan ir-raġunament jikkostitwixxi ċirku vizzjuż, għaliex, jekk inhu eżatt, ikun ifisser li kull akkordju neċessarjamernt ikollu xi effetti fuq is-suq u l-eżami tal-Kummissjoni jkun inutli. Madankollu, mill-istress prattika tal-Kummissjoni jirriżulta li jeżistu akkordji li m'għandhom l-ebda effett fuq is-suq, kif ġie kkonfermat mill-linji gwida (punt 3) u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, punti 4863 et seq).

144    Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-kriterji ta' l-implementazzjoni u ta' l-impatt konkret ta' akkordju fuq is-suq kkonċernat ma jistgħux jiġu mfixxkla u li hija għandha iġġib il-prova f'dan ir-rigward. Madankollu, fil-fehma tagħha, f'dan il-każ, hija ma qalbitx il-piż tal-prova, iżda pproduċiet tali prova skond kif rikjest mil-liġi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

145    Fid-dawl ta' l-ilmenti magħmula minn Jungbunzlauer dwar l-istess metodu magħżul mill-Kummissjoni sabiex jintwera li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq ta' l-aċidu ċitriku, għandha tinġabar fil-qosor l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni, kif tirriżulta mill-premessi 210 sa 228 tad-Deċiżjoni, qabel ma jiġi deċiż il-mertu ta' l-argumenti invokati minn Jungbunzlauer.

–       Ġabra fil-qosor ta' l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni

146    L-ewwelnett, il-Kummissjoni osservat illi "[l]-ksur kien kommess minn impriżi li, matul il-perijodu kkunsidrat, kienu jirrappreżentaw aktar minn 60 % tas-suq dinji u 70 % tas-suq Ewropew ta' l-aċidu ċitriku" (premessa 210 tad-Deċiżjoni).

147    Wara dan, il-Kummissjoni ddikjarat illi, "[k]if dawn l-akkordji ġew effettivament implementati, huma kellhom effetti reali fuq is-suq" (premessa 210 tad-Deċiżjoni). Fil-premessa 212 tad-Deċiżjoni, meta rreferiet għall-parti tad-Deċiżjoni dwar id-deskrizzjoni tal-fatti, il-Kummissjoni rrepetiet l-argument li jgħid li l-akkordji kienu "ġew implementati bir-reqqa" u żiedet tgħid li "wieħed mill-parteċipanti kien iddikjara illi 'huwa sorpiż bil-livell ta' formalità u ta' organizzazzjoni milħuq mill-parteċipanti sabiex jaslu għal dan l-akkordju.'" L-istess, fil-premessa 216 tad-Deċiżjoni, hija nnutat illi, "fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' qabel u għall-isforzi magħmula minn kull parteċipant għall-organizzzazzjoni kumplessa ta' l-akkordju, l-effikaċità ta' l-implementazzjoni tiegħu ma tistax titqiegħed fid-dubju."

148    Barra dan, il-Kummissjoni qieset li mhux neċessarju "li jiġi kkwantifikat eżatt id-differenza ta' dawn il-prezzijiet ma' dawk li setgħu jiġu applikati fin-nuqqas ta' dawn l-akkordji" (premessa 211 tad-Deċiżjoni). Fil-fatt, il-Kummissjoni sostniet illi "din id-differenza ma tistax dejjem titqies b'mod li wieħed ikun jista' joqgħod fuqha: ċertu numru ta' fatturi esterni jista' jkollhom effett fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-prodott, li jrendi estremament perikoluż kull konklużjoni dwar l-importanza relattiva tal-kawżi kollha possibbli" (ibidem). Iżda, fil-premessa 213 tad-Deċiżjoni, hija ddeskriviet l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku minn Marzu 1991 sa 1995 fejn essenzjalment innutat illi, bejn Marzu 1991 u n-nofs tas-sena 1993, il-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku kieni għolew b'40 % u li, wara din id-data, huma nżammu essenzjalment fuq dan il-livell. L-istess, fil-premessi 214 u 215 tad-Deċiżjoni, hija fakkret illi l-membri ta' l-akkordju kienu iffissaw kwoti tal-bejgħ u kienu kkunsidraw u applikaw mekkaniżmi ta' informazzjoni, ta' sorveljanza u ta' kumpens sabiex jassiguraw l-applikazzjoni tal-kwoti.

149    Fl-aħħarnett, fil-premessi 217 sa 228 tad-Deċiżjoni, il- Kummissjoni ġabret fil-qosor, analizzat, u ċaħdet l-argumenti invokati mill-partijiet ikkonċernati waqt il-proċedura amministrattiva, fosthom dawk ippreżentati minn Jungbunzlauer. Fil-premessa 226 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għalhekk qieset, fit-termini li ġejjin, li l-argumenti mressqa mill-partijiet ikkonċernati ma setgħux ikunu aċċettati:

"L-ispjegazzjonijiet taż-żidiet fil-prezz fl-1991-1992 mogħtija minn ADM, [H & R] u Jungbunzlauer jista' jkollhom ċerta validità, iżda dawn ma jurux b'mod konvinċenti li l-implementazzjoni ta' l-akkordju ma kellha l-ebda rwol fit-tlugħ u nżul tal-prezzijiet. Għalkemm il-fenomeni deskritti jistgħu jseħħu fin-nuqqas ta' akkordju, huma jistgħu jiġru perfettament bl-eżistenza tiegħu. Iż-żieda ta' 40 % fil-prezzjiet ta' l-aċidu ċitriku f'erbatax-il xahar ma tistax tiġi spejgata biss b'reazzjoni purament ta' kompetizzjoni, iżda għandha tiġi interpretata fid-dawl ta' l-akkordji konklużi bejn il-parteċipanti sabiex jikkoordnaw iż-żidiet fil-prezzijiet u li jallokaw partijiet mis-suq lil xulxin, kif ukoll li jqiegħdu fis-seħħ sistema ta' informazzjoni u ta' sorveljanza. Dawn l-elementi kollha kkontribwew għas-suċċess taż-żidiet fil-prezzijiet". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

150    Bl-istess mod, fil-premessa 228 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rrispondiet bil-mod li ġej għall-argumenti mressqa minn Jungbunzlauer:

"It-tnaqqis gradwali, enfasizzat minn Jungbunzlauer, tal-‘parti tas-suq’ globali ta' l-akkordju ta' madwar 70 % fil-bidu għal 52 % fl 1994 jispjega ċertament bil-kbir id-diffikultajiet li ltagħu magħhom il-parteċipanti ta' l-akkordju sabiex iżommu il-prezzijiet 'il fuq mill-livell kompetittiv tagħhom. Dan ma jurix madankollu li l-prattika illegali ma kellhiex effett fuq is-suq. Għall-kuntrarju, iż-żieda qawwija ta' l-importazzjoni miċ-Ċina mill-1992 tindika li l-membri ta' l-akkordju m'adattawx ruħhom kif normalment jagħmlu għall-pressjonijiet eżerċitati minn dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–       Kunsiderazzjonijiet

151    L-ewwelnett, għandu jitfakkar illi, skond il-kliem ta' l-ewwel paragrafu tal-punt 1A, tal-linji gwida, fil-kalkolu tagħha tal-multa skond is-serjetà tal-ksur, il-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, "l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta jkun jista' jitqies".

152    F'dan ir-rigward, għandha tiġi analizzata t-tifsira eżatta tal-kliem "meta [jiġifieri l-impatt konkret] jkun jista' jitqies". B'mod partikolari, irid jiġi stabbilit jekk, fis-sens ta' dawn il-kliem, il-Kummissjoni tistax tikkunsidra biss l-impatt konkret ta' ksur meta tkun qed tikkalkola l-ammont tal-multi jekk, u safejn, hija tkun tista' tikkwantifika dan l-impatt.

153    Kif allegat ġustament il-Kummissjoni, l-eżami ta' l-impatt ta' akkordju fuq is-suq jimplika neċessarjament li jsir riferiment għal ipoteżijiet. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, teżamina x'kien ikun il-prezz tal-prodott in kwistjoni kieku ma kienx hemm akkordju. Madankollu, fl-eżami tal-kawżi ta' l-iżvilupp reali tal-prezzijiet, huwa perikoluż li wieħed jispekula fuq il-parti rispettiva ta' kull wieħed minn dawn ta' l-aħħar. Għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, il-fatt oġġettiv illi, minħabba l-akkordju fuq il-prezzijiet, il-partijiet irrinunzjaw preċiżament għal-libertà tagħhom li jikkompetu fil-prezzijiet. B'hekk, l-evalwazzjoni ta' l-influwenza li tirriżulta minn fatturi barra din l-astensjoni volontarja tal-partijiet għall-akkordju hija neċessarjament ibbażata fuq probabbiltajiet raġonevoli u mhux kwantifikabbli bi preċiżjoni.

154    Għalhekk, sakemm il-kriterju ta' l-ewwel paragrafu tal-punt 1A tal-linji gwida ma jitneħħilux l-effett utli tiegħu, ma tistax issir kritika lill-Kummissjoni li bbażat ruħha fuq l-impatt konkret ta' akkordju fuq is-suq li kellha għan anti-kompetittiv, bħal ma hu akkordju fuq il-prezzijiet jew ukoll fuq kwoti, mingħajr kwantifikazzjoni ta' dan l-impatt jew mingħajr ma tingħata evalwazzjoni bil-figuri dwar dan is-suġġett.

155    Konsegwentement, l-impatt konkret ta' akkordju fuq is-suq għandu jkun ikkunsidrat bħala suffiċjentement ippruvat jekk il-Kummissjoni tkun f'pożizzjoni li tagħti indizzji konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbilità raġonevoli, illi l-akkordju kellu impatt fuq is-suq.

156    F'dan il-każ partikolari, mill-ġabra fil-qosor ta' l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni (ara punti 146 sa 150 aktar 'il fuq) jirriżulta li din kienet ibbażat ruħha fuq żewġ indizzji sabiex jikkonkludi għall-eżistenza ta' "effett reali" ta' l-akkordju fuq is-suq. Fil-fatt, minn naħa, hija invokat il-fatt illi l-membri ta' l-akkordju, kienu implementaw il-ftehim ta' l-akkordju bir-reqqa (ara b'mod partikolari, il-premessi 210, 212, 214 u 215, imsemmija fil-punti 147 sa 148 aktar 'il fuq) u li, waqt il-perijodu kkunsidrat, dawn il-membri kienu jirrappreżentaw aktar minn 60 % tas-suq dinji u 70 % tas-suq Ewropew ta' l-aċidu ċitriku (premessa 210 tad-Deċiżjoni, iċċitata fil-punt 146 aktar 'il fuq). Min-naħa l-oħra, hija qieset illi l-informazzjoni mogħtija mill-partijiet kkonċernati matul il-proċedura amministrattiva turi ċertu qbil bejn il-prezzijiet iffissati mill-akkordju u dawk realment mitluba fuq is-suq mill-membri ta' l-akkordju (premessa 213 tad-Deċiżjoni, iċċitata fil-punt 148 aktar 'il fuq).

157    Anke jekk hu veru illi l-kliem użati fil-premessi 210 u 216 tad-Deċiżjoni (ara punt 147 aktar 'il fuq) jista', weħidhom, jiġu mifhuma bħala suġġeriment li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq relazzjoni ta' kawża u effett bejn l-implementazzjoni ta' l-akkordju u l-impatt konkret fuq is-suq, jibqa' il-fatt li qari sħiħ ta' l-analiżi tal-Kummissjoni juri li, għall-kuntrarju ta' dak li tistqarr Jungbunzlauer, il-Kummissjoni ma illimitatx ruħha li mill-implementazzjoni ta' l-akkordju tikkonkludi l-eżistenza ta' effetti reali tiegħu fuq is-suq.

158    Barra l-eżistenza ta' implementazzjoni "bir-reqqa" tal-ftehim ta' l-akkordju, hija bbażat ruħha fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku waqt il-perijodu kkonċernat mill-akkordju. Fil-fatt, fil-premessa 213 tad-Deċiżjoni, hija ddeskriviet il-prezzjijiet ta' l-aċidu ċitriku bejn l-1991 u l-1995 kif kienu ġew miftehma bejn il-membri ta' l-akkordju, imħabbra lill-klijenti, u fil-biċċa l-kbira, applikati mill-partijiet ikkonċernati. Wara dan għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni Jungbunzlauer, il-Kummissjoni kkommettietx żbalji manifesti fl-evalwazzjoni ta' l-elementi ta' fatt li fuqhom hija bbażat il-konklużjonijiet tagħha.

159    F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li tikkunsidra li l-fatt illi l-membri ta' l-akkordju jirrappreżentaw il-parti kbira ħafna mis-suq ta' l-aċidu ċitriku (60 % tas-suq dinji u 70 % tas-suq Ewropew) kien jikkostitwixxi fattur importanti li kellha tieħu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq. Fil-fatt, ma jistax ikun miċħud illi l-probabbiltà ta' l-effettività ta' akkordju dwar l-iffissar ta' prezzijiet u ta' kwoti ta' bejgħ jiżdied skond kemm ikunu kbar il-partijiet tas-suq illi jaqsmu bejniethom il-membri ta' dan l-akkordju. Għalkemm hu veru, li dan il-fatt waħdu, ma jistabbilixxix l-eżistenza ta' impatt konkret fuq is-suq in kwistjoni, jibqa' l-fatt li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma stabbiliet tali relazzjoni ta' kawża u effett, iżda ikkunsidratha biss bħala element fost oħrajn.

160    Dwar is-sentenzi differenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza invokati minn Jungbunzlauer, għandu jiġi mfakkar, l-ewwelnett, illi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja iċċitati fil-punt 142 aktar 'il fuq huma dwar il-piż tal-prova tal-Kummissjoni sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta' prattika miftehma li taqa' taħt l-Artikolu 81 KE u mhux, bħal f'dan il-każ, fuq l-effett ta' ksur fuq is-suq, peress li huwa mifhum illi l-ksur isegwi inkontestabbilment għan anti-kompetittiv.

161    It-tieninett, għal dak li jikkonċerna r-riferiment li r-rikorrenti tagħmel għar-raġunament li hemm fil-punt 4863 tas-sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, għandu jiġi kkonstatat illi fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza essenzjalment iddeċidiet illi, meta, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur għall-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-effetti ta' dan il-ksur fuq is-suq ikkonċernat, hija għandha "[tasal] li tipprova dan jew li tagħti raġunijiet tajbin li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni". Għalhekk, kuntrarjament għall-interpretazzjoni li Jungbunzlauer tat lil din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat b'mod ċar illi l-piż tal-prova ta' l-eżistenza ta' l-effetti tal-ksur fuq is-suq in kwistjoni li jaqa' fuq il-Kummissjoni meta fil-kalkolu tal-multa tieħu in kunsiderazzjoni s-serjetà tal-ksur huwa inqas kbir minn dak meħtieġ minnha meta trid turi l-eżistenza bħala tali ta' ksur fil-każ ta' akkordju. Fil-fatt, sabiex jiġi kkunsidrat l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq, huwa biżżejjed, skond din is-sentenza, illi l-Kummissjoni tagħti "raġunijiet tajbin li għandhom jiġu ikkunsidrati".

162    It-tieletnett, dwar is-sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, huwa veru illi, f'dik il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx ippruvat l-eżistenza ta' effetti tal-ksur fuq is-suq rilevanti. Madankollu, mill-punti 181 sa 185 ta' l-imsemmija sentenza jirriżulta li f'din il-kawża l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq rapport sabiex turi l-eżistenza ta' effetti li, skond il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, sostnew parti biss mill-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom il-Kummissjoni.

163    Minn dan kollu li ngħad qabel jirriżulta li l-Kummissjoni ma adottatx metodu manifestament żbaljat għall-evalwazzjoni ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq ta' l-aċidu ċtitrku.

b)     Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta' l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku

 L-argumenti tal-partijiet

164    Minn naħa, Jungbunzlauer tikkontesta li l-Kummissjoni ġabet il-prova ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq bl-evalwazzjoni tagħha ta' l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku bejn l-1991 u l-1993, imniżżla fil-premessi 213 u 214 tad-Deċiżjoni.

165    Fil-fatt, għalkemm Jungbunzlauer ma tikkontestax illi, b'mod ġenerali, ftehim fuq il-prezzijiet jkollhom xi riperkussjonijiet meta l-prezzijiet effettivi jiżviluppaw bħall-prezzijiet miftehma, jibqa' l-fatt li dan l-allinjament ma ġiex preċiżament ippruvat mill-Kummissjoni f'dan il-każ. Jungbunzlauer tosserva illi, kuntrarjament għal dak li hu l-każ fil-kawza li tat lok għas-sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni (punt 141 supra, punti 180 et seq), f'din il-kawża, hija dejjem ikkontestat li l-prezzijiet miftehma waqt il-laqgħat ta' l-akkordju kienu ġew mitluba mill-klijenti. Hija ssostni li kienet spjegat dan fid-dettal għall-perijodu kollu bejn l-1991 u l-1995, u dan kemm fir-risposta għall-komunikazzjoni ta' lmenti kif ukoll fir-rikors.

166    Min-naħa l-oħra, Jungbunzlauer issostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, kif kellha tagħmel, iċ-ċirkustanzi differenti li kienet invokat matul il-proċedura amministrattiva sabiex tikkontesta l-impatt ta' l-akkordju fuq is-suq.

167    Fl-ewwel lok, Jungbunzlauer takkuża lill-Kummissjoni li kienet ikkunsidrat li l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku, ikkonstatat matul is-snin 1991 u 1992 (premessa 213 tad-Deċiżjoni), u li kienet ċaħdet l-argument tagħha bbażat fuq il-fatt li dan l-iżvilupp tal-prezzijiet ma kellux l-bidu tiegħu fl-akkordju (premessi 224 sa 226 tad-Deċiżjoni). Skond Jungbunzlauer, kieku l-Kummissjoni kienet, kif kellha tagħmel, eżaminat il-kundizzjonijiet ekonomiċi li kienu jikkaratterizzaw il-perijodu kkonċernat, hija kienet tikkonstata li mhux possibbli li turi b'mod suffiċjentement ċert li kien l-akkordju li ta bidu għal dan l-iżvilupp tal-prezzijiet.

168    Jungbunzlauer tinvoka l-fatt li fil-punt III(1)(a), fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti, hija kienet diġà spjegat illi kienet prinċipalment l-espansjoni qawwija tad-domanda li ġiet minn żvilupp tas-suq ta' l-aċidu ċitriku jew taċ-ċitrat tas-sodju (li għalih l-aċidu ċitriku jservi ta' prodott bażiku), kif ukoll bħala aġent użat fl-industrija tad-deterġenti, li kienet responsabbli għaż-żieda fil-prezzijiet fis-snin 1991 u 1992. Hija tindika li, għall-aħħar tas-snin 80 u għall-bidu tas-snin 90, minħabba raġunijiet marbuta mal-protezzjoni ta' l-ambjent u l-politika tas-suq, minflok il-fosfati l-industrija tad-deterġenti bdiet tuża l-prodotti abbażi ta' aċidu ċitriku, aktar vantaġġjuż fuq il-livell ekoloġiku, dak li jfisser irdoppjur tar-rati ta' żidiet ta' l-aċidu ċitriku u taċ-ċitrati. Aktar minn hekk, hija tispejga, wieħed seta' jipprevedi domanda akbar għas-snin ta' wara. Minn dan hija tikkonkludi li ż-żieda effettiva tad-domanda u dik tal-konsum prevista għas-snin 1990 kien jippermetti lill-produtturi ta' l-aċidu ċitriku li jeżiġu prezzijiet għola.

169    Jungbunzlauer tfakkar illi, biex issaħħaħ din l-argumentazzjoni, hija esibiet studji interni kif ukoll artikolu meħud mill-istampa speċjalizzata, fejn irriżulta, l-ewwelnett, illi l-użu taċ-ċitrat ta' sodju fil-qasam tad-deterġenti fl-Ewropa kien 22 darba akbar fl-1990 milli kien fl-1989, it-tieninett, illi wieħed jista', b'mod realistiku, jipprevedi li bejgħ li jkun ta' volum ta' 44 000 tunnellata għall-1993 (dak li jikkorrispondi għal żieda ta' 100 % bejn l-1990 u l-1993) u, t-tieletnett, illi ma dan l-iżvilupp tiżżdied żieda oħra sinjifikanti prevista fil-qasam tad-deterġenti tal-platti u oġġetti oħra li jintużaw għall-ikel, li jġġib volum ta' 22 000 tunnellata għas-sena 1993.

170    Hija żżid illi, fis-snin 1991 u 1992, id-domanda kbira ta' aċidu ċitriku ma setgħetx tkun sodisfatta bil-kapaċitajiet ta' produzzjoni eżistenti. Il-grupp Jungbunzlauer u produtturi oħrajn kellhom jagħmlu xiri addizzjonali fl-Indoneżja u fiċ-Ċina sabiex ikopru l-bżonnijiet. Dan juri li teżisti domanda ta' eċċess kunsiderevoli li tat bidu għaż-żieda fil-prezzijiet fl-1991 u fl-1992.

171    Jungbunzlauer terġa' tinvoka l-fatt illi, fil-punt III(1)(b) tar-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti, hija diġà spjegat li ż-żieda fil-prezzijiet ikkonstata mill-Kummissjoni fis-snin 1991 u 1992 kellha, barra minn hekk, titqieħed f'perspettiva fir-rigward tal-fatt illi, fis-snin 1986 sa 1990, il-prezzijiet tas-suq kienu tbaxxew b'madwar 45 %. Hija kkonkludiet illi ż-żieda fil-prezz kkonstatat matul is-snin 1991 u 1992 kienet tikkostitwixxi, fl-aħħar mill-aħħar, korrezzjoni tal-prezzijiet kkawżata mil-forzi tas-suq.

172    Fit-tieni lok, Jungbunzlauer tikkunsidra illi huwa żbaljat illi, fil-premessa 227 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tagħha bbażati fuq risposti tax-xerrejja ta' l-aċidu ċitriku għat-talbiet għal informazzjoni li kienu mibgħuta lilhom mill-Kummissjoni fl-20 ta' Jannar 1998. Fil-fatt, skond din, dawn ir-risposti, li tipproduċi siltiet minnhom fir-rikors u fir-replika tagħha, li jikkonfermaw illi l-akkordju ma kellux effetti negattivi għax-xerrejja. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma pproduċietx risposti ta' xerrejja li kien jippruvaw il-kuntrarju.

173    Jungbunzlauer tikkunsidra li huwa żbaljat li fil-premessa 227 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ppruvat tnaqqas l-importanza ta' dawn ir-risposti billi tinvoka l-fatt illi d-domanda li tat lok għal dawn ir-risposti "kienet ifformulata f'termini ġeneriċi [dwar] l-intensità tal-kompetizzjoni fuq is-suq" u li hi kellha "tkun ikkunsidrata fil-kuntest ta' investigazzjoni preliminari fuq il-karatteristiċi essenzjali tas-suq ta' l-aċidu ċitriku". Għall-kuntrarju għal kollox, id-domanda magħmula kellha tkun iffokata fuq id-domanda li ġejja: "Teżisti kompetizzjoni qawwija fuq il-livell ta' prezzijiet fis-suq ta' l-aċidu ċitriku ? Jekk jgħoġbok, agħti risposta dettaljata għal din id-domanda". Skond Jungbunzlauer, ir-risposti mogħtija mill-klijenti jagħtu stampa ċara ħafna f'dan ir-rigward, dak illi l-Kummissjoni kienet purament u sempliċement injorat. Il-Kummissjoni ma tistax tagħmel talba għal informazzjoni u tindirizzha, b'ħafna spejjeż, lil ħafna impriżi sabiex wara tiddikjarha mhux xierqa, milli jidher peress li ma tkun ipproduċiet ir-riżultat mistenni. Barra dan, kuntrarjament għal dak illi ssostni l-Kummissjoni, jirriżulta b'mod ċar fil-kuntest tad-domandi magħmula illi dawn kollha għandhom x'jaqsmu mal-perijodu wara s-sena 1990.

174    Bl-istess mod, skond Jungbunzlauer, huwa żbaljat illi, fil-premessa 227 tad-Deċiżjoni, fil-konfront ta' dawn ir-risposti l-Kummissjoni invokat l-fatt illi, "[f]id-dawl tan-natura estremament kumplessa ta' l-arranġamenti illegali, ma jistax ċertament jiġi mistenni li l-klijenti jkunu kapaċi jikkonfermaw l-ineżistenza tal-kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni." Għall-kuntrarju għal kollox, Jungbunzlauer hija ta' l-opinjoni illi wieħed ma jistax jemmen illi x-xerrejja msemmija ma ndunawx bit-tibdil mhux tas-soltu fl-istruttura tal-prezzijiet. Tant huwa minnu li t-talba għal ta' informazzjoni ġiet indirizzata lill-klijenti fil-kuntest ta' investigazzjoni miftuħa skond id-dritt dwar l-akkordji u li l-proċedura dwar l-aċidu ċitriku kienet diġà ġiet magħluqa fl-Istati Uniti. Ir-rabta bejn l-għoli tal-prezzijiet u l-ftehim li jirrestrinġu il-kompetizzjoni kellha, għaldaqstant, tkun evidenti – kważi l-klijenti kollha msemmija jkunu, ukoll, impriżi kbar li jistgħu perfettament jistabbilixxu rabta bħal din. Il-fatt li ebda waħda mill-impriżi interrogata ma waslet għal din il-konklużjoni jenfasizza tajjeb illi l-ftehim ma kellux riperkussjonijiet fuq is-suq.

175    Fir-tielet lok, Jungbunzlauer tirrileva illi mill-premessa 225 tad-Deċiżjoni jirriżulta li hija kienet diġà sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, illi, fl-opinjoni tagħha, "il-fatt illi l-parti l-kbira tas-suq dinji miżmum mill-partijiet [kkonċernati] kien waqa' minn 70 % għall-oriġini ta' 52 % fl-1994 juri li l-akkordju ma kienx jista' jinfluwenza l-formazzjoni tal-prezzijiet. Skond hi, il- Kummissjoni naqset milli tikkunsidra din iċ-ċirkustanza. Madankollu, fl-opinjoni tagħha, jirriżulta li l-parteċipanti fl-akkordju assolutament m'għandhomx aktar saħħa fis-suq li kienet tkun neċessarja sabiex jimponu l-prezzijiet mixtieqa u li l-akkordju tilef l-importanza tiegħu b'mod kostanti, u mill-1993 'il quddiem, ċertament ma setgħax jinfluwenza aktar l-formazzjoni tal-prezzijiet fuq livell dinji. Dan huwa kjarament ikkonfermat mir-risposta tal-kumpannija Procter & Gamble għat-tabliet għal informazzjoni illi l-Kummissjoni kienet bagħtitilhom fl-20 ta' Jannar 1998.

176    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumentazzjoni ta' Jungbunzlauer u ssostni li wriet, skond kif rikjest mil-liġi, l-eżistenza ta' impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

177    Hija ġurisprudenza stabbilita illi, għall-għanijiet tal-kontroll ta' l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq, għandha fuq kollox tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tagħha dwar l-effetti prodotti mill-akkordju fuq il-prezzijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, u, f'dan is-sens, is-sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, punt 173, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 225).

178    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tfakkar illi meta tiġi ddeterminata s-serjetà tal-ksur, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-kuntest regolamentari u ekonomiku ta' l-aġir inkriminat (sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, punt 612, u Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 136 supra, punt 38) u li, sabiex tevalwa l-impatt konkret ta' ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li normalment teżisti fin-nuqqas ta' ksur (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, punti 619 u 620 ; Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 177 supra, punt 235, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II-347, punt 645).

179    Minn naħa, jirriżulta li, fil-każ ta' akkordji dwar il-prezzjijiet, għandu jiġi kkonstatat – b'livell raġonevoli ta' probabbiltà (ara punt 155 aktar 'il fuq) – illi l-ftehim kienu effettivament jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jilħqu livell ta' prezzijiet ogħla minn dak li kien ikun hemm fin-nuqqas ta' akkordju. Min-naħa l-oħra, jirriżulta illi, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha oġġettivi tas-suq ikkonċernat, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u eventwalment regolamentari li jipprevali. Mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza mogħtija fil-kawża dwar il-kartell tal-kartun (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 177 supra, punti 234 u 235) jirriżulta li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-eżistenza, jekk ikun il-każ, ta' "fatturi ekonomiċi oġġettivi" li juru li, fil-kuntest ta' "kompetizzjoni ħielsa ", il-livell tal-prezzijiet ma żviluppax b'mod identiku għal dak tal-prezzijiet mitluba (ara, ukoll, is-sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 177 supra, punti 151 u 152, u Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, punti 183 u 184).

180    Fil-każ in eżami, fil-premessa 213 tal-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeskriviet l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku, kif imqabbel u applikat mill-membri ta' l-akkordju, bil-mod li ġej:

"Minn Marzu 1991 sa nofs l-1993, il-prezzijiet kienu miftehma bejn il-membri ta' l-akkordju kienu ġew imħabbra lill-klijenti u fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew implementati, b'mod partikolari waqt l-ewwel snin ta' l-akkordju. L-għoli ta' prezz sa 2.25 [marki Ġermaniżi (DEM)] il-kilo […] f' April 1991, deċiż waqt il-laqgħa ta' l-akkordju f'Marzu 1991, ġie faċilment applikat. Dan ġie segwit bid-deċiżjoni, meħuda bit-telefon f'Lulju, li l-prezz jitla' għal DEM 2.70 il-kilo […] għax-xahar ta' Awwissu. Dan l-għoli tal-prezz seta' ukoll jiġi applikat b'suċċess. Id-deċiżjoni finali li l-prezz jitla' għal DEM 2.80 il-kilo […] ġiet meħuda fil-laqgħa ta' Mejju 1991 u applikata f'Ġunju 1992. Wara din id-data, il-prezzijiet ma żdidux iżjed u l-akkordju kkonċentra fuq il-bżonn li jinżammu dawn il-prezzijiet".

181    Jungbunzlauer ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet ta' fatt magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-prezzijiet miftehma u l-iffissar tal-kwoti ta' bejgħ, iżda tillimita ruħha, fis-sustanza, li tinvoka l-fatt illi, fir-realtà, dawn il-prezzijiet ma kinux mitluba mill-klijenti.

182    F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi, fl-ittra tagħha tad-29 ta' April 1999, li fiha pprovdiet lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba abbażi ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, ir-rikorrenti ddeskriviet il-prezzijiet ffissati fil-kuntest ta' l-akkordju. Barra dan, fl-Anness tar-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti, ir-rikorrenti ssottomettiet graffs lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-prezz ta' l-aċidu ċitriku matul is-snin bejn l-1991 u l-1995.

183    Madankollu, jirriżulta b'mod partikolari mill-imsemmija tabelli, illi Jungbunzlauer minn rajha stabbiliet u ssottomettiet lill-Kummissjoni, illi l-prezzijiet effettivament mitluba lill-klijenti kienu jsegwu b'mod parallel l-iżvilupp tal-prezzijiet kif kienu ġew iffissati mill-membri ta' l-akkordju, li wkoll kienu, b'mod ġenerali, qegħdin aktar baxxi mil-livell tal-prezzijiet miftehma. B'mod partikolari, minn dawn il-graffs jirriżulta li, f'Marzu u f'Ġunju 1991, il-membri ta' l-akkordju kienu ddeċidew li jgħollu l-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku użat fil-qasam ta' l-ikel minn DEM 2.25 il-kilo għal madwar DEM 2.7 il-kilo, il-prezzijiet effettivament mitluba lill-klijenti, li f'April 1991 kienu bejn DEM 1.9 u 2.1 il-kilo, kienu għolew sabiex ikunu qegħdin bejn DEM 2.7 u 2.75 il-kilo. L-istess, minn dawn il-graffs jirriżulta li, meta, wara dan l-għoli fil-prezzijiet, il-membri ta' l-akkordju kienu qablu li jżommu l-prezzijiet bejn DEM 2.7 u 2.8 il-kilo, il-prezzijiet realment mitluba lill-klijenti kienu jkunu bejn DEM 2.6 u 2.75 il-kilo. L-istess, minn dawn il-graffs jirriżulta, li l-prezzijiet realment mitluba lill-klijenti kienu l-biċċa l-kbira ġew wara d-deċiżjonijiet tal-membri ta' l-akkordju, meħuda fl-1994, li il-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku jitnaqqsu għal DEM 2.65 il-kilo, ikun x'ikun il-livell l-aktar baxx sabiex ikun qiegħed bejn DEM 2.45 u 2.6 il-kilo.

184    Isegwi illi, kuntrarjament għal dak li issostni Jungbunzlauer, mill-informazzjoni mogħtija minnha lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrativa, jirriżulta b'mod ċar illi kien hemm paralleliżmu permanenti bejn il-prezzijiet iffissati mill-membri ta' l-akkordju u dawk realment mitluba.

185    Madankollu, f'sitwazzjoni bħal din, il-Kummissjoni setgħet ġustament tinvoka, fil-premessa 219 tad-Deċiżjoni, is-sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra (punt 179), u tikkunsidra li kienet teżisti relazzjoni diretta bejn l-iżvilupp tal-prezzijiet imħabbra u dak tal-prezzijiet mitluba sabiex jiġi konkluż, illi, abbażi ta' dawn l-elementi, kien ġie muri skond kif rikjest mil-liġi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq li kien, fis-sens tal-linji gwida, "jitqies" permezz ta' paragun bejn il-prezz ipotetiku li jkun jipprevali fin-nuqqas ta' akkordju u l-prezz applikat f'dan il-każ wara li sar l-akkordju.

186    L-oġġezzjoni mqajma minn Jungbunzlauer, li tgħid li l-prezzijiet kienu għolew anke fin-nuqqas ta' akkordju ma twaqqax din il-konklużjoni. Fil-fatt, anke jekk hu minnu li tali ipoteżi mhijiex eskluża, jibqa' l-fatt illi l-Kummissjoni setgħet ġustament tqis, fil-premessa 226 tad-Deċiżjoni, li l-għoli tal-prezzijiet ma setax jiġi spjegat biss b'reazzjoni purament ta' kompetizzjoni tas-suq iżda kellu jiġi interpretat fid-dawl ta' l-akkordju li ppermetta lill-membri tiegħu li jikkoordinaw l-iżvilupp tal-prezzijiet. Ma jkunx jista' għalhekk jiġi sostnut li l-livell tal-prezzijijiet fin-nuqqas ta' l-akkordju kien jiżviluppa b'mod identiku għal dak tal-prezzijiet mitluba wara l-akkordju. Dan huwa kkonfermat mid-dikjarazzjoni ta' Jungbunzlauer stess fl-ittra tagħha tal-21 ta' Mejju 1999. Jekk ma jistax jiġi eskluż illi raġunijiet oħrajn għajr l-għan ta' l-effettività ta' l-akkordju kienu inkoraġġew lill-membri tiegħu sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' ftehim, ta' informazzjoni u ta' sorveljanza, jibqa' l-fatt illi, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-ispejjeż ta' amministrazzjoni u r-riskji ta' tkixxif marbuta ma' dan l-akkordju, l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, jiġifieri li tittejjeb l-effettività ta' l-akkordju, tikkostitwixxi l-ispjegazzjoni l-aktar konvinċenti (ara punt 154 aktar 'il fuq).

187    L-istess, kuntrarjament għal dak li ssostni Jungbunzlauer, il-Kummissjoni setgħet, ġustament tiċħad, fil-premessa 227 tad-Deċiżjoni, ir-risposti mogħtija mix-xerrejja ta' l-aċidu ċitriku għat-talba tagħha għal informazzjoni ta' l-20 ta' Jannar 1998 bħala mhux konklużivi.

188    Fil-fatt, minn naħa, bid-domanda nru 4 ta' din it-talba għal informazzjoni, il-Kummissjoni fittxet li tkun taf jekk ix-xerrejja kinux ikkonstataw għoli sensibbli fil-prezz ta' l-aċidu ċitriku bejn l-1990 u d-data ta' din it-talba fl-1998. Fir-risposta tagħhom, għalkemm ċerti xerrejja kienu indikaw li kienu ikkonstataw żjidiet fil-prezz waqt ċerti perijodi preċiżi li jikkorrispondu għall-għoli miftiehem fil-kuntest ta' l-akkordju, oħrajn, irrifrew biss għall-perijodi wara t-tmiem ta' l-akkordju fl-1995 jew indikaw li kienu ikkonstataw tnaqqis fil-prezz. Min-naħa l-oħra, id-domandi l-oħrajn, kif magħmula mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha ta' l-20 ta' Jannar 1998, ma kinux jirrigwardaw il-perijodu ikkonċernat bl-akkordju, iżda kienu dwar is-sitwazzjoni tas-suq fil-mument li ntbagħtet din l-ittra. Huwa għal din ir-raġuni li r-risposti tax-xerrejja ma kinux konklużivi fis-suġġett ta' l-impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq.

189    Fl-aħħarnett, il-fatt, invokat minn Jungbunzlauer illi, fl-1994, il-parti totali tas-suq dinji kkontrollata mill-partijiet ikkonċernati kien waqgħet minn 70 % fil-fażi tal-bidu ta' l-akkordju għal 52 % lanqas jippermetti li tiġi jnnegata l-eżistenza ta' effett reali ta' l-akkordju fuq is-suq rilevanti. Fil-fatt min-naħa, kif invokat ġustament mill-Kummissjoni, huwa essenzjali minħabba l-għoli tal-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku bejn l-1991 u l-1993 li hija kkonkludiet li jeżisti dan l-effett fuq is-suq. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-perijodu bejn l-1993 u l-1995, l-effett ikkonstatat mill-Kummissjoni kien essenzjalment li jkun hemm stabbilità fil-prezzijiet fuq livell għola minn dak eżistenti qabel iż-żieda, fl-1991. Madankollu, il-fatt illi l-membri ta' l-akkordju ma jgħaqqdux aktar minn 52 % tas-suq ma jindikax illi ma kinux jistgħu, minkejja dan, jiffavorixxu din it-tendenza li jkun hemm stabbilità fil-prezz.

190    Fid-dawl ta' dak kollu li ngħad qabel, il-Kummissjoni ma kkommettietx żbalji manifesti ta' evalwazzjoni dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku.

3.     Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

191    Jungbunzlauer issostni illi d-Deċiżjoni hija vvizzjata bi ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni. Skond hi, il-Kummissjoni ma indikatx kif il-ftehim kellhom effetti fuq is-suq, iżda illimitat lilha nnifisha li tiċħad il-provi kuntrarji pprovduti minn Jungbunzlauer waqt il-proċedura amministrattiva, billi ddikjarathom insuffiċjenti mingħajr ma ġabet l-inqas ġustifikazzjoni. B'mod partikolari, Jungbunzlauer takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx pożizzjoni fuq ir-risposti mogħtija mid-diversi impriżi għat-talbiet tagħha għal informazzjoni filwaqt li r-rikorrenti kkunsidrat espressament dan l-aspett fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti.

192    Il-Kummissjoni tqis li hija mmotivat d-Deċiżjoni b'mod suffiċjenti f'dan ir-rigward.

193    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva illi, fil-premessi 92 sa 111 tad- Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeskriviet b'mod preċiż il-ftehim li ġew implementati mill-membri ta' l-akkordju, inklużi, b'mod partikolari, il-ftehim fuq il-prezzijiet (premessi 95 u 96 tad- Deċiżjoni). Barra dan, fil-parti dwar l-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti, il-Kummissjoni analizzat din l-informazzjoni. Sabiex tikkonkludi li jeżisti impatt reali ta' l-akkordju fuq is-suq, hija ibbażat ruħha fuq il-fatt li l-ftehim kienu ġew applikati bir-reqqa (premessa 212), illi l-prezz ta' l-aċidu ċitriku kif imħabbar lix-xerrejja kien ġie applikat mill-membri ta' l-akkordju (premessa 213), illi l-membri ta' l-akkordju kienu ffissati kwoti ta' bejgħ li l-ħarsien kien issorveljat kontinwament kif ukoll sistema ta' kumpens (premessi 214 u 215). Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni analizzat l-argumenti tal-partijiet ikkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, u tat motivazzjoni qasira u ċara, iżda suffiċjenti f'dan ir-rigward (ara b'mod partikolari l-premessi 226 sa 228 tad-Deċiżjoni).

194    Isegwi illi l-Kummissjoni spjegat fejn, fl-opinjoni tagħha, l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq ta' l-aċidu ċitriku.

195    Għalhekk, id-Deċiżjoni hija suffiċjentement motiva fuq dan il-punt.

B –  Fuq l-aġġustament ta' l-ammont tal-multa skond id-daqs relattiv ta' l-impriżi kkonċernati

1.     L-argumenti tal-partijiet

196    Jungbunzlauer issostni illi, meta fil-kalkolu tal-multi skond is-serjetà tal-ksur pproċediet għal aġġustament ta' l-ammont tal-multi abbażi tad-daqs u tar-riżorsi globali ta' l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni ma kkunsidratx b'mod adegwat is-saħħa ekonomika limitata ħafna ta' Jungbunzlauer meta mqabbla ma' l-impriżi l-oħrajn ikkonċernati u, billi għamlet dan, kisret il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali, "prinċipju ta' evalwazzjoni individwali tal-multi" kif ukoll il-linji gwida tagħha.

197    Jungbunzlauer tindika li mill-premessi 240 sa 246 tad- Deċiżjoni jirriżulta li, sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta' l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni qabblet id-dħul mill-bejgħ dinji ta' l-impriżi kkonċernati, jiġifieri l-gruppi li jappartjeni għalihom dan id-dħul mill-bejgħ, kif jirriżulta mit-tabella 3 riprodotta fil-premessa 50 tad-Deċiżjoni. Abbażi ta' dan, Jungbunzlauer tfakkar illi, sabiex tassigura livell ta' multi suffiċjentement dissważivi, il-Kummissjoni żiedet b'100 % l-ammont ta' bażi tal-multi ta' ADM u ta' HLR u b'150 % dak ta' H & R.

198    Jungbunzlauer issostni li, meta applikat dan il-metodu ta' aġġustament ta' l-ammonti tal-multa, il-Kummissjoni waslet għal riżultat assurd, peress illi b'mod flagranti tippenalizza b'mod aktar iebes lill-impriżi li huma kjarament iżgħar, bħalma hija Jungbunzlauer, u lill-multi imposti fuq l-impriżi kbar tipprovdielhom effett dissważiv ħafna inqas kbir.

199    Jungbunzlauer tammetti li l-kalkolu tal-multa jista' jimplika t-teħid in kunsiderazzjoni ta' numru ta' fatturi u li fil-kuntest ta' dan il-kalkolu l-Kummissjoni tiddisponi minn marġini wiesa' ta' diskrezzjoni. Madankollu, waqt li tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Novembru 1985, Krupp vs Il-Kummissjoni, 183/83, Ġabra p. 3609, punt 37, tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 121, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T-77/92, Rec. p. II-549, punt 94, hija ssostni li f'dan il-kuntest għandu jkun attribwit rwol essenzjali lis-saħħa ekonomika ta' l-impriża kkonċernata.

200    Għal dak li għandu x'jaqsam, b'mod partikolari, mas-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 199 supra, Jungbunzlauer tqis illi, f'din il-kawża, il-kwistjoni kienet dwar każ ta' impriża kbira li kienet ħadet sehem fi ftehim li jikkonċernaw prodott li kien jirrapreżenta biss parti żgħira mid-dħul mill-bejgħ globali tagħha. Skond Jungbunzlauer, f'din il-kawża, meta ssegwi l-pożizzjoni li ġiet difiża mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret b'mod ċar li d-daqs u s-saħħa ekonomika ta' l-impriża għandha tkun riflessa b'mod adegwat fil-multa imposta (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 199 supra, punt 121). B'hekk, skond Jungbunzlauer, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet preċiżament tevita li grupp kbir ikollu jħallas multa li, meta mqabbla mas-saħħa ekonomika tiegħu, tkun relattivament imnaqqsa, u dan mill-fatt biss ta' l-importanza mnaqqsa tal-prodott ikkonċernat fid-dħul mill-bejgħ globali.

201    Madankollu, Jungbunzlauer tenfasizza li dan ġara preċiżament f'din il-kawża, kif ukoll jirriżulta mid-diversi paraguni.

202    Jungbunzlauer tenfasizza illi, f'dan il-każ, meta imqabbel mal-kapaċità ekonomika ta' dawn l-impriżi destinatarji ta' din id-Deċiżjoni, l-ammont ta' bażi kkalkolat skond is-serjetà tal-ksur jolqot il-grupp Jungbunzlauer b'mod ħafna aktar qawwi milli lill-partijiet l-oħrajn ikkonċernati.

203    F'dan ir-rigward, filwaq li tibbaża fuq l-informazzjoni li tirriżulta mill-premessi 239 u 246 tad-Deċiżjoni, Jungbunzlauer ippreżentat it-tabella li ġejja :

Impriża

Dħul mill-bejgħ
globali
(f'miljuni ta' euros)

Ammont ta' bażi (ammont
meħud skond is-serjetà tal-ksur (f'miljuni ta' euros)

Ammont ta' bażi f' % tad-dħul mill-bejgħ globali

Jungbunzlauer

314

21

6.69

HLR

18.403

42

0.23

ADM

13.936

42

0.30

H & R/Bayer AG

30.971

87.5

0.29

Cerestar/

Cerestar AG

1.693

3.5

0.20


204    Skond Jungbunzlauer, minn dan jirriżulta li, għalkemm il- dħul mill-bejgħ ta' HLR kien 58.6 darba ogħla minn dak tal-grupp Jungbunzlauer u li ADM irrealizzat dħul mill-bejgħ 44.38 darba ogħla mill-imsemmi grupp, il-multa imposta lil dawn iż-żewġ impriżi ma kinitx ħlief irduppjata f'dan l-istadju speċifiku tal-kalkolu tal-multi. L-istess, minkejja l-fatt li l-dħul mill-bejgħ tal-grupp Bayer, li għaliha H & R kienu jappartjenu, u li kienet ikkunsidrata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-aġġustament tal-multi (premessi 243 u 244), huwa 99.8 darba ogħla minn dak tal-grupp Jungbunzlauer, il-multa għal H & R ġiet biss multiplikata bi 2.5, dak li huwa aktar ta' stagħġib li l-grupp Bayer kellu bil-kbir il-parti tas-suq l-aktar importanti tal-partijiet ikkonċernati kollha.

205    Madankollu, skond Jungbunzlauer, trattament mhux ugwali ma jistax jiġi ġġustifkat peress li, apparti d-daqs tagħhom, l-impriżi kollha destinatarji tad-Deċiżjoni kienu fl-aspetti kollha simili għal xulxin għal dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, il-kontribut tagħhom għall-ksur u l-pożizzjoni tagħhom fuq is-suq.

206    Barra dan, ikun żball li l-Kummissjoni tiċħad l-argumenti ta' Jungbunzlauer billi tinvoka l-kobor tal-parti tagħha tas-suq ta' l-aċidu ċitriku. Fil-fatt, minn naħa, hija tfakkar li l-grupp Jungbunzlauer kellu parti ta' [kunfidenzjali] % tas-suq ta' l-aċidu ċitriku, iżda l-multa imposta fuqu kienet 23 darba akbar minn dik imposta fuq H & R, li tiddisponi minn parti tas-suq aktar kbira (22 %). Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-kobor tal-parti tas-suq tad-diversi impriżi kien diġà stabbilit mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' stadju preċedenti għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multa, jiġifieri waqt il-klassifika ta' l-impriżi fi tliet kategoriji (premessi 233 sa 239 tad-Deċiżjoni).

207    Trattament sproporzjonat ta' l-impriżi iżgħar kien jirriżulta wkoll minn paragun ta' l-ammonti ta' bażi kkalkolati skond is-serjetà tal-ksur li l-Kummissjoni stabbiliet għal dak li jikkonċerna, minn naħa Jungbunzlauer fid-Deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, l-partijiet l-oħrajn f'kawżi simili li kienu taw lok għal deċiżjonijiet komptemporanji għal dik ikkontestata f'dan il-każ. F'dan ir-rigward Jungbunzlauer tirreferi għad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-kawżi msemmijin "Glukonat tas-sodju" [Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2001, dwar il-proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/36.756 – Glukonat tas-sodju) (aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Glukonat tas-sodju")], Amino-aċidi" [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/418/KE, tas-7 ta' Ġunju 2000, dwar il-proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/36.545/F3 – Amino aċidi) (ĠU L 152, p.  24) (aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Amino aċidi")] u "Vitamini" [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta' Novembru 2001, dwar il-proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/37.512 – Vitamini) (ĠU 2003, L 6, p. 1) (aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Vitamini")]. Fil-fatt, f'dawn il-kawżi, l-ammonti bażiċi stabbiliti mill-Kummissjoni għal diversi impriżi kkonċernati jikkostitwixxu, f'perċentwali tad-dħul mill-bejgħ realizzat minnhom, fil-kawża Glukonat tas-sodju, bejn 0.04 u 0.58 %, fil-kawża Amino aċidi, bejn 0.24 u 1.59 % u, fil-kawża Vitamini, bejn 0.7 u 2.0 % filwaqt li din l-istess perċentwali tkun għaliha, għal dak li jikkonċerna dan il-każ, ta' 6.69 %.

208    Jungbunzlauer tqabbel ukoll l-ammonti stabbiliti fid-Deċiżjoni qabel it-tnaqqis għall-kooperazzjoni (premessi 293 u 326 tad-Deċiżjoni) min-naħa tagħha ma' dawk imposti mid-deċiżjoni fuq HLR u fuq ADM bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ globali ta' dawn l-l-impriżi. F'dan ir-rigward, Jungbunzlauer tirrileva li, imqabbel mas-saħħa ta' l-impriżi rispettivi espressa fid-dħul mill-bejgħ globali (ara l-punt 203 aktar 'il fuq), l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha qabel tnaqqis għal kooperazzjoni (EUR 29.4 miljun jew 9.36% tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha) jirrappreżenta f'perċentwali 21.8 darba dak tal-multa imposta fuq HLR (EUR 79.38 miljun jew 0.43% tad-dħul mill-bejgħ globali ta' HLR) u 16.4 darba dak tal-multa imposta fuq ADM (EUR 79.38 miljun jew 0.57 tad-dħul mill-bejgħ globali ta' ADM).

209    Jungbunzlauer tikkunsidra li n-natura sproporzjonata ta' l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha f'dan il-każ hija aktar flagranti meta tqabbel l-ammont definittiv tal-multi stabbilit fid-Deċiżjoni konċernanti ma' dawk imposti fuq HLR u fuq ADM skond il-preċentwali tad-dħul mill-bejgħ globali ta' dawn l-impriżi. Fil-fatt, Jungbunzlauer jirrileva li, mqabbel mas-saħħa ta' l-impriżi rispettivi espressa fid-dħul mill-bejgħ globali (ara punt 203 aktar 'il fuq), l-ammont definittiv tal-multa li ġie impost fuqha (EUR 17.64 miljun) tirrappreżenta 16-il darba dak tal-multa imposta fuq HLR (EUR 63.5 miljun) u 20 darba dak tal-multa imposta fuq ADM (EUR 39.69 miljun).

210    Barra dan, Jungbunzlauer tqabbel ukoll l-ammonti definittivi tal-multi stabbiliti fid-Deċiżjoni konċernanti ma' dawk imposti fid-deċiżjonijiet "Glukonat tas-sodju", "Amino aċidi" u "Vitamini" kif ukoll fil-kawża Sun-Air vs SAS u Maersk Air [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/726/KE, tat-18 ta' Lulju 2001, dwar il-proċedura marbuta ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l- Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP.D.2 37.444 – SAS vs Maersk Air u Każ COMP.D.2 37.386 – Sun-Air vs SAS u Maersk Air) (ĠU L 265, p. 15)]. Skond Jungbunzlauer, jirriżulta minn dan illi, mqabbel mas-saħħa ta' l-impriżi rispettivi espress fi dħul mill-bejgħ globali, l-ammont definittiv tal-multa imposta fuq dawn l-impriżi l-oħrajn kien jirrappreżenta biss 0.06 u 2.61 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom.

211    Fid-dawl ta' dak kollu li ngħad qabel, Jungbunzlauer hija ta' l-opinjoni li, fil-parti tal-kalkolu tagħha ta' l-ammont tal-multi intiżi sabiex jassiguraw natura suffiċjentement dissważiva għalihom, il-Kummissjoni kellha tikkoreġi l-ammont ta' bażi stabbilit fil-konfront tal-grupp Jungbunzlauer billi tbaxxieh.

212    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a)     Daħla

213    Skond ġurisprudenza stabbilita tajjeb, is-serjetà tal-ksur għandha tiġi stabbilita skond numru ta' elementi bħalma huma, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża u l-kuntest tagħha, u dan mingħajr ma tiġi stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta' kriterji li għandhom bil-fors jittieħdu in kunsiderazzjoni (digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 136 supra, punt 54 ; sentenzi Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 136 supra, punt 33, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 136 supra, punt 443).

214    L-istess, hija ġurisprudenza stabbilita illi, fost l-elementi ta' evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur, jista', skond il-każ, ikun hemm il-volum u l-valur tal-merkanzija suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika ta' l-impriża u konsegwentement, l-influwenza li din tista' teżerċita fuq is-suq rilevanti. Minn naħa, isegwi illi huwa permess, sabiex ikun iddeterminat l-ammont tal-multa, li jiġi kkunsidrat ukoll tajjeb id-dħul mill-bejgħ globali ta' l-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni, li setgħet kienet approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u s-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti ta' dan id-dħul mill-bejgħ li jiġi minn bejgħ ta' merkanzija suġġett tal-ksur li hija ta' natura li tagħti indikazzjoni tal-kobor tal-ksur. Min-naħa l-oħra, minn dan jirriżulta li la lil wieħed u lanqas lill-ieħor minn dawn il-figuri ta' dħul mill-bejgħ m'għandha tingħata importanza sproporzjonata meta mqabbla ma' l-elementi l-oħrajn ta' evalwazzjoni, b'mod li l-iffissar ta' l-ammont xieraq ta' multa ma jistax ikun ir-riżultat ta' sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 199 supra, punti 120 u 121 ; Parker Pen vs Il-Kummissjoni, punt 199 supra, punt 94 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 176 ; Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 177 supra, punt 187, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 136 supra, punt 444).

215    F'dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ ibbażat fuq il-bejgħ tal-prodotti in kwistjoni kif ukoll id-dħul mill-bejgħ globali ta' l-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, wara li ġie kkunsidrat li l-ksur kellu jkun ikkunsidrat bħala "serju ħafna" fis-sens tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A, tal-linji gwida (premessa 230 tad-Deċiżjoni), huwa skond dawn iż-żewġ kriterji li hija ddeċidiet dwar l-ammont tal-multi taħt din il-kategorija ta' ksur serju ħafna li għalih il-linji gwida jistabbilixxu ammonti "prevedibbli" ta' aktar minn EUR 20 miljun.

216    Mill-premessi 233, 234 u 240 tad-Deċiżjoni jirriżulta li f'dan ir-rigward il-Kummissjoni bbażat fuq ir-raba' u sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida. Fis-sustanza, f'dawn is-siltiet tal-linji gwida, il-Kummissjoni indikat illi, b'mod partikolari meta jirrigwarda ksur li jimplika diversi impriżi u li teżisti differenza kunsiderevoli fid-daqs ta' l-impriżi li huma involuti fil-ksur, hija tipproċedi għal trattament differenti ta' l-impriżi kkonċernati sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika tagħhom reali li jikkawżaw ħsara kbira lill-kompetizzjoni u sabiex tiġi stabbilita l-multa fuq livell li jassiguralha livell suffiċjentement dissważiv.

217    B'hekk, minn naħa, filwaqt li bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tal-partijiet ikkonċernati bbażati fuq il-bejgħ tal-prodotti in kwistjoni, il-Kummissjoni kklassifikathom fi tliet kategoriji. L-għan ta' dan l-aġġustament kien, kif indikat mill-Kummissjoni fil-premessa 234 tad-Deċiżjoni, li jiġi kkunisdrat l-effett reali ta' l-aġir ta' kull parti kkonċernata fuq il-kompetizzzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha ukoll għan ta' dissważjoni peress li rrevelat il-fatt li hija tippenalizza l-aktar lill-imprizi li jkunu ħadu sehem f'kartell fuq is-suq li fuqu huma kellhom influwenza kbira.

218    F'dan il-kuntest, peress li fuq is-suq dinji ta' l-aċidu ċitriku ir-rikorrenti kellha parti medja, il-Kummissjoni kklassifikatha fit-tieni kategorija ta' impriżi, li għaliha hija ffissat l-ammont ta' bażi ta' EUR 21 miljun.

219    Min-naħa l-oħra, peress li bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-partijiet kkonċernati, hija qieset li kien xieraq li li taġġusta l-ammont ta' bażi tal-multi għal tlieta minnhom għar-raġuni li d-daqs tagħhom u r-riżorsi globali tagħhom kienu tali li, mingħajr żieda ta' dawn l-ammonti, il-multa ma jkollhiex effett dissważiv, peress li tikkostitwixxi sehem dgħajjef ħafna mid-dħul mill-bejgħ globali tal-partijiet ikkonċernati.

220    Il-kritika magħmula mir-rikorrenti tirrigwarda biss dan l-stadju preċiż tal-kalkolu tal-multa, deskritt fil-punt ta' qabel. Hija tirrileva, sostanzjalment, illi, meta illimitat ruħha għal multiplikazzjoni b'koeffiċjent ta' 2, anke ta' 2.5, l-ammont ta' bażi tal-multa għall-membri ta' l-akkordju li jikkostitwixxu jew jifformaw parti minn gruppi kbar multinazzjonali, iżda fl-istess waqt ma naqqsitx l-ammont ta' bażi tal-multa għal impriżi kjarament iżgħar, il-Kummissjoni kkommettiet diskriminazzjoni fir-rigward ta' dawn ta' l-aħħar meta mqabbla ma' dawk ta' l-ewwel. Mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, f'dan ir-rigward, mill-premessi tad-Deċiżjoni, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha skond is-serjetà tal-ksur jirrapreżenta 6.69 % tad-dħul mill-bejgħ globali proprju tagħha, tant illi l-ammont iffissat mill-gruppi kbar multinazzjonali, (jiġifieri, f'dan il-każ, HLR, ADM u Bayer li għaliha tappartjeni H & R) jogħla bejn 0.23 u 0.30 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom globali, anke wara applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur iddestinat sabiex jikkunsidra d-daqs u r-riżorsi ta' dawn l-impriżi ta' l-aħħar.

221    F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti invokat tliet motivi, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel, ta' "prinċipju ta' evalwazzjoni individwali tal-multi" u tal-linji gwida, it-tieni, fuq il-prinċipju ta' propozjonalità u t-tielet, fuq il-prinċipju ta' trattament ugwali.

b)     Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta' "prinċipju ta' evalwazzjoni individwali tal-multi" u tal-linji gwida

222    Fejn ir-rikorrenti tinvoka ksur ta' "prinċipju ta' evalwazzjoni individwali tal-multi" u tal-linji gwida, hija ssostni, fis-sustanza, li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiffissa l-multi abbażi tal-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ globali ta' kull impriża kkonċernata.

223    Madankollu, għandu jitfakkar illi l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidiet diversi drabi illi, abbażi tal-prinċipji ddikjarati fil-ġurisprudenza stabbilita, huwa fil-fatt permess lill-Kummissjoni, konformement mal-linji gwida tagħha, li ma tiffissax il-multi skond id-dħul mill-bejgħ miksub minn kull impriża kkonċernata fuq is-suq in kwistjoni, iżda li tapplika, bħala bażi ta' kalkolu tagħha għall-impriżi kollha kkonċernati, ammont assolut ffissat skond in-natura stess tal-ksur kommess, ammont li wara jiġi aġġustat għal kull waħda mill-impriża kkonċernati skond diversi elementi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Novembru 1983, IAZ et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 51 sa 53 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 88 supra, punt 281, u tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punti 384, 385, 416 u 437).

224    Ir-rikorrenti ma tikkontestax illi, f'dan il-każ, il-Kummissjoni kienet applikat dan il-metodu, hekk kif previst mill-linji gwida.

225    Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tgħid li hemm ksur tal-linji gwida. Rigward il-ksur ta' l-allegat "prinċipju ta' evalwazzjoni individwali tal-multi", huwa biżżejjed li jiġi osservat illi r-rikorrenti ma ddefinietx preċiżament dan il-prinċipju u li dan il-prinċipju mhuwiex espressament rikonoxxut mill-ġurisprudenza. Għalhekk, l-invokazzjoni ta' dan il-prinċipju mir-rikorrenti ma jistax, fih innifsu, jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni. Għandhom, għalhekk, jiġi miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti għal dak li jikkonċerna l-ksur kemm tal-linji gwida, kif ukoll ta' allegat "prinċipju ta' evalwazzjoni individwali tal-multi".

c)     Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

226    Il-prinċipju ta' proporzjonalità jeżiġi li l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta' dak li hu xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan maħsub (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Ġunju 1997, Air Inter vs Il-Kummissjoni, T‑260/94, Ġabra p. II-997, punt 144 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata, u tat-23 ta' Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II-4653, punt 201).

227    Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-serjetà tal-ksur għandha tkun stabbilita skond numru ta' elementi u li l-ebda element ma jiġi attribwit importanza sproporzjonata meta mqabbla ma' elementi oħrajn ta' evalwazzjoni (ara punti 213 u 214 aktar 'il fuq).

228    F'dan il-kuntest il-prinċipju ta' proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata s-serjetà tal-ksur u għandha tapplika dawn l-elementi b'mod koerenti u ġġustifikat oġġettivament (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punt 106 ; CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 223 supra, punti 416 sa 418, u tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 1541).

229    F'dan il-każ, wara li ġie stabbilit li l-ksur jikkostitwixxi, min-natura tiegħu, ksur serju ħafna ppenalizzat b'multa ta' aktar minn EUR 20 miljun, il-Kummissjoni pproċediet sabiex tiddeċiedi dwar l-ammont ta' bażi tal-multa. Biex isir dan, hija ħadet in kunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 214 aktar 'il fuq, minn naħa, il-volum u l-valur tal-prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur għal kull impriża in kwistjoni billi tagħti indikazzjoni tal-kobor tal-ksur kommess min dawn l-impriżi fuq is-suq tal-prodotti in kwistjoni. Għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat dawn iż-żewġ kriterji fi ħdan l-istess operazzjoni ta' kalkolu, dawn huma żewġ kriterji differenti. Hemm lok għalhekk li jiġi eżaminat b'mod separat jekk il-Kummissjoni attribwietx importanza sproporzjonata lil wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji.

230    L-ewwelnett, meta ffissat l-ammont ta' bażi f'livell għola għal impriżi li għandhom parti mis-suq relattivament akbar mill-oħrajn fuq is-suq ikkonċernat, hija ħadet in kunsiderazzjoni l-influwenza effettiva li l-impriża kienet teżerċita fuq dan is-suq u, għalhekk, ir-responsabbiltà speċifika ta' l-impriża għaż-żamma tal-kompetizzjoni ħielsa bħala li hija element suġġettiv ta' serjetà ta' l-aġir ta' l-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, dan l-element huwa l-espressjoni tal-livell ta' responsabblità għola ta' impriżi li għandhom parti mis-suq relattivament akbar minn dik ta' l-oħrajn fuq is-suq ikkonċernat mill-ħsarat li ssiru lill-kompetizzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-konsumaturi meta jiġi konkluż akkordju sigriet.

231    F'dan il-każ, meta ikklassifikat ir-rikorrenti fit-tieni kategorija ta' l-impriżi kkonċernati u meta iffissat, għal din l-impriża, bħala ammont ta' bażi, l-istess ammont bħal dak stabbilit għaż-żewġ impriżi l-oħrajn, li, fuq dan is-suq, kellhom parti ta' suq ekwivalenti għal dik tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma stabbilietx dan l-ammont b'mod sproporzjonat, fid-dawl tas-serjetà tal-ksur kommess mir-rikorrenti, u l-bżonn li jiġi ggarantit l-effett dissważiv tal-multa minħabba dan il-ksur. Din il-evalwazzjoni mhijiex ddubitata mill-fatt illi, f'terminu ta' daqs globali, dawn l-impriżi l-oħrajn kienu aktar importanti mir-rikorrenti. Fil-fatt, il-mod kif jintlaqat is-suq in kwistjoni mill-aġir tar-rikorrenti jiġġustifika l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet f'dan l-istadju tal-kalkolu tal-multa.

232    It-tieninett, meta applikat koeffiċjent multiplikatur għal ADM, għal HLR u għal H & R, il-Kummissjoni evalwat, kif fil-fatt kellha tagħmel, id-daqs u r-riżorsi globali ta' l-impriżi kkonċernati, u b'hekk segwiet l-għan li tassigura li l-multi jkunu ta' livell dissważiv.

233    Jungbunzlauer ma tistax validament issostni li, minħabba l-prinċipju ta' proporzjonalità l-Kummissjoni kellha fil-kuntest ta' din l-istess operazzjoni, tbaxxi l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha peress illi, meta dan l-ammont jitqabbel mad-dħul mill-bejgħ globali tagħha, huwa jaqbeż il-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan maħsub, jiġifieri li jiġi assigurat livell dissważiv tal-multa.

234    Fil-fatt, kif indikat fil-punt 231 aktar 'il fuq, meta ffissat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni ammont sproporzjonat, fid-dawl tal-kobor tal-ksur kommess mir-rikorrenti fuq is-suq tal-prodotti in kwistjoni. Din l-evalwazzjoni mhijiex ikkontestata mill-fatt li din il-multa tirrappreżenta, f'dan il-każ, 6.69 % tad-dħul mill-bejgħ ta' impriża kkonċernata.

235    Għalhekk, il-motiv bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' propozjonalità għandu jiġi miċħud.

 d) Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

236    Il-prinċipju ta' trattament ugwali jipprekludi li sitwazzjonijiet simili jiġu trattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati b'mod simili, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 88 supra, punt 309, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata, u tat-13 ta' Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T‑67/01, Ġabra p. II‑49, punt 187).

237    F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax illi r-rikorrenti tinsab f'sitwazzjoni simili għal dik ta' l-impriżi l-oħrajn li għalihom il-Kummissjoni attribwit ir-responsabbiltà għall-ksur, peress li l-għan ta' prevenzjoni jgħodd kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-impriżi l-oħrajn ikkonċernati. L-istess, il-Kummissjoni ma tikkontestax illi, għal dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn l-ammont tal-multa u d-dħul mill-bejgħ tal-partijiet ikkonċernati, element li l-Kummissjoni kkunsidrat sabiex tiffissa l-ammont tal-multa tal-partijiet ikkonċernati skond is-serjetà tal-ksur, l-ammont bażiku tal-multa kif iffissat mir-rikorrenti skond is-serjetà tal-ksur jirrapreżenta 6.69 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha, waqt li dan l-ammont iffissat għall-gruppi kbar multinazzjonali (jiġifieri, f'dan il-każ, HLR, ADM u Bayer li għaliha tappartjeni H & R) huwa bejn 0.23 u 0.30 % tad-dħul mill-bejgħ globali rispettiv tagħhom, anke wara l-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur iddestinat sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta' dawn l-impriżi ta' l-aħħar.

238    Madankollu, minn naħa, sakemm ma tiġix iffissata l-multa fuq livell proporzjonali għad-dħul mill-bejgħ ta' l-impriżi kkonċernati, ċertu trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati huwa inerenti għall-applikazzjoni tal-metodu magħżul mil-linji gwida sabiex jinkiseb l-għan dissważiv, metodu li huwa kkunsidrat bħala legali mill-Qorti Komunitarja (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 88 supra, punt 222).

239    Min-naħa l-oħra, peress li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tan-natura proporzjonata ta' l-ammont ta' bażi tal-multa ma ġietx ikkunsidrata bħala żbaljata (ara l-punti 226 sa 235 aktar 'il fuq), l-argumentazzjoni tar-rikorrenti hija fir-realtà stedina lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tivverifika l-legalità ta' l-ammonti tal-multi ffissati għall-impriżi l-kbar li magħhom ir-rikorrenti tqabbel il-multa li ġiet imposta fuqha. Madankollu, r-rikorrenti ma tistax tagħmel użu minn dritt biex taġixxi f'dan ir-rigward. Fil-fatt, il-ħarsien tal-prinċipju ta' trattament ugwali għandu jkun irrikonċiljat mal-prinċipju tal-ħarsien tal-prinċipju li jistabbilixxi li ħadd ma jista' jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, azzjoni illegali kommessa favur ħaddieħor (ara s-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 136 supra, punt 515, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

240    Għalhekk il-motiv bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali għandu jiġi miċħud.

IV –  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

241    Jungbunzlauer tqajjem motivi bbażati fuq il-ksur, l-ewwelnett, tal-linji gwida u t-tieninett, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

A –  Fuq il-ksur tal-linji gwida

242    Jungbunzlauer issostni illi, skond l-ewwel u t-tielet inċiżi tal-punt 3 tal-linji gwida, il-Kummissjoni kellha tagħtiha l-benefiċċju ta' ċirkustanzi attenwanti minħabba, minn naħa, ir-rwol ta' Jungbunzlauer GmbH bħala waħda li ssegwi biss fit-twettiq tal-ksur u, min-naħa l-oħra minħabba li Jungbunzlauer GmbH ma applikatx l-akkordju b'mod effettiv.

1.     Fuq ir-rwol ta' Jungbunzlauer GmbH bħala waħda li ssegwi biss fit-twettiq tal-ksur

a)     L-argumenti tal-partijiet

243    Jungbunzlauer tikkunsidra illi, skond l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, il-Kummissjoni kellha tagħtiha l-benefiċċju ta' ċirkustanzi attenwanti minħabba r-rwol esklużivament ta' segwaċi ta' Jungbunzlauer GmbH fit-twettiq tal-ksur. Jungbunzlauer tikkunsidra li l-benefiċċju tar-rwol ta' "segwaċi", kunċett li mhux definit fil-linji giwdia, ma jistax jiġi eskluż għar-raġuni biss li impriża tħares, għall-inqas parzjalment, ir-regoli ta' l-akkordju. Skond hi, dak li jikkaratterizza r-rwol ta' segwaċi huwa illi, fir-rigward tal-pressjoni kunsiderevoli eżerċitata mill-membri l-oħrajn ta' l-akkordju, dan jipparteċipa, bl-inqas mod possibbli, fl-implementazzjoni tal-ftehim billi jassumi ċerti funzjonijiet fi ħdan l-akkordju u billi jieħu sehem fin-negozjati. Kull interpretazzjoni oħra ikollha bħala effett illi jkun hemm probabbiltà li jiġu imposti penalitajiet fuq s-segwaċi fil-kuntest ta' l-akkordju u li jkun suġġett għal miżuri ta' tpattija min-naħa ta' l-impriżi l-oħrajn.

244    Jungbunzlauer issostni illi, fil-bidu ta' l-akkordju, Jungbunzlauer GmbH ma kinitx f'pożizzjoni li tevita l-ftehim u li kienet xi ftit jew wisq imġegħla li taċċetta l-ftehim fl-1991. Bħala bejjiegħ żgħir speċjalizzat fl-aċidu ċitriku, l-impriża kienet tissogra li tkun eskluża mis-suq minn kompetituri akbar, finanzjarjament ħafna aktar b'saħħithom (bi dħul mill-bejgħ sa 58.6 darba aktar minn dak tal-grupp Jungbunzlauer) u li kellhom, kuntrarjament għaliha, bażi kbira ħafna ta' produzzjoni. Barra dan, Jungbunzlauer issostni li, bejn l-1991 u l-1995, il-grupp Jungbunzlauer kien jinsab f'sitwazzjoni ekonomika diffiċli ħafna li kellha bħal effett illi Jungbunzlauer GmbH ma kinitx tkun tista' żżomm l-indipendenza tagħha kieku ma kinitx ser tissieħeb fl-akkordju fil-bidu tas-sena 1991. Għal dan żdied il-fatt, tenfasizza Jungbunzlauer, illi 40 % ta' l-ispiża totali tal-produzzjoni ta' l-aċidu ċitriku kienet riżultat ta' l-ispiża tal-materja prima, b'mod partikolari l-glukożju. Madankollu, dan ta' l-aħħar kien in parti prodott mill-membri l-oħrajn ta' l-akkordju, b'mod illi dawn kienu ser ikunu f'pożizzjoni li jinfluwenzaw kunsiderevolment il-prezz li tal-prodotti abbażi ta' l-aċidu ċitriku ta' Jungbunzlauer GmbH li, dak iż-żmien, prattikament, ma kellhiex sorsi ta' provvista alternattivi.

245    Jungbunzlauer tikkritika l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li, skond hi, illimitat lilha nnifisha, fil-premessi 282 u 284 tad-Deċiżjoni, li tiċħad b'mod sommarju dawn l-argumenti billi sostniet illi, mill-1994, Jungbunzlauer kienet ħadet lura r-responsabblità tal-ġbir ta' l-informazzjoni tal-bejgħ u li l-president-direttur ġenerali tagħha kien ippresieda l-laqgħat ta' l-akkordju. Skond il-Kummissjoni dan kien biżżejjed sabiex juri illi Jungbunzlauer "kellha rwol attiv li kien imur lilhinn minn dak illi kienet tirrikonoxxi" (premessa 284 tad- Deċiżjoni).

246    Jungbunzlauer tikkunsidra li l-Kummissjoni eżaġerat l-importanza tal-funzjoni tal-president fil-laqgħat ta' l-akkordju. Fil-fatt, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 120 tad-Deċiżjoni, dan ir-rwol kien marbut mal-presidenza ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-produtturi ta' l-aċidu ċitriku, u r-rappreżentant ta' Jungbunzlauer ħa dan ir-rwol biss peress li kien previst mir-regoli ta' l-akkordju skond sistema ta' rotazzjoni. Skond Jungbunzlauer, din il-funzjoni kienet prinċipalment intiża li tassigura t-tħaddim tajjeb tal-ġbir ta' informazzjoni u kienet tikkostitwixxi xogħol "invidjuż" li jinkludi fuq kollox aspetti amministrattivi. Dan ix-xogħol fl-ebda każ ma jġib miegħu l-possibbiltà ta' influwenza ikbar fi ħdan l-akkordju. Aktar minn hekk, dan ir-rwol ta' president, kif mifhum mill-Kummissjoni, jkun f'kontradizzjoni mal-fatt illi Jungbunzlauer GmbH kienet dejjem tiġi kkritikata għaliex ma kinitx ħarset kompletament l-akkordji miftehma. Fl-aħħarnett, Jungbunzlauer tikkunsidra illi, fil-kuntest tar-rapporti ta' forza ekonomika deskritti fil-punt 244 aktar 'il fuq, il-fatt li impriża familjari ta' importanza medja bħalma hu l-grupp Jungbunzlauer seta' jimponi xi tip ta' miżura fuq il-membri l-oħrajn ta' l-akkordju ma tantx jidher li hu realistiku.

247    Jungbunzlauer tqis illi l-funzjoni ta' president tal-laqgħat ta' l-akkordju tista', barra minn hekk, tipprova illi Jungbunzlauer kellha biss rwol importanti fi ħdan l-akkordju mill-1994 'il quddiem, fi kliem ieħor għal dak li jikkonċerna l-aħħar sena tal-perijodu kkunsidrata mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, dan il-fatt, f'ebda każ ma jista' jikkontradixxi l-argumenti invokati fil-punti 243 u 244 aktar 'il fuq. It-teħid mill-ġdid ta' dan l-inkarigu madwar tliet snin wara ma jeskludix assolutament li, fl-1991, Jungbunzlauer GmbH kienet ġiet kostretta li tingħaqad fl-akkordju.

248    L-istess, skond Jungbunzlauer, huwa żbaljat illi l-Kummissjoni invokat il-fatt illi hija kienet regolarment preżenti għal-laqgħat ta' l-akkordju fil-persuna tad-diretturi tagħha. Hija fil-fatt issostni illi, minn naħa, dan ma kienx il-każ għal dak li jikkonċerna s-Sinjuri R. u H. u, min-naħa l-oħra, impriża relattivament żgħira bħal Jungbunzlauer tkun karatterizzata minn ġerarkija "definita ftit". Fir-rigward ta' dak li l-Kummissjoni tirrileva, fil-premessa 122 tad-Deċiżjoni u fir-risposta tad-difiża tagħha, illi Jungbunzlauer kellha rwol ta' "kelliem" fil-kuntest ta' azzjoni ta' l-akkordju kontra l-produtturi Ċiniżi, hija ssostni li din kienet biss il-preparazzjoni sabiex jitressaq ilment ta' anti-dumping quddiem il-Kummissjoni, li jikkostitwixxi mezz leġittimu sabiex tiddefendi lilha nnifisha kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni pprovokati mill-importazzjonijiet bi prezzijiet tax-xiri li huma inqas u mhux ksur ta' l-Artikolu 81 KE.

249    Fl-aħħarnett, Jungbunzlauer takkuża lill-Kummissjoni li approprjat l-argumentazzjoni taż-żewġ membri ta' l-akkordju matul il-proċedura amministrattiva, jiġifieri H & R u HLR, miġbura fil-qasir fil-premessi 279 sa 281 tad-Deċiżjoni. F'dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwelnett, li l-istqarrijiet ta' dawn iż-żewġ impriżi mhumiex eżatti, it-tieninett, illi mgħandhomx valur probatorju, peress li jirrigwardaw dikjarazzjonijiet ta' ko-akkużati illi, naturalment, jippruvaw li jattribwixxu l-kontribut ewlieni għall-ksur fuq impriżi oħrajn u, t-tieletnett, li l-Kummissjoni ma semmietx dawn l-istqarrijiet fil-komunikazzjoni ta' lmenti b'mod illi, meta invokathom fid-Deċiżjoni, hija kisret id-drittijiet tad-difiża (ara, għal dak li jikkonċerna dan it-tielet element, il-punt 336 aktar 'il fuq).

250    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

251    Fl-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, huwa ppreċiżat illi jingħata tnaqqis ta' l-ammont tal-multa skond iċ-ċirkustanzi attenwanti jekk, per eżempju, l-impriża kkonċernata tkun lagħbet "rwol eslużivament passiv jew ta' segwaċi fit-twettiq tal-ksur".

252    F'dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T‑239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p.  I‑1181, punt 331) illi, fost l-elementi ta' natura tali li jirrivelaw ir-rwol passiv ta' impriża fi ħdan akkordju, jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karattru sensibbilment aktar sporadiku tas-sehem tagħha meta mqabbel ma' dak tal-membri l-oħrajn ta' l-akkordju (sentenza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 88 supra, punt 343) u anke d-dħul tagħha tard fis-suq ikun ġie suġġett għal ksur, indipendentement mit-tul tas-sehem tagħha f'dan (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Diċembru 1985, Stichting Sigarettenintal-strie et vs Il-Kummissjoni, 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, punt 100), jew ukoll l-eżistenza ta' dikjarazzjonijiet espressi f'dan is-sens li joħorġu minn rappreżentanti ta' impriżi terzi li jkunu ħadu sehem fil-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Weig vs Il-Kummissjoni, T-317/94, Ġabra p. II-1235, punt 264). Aktar minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza iddeċidiet illi ir-"rwol esklużivament passiv" ta' membru ta' kartell jimplika l-adozzjoni minnu ta' profil baxx", jiġifieri nuqqas ta' parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni tal-ftehim jew tal-pattijiet ta' ftehim anti-kompetttivi (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 167).

253    Fid-Deċiżjoni, għalkemm il-Kummissjoni ma kkwalifikatx lil Jungbunzlauer bħala mexxej, hija tikkontesta li din lagħbet rwol passiv jew ta' segwaċi, fid-dawl tal-fatt illi, mill-1994, Jungbunzlauer kienet ħadet l-inkarigu tal-ġbir ta' informazzjoni fuq il-bejgħ u li l-president-direttur ġenerali kien ippresieda l-laqgħat ta' l-akkordju (premessa 284 tad-Deċiżjoni).

254    F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma tistax, fl-ewwel lok, validament issostni li ġiet imġegħla tieħu sehem fl-akkordju sabiex tkun tista' titlob il-benefiċċju ta' ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li ġie stabbilit li l-membri l-oħrajn ta' l-akkordju kienu eżerċitaw pressjonijiet ekonomiċi fuq Jungbunzlauer GmbH sabiex din tifforma parti mill-ftehim ta' l-akkordju, jibqa' l-fatt illi, ladarba aċċettat l-akkordju, din ikkonformat mad-deċiżjonijiet tal-membri ta' l-akkordju mingħajr ma adottat rwol esklużivament passiv jew ta' segwaċi. Madankollu, fil-linji gwida, il-Kummissjoni tenfasizza li huwa biss rwol "esklużivament" passiv jew ta' segwaċi li jista' jagħti lok għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multa. Għalhekk, mhumiex biżżejjed li waqt ċerti perijodi ta' l-akkordju, jew fir-rigward ta' ċerti ftehim ta' l-akkordju, l-impriża kkonċernata tkun adottat "profil baxx".

255    Fit-tieni lok, din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt illi Jungbunzlauer kienet tieħu sehem, b'mod regolari, fil-laqgħat ta' l-akkordju.

256    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka d-diffikultajiet ekonomiċi li ltaqgħet magħhom waqt il-perijodu ikkonċernat ta' l-akkordju. Fil-fatt huwa ġustament minħabba d-diffikutajiet li ltaqgħu magħhom l-operaturi kollha fis-suq ta' l-aċidu ċitriku lejn l-aħħar tas-snin 80 illi xi wħud minnhom, inkluża r-rikorrenti, kienu ddeċidew li jadottaw aġir anti-kompetittiv. Bħala regola ġenerali, il-kartelli bħal dawk f'dan il-każ, jinħolqu fil-mument li settur ikollu diffikultajiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 252 supra, punt 345).

257    Fir-raba' lok, huwa żbaljat illi r-rikorrenti tqis illi r-rwol ta' president tal-laqgħat ta' l-akkordju jimplika biss xogħlijiet amministrattivu u li ma jagħtih l-ebda influwenza ikbar fi ħdan l-akkordju. Fil-fatt, huwa żgur li l-fatt li wieħed isejjaħ il-laqgħat, jipproponi aġenda, iqassam id-dokumenti preparatorji għal-laqgħat huwa inkompatibbli ma' rwol passiv ta' segwaċi li jadotta profil baxx. Dawn l-inizjattivi jirrivelaw attitudni favorevoli u attiva tar-rikorrenti f'dak li jikkonċerna l-elaborazzjoni, il-kontinwazzjoni u l-kontroll ta' l-akkordju. Huwa wkoll żbaljat li r-rikorrenti tipprova tnaqqas l-importanza tal-fatt li l-president-direttur ġenerali ta' Jungbunzlauer ħa sehem hu stess fil-laqgħat ta' l-akkordju, peress li fi ħdan din l-impriża m'hemmx struttura ġerarkika ekwivalenti għal dik ta' impriżi oħrajn membri ta' l-akkordju. Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li dawn l-elementi huma stabbiliti, huma jistgħu jiġu invokati sabiex juru li r-rikorrenti ma kellhiex ir-rwol ta' mexxej fi ħdan l-akkordju, iżda mhumiex ta' natura tali li jistabbilixxu li r-rwol tar-rikorrenti kien "esklużivament passiv jew ta' segwaċi". Madankollu, huwa żgur li l-Kummissjoni ma qisitx illi r-rikorrenti kienet waħda mill-mexxejja ta' l-akkordju.

258    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kisritx il-linji gwida tagħha meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-benefiċċju ta' ċirkustanzi attenwanti skond ir-rwol esklużivament passiv jew ta' segwaċi li kellha Jungbunzlauer GmbH fit-twettiq tal-ksur.

2.     Fuq in-nuqqas ta' applikazzjoni effettiva ta' l-akkordju minn Jungbunzlauer GmbH

a)     L-argumenti tal-partijiet

259    Jungbunzlauer tikkunsidra illi, konformement mat-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, il-Kummissjoni kellha tagħtiha l-benefiċċju ta' ċirkustanzi attenwanti minħabba n-nuqqas ta' applikazzjoni effettiva ta l-akkordju minn Jungbunzlauer GmbH. Jungbunzlauer issostni li, għalkemm ir-rappreżentanti ta' Jungbunzlauer GmbH kienu regolarment assistew għall-laqgħat, Jungbunzlauer GmbH segwiet politika kummerċjali awtonoma u orjentata lejn il-kompetizzjoni. Barra dan, aktar minn kull impriża oħra li ħadet sehem fl-akkordju, Jungbunzlauer GmbH kienet, b'mod konsistenti u waqt perijodu relattivament twil, ħarbet mit-tentattiv tal-membri l-oħrajn ta' l-akkordju li "tiddixxiplina" l-politika tagħha fis-suġġett tal-kundizzjonijiet ta' bejgħ u tal-prezzijiet.

260    Fl-ewwel lok, Jungbunzlauer issostni li, kif jirriżulta mill-premessa 72 tad-Deċiżjoni, sa l-1990 kien l-aġir ta' Jungbunzlauer GmbH fuq is-suq li kien ta' bidu għal waqa' fil-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku fl-Ewropa li, fl-aħħar mill-aħħar, ipprovoka l-ħolqien ta' l-akkordju. Fil-fatt, hija tirrileva illi, bejn l-1970 u l-1990, Jungbunzlauer GmbH immultiplikat il-bejgħ ta' l-aċidu ċitriku bi 30, waqt illi, fl-istess perijodu, il-volum tas-suq kien bil-kemm żdied b'96 %. Dan il-qliegħ minn partijiet tas-suq kien sar bi ħsara għall-bejjiegħa kbar ta' l-aċidu ċitriku stabbiliti fuq is-suq. L-akkordju spiċċa kien mezz, b'mod partikolari, sabiex tiġi suġġetta għal sistema komuni, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni ta' l-ewwel laqgħa ta' l-akkordju f'Basel, fis-6 ta' Marzu 1991, li tissemma fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti. Il-mod ta' kif saret din l-ewwel laqgħa jipprova li l-akkordji kienu, mill-bidu, kuntrarji għall-interessi ekonomiċi ta' Jungbunzlauer GmbH.

261    Fit-tieni lok, Jungbunzlauer issostni illi, waqt il-perijodu kollu ta' l-akkordju, Jungbunzlauer GmbH fixklet kunsiderevolment ix-xogħol ta' l-akkordju u naqqset l-effetti tiegħu fuq is-suq. B'hekk, għalkemm hija ħadet sehem fil-biċċa l-kbira tal-laqgħat ta' l-akkordju, Jungbunzlauer GmbH kienet ikkunsidrata mill-membri l-oħrajn ta' l-akkordju bħala li "tħassar il-festi".

262    Jungbunzlauer tindika illi, waqt l-ewwel fażi ta' l-akkordju, li kienet testendi mix-xahar ta' Marzu 1991 sa l-ewwel nofs tas-sena 1993 (premessa 90 tad-Deċiżjoni), Jungbunzlauer GmbH prinċipalment ippruvat tillimita l-effettività ta' l-akkordju. L-inkwiet prinċipali tagħha kien li tevita li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' kumpens intiż sabiex jissanzjona ksur tal-kwoti. Dan ġie muri mill-aġir tar-rappreżentanti ta' Jungbunzlauer GmbH waqt il-laqgħat li nżammu f'Ġerusalemm f'Mejju 1992, kif diġà ġie deskritt fl-ittra tagħha tad-29 ta' April 1999, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-21 ta' Mejju 1999 li saret skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti.

263    Għal dak li jikkonċerna t-tieni fażi ta' l-akkordju, li kienet testendi mit-tieni nofs tas-sena 1993 sax-xahar ta' Mejju 1995 (premessa 91 tad-Deċiżjoni), Jungbunzlauer tinvoka illi l-partijiet ikkonċernati kellhom dejjem aktar diffikultajiet sabiex josservaw il-prezzijiet miftehma. Hija ssostni li, barra l-importazzjonijiet miċ-Ċina, kienet Jungbunzlauer GmbH li, minħabba li ppruvat toħroġ mill-akkordju, kienet prinċipalment responsabbli għal dan l-istat ta' l-affarijiet.

264    Fil-fatt, skond Jungbunzlauer, kif jirriżulta mill-premessa 117 tad-Deċiżjoni, mill-bidu tas-sena 1993, beda jkun hemm dejjem aktar nuqqas ta' ftehim bejn il-membri ta' l-akkordju, u Jungbunzlauer GmbH kienet identifikata bħala ir-responsabbli prinċipali, peress illi ma kinitx qed tirrispetta il-ftehim u kienet tirrifjuta, skond il-membri l-oħrajn ta' l-akkordju, li tkun suġġetta għad-dixxiplina. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-proċess verbali tas-seduta ta' l-FBI dwar il-laqgħa ta' Chicago f'Marzu 1993. L-istess, hija ssostni illi, kif diġà ddikjarat lill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tad-29 ta' April 1999, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-21 ta' Mejju 1999 skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti, u kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-membri l-oħrajn ta' l-akkordju u tal-proċess verbali ta' l-FBI, annessi mar-risposta tal-komunikazzjoni ta' lmenti, waqt il-laqgħat differenti ta' l-akkordju li saru bejn l-1993 u l-1995, Jungbunzlauer GmbH kienet ġiet ikkritikata mill-membri l-oħrajn ta' l-akkordju peress li opponiet għal miżuri anti-kompetittivi u għaliex ma applikatx partijiet mill-akkordji mitehma. Fl-aħħarnett, fil-bidu tas-sena 1995 kienet ukoll maħsuba l-esklużjoni ta' Jungbunzlauer GmbH mill-akkordju u, peress li ma setgħet tinstab ebda soluzzjoni, l-attivitajiet ta' l-akkordju spiċċaw waqt laqgħa tat-22 ta' Mejju 1995.

265    Fit-tielet lok, Jungbunzlauer tikkunsidra illi n-nuqqas ta' applikazzjoni effettiva tal-ftehim minn Jungbunzlauer GmbH tidher ukoll fir-rigward tal-prezzijiet mitluba minn din il-kumpannija. Fil-fatt hija tirreferi għal erba' graffs li bagħtet lill-Kummissjoni meta bagħtet ir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' lmenti, li fihom hija kienet qabblet il-prezzijiet immirati fl-akkordju ma' dawk illi Jungbunzlauer GmbH kienet effettivament applikat fuq is-suq. Fl-opinjoni tagħha, minn dan jirriżulta li l-offerti ta' Jungbunzlauer GmbH, bħala regola ġenerali, ma kinux jilħqu l-prezzijiet immirati u li din ta' l-aħħar kienet, minħabba dan il-fatt, "kisret", bil-kbir, il-prezzijiet iffissati mill-akkordju u mhux biss minn żmien għal żmien. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, Jungbunzlauer tqis illi dawn il-graffs ma jurux paralelliżmu bejn il-prezzijiet immirati u dawk effettivament mitluba minn Jungbunzlauer GmbH.

266    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumentazzjoni invokata mir-rikorrenti.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

267    Fit-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida huwa ppreċiżat li tnaqqis ta' l-ammont tal-multa skond iċ-ċirkustanzi attenwanti huwa mogħti, per eżempju, fil-każ ta' nuqqas ta' applikazzjoni effettiva tal-ftehim.

268    Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifkat jekk il-fatti mressqa mir-rikorrenti humiex tali li jistabbilixxu illi, matul il-perijodu li fih hija mxiet skond l-akkordji illegali, hija kienet effettivament evitat li tapplikahom billi adottat imġiba kompetittiva fuq is-suq (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, punti 4872 sa 4874, u Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 252 supra, punt 192).

269    Hija ġurisprudenza stabbilita illi l-fatt li impriża, li tkun stabbilita l-parteċipazzjoni tagħha f'akkordju mal-kompetituri fir-rigward tal-prezzijiet, fuq is-suq ma tkunx ġabet ruħha b'mod konformi ma' dak li jkun ġie miftiehem mal-kompetituri tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza attenwanti, meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta. Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-akkordju mal-kompetituri, politika ftit jew wisq indipendenti fuq is-suq tista' sempliċiment tuża l-ftehim għall-profitt tagħha (sentenzi Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, punt 230, u Cheil Jedang vs Il-Kummitssjoni, punt 252 supra, punt 190).

270    Fi kwalunkwe każ, f'din il-kawża, diġà ġie deċiż fil-punti 183 u 184 aktar 'il fuq illi hemm effettivament ċertu paralleliżmu bejn il-prezzijiet iffissati mill-akkordju u dawk mitluba mir-rikorrenti. F'din is-sitwazzjoni, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni favur tagħha li l-akkordju kien kontra l-interesssi ekonomiċi tagħha, li hija fixklet ix-xogħol ta' l-akkordju u naqqset l-effettività tiegħu u li hi, bħala regola ġenerali, stabbiliet prezzijiet li ma kinux jilħqu l-prezzijiet miftehma.

271    Għalhekk il-Kummissjoni ma kisritx il-linji gwida tagħha meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-benefiċċju ta' ċirkustanzi attenwanti peress li ma saritx applikazzjoni effettiva ta' l-akkordju minn Jungbunzlauer GmbH.

B –  Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

272    Jungbunzlauer tikkunsidra, fis-sustanza, illi d-Deċiżjoni mhijiex motivata biżżejjed għal dak li jikkonċerna n-nuqqas ta' applikazzjoni ta' l-akkordji kif ukoll ir-rwol ta' segwaċi fi ħdan l-akkordju, peress li l-Kummissjoni naqset milli tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti differenti invokati minnha matul il-proċedura amministrattiva.

273    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

274    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 aktar 'il fuq u tikkonstata illi, fil-premessa 284 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat illi "[i]s-sempliċi fatt illi, sa mill-1994, din il-kumpannija kienet ħadet l-inkarigu tal-ġbir ta' informazzjoni fuq il-bejgħ u li [l-president-direttur ġenerali] tagħha kien ippresieda l-laqgħat ta' l-akkordju juri biżżejjed li kellha rwol attiv li kien imur lilhinn minn dak li kienet tirrikonoxxi".

275    Barra dan, fil-premessi 218 u 219 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni evalwat u ċaħdet l-istqarrija tar-rikorrenti li tgħid li din ma lagħbitx parti attiva fi ħdan l-akkordju u li ma wettqitx id-deċiżjonijiet tiegħu.

276    Barra dan, għal dak li jikkonċerna in-nuqqas ta' twettiq tal-ftehim, fil-premessa 285 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet għall-analiżi tagħha inkluża fil-premessi 212 sa 218 ta' din l-istess Deċiżjoni, fejn hija spjegat b'mod dettaljat it-twettiq ta' l-akkordju mill-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-prezz ta' l-aċidu, tal-kwoti u tal-mekkaniżmi ta' kumpens.

277    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-Deċiżjoni hija suffiċjentement motivata f'dan ir-rigward.

V –  Fuq in-nuqqas li jittieħu in kunsiderazzjoni l-multi imposti fuq Stati oħrajn

A –  L-argumenti tal-partijiet

278    Jungbunzlauer tikkunsidra li, meta rrifjutat li tikkunsidra l-multi diġà imposti fil-kuntest ta' proċeduri li saru fl-Istati Uniti jew fil-Kanada għal ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni ta' dawn il-pajjiżi u li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fid-Deċiżjoni minħabba din iċ-ċirkustanza, il-Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

279    Jungbunzlauer tirrileva illi fil-kuntest ta' proċeduri li saru fl-Istati Uniti, fl-1997 il-grupp Jungbunzlauer wasal, għal tranżazzjoni tal-kawża (Plea Agreement) ma' l-awtoritajiet ta' kompetizzjoni ta' dan il-pajjiż, li fih hija obbligat ruħha li tħallas multa li tegħlet għal USD 11 il-miljun. Skond it-termini ta' din it-tranżazzjoni, l-obbligu ma jirrigwardax biss il-parti tal-ftehim li jikkonċerna is-suq ta' l-Istati Uniti, iżda wkoll il-partijiet ta' l-akkordji li kellhom jiġu mwettqa f'pajjiżi terzi. Fil-fatt, fil-punti 2 u 4(b) ta' din it-tranżazzjoni, l-awtoritajiet Amerikani kkunsidraw, fil-kalkolu tal-multa, il-fatt li dan kien akkordju fuq livell dinji ("l-Istati Uniti u pajjiżi oħra"). Jungbunzlauer iżżid tgħid illi, f'dan il-kuntest, l-awtoritajiet Amerikani kienu, għall-ewwel darba, imponew multa ħafna aktar għolja billi irreferew, b'mod partikolari, għan-natura internazzjonali tal-ftehim. Għalhekk, il-proċedura li saret fl-Istati Uniti tkopri wkoll tal-ftehim kollha u l-atti kollha ta' l-impriżi kkonċernati bil-għan li dawn ta' l-aħħar jitwettqu safejn kienu jikkonċernaw is-suq Ewropew. L-operazzjonijiet deskritti fil-komunikazzjoni ta' lmenti u l-effetti tagħhom fuq is-suq Ewropew huma, għaldaqstant, diġà ppenalizzati b'multa.

280    L-istess, Jungbunzlauer tinvoka l-fatt illi l-awtoritajiet tal-Kanada kompetenti fis-suġġett tal-kompetizzjoni kienu, huma wkoll, bdew proċedura li tista' twassal għall-impożizzjoni ta' multa skond id-dritt dwar l-akkordji abbażi ta' l-istess ftehim. Fi tranżazzjoni tal-kawża (Plea Agreement) li saret fl-1998, il-grupp Jungbunzlauer kellu jaċċetta li jħallas multa ta' 2 miljun dollaru Kandiż (CAD) (jiġifieri EUR 1.2 miljun) sabiex tintemm il-proċedura miftuħa mill-awtoritajiet Kanadiżi abbażi ta' l-istess ftehim.

281    F'dan il-kuntest, Jungbunzlauer tammetti, qabel kollox, li l-prinċipju ne bis in idem ma japplikax bħala tali f'dan il-każ, peress li l-kwistjoni tirrigwarda relazzjonijiet bejn dispożizzjonijiet Komuitarji u nazzjonali. Madankollu, skond Jungbunzlauer, bis-saħħa tal-prinċipju ġenerali ta' ekwità, rikonoxxut bħala tali mill-Qorti Komunitarja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1969, Wilhelm et, 14/68, Ġabra p. 1, punt 11, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Sotralentz vs Il-Kummissjoni, T-149/89, Ġabra p. II-1127, punt 29), il-Kummissjoni kellha, f'dan il-każ, tieħu in kunsiderazzjoni l-idea li sservi ta' bażi għall-prinċipju ne bis in idem. Jungbunzlauer tenfasizza illi, din il-kawża tirrigwarda suq dinji li fuqu l-ftehim ta' l-akkordji kellhom effetti internazzjonali u li l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti u tal-Kanada kienu imponew multi għall-istess fatti bħall-Kummissjoni. B'hekk, fl-opinjoni tagħha, penali imposta mill-awtoritajiet ta' Stat terz għandha tinfluwenza l-kalkolu tal-multa tal-Kummissjoni, ta' l-inqas meta din u l-awtoritajiet ta' l-Istat terz in kwistjoni jkunu kkunsidraw l-istess fatti. Fil-kotba speċjalizzati, dan il-kunċett huwa aċċettat minn diversi awturi, inkluż fosthom persuni li qabel kienu uffiċjali tal-Kummissjoni. Aktar minn hekk, skond Jungbunzlauer, fis-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 1972, Boehringer vs Il-Kummissjoni (7/72, Ġabra p. 1281, punt 3), il-Qorti tal-Ġustizzja ħasbet għall-fatt li tieħu in kunsiderazzjoni l-multi imposti fl-Istati terzi meta l-fatti li jkunu akkużati bihom ikunu identiċi. F'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset illi, meta jiġi ffissat l-ammont tal-multi, ma kienx hemm bżonn li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-multi li kienu diġà imposti minn pajjiż ieħor għal raġuni waħda u unika, li l-fatti ma kinux identiċi. Dan juri li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss meta l-fatti jkunu identiċi.

282    Wara dan, Jungbunzlauer issostni li ħafna mill-għanijiet segwiti għall-impożizzjoni ta' multa, fosthom, b'mod partikolari, il-prevenzjoni u kontroll ta' l-arrikkiment, kienu diġà ġew milħuqa mill-fatt li ġew imposti penali fil-pajjiż terz. F'dan il-kuntest, Jungbunzlauer tinsisti b'mod partikolari fuq il-fatt illi, fil-kuntest ta' proċeduri ripressivi kemm fl-Istati Uniti u kif ukoll fil-Kanada, hija kienet, minħabba r-riżorsi limitati li kienet tiddisponi minnhom, awtorizzata li tħallas il-multa fi ħlasijiet bin-nifs mifruxa fuq diversi snin. Il-grupp Jungbunzlauer kien, għalhekk, diġà ra l-kapaċità ekonomika tiegħu effettwata bil-kbir mill-multi kunsiderevoli li ġew imposti fuqu fl-Istati Uniti u fil-Kanada. Konsegwentement, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-multi diġà imposti huwa obbligatorju anke mill-aspett ta' l-għanijiet ta' l-impożizzjoni ta' multa.

283    Fl-aħħarnett, skond Jungbunzlauer, il-Kummissjoni tagħmel żball meta ssostni li l-Istati Uniti u l-Kanada mhumiex kompetenti sabiex jimponu multi għal restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni fuq it-territorju tal-Komunità meta jirriżulta mit-test tat-tranżazzjoni konkluża ma' l-awtoritajiet Amerikani li dawn mhumiex limitati għal effetti fuq is-suq ta' dak il-pajjiż.

284    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

285    Għandu jitfakkar illi l-prinċipju ne bis in idem jipprojbixxi li l-istess persuna tiġi ppenalizzata aktar minn darba għall-istess aġir illegali sabiex jiġi mħares l-istess interess legali. L-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-istess fatti identiċi, l-istess persuna li tikser il-liġi, u l-istess interess legali protett (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 132 supra, punt 338).

286    Il-ġurisprudenza Komunitarju ukoll aċċettat li impriża tista' validament tkun s-suġġett ta' żewġ proċeduri paralleli għall-istess aġir illegali u għalhekk tkun suġġetta għal penali distinti, waħda mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru in kwistjoni u l-oħra Komunitarja, safejn l-imsemmija proċeduri jsegwu għanijiet distinti u r-regoli miksura ma jkunux identiċi (sentenza Wilhelm et, punt 281 supra, punt 11; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, T-141/89, Ġabra p. II-791, punt 191, u Sotralentz, punt 281 supra, punt 29).

287    Isegwi illi l-prinċipju ne bis in idem ma jistax, aktar u aktar, jiġi applikat f'każ bħal dak preżenti fejn il-proċeduri li saru u l-penali imposti mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi, min-naħa l-oħra, ma jsegwux, skond il-provi, l-istess għanijiet. Fil-fatt, jekk fl-ewwel każ, l-għan huwa li tiġi ppreżervata kompetizzjoni mhux distorta fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea jew fiż-ŻEE, il-protezzjoni mfittxija fit-tieni każ tikkonċerna s-suq Amerikan jew Kanadiż (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 252 supra, punt 134, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). Il-kundizzjoni ta' l-istess interess legali identiku protett, neċessarja sabiex jista' jiġi applikat il-prinċipju ne bis in idem, hija għalhekk nieqsa.

288    Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-prinċipju ne bis in idem ma japplikax f'dan il-każ. Dan jorbot ma' l-evalwazzjoni ta' Jungbunzlauer imsemmija fil-punt 281 aktar 'il fuq.

289    Madankollu, Jungbunzlauer tqis illi, minkejja n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni, waqt li tistabbilixxi l-multa, il-multi imposti mill-awtortaijiet Amerikani u Kanadiżi, li kkunsidraw l-istess fatti. Skond Jungbunzlauer, eżiġenza bħal din tirriżulta kemm mill-prinċipju ta' ekwità kif ukoll mit-twettiq ta' l-għanijiet ta' multa li huma l-dissważjoni u t-tneħħija ta' l-arrikkiment.

290    Rigward il-prinċipju ta' ekwità, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar illi l-possibbiltà li jinġabru numru ta' penali, waħda Komunitarja, l-oħra nazzjonali, wara żewġ proċeduri paralleli li l-ammissibbiltà tagħhom tirriżulta mis-sistema particolari tat-tqassim ta' kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri fir-rigward ta' l-akkordji peress li jsegwu għanijiet distinti, hija suġġetta għall-eżiġenza ta' ekwità. Din l-eżiġenza ta' ekwità timplika, illi, meta tiffissa l-ammont tal-multi, il- Kummissjoni hija obbligata li tikkunsidra l-penali li tkun diġà ġarrbet l-ewwel impriża għall-istess fatt, meta jirrigwardaw penali imposti għal ksur tad-dritt dwar l-akkordji ta' Stat Membru u, konsegwentement, kommess fit-territorju Komunitarju (sentenzi Wilhelm et, punt 281 supra, punt 11, Tréfileurope vs Il-Kummissjoni, punt 286 supra, punt 191, u Sotralentz, punt 281 supra, punt 29).

291    Madankollu, l-obbligu, skond din il-ġurisprudenza, li tittieħed in kunsiderazzjoni l-eżiġenza ta' ekwità tirriżulta, minn naħa, mill-interdipendenza mill-qrib tas-swieq nazzjonali ta' l-Istati Membri u tas-suq komuni u, minn naħa l-oħra, mis-sistema partikolari tat-tqassim ta' kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri fir-rigward ta' l-akkordji fuq l-istess territorju.

292    Madankollu, f'dan il-każ, dawn l-elementi huma nieqsa u għalhekk, abbażi ta' dan, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li m'għarfitx dan l-obbligu.

293    Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mis-sentenza Boehringer vs Il-Kummissjoni, punt 281 supra, invokata minn Jungbunzlauer. Fil-fatt, f'din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx illi l-Kummissjoni kellha tattribwixxi penali imposta mill-awtoritajiet ta' Stat terz fil-każ li l-fatti stabbiliti kontra din l-impriża mill-Kummissjoni u mill-imsemmija awtoritajiet ikunu identiċi, iżda illimitat ruħha li tindika li din il-kwistjoni kellha tkun deċiża meta tqum (sentenza Boehringervs Il-Kummissjoni, punt 281 supra, punt 3).

294    F'dan il-każ, għalkemm għandu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta' ekwità jġiegħel lill-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-penali imposti mill-awtortijiet ta' Stati terzi meta l-fatti stabbiliti kontra impriża mill-Kummissjoni jkunu identiċi għal dawk stabbiliti minn awtorità ta' stat terz fil-konfront ta' din l-istess impriża, għandu jiġi kkonstatat illi Jungbunzlauer baqgħet ma urietx li l-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi kienu kkunsidraw l-applikazzjonijiet jew l-effetti ta' l-akkordju apparti dawk li jikkonċernaw it-territorju tagħhom rispettiv.

295    Fil-fatt, is-sempliċi referenza, fit-tranżazzjoni konkluża ma' l-awtoritaijiet Amerikani, għall-fatt li l-akkordju kien jolqot "l-Istati Uniti u pajjiżi oħra" ma jurix illi, meta sar il-kalkolu ta' l-ammont tal-multa, l-awtoritajiet Amerikani kienu ikkunsidraw l-applikazzjoni jew l-effetti ta' l-akkordju apparti dawk li jikkonċernaw it-territorju Amerikan, b'mod partikolari fiż-ŻEE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 252 supra, punt 143). Din l-applikazzjoni tkun ukoll tista' tidħol fuq il-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni.

296    Bl-istess mod, għal dak li jikkonċerna t-tranżazzjoni konkluża ma' l-awtoritajiet Kanadiżi, Jungbunzlauer baqgħet ma ressqitx prova tal-fatt illi, waqt l-istabbiliment ta' l-ammont tal-multa, dawn l-awtoritajiet kienu qed jikkunsidraw applikazzjonijiet jew effetti ta' dan l-akkordju apparti dawk li jikkonċernaw it-territorju Kanadiż, u b'mod partikolari fiż-ŻEE.

297    Rigward l-effett dissważiv tal-multi diġa imposti u t-tneħħija ta' l-arrikkiment minħabba l-multi diġà imposti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar illi l-poter tal-Kummissjoni li timponi multi fuq impriżi li, deliberatament jew b'negliġenza, jikkommettu ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) KE, jew ta' l-Artikolu 82 KE, jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi attribwiti lill-Kummissjoni sabiex tkun tista' twettaq il-missjoni tagħha ta' sorveljanza li jagħtiha d-dritt Komunitarju. Din il-missjoni għandha d-dmir li ssegwi politika ġenerali intiża li tapplika fis-suġġett tal-kompetizzjoni l-prinċipji ffissati mit-Trattat u li tiggwida l-aġir ta' l-impriżi f'dan is-sens (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 199 supra, punt 105).

298    Minn dan isegwi illi l-Kummissjoni għandha l-poter li tiddeċiedi l-livell ta' l-ammont tal-multi sabiex issaħħaħ l-effett tagħhom dissważiv meta l-ksur ta' tip partikolari jkun għadu relattivament frekwenti, għalkemm l-illegalità tagħhom tkun ġiet stabbilita fil-bidu tal-politika Komunitarja fis-suġġett tal-kompetizzjoni, minħabba l-profitt li xi uħud mill-impriżi interessati jistgħu jagħmlu (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 199 supra, punt 108).

299    Jungbunzlauer ma tistax validament issostni li tneħħija ta' l-arrikkiment ta' l-impriża minħabba l-multi diġà imposti tiġġustifika neċessarjament tnaqqis tal-multa imposta fuq il-livell Komunitarju, peress li huwa kkunsidrat li l-Kummissjoni għandha tiggarantixxi l-effett dissważiv tal-multi imposti.

300    Barra dan, Jungbunzlauer ma tistax validament issostni li ma kien hemm ebda dissważjoni fir-rigward tagħha għaliex hija kienet diġà ġiet ikkundannata għall-istess fatti minn qrati ta' Stati terzi. Fil-fatt, l-għan ta' dissważjoni intiż mill-Kummissjoni affettwa l-kondotta ta' impriżi fi ħdan il-Komunità jew fiż-ŻEE. Konsegwentement, il-karattru dissważiv ta' multa imposta lil Jungbunzlauer, minħabba l-ksur tagħha tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarja, ma jistax jiġi stabbilit la skond is-sitwazzjoni partikolari ta' Jungbunzlauer biss u lanqas skond il-ħarsien minnha tar-regoli ta' kompetizzjoni ffissati fl-Istati terzi barra miż-ŻEE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 252, punti 146 u 147).

301    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-multi imposti fi Stati oħrajn, għandu jiġi miċħud.

VI –  Fuq il-limitu massimu ta' l-ammont tal-multi previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

A –  Daħla

302    Jungbunzlauer tirrileva illi, fil-premessa 293 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni naqqset il-limitu massimu ta' l-ammont tal-multi għal Cerestar u H & R sabiex jiġi mħares il-limitu massimu tal-multi previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Jungbunzlauer tqis illi, f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkommettiet żbalji ta' evalwazzjoni kif ukoll ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

303    Jungbunzlauer tippreżenta l-motivi tagħha fi tliet partijiet, ibbażati fuq dak illi, fil-kalkolu li jirrigwarda l-limitu ta' l-ammont tal-multi previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni, l-ewwelnett, irrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni l-multi imposti fil-kuntest tal-kawża magħrufa bħala "Glukonat tas-sodju", it-tieninett, hija ħadet in kunsiderazzjoni id-dħul mill-bejgħ ta' Jungbunzlauer Holding AG u, t-tieletnett, ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-multi imposti fi Stati oħrajn.

B –  Fuq ir-rifjuut li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-multi imposti fil-kuntest tal-kawża magħrufa bħala " Glukontat tas-sodju"

1.     L-argumenti tal-partijiet

304    Jungbunzlauer tikkunsidra illi l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 peress illi ma ħaditx in kunsiderazzjoni, għall-ħarsien tal-limitu massimu ta' l-ammont tal-multi previst minn din id-dispożizzjoni, il-multa li hija diġà imponiet fuqha madwar xahrejn qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni fil-kuntest tal-kawża "Glukonat tas-sodju". Hija tenfasizza l-fatt, illi, kieku l-Kummissjoni kienet żiedet flimkien dawn iż-żewġ multi, l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta' l-ammont tal-multi previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kellu jirrikjedi tnaqqis tal-multa imposta.

305    Skond Jungbunzlauer, il-Kummissjoni firdet artifiċjalment dawn iż-żewġ kawżi. Fil-fatt, skond Jungbunzlauer, l-aċidu ċitriku u l-glukonat tas-sodju jikkostitwixxu prodotti relatati flimkien u li jappartjenu għall-istess familja ta' prodotti, peress li l-materja prima hija l-istess għaż-żewġ prodotti, l-proċess ta' produzzjoni huwa, fil-biċċa l-kbira, identiċi, iż-żewġ prodotti huma, fil-biċċa l-kbira, mixtrija mill-istess linji ta' distribuzzjoni u ix-xerrejja ta' l-aċidu ċitriku kif ukoll tal-glukonat tas-sodju huma l-istess.

306    Il-fatt illi teżisti differenza bejn iċ-ċirki ta' parteċipanti fiż-żewġ kawżi mhuwiex konvinċenti, peress li l-għaqda taż-żewġ sitwazzjonijiet ta' fatt ma tkunx tiddependi mid-deċiżjoni individwali ta' impriża li tipproduċi jew ma tipproduċix prodott partikolari. Barra dan, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, paragun bejn il-perijodi ta' ksur fiż-żewġ kawżi jiffavorixxi l-adozzjoni ta' deċiżjoni waħda għaż-żewġ kawżi. Jungbunzlauer iżżid tgħid illi l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Uniti u tal-Kanada, in kwantu għalihom, għaqqdu dawn iż-żewġ kawżi fil-kuntest ta' proċedura unika u imponew multa waħda għall-ksur relatat maż-żewġ prodotti. Fl-aħħarnett, Jungbunzlauer tikkunsidra li d-Deċiżjoni deċiżjoni "Vitamini", li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni ttrattat tmien akkordji flimkien, f'deċiżjoni waħda, turi li għaqda proċedurali ta' l-ilmenti li jaqgħu taħt id-dritt dwar l-akkordji jikkorrispondi għal prattika kurrenti.

307    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

308    Skond l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista' timponi fuq l-impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi multi li jistgħu jitilgħu għal sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub matul is-sena tan-negozju ta' qabel minn kull waħda mill-impriżi li jkunu ħadu sehem fil-ksur.

309    F'dan il-każ, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li firdet artifiċjalment din il-kawża minn dik li tat lok għad-deċiżjoni "Glukonat tas-sodju".

310    Madankollu, minn diversi premessi tad-Deċiżjoni "Glukonat tas-sodju" jirriżulta li fl-2001, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti żewġ multi, peress li hija kienet kisret ir-regoli ta' kompetizzjoni meta pparteċipat f'żewġ akkordji li kienu jirrigwardaw żewġ prodotti differenti li, għalkemm simili fir-rigward ta' uħud mill-applikazzjonijiet tagħhom, kienu jikkostitwixxu żewġ swieq in kwistjoni distinti. Fil-fatt, kif ukoll jirriżulta mill-premessi 34 sa 39 tad-Deċiżjoni "Glukonat tas-sodju", l-aċidu ċitriku ma jikkostitwixxix prodott ta' sostituzzjoni ġenerali, iżda huwa biss sostitut parzjali tal-glukożju tas-sodju, skond il-qasam ta' applikazzjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis illi din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex żbaljata u illi, għalhekk, f'din is-sitwazzjoni, huwa għal raġunijiet oġġettivi – u mhux artifiċjali, kif tistqarr ir-rikorrenti – illi l-Kummissjoni tat bidu għal żewġ proċeduri distinti, ikkonstatat żewġ ksur distinti u imponiet, b'mod indipendenti, żewġ multi distinti relattivi għaż-żewġ ksur.

311    Minn dan il-lat, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma aġixxietx b'mod differenti meta mqabbel mal-kawża "Vitamini". Fil-fatt, anke jekk, f'din l-aħħar kawża, il-Kummissjoni kienet għaqqdet il-proċeduri dwar l-akkordji fuq is-suq tal-vitamini u kienet adottat deċiżjoni waħda, jibqa' l-fatt li hija kienet ikkonstatat ksur distint għal kull waħda mill-vitamini kkonċernati u kienet ippenalizzat l-impriżi kkonċernati bl-impożizzjoni ta' tmien multi awtonomi.

312    Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat illi, fost il-ħames produtturi ta' aċidu ċitriku li kienu destinatarji tad-Deċiżjoni, tnejn biss kienu ħadu sehem fl-akkordju fis-settur tal-glukonat tas-sodju, jiġifieri r-rikorrenti u ADM. Barra dan, l-akkordju fis-settur tal-glukonat tas-sodju kien jeżisti mill-1987 sa Ġunju 1995, filwaqt li dak li kien jirrigwarda l-qasam ta' l-aċidu ċitriku dam biss minn Marzu 1991 sa Mejju/Ġunju 1995, u l-membri ta' dawn iż-żewġ akkordji ma kellhom la proġett u lanqas għan komuni tat-tneħħija koordinata u globali tal-kompetizzjoni fuq iż-żewġt iswieq in kwistjoni.

313    Fl-aħħarnett, il-fatt, irrilevat mir-rikorrenti, illi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' l-Istati Uniti u tal-Kanada kienu għaqqdu dawn iż-żewġ kawżi dwar l-aċidu ċitriku, minn naħa, u dwar il-glukonat tas-sodju, min-naħa l-oħra, mhuwiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-metodu adottat mill-Kummissjoni f'dak li jikkonċerna l-limitu previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

314    Konsegwentement, l-ewwel parti ta' dan il-motiv, ibbażata fuq rifjut li jiġu kkunsidrati l-multi imposti fid-Deċiżjoni "Glukonat tas-sodju" f'dak li jikkonċerna l-limitu previst fl-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17, għandha tiġi miċħuda.

C –  Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta' Jungbunzlauer Holding AG

1.     Daħla

315    Għal dak li jikkonċerna t-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta' Jungbunzlauer Holding AG, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi bbażati fuq ksur, l-ewwelnett, tal-prinċipju ta' trattament ugwali, it-tieninett, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni u, t-tieletnett, ta' żball ta' evalwazzjoni.

2.     Fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

 L-argumenti tal-partijiet

316    Jungbunzlauer issostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali meta ikkunsidrat, għall-ħarsien tal-limitu massimu ta' l-ammont tal-multi previsti fl-Artikolu 15(2), tar- Regolament Nru 17, tal-dħul mill-bejgħ tal-grupp Jungbunzlauer għalkemm, f'dak li jikkonċerna iż-żewġ partijiet l-oħrajn, hija ma kkunsidratx il-dħul mill-bejgħ miksub mill-kumpanniji prinċipali ta' dawn u lanqas is-sehem li kellhom dawn ta' l-aħħar.

317    Jungbunzlauer tenfasizza li hija ma tikkontestax il-mertu tal-kalkolu applikat mill-Kummissjoni fil-każ ta' H & R u ta' Cerestar, anke jekk, fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni eskludiet il-metodu ta' kalkolu li kienet tapplika sa dakinhar. Fil-fatt, billi tirreferi għad-Deċiżjonijiet "Glukonat tas-sodju" u "Vitamini", Jungbunzlauer tikkunsidra li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni kienet tikkonsisti f'illi jiġi inkluż fil-kalkolu tal-limitu tal-multa skond id-dħul mill-bejgħ globali ta' l-impriżi kkonċernati, previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, id-dħul mill-bejgħ miksub mill-grupp, jiġifieri mill-kumpannija jew kumpanniji prinċipali jew sussidjarji taħt il-kontroll ta' din jew dawn ta' l-aħħar. Jungbunzlauer issostni il l-Kummissjoni kellha tagħtiha l-istess trattament aktar favorevoli.

318    Għal dak li jikkonċerna t-trattament irriżervat għall H & R, Jungbunzlauer tosserva illi mill-premessi 292 u 293 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ibbażat biss ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ miksub mill-ishma ta' H & R u li, minħabba din l-għażla, hija naqqset il-multa minn EUR 122.5 għal EUR 20.31 miljun. Madankollu, skond Jungbunzlauer, kieku l-Kummissjoni kienet applikat din il-prattika fil-passat, hija ma kienx ikollha għalfejn tipproċedi għal dan it-tnaqqis. Fil-fatt, mill-premessi 25 et seq, 50, 183 u 243 tad-Deċiżjoni, Jungbunzlauer tikkonkludi li fl-2000, H & R kienet tappartjeni għall-grupp Bayer li, matul dik is-sena, kienet irrealizzat dħul mill-bejgħ ta' EUR 30.971 miljun.

319    Fir-rigward tat-trattament irriżervat għal Cerestar, Jungbunzlauer tosserva li, mingħajr ma tat raġunijiet speċifiċi, il-Kummissjoni naqqset il-multa minn EUR 4.55 għal EUR 1.75 miljun. F'dan ir-rigward, Jungbunzlauer tiddikjara li tippreżumi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ miksub minn Cerestar, indikat fil-premessa 21 tad-Deċiżjoni. Madankollu, skond Jungbunzlauer, fl-2000, Cerestar kienet tappartjeni għall-grupp Eridania-Béghin-Say illi, waqt l-istess sena, kien kiseb dħul mill-bejgħ ta' EUR 98 053 miljun (premessa 19).

320    Għall-kuntrarju, tfakkar Jungbunzlauer, għal dak li jikkonċernaha, il-Kummissjoni kienet irreferiet għad-dħul mill-bejgħ miksub mill-grupp Jungbunzlauer (premessi 50, 185 u 293 tad-Deċiżjoni). Madankollu, skond Jungbunzlauer, kieku l-Kumissjoni applikat l-istess metodu ta' kalkolu għaliha bħalma kienet applikat għal H & R u għal Cerestar, hija kellha tieħu in kunsiderazzjoni biss id-dħul mill-bejgħ ta' Jungbunzlauer illi, bħala kumpannija li timmaniġġa, ma kinitx kisbet dħul mill-bejgħ kbir ħafna (madwar EUR 3.5 miljun). Dan kien iwassal, b'applikazzjoni tal-limitu massimu ta'10 %, għal tnaqqis kunsiderevoli tal-multa (madwar EUR 0.35 miljun). Jungbunzlauer iżżid tgħid illi, għalkemm il-Kummissjoni kienet irreferiet għad-dħul mill-bejgħ ta' Jungbunzlauer GmbH – fl-2000, Jungbunzlauer GmbH kienet kisbet dħul mill-bejgħ ta' EUR 197.3 miljun biss – li, fl-opinjoni tagħha, kellha tkun id-destinatarju tad-Deċiżjoni, l-ammont definittiv kien jgħaddi minn EUR 29.4 għal EUR 19.73 miljun.

321    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumentazzjoni ta' Jungbunzlauer.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

322    Għandu jitfakkar illi l-prinċipju ta' trattament ugwali jipprekludi illi sitwazzjonijiet simili jkunu trattati b'mod differenti u illi sitwazzjonijiet differenti jkunu trattati b'mod simili, sakemm dan it-trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara sentenza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 88 supra, punt 309, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

323    F'dan il-każ, mill-premessi 30, 34 u 187 tad-Deċiżjoni jirriżulta, mingħajr ma dan kien ikkontestat minn Jungbunzlauer, illi l-ksur ġie kommess mill-impriżi illi, b'mod konsekuttiv, kienu responsabbli mill-amministrazzjoni tal-grupp kollu, jiġifieri Jungbunzlauer GmbH u, wara r-ristrutturazzjoni tal-grupp, Jungbunzlauer. Id-diriġenti tal-grupp Jungbunzlauer kienu ħadu sehem fil-laqgħat ta' l-akkordju u kienu ħadu d-deċiżjonijiet relatati mas-sehem tal-grupp fl-akkordju u ma' l-aġir tiegħu fi ħdan l-akkordju.

324    Min-naħa l-oħra, Jungbunzlauer ma tipprovax turi li s-sitwazzjoni taż-żewġ kumpanniji, jiġifieri H & R u Cerestar, jixbhu s-sitwazzjoni tagħha. Hija għalhekk baqgħet ma urietx illi f'din il-kawża is-sitwazzjoni li fiha kienu jinsabu dawn iż-żewġ impriżi l-oħrajn tixbah lis-sitwazzjoni tagħha.

325    Għalhekk, il-motiv bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

326    Jungbunzlauer takkuża lill-Kummissjoni li ma pprovdietx elementi suffiċjenti fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom hija ma naqqsitx il-multa tagħha b'applikazzjoni tal-limitu massimu previst fl-Artikolu 15(2) tar- Regolament Nru 17. Fil-fatt, skond hi, kien biss fil-kuntest tar-risposta tagħha li l-Kummissjoni tat spjegazzjoni dwar it-trattament differenti bejn Jungbunzlauer u H & R u Cerestar.

327    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

328    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva illi, fil-premessi 30 sa 34, 187 u 188 il-Kummissjoni tat ir-raġunijiet li għalihom hija attribwiet il-ksur lil Jungbunzlauer bħal impriża li timmaniġġa l-grupp. Qari sħiħ tal-premessi tad-Deċiżjoni jippermetti għalhekk mingħajr diffikultajiet li jiġu mifhuma r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta' dak li għamlet fil-każ ta' H & R u ta' Cerestar, ma naqqsitx l-ammont tal-multa b'applikazzjoni tal-limitu massimu ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Hija ma kienet bl-ebda mod obbligata li tispjega dawn ir-raġunijiet għal darba oħra fil-parti tad-Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan il-limitu massimu.

329    Konsegwentement, il-motiv bbażat fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandu ukoll jiġi miċħud.

4.     Fuq l-eżistenza ta' żball ta' evalwazzjoni bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidra l-multi imposti fi Stati oħrajn.

330    Jungbunzlauer issostni illi, sabiex jiġi kkalkolat il-limitu massimu tal-multi skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammont tal-multi impost fuq il-grupp Jungbunzlauer fl-Istati u fil-Kanada (EUR 10.9 miljun) għandu jiġi mgħadud ma' dak impost mill-Kummissjoni (EUR 29.4 miljun, qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni). Ikun hemm għalhekk ammont totali ta' EUR 40.3 miljun, li jgħaddi bil-bosta l-limitu in kwistjoni.

331    Il-Kummissjoni tiċħad din l-argumentazzjoni.

332    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jirriżulta li l-massimu tal-multi iffissat f'dan l-artikolu japplika biss għall-multi imposti mill-Kummissjoni għal ksur kommess fir-rigward tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Din l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 hija ukoll koerenti ma' dak li ġie deċiż fil-punti 285 sa 301 aktar 'il fuq, jiġifieri li l-l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ne bis in idem meta imponiet fuq Jungbunzlauer multa mingħajr ma kkunsidrat il-multa diġà mħallsa minn din ta' l-aħħar fil-kuntest ta' proċeduri li saru f'pajjiżi terzi.

333    Għalhekk, huwa żbaljat li Jungbunzlauer tikkritika lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx il-multi imposti fuq Jungbunzlauer fl-Istati Uniti u l-Kanada għall-kalkolu tal-limitu massimu previst fl-Artikolu 15(2) tar- Regolament Nru 17.

334    Għalhekk, din il-parti tal-motiv u l-motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

VII –  Fuq il-ksur tad-dritt ta' aċċess għall-fajl

A –  L-argumenti tal- partijiet

335    Jungbunzlauer tqis illi l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha ta' aċċess għall-fajl sħiħ meta bbażat id-Deċiżjoni fuq ċerti dokumenti li fir-rigward tagħhom hija qatt ma kienet semgħetha. Minħabba dawn il-vizzji ta' proċedura, skond Jungbunzlauer, id-Deċiżjoni għandha tiġi annullata jew, fi kwalunkwe każ, għandha tiġi annullata l-parti ta' din ta' l-aħħar safejn tirreferi għal dokumenti li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għalihom.

336    Skond Jungbunzlauer, il-Kummissjoni hija obbligata li tagħmel mod li l-fajl kollu ta' l-investigazzjoni jkun aċċessibbli għall-impriżi kkonċernati sabiex dawn ikunu f'pożizzjoni li jiddefendu ruħhom b'mod xieraq kontra l-akkużi li huma magħmula lilhom fil-komuikazzjoni ta' lmenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, punt 54, u s-sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, punt 144). Id-dritt ta' aċċess għall-fajl jeżisti ukoll fir-rigward tar-risposti ta' l-impriżi l-oħrajn kkonċernati għall-komunikazzjoni ta' lmenti (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, punti 384 et seq). Id-dritt ta' aċċess għall-fajl sħiħ jikkonċerna mhux biss id-dokumenti ta' prova kontra l-persuna kkonċernata, iżda ukoll l-elementi ta' prova favoriha. Jekk, skond Jungbunzlauer, wieħed ma jistax jeskludi li d-difiża ta' l-impriżi kkonċernati ġiet affettwata mill-fatt li huma kellhom aċċess inkomplut għad-dokumenti tal-fajl ta' investigazzjoni, id-Deċiżjoni għandha tiġi annullata (sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, punti 156 u wara). Filwaq li tirreferi għall-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni (C‑310/93 P, Ġabra p. I-865, I-987, punti 119 u 120) kif ukoll għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' April 2002, Technische Glaswerke Illmenau vs Il-Kummissjoni (T-198/01 R, Ġabra p. II-2153, punti 85 et seq), Jungbunzlauer tqis illi m'għandhomx isiru eżiġenzi għolja għal dak li jikkonċerna l-prova li l-karattru inkomplut ta' l-aċċess għal-fajl illimita l-possibbilitajiet ta' difiża ta' l-impriża.

337    F'dan il-każ, Jungbunzlauer takkuża lill-Kummissjoni li ma kkomunikatilhiex ir-risposti ta' Cerestar, ta' H & R, ta' HLR u ta' ADM għall-komunikazzjoni ta' lmenti. Jungbunzlauer tirrileva li, fin-noti ta' qiegħ il-paġna nru 113 (premessa 217), nru 118 (premessa 220) u nru 119 (premessa 223) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ċċitat siltiet minn dawn id-dokumenti li kienu jirrigwardaw, b'mod partikolari, l-implementazzjoni effettiva tal-ftehim.

338    Madankollu, l-ewwelnett, dawn id-dokumenti jistgħu jkunu utli għad-difiża tagħha, peress li jsaħħu l-istqarrijiet tagħha.

339    It-tieninett, Jungbunzlauer issostni li, fil-premessa 279 u 281 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni użat bħala prova kontra tagħha xi siltiet mir-risposti ta' H & R u ta' HLR għall-komunikazzjoni ta' lmenti dwar ir-rwol ta' segwaċi ta' Jungbunzlauer GmbH.

340    Jungbunzlauer iżżid tgħid illi, waqt il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni talbet lill-partijiet sabiex jibgħatulha l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposta tagħhom għall-komunikazzjoni ta' lmenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr spejjeż amministrattivi addizzjonali, tagħti lill-partijiet kkonċernati l-aċċess għal dawn id-dokumenti.

341    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

1.     Daħla

342    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma kellhiex aċċess għar-risposti tal-partijiet l-oħra kkonċernati għall-komunikazzjoni ta' lmenti minkejja li, minn naħa, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni użat ċerta informazzjoni li hemm f'dawn ir-risposti bħala elementi kontra r-rikorrenti, u min-naħa l-oħra, ċerta informazzjoni oħra bħala elementi ta' prova favur tagħha.

2.     Fir-rigward ta' l-elementi ta' prova kontriha

343    Jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq is-silta ta' risposta għal komunikazzjoni ta' lmenti jew fuq dokument anness ma' tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta' ksur fi proċedura li għandha bħala suġġett l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE, il-partijiet l-oħra involuti f'din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f'pożizzjoni li jiddikjaraw ruħhom fuq tali element ta' prova. F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-silta in kwistjoni ta' risposta għall-komunikazzjoni ta' lmenti jew għad-dokument anness għal din ir-risposta fil-fatt tikkostitwixxi element ta' prova kontra l-partijiet differenti li ħadu sehem fil-ksur (ara s-sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 141 supra, punt 386, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

344    Huwa obbligu ta' l-impriża kkonċernata li turi li r-riżultat li l-Kummissjoni kienet waslet għalih fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti kieku dokument mhux ikkomunikat li fuqu l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tinkrimina lil din l-impriża, ma kienx jiġi ikkunsidrat bħala mezz ta' prova kontriha (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 132 supra, punti 71 sa 73).

345    F'dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni illi, fil-premessi 279 u 281 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni użat xi siltiet mir-risposti ta' H & R u ta' HLR għall-komunikazzjoni ta' lmenti li jikkonċernaw ir-rwol ta' Jungbunzlauer GmbH fi ħdan l-akkordju fil-konfront tar-rikorrenti.

346    F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstat illi, wara li ġabret fil-qosor l-argumenti tar-rikorrenti dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti li hija qieset li kellha dritt li ssostni skond ir-rwol esklużivament passiv jew ta' segwaċi (premssi 275 sa 278 tad-Deċiżjoni) u qabel ma tat risposta għal dawn l-argumenti (premessi 282 u 284 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni ġabret fil-qosor xi dikjarazzjonijiet magħmula minn H & R u HLR fir-risposti rispettivi tagħhom għall-komunikazzjoni ta' lmenti (premessi 279 sa 281). F'dawn id-dikjarazzjonijiet, dawn il-partijiet, essenzjalment, ikkontestaw illi r-rikorrenti kellha rwol esklużivament passiv jew ta' segwaċi fi ħdan l-akkordju.

347    Madankollu, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-prinċipji msemmija fil-punti 343 u 344 aktar 'il fuq japplikawx għall-analiżi li tirrigwarda, mhux biss l-eżistenza ta' akkordju u s-sehem fih, iżda ukoll l-iffissar ta' l-ammont tal-multi, għandu jiġi osservat, sabiex jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti skond ir-rwol esklużivament passiv jew ta' segwaċi, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tibbaża ruħha esklużivament fuq tagħrif li din il-parti kienet tatha hija stess waqt il-proċedura amminstrattiva.

348    Fil-fatt, fil-premessa 284 tad-Deċiżjoni, in sostenn tal-konklużjoni tagħha, il-Kummissjoni stabbiliet biss il-fatt illi, "mill-1994, din il-kumpannija kienet ħadet l-inkarigu tal-ġbir ta' l-informazzjoni fuq il-bejgħ u li l-[president-direttur ġenerali] tagħha kien ippresieda l-laqgħat ta' l-akkordju juri biżżejjedli kellha rwol attiv li kien imur lilhinn minn dak li kienet tirrikonoxxi". Madankollu, ir-rikorrenti pprovdiet hi stess din l-informazzjoni lill-Kummissjoni kemm fl-ittra tagħha tad-29 ta' April 1999 kif ukoll f'dik tal-21 ta' Mejju 1999.

349    Għaldaqstant, ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha ma kienx ikun differenti jekk ir-risposti ta' H & R u ta' HLR għall-komunikazzjoni ta' lmenti kellhom ikunu mneħħija mill-fajl.

350    Għalhekk, din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

3.     Fir-rigward ta' l-elementi ta' prova favoriha

351    Rigward in-nuqqas ta' komunikazzjoni ta' dokument ta' prova favoriha, l-impriża ikkonċernata għandha tistabbilixxi biss li n-nuqqas ta' dan l-għoti ta' informazzjoni seta' jinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa suffiċjenti li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmi d-dokument favoriha fid-difiża tagħha, fis-sens illi, kieku setgħet tibbaża ruħha fuqu waqt il-proċedura amministrattiva, hija kienet tkun tista' tinvoka elementi li ma kinux jaqblu mal-konklużjonijiet li f'dak l-istadju kienet wasslet għalihom il-Kummissjoni u li għalhekk setgħu jinfluwenzaw, b'xi mod jew ieħor, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din ta' l-aħħar fid-deċiżjoni, ta' l-inqas għal dak li jikkonċerna s-serjetà u t-tul tal-aġir li ġiet akkużata bih, u, għalhekk, il-livell tal-multa. F'dan il-kuntest, il-possibbilità li dokument li ma jkunx ġie mogħti jkun seta' kellu influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistax tkun stabbilita ħlief wara eżami provviżorju ta' ċerti mezzi ta' prova li juru li d-dokumenti mhux mogħtija seta' jkollhom – fir-rigward ta' dawn il-mezzi ta' prova – importanza li ma kellhiex tiġi injorata (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 132 supra, punti 74 sa 76).

352    Ir-rikorrenti tinvoka, l-ewwelnett, illi, fin-nota ta' qiegħ il-paġna nru 113 (premessa 217) tad-Deċiżjoni, irreferiet għall-parti tar-risposta tal-komunikazzjoni ta' lmenti ta' Cerestar li fiha, fir-rigward ta' l-implementazzjoni effettiva ta' l-akkordju, din kienet iddikjarat li kienet irrifjutat li taderixxi għal ċerti ftehim ta' fissazzjoni ta' prezzijiet u, li minn Jannar 1992, dejjem kellha prezzijiet aktar baxxi minn dawk ta' produtturi oħrajn. Skond ir-rikorrenti, dawn id-dikjarazzjonijiet ta' Cerestar setgħu jkunu utli għad-difiza tagħha, peress li dawn isaħħu l-argumentazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta' impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq.

353    Madankollu, is-sempliċi fatt illi Cerestar kienet ressqet, essenzjalment, l-istess argumenti bħar-rikorrenti dwar l-allegat nuqqas ta' ħarsien tar-regoli miftehma ma jistax jikkostitwixxi element ta' prova favoriha.

354    Fl-ewwel lok, għandu fil-fatt jiġi kkonstatat, illi, fil-premessa 218 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kient ċaħdet l-argumentazzjoni ppreżentata minn Cerestar u mir-rikorrenti li kienet ibbażata b'mod partikolari fuq dikjarazzjoni ta' ADM, annessa mal-komunikazzjoni ta' lmenti. Skond din id-dikjarazzjoni ta' ADM, ir-rikorrenti kellha rwol attiv fl-akkordju u kienet ippruvat tikseb ċerta stabbilità fuq is-suq. Barra dan, fil-premessa 219 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni invokat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tgħid li impriża li ssegwi, minkejja l-ftehim mal-konkorrenti tagħha, politika ftit jew wisq indipendenti fuq is-suq tista' sempliċiment tipprova tuża l-akkordju għall-profitt tagħha. Is-sempliċi riferiment għall-ġurisprudenza ma jistax jikkostitwixxix element ta' prova kontriha, peress li din ta' l-aħħar hija, fi kwalunkwe każ, pubblika u aċċessibbli, indipendentement mid-dokumenti tal-fajl amministrattiv partikolari.

355    Fit-tieni lok, is-sempliċi fatt illi ADM u Cerestar invokaw l-istess argumenti bħar-rikorrenti u li waħda minnhom użat aktar riżorsi għad-difiża tagħha mhuwiex biżżejjed sabiex dawn l-argumenti jiġu kkunsidrati bħala "elementi ta' prova favoriha".

356    Minn dan isegwi illi, għalkemm ir-rikorrenti tista' tibbaża ruħha fuq is-silta in kwistjoni tar-risposta għall-komunikazzjoni ta' lmenti ta' Cerestar fil-proċedura amministrattiva, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ma setgħux ikunu influwenzati minnha.

357    It-tieninett, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt illi, fin-noti ta' qiegħ il-paġna nru 118 (premessa 220) u nru 119 (premessa 223) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet, minn naħa, għar-risposta għall-komunikazzjoni ta' lmenti ta' H & R u, min-naħa l-oħra, għal rapport ta' esperti ipprovdut minnn ADM. Skond ir-rikorrrenti, dawn iż-żewġ dokumenti ukoll setgħu jħalluha tapprofondixxi l-argumentazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta' impatt konkret ta' l-akkordju.

358    Madankollu, kif diġà ġie deċiż aktar 'il fuq, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi elementi, fosthom ċerti provi b'dokumenti, u setgħet ġustament tqis, fil-premessa 226 tad-Deċiżjoni, illi, għalkemm l-argumenti ppreżentati f'dawn id-dokumenti kellhom ċertu valur, huma ma jurux in-nuqqas ta' impatt konkret ta' l-akkordju fuq is-suq.

359    Għalhekk, anke jekk ir-rikorrenti setgħet tibbaża ruħha fuq dawn id-dokumenti waqt il-proċedura amministrattiva, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ma setgħux ikunu influwenzati minn dawn id-dokumenti.

360    Fid-dawl ta' dak kollu li ngħad qabel, il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta' aċċess għall-fajl għandu jiġi miċħud.

VIII –  Fuq l-effett tat-tul tal-proċedura amministrattiva fuq l-ammont tal-multa

A –  Daħla

361    Jungbunzlauer tirrileva illi d-Deċiżjoni ma kinitx adottata ħlief wara sitt snin u nofs wara li spiċċa l-ksur. B'mod partikolari, iż-żmien li għadda bejn it-tmiem tal-ksur u l-ftuħ formali tal-proċedura, fit-28 ta' Marzu 2000, kien twil iżżejjed. Skond hi, din iċ-ċirkustanza influwenzat doppjament l-iffissar ta' l-ammont tal-multa.

B –  Fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat id-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriżi kkonċernati fl-2000

1.     L-argumenti tal-partijiet

362    Filwaqt li tirreferi għat-tabella li qegħda fil-premessa 50 tad-Deċiżjoni, Jungbunzlauer tosserva illi, sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tal- kalkolu ta' l-ammont tal-multa, id-daqs ta' l-impriżi kkonċernati u tal-gruppi li fihom dawn ġew imqassma, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-ammont tad-dħul mill-bejgħ fir-rigward tal-perijodu li fih kien jeżisti l-akkordju (1991 sa 1995) iżda ibbażat ruħha, f'dan ir-rigward, fuq id-dħul mill-bejgħ tas-sena 2000. Madankollu, Jungbunzlauer tenfasizza, illi minn meta spiċċa l-ksur fl-1995, id-dħul mill-bejgħ żdied b'mod kunsiderevoli: fl-1995, il-grupp Jungbunzlauer kien kiseb biss 76.3 % tad-dħul mill-bejgħ tiegħu attwali u, mill-1999 sa 2000, id-dħul mill-bejgħ tal-grupp kien żdied bi 13.5 %.

363    Jungbunzlauer issostni li, fil-linji gwida tagħha, il-Kummissjoni indikat illi hija tieħu in kunsiderazzjoni l-"kapaċità ekonomika effettiva ta' l-awtur tal-ksur li joħloq ħsara kbira lill-operaturi l-oħrajn" (ir-raba' paragrafu tal-punt 1 A). F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista' tibbaża ruħha biss fuq id-daqs ta' l-impriżi kkonċernati fil-mument tal-ksur, peress li din l-informazzjoni tkun l-unika waħda li tippermetti li tingħata risposta għal din il-kwistjoni u li l-importanza tad-dħul mill-bejgħ miksub minnhom fi żmien aktar tard ma jkollu ebda valur.

364    Barra dan, il-metodu ta' kalkolu magħżul mill-Kummissjoni jkollu l-effett li jiffavorixxi inġustament l-impriżi li kienu ipprofittaw mill-akkordju u li, wara it-tmiem ta' l-akkordju, kellhom jaffrontaw tnaqqis kunsiderevoli fid-dħul mill-bejgħ tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-impriżi li, bħal Jungbunzlauer, kellhom żieda fid-dħul mill-bejgħ tagħhom minn wara t-tmiem ta' l-akkordju kienu ser ikunu żvantaġġjati inġustament, li jkun riżultat assurd.

365    Huwa żbaljat, tqis Jungbunzlauer, illi l-Kummissjoni tirrispondi għal dan l-argument billi tgħid li, kieku imponitilha multa fi żmien preċedenti, Jungbunzlauer kienet tkun milquta b'mod aktar ħarex mill-multa. Fil-fatt, kieku l-Kummissjoni ħadet id-Deċiżjoni tagħha fi żmien qabel is-sena 2001, il-multa kienet tkun kunsiderevolment inqas għolja.

366    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

367    Għandu jiġi mfakkar illi l-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur huwa intiż sabiex jassigura effett dissważiv tal-multa. Dan l-effett jippermetti li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta' l-impriżi kkonċernati fil-mument fejn il-multa hija imposta.

368    Jekk, għall-grazzja ta' l-argument, kif issostni r-rikorrenti, id-dħul mill-bejgħ globali tal-partijiet ikkonċernati żviluppa bejn it-tmiem ta' l-akkordju u s-sena 2000, ma jfissirx illi, meta applikat il-multi, kif ikkalkolati minn ADM, HLR u H & R, koeffiċjent multiplikatur ta' rispettivament 2 u 2.5, il-Kummissjoni ma kkunsidratx kalkolu preċiż ħafna ibbażat fuq dħul mill-bejgħ, iżda iddikjarat illi teżisti, fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ, differenza ta' grad għoli. Madankollu, ir-rikorrenti ma tallegax illi din id-differenza essenzjali ta' grad għoli kienet setgħet tinbidel bejn l-1995 u l-2000.

369    Għalhekk, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, meta tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriżi kkonċernati fl-2000 sabiex jiġi aġġustat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni la kisret il-linji gwida u lanqas il-prinċipju ta' trattament ugwali.

370    Konsegwentement, il-motivi invokati mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

C –  Fuq il-fatt li l-Kummissjoni ħarrxet il-politika tagħha dwar il-multi

1.     L-argumenti tal-partijiet

371    Jungbunzlauer issostni li, meta adottat id-Deċiżjoni u, b'mod aktar ġenerali, fl-2001, il-Kummissjoni ħarrxet b'mod sostanzjali ħafna l-politika tagħha dwar il-multi. Skond Jungbunzlauer, minħabba t-tul mhux normali tal-proċeduri f'din il-kawża, ġiet imposta fuqha multa li tikkorrispondi għall-prattika ġdida tal-Kummissjoni li hija aktar ħarxa. Min-naħa l-oħra, kieku l-proċedura kellha tiġi magħluqa aktar kmieni, hija kienet tibbenefika mill-prattika deċiżjonali preċedenti li kienet aktar vantaġġjuża għall-impriżi kkonċernati.

372    Jungbunzlauer tqis illi t-tul mhux normali tal-proċedura huwa kkonfermat minn paragun bejn id-deċiżjonijiet "Amino aċidi" u "Vitamines". Fil-fatt, skond Jungbunzlauer, dawn iż-żewġ kawżi oħrajn kienu ttrattati ħafna aktar malajr minn din il-kawża: fil-kawża "Amino aċidi", l-akkordju kien intemm f'nofs is-sena 1995 u d-deċiżjoni ġiet adottata appena ħames snin wara; fil-kawża "Vitamini", l-akkordju kien intemm fir-rebbiegħa ta' l-1999 u d-deċiżjoni ġiet adottata sentejn u disa' xhur wara biss. Għall-kuntrarju, f'din il-kawża, id-Deċiżjoni ġiet adottata sitt snin u nofs wara t-tmiem definittiv tal-ftehim. Dan jerġa' huwa aktar sorprendenti minħabba li, meta mqabbel ma' dawn il-kawżi l-oħrajn, jirriżulta li dan il-każ kien ħafna inqas ikkomplikat, kemm mil-lat tal-mertu kif ukoll minn dak proċedurali.

373    Jungbunzlauer tqis illi, b'mod għal kollox realistiku, il-proċedura f'dan il-każ kellha tispiċċa f'sentejn jew fi tliet snin. Barra dan, hija tikkunsidra li jekk il-proċedura kellha tingħalaq aktar kmieni, minn naħa, il-kriterji stabbiliti kienu jkunu ħafna inqas ħarxa minn dawk li ġew applikati waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni setgħet ukoll tiġi adottata qabel il-pubblikazzjoni tal-linji gwida b'mod li l-metodu antik ta' kalkolu kien ikun applikabbli.

374    Skond Jungbunzlauer, id-differenza fit-tul tat-trattament ta' dawn il-kawżi tista tkun spjegata biss bl-attribuzzjoni ta' livell ta' prijorità differenti għal dawn ta' l-aħħar. Jungbunzlauer ma tikkontestax illi l-Kummissjoni tista' tiffissa prijoritajiet skond l-importanza attribwita lill-kawżi mil-lat tal-politika tal-kompetizzjoni. Madankollu, dan ma jwassalx sabiex impriża, involuta f'kawża ta' prijorità inqas, ikollha tħallas multa ogħla minn dik ta' impriżi oħrajn involuti fil-kawżi ta' prijorità. Barra dan, dan il-mod ta' proċediment ikun kontroproduttiv fir-rigward ta' l-għan dissważiv tal-multi.

375    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

376    Ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, illi kieku l-proċedura ta' investigazzjoni mill-Kummissjoni kellha tiġi magħluqa aktar kmieni, hija kienet tgawdi minn prattika deċiżjonali preċedenti u minn kriterji għad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa ħafna inqas ħarxa. Hija tippreċiża illi d-Deċiżjoni setgħet ukoll tiġi adottata qabel il-pubblikazzjoni tal-linji gwida b'mod li hija setgħet tgawdi mill-metodu l-antik ta' kalkolu ta' l-ammonti tal-multi.

377    F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-fatt illi l-Kummissjoni kienet applikat, fil-passat, multi ta' ċertu livell għal ċerti tipi ta' ksur ma jipprivahiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni. L-applikazzjoni effettiva tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni teżiġi, għall-kuntrarju, illi l-Kummissjoni tkun tista', f'kull ħin, tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta' din il-politika (ara s-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 88 supra, punt 237, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata). Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi l-benefiċċju ta' prattika deċiżjonali preċedenti unikament abbażi tal-motiv li d-deċiżjoni li tikkonċernaha kellha tkun adottata qabel.

378    Barra dan u fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni għad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa fid-Deċiżjoni tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji definiti fil-linji gwida.

379    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar ukoll illi, f'Awwissu 1995, il- Kummissjoni kienet ġiet mgħarrfa mill-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan illi dan ta' l-aħħar għamel investigazzjoni dwar is-suq ta' l-aċidu ċitriku. F'April 1997, il-Kummissjoni kienet ġiet mgħarrfa mill-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan bil-fatt illi r-rikorrenti kienet ħadet sehem f'akkordju fl-Istati Uniti. Fl-aħħarnett, f'Awwissu 1997, il-Kummissjoni kienet bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-akbar erba'produtturi ta' aċidu ċitriku fil-Komunità, fosthom Jungbunzlauer.

380    Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li l-komunikazzjoni ta' informazzjoni biss lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' pajjiżi terzi ma twassalx għal obbligu għal din li tiftaħ investigazzjoni. Fil-fatt, il-missjoni ġenerali ta' sorveljanza fis-suġġett tal-kompetizzjoni mogħtija lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 85 KE ma timplikax li l-Kummissjoni għandha obbligu li tibda proċeduri sabiex jiġi stabbilit l-eventwali ksur tad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P, C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 447 u 448, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑24/90, Ġabra p. II-2223, punt 74). Minn dan isegwi li ma jistax jeżisti obbligu għall-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni abbażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan.

381    Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li tibda proċeduri wara informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' pajjiż terz, il-Kummissjoni tista' madankollu, b'inizjattiva tagħha stess, tibda din il-proċedura wara din l-informazzjoni. B'hekk, f'dan il-każ, il-Kummissjoni bdiet proċedura ftit żmien wara l-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni li kienet tgħid li r-rikorrenti kienet ħadet sehem f'akkordju fl-Isati Uniti. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis illi, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma bdietx l-investigazzjoni tal-kawża qabel ix-xahar ta' Awwissu 1997.

382    Barra dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li r-rikorrenti tqis illi investigazzjoni mill-Kummissjoni ta' sentejn jew tliet snin għal din il-kawża hija għal kollox realistika.

383    Minn dan isegwi li, anke jekk kellu jkun ammess illi, f'dan il-każ, l-investigazzjoni tal-kawża mill-Kummissjoni ma kellhiex iddum aktrar minn tliet snin, kif issostni r-rikorrenti, il-linji gwida ppubblikati fl-14 ta' Jannar 1998 kienu, f'kull probabbilità, meħuda in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multa tar-rikorrenti.

384    Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis illi r-rikorrenti ma wrietx illi, fin-nuqqas tad-dewmien allegat fit-trattament ta' din il-kawża, hija kienet tgawdi minn kriterji li jistabbilixxu l-ammont tal-multa u, għalhekk, minn prattika deċiżjonali, preċedenti għal dik imsemmija fil-linji gwida.

385    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li ġew appplikati għaliha prinċipji u prattika aktar ħarxa għad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa, minħabba allegat dewmien fl-eżami tal-kawża mill-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud.

386    Peress li ebda wieħed mill-motivi fil-konfront tad-Deċiżjoni ma ġew aċċettati, m'hemmx lok li titnaqqas il-multa bis-saħħa tal-poteri ta' ġurisdizzjoni assoluta li huma attribwiti lill-Qorti tal-Prim'Istanza. Għalhekk ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

387    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-konvenuta u mill-intervenjent.

388    Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) ta' l-istess Regoli, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kunsill bħala intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Jungbunzlauer AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk inkorsi mill-Kunsill.

3)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Azizi

Jaeger

Dehousse

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-27 ta' Settembru 2006.

E. Coulon

 

       J. Azizi

Reġistratur

 

      President




Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' legalità

A –  Fuq l-eċċezzjoni ta' illegalità imqajma fir-rigward ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

B –  Fuq l-interpretazzjoni konformi ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru  17

II –  Fuq id-destinatarju tad-deċiżjoni

A –  Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

B –  Fuq il-motiv bbażat fuq żbalji fir-rigward tad-destinatarju tad-Deċiżjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

III –  Fuq is-serjetà tal-ksur

A –  Dwar l-eżistenza ta' impatt konkret ta' l-akkordju fis-suq

1.  Daħla

2.  Fuq l-eżistenza ta' żbalji ta' evalwazzjoni

a)  Għal dak jikkonċerna l-fatt li l-Kummissjoni għażlet metodu żbaljat sabiex turi li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–  Ġabra fil-qosor ta' l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni

–  Kunsiderazzjonijiet

b)  Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta' l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' l-aċidu ċitriku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

B –  Fuq l-aġġustament ta' l-ammont tal-multa skond id-daqs relattiv ta' l-impriżi kkonċernati

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a)  Daħla

b)  Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta' "prinċipju ta' evalwazzjoni individwali tal-multi" u tal-linji gwida

c)  Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

d) Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

IV –  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

A –  Fuq il-ksur tal-linji gwida

1.  Fuq ir-rwol ta' Jungbunzlauer GmbH bħala waħda li ssegwi biss fit-twettiq tal-ksur

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq in-nuqqas ta' applikazzjoni effettiva ta' l-akkordju minn Jungbunzlauer GmbH

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B –  Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

V –  Fuq in-nuqqas li jittieħu in kunsiderazzjoni l-multi imposti fuq Stati oħrajn

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

VI –  Fuq il-limitu massimu ta' l-ammont tal-multi previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

A –  Daħla

B –  Fuq ir-rifjuut li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-multi imposti fil-kuntest tal-kawża magħrufa bħala " Glukontat tas-sodju"

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta' Jungbunzlauer Holding AG

1.  Daħla

2.  Fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

4.  Fuq l-eżistenza ta' żball ta' evalwazzjoni bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidra l-multi imposti fi Stati oħrajn.

VII –  Fuq il-ksur tad-dritt ta' aċċess għall-fajl

A –  L-argumenti tal- partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

1.  Daħla

2.  Fir-rigward ta' l-elementi ta' prova kontriha

3.  Fir-rigward ta' l-elementi ta' prova favoriha

VIII –  Fuq l-effett tat-tul tal-proċedura amministrattiva fuq l-ammont tal-multa

A –  Daħla

B –  Fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat id-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriżi kkonċernati fl-2000

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq il-fatt li l-Kummissjoni ħarrxet il-politika tagħha dwar il-multi

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 – Informazzjoni kunfidenzjali mneħħija.