Language of document : ECLI:EU:T:2006:271

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

27 ta' Settembru 2006 (*)

"Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Ftehim dwar iffissar tal-prezzijiet u metodi ta' fatturazzjoni tas-servizzi ta' kambju ta' muniti – Ġermanja – Provi tal-vjolazzjoni – Oppożizzjoni"

Fil-kawżi magħquda T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP,

Dresdner Bank AG, stabbilit fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentat minn M. Hirsch u W. Bosch, avukati,

Bayerische Hypo- und Vereinsbank AG, li qabel kien jismu Vereins- und Westbank AG, stabbilit fi Munich (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentat minn J. Schulte, M. Ewen u A. Neus, wara minn W. Knapp, T. Müller-Ibold u C. Feddersen, avukati,

Bayerische Hypo- und Vereinsbank AG, stabbilit fi Munich, inizjalment irrappreżentat minn W. Knapp, T. Müller-Ibold u B. Bergmann, wara minn Knapp, Müller-Ibold, u C. Feddersen, avukati,

DVB Bank AG, li qabel kien jismu Deutsche Verkehrsbank AG, stabbilit fi Frankfurt am Main, irrappreżentat minn M. Klusmann u F. Wiemer, avukati,

Commerzbank AG, stabbilit fi Frankfurt am Main, irrappreżentat minn H. Satzky u B. Maassen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Christoforou, A. Nijenhuis u M. Schneider, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-oppożizzjoni mressqa mill-Kummissjoni kontra s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2004, fil-kawżi Dresdner Bank vs Il-Kummissjoni (T‑44/02, li mhijiex ippubblikata fil-Ġabra), Vereins- und Westbank vs Il-Kummissjoni (T‑54/02, li mhijiex ippubblikata fil-Ġabra), Bayerische Hypo- und Vereinsbank vs Il-Kummissjoni (T‑56/02, Ġabra p. II-3495), Deutsche Verkehrsbank vs Il-Kummissjoni (T-60/02, li mhijiex ippubblikata fil-Ġabra), u Commerzbank vs Il-Kummissjoni (T-61/02, li mhijiex ippubblikata fil-Ġabra), mogħtija fil-kontumaċja,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta' Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/25/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura bil-miftuħ skond l-Artikolu 81 KE – [Każ COMP/E-1/37.919 (ex. 37.391) – Spejjeż bankarji għall-konverżjoni ta’ valuti taż-żona ta’ l-Euro – Il-Ġermanja] (ĠU 2003, L 15, p. 1, iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

2        Fost is-servizzi ta’ kambju ta’ valuti, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-konverżjoni ta’ flus bankarji u, min-naħa l-oħra, il-kambju ta’ muniti tal-metall u ta’ flus tal-karta jew "kambju ta' muniti". Dan l-aħħar tip ta’ servizz, li huwa biss hu rilevanti għall-finijiet ta' din il-kawża, jista' jiġi maqsum f’żewġ kategoriji oħra: minn naħa, is-servizzi ta’ kambju ta' muniti fi kwantitajiet kbar li jippermettu lill-banek ibiddlu kwantitajiet kbar ta’ flus tal-karta (iktar ’il quddiem is-"servizzi interbankarji ta’ kambju ta' muniti"), u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ kambju ta' muniti bl-imnut, ipprovduti lill-individwi u li jirrigwardaw ammonti żgħar ta’ flus tal-karta.

3        Qabel id-dħul ta’ l-Euro, ir-rimunerazzjoni tas-servizzi ta’ kambju ta' muniti ma kinitx tagħti lok, ġeneralment, għal fatturazzjoni distinta fil-Ġermanja: il-prezz ta’ dawn is-servizzi kien inkluż fir-rati li bihom l-istabbilimenti ta’ kreditu u l-uffiċċji tal-kambju kienu jixtru u jbiegħu l-valuti lill-klijenti tagħhom. Max-xiri, ir-rata użata kienet inferjuri għar-rata ta’ referenza tas-suq u, mal-bejgħ, kienet superjuri għal din ir-rata (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-differenza meta mqabbla mar-rata ta’ referenza tas-suq hija iktar 'il quddiem imsejħa "differenza fir-rati".

4        Fil-bidu tas-sena 1999, il-Kummissjoni tat bidu għal inkjesta fir-rigward ta’ madwar 150 bank, fosthom ir-rikorrenti, stabbiliti f’seba’ Stati Membri, jiġifieri l-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja. Hija kellha s-suspett li dawn il-banek kienu ftiehmu sabiex jiffissaw, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni inkluż bejn l-1 ta' Jannar 1999, id-data meta ddaħħlet l-Euro bħala munita waħda, u l-1 ta' Jannar 2002, id-data meta bdew jintużaw il-flus kontanti magħrufa bħala Euro (iktar 'il quddiem il-"perijodu ta' tranżizzjoni"), il-prezzijiet tas-servizzi ta' kambju ta’ muniti għall-valuti ta’ ċerti Stati Membri parteċipanti fiż-żona ta' l-Euro. Għalkemm fil-bidu l-inkjesta kienet qed titwettaq b'numru ta' faxxiklu wieħed, il-Kummissjoni kompliet bl-inkjesta tagħha billi fetħet proċedimenti separati fuq l-eżistenza ta’ akkordji fl-Istati Membri kkonċernati.

5        Mit-8 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand tliet assoċjazzjonijiet bankarji Ġermaniżi, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), li jikkonċerna prinċipalment ir-rimunerazzjoni tas-servizzi ta’ kambju ta’ muniti.

6        Fis-16 u s-17 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet fl-uffiċċji rreġistrati tad-Dresdner Bank u tad-Deutsche Bank, fi Frankfurt am Main.

7        Fid-19 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni bagħtet kwistjonarju lil madwar 240 bank fiż-żona ta’ l-Euro, fejn, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, talbithom jgħaddu informazzjoni fuq il-kummissjonijiet tal-kambju li ġew iffatturati qabel u wara d-dħul ta’ l-Euro. Dan il-kwistjonarju ntbagħat lil 42 bank Ġermaniż fosthom id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 22 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fl-20 u fil-21 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet fl-Olanda, fl-uffiċċju rreġistrat tal-GWK Bank (iktar ’il quddiem il-“GWK”) (premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Permezz ta' ittri tat-3 u ta' l-10 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lis-segwenti banek:

–        Commerzbank ;

–        Deutsche Verkehrsbank (DVB) ;

–        Bayerische Hypo- und Vereinsbank (HVB) ;

–        Reisebank ;

–        Dresdner Bank ;

–        Vereins- und Westbank (VUW) ;

–        Bayerische Landesbank Girozentrale ;

–        SEB Bank (li qabel kien jismu BfG) ;

–        Hamburgische Landesbank Girozentrale ;

–        Westdeutsche Landesbank Girozentrale (West LB) ;

–        Landesbank Hessen Thüringen Girozentrale ;

–        GWK u l-kumpanniji prinċipali tagħha Fortis NV, Fortis Services Nederland NV u Fortis Bank Nederland NV.

10      Fl-1 u fit-2 ta’ Frar 2001, l-uffiċjal tas-smigħ sema' lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

11      Fil-11 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

12      Skond id-deċiżjoni kkontestata (premessa 2), il-banek li pparteċipaw fil-laqgħa li seħħet fil-15 ta’ Ottubru 1997, fl-uffiċċji tad-DVB fi Frankfurt am Main (iktar ’il quddiem il-"laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997") ftiehmu sabiex jieħdu kummissjoni ta’ madwar 3% fuq ix-xiri u l-bejgħ ta’ flus tal-karta fiż-żona ta’ l-Euro waqt il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

13      L-inizzjattiva għal din il-laqgħa hija attribwibbli lill-GWK. Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi fil-fatt li, f’laqgħa tad-29 ta’ April 1997, dan il-bank ħajjar lil Reisebank sabiex jibda diskussjonijiet ma’ banek Ġermaniżi oħrajn bl-għan ewlieni li jiżguraw li d-Deustche Bundesbank, bank ċentrali tal-Ġermanja, ma joffrix lill-konsumaturi tiegħu servizzi ta’ kambju ta’ muniti mingħajr ħlas (premessi 60 u 63 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Il-provi dokumentarji ta' din il-vjolazzjoni jinsabu, skond id-deċiżjoni kkontestata (premessa 62), fil-minuti tal-laqgħat u tal-konverżazzjonijiet telefoniċi li nstabu waqt verifiki li saru fl-uffiċċji tal-GWK, b’mod partikolari fil-minuti tal-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 meħuda minn impjegat tal-GWK (iktar 'il quddiem il-"minuti GWK") u minn impjegat tal-Commerzbank (iktar ’il quddiem il-"minuti Commerzbank").

15      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mill-ewwel osservat li l-parteċipanti ftiehmu sabiex jinfurmaw id-Deutsche Bundesbank li, mill-1 ta’ Jannar 1999, huma kienu ser iwettqu “il-kambju ta’ flus tal-karta taż-żona ta’ l-Euro b’rati ta' kambju fissi u li kienu ser jiffatturaw kummissjoni espliċita" (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata), li peress li l-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 ma setgħux jiftiehmu fuq il-prinċipju ta’ tariffa unika, "iffissaw bħala għan komuni li jissostitwixxu d-differenza fir-[rati] b’kummissjonijiet bi persentaġġ, b'tali mod li jkun jista' jiġi rkuprat 90% tal-qliegħ ġenerali mill-attività ta' kambju, li tirrappreżenta kummissjoni globali ta’ madwar 3%". Abbażi tal-minuti Commerzbank, il-Kummissjoni tafferma wkoll li "hemm qbil fuq l-użu ta' rati ta' kambju fissi għall-valuti fiż-żona ta’ l-Euro (jiġifieri, li ma jiġux applikati rati ta' xiri u bejgħ), bi spejjeż li jiġu kkalkulati fil-forma ta’ kummissjoni espressa f’persentaġġ" (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li kemm il-minuti GWK kif ukoll il-minuti Commerzbank isemmu ftehim rigward ir-rimunerazzjoni tas-servizzi ta' kambju fil-forma ta’ kummissjoni espressa f’persentaġġ ta’ l-ammont mibdul. Il-minuti Commerzbank ma jsemmux l-ammont ta’ din il-kummissjoni, għall-kuntrarju tal-minuti GWK, li jsemmu ammont ta’ madwar 3%. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li, waqt is-seduta ta’ l-1 u t-2 ta’ Frar 2001, il-Bayerische Landesbank Girozentrale ddikjara li r-rappreżentant tiegħu fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 kien fakkar li "ċerti rappreżentanti ta’ ċerti banek [kienu] semmew ċifri bejn 2 u 4%", minkejja li dan ta’ l-aħħar ma ftakarx ammont ta’ 3% (premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkunsidrat li "l-banek li pparteċipaw fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 [kienu] ftehmu li jintroduċu kummissjoni globali ta’ madwar 3% (bl-għan li jirkupraw 90% tal-qliegħ tagħhom) wara l-1 ta’ Jannar 1999" u li dan il-ftehim "kellu fl-istess ħin bħala suġġett u bħala effett li jnaqqas il-kompetizzjoni fil-Komunità” (premessi 120 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan il-ftehim ġie konkluż għall-perijodu ta’ tranżizzjoni (premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Commerzbank, id-Dresdner Bank, l-HVB, id-DVB u l-VUW ivvjolaw l-Artikolu 81 KE, "billi pparteċipaw fi ftehim li kellu bħala għan li jiddetermina a) il-metodi ta’ fatturazzjoni ta’ l-ispejjeż għall-operazzjonijiet ta' kambju ta’ flus tal-karta f’muniti taż-żona ta’ l-Euro (jiġifieri kummissjoni espressa f’perċentwali) u b) livell immirat għal dawn l-ispejjeż ta’ madwar 3% (sabiex jiġi rkuprat 90% tal-qligħ li jirriżulta mid-differenza fir-[rati]) matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni".

20      Billi qieset li dan kien jammonta għal vjolazzjoni gravi li kienet ilha titwettaq għal madwar erba’ snin, il-Kummissjoni imponiet is-segwenti multi (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata):

Commerzbank

28 000 000 euros

Dresdner Bank

28 000 000 euros

HVB

28 000 000 euros

DVB

14 000 000 euros

VUW

2 800 000 euros

 Proċedura

21      Permezz ta' diversi rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bejn is-26 ta' Frar u l-1 ta' Marzu 2002, id-Dresdner Bank, il-VUW, l-HVB, id-DVB u l-Commerzbank ippreżentaw individwalment rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata (kawżi T-44/02, T-54/02, T-56/02, T-60/02 u T 61/02).

22      Il-Kummissjoni, wara li ġiet innotifikata b'dawn ir-rikorsi, ma ppreżentatx risposta fit-terminu li ġie mogħti lilha. Permezz ta' ittri ppreżentati fir-Reġistru bejn il-25 ta' Ġunju u t-2 ta' Lulju 2002, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tilqa’ t-talbiet tagħhom, skond l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

23      Permezz ta' sentenzi mogħtija fil-kontumaċja fl-14 ta' Ottubru 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza annullat id-deċiżjoni kkontestata (iktar 'il quddiem is-"sentenzi mogħtija fil-kontumaċja") fir-rigward, rispettivament, ta' kull wieħed mir-rikorrenti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, abbażi tar-rikorsi, li l-Kummissjoni ma rnexxiliex, b'mod suffiċjenti skond il-liġi, tagħti prova ta' l-eżistenza tal-ftehim allegat, kemm fir-rigward ta’ l-iffissar ta’ prezzijiet tas-servizzji ta' kambju ta' muniti kif ukoll fir-rigward tal-metodi ta' fatturazzjoni tagħhom. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat li r-raġunijiet dwar l-ineżattezza tal-konstatazzjonijiet ta' fatt u dwar in-nuqqas ta' karattru probatorju ta' l-indizji użati bħala provi kontra r-rikorrenti kienu fondati, mingħajr ma eżaminat ir-raġunijiet l-oħra tar-rikors.

24      Permezz ta' atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bejn is-27 ta' Novembru u l-4 ta' Diċembru 2004, il-Kummissjoni ressqet oppożizzjoni kontra s-sentenzi mogħtija fil-kontumaċja, skond l-Artikolu 122(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

25      Fl-14 ta' Jannar 2005, il-VUW ingħaqad mal-HVB, li daħal fid-drittijiet tal-VUW fil-kawża T-54/02 OP.

26      Permezz ta' atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza bejn il-11 u l-21 ta' Frar 2005, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-oppożizzjoni, skond l-Artikolu 122(5) tar-Regoli tal-Proċedura.

27      B'digriet tat-12 ta' Lulju 2005, wara li nstemgħu l-partijiet, il-kawżi T-44/02 OP, T-54/02 OP, T-56/02 OP, T-60/02 OP u T-61/02 OP ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

28      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu ċerti mistoqsijiet. Il-partijiet issodisfaw dawn it-talbiet.

29      It-trattazzjoni orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tal-31 ta' Mejju.

 It-talbiet tal-partijiet

30      Fil-kawżi kollha, il-Kummissjoni titlob lil-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla s-sentenzi mogħtija fil-kontumaċja;

–        tiċħad ir-rikorsi fit-totalità tagħhom;

–        tordna li r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedura ta' oppożizzjoni.

31      Fil-kawża T-44/02 OP, id-Dresdner Bank jitlob lil-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad l-oppożizzjoni u żżomm fis-seħħ is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja;

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedura ta' oppożizzjoni.

32      Fil-kawżi T-54/02 OP u T-56/02 OP, l-HVB jitlob lil-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tikkonferma s-sentenzi mogħtija fil-kontumaċja;

–        tiċħad l-oppożizzjonijiet;

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedura ta' oppożizzjoni.

33      Fil-kawża T-60/02 OP, wara li ppreċiża s-sens ta' l-atti tiegħu waqt is-seduta, id-DVB jitlob lil-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad l-oppożizzjoni bħala parzjalment inammissibbli;

–        tiċħad l-oppożizzjoni bħala infondata;

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedura ta' oppożizzjoni.

34      Fil-kawża T-61/02 OP, il-Commerzbank jitlob lil-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad l-oppożizzjoni;

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Fuq il-proċedura ta' oppożizzjoni

35      Il-Kummissjoni, in sostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tas-sentenzi mogħtija fil-kontumaċja, qajmet diversi lmenti kontra l-kundizzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Prim'Istanza eżerċitat l-istħarriġ tagħha, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda r-rekwiżiti fil-qasam ta' ammistrazzjoni tal-prova.

36      Fil-kawżi T-54/02 OP et T-56/02 OP, l-HVB isostni li l-Kummissjoni fehmet ħażin in-natura tal-proċedura ta' oppożizzjoni, billi din m'għandhiex bħala għan li tikkoreġi l-iżbalji ta' dritt li jaffettwaw is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja.

37      Meta ġiet mistiedna tippreċiża l-iskop ta' l-atti tagħha waqt is-seduta, il-Kummissjoni talbet li t-talbiet tagħha għall-annullament tas-sentenzi mogħtija fil-kontumaċja jiġu interpretati bħala intiżi sabiex il-Qorti tal-Prim'istanza tikkunsidra mill-ġdid dawn is-sentenzi fid-dawl tan-noti ta' oppożizzjoni. Wara li semgħet lir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet nota ta' tali spegazzjoni.

38      Peress illi l-Kummissjoni ppreċiżat is-sens tat-talbiet tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija tal-fehma li mhuwiex iktar neċessarju li tiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet tal-HVB dwar l-għan tal-proċedura ta' oppożizzjoni.

39      Barra minn hekk, id-DVB u l-Commerzbank isostnu li l-oppożizzjoni hija parzjalment inammissibbli. Il-Kummissjoni ppruvat testendi s-suġġett tal-kwistjoni billi tagħti risposta għal raġunijiet differenti minn dawk li fuqhom il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet fis-sentenzi mogħtija fil-kontumaċja. Huma jsostnu li l-oppożizzjoni għandha tkun limitata għall-konfutazzjoni tar-raġunijiet analizzati fis-sentenzi mogħtija fil-kontumaċja.

40      Id-DVB u l-Commerzbank jallegaw, minn naħa, li kull raġuni tal-parti kontumaċi li ma tirrispettax dan il-limitu hija tardiva u, għaldaqstant, inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

41      Min-naħa l-oħra, huma jikkunsidraw li l-proċedimenti fil-kontumaċja u ta' oppożizzjoni huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-parti kontumaċi u mhux sabiex jagħtuha "ċans ieħor". F'dan ir-rigward, DVB jippreċiża li, f'każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li tannulla s-sentenza mogħtija fil-kontumaċja, hija jkollha teżamina r-raġunijiet l-oħra tar-rikors mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni l-argumenti tal-parti kontumaċi dwar dawn ir-raġunijiet l-oħra. Kull soluzzjoni oħra tkun qed tagħti vantaġġ lil din ta' l-aħħar billi tagħtiha żmien kunsiderevoli sabiex tipprepara d-difiża tagħha wara li tkun saret taf il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

42      Il-Kummissjoni, waqt is-seduta, ikkontestat din l-interpretazzjoni.

43      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tenfasizza li l-proċedura ta' oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 122(4) tar-Regoli tal-Proċedura għandha bħala għan li tippermetti lill-qorti twettaq eżami ġdid tal-kwistjoni abbażi tal-proċedura tal-kontradittorju, mingħajr ma tkun marbuta bis-soluzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura li tipprovdi l-kuntrarju, il-persuna li topponi hija, bħala regola, ħielsa li targumenta kif trid, mingħajr ma tkun limitata għall-konfutazzjoni tar-raġunijiet tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja.

44      Meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan tal-proċedura ta' oppożizzjoni, il-projbizzjoni li jiġu ppreżentati raġunijiet ġodda matul il-kawża, prevista fl-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ma tistax tiġi interpretata, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu d-DVB u l-Commerzbank, bħala li tipprekludi lill-persuna li topponi milli tippreżenta raġunijiet li setgħet diġà tippreżenta fl-istadju tad-difiża. Kif il-Kummissjoni enfasizzat korrettament, tali interpretazzjoni ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tkun mingħajr sens, għaliex tista' twassal għal falliment proċedurali f'każ li l-oppożizzjoni tkun fondata: il-Qorti tal-Prim'Istanza, filwaqt illi tikkonstata li mhuwiex possibbli li hija tikkonferma s-soluzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja limali fiha ġie deċiż li waħda mir-raġunijiet hija fondata, mhijiex f'pożizzjoni li tiddeċiedi dwar ir-raġunijiet l-oħra tar-rikors, u dan sabiex tiġi rispettata l-proċedura tal-kontradittorju.

45      Għaldaqstant, l-oppożizzjoni hija ammissibbli.

II –  Sunt tar-raġunijiet tar-rikors

46      Ir-rikorrenti jikkontestaw, prinċipalment, l-eżistenza ta' vjolazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE. Huma jinnegaw l-eżistenza ta' ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ta' l-istruttura tal-kummissjonijiet ta' kambju ta' muniti billi jinvokaw diversi żbalji u ineżattezzi materjali li jaffettwaw il-konstatazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Kummissjoni u, b'mod parikolari, l-eżistenza ta' qbil fuq dawn il-punti.

47      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE mhumiex sodisfatti peress illi l-allegat ftehim m'għandux effett antikompetittiv u ma jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

48      Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva. Huma jinvokaw, f'dan ir-rigward, diversi vjolazzjonijiet tad-drittijiet tad-difiża, b'mod partikolari d-dritt li wieħed jinstema'. Huma jsostnu li l-Kummissjoni wettqet investigazzjoni esklużivament biex tinkulphom, bi vjolazzjoni tal-prinċipju ta' l-osservanza tal-preżunzjoni ta' innoċenza.

49      Fil-kawżi T-54/02 OP, T-56/02 OP u T-60/02 OP, l-HVB u d-DVB isostnu li l-Kummissjoni wettqet abbuż ta' poter.

50      Fil-kawża T-56/02 OP, l-HVB jikkontesta l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni kkunsidratu responsabbli għall-aġir tal-VUW.

51      Ir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf il-proċedimenti kontra ċerti destinatarji tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet – b'mod partikolari min instiga l-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 – bħala korrispettiv għall-impenn tagħhom li jnaqqsu l-prezzijiet tagħhom. Minbarra l-fatt li ċerti rikorrenti esprimew dubji inkwantu għall-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta tali deċiżjonijiet, huma jsostnu li l-Kummissjoni aġixxiet b'mod mhux trasparenti, u b'mod arbitrarju u diskriminatorju.

52      Fl-aħħar nett, sussidjarjament, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-multi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom billi jinvokaw diversi vjolazzjonijiet tal-linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3) kif ukoll tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

III –  Fuq l-eżistenza ta' ftehim antikompetittiv

A –  Osservazzjonijiet preliminari

53      Skond ġurisprudenza kostanti, sabiex ikun hemm ftehim, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-impriżi kkonċernati jesprimu l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b'mod speċifiku (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 256, u tas-26 ta' Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-41/96, Ġabra p. II-3383, punt 67; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 112, u tad-29 ta' Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 86).

54      Għal dak li jikkonċerna l-manifestazzjoni formali ta’ l-imsemmija intenzjoni komuni, huwa biżżejjed li stipulazzjoni tkun jirrifletti l-intenzjoni tal-partijiet li jaġixxu fis-suq skond it-termini tagħha (sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 68; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 112, u Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 86).

55      Il-kunċett ta’ ftehim, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, kif ġie interpretat mill-ġurisprudenza, huwa bbażat fuq l-eżistenza ta' qbil bejn mill-inqas żewġ partijiet, u l-forma ta’ kif jiġi manifestat mhijiex importanti sakemm hija l-espressjoni fidila tal-qbil (sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 69).

56      F'din il-kawża, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti rnexxielhomx jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' qbil bejn il-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 dwar l-iffissar ta' l-ammont u l-metodi ta’ fatturazzjoni tal-kummissjonijiet ta' kambju ta' muniti.

B –  Fuq l-amministarzzjoni tal-prova u l-portata ta' l-istħarriġ ġudizzjarju

57      Ir-rikorrenti jsostnu li ebda ftehim fuq il-livell u l-istruttura tal-kummissjonijiet ta' kambju ma ġie konkluż waqt il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997. Huma jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma tatx prova tal-fatti li abbażi tagħhom hija wasslet għall-konklużjoni li twettqet vjolazzjoni.

58      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha, għall-interpretazzjoni ta' deċiżjoni ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE, tieħu in kunsiderazzjoni l-kliem ta' dan iżda wkoll il-kuntest u l-objettivi tiegħu, skond il-prinċipju ta' l-effettività (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Frar 1984, St. Nikolaus Brennerei, 337/82, Ġabra p. 1051, punt 10; tat-30 ta' Lulju 1996, Bosphorus, C-84/95, Ġabra p. I-3953, punt 11, u tat-18 ta' Novembru 1999, Pharos vs Il-Kummissjoni, C-151/98 P, Ġabra p. I-8157, punt 19). Din in-neċessità hija iktar u iktar importanti meta jitqies il-fatt li l-akkordji pprojbiti mill-Artikolu 81 KE ħafna drabi jsiru bil-moħbi, b'tali mod li wieħed l-eżistenza tagħhom tista' tiġi skoperta biss permezz ta' diversi indizji kkunsidrati f'daqqa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 55, u l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Colomer fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, C-338/00 P, Ġabra p. I-9189, I-9193). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tkun daqshekk eżiġenti li titlob li l-provi dokumentarji kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata li jikkostitwixxu l-"prova kkonfutabbli" ta' vjolazzjoni. Il-ġurisprudenza tirrikjedi biss li jiġu ppreżentati provi suffiċjenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, T-337/94, Ġabra p. II-1571, punti 94 u 153). Kull żball manifest huwa eskluż jekk l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Kummissjoni hija iktar plawżibbli minn dik proposta mir-rikorrenti.

59      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar, għal dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta' vjolazzjoni ta' l-Artikolu 81(1)KE, li l-Kummissjoni għandha ġġib l-prova tal-vjolazzjonijiet li hija tikkonstata u għandha tistabbilixxi l-elementi ta' prova li juru, b'mod suffiċjenti skond il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu vjolazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58, u tat-8 ta' Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 86).

60      L-eżistenza ta' dubju f'moħħ l-imħallef għandha tibbenefika l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata vjolazzjoni. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-vjolazzjoni in kwistjoni b'mod suffiċjenti skond il-liġi jekk jibqa' dubju f'moħħ l-imħallef dwar din il-kwistjoni, b'mod partikolari fil-kuntest ta' rikors għall-annullament ta' deċiżjoni li timponi multa.

61      Fil-fatt, f'din l-aħħar sitwazzjoni, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-prinċipju tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza, hekk kif jirriżulta b'mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u skond kif iddikjarat fil-preambolu ta' l-Att Uniku Ewropew u fl-Artikolu 6(2) UE, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-vjolazzjoni in kwistjoni kif ukoll in-natura u l-grad ta' severità tas-sanzjonijiet konnessi magħha, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza japplika b'mod partikolari għall-proċeduri relatati ma' vjolazzjonijiet tar-regoli ta' kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta' multi jew pieni perjodiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punti 175 u 176).

62      Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni ssemmi provi preċiżi u li jaqblu sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-vjolazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova mressqa mill-Kummissjoni m'għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta' kull element tal-vjolazzjoni. Huwa biżżejjed li d-diversi indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw din l-eżiġenza (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "PVC II", T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punti 768 sa 778, b'mod partikolari, il-punt 777, konfermata fuq il-punt rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara appell, fis-sentenza tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 513 sa 523).

64      Meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li huwa magħruf li l-ftehim antikompetittivi huma pprojbiti, mhemmx bżonn li jinħtieġ mill-Kummissjoni li tippreżenta dokumenti li juru b'mod espliċitu li sar kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mhux relatati ma' xulxin li tista' tiddisponi minnhom il-Kummissjoni għandhom, f'kull każ, ikun jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet li jippermettu l-kostruzzjoni mill-ġdid taċ-ċirkustanzi rilevanti.

65      L-eżistenza ta' prattika jew ta' ftehim antikompetittiv tista' għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta' koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati f'daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta' spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta' vjolazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 55 sa 57).

66      Għal dak li jirrigwarda l-portata ta' l-isħarriġ ġudizzjarju, għandha tiġi enfasizzata d-distinzjoni essenzjali li teżisti bejn l-informazzjoni u l-konstatazzjonijiet fattwali, minn naħa, li l-ineżattezza tagħhom tista' tiġi stabbilita mill-qorti fid-dawl ta' l-argumenti u l-elementi ta' prova ppreżentati quddiemha u l-evalwazzjonijiet ekonomiċi, min-naħa l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T-210/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62).

67      Għalkemm mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni, hija għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali ta' l-elementi ta' prova invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk jistgħux jikkorroboraw il-konklużjonijiet dedotti minnhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 39).

C –  Fuq il-ftehim dwar l-ammont tal-kummissjonijiet ta' kambju

1.     L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-rikorrenti jinnegaw kull kollużjoni fuq il-prezz tal-kummissjonijiet ta' kambju ta' muniti bl-imnut waqt il-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 u jikkontestaw il-valur probatorju ta’ l-elementi kkunsidrati f'dan ir-rigward mill-Kummissjoni. Huma jsostnu li l-laqgħa kellha bħala għan li tiċċara ċerti inċertezzi regolamentarji u tekniċi marbuta mad-dħul ta' l-Euro u li jaffettwaw prinċipalment is-servizzi interbankarji ta' kambju ta' muniti. Huma jsostnu wkoll li l-ftehim li ssemmi l-Kummissjoni huwa nieqes minn kull sens. Huwa assurd li banek li jirrappreżentaw biss parti żgħira tas-suq setgħu jippruvaw jikkonkludu ftehim intiż sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet tas-servizzi ta' kambju matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, iktar minn sena qabel il-bidu ta' dan.

69      Il-Kummissjoni tikkunsidra li tat prova ta' l-eżistenza ta' ftehim orizzontali dwar iffissar ta' prezzijiet. Il-banek li pparteċipaw fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 ftiehmu sabiex iġiegħlu l-klijenti tagħhom iħallsu għas-servizzi ta' kambju ta' muniti sabiex jiġi evitat li wħud minnhom joffru tali servizzi mingħajr ħlas. Huma wasslu wkoll għal ftehim fuq il-prinċipju tar-rimunerazzjoni għal dawn is-servizzi, li minnu jirriżultaw iż-żewġ ftehim imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. L-oriġini tal-vjolazzjoni tmur lura għat-theddida li kienet tirriżulta mill-prospettiva li d-Deutsche Bundesbank, id-Deutsche Bank u banek kummerċjali oħrajn joffru lill-pubbliku servizzi ta' kambju ta' muniti mingħajr ħlas. Kien b'reazzjoni għal tali theddida li l-GWK ipprova jipperswadi lill-banek Ġermaniżi sabiex ma jagħżlux il-kambju ta' muniti mingħajr ħlas u, għal dan il-għan, ikkuntattja r-Reisebank (premessi 58 sa 97, u 108 sa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

70      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li l-vjolazzjoni setgħet ukoll tinftihem bħala li tirriżulta mill-kollużjoni ta' tlieta mill-erba' banek universali prinċipali Ġermaniżi sabiex jirreaġixxu għat-theddida rrappreżentata mill-prospettiva li l-kompetitur prinċipali tagħhom, id-Deutsche Bank, joffri s-servizzi ta' kambju ta' muniti mingħajr ħlas matul il-perijodu ta' tranżizzjoni. Meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-piż ekonomiku u l-preminenza ta' dawn l-erba' banek fis-suq Ġermaniż, ftehim bejn id-Dresdner Bank, l-HVB u l-Commerzbank dwar l-esklużjoni tal-gratwità tas-servizzi ta' kambju ta' muniti kien, f'din il-perspettiva, jagħti lill-operaturi l-oħra sinjal sabiex jaġixxu bl-istess mod fis-suq.

71      Għaldaqstant, il-banek waslu għal ftehim fuq il-prinċipju tar-rimunerazzjoni għas-servizzi ta' kambju ta' muniti, li minnu jirriżultaw iż-żewġ ftehim imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ladarba ġie aċċettat il-prinċipju tar-rimunerazzjoni, il-banek kellhom kull interess jiftiehmu wkoll dwar il-metodi ta' fatturazzjoni kif ukoll dwar il-prezz ta' dawn is-servizzi. Il-ftehim dwar il-metodi ta' fatturazzjoni tal-kummissjonijiet ta' kambju ta' muniti u l-iffissar ta' l-ammont tagħhom għandhom għan antikompetittiv. Għaldaqstant, il-ftehim in kwistjoni jaqa' taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni.

72      Minbarra l-provi dokumentarji relatati mad-diskussjonijiet li seħħew waqt il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997, l-eżistenza ta' dan il-ftehim jirriżulta mill-kuntest ġenerali li fih saret din il-laqgħa. Il-Kummissjoni tindika b'mod partikolari li għandha tingħata importanza kbira lill-provi dwar ix-xogħlijiet preparatorji tal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997. Għal dak li jirrigwarda l-kuntest regolamentarju, hija ssostni li l-inċertezzi li setgħu jeżistu kienu jikkonċernaw xi kwistjonijiet tekniċi li nħolqu mid-dħul ta' l-Euro. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn l-inċertezzi ma jista' jiġġustifika akkordju fuq il-livell tal-prezzijiet.

73      Ir-rikorrenti joġġezzjonaw li din it-teorija dwar ftehim dwar il-prinċipju tar-rimunerazzjoni għas-servizzi ta' kambju ma tissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata, iżda ġiet żviluppata għall-ewwel darba mill-Kummissjoni fin-nota ta' oppożizzjoni tagħha u spjegata fis-seduta. Il-Kummissjoni ma tistax tbiddel b'dan il-mod u a posteriori d-deċiżjoni kkontestata. L-HVB (kawżi T-54/02 OP u T-56/02 OP) u d-DVB (kawża T-60/02 OP) isostnu li dan huwa argument ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a)     Fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fuq l-eżistenza ta' vjolazzjoni relatata ma' l-eżistenza ta' ftehim dwar il-prinċipju ta' l-esklużjoni tal-gratwità tas-servizzi ta' kambju ta' muniti.

74      Għandu jiġi ddeterminat jekk, kif tippretendi l-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ssemmix mhux biss ftehim relatat ma' l-iffissar ta' l-ammont tal-kummissjonijiet u mal-metodi ta' fatturazzjoni tagħhom, iżda wkoll ftehim ieħor, subordinat għall-ewwel wieħed, u li l-għan tiegħu huwa li jeskludi bejn il-parteċipanti l-gratwità tas-servizzi ta' kambju ta' muniti matul il-perijodu ta' tranżizzjoni.

75      Skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-vjolazzjoni kkonstatata tikkonsisti fil-parteċipazzjoni tar-rikorrenti "fi ftehim li kellu bħala għan li jiddetermina a) il-metodi ta’ fatturazzjoni ta’ l-ispejjeż għall-operazzjonijiet ta' kambju ta’ flus tal-karta f’muniti taż-żona ta’ l-Euro (jiġifieri kummissjoni espressa f’perċentwali) u b) livell mistenni għal dawn l-ispejjeż ta’ madwar 3% (sabiex jiġi rkuprat 90% tal-qliegħ li jirriżulta mid-differenza fir-[rati]) matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni li jibda fl-1 ta’ Jannar 1999". Għaldaqstant, il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tirreferi għal ftehim dwar il-prinċipju tar-rimunerazzjoni jew b'mod iktar preċiż, dwar il-prinċipju ta' l-esklużjoni tal-gratwità tas-servizzi ta' kambju.

76      Bl-istess mod, ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata ma juru ebda analiżi li tippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni sostniet li ftehim li għandu tali għan jikkostitwixxi vjolazzjoni skond l-Artikolu 81 KE. Madankollu, fl-atti tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li l-fatt li l-ftehim in kwistjoni jammonta għal vjolazzjoni jirriżulta mill-fatt li l-banek li pparteċipaw fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 qablu li jiffatturaw kummissjoni fil-forma ta' persentaġġ, kif jirriżulta b'mod ċar mill-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-premessa tgħid is-segwenti:

"La kien naturali u lanqas loġiku li kull bank jiddeċiedi individwalment li jbiddel id-differenzi fir-rati tiegħu f'kummissjoni espressa fil-forma ta' persentaġġ. Fil-fatt, jidher li d-Deutsche Bank kellu inizjalment l-intenzjoni li jipprovdi servizz mingħajr ħlas. Fi kwalunkwe każ, il-punt mhuwiex li jiġi stabbilit liema kienu l-metodi ta' fatturazzjoni ta' l-ispejjeż l-iktar raġjonevoli fuq il-livell ekonomiku, iżda li jiġi stabbilit jekk kienx hemm jew le ftehim bejn il-banek dwar dawn il-metodi."

77      Għandu jiġi kkonstatat li dawn ir-raġunijiet bl-ebda mod ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li jirreferu għal ftehim dwar il-prinċipju ta' l-esklużjoni tal-gratwità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx, waqt is-seduta, tindika lill-Qorti tal-Prim'Istanza liema kienu r-raġunijiet eventwali tad-deċiżjoni kkontestata in sostenn tat-teorija ta' l-eżistenza ta' tali ftehim. Għaldaqstant, anki jekk wieħed iqis li l-Kummissjoni riedet, b'mod impliċitu, tieħu in kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata t-teorija ta' ftehim dwar l-esklużjoni tal-gratwità, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt hija, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti fir-rigward ta' l-Artikolu 253 KE sabiex id-destinatarji jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u sabiex il-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

78      Il-Kummissjoni ma tistax tbiddel is-suġġett ta' deċiżjoni permezz ta' spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija sussegwentement meta din diġà hija s-suġġett ta' rikors quddiem il-qorti Komunitarja (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, Rendo et vs Il-Kummissjoni, T-16/91, Ġabra p. II-1827, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Għaldaqstant, hija ma tistax tallega l-eżistenza ta' ftehim li jammonta għal vjolazzjoni u li ma kienx espressament imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata u li dwarha r-rikorrenti ma kellhomx l-opportunità li jinstemgħu kif tirrikjedi l-osservanza tad-drittijiet tad-diviża.

80      Barra minn hekk, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tassumi r-rwol tal-Kummissjoni u li teżamina ex officio jekk, f'dan il-każ, jeżistux elementi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ftehim dwar il-prinċipju ta' l-esklużjoni tal-gratwità tas-servizzi ta' kambju ta' muniti.

81      Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq dan il-punt għandhom jiġu respinti.

b)     Fuq il-provi ta' ftehim dwar l-ammont tal-kummissjonijiet ta' kambju

82      Għandhom jiġu eżaminati l-argumenti u l-provi relativi għaċ-ċirkustanzi li fihom żvolġiet il-laqgħa tal-15 ta' Otuubru 1997 qabel ma jiġu eżaminati l-provi diretti tad-diskussjonijiet li seħħew matul din il-laqgħa u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni tal-ftehim in kwistjoni.

 Fuq il-provi relativi għall-kuntest tal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997

–       Fuq l-ishma mis-suq tal-banek li pparteċipaw fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997

83      Id-Dresdner Bank, il-Commerzbank, il-VUW u l-HVB isostnu essenzjalment li, anki jekk jiġi meqjus li l-Kummissjoni tat definizzjoni korretta tas-suq rilevanti, is-sehem mis-suq totali tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 huwa ħafna inqas mill-istima, ta' bejn 70 u 80%, li tidher fil-minuti tal-GWK u li terġa' tissemma' fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata. Fin-nuqqas tas-setgħa ekonomika meħtieġa sabiex jiġi influwenzat is-suq u jintlaħaq ftehim dwar iffissar ta' prezzijiet, huma jsostnu li t-teorija ta' ftehim orizzontali dwar iffissar ta' prezzijiet hija nieqsa minn kull sens.

84      Il-Kummissjoni ssostni li billi l-ftehim in kwistjoni jipprova jilħaq għan antikompetittiv, hija ma kellhiex tanalizza s-sehem mis-suq tar-rikorrenti, u lanqas l-effett ta' dan il-ftehim fuq is-suq. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti rigward is-sehem mis-suq mhuwiex rilevanti.

85      Il-Qorti tal-Prim'Istanza ssostni li l-argumenti dwar l-evalwazzjoni tas-sehem mis-suq jikkonċernaw l-eżistenza ta' ftehim orizzontali dwar iffissar ta' prezzijiet inkwantu n-nuqqas ta' setgħa ekonomika suffiċjenti fis-suq jrendi inqas probbabli tali ftehim. Dawn l-argumenti jikkonċernaw ukoll, b'mod indirett, il-kredibbiltà tal-minuti GWK, ikkontestata mir-rikorrenti u li ser tiġi eżaminata iktar 'il quddiem. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat il-mertu ta' dawn l-argumenti li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala rrilevanti.

86      Fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni adottat, minn naħa, l-istima tas-sehem mis-suq tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997, stmat bejn 70 u 80% (dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, premessa 79) fil-minuti GWK u, min-naħa l-oħra, ikkonstatat abbażi ta' l-inkjesta tagħha, li ħames banek (id-Deutsche Bank, il-Hypo Vereinsbank, id-Dresdner Bank, il-Commerzbank u l-Hamburger Sparkasse) kellhom flimkien 65% tas-suq tas-servizzi ta' kambju. Minħabba l-kontestazzjoni mir-rikorrenti ta' din l-informazzjoni matul il-proċedura amministrattiva, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda stima preċiża tas-sehem mis-suq tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata jew tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997. Madankollu, hija tirreferi, fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-minuti GWK, li jgħidu "il-banek li [assistew għal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 kienu] jirrappreżentaw minn 70 għal 80 % tas-suq Ġermaniż ta' kambju ta' ammonti żgħar".

87      F'dan ir-rigward jidher, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni u r-rikorrenti jaqblu għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni li l-evalwazzjoni tal-volum ta' muniti mibdula fil-Ġermanja fl-1998 inkluża fid-deċiżjoni kkontestata mhijiex eżatta. Minflok 6.8 biljun Euro indikati fid-deċiżjoni kkontestata (nota f'qiegħ il-paġna Nru 7 fil-premessa 14), il-volum totali ta' muniti mibdula kien ta' 13.203 biljun Euro, skond l-istatistiċi tad-Deutsche Bundesbank ta' l-1998. Barra minn hekk, din l-informazzjoni tikkorrispondi għal dik li tinsab fir-rapport ta' l-Istitut Monetarju Ewropew (IME) tat-23 ta' April 1997 imsemmi fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata. Fis-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li interpretat ħażin l-informazzjoni msemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna Nru 7 tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-ineżattezza materjali mhijiex irrilevanti għal din il-kawża, inkwantu hija tikkontribwixxi sabiex tissopravaluta s-setgħa ekonomika fis-suq tal-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997. Din id-differenza hija ħafna iktar evidenti jekk wieħed jirreferi għall-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li għall-muniti ta' ħmistax-il Stat Membru, "il-valur totali tal-flus tal-karta li nbiegħu u li nxtraw fl-1998 kien ta' madwar 2.1 biljun Euro".

88      It-tieni nett, is-sehem totali li għandhom ir-rikorrenti mis-suq tas-servizzi ta' kambju ta' muniti bl-imnut, inklużi l-valuti kollha, fil-Ġermanja (1997) xi drabi huwa valutat mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni għal 4.68% skond il-kriterju tan-numru ta’ aġenziji bankarji, għal 16.46% skond il-kriterju tat-total tal-bilanċ tal-banek u għal 15.24% skond il-kriterju tal-volum tal-muniti mibdula. Għandu jiġi enfasizzat li dawn il-valutazzjonijiet jikkonċernaw biss il-provvista minn stabbilimenti ta’ kreditu u ma jeħdux in kunsiderazzjoni dik minn operaturi oħrajn, b’mod partikolari l-uffiċċji tal-kambju.

89      It-tielet nett, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jaqblu bejniethom meta jikkunsidraw li, b’relazzjoni għall-parteċipanti kollha fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997, ir-rikorrenti jirrappreżentaw parti predominanti ħafna tal-volum ta’ kambju ta’ muniti. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-risposti bil-miktub tagħha għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li s-sehem mis-suq tal-banek l-oħrajn preżenti fil-laqgħa ma kienx sinjifikanti. Waqt is-seduta, il-Commerzbank stma li r-rikorrenti kienu jirrappreżentaw mill-inqas 90% tal-volum mibdul mill-parteċipanti kollha fil-laqgħa. L-ebda waħda mill-partijiet ma tikkontesta tali stima u għalhekk għanda tittieħed in kunsiderazzjoni.

90      Qabel kollox, dawn l-elementi jippermettu li jiġi kkonstatat li l-valutazzjoni tas-sehem mis-suq indikata fil-minuti GWK u msemmija fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata hija ineżatta, għaliex hija teżaġera b’mod ċar is-setgħa ekomomika tal-banek preżenti fil-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 1997 fis-suq rilevanti.

91      Madankollu, din l-ineżattezza mhijiex biżżejjed sabiex tinvalida t-teorija ta’ l-eżistenza ta’ ftehim orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet. Iżda tista' tnaqqas il-kredibbiltà tagħha. Il-fatt li l-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 kienu jirrappreżentaw, l-iktar l-iktar, madwar 17% tal-provvista mill-istabbilimenti ta' kreditu biss jista' jqajjem dubji dwar l-eżistenza ta' ftehim orizzontali dwar iffissar ta' prezzijiet. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi ebda ċirkustanza partikolari li tirrigwarda, per eżempju, l-istruttura tas-suq in kwistjoni, li tkun tista' ttaffi dawn id-dubji.

–       Fuq l-inċertezzi regolamentarji

92      Ir-rikorrenti jsostnu li l-għan tal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 ma kienx li jiġi konkluż ftehim illegali, iżda li jiġi eżaminat l-impatt tal-leġiżlazzjoni dwar il-perijodu ta' tranżizzjoni fuq l-organizzazzjoni ta' servizzi ta' kambju ta' muniti. Huma jsostnu, essenzjalment, li f'dak iż-żmien tliet domandi importanti ma kinux ingħataw risposta definittiva.

93      L-ewwel waħda tikkonċerna l-applikazzjoni tar-rati rrevokabbli ta' konverżjoni fir-rigward ta' l-operazzjonijiet ta' kambju ta' muniti.

94      It-tieni waħda tikkkonċerna l-prinċipju tar-rimunerazzjoni tal-kambju ta' muniti u b'mod iktar partikolari l-kwistjoni jekk ir-regola ta' l-Artikolu 52 tal-protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE (iktar 'il quddiem "l-Istatuti tas-SEBĊ", dwar il-kambju "fuq valur ugwali" mill-banek ċentrali timplikax l-obbligu għall-istabbilimenti bankarji li jbiddlu mingħajr ħlas il-flus kontanti matul il-perijodu ta' tranżizzjoni.

95      It-tielet waħda tikkonċerna l-metodi ta' rimunerazzjoni tal-kambju ta' muniti u tirreferi, b'mod partikolari, għall-konsegwenzi tekniċi tal-fatt li ma tibqax tiġi applikata l-kwotazzjoni tar-rata diretta (1 DEM = x EUR) favur il-kwotazzjoni tar-rata indiretta (1 EUR = y DEM), imposta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta' l-Euro (ĠU L 162, p. 1) u tas-sostituzzjoni tal-kummissjonijiet impliċiti favur il-kummissjonijiet espliċiti, indikati indipendentement mir-rati, b'mod partikolari għall-operazzjonijiet interbankarji. Ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni jekk il-livell ta' kummissjoni kellux ikun l-istess għad-denominazzjonijiet nazzjonali kollha ta' l-Euro jew jinbidel, skond il-provvista u d-domanda ta' kull waħda minnhom.

96      Il-Kummissjoni tosserva, essenzjalment, li ma kienx hemm, fil-15 ta' Ottubru 1997, inċertezzi regolamentarji kbar dwar il-konsegwenzi tal-bidla għall-Euro. Hija ssostni li, mill-1995, "kulħadd kien jaf" li, mill-1 ta' Jannar 1999, ir-rati tal-kambju bejn il-muniti ta' l-Istati Membri parteċipanti kienu ser jiġu sostitwiti minn rati rrevokabbli ta' konverżjoni u li kien ser ikun ipprojbit l-użu tas-sistema ta' differenza fir-rati (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-bidu tas-sena 1997, il-fatt li kien qed jinkwieta lill-industrija kien jekk il-banek setgħux, matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, ikomplu jitolbu r-rimunerazzjoni għas-servizzi ta' kambju ta' muniti għall-valuti ta' l-Istati Membri parteċipanti u, jekk iva, skond liema metodi. L-oriġini tal-vjolazzjoni tmur lura għat-theddida li kienet tirriżulta mill-prospettiva li d-Deutsche Bundesbank, id-Deutsche Bank u banek kummerċjali oħrajn joffru lil pubbliku servizzi ta' kambju ta' muniti mingħajr ħlas. Kien b'reazzjoni għal tali theddida li l-GWK ipprova jipperswadi lill-banek Ġermaniżi sabiex ma jagħżlux il-kambju ta' muniti mingħajr ħlas u, għal dan il-għan, ikkuntattja r-Reisebank (premessi 58 sa 97, u 108 sa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

97      Il-Qorti tal-Prim'Istanza ssostni li, għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-kuntest tal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 kienx, kif isostnu r-rikorrenti, iddominat minn inċertezzi regolamentarji rigward il-konsegwenzi tad-dħul ta' l-Euro fiduċjarja mill-1 ta' Jannar 1999 jew jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-uniċi inċertezzi preżenti kinux ta' natura kummerċjali u kinux jikkkonċernaw it-theddida li kienet tirriżulta mill-prospettiva li d-Deutsche Bank u d-Deutsche Bundesbank joffru servizzi ta' kambju ta' muniti mingħajr ħlas.

98      Huwa paċifiku li, minn mindu seħħ il-Kunsill Ewropew ta' Madrid tal-15 u tas-16 ta' Diċembru 1995 u ċertament minn mindu ġie adottat ir-Regolament Nru 1103/97, fis-17 ta' Ġunju 1997, l-applikazzjoni tar-rati rrevokabbli ta' konverżjoni matul il-perijodu ta' tranżizzjoni ma setgħetx tqajjem ħafna dubji, kif jirriżulta mill-premessi 34 sa 37 u 139 tad-deċiżjoni kkontestata.

99      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li ma kienet teżisti ebda inċertezza oħra dwar il-mod kif il-kambju ta' muniti seta' jiġi effettwat matul dan il-perijodu. Il-konsultazzjonijiet bejn ċerti banek Ġermaniżi u d-Deutsche Bundesbank imsemmija fil-premessi 52 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata juru li kien biss mill-15 ta' Settembru 1997 li d-Deutsche Bundesbank seta' jindika b'mod ċar lill-interlokuturi tagħha li ma kienx ser ikun possibbli li tinżamm is-sistema tad-differenza fir-rati matul il-perijodu ta' tranżizzjoni. Skond id-deċiżjoni kkontestata, huwa f'dan il-kuntest li l-GWK u d-DVB iddeċidew li jorganizzaw laqgħa bejn diversi banek sabiex jikkonsultaw ma' xulxin dwar dan l-iżvilupp (premessi 81 sa 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

100    Barra minn hekk, jidher li, matul is-sena 1997, waħda mid-domandi prinċipali li kellha tiġi kkjarifikata kienet tikkonċerna r-rimunerazzjoni għas-servizzi ta' kambju ta' muniti minħabba diffikultajiet ta' interpretazzjoni ta' l-Artkolu 52 ta' l-istatuti tal-SEBĊ, skond liema "wara l-iffissar b’mod irrevokabbli tar-rati ta’ kambju, il-Kunsill tal-Gvernaturi għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-flus tal-karta denominati f’valuti li għandhom rati ta’ kambju rrevokabbilment fissi jinbidlu fuq valur ugwali mill-banek ċentrali nazzjonali".

101    Fil-15 ta' Mejju 1997, il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha tiġi msejħa laqgħa (round table) sabiex jiġu eżaminati l-aspetti prattiċi tad-dħul ta' l-Euro. Wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni tat lil grupp ta' esperti l-kompitu li jeżamina, b'mod partikolari, jekk u kif il-banek setgħu jitolbu r-rimunerazzjoni għal dawn is-servizzi.

102    Il-konklużjonijiet ta' dan il-grupp ta' esperti ngħataw fl-20 ta' Novembru 1997, jiġifieri wara l-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 (ara d-dokument iċċitat fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, in-nota f'qiegħ il-paġna Nru 56). Skond dawn il-konklużjonijiet, sabiex jinbidlu flus tal-karta fiż-żona ta' l-Euro, l-Artikolu 52 ta' l-istatuti tal-SEBĊ jobbliga lill-banek ċentrali jagħmlu kambju skond ir-rati rrevokabbli ta' konverżjoni ta' flus tal-karta maħruġa fil-valuti ta' Stati Membri partiċipanti oħrajn, iżda ebda dispożizzjoni ma tipprekludi lill-banek kummerċjali milli jiffatturaw dan it-tip ta' servizz. Il-grupp ta' esperti ma ħax in kunsiderazzjoni l-idea li jadotta regoli Komunitarji li jirregolaw ir-rimunerazzjoni ta' operazzjonijiet ta' konverżjoni u s-servizzi ta' kambju ta' muniti. Huwa esprima ruħu favur l-adozzjoni ta' "prinċipji ta' prattika tajba". Il-grupp ta' esperti kkunsidra li tkun ħaġa tajba li tiġi ffavorita t-trasparenza tal-prezzijiet, li tirrikjedi li r-rati rrevokabbli ta' konverżjoni jintużaw għal kull operazzjoni ta' kambju u li kull kummissjoni miġbura tkun identifikata separatament.

103    Wara l-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997, dawn il-konklużjonijiet ġew, essenzjalment, inklużi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/286/KE, tat-23 ta' April 1998, rigward l-ispejjeż bankarji ta' konverżjoni fl-Euro (ĠU L 130, p. 22, iktar 'il quddiem ir-"Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 1998"), li l-Artikolu 3 tagħha jipprovdi li l-banek li jipprattikaw il-kambju ta' muniti matul il-perijodu ta' tranżizzjoni "għandhom jindikaw b'mod ċar l-applikazzjoni tar-rati ta' konverżjoni skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament […] Nru 1103/97 u jippreżentaw separatament kull tip ta' spejjeż li jinġabru eventwalment".

104    Barra minn hekk, jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li ċerti banek, b'mod partikolari r-Reisebank, saru jafu iktar tard b'dawn id-diskussjonijiet rigward is-sitwazzjoni regolamentarja tal-perijodu ta' tranżizzjoni. Jirriżulta wkoll mill-minuti mfassla mill-GWK wara l-laqgħa tiegħu mar-Reisebank tad-29 ta' April 1997 li dan ta' l-aħħar kellu l-impressjoni dak iż-żmien li l-leġiżlazzjoni dwar l-Euro kienet ser taffettwa l-attivitajiet tiegħu biss wara l-perijodu ta' tranżizzjoni, bid-dħul ta' l-Euro fiduċjarja (premessi 63 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

105    B'hekk jidher li r-regoli applikabbli għas-servizzi ta' kambju ta' muniti matul il-perijodu ta' tranżizzjoni ma kinux għadhom definiti strettament fiż-żmien il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 u kienu għadhom jagħtu lok, b'mod partikolari taħt il-patronaġġ tal-Kummissjoni, għal konsultazzjonijiet bejn rappreżentanti tal-banek ċentrali, tas-settur bankarju u ta' l-organizzazzjonijitet ta' konsumaturi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi negat li l-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 saret fil-kuntest ta' inċertezza regolamentarja fejn il-kwistjoni prinċipali kien jekk u kif is-servizzi ta' kambju ta' muniti setgħu jibqgħu jingħataw bi ħlas matul il-perijodu ta' tranżizzjoni.

106    It-theddida li d-Deutsche Bundesbank joffri mingħajr ħlas servizzi ta' kambju ta' muniti tirriżulta direttament mill-Artikolu 52 ta' l-istatuti tas-SEBĊ. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-metodi prattiċi kollha għall-implementazzjoni ta' din id-dispożizzjoni kienu għadhom ma ġewx stabbiliti. Għaldaqstant, per eżempju, ir-rapport tal-grupp ta' esperti fuq l-ispejjeż bankarji tal-konverżjoni għall-Euro, iddatat 20 ta' Novembru 1997 (ara l-punt 102 iktar 'il fuq), kien jindika b'hekk li, għalkemm il-parti l-kbira tal-banek ċentrali kienu jipprevedu dak iż-żmien li jwettqu mingħajr ħlas il-kambju ta' flus tal-karta ta' Stati Membri oħrajn taż-żona ta' l-Euro lejn il-flus tal-karta tagħhom stess biss, ċerti banek (per eżempju l-Bank Centrali Franċiż) kellhom l-intenzjoni li jaċċettaw il-kambju mingħajr ħlas tal-flus tal-karta fiż-żewġ direzzjonijiet.

107    Barra minn hekk, jirriżulta b'mod iktar ġenerali mix-xogħol tal-ġrupp ta' esperti li l-maġġoranza tal-banek kellhom dak iż-żmien l-intenzjoni li jkomplu jitolbu r-rimunerazzjoni tas-servizzi ta' kambju ta' muniti matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, minkejja l-fatt li l-prezzijiet ta' dawn is-servizzi kienu ser jitnaqqsu minħabba t-tneħħija tar-riskju ta' kambju. Min-naħa l-oħra, id-Deutsche Bank iddikjara, matul il-laqgħa (round table) tal-15 ta' Mejju 1997 (ara punt 101 iktar 'il fuq), li huwa kellu l-intenzjoni li joffri mingħajr ħlas operazzjonijiet ta' konverżjoni ta' kontijiet, għaċ-ċekkijiet iddenominati fl-Euro kif ukoll għat-"tipi l-oħrajn ta' konverżjoni", filwaqt li "għal persuni li mhumiex klijenti li jbiddlu flus tal-karta matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, il-bank xtaq li jkun jista' jiffattura l-operazzjoni, filwaqt li jippreċiża li l-kummissjonijiet kienu ser ikunu inqas minn dawk applikabbli dak iż-żmien u li seta' jkun ammont fiss minflok persentaġġ fuq it-tranżazzjoni" (Laqgħa (round table) dwar l-aspetti prattiċi tat-tranżizzjoni lejn l-Euro, Sinteżi u konklużjonijiet, p. 5).

108    Minkejja dan l-istat ta' fatt, ma jistax jiġi negat li s-sostenibbiltà tad-dħul li l-banek jirċievu mis-servizzi ta' kambju ta' muniti kienet, fil-perijodu ta' tranżizzjoni, mhedda kemm mill-possibbiltà li l-banek ċentrali joffru tali servizzi mingħajr ħlas kif ukoll mill-eventwalità li ċerti banek, bħad-Deutsche Bank, setgħu kellhom l-intenzjoni li jagħmlu l-istess għall-klijenti tagħhom. Din it-theddida kienet tinħass ħafna iktar mill-banek li l-attività prinċipali tagħhom kienet il-kambju ta' muniti – bħall-GWK u r-Reisebank – milli minn dawk – b'mod partikolari d-Dresdner Bank, l-HVB u l-Commerzbank – li għalihom dawn l-operazzjonijiet jikkostitwixxu biss attività marġinali.

–       Fuq id-diskussjonijiet preparatorji għal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997

109    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-użu, bħala provi inkriminanti, ta' ċerti dokumenti dwar il-kuntatti bejn il-GWK u r-Reisebank matul ix-xhur ta' qabel il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997. Huma josservaw li, billi l-maġġoranza ta' dawn id-dokumenti jemanaw mill-GWK, huma setgħu jintużaw biss kontra dan il-bank. Huma jikkunsidraw, fi kwalunkwe każ, li dawn id-dokumenti ma jikkostitwixxux prova ta' l-eżistenza ta' ftehim illegali dwar iffissar ta' prezzijiet.

110    Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq diversi dokumenti relatati mad-diskussjonijiet preparatorji għal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 li jikkostitwixxu provi jew, għall-inqas, indizji ta' vjolazzjoni. Għalkemm dawn id-dokumenti ma jippermettux li jiġi konkluż li jeżisti ftehim, huma jikkontribwixxu sabiex juru l-għan antikompetittiv tal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997.

111    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li d-dokumenti msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u li għalihom tirreferi fil-kuntest ta' dawn il-proċedimenti huma ħamsa, jiġifieri:

–        minuti ta' laqgħa tad-29 ta' April 1997 bejn ir-Reisebank u l-GWK (premessi 63 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        faks tal-GWK lir-Reisebank, fil-5 ta' Mejju 1997, li fiha kopja tar-risposti tal-GWK għal inkjesta ta' l-IME fuq il-kambju ta' muniti (premessi 69 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ittra tal-25 ta' Lulju 1997 mibgħuta lill-Landeszentralbank Hessen mill-Commerzbank, id-DVB, il-West LB u r-Reisebank, li fiha huma esprimew ir-riżervi tagħhom fir-rigward ta' l-obbligu tad-Deutsche Bundesbank li jixtri muniti taż-żona ta' l-Euro mingħajr ħlas (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        minuti ta' laqgħa li seħħet fil-11 ta' Awwissu 1997 bejn ir-Reisebank, id- DVB, il-GWK u l-Landeszentralbank Hessen (premessi 76 sa 80 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        minuti ta' konversazzjoni fuq it-telefon li seħħet fid-29 ta' Settembru 1997 bejn il-GWK u d-DVB (premessi 81 sa 83 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Il-kontenuut ta' dawn id-dokumenti u l-interpretazzjoni tagħhom ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala provi kontrihom.

113    F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dawn id-dokumenti kollha ġew imfassla qabel il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 u, għaldaqstant, huma rilevanti biss safejn jikkostitwixxu indizji ta' ċirkustanzi li seħħew qabel l-allegat vjolazzjoni.

114    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li erba' minn dawn id-dokumenti jemanaw direttament mill-GWK u jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi ddeterminat ir-rwol tiegħu ta' instigatur tal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997. Ma fihom ebda element jew punt ta' kjarifika fuq l-intenzjoni ta' banek oħrajn minbarra l-GWK, u, possibbilment, ir-Reisebank waqt il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru.

115    Għal dak li jirrigwarda r-rilevanza ta' l-ittra tal-25 ta' Lulju 1997 mibgħuta lil-Landeszentralbank Hessen, din tillimita ruħha li turi l-istat tal-konsultazzjonijiet bejn il-banek u r-rappreżentanti tad-Deutsche Bundesbank fil-kuntest ta' l-inċertezza imsemmija qabel.

116    Għaldaqstant, dawn id-dokumenti, li jittrattaw biss ir-rwol tal-GWK bħala instigatur, ma fihom ebda indizju probatorju għal dak li jirrigwarda l-konklużjoni ta' ftehim dwar iffissar ta' prezzijiet matul il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997.

 Fuq il-provi diretti li jirrigwardaw il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997

117    Għalkemm il-Kummissjoni enfasizzat li l-konstatazzjoni tal-vjolazzjoni hija bbażata fuq diversi provi dokumentarji (premessi 62, 120, 126, 142 u 158 tad-deċiżjoni kkontestata), jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, għal dak li jirrigwarda l-ftehim dwar iffissar tal-prezz tas-servizzi ta' kambju ta' muniti, teżisti biss prova dokumentarja diretta waħda tal-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew matul il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997: il-minuti GWK. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-minuti kienu kkorroborati mid-dikjarazzjonijiet magħmula matul il-proċedura amministrattiva minn żewġ parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 kif ukoll mill-aġir tal-banek fis-suq, li juri l-implementazzjoni tal-ftehim dwar l-iffissar ta' prezzijiet. Għaldaqstant, dawn it-tliet kategoriji ta' elementi għandhom jiġu eżaminati waħda wara l-oħra sabiex jiġi vverifikat il-karattru probatorju tagħhom.

–       Fuq il-minuti GWK

118    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-valur probatorju tal-minuti GWK. Id-Dresdner Bank u l-HVB (kawżi T-54/02 OP u T-56/02 OP) ippreżentaw ix-xhieda ta' persuni preżenti għal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 li jinnegaw kull diskussjoni dwar ftehim dwar iffissar ta' prezzijiet.

119    Il-Kummissjoni ssostni li l-minuti GWK juru b'mod ċar li, minkejja n-nuqqas ta' qbil tagħhom dwar il-prinċipju ta' kummissjoni unika għad-denominazzjonijiet nazzjonali kollha ta' l-Euro, il-banek preżenti waslu għal ftehim dwar il-prinċipju ta' kummissjoni ta' madwar 3%. Meta ltaqgħu, bejn April u Ottubru ta' l-1997, il-banek kienu fi stat ta' inċertezza f'dak li jirrigwarda l-politika tal-prezzijiet li kienet ser tapplika fil-futur għas-servizzi ta' kambju ta' muniti. Il-fatt biss li ddiskutew u li qablu dwar rimunerazzjoni ta' madwar 3% naqqas konsiderevolment din l-inċertezza. Diskussjonijiet ta' din in-natura jikkostitwixxu ftehim li għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, skond l-Artikolu 81(1) KE.

120    Il-Kummissjoni ssostni li x-xhieda miġbura għall-iskopijiet ta' din l-istanza għandhom valur probatorju inqas minn dak li għandhom id-dokumenti mfassla fiż-żmien meta seħħew il-fatti, bħall-minuti GWK.

121    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta' dokument, għandha tiġi vverifikata l-kredibbiltà ta' l-informazzjoni li hemm fih u għandha tittieħed in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, u d-destinatarju tiegħu sabiex jiġi stabbilit jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, dan jidhirx raġjonevoli u affidabbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Ciment", T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 1838).

122    Is-silta mill-minuti GWK li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqha tgħid is-segwenti:

"Il-banek preżenti fil-laqgħa esprimew l-intenzjoni tagħhom li jissostitwixxu d-dħul li jiġġeneraw attwalment il-marġnijiet bi dħul li jiġi minn kummissjonijiet, u dan sa livell ta' madwar 90%. Skond il-banek, dan jirrappreżenta kummissjoni globali ta’ madwar 3%."

123    L-ewwel nett, din is-silta ma tippermettix li jiġi mifhum għaliex tibdil fis-sistema ta' preżentazzjoni tal-prezzijiet li jikkonsisti fil-fatt li ma tibqax tiġi applikata sistema ta' prezzijiet impliċiti (differenza fir-rati) iżda tiġi applikata sistema ta' prezzijiet espliċiti (il-kummissjonijiet) jista' jaffettwa d-dħul li l-banek jagħmlu minn dawn is-servizzi. Fin-nuqqas ta' spjegazzjonijiet oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-għażla bejn dawn iż-żewġ mezzi ta' espressjoni ta' prezzijiet ma tinfluwenzax il-livell ta' dawn il-prezzijiet. Huwa għalhekk li huwa neċessarju li wieħed jirreferi għall-parti kollha tal-minuti GWK li minnha ttieħdet is-silta li l-Kummissjoni tikkunsidra inkriminanti sabiex jiġi vverifikat l-iskop tagħha.

124    Mill-qari ta' din il-parti tal-minuti GWK, jirriżulta li din tikkonċerna l-konsegwenzi ta' l-għajbien tas-sistema ta' differenza fir-rati wara d-dħul fis-seħħ tar-rati rrevokabbli ta' konverżjoni fl-1 ta' Jannar 1999. B'mod partikolari, din il-parti tittratta l-kwistjoni dwar jekk il-banek kinux se jistgħu, matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, ikomplu jiffatturaw is-servizzi ta' kambju ta' muniti skond il-karatteristiċi speċifiċi tas-suq eżistenti għal kull valuta jew jekk id-dħul ta' l-Euro fiduċjarja fl-1 ta' Jannar 1999 kellux jimplika l-użu ta' livell ta' kummissjoni identiku għal kull waħda mid-denominazzjonijiet nazzjonali ta' l-Euro. Għaldaqstant, din il-parti ma tittrattax il-kwistjoni tad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-kummissjonijiet, iżda dik dwar jekk kellux ikun hemm livell ta' kummissjoni uniku, applikabbli għall-valuti nazzjonli l-antiki kollha kkonċernati, jew livell għal kull valuta. Il-minuti GWK juru li l-partijiet ma kinux jaqblu fuq dan il-punt.

125    It-tieni nett, din il-parti tal-minuti GWK tindika li l-parteċipanti fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 qablu meta kkunsidraw li kien ser ikun neċessarju li tiġi ssostitwita s-sistema ta' differenza fir-rati bl-użu ta' kummissjonijiet ta' kambju espliċiti u distinti mir-rati rrevokabbli ta' konverżjoni (ara l-premessi 88, 93 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, tali dikjarazzjoni ma tistax twassal sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta' ftehim dwar iffissar ta' prezzijiet peress illi l-fatt li ma kinitx se tibqa' tiġi applikata differenza fir-rati ma kienx ir-riżultat ta' l-intenzjoni tal-banek preżenti iżda r-riżultat, dak iż-żmien probabbli ħafna, ta' żvilupp regolamentarju li għadu għaddej u li kellu jiġi kkonkretizzat ulterjorment permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 1998.

126    It-tielet nett, ir-referenza, fis-silta rilevanti tal-minuti GWK, għaż-żamma ta' 90% tad-dħul iġġenerat mis-sistema ta' marġnijiet, ma tistax tinqara 'l barra mill-kuntest regolamentarju tal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997.

127    F'dan ir-rigward, huwa paċifiku li d-dħul fis-seħħ tar-rati rrevokabbli ta' konverżjoni kellu bħala konsegwenza l-għajbien tar-riskju ta' kambju, riskju li l-IME, f'rapport tat-23 ta' April 1993 iċċitat fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidra li jirrappreżenta bejn 5 u 10% ta' l-ispejjeż tas-servizzi ta' kambju ta' muniti. L-IME stma li r-rati rrevokabbli ta' konverżjoni għandhom bħala konsegwenza t-tnaqqis bl-istess mod ta' l-ispejjeż u, għaldaqstant, tal-prezzijiet tas-servizzi ta' kambju ta' muniti ta' madwar 5 sa 10%.

128    Bl-istess mod, waqt il-laqgħa (round table) tal-15 ta' Mejju 1997 (ara l-punt 101 iktar 'il fuq), ir-rappreżentanti tas-settur bankarju sostnew li, matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, "ir-riskju ta' kambju [kien] ċertament jisparixxi – li kien [inaqqas] l-ispejjeż b'madwar 20% –, iżda [li] l-ispejjeż l-oħrajn [kienu jibqgħu] identiċi" (laqgħa (round table) dwar l-aspetti prattiċi tat-tranżizzjoni lejn l-Euro; Sinteżi u konklużjonijiet; informazzjoni msemmija fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata: ara wkoll id-dokument tal-Kummissjoni intitolat "Report to the round table on the practical aspects of the changeover to the euro", dokument II/237/97, EN rev, 4).

129    Għaldaqstant, is-silta in kwistjoni tal-minuti GWK, billi tipprevedi ż-żamma ta' 90% tad-dħul tal-banek, tista' tinftihem bħala li tirreferi għat-tnaqqis ta' madwar 10% ta' l-ispejjeż tas-servizzi ta' kambju ta' muniti kkawżat mill-għajbien tar-riskju ta' kambju. Tali tnaqqis ta' spejjeż kellu jaffettwa l-livell ta' prezzijiet li kellu jonqos ukoll b'madwar 10% minħabba d-dħul fis-seħħ tar-rati rrevokabbli ta' konverżjoni. Din l-istima ta' l-iżvilupp tal-prezzijiet ikkawżat mid-dħul ta' l-Euro ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tirriżulta mir-rieda tal-banek preżenti għal-laqgħa.

130    Ir-raba nett, għal dak li jirrigwarda s-sentenza tal-minuti GWK li fiha hemm referenza diretta għal livell ta' kummissjoni ta' madwar 3% ("Skond il-banek, dan jirrappreżenta kummissjoni globali ta’ madwar 3%"), huwa veru li r-referenza għal livell ta' prezzijiet futuri matul laqgħa bejn impriżi li qegħdin f'kompetizzjoni ma' xulxin tista' tagħti l-impressjoni ta' l-eżistenza ta' ftehim dwar iffissar ta' prezzijiet. Madankollu, f'din il-kawża, ir-rikorrenti jsostnu li din ir-referenza kienet mhux biss ineżatta, iżda kienet sempliċement tirrifletti l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar l-istat tas-suq, imsemmija mill-IME fir-rapport tiegħu tat-23 ta' April 1997.

131    Għaldaqstant, jekk is-silta in kwistjoni tal-minuti GWK la m'hija ċara u lanqas nieqsa minn ambigwità, għandu jiġi nnutat, kif sar fil-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-minuti jindikaw li l-possibbiltà li d-Deutsche Bank joffri servizzi ta' kambju mingħajr ħlas kienet tikkostitwixxi "theddida ħafna iktar serja milli l-provvista ta' servizz mingħajr ħlas mill-banek ċentrali reġjonali, li mhumiex f'pożizzjoni li joffru dan it-tip ta' servizz". Skond il-minuti, dan seta' "ipoġġi fi kriżi l-pożizzjoni miftiehma mir-rikorrenti fil-laqgħa, jiġifieri l-fatturazzjoni ta' kummissjoni ta' madwar 3% (90% tad-dħul annwali)". Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-provi kollha, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li din is-silta tista' tiffavorixxi t-teorija ta' ftehim dwar il-livell tal-kummissjonijiet.

132    Għal dak li jirrigwarda l-kredibbiltà tal-minuti GWK, ġie osservat qabel li dawn fihom valutazzjoni eżaġerata tas-sehem mis-suq tal-banek preżenti. Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li peress li l-awtur tagħhom ma kienx jitkellem bil-Ġermaniż, seta' jifhem ħażin is-sens tar-rimarki magħmula waqt il-laqgħa. Barra minn hekk, billi l-GWK ħa l-inizjattiva li wasslet sabiex tiġi organizzata l-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997, l-awtur ta' dan id-dokument kellu interess personali sabiex iżejjen il-fatti bl-għan li jippreżenta lis-superjuri tiegħu riżultat konformi ma' l-aspettattivi tagħhom. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li nota interna tal-GWK, datata 20 ta' Ottubru 1997 (anness 16 mad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet), issemmi ftehim dwar "id-determinazzjoni ta' prezzijiet fil-futur ta' operazzjonijiet ta' kambju li jirrigwardaw il-valuti taż-żona ta' l-Euro" konkluż f'Mejju 1997 bejn il-GWK u l-banek prinċipali Olandiżi. Dan il-ftehim jiffissa għal 3,8% il-kummissjonijiet fuq il-kambju ta' muniti. Dan l-ammont jikkorrispondi għall-indikazzjonijiet mogħtija mill-GWK lill-IME (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata) u li wara ġew trasmessi lir-Reisebank permezz tal-faks tal-5 ta' Mejju 1997 imsemmija iktar 'il fuq. Dawn iċ-ċirkustanzi jippermettu li wieħed jistaqsi jekk il-GWK ippruvax jiffavorixxi ftehim dwar iffissar ta' prezzijiet fil-Ġermanja, bħal dak ta' Mejju 1997 imsemmi f'din in-nota interna fir-rigward ta' l-Olanda.

133    Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li l-minuti GWK huma nota li tintuża internament biss u li ma ngħatatx lir-rikorrenti qabel il-proċedura amministrattiva, b'tali mod li huma ma kellhomx il-possibbiltà li jiddistakkaw ruħhom mill-kontenut tagħha sabiex jitneħħa kull riskju ta' ekwivoku għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-rimarki magħmula waqt il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997.

134    Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-minuti GWK, billi jirreferu għal ftehim dwar kummissjoni ta' 3%, jistgħu, l-iktar l-iktar, jikkostitwixxu indizju li jippermetti li wieħed ikollu suspett dwar l-eżistenza ta' qbil bejn il-banek preżenti għal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997. Madankollu, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi li ġew analizzati, dan id-dokument mhuwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi b'mod suffiċjenti skond il-liġi l-eżistenza ta' tali qbil.

–       Fuq id-dikjarazzjonijiet ta' ċerti banek matul il-proċedura amministrattiva

135    Skond id-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ diskussjoni fuq ir-rata ta’ kummissjoni li jsemmu l-minuti GWK hija kkorroborata mir-rimarki tal-Commerzbank u tal-Bayerische Landesbank Girozentrale waqt is-seduta (premessi 96, 107 u 118 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata). Fin-nota f'qiegħ il-paġna Nru 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kumissjoni tirreferi wkoll għar-risposti għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tal-Commerzbank, tal-HVB u tal-VUW, tal-West LB kif ukoll tal-Hamburgische Landesbank Girozentrale. Barra minn hekk, fin-noti ta' oppożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni invokat ir-risposta tar-Reisebank għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, imsemmija fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata.

136    Għal dak li jirrigwarda dan l-aħħar dokument, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li r-Reisebank irrikonoxxa li huwa "ma kienx konxju tal-kambjamenti kbar li kienu ser jiffaċċjaw l-operazzjonijiet ta' kambju fir-rigward tal-valuti taż-żona ta' l-Euro matul il-perijodu ta' tranżizzjoni". Huwa ċar li din id-dikjarazzjoni ma tikkostitwixxix indizju ta' l-eżistenza ta' qbil dwar l-iffissar ta' prezzijiet.

137    Għalkemm jidher li l-banek ikkonċernati ddikjaraw li "ċerti rappreżentanti ta’ ċerti banek [kienu] semmew ċifri bejn 2 u 4%", per eżempju (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata), l-ebda waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet ma huma biżżejjed sabiex jikkonfermaw it-teorija ta' l-eżistenza ta’ qbil dwar l-iffissar ta’ rata ta’ kummissjoni. Huwa ċertament veru li l-iffissar ta’ livell ta’ referenza jew ta’ livell ta’ prezz immirat jista' jikkostitwixxi metodu ta’ iffissar ta’ prezzijiet illegali, peress illi, f'tali ċirkustanza, il-prezzijiet mhumiex iktar ir-riżultat ta’ deċiżjonijiet awtonomi ta’ l-operaturi, iżda tal-qbil bejniethom. Madankollu, iċ-ċifri ppreżentati ("bejn 2 u 4%"; "madwar 3%"; "bejn 2 u 6%"; ara l-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota f'qiegħ il-paġna Nru 44) jirriflettu – kif ġie sostnut preċedentement – il-prezzijiet tas-suq kif setgħu jiġu kkonstatati mill-IME; din l-informazzjoni tippreżenta diverġenza wiesa' (b’varjazzjoni sat-triplu ta' l-inqas ċifra kkwotata), li tikkontribwixxi għan-nuqqas ta' preċiżjoni tagħha. Għaldaqstant, dawn id-dikjarazzjonijiet juru li, matul il-laqgħa, ċerti banek indikaw il-livell ta' kummissjonijiet f'termini li, madankollu, ma jippermettux li wieħed jikkonkludi, mingħajr ebda dubju raġjonevoli, li kien hemm qbil dwar l-iffissar in komuni tal-prezzijiet rispettivi tagħhom.

 Fuq il-konstatazzjonijiet dwar l-implementazzjoni tal-ftehim dwar l-ammont tal-kummissjonijiet ta' kambju

138    Wara li indikat li, billi l-ftehim għandu bħala għan il-limitazzjoni tal-kompetizzjoni, mhuwiex neċessarju li jintwerew l-effetti tiegħu, il-Kummissjoni kkunsidrat, fi kwalunkwe każ, li l-parteċipanti kienu, wara l-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997, bidlu l-prezzijiet tagħhom skond it-termini ta’ l-allegat ftehim. Fil-premessi 147 u 148 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tiċċita r-rati applikati mid-Dresdner Bank, mill-Commerzbank, mill-HVB, mill-VUW, mill-GWK u mir-Reisebank. Dawn ir-rati huma bejn 3 u 4.5%, filwaqt li ċerti banek jiffatturaw ukoll ammont fiss.

139    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-prezzijiet osservati matul il-perijodu ta' tranżizzjoni juru n-nuqqas ta' ftehim, fatt li l-Kummissjoni tikkontesta.

140    L-eżami tar-rati ta' kummissjoni effettivi għandu jieħu in kunsiderazzjoni fl-istess ħin l-element proporzjonali u l-element fiss tal-kummissjoni effettivament miġbura. Fil-fatt, safejn il-maġġoranza tas-servizzi in kwistjoni jirrigwardaw ammonti inferjuri għal EUR 200 – id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet issemmi l-proporzjon ta’ 70% (punt 9) – il-fatturazzjoni ta’ kummissjonijiet b’rata fissa ta’ DEM 5 jew 10 jew ta’ volum minimu ta’ kambju għandha impatt kunsiderevoli fuq l-ammont li huwa effettivament iffatturat mill-banek, ladarba dan huwa espress f'persentaġġ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha għal eżami tar-rata ta’ kummissjoni mitluba, peress li din kienet toffri biss indikazzjoni parzjali tal-prezz mitlub mill-konsumatur.

141    Il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi, fil-forma ta' tabella, l-informazzjoni fuq il-livell effettiv tal-kummissjonijiet ipprattikati fl-1999 mill-banek preżenti għal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997, għal volumi ta' kambju ta' EUR 25, 50, 100 u 200. Jirriżulta mit-tabella mogħtija fil-proċedimenti mill-Kummissjoni li r-rati effettivi ta' kummissjonijiet ivarjaw ħafna minn bank għal ieħor. Għaldaqstant, għall-kambju ta' EUR 20, il-livell tar-rati ta' kummissjoni effettivi jvarjaw minn 3% sa 30%, jiġifieri differenza ta' 1 sa 10. Din id-differenza kellha t-tendenza li tonqos b'mod proporzjonali maż-żieda tal-volum mibdul. Għaldaqstant, għal EUR 200 mibdula, il-kummissjonijiet effettivi kienu jvarjaw minn 2 sa 4.5%, jiġifieri differenza ta' 1 sa 2.25. Ir-rikorrenti ma kkontestawx din l-informazzjoni.

142    Għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni, meta kkonstatat fil-premessi 147 u 148 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienu bidlu l-prezzijiet tagħhom f’marġni ta’ bejn 3 u 4.5%, ibbażat ruħha fuq informazzjoni ineżatta. L-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata ma tikkorroborax l-allegazzjoni ta' konverġenza tal-prezzijiet ipprattikati mir-rikorrenti attribwita lill-implementazzjoni tal-ftehim allegat.

 Konklużjoni

143    Wara evalwazzjoni globali, jirriżulta minn dawn l-elementi li l-instigatur tal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 seta' jaġixxi bil-pjan li jintlaħaq ftehim dwar iffissar ta' prezzijiet b'reazzjoni għat-theddida doppja ta' żieda fil-pressjoni kompetittiva li setgħet tirriżulta mill-għoti ta' servizzi ta' kambju ta' muniti mingħajr ħlas matul il-perijodu ta' tranżazzjoni mid-Deutsche Bundesbank u mid-Deutsche Bank.

144    Madankollu, il-provi diretti li jikkonċernaw il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 mhumiex biżżejjed sabiex jista' jiġi kkunsidrat, mingħajr ma jifdal ebda dubju raġjonevoli dwar dan il-punt, li l-banek preżenti laħqu tali ftehim. Għalkemm l-elementi ċċitati mill-Kummissjoni juru li ċerti banek preżenti rreferew għal-livell approssimattiv tal-kummissjonijiet – li wara kollox kien magħruf – waqt il-laqgħa, dawn l-indizji mhumiex biżżejjed sabiex jikkorroboraw, sal-livell ta' provi meħtieġ, it-teorija li kien hemm qbil dwar l-iffissar komuni ta' dawn il-prezzijiet.

145    F'dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni lill-inċertezzi regolamentarji u tekniċi ta' dak iż-żmien marbuta mal-kuntest speċifiku ħafna tad-dħul ta' l-Euro u mal-konsultazzjonijiet varji li kienu seħħew bejn is-settur bankarju, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet monetarji u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi. Dan il-kuntest ma jippermettix li ma tiġix ikkunsidrata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-kollużjoni tagħhom kienet tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-konsegwenzi ta' l-iżvilupp regolamentarju fuq l-attività tagħhom ta' kambju ta' muniti matul il-perijodu ta' tranżizzjoni u, skond il-każ, sabiex javżaw lid-Deutsche Bundesbank dwar id-diffikultajiet li jridu jiffaċċjaw l-operaturi tas-settur minħabba dan l-iżvilupp.

146    Barra minn hekk, il-fatt li l-banek preżenti għal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 jirrappreżentaw, l-iktar l-iktar, madwar 17% tal-provvista ta' servizzi ta' kambju ta' muniti mill-istabbilimenti ta' kreditu biss idgħajjef it-teorija ta' l-eżistenza ta' ftehim dwar iffissar ta' prezzijiet.

147    Fl-aħħar nett, l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni fir-rigward tal-livell ta' prezzijiet ipprattikat matul il-perijodu ta' tranżizzjoni tikkontradixxi l-osservazzjoni li l-prezzijiet osservati fl-1999 juru l-implementazzjoni ta' ftehim.

148    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi b'mod suffiċjenti skond il-liġi l-eżistenza ta' qbil dwar l-iffissar ta' l-ammont tal-kummissjonijiet ta' kambju waqt il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997.

D –  Fuq il-ftehim dwar il-metodi ta' fatturtazzjoni tal-kummissjonijiet ta' kambju

149    Il-parti tal-vjolazzjoni li tirrigwarda l-metodi ta' fatturazzjoni ġiet spjegata fil-premessi 95, 96, 114, 115, 132 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-Kummissjoni ddedikat il-parti l-kbira ta' l-analiżi tagħha fuq il-kwistjoni ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-kummissjonijiet. B'mod partikulari, il-Kummissjoni qalet is-segwenti dwar il-provi ta' l-eżistenza ta' ftehim dwar il-prinċipju ta' rimunerazzjoni esklużivament proporzjonali (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata):

"Għal dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet ta' kambju, il-minuti [Commerzbank] isemmu li hemm qbil dwar l-użu ta’ rati ta' kambju fissi għall-valuti taż-żona ta’ l-Euro (jiġifieri li ma jiġux applikati rati ta' xiri u bejgħ), bi spejjeż li jiġu kkalkulati fil-forma ta’ kummissjoni espressa f’persentaġġ. Il-metodu ta' kalkolu għall-konverżjoni ta’ dawn il-valuti għandu jiġi adottat minn kull bank individwalment […]

Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ l-iffissar tar-rati/prezzijiet għall-operazzjonijet ta' kambju matul il-fażi 3a (jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 1999 sa l-1 ta’ Jannar 2002) ta’ l-[Unjoni Ekonomika u Monetarja], il-parteċipanti ftehmu fuq il-punti li ġejjin:

1) Operazzjonijiet ma' klijenti privati

[...]

–        L-ispejjeż/kummissjonijiet għandhom jiġu kkalkulati f'persentaġġ tal-valur mibdul.

[...]"

150    Skond id-deċiżjoni kkontestata, il-minuti Commerzbank u GWK "jaqblu fuq il-fatt li l-ispejjeż li għandhom jiġu ffatturati lill-klijenti jkunu espressi f’persentaġġ" (premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn l-elementi ġew, essenzjalment, riprodotti fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-premessi 114 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-argumenti tal-partijiet kif ġej:

"L-indikazzjoni trasparenti u espliċita ta' l-ispejjeż ma tirrikjedi ebda standardizzazzjoni ta' prezzijiet, ta' metodi ta' fatturazzjoni ta' l-ispejjeż jew ta' servizzi oħrajn fis-settur bankarju. Kull bank għandu jiddeċiedi indipendentement dwar il-politika kummerċjali tiegħu fil-qasam ta' l-ispejjeż. Sakemm l-ispejjeż jiġu ffatturati lill-klijent, il-politika f'dan il-qasam – inklużi l-metodi ta' fatturazzjoni – għandha tiġi ddeterminata indipendentement minn kull bank.

La kien naturali u lanqas loġiku li kull bank jiddeċiedi individwalment li jbiddel id-differenzi fir-rati tiegħu f'kummissjoni espressa fil-forma ta' persentaġġ. Fil-fatt, jidher li d-Deutsche Bank kellu inizjalment l-intenzjoni li jipprovdi servizz mingħajr ħlas. Fi kwalunkwe każ, il-punt mhuwiex li jiġi stabbilit liema kienu l-metodi ta' fatturazzjoni ta' l-ispejjeż l-iktar raġjonevoli fuq il-livell ekonomiku, iżda li jiġi stabbilit jekk kienx hemm jew le ftehim bejn il-banek dwar dawn il-metodi."

F'din il-kawża, kien hemm ftehim speċifiku bejn il-banek dwar kummissjoni globali ta' madwar 3%, bl-għan li jiġu rkuprati 90% tal-qligħ mitluf minħabba t-tneħħija tad-'differenza fir-[rati]' fl-1 ta' Jannar 1999."

1.     L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżistenza ta' ftehim li jikkonsisti fl-obbligu li jiġu mitluba kummissjonijiet espressi fil-forma ta' persentaġġ. L-argumenti tagħhom huma tnejn. Minn naħa, huma jsostnu li l-provi invokati mill-Kummissjoni huma insuffiċjenti. Min-naħa l-oħra, huma jipproponu spjegazzjoni alternattiva: matul il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997, il-banek kienu kollha ammettew li d-dħul fis-seħħ tar-rati rrevokabbli ta' konverżjoni kien ser jimplika li ma tibqax applikabbli d-differenza fir-rati għall-kambju ta' muniti u minflok jibda japplika mekkaniżmu ta' indikazzjoni espliċita tal-kummissjonijiet. Għaldaqstant, dan mhuwiex ftehim fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE iżda diskussjoni dwar l-iżvilupp regolamentarju.

152    Il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjoni tal-ftehim dwar il-metodi ta' fatturazzjoni tibbaża ruħha fuq il-minuti Commerzbank li l-kontenut tiegħu huwa partikularment ċar: "L-ispejjeż/kummissjonijiet għandhom jiġu kkalkulati f'persentaġġ tal-valur mibdul" u "jiġu kkalkulati separatament". Din id-dikjarazzjoni hija kkonfermata mill-minuti GWK, li jgħidu li l-kummissjonijiet għandhom jiġu kkalkulati "fil-forma ta' persentaġġ tal-valur mibdul".

153    Il-Kummissjoni tafferma wkoll li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha fuq diversi minuti mfassla mill-GWK qabel il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997. Minbarra d-dokumenti mfassla mill-GWK li saret referenza għalihom qabel, il-Kummissjoni tagħmel referenza wkoll għar-risposti tal-Landesbank Hessen Thüringen Girozentrale għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

154    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-użu ta' dawn l-aħħar elementi bħala provi inkriminanti fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma tathomx aċċess għalihom matul il-proċedura amministrattiva.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

155    Għal dak li jirrigwarda l-ilment relativ għall-użu ta' dokumenti bħala provi inkriminanti li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma nstemgħux, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tirrikjedi li l-impriża kkonċernata kellha l-opportunità li tagħti l-ispjegazzjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u cirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 11, u tas-17 ta' Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 25).

156    Id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet għandha tinkludi spjegazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet miktuba f'termini ċari biżżejjed, anki jekk ikunu fil-forma ta' sunt, sabiex tippermetti lill-persuni interessati jieħdu effettivament konjizzjoni ta' l-aġir li l-Kummissjoni qed takkużahom bih. Fil-fatt, huwa biss taħt din il-kundizzjoni li d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijeit tista' tissodisfa l-funzjoni mogħtija lilha mir-regolamenti Komunitarji li tikkonsisti fil-fatt li tagħti lill-impriżi l-elementi kollha neċessarji sabiex dawn ikunu jistgħu effettivament jiddefendu ruħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punt 42).

157    Bħala regola, huma biss id-dokumenti li ġew iċċitati jew imsemmija fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li jikkostitwixxu provi validi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 55, u ICI vs Il-Kummissjoni, T-13/89, Ġabra p. II-1021, punt 34; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 21).

158    Dokument jista' jiġi kkunsidrat bħala prova inkriminanti biss meta dan jintuża mill-Kummissjoni in sostenn tal-konstatazzjoni ta' vjolazzjoni mwettqa minn impriża. Sabiex tiġi stabbilita vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tagħha, mhuwiex biżżejjed li l-impriża in kwistjoni turi li hija ma setgħetx tiddefendi ruħha matul il-proċedura amministrattiva dwar dokument użat fi kwalsiasi parti tad-deċiżjoni kkontestata. Jeħtieġ li hija turi li l-Kummissjoni użat dan id-dokument, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala element ta' prova ta' vjolazzjoni li fiha l-impriża ħadet sehem.

159    F'din il-kawża, il-Kummissjoni indikat li, fir-risposta għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-Landesbank Hessen Thüringen Girozentrale ammetta "li laħaq ftehim dwar il-metodi ta' fatturazzjoni ta' l-ispejjeż għall-perijodu ta' tranżizzjoni waqt il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997" (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata). Minkejja l-fatt li din l-allegata konfessjoni tidher fil-parti intitolata "L-argumenti tal-partijiet dwar l-interpretazzjoni tal-fatti", għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkunsidrat din id-dikjarazzjoni bħala prova inkriminanti fid-deċiżjoni kkontestata u rreferiet għaliha bħala tali fl-atti tagħha.

160    Il-Kummissjoni ammettiet fir-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-ebda wieħed mir-rikorrenti ma kellu aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħrajn tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni vvjolat id-drittijiet tad-difiża fir-rigward tar-rikorrenti billi bbażat ruħha fuq dokumenti li għalihom dawn ta' l-aħħar ma kellhomx aċċess matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, tali dokumenti m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala provi (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 338; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 24 sa 30, u s-sentenza Ciment, iċċitata iktar 'il fuq, punt 382).

161    Għal dak li jirrigwarda l-provi l-oħra ċċitati mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma dokumenti li ġew eżaminati qabel fil-kuntest ta' l-analiżi tal-konstatazzjonijiet dwar il-ftehim dwar l-iffissar ta' prezzijiet. Dawn id-dokumenti huma biss rilevanti indirettament sabiex jiġi stabbilit il-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew waqt il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997. Jirreferu kollha għall-perijodu qabel din id-data u jippermettu biss, l-iktar l-iktar, li jiġi stabbilit ir-rwol ta' instigatur tal-GWK. Dawn id-dokumenti mhumiex biżżejjed sabiex juru l-qbil bejn ir-rikorrenti u l-GWK dwar il-konklużjoni ta' ftehim b'għan manifestament antikompetittiv.

162    Għal dak li jirrigwarda l-provi diretti tal-ftehim dwar il-metodi ta' fatturazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest partikolari ħafna ta' dawn il-kawżi marbuta mad-dħul ta' l-Euro, l-interpretazzjoni tal-minuti GWK u Commerzbank ippreżentata mill-Kummissjoni tqajjem dubji serji.

163    Fil-fatt, l-eżistenza ta' ftehim dwar il-metodi ta' fatturazzjoni tal-kummissjonijiet hija strettament marbuta ma' dik ta' ftehim dwar iffissar ta' prezzijiet, li tiegħu hija tikkostitwixxi element aċċessorju. Billi l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni ma ppreżentatx provi biżżejjed skond il-liġi dwar l-eżistenza ta' ftehim dwar iffissar ta' prezzijiet, il-validità tal-konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet rigward l-allegat ftehim dwar il-metodi ta' fatturazzjoni tal-kummissjonijiet hija daqstant dgħajfa.

164    Safejn id-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħa fuq il-konstatazzjoni ta' qbil dwar l-użu ta' kummissjonijiet espliċiti espressi f'persentaġġ, għandu jiġi mfakkar li l-intenzjoni tal-banek preżenti għal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997 ma tirrigwardax il-fatt li ma tibqax tiġi applikata s-sistema ta' kummissjonijiet impliċiti li kienu fis-seħħ dak iż-żmien. L-adozzjoni ta' kummissjonijiet espliċiti tirriżulta mill-qafas legali relativ għad-dħul ta' l-Euro. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni litterali tar-referenza, fil-minuti Commerzbank, ta' "qbil" bejn il-banek fuq l-użu tar-rati rrevokabbli ta' konverżjoni u l-għajbien korrelattiv tas-sistema ta' differenza fir-rati (ara, b'mod partikolari, il-premessi 95 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata). Din is-silta tista', għall-kuntrarju, tinftiehem bħala manifestazzjoni komuni ta' għarfien ta' tibdil ikkawżat minn miżuri regolamentarji li jirregolaw id-dħul ta' l-Euro u kkonkretizzat ulterjorment permezz tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 1998.

165    Barra minn hekk, l-eżistenza stess ta' ftehim dwar struttura ta' kummissjoni sterttament proporzjonali għall-ammont mibdul tnur kontra l-konstatazzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata u skond liema diversi banek jużaw strutturi mħallta, billi jassoċjaw element fiss ma' element proporzjonali (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni turi li, matul il-perijodu ta' tranżizzjoni, ir-rikorrenti użaw strutturi ta' kummissjonijiet differenti, fejn xi wħud minnhom użaw kummissjonijiet esklużivament proporzjonali filwaqt li oħrajn żammew sa l-aħħar ta' dan il-perijodu struttura mħallta.

166    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi b'mod suffiċjenti skond il-liġi l-eżistenza ta' fatti li jikkostitwixxu qbil li jirrifletti ftehim dwar il-metodi ta' fatturazzjoni tal-kummissjonijiet ta' kambju waqt il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997.

E –  Konklużjoni ġenerali

167    Il-Kummissjoni ma stabbilietx b'mod suffiċjenti skond il-liġi l-eżistenza ta' ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet tas-servizzi ta' kambju ta' muniti taż-żona ta’ l-Euro matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni u tal-metodi ta’ fatturazzjoni tagħhom. Minn dan jirriżulta li r-raġunijiet rigward l-ineżattezza tal-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni u n-nuqqas ta' karattru probatorju ta' l-indizji ppreżentati bħala provi inkriminanti għandhom jiġu ddikjarati bħala infondati.

168    Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, l-eżami mill-ġdid fuq bażi kontradittorja tar-rikorsi ma jwassalx sabiex jinbidel ir-riżultat tal-proċedimenti fil-kontumaċja. Minn dan jirriżulta li l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati r-raġunijiet l-oħra tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

169    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet l-oppożizzjoni tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-oppożizzjoni hija miċħuda.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Lindh

Vadapalas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Settembru 2006.

E. Coulon

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I – Fuq il-proċedura ta' oppożizzjoni

II – Sunt tar-raġunijiet tar-rikors

III – Fuq l-eżistenza ta' ftehim antikompetittiv

A – Osservazzjonijiet preliminari

B – Fuq l-amministarzzjoni tal-prova u l-portata ta' l-istħarriġ ġudizzjarju

C – Fuq il-ftehim dwar l-ammont tal-kummissjonijiet ta' kambju

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a) Fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fuq l-eżistenza ta' vjolazzjoni relatata ma' l-eżistenza ta' ftehim dwar il-prinċipju ta' l-esklużjoni tal-gratwitŕ tas-servizzi ta' kambju ta' muniti

b) Fuq il-provi ta' ftehim dwar l-ammont tal-kummissjonijiet ta' kambju

Fuq il-provi relativi għall-kuntest tal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997

– Fuq l-ishma mis-suq tal-banek li pparteċipaw fil-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997

– Fuq l-inċertezzi regolamentarji

– Fuq id-diskussjonijiet preparatorji għal-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997

Fuq il-provi diretti li jirrigwardaw il-laqgħa tal-15 ta' Ottubru 1997

– Fuq il-minuti GWK

– Fuq id-dikjarazzjonijiet ta' ċerti banek matul il-proċedura amministrattiva

Fuq il-konstatazzjonijiet dwar l-implementazzjoni tal-ftehim dwar l-ammont tal-kummissjonijiet ta' kambju

Konklużjoni

D – Fuq il-ftehim dwar il-metodi ta' fatturtazzjoni tal-kummissjonijiet ta' kambju

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

E – Konklużjoni ġenerali

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.