Language of document : ECLI:EU:F:2016:69

DIGRIET TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA(It-Tielet Awla)

7 ta’ April 2016

Kawża F‑44/15

Sergio Spadafora

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Proċedura ta’ selezzjoni – Bord ta’ preselezzjoni – Intervista mal-bord ta’ preselezzjoni – Nuqqas ta’ iskrizzjoni fil-lista preliminari (short-list) ta’ kandidati proposti sabiex issirilhom intervista finali mal-Awtorità tal-Ħatra – Regolarità tal-proċedura ta’ selezzjoni – Prijorità lir-reklutaġġ ta’ kandidat li jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru partikolari – Aġir tal-president tal-bord ta’ preselezzjoni – Diskriminazzjoni lingwistika – Talba għad-danni – Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Sergio Spadafora jitlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2014 li permezz tagħha d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) iddeċieda li jaħtar lis-Sinjura D fil-pożizzjoni ta’ kap tad-diviżjoni “Konsulenza legali” fid-direttorat “Appoġġ għall-investigazzjonijiet” u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-OLAF għall-kumpens tad-dannu materjali li jirriżulta, skontu, mit-telf tal-possibbiltà li jintgħażel sabiex jokkupa din il-pożizzjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat. Sergio Spadafora għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Pożizzjoni vakanti – Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati – Pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni – Kandidat li f’ċerti okkażjonijiet kien issostitwixxa lill-kap tad-diviżjoni jew li kien okkupa din il-pożizzjoni fuq bażi interim – Assenza ta’ natura deċiżiva

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27)

2.      Uffiċjali – Pożizzjoni vakanti – Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

3.      Uffiċjali – Pożizzjoni vakanti – Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati – Pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-bord ta’ preselezzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

4.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Kriterji – Ekwilibriju ġeografiku – Ekwivalenza tal-profili tad-diversi kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27)

5.      Uffiċjali – Pożizzjoni vakanti – Pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni – Proċedura quddiem il-bord ta’ preselezzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27)

6.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Proċedura – Obbligu tal-amministrazzjoni li tindirizza lil kandidat b’lingwa li jkollu konoxxenza approfondita tagħha – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27)

1.      Fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati sabiex timtela pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni, il-fatt li kandidat ikun issostitwixxa, f’ċerti okkażjonijiet, lill-kap tad-diviżjoni u l-fatt li kien okkupa l-pożizzjoni kkonċernata fuq bażi interim ma jikkostitwixxux elementi ta’ evalwazzjoni deċiżivi li jistgħu jieħdu prijorità fuq il-kwalitajiet għolja ta’ kompetenza, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, li jikkostitwixxu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kriterji determinanti sabiex jintgħażel il-kandidat li għandu jinħatar f’pożizzjoni li tkun is-suġġett ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

(ara l-punt 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni, C‑446/00 P, EU:C:2001:703, punt 21

Il-Qorti tal-Prim’Istanza:sentenza tas-6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il-Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, EU:T:1999:134, punt 62

2.      L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-amministrazzjoni fil-qasam tal-ħatra jew tar-reklutaġġ jippreżumi li hija teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha ta’ kull kandidatura u li tosserva bl-ikbar reqqa r-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, b’tali mod li hija obbligata twarrab kull kandidat li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi fil-fatt kuntest legali li l-amministrazzjoni timponi fuqha nnifisha u li hija għandha tosserva skrupolożament.

(ara l-punt 59)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tad-9 ta’ Lulju 2015, De Almeida Pereira vs Eurojust, F‑142/14, EU:F:2015:83, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Fil-kuntest ta’ proċedura sabiex timtela pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), peress li l-evalwazzjoni tal-kandidatura u tal-prestazzjoni ta’ kandidat matul l-intervista titwettaq b’mod kulleġġjali mill-bord ta’ preselezzjoni, li fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu għandu jingħad b’mod partikolari li dan jinkludi membru tal-persunal tal-Kummissjoni, ma jistax jitqies li l-president ta’ dan il-bord jista’ jeżerċita influwenza predominanti fuq dan il-bord li twassal sabiex jiddeċiedi waħdu li jeskludi l-isem ta’ kandidat mil-lista preliminari (short-list).

(ara l-punt 63)

4.      Ma huwiex inkompatibbli mar-rekwiżiti marbuta mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li l-amministrazzjoni, fil-każ fejn il-profili tad-diversi kandidati jkunu sinjifikattivament ekwivalenti, tagħti lin-nazzjonalità r-rwol ta’ kriterju preferenzjali meta dan ikun meħtieġ sabiex jinżamm jew sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid l-ekwilibriju ġeografiku fi ħdan il-persunal tagħha, kif jeżiġi l-Artikolu 27(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 70)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-4 ta’ Marzu 1964, Lassalle vs Il-Parlament, 15/63, EU:C:1964:9, p. 73

5.      Huwa minnu li d-dmir ta’ imparzjalità huwa waħda mir-regoli li jmexxu l-ħidma tal-bordijiet tal-għażla ta’ kompetizzjoni u, b’analoġija, il-ħidma tal-kumitati ta’ preselezzjoni.

Madankollu, fir-rigward tal-aġir tal-president tal-bord, fil-kuntest ta’ proċedura għar-reklutaġġ ta’ kap ta’ diviżjoni, il-fatt li dan ikun tbissem b’sinjal ta’ politezza, ta’ indulġenza jew saħansitra ta’ tmejjil matul l-intervista ta’ kandidat mal-bord ta’ preselezzjoni bl-ebda mod ma jippermetti li jitqies li l-president kien parzjali, anki jekk l-imsemmi kandidat ikollu retroattivament din l-impressjoni. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-livell tal-pożizzjoni kkonċernata, li timplika l-ġestjoni ta’ persunal u, għaldaqstant, eventwali diffikultajiet ta’ relazzjonijiet jew ta’ aġir fi ħdan dan il-persunal, jista’ jkun mistenni minn kandidat li jżomm il-kunfidenza tiegħu, il-konċentrazzjoni tiegħu jew inkella l-kalma tiegħu, anki meta jkollu quddiemu aġir, minn wieħed mill-membri tal-bord ta’ preselezzjoni, li jista’ suġġettivament jitqies mill-kandidat bħala aġir offensiv.

(ara l-punti 82 u 85)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tal-25 ta’ Mejju 2011, Meierhofer vs Il-Kummissjoni, F‑74/07 RENV, EU:F:2011:63, punt 62, u sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Hristov vs Il-Kummissjoni u EMA, F‑2/12, EU:F:2014:245, punt 86, li hija s-suġġett ta’ żewġ appelli quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawżi T‑26/15 P u T‑27/15 P

6.      B’mod ġenerali, l-amministrazzjoni tal-Unjoni tista’ tindirizza lil wieħed mill-uffiċjali tagħha, inkluż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li ma tkunx il-lingwa materna ta’ dan l-uffiċjal jew it-tieni lingwa magħżula minnu. Għalhekk, l-għażla tal-lingwa ta’ komunikazzjoni ma tikkostitwixxi l-ebda ksur tad-drittijiet tal-imsemmi uffiċjal jekk dan ikollu konoxxenza tal-lingwa użata mill-amministrazzjoni li tippermettilu jifhem effettivament u faċilment il-kontenut tal-informazzjoni mogħtija jew tal-mistoqsijiet magħmula mill-amministrazzjoni tiegħu.

Fil-fatt, huwa biss meta kundizzjoni lingwistika jkollha l-effett, mingħajr ma dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet marbuta mal-funzjonament tas-servizz, li pożizzjoni tal-amministrazzjoni tal-Unjoni tiġi rriżervata għal nazzjonalità partikolari li l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprekludi lill-Awtorità tal-Ħatra milli teżiġi li l-kandidati għal tali pożizzjoni jkollhom konoxxenza perfetta ta’ lingwa uffiċjali partikolari.

(ara l-punti 91 u 92)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-4 ta’ Marzu 1964, Lassalle vs Il-Parlament, 15/63, EU:C:1964:9, p. 73

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑203/03, EU:T:2005:346, punti 62 sa 64, u tal-20 ta’ Novembru 2008, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑185/05, EU:T:2008:519, punti 129, 132 u 145