Language of document : ECLI:EU:C:2023:435

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fil-25 ta’ Mejju 2023 (1)

Kawżi magħquda minn C583/21 sa C586/21

NC (C583/21)

JD (C584/21)

TA (C585/21)

FZ (C586/21)

vs

BA,

DA,

DV,

CG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social de Madrid (il-Qorti tax-Xogħol ta’ Madrid, Spagna Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Salvagwardja tad-drittijiet tal‑impjegati f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi – Trasferiment ta’ sede ta’ nutar – Applikabbiltà għall-impjegati tad-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2001/23/KE”






1.        Il-bidla ta’ nutar b’ieħor f’uffiċċju nutarili tista’ titqies, għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet tal-impjegati, bħala trasferiment ta’ impriża?

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

Direttiva 2001/23/KE

2.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 (2) jistipula: “a) [d]in id‑Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

b) Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.

c) Din id-Direttiva għandha tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk jaħdmu għall-qligħ kemm jekk le. Ir-riorganizzazzjoni amministrattiva ta’ l-awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, mhijiex trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva.”

3.        L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva jistipula:

“1      Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, wara d-data tat-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment u min lilu jsir it-trasferiment għandhom ikunu impenjati konġuntement u separatament għar-rigward ta’ obbliġi li kienu kkawżati qabel id-data ta’ trasferiment minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment.

[...]

3      Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it‑trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini u kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda”.

4.        Skont l-Artikolu 4 tad-direttiva:

“1.      It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id‑dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu”.

B.      Id-dritt Spanjol

5.        L-Artikolu 1 tal-Ley de 28 de mayo de 1862, Orgánica del Notariado (il-Liġi organika dwar in-nutara tat‑28 ta’ Mejju 1862) (3) jiddefinixxi n-nutar bħala “l-uffiċjal pubbliku bis-setgħa li jawtentika, skont il-liġijiet, il-kuntratti u l-atti l-oħra extraġudizzjarji” u jżid li “għandu jkun hemm kategorija waħda ta’ tali uffiċjali fir-Renju kollu”.

6.        L-Artikolu 44(1) u (2) tar-Real Decreto Legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015, li japprova t-test rivedut tal-Liġi dwar l-Istatus tal-Ħaddiema, tat‑23 ta’ Ottubru 2015, BOE n.255 tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224, iktar ’il quddiem l‑“Istatut tal-Ħaddiema”) jistipula:

“1.      It-trasferiment ta’ impriża, ta’ ċentru ta’ xogħol jew ta’ unità ta’ produzzjoni awtonoma ta’ tali impriża ma jtemmx fih innifsu r-relazzjoni ta’ xogħol; il-persuna li timpjega l-ġdida tissostitwixxi fid-drittijiet u l‑obbligi tal-persuna li timpjega preċedenti f’dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ xogħol u s-sigurtà soċjali, inklużi l-ħlasijiet tal-pensjoni, il‑kundizzjonijiet previsti mil-liġijiet speċifiċi applikabbli u, b’mod ġenerali, l-obbligi kollha fir-rigward tal-protezzjoni soċjali kumplimentari li min jagħmel it-trasferiment ikun assuma.

2.      Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, huwa kkunsidrat bħala suċċessjoni tal-impriża t-trasferiment ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, bħala għaqda organizzata ta’ riżorsi, għat-twettiq ta’ attività ekonomika, kemm jekk ċentrali jew anċillari”.

II.    Il-fatti, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

7.        L-impjegati NC, JD, TA u FZ kienu jaħdmu f’uffiċċju nutarili għal diversi nutara proprjetarji tal-uffiċċju. Fit-30 ta’ Settembru 2019, meta ġie ttrasferiet, in-nutar DV ta lil kull wieħed mill-impjegati ittra li fiha kien qed joffrilhom il-possibbiltà li jagħżlu jew li jittrasferixxu ruħhom miegħu fl‑uffiċċju nutarili ġdid jew li jtemmu l-kuntratt tax-xogħol. L-impjegati ddeċidew li jtemmu l-kuntratt tax-xogħol u n-nutar DV pproċeda bit-tkeċċija tagħhom “minħabba forza maġġuri ekonomika” u bil-ħlas ta’ kumpens.

8.        BA ġie maħtur nutar tal-uffiċċju nutarili fl-20 ta’ Jannar 2020 u ħa f’idejh il-ħaddiema impjegati min-nutar preċedenti, bl-istess elementi materjali u fl-istess post tax-xogħol fejn jinżammu l-atti, iddefiniti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali bħala l-kollezzjoni tal-atti pubbliċi, u dokumenti oħra miżjuda ma’ din il-kollezzjoni kull sena. Fil-11 ta’ Frar 2020, BA u r-rikorrenti daħlu f’kuntratt ta’ xogħol għal perijodu ta’ prova ta’ 6 xhur.

9.        Fil-15 ta’ Marzu 2020, minħabba l-pandemija Covid-19, id‑Dirección General de Seguridad Jurídica y Fe Pública (id-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċertezza Legali u Ċertifikazzjoni) tal-Ministerio de Justicia (il-Ministeru għall-Ġustizzja, Spanja) adotta deċiżjoni li stabbilixxiet li kienu ser jiġu implimentati biss miżuri urġenti, li l-uffiċji nutarili kellhom jadottaw miżuri rrakkomandati mill-awtoritajiet sabiex impjegati ma jidħlux l-uffiċċju u li kienet ser tiġi stabbilita sistema ta’ rotazzjoni tal-impjegati. L-għada, NC, TA u JD marru fl-uffiċċju tan-nutar sabiex jitolbu lil BA jimplimenta l-miżuri hawn fuq imsemmija. BA rrifjuta li jagħmel dan u fl-istess jum bagħat ittra ta’ tkeċċija lil NC, TA u JD, u fit-2 ta’ April 2020 lil FZ, li fiha ġie ddikjarat li ma kinux temmew b’suċċess il-perijodu ta’ prova.

10.      Ir-rikorrenti għalhekk irrikorrew quddiem il-qorti tar-rinviju, sabiex jitolbu li t-tkeċċija tagħhom tiġi ddikjarata nulla u mingħajr ġustifikazzjoni, filwaqt li sostnew li l-perijodu tas-servizz tagħhom kellu jiġi kkalkolat b’effett mill-jum li fih bdew jaħdmu fl-uffiċċju nutarili li kien fl-istess bini ta’ BA.

11.      BA oppona t-talbiet tagħhom u sostna li l-perijodu tas-servizz tagħhom kellu jibda jiddekorri mill-11 ta’ Frar 2020, data li fih ġie konkluż il-kuntratt bejn il-partijiet.

12.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, u, konsegwentement, il-kontenut tal-imsemmija direttiva, huma applikabbli għal sitwazzjoni fejn il-proprjetarju ta’ uffiċċju nutarili, uffiċjal pubbliku li huwa fl-istess waqt persuna privata li timpjega ħaddiema fis-servizz tagħha u li r-relazzjonijiet tiegħu fil-kapaċità tiegħu ta’ persuna li timpjega huma rregolati mid-dritt ġenerali tax-xogħol kif ukoll minn ftehim kollettiv settorjali, jissuċċedi proprjetarju preċedenti tal-uffiċċju nutarili, jiret l-atti, ikompli jeżerċita l-attività fl-istess post ta’ xogħol bl‑istess struttura materjali, u jkompli jimpjega lill-persunal li kien jaħdem għal dan in-nutar tal-aħħar?”

III. Analiżi legali

A.      Osservazzjonijiet preliminari

13.      Il-kawżi prinċipali jirrigwardaw xi ħaddiema li kienu ilhom impjegati f’uffiċċju nutarili għal diversi snin li, wara t-trasferiment tan‑nutar li kien jimpjegahom għal uffiċċju ieħor, tkeċċew minħabba raġunijiet ta’ natura ekonomika. Imbagħad, wara trattattivi, l-istess ħaddiema ġew impjegati mill-ġdid, b’kuntratt ġdid, min-nutar il-ġdid li ħa l-uffiċċju nutarili u sussegwentament tkeċċew minħabba li ma spiċċawx b’suċċess il-perijodu ta’ prova tagħhom.

14.      Huma diversi l-kwistjonijiet legali relatati mal-proċeduri fil‑kawżi prinċipali, u sa fejn jidher mill-proċess jirrigwardaw: il‑leġittimità tal-ewwel tkeċċija, il-leġittimità tat-tieni tkeċċija, il‑perijodu ta’ servizz tal-impjegati, il-leġittimità tal-impożizzjoni ta’ perijodu ta’ prova mat-tieni kuntratt u kwistjonijiet oħra ta’ natura remuneratorja. Madankollu, dawn huma kwistjonijiet li jistgħu jiġu riżolti biss mill-qorti nazzjonali.

15.      Is-suġġett tal-analiżi tiegħi ser ikun limitat għall-kwistjoni legali li tinsab fl-isfond tal-kawżi kollha u li, skont l-opinjoni tal-qorti tar‑rinviju, huwa l-bażi legali għad-definizzjoni sussegwenti tal‑proċeduri fil-kawżi prinċipali: huma applikabbli d-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment ta’ impriża previsti mid-Direttiva 2001/23, sabiex jinżammu d-drittijiet tal-impjegati, fil-każ ta’ bidla fis-sede ta’ nutar u meta wara din il-bidla n-nutar li jieħu postu jieħu f’idejh l-atti, ikompli jwettaq l-attività fl-istess post tax-xogħol bl-istess struttura fiżika u jieħu f’idejh il-persunal li kien impjegat mill-proprjetarju preċedenti tal-uffiċċju nutarili?

16.      Jekk, fil-fatt, id-direttiva tiġi applikata għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u l-ewwel tkeċċija kienet saret biss minħabba t-trasferiment innifsu (4), bla ħsara għall-verifiki tal‑konsegwenzi abbażi tad-dritt nazzjonali, ikun il-każ li n-nutar il-ġdid għandu. probabbilment, iżomm il-kuntratt ta’ xogħol għall-impjegati li jagħżlu li jibqgħu fl-uffiċċju nutarili mingħajr soluzzjoni ta’ kontinwità.

17.      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula għandha ssir analiżi qasira tal-punti segwenti: 1) eżami dwar jekk l-attività ta’ nutar fi Spanja tistax titqies bħala attività ta’ organu amministrattiv pubbliku (5); 2) eżami dwar jekk l-attività ta’ nutar fi Spanja tistax titqies bħala attività ekonomika fil-kunċett aċċettat mid-Direttiva 2001/23; 3) eżami dwar jekk l-imsemmija bidla bid-dħul tan-nutar il-ġdid minflok in-nutar preċedenti fis-sede nutarili tistax titqies bħala trasferiment ta’ impriża fil‑kunċett aċċettat mid-Direttiva 2001/23 (6).

18.      Fir-rigward tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, utli għall‑finijiet tal-analiżi: nutar fi Spanja jwettaq funzjonijiet ta’ uffiċjal pubbliku iżda, fl-istess ħin, huwa persuna li timpjega fis-settur privat tal‑impjegati tiegħu bl-applikazzjoni tal-liġijiet tax-xogħol fis-settur privat u tan-negozjar kollettiv; fil-kwalità ta’ uffiċjal pubbliku huwa awtorizzat jawtentika, skont il-liġi, il-kuntratti u l-atti ekstraġudizzjarji (huwa għalhekk għandu jiżgura li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha legalment rikjesti għall-eżekuzzjoni tal-att jew tal-kuntratt inkwistjoni); għandu kompetenza fil-każ ta’ bidla fl-istat ċivili tal‑persuni u għall-verifika tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt applikabbli għal kuntratt ta’ dritt privat bejn żewġ partijiet; huwa l-awtorità pubblika kompetenti sabiex tikklassifika bħala att nutarili att li jirriżulta mill-volontà tal‑partijiet, li jimplika l-għoti ta’ effetti lill-att li ma jiddependux mill‑volontà tal-partijiet iżda li jirriżultaw mid-dispożizzjoni ta’ liġi dwar l-att pubbliku (7); l-utent jista’ jagħżel in-nutar li bih jinqeda (8); parti mill‑onorarji tan-nutar huma stabbiliti mil-liġi, permezz ta’ tariffi, iżda l‑kwalità tas-servizzi pprovduti (u r-remunerazzjoni li tirriżulta) tista’ tvarja minn nutar għal ieħor (9); imbagħad mill-esperjenza jirriżulta li fl‑uffiċji nutarili Spanjoli l-klijenti għandhom kuntatt prevalenti mal‑impjegat li huwa responsabbli mill-preparazzjoni tal-atti, mill‑komunikazzjoni lill-finanzi pubbliċi u mill-konsenja tal-atti lill‑klijent, u iktar rari, b’mod dirett man-nutar (10); fil-każ suġġett tal‑proċeduri fil-kawżi prinċipali l-impjegati tal-uffiċċju nutarili ħadmu mad-diversi nutara li ġew wara xulxin għal perijodu ta’ bejn għoxrin u tletin sena; il-bini baqa’ l-istess kif ukoll is-sistema tat-telefon li baqgħet l-istess waħda mill-ftuħ tal-uffiċċju fl-1981 (11); meta nutar jieqaf mill‑attività tiegħu għaliex ikun ġie ttrasferit jew jiddeċiedi li jieqaf bil‑pensjoni, in-nutar il-ġdid huwa obbligat li jikkonserva l-atti tan-nutar preċedenti għal ħamsa u għoxrin sena, u jagħti kopji u ċertifikazzjoni tal‑awtentikazzjoni tal-atti meta jintalab jagħmel dan mill‑klijent (12).

19.      Qabel ma nipproċedi għall-analiżi tal-profili hawn fuq elenkati għandu jitfakkar, fir-rigward tal-kuntest legali, li l-għan tad‑Direttiva 2001/23 huwa li jiżgura li jiġu protetti d-drittijiet tal‑impjegati f’każ li tinbidel il-persuna li timpjega (13); li d-drittijiet u l‑obbligi ta’ min jagħmel it-trasferiment li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment (14) u, barra minn hekk, it-trasferiment ta’ impriża ma jistax ikun raġuni valida ta’ tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment (15). Mill-għanijiet ta’ protezzjoni hawn fuq iċċitati jista’ jirriżulta li l‑intepretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva stess għandha tkun immirata lejn protezzjoni effettiva tal-impjegat.

20.      Fl-aħħar nett għandu jiġi osservat li, minħabba d-diversità u d‑diverġenzi sinjifikattivi ta’ funzjonijiet u regolamentazzjonijiet tan‑nutara fid-diversi Stati Membri (u għalhekk, mill-ineżistenza ta’ kunċett ta’ nutar fid-dritt tal-Unjoni) u mir-rilevanza taċ-ċirkustanzi fattwali għall-finijiet tal-eżami dwar jekk l-attività ta’ nutar fi Spanja tikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens tad-Direttiva 2001/23, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja li ser infakkar sussegwentament, għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika l-elementi kollha li jistgħu jkunu favur l-applikabbiltà tad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/23 għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

1.      Il-klassifikazzjoni tal-attività nutarili: entità amministrattiva pubblika jew impriża li tiżvolġi attività ekonomika?

21.      Kif indikat iktar ’il fuq, in-nutar fi Spanja għandu funzjonijiet ta’ uffiċjal pubbliku iżda fl-istess ħin ta’ persuna li timpjega fis-settur privat lill-impjegati tiegħu (16); fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku huwa awtorizzat jawtentika, skont il-liġi, il-kuntratti u l-atti ekstraġudizzjarji; għandu kompetenza jibdel l-istatus ċivili tal-persuni u jivverifika dispożizzjonijiet tad-dritt applikabbli għal kuntratt tad-dritt privat bejn żewġ partijiet; huwa l-awtorità pubblika bil-kompetenza li jagħti l-istatus ta’ att nutarili lil att li jirriżulta mill-volontà tal-partijiet.

22.      Ir-Renju ta’ Spanja sostna l-istatus ta’ impjegat pubbliku li n-nutar għandu u, konsegwentament, il-klassifikazzjoni tal-attività tiegħu barra mill-kamp kummerċjali minħabba r-rabta mill-qrib mal-Istat (17). Barra minn hekk, l-attività nutarili lanqas ma tista’ titqies bħala professjoni ħielsa (18): dan huwa rwol pubbliku peress li n-nutar huwa responsabbli mill-attività ddelegata lilu mill-Istat.

23.      Anki jekk verament huwa minnu li l-attività żvolta minn nutar fi Spanja tinkludi prerogattivi ta’ setgħa pubblika li huma ddelegati lilu mill‑Istat (19), dan l-element waħdu ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-attività nutarili fi Spanja hija kklassifikata bħala entità amministrattiva pubblika skont l-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23.

24.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-attivitajiet marbuta mal‑eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika (20) u l-fatt li entità għandha prerogattivi ta’ setgħa pubblika sabiex twettaq parti mill-attivitajiet tagħha fih innifsu ma jimpedixxix li tkun ikklassifikata bħala impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni jew, bħal fil-każ inkwistjoni, tad-dritt tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiem, għal dawk l-attivitajiet tagħha li għandhom jiġu kklassifikati bħala attività ekonomika, sakemm tali attivitajiet jistgħu jiġu sseparati mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika (21).

25.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn naf jien, sal-lum għadha ma ddefinixxietx kunċett ta’ entità amministrattiva pubblika fis-sens tad‑Direttiva 2001/23, sabiex tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u lanqas solviet il-kwistjoni dwar jekk l-attività tan-nutar tistax titqies bħala attività ta’ entità amministrattiva pubblika, anki minħabba d-diverġenzi fil-professjoni nutarili fid-diversi Stati Membri.

26.      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, f’diversi okkażjonijiet (22), li uħud mill-attivitajiet nutarili l-iktar tipiċi, hekk kif huma ddefiniti fl-istat attwali tal-ordinament ġuridiku Belġjan, anki jekk isegwu interessi ġenerali meta jaqdu funzjonijiet ta’ natura pubblika, ma humiex parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (23). Dan huwa b’riferiment kemm għall-attività ta’ redazzjoni tal-atti pubbliċi u tal-għoti ta’ forma eżekuttiva lil dokument, għad-dmirijiet mogħtija lin‑nutar fil-kuntest ta’ ċertu bejgħ ta’ proprjetà immobbli, fil-qasam ta’ inventarju ta’ suċċessjonijiet, ta’ komunitajiet jew ta’ komunjonijiet, kif ukoll fil‑qasam ta’ twaħħil u tneħħija tas-siġilli u ta’ tqassim ġudizzjarju (24)

27.      Il-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” li jinsab fl‑Artikolu 51 TFUE jidhirli li huwa simili għal dak ta’ “awtorità amministrattiva pubblika” fl-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23. Fiż‑żewġ każijiet, fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeskludi mill‑applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet, fl-ewwel każ tal-libertà ta’ stabbiliment, u fit-tieni każ tat-trasferiment ta’ impriża, suġġetti li, bħala awtoritajiet pubbliċi, għandhom prerogattivi ta’ setgħa pubblika bħala rappreżentanti tal-Istat (25) u mhux attivitajiet ekonomiċi fi ħdan suq.

28.      Skont l-informazzjoni li tirriżulta mill-proċess, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, peress li l-utent jista’ jagħżel in-nutar għall-provvista tas-servizzi (26) u għas-servizz tagħhom japplikaw onorarji li huma varjabbli, almenu parzjalment. Barra minn hekk, fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom, huma direttament u personalment responsabbli lejn il-klijenti tagħhom għal danni li jirriżultaw mill-azzjonijiet jew min-nuqqasijiet tagħhom u jistgħu jagħżlu diversi forom ġuridiċi li fihom jissieħbu (27). Dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex karatteristika tal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika (28).

29.      Fir-rigward tal-attività prinċipali tan-nutara Spanjoli, jiġifieri dik li jabbozzaw atti pubbliċi, li jikkonferixxu l-awtentiċità u valur probatorju rilevanti tagħhom, dawn l-atti ma humiex ir-riżultat ta’ setgħa deċiżjonali (29). B’mod partikolari, is-saħħa eżekuttiva tal-att pubbliku hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jistipulaw att jew ftehim, bla ħsara għall-verifika min-nutar li huma konformi mal-liġi, u li jagħtihom saħħa eżekuttiva (30). L-intervent tan-nutar jippreżupponi għalhekk kunsens jew ftehim minn qabel li mingħajru n-nutar ma jistax jibdel b’mod unilaterali l-ftehim.

30.      Naqbel, għalhekk, mal-Kummissjoni fis-sens li n-nutara, fi Spanja, jwettqu servizz pubbliku li għandu għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-garanzija tal-legalità u taċ-ċertezza tad-dritt tal-atti konklużi bejn il-partijiet, iżda dan għandu jkun distint minn dak imwettaq mill‑Istat f’oqsma oħra sakemm dan l-għan li għandu jiġi segwit ma jistax jiġġustifika li l-attivitajiet nutarili jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika (31).

31.      Konsegwentament, huwa plawżibbli li jiġi sostnut, bla ħsara għall‑verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li l-attivitajiet tan‑nutar ma għandhomx jiġu inklużi mal-attivitajiet konnessi mal‑eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika u li għalhekk ma humiex simili għal dawk ta’ entità amministrattiva pubblika.

32.      Mill-esklużjoni tan-nutara fi Spanja mill-kunċett ta’ “entità amministrattiva pubblika” fis-sens kif hawn fuq spjegat, jiġifieri awtorità li għandha prerogattivi ta’ setgħa pubblika ddelegati mill-Istat f’kuntest purament pubbliċitarju u lil hinn minn suq li fih is-servizzi huma offruti b’mod kompetittiv, tista’ tirriżulta l-inklużjoni tagħhom fil-kunċett ta’ impriżi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi.

33.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (32).

34.      Attività ekonomika (33) timplika l-fatt li jiġu offruti oġġetti u servizzi f’suq partikolari u l-klassifikazzjoni tagħha tiddependi anki mill-fatt li l‑operaturi kkonċernati jassumu r-riskji finanzjarji konnessi mal-eżerċizzju ta’ tali attività, b’mod partikolari jekk huma membri ta’ professjoni ħielsa. Dan iseħħ, f’każ ta’ telf, il-professjonist isostnihom personalment. Barra minn hekk huwa responsabbli ċivilment fil-konfront tal-klijenti tiegħu għal żbalji jew nuqqasijiet fl-attività professjonali tiegħu.

35.      In-natura kumplessa u teknika tas-servizzi pprovduti u l-fatt li l‑eżerċizzju tal-professjoni huwa rregolat ma jistgħux jikkontestaw il‑klassifikazzjoni ta’ attività bħala attività ekonomika.

36.      Mill-ġurisprudenza, jirriżulta għalhekk li l-kunċett ta’ attività ekonomika jinkludi kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti u servizzi fis-suq.

37.      Uffiċċju nutarili, fis-sens ta’ din id-definizzjoni, jista’ għalhekk ikun ikkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ġabra ta’ elementi u ta’ persuni li jaqblu li jwettqu attività ekonomika billi joffru oġġetti u servizzi fis-suq bħall-awtentikazzjoni tal-kuntratti u ta’ atti ekstraġudizzjarji oħra (34). Dawn l-attivitajiet jikkonsistu fl-offerta ta’ servizzi f’suq partikolari (35), jiġifieri dak miftuħ għan-nutara magħżula mill-klijenti tagħhom, inkambju għal remunerazjzoni (parzjalment varjabbli) li tikkorrispondi mas-servizzi mogħtija, li għalihom huma kompletament responsabbli fil‑konfront tal-klijenti.

38.      Minn dak li jirriżulta mill-proċess, inqis li huwa raġonevoli li jitqies li l-attività nutarili fi Spanja, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il‑qorti tar-rinviju, tista’ taqa’ fil-kunċett ta’ impriża li twettaq attività ekonomika fis-sens u għall-finijiet tad-Direttiva 2001/23.

2.      Id-domanda preliminari

39.      Il-fatt li n-nutar fi Spanja, bla ħsara għall-verifika tal-qorti tar‑rinviju, ma jistax jiġi kklassifikat bħala entità amministrattiva pubblika kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23 u li dan, għall-kuntrarju, jista’ jiġi inkluż fil-kunċett ta’ impriża li twettaq attività ekonomika fis-sens tal-istess dispożizzjoni, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa trasferiment ta’ impriża.

40.      L-elementi meħtieġa sabiex dan ikun il-każ, skont l‑Artikolu 1(1)(b) huma: li jkun hemm “trasferiment”, ta’ “entità ekonomika” u li din tal-aħħar, fit-trasferiment, iżżomm “l-identità tagħha”, għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività kemm jekk hija ċentrali jew anċillari.

41.      Fir-rigward tat-“trasferiment” il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod kostanti li l-fatt li t-trasferiment jirriżulta minn deċiżjonijiet unilaterali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u mhux minn qbil tal‑intenzjonijiet ma jeskludix l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 (36).

42.      Il-kunċett ta’ trasferiment għandu, għalhekk, jiġi interpretat b’mod estensiv (37): ikun hemm trasferiment fil-każijiet kollha ta’ bidla tal‑persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mit-tmexxija tal-impriża, irrispettivament mill-istrument ġuridiku użat sabiex issir tali bidla u irrispettivament minn kif issir din l-istess bidla (38). Għalhekk ma huwiex neċessarju li jkunu jeżistu relazzjonijiet kuntrattwali diretti bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju (39). Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, il‑kriterju essenzjali huwa l-bidla tal-persuna li timpjega (40).

43.      F’dan il-każ, għalhekk, huwa irrilevanti l-fatt li t-trasferiment tan‑nutar sar b’att ta’ prerogattiva ta’ setgħa pubblika (li kien jippreskrivi t-trasferiment tan-nutar preċedenti) u li ma kienx hemm relazzjoni kuntrattwali bejn in-nutar ittrasferit u dak ġdid.

44.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “entità ekonomika” suġġett tat‑trasferiment, kif ġie rrilevat b’mod effikaċi fid-duttrina, “huwa kunċett b’kontenut li jinbidel, li huwa bbażat fuq il-fatti kollha tal-każ partikolari, li jinkludu t-tip ta’ impriża inkwistjoni, iċ-ċessjoni jew le ta’ elementi materjali, bħal bini jew beni mobbli, il-valur tal-elementi immaterjali fil-mument taċ-ċessjoni, l-assunzjoni mill-ġdid jew le tal‑parti l-kbira tal-persunal mill-imprenditur il-ġdid, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-grad ta’ analoġija bejn l-attivitajiet eżerċitati qabel u wara ċ-ċessjoni u t-tul ta’ eventwali sospensjoni ta’ tali attivitajiet” (41). Madankollu, “tali elementi jikkostitwixxu […] sempliċament aspetti parzjali tal-evalwazzjoni kumplessiva […] u ma jistgħux, għalhekk, jiġu kkunsidrati b’mod iżolat, u lanqas huwa neċessarju li jkunu fis-seħħ kollha fl-istess ħin” (42).

45.      Min-naħa l-oħra, l-entità ekonomika hija kunċett li, mill‑perspettiva tal-elementi li jiffurmawha, “tvarja skont it-tip ta’ attività u skont il-funzjoni tal-attività eżerċitata” (43).

46.      Fi kwalunkwe każ, anki fid-dawl tal-varjabbiltà tal-kunċett, is‑sempliċi suċċessjoni fit-twettiq ta’ attività ma twassalx għall-estremi ta’ trasferiment ta’ entità ekonomika: għaliex biex iseħħ it-trasferiment entità ekonomika jeħtieġ li jkun hemm ukoll it-trasferiment (fis-sens wiesa’ deskritt hawn fuq) tal-elementi patrimonjali.

47.      Fil-każ inkwistjoni, dejjem bla ħsara għall-verifiki neċessarji dwar il-fatti mill-qorti tar-rinviju, ma tantx jidher dubjuż li kien hemm it‑trasferiment ta’ entità ekonomika: kif imsemmi hawn fuq, il-bini tal‑uffiċċju, il-portafoll nutarili, il-parti l-kbira tal-impjegati u, minn kif jidher, parti mill-klijentela, ġew ittrasferiti lin-nutar il-ġdid.

48.      It-tielet rekwiżit neċessarju biex jingħalaq il-każ hija ż-żamma, matul it-trasferiment, tal-“identità” tal-entità ekonomika, entità li għandha żżomm ir-rekwiżiti tal-awtonomija u tal-istabbiltà.

49.      Iż-żamma tal-identità tagħha min-naħa tal-entità ekonomika tirriżulta b’mod partikolari mit-tkomplija effettiva tal-attivitajiet (44). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li “hija ż-żamma mhux tal‑organizzazzjoni speċifika imposta mill-imprenditur għad-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti, iżda tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplementarjetà bejn dawn il-fatturi li tikkostitwixxi l-element rilevanti sabiex jiġi konkluż li tkun inżammet l‑identità tal-entità ttrasferita. Iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id‑diversi fatturi ttrasferiti tippermetti lill-persuna li lilha jsir it‑trasferiment juża lil dawn tal-aħħar, anki jekk dawn ikunu integrati, wara t-trasferiment, fi struttura organizzattiva ġdida differenti, sabiex ikompli attività ekonomika identika jew analoga” (45).

50.      Nikkjarifika li sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit tal-awtonomija, li l-entità ttrasferita għandu jkollha qabel it-trasferiment tagħha u żżomm anki wara, hemm il-bżonn li, minkejja li l-persuna li timpjega timponi lill-grupp ta’ ħaddiema obbligi preċiżi u għalhekk teżerċita influwenza wiesgħa fuq l-attivitajiet ta’ dan il-grupp, l-imsemmi “grupp ikollu ċerta libertà sabiex jorganizza u jeżegwixxi l-funzjonijiet tiegħu” (46).

51.      Fi kliem ieħor, ir-rekwiżit tal-awtonomija jservi bħala indikatur tal-kontinwità tal-attività produttiva qabel u wara l-bidla tal-proprjetarju tagħha u għalhekk tikkonferma l-kapaċità tal-entità ttrasferita sabiex twettaq attività produttiva (47).

52.      Dan ifisser li l-protezzjoni tal-impjegat ma tibdix fil-mument tat‑trasferiment ta’ oġġett, iżda iktar “meta iseħħ il-fatt irrappreżentat mit-twettiq ta’ attività ta’ impriża li għandha żżomm l-identità tagħha, biex turi li dak li ġie ttrasferit huwa f’pożizzjoni li jwettaq attività ta’ impriża” (48).

53.      Madankollu, kif aċċennat iktar ’il fuq fir-rigward tal-kunċett ta’ entità ekonomika, sabiex jiġi stabbilit jekk entità żżommx l-identità tagħha, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi fattwali kollha u l‑importanza li għandha tingħata għad-diversi elementi tvarja neċessarjament skont l-attività mwettqa, jew anki skont metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati fl-impriża (49).

54.      Il-funzjoni ta’ oġġett jew ta’ element tat-trasferiment jista’ jkun rilevanti ftit jew wisq skont il-kuntest u, għalhekk, is-sentenza għandha tiġi rrrelativizzata skont il-każijiet individwali.

55.      Fir-rigward tal-fatti konkreti suġġetti tad-domanda preliminari, sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx eventwali trasferiment ta’ impriża, l‑analiżi għandha tirrigwarda l-elementi kollha intiżi sabiex jippermettu l-eżerċizzju tal-attività nutarili.

56.      Peress li hija professjoni intellettwali b’kontenut għoli professjonali ma hemmx dubju li l-kontribut personali tan-nutar huwa ta’ rilevanza sinjifikattiva fl-iżvolġiment tal-attività tal-uffiċċju. Jidher iktar dubjuż l-argument, sostnut mill-konvenut fil-kawża prinċipali, li l‑uffiċċju nutarili kien jidentifika ruħu man-nutar stess, fis-sens li ebda attività li sseħħ fih ma kienet tkun possibbli mingħajr il-kontribut personali tiegħu. Bil-konsegwenza li, li kieku dan l-aħħar argument huwa veru, wara t‑trasferiment tan-nutar għal post ieħor, l-uffiċċju nutarili, magħmul minn beni mobbli, immobbli, atti u persunal ma jkollu l-ebda awtonomija u għalhekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti kollha neċessarji għat-trasferiment u, b’mod partikolari, dak tal-awtonomija. B’dan il-mod ma jkunx hemm kontinwazzjoni vera tal-attività tal-impriża.

57.      Il-qari tad-dokumentazzjoni li tinsab fil-proċess u l-espożizzjoni tal-argumenti tal-partijiet fis-seduta jwassluni sabiex insostni li uffiċċju nutarili, wara t-trasferiment ta’ nutar u wara d-dħul ta’ ieħor ġdid, ikompli l-attività ta’ impriża mill-mument li, b’mod raġonevoli, għal raġunijiet ġeografiċi, ta’ relazzjonijiet eżistenti mal-impjegati, tal-preżenza tad‑dokumenti, il-klijentela tkompli tmur fl-istess uffiċċju sabiex titlob servizzi nutarili.

58.      Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li, abbażi taċ-ċirkustanzi kollha, fid-dawl tal-prinċipji u tal-kriterji hawn fuq imsemmija, huma ssodisfatti r-rekwiżiti kollha tal-każ dwar it-trasferiment ta’ impriża.

IV.    Konklużjoni

59.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposta segwenti għad-domanda preliminari magħmula:

“L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, u konsegwentament il-kontenut tad-Direttiva 2001/23/CE, huma applikabbli għal sitwazzjoni li fiha proprjetarju ta’ uffiċċju nutarili li huwa fl-istess ħin uffiċjal pubbliku u persuna li timpjega fis-settur privat tal-impjegati fis-servizz tiegħu u liema relazzjoni bħala persuna li timpjega hija rregolata mid‑dritt tax-xogħol ġenerali u minn ftehim kollettiv settorjali, jidħol minflok il‑proprjetarju preċedenti tal-impriża, jieħu f’idejh l-atti, ikompli jwettaq l-attività mill-istess post tax-xogħol bl-istess struttura fiżika u jieħu f’idejh il-persunal li kien impjegat mal-propretarju ta’ qabel.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, preliminarjament, li, abbażi tal-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-attività tan-nutar fi Spanja tistax titqies bħala attività ta’ impriża li twettaq attività ekonomika u, fit‑tieni lok, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha, jekk fil-kawża prinċipali hemmx ir-rekwiżiti sabiex jiġi integrat il-każ ta’ trasferiment ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha fis-sens tad‑Direttiva 2001/23”.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Direttiva 2001/23/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).


3      Gaceta de Madrid, n. 149, 29 ta’ Mejju 1862, p. 1.


4      Dan huwa illegali skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23.


5      Li r-riorganizzazzjoni tiegħu jew it-trasferiment tal-funzjonijiet għal organu ieħor ma jikkostitwixxux trasferiment ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 1(1)(ċ) tad‑Direttiva 2001/23.


6      U, għalhekk, li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1(1)(b) jiġifieri li tkun entità ekonomika, li jkun hemm trasferiment u li tinżamm l-identità tal-impriża wara t-trasferiment.


7      Osservazzjonijiet bil-miktub tar-Renju ta’ Spanja, punt 45.


8      Artikolu 126 tal-Liġi dwar in-nutara, li jistipula li “kull min jixtieq juża servizzi tan‑nutar għandu dritt li jagħżel in-nutar li jipprovdihom”, iċċitat mir-Renju ta’ Spanja fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fil-punt 69.


9      Verbal tas-seduta, p 3.


10      Verbal tas-seduta, p 4. Hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-klijentela għandha tendenza li tibqa’ leali għall-uffiċju nutarili, anki fil-każ fejn jinbidel in-nutar, flimkien ma’ raġunijiet oħra kemm ta’ natura ġeografika kif ukoll ta’ relazzjonijiet prattiċi mal-impjegati. Fil-każ inkwistjoni, jista’ jiġi ddikjarat li l-klijentela baqgħet kważi mhux mibdula minkejja d-diversi bidliet ta’ nutara li ġew wara xulxin matul is-snin.


11      Verbal tas-seduta, p 5.


12      Verbal tas-seduta, p 12.


13      Kif jirriżulta mit-tielet premessa.


14      Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23.


15      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23. Ma hijiex eskluża l-possibbiltà li l‑persuna li timpjega tkeċċi impjegati għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew organizzattivi.


16      Għalihom, bħala persuni li jimpjegaw fis-settur privat, japplikaw b’mod paċifiku l‑liġijiet fuq ix-xogħol privat u n-negozjar kollettiv.


17      Osservazzjonijiet bil-miktub, punt 36.


18      Osservazzjonijiet bil-miktub, punt 39.


19      Naqbel mal-analiżi magħmula mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑47/08, EU:C:2010:513, punt 56). Fis-sommarju tiegħu tad-dritt Belġjan, Ġermaniż, Grieg, Franċiż, Lussemburgiż u Awstrijak relatat mal-professjoni nutarili (punti 12-55), l‑Avukat Ġenerali josserva li “fl-Istati Membri konvenuti kollha [fir-rikorsi għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu] hemm indikazzjoni ċara tal-eżistenza ta’ status speċifiku u ibridu għan-nutara, f’nofs triq bejn dak tal-funzjoni pubblika u dak tal‑professjonijiet ħielsa, li joħloq drittijiet u obbligi li jagħmlu l-professjoni nutarili uffiċju li jeżerċita attività ekonomika sui generis”.


20      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Mejju 2021, Analisi G. Caracciolo, C‑142/20, EU:C:2021:368, punt 56.


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑7 Novembru 2019, Aanbestedingskalender et vs Il-Kummissjoni, C‑687/17P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:932, punt 18, u tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il‑Kummissjoni, C‑666/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:225, punt 71.


22      B’mod partikolari fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment imsemmija fl-Artikoli 49 u 51 TFUE. Dawn kienu rikorsi għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea kontra Stati Membri li kienu stabbilixxew rekwiżit ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, inkwantu kienu naqsu milli jwettqu l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 43 KE (issa l-Artikolu 49 TFUE). Fl-24 ta’ Mejju 2011 ingħataw seba’ sentenzi li jirrigwardaw ir-Renju tal-Belġju, ir‑Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika Portugiża, ir‑Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Ellenika: Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑47/08, UE:C:2011:334), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑50/08, EU:C:2011:335), Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑51/08, EU:C:2011:336), Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (C‑52/08, EU:C:2011:337), Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑53/08, EU:C:2011:338), Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑54/08, EU:C:2011:339) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑61/08, EU:C:2011:340). Is-sentenzi sussegwenti tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794), tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Latvja (C‑151/14, EU:C:2015:577), tal-1 ta’ Frar 2017, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑392/15, EU:C:2017:73), u tal-15 ta’ Marzu 2018 Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑575/16, EU:C:2018:186) jirrigwardaw ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Latvja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka.


23      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 123), u tal‑15 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑575/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:186, punti 107 u 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-regolamentazzjoni tal-professjoni tan-nutar fl‑ordinament Belġjan tidher simili għal dik prevista fl-ordinament Spanjol.


24      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑47/08, EU:C:2011:334, punti 105 sa 111).


25      Ara l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-punt 48 li fih huwa preżunt ix-xebh taż‑żewġ kunċetti billi tiġi ċċitata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l‑eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment.


26      Artikolu 126 tal-Liġi dwar in-nutara.


27      Verbal tas-seduta, p. 3: “Huma l-uniċi responsabbli tal-azzjonijiet professjonali tagħhom mill-perspettiva ċivili u kriminali u, differenti mill-impjegati taċ-ċivil, l‑Istat ma jieħux responsabbiltà għall-iżbalji li jistgħu jikkommettu fl-eżerċizzju tal‑professjoni tagħhom; huma n-nutara li għandu jkollhom polza ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili sabiex ikunu koperti f’każ ta’ responsabbiltà […] Jistgħu jagħżlu kull tip ta’ organizzazzjoni ġuridika bħal kwalunkwe imprenditur fi Spanja, komunjoni ta’ beni, sħubija ċivili, kumpannija b’responsabbiltà limitata”. Din hija dikjarazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li ma ġietx debitament ikkontestata minn partijiet oħra fil-kawża.


28      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑47/08, EU:C:2011:334, punti 117 u 118) u l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 49.


29      Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 26, iċċitata fil-punt 44 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Scattolon (C‑108/10, EU:C:2011:542)); tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑47/08, EU:C:2011:334, punt 90), u tal‑15 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑575/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:186, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.


31      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.


32      Fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, ara b’mod partikolari s-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 46 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata, u tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 35.


33      Sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 47 u l‑ġurisprudenza hemm iċċitata, u tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 36.


34      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 45.


35      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2011, Scattolon (C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 34).


36      Ara, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187/KEE tal‑14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar iż‑żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, ta’ stabbilimenti jew ta’ partijiet ta’ stabbilimenti (ĠU 1977, L 61, p. 26), riprodotta mingħajr emendi fid‑Direttiva 2001/23, sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et (C‑173/96 u C‑247/96 , EU:C:1998:595, punti 21 u 22), u tal‑14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C‑343/98 , EU:C:2000:441, punt 34 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata), u, fir-rigward ta’ din id-direttiva, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP (C‑151/09 , EU:C:2010:452, punt 24 dwar deċiżjoni meħuda b’digriet), u tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 38).


37      Anki fid-duttrina rriżulta li, minħabba l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il‑kunċett ta’ trasferiment ta’ impriża “twessa’ b’mod sinjifikattiv, u jmur lil hinn mir-riferiment ristrett għal sempliċi assenjazzjoni kuntrattwali li jinsab fid-direttiva”, F. Carinci, A. Pizzoferrato, Il diritto del lavoro dell’Unione europea, Torino, 2021, p. 292.


38      F. Carinci, A. Pizzoferrato, Il diritto del lavoro dell’Unione europea op. cit.,  p. 294.


39      Bħala eżempju tista’ titfakkar is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Securitas, C‑200/16, EU:C:2017:780, punti 23 u 24, li fih ġie ddikjarat li l-assenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn iż-żewġ impriżi li ngħatatilhom suċċessivament il‑ġestjoni tas-sorveljanza u tal-viġilanza ta’ proprjetà fil-port hija irrilevanti għall‑finijiet tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2001/23. L-istess bħal fis-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 39, li fiha ġie ddikjarat li l-fatt li trasferiment irriżulta mix-xoljiment ta’ impriża muniċipali abbażi ta’ deċiżjoni tal-organu eżekuttiv tal-muniċipalità ma jipprekludix fih innifsu l‑eżistenza ta’ trasferiment.


40      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 39), u anki, għad-direttiva preċedenti, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 17).


41      R. Romei, La Direttiva europea sul trasferimento di imprese. Profili generali, in R. Cosio, F. Curcuruto, V. Di Cerbo, G. Mammone, Il diritto del lavoro dell’Unione europea, Giuffrè, 2023, p. 775. Fl-istess sens ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 33. Ma huwiex neċessarju li l-proprjetà tal-oġġetti tiġi ttrasferita, peress li huwa suffiċjenti li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni taċ-ċessjonarju; ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Güney-Görres e Demir (C‑232/04 u C‑233/04, EU:C:2005:778).


42      R. Romei, La Direttiva europea op. cit., p. 775. Fl-istess sens ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2003, Abler, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 34.


43      R. Romei, La Direttiva europea op. cit., p. 777.


44      Ara pereżempju s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Dodič, C‑194/18, EU:C:2019:385, punt 33.


45      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 44).


46      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 51.


47      R. Romei, La Direttiva europea op. cit., p. 779.


48      R. Romei, La Direttiva europea op. cit., p. 780.


49      Ara pereżempju s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Dodič, C‑194/18, EU:C:2019:385, punti 34 u 35.