Language of document : ECLI:EU:C:2016:221

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-7 ta’ April 2016 (1)

Kawża C‑160/15

GS Media BV

vs

Sanoma Media Netherlands BV,

Playboy Enterprises International Inc.,

Britt Geertruida Dekker

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 3(1) – Avviż lill-pubbliku – Sit tal-internet – Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ hyperlinks li jwasslu għal xogħlijiet aċċessibbli liberament fuq sit tal-internet ieħor – Assenza ta’ awtorizzazzjoni tad-detentur”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tat-3 ta’ April 2015 ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2015 mill‑Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (2).

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn GS Media BV (iktar ’il quddiem “GS Media”) u Sanoma Media Netherlands BV (iktar ’il quddiem “Sanoma”), Playboy Enterprises International Inc. (iktar ’il quddiem “Playboy”) u Britt Geertruida Dekker (iktar ’il quddiem, flimkien, “Sanoma et”), dwar b’mod partikolari l-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet GeenStijl.nl (iktar ’il quddiem “GeenStijl”), operat minn GS Media, ta’ hyperlinks (jew “links li tikklikkja fuqhom”) lejn siti oħra li fuqhom jintwerew ritratti ppiratati ta’ G. Dekker, meħuda għar-rivista Playboy.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        Il-premessi 2 sa 5, 9, 23 u 31 tad-Direttiva 2001/29 jistipulaw dan li ġej:

“(2)      Billi l-Kunsill Ewropew [...] enfasizza l-ħtieġa li jifforma qafas legali ġenerali u flessibbli f’livell tal-Komunità sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa.; […].

(3)      L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. [...]

(5)      L-iżvilupp teknoloġiku kabbar u ddiversifika l-gwidi tal-kreazzjoni, il-produzzjoni u l-isfruttament. Filwaqt li m’huma meħtieġa l-ebda kunċetti ġodda għall-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi preżenti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tiġi adottata u miżjuda biex tirreaġixxi b’mod adekwat għar-realtajiet ekonomiċi bħal forom ġodda ta’ sfruttament.

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. […]

[...]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir.

[…]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. […]”

4.        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[...]

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

5.        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan.

[…]

3.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi ‘miżuri teknoloġiċi’ tfisser kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur li hemm provdut dwarhom bil-liġi jew id-dritt sui generis li hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459)]. Miżuri teknoloġiċi jitqiesu “effettivi” fejn l-użu ta’ xogħol protett jew materjal ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal kriptaġġ, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ieħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-objettiv ta’ protezzjoni.

[…]”

6.        L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

7.        L-Artikoli 14 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-suq intern (3), intitolat “Hosting”, jipprevedi:

“1.      Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta' dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

a)      dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti

jew

b)      dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux ikun applikabbli meta dak li jirċievi s-servizz ikun jaġixxi permezz ta’ l-awtorità jew tal-kontroll ta’ dak li jipprovdi.

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

8.        It-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (4) tipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà interllettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2001/29/KE].”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.        Sanoma, l-editur tar-rivista mensili Playboy, kienet ordnat lil fotografu, M. Hermès, sabiex iwettaq rapport fotografiku fuq G. Dekker. G. Dekker kienet tidher regolarment fi programmi televiżivi fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-fotografu kien ta mandat lil Sanoma sabiex tirrappreżentah bl-għan li jiġu żgurati l-protezzjoni u l-osservanza tad-drittijiet tiegħu ta’ proprjetà intellettwali riżultanti mill-missjoni inkwistjoni.

10.      Fis-27 ta’ Ottubru 2011, GS Media li topera s-sit tal-internet GeenStijl, ippubblikat avviż intitolat: “[kliem oxxen]! Ritratti ta’ […] Dekker għarwiena”. Flimkien ma’ dan l-avviż, fir-rokna ta’ fuq tax-xellug tas-sit, kienet tidher parti minn wieħed minn dawn ir-ritratti. L-avviż kien jispiċċa bit-test li ġej: “U issa l-link għar-ritratti li qed tistenna. L-ewwel [kelma oxxena], [kelma oxxena] l-ewwel. HAWNHEKK. […]” Billi jikklikkjaw fuq il-hyperlink intitolata “HAWNHEKK”, il-qarrejja kienu jiġu diretti lejn sit Awstraljan ta’ ħażna ta’ data msemmi Filefactory.com. Billi jikklikkjaw fuq il-hyperlink segwenti, huma setgħu jiftħu tieqa ġdida li kienet tinkludi stedina sabiex “tniżżel issa” (“Download now”). Billi jikklikkja fuq din il-buttuna, il-qarrej kien jiftaħ fajl fil-format zip li jinkludi ħdax-il fajl fil-format pdf kull wieħed minnhom jinkludi wieħed mir-ritratti.

11.      Minkejja t-talbiet ta’ Sanoma, GS Media rrifjutat li telimina l-hyperlink inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, ir-ritratti tneħħew minn fuq is-sit tal-internet Filefactory.com.

12.      Fis-7 ta’ Novembru 2011, fuq is-sit GeenStijl deher avviż intitolat: “Blote [Dekker] gaat GeenStijl aanklaguh” [“In-nuda Dekker tippreżenta kawża kontra GeenStijl”] fir-rigward tal-kawża bejn GS Media u Sanoma et fuq is-suġġett tar-ritratti mxandra minn GeenStijl. Dan l-avviż kien jispiċċa bil-kliem li ġejjin: “Aġġornament: għadek ma rajtx ir-ritratti ta’ [Dekker] għarwiena? Qegħdin HAWNHEKK”. Dan l-avviż kien jinkludi wkoll hyperlink għas-sit Imageshack.us, li fuqu kienu jidhru wieħed jew iktar mir-ritratti inkwistjoni. Anki s-sit Imageshack.us aċċetta t-talba ta’ Sanoma li tneħħi dawn ir-ritratti. Fis-17 ta’ Novembru 2011 deher it-tielet avviż fuq GeenStijl li jinkludi hyperlink għar-ritratti. Kien intitolat: “Bye Bye, ċaw Playboy”. Il-klijenti li jżuru l-forum ta’ GeenStijl kienu mbagħad poġġew links ġodda fuq dan is-sit li jirreferu għal siti oħra fejn ir-ritratti setgħu jiġu kkonsultati.

13.      Ir-ritratti ta’ G. Dekker kienu ġew ippubblikati fir-rivista Playboy fix-xahar ta’ Diċembru 2011.

14.      Sanoma et ippreżentaw rikors quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam), fejn sostnew b’mod partikolari li, meta qiegħdet hyperlinks u parti minn wieħed mir-ritratti inkwistjoni fuq GeenStijl, GS Media ppreġudikat id-drittijiet tal-awtur ta’ M. Hermès u aġixxiet b’mod illegali fil-konfront ta’ Sanoma et. Ir-Rechtbank Amsterdam kienet laqgħet il-maġġoranza tat-talbiet f’dan ir-rikors.

15.      Il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) annullat is-sentenza tar-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam), billi qieset li, meta qiegħdet il-hyperlinks, GS Media ma kinitx ippreġudikat id-drittijiet tal-awtur ta’ M. Hermès, billi r-ritratti kienu diġà ġew ippubblikati meta tqiegħdu online fuq is-sit Filefactory.com. Il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) ma tatx sentenza fuq il-kwistjoni jekk it-tqegħid tar-ritratti fuq is-sit Filefactory.com kienx jew le ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ M. Hermès. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li, bit-tqegħid ta’ dawn il-hyperlinks, GS Media kienet aġixxiet b’mod illegali fil-konfront ta’ Sanoma et, billi kienet ħeġġet lill-viżitaturi ta’ GeenStijl sabiex jaraw ir-ritratti li tqiegħdu illegalment fuq Filefactory.com li, fl-assenza ta’ tali links, ma kinux jinsabu faċilment. Għall-kuntrarju, il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) qieset li, bit-tqegħid ta’ parti mir-ritratti fuq is-sit GeenStijl, GS Media kienet ppreġudikat id-drittijiet tal-awtur ta’ M. Hermès.

16.      GS Media u Sanoma et kienu rispettivament ippreżentaw appell u appell inċidentali quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

17.      GS Media tilmenta li l-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) iddeċidiet li, bit-tqegħid ta’ parti ta’ wieħed mir-ritratti fl-avviż tagħha dwar ir-ritratti, hija kienet ippreġudikat id-drittijiet tal-awtur ta’ M. Hermès.

18.      Sanoma et tilmenta li l-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) iddeċidiet li, bit-tqegħid tal-hyperlinks fuq is-sit tagħha, GS Media ma kinitx għamlet ir-ritratti disponibbli għall-pubbliku. Filwaqt li rreferew b’mod partikolari għas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), Sanoma et argumentaw quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) li l-provvista ta’ link għal sit tal-internet li fuqu kien tqiegħed xogħol mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku, u dan irrispettivament mill-kwistjoni jekk dak ix-xogħol kienx ġie ppubblikat qabel bil-kunsens tiegħu jew le. Sanoma et jsostnu, barra minn hekk, li s-sit Filefactory.com kien ħa miżuri ta’ restrizzjoni, fis-sens tal-punt 31 tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), “li l-utenti ta’ GeenStijl setgħu jevitaw minħabba l-intervent ta’ GS Media, b’mod li r-ritratti ppiratati kienu jinsabu għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku usa mill-pubbliku li għalih ir-ritratti kienu tqegħdu fil-‘kaxxaforti diġitali’ jew li, għall-inqas, dawn ir-ritratti kienu għalhekk ġew żvelati lil pubbliku li, jekk ma jużax mezzi iktar sofistikati, ma kienx ikollu aċċess għalihom mingħajr dan l-intervent u għalhekk kienu jibqgħu barra mill-portata tiegħu”.

19.      Fil-kuntest tal-eżami tal-appell inċidentali, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tqis li ma huwiex possibbli li jingħad b’ċertezza suffiċjenti mis-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), kif ukoll mid-digriet BestWater International (C‑348/13, EU:C:2014:2315), jekk ikunx hemm “komunikazzjoni lill-pubbliku” meta x-xogħol ikun effettivament ġie ppubblikat qabel, imma mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet. Hija tosserva, barra minn hekk, li l-appell inċidentali jqajjem ukoll kwistjonijiet dwar l-evitar tal-miżuri ta’ restrizzjoni, fis-sens tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76). Hija tinnota, f’dan ir-rigward, li r-ritratti ma kinux mistura qabel ma GS Media qiegħdet il-hyperlink fuq is-sit GeenStijl imma li, fl-istess waqt, ma kienx faċli li jinstabu b’tali mod li t-tqegħid tal-hyperlink kellu effett simplifikanti ħafna.

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      a      Il-fatt li persuna li ma hijiex id-detentur tad-drittijiet tal-awtur tirreferi, billi tqiegħed hyperlink f’sit tal-internet li hija topera, għal sit tal-internet ieħor li huwa operat minn terz u li huwa aċċessibbli għall-utenti tal-internet kollha li fuqu x-xogħol ikun disponibbli għall-pubbliku mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29?

1.      b      Il-kwistjoni dwar jekk ix-xogħol ma kienx preċedentement b’xi mod ieħor ikkomunikat lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur hija rilevanti għar-risposta għad-domanda preċedenti?

1.      ċ      Il-kwistjoni dwar jekk il-persuna li tqiegħed hyperlink taf jew għandha tkun taf li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma tax il-kunsens għat-tqegħid tax-xogħol fis-sit tal-internet tat-terz indikat fid-domanda 1.a. u, skont il-każ, li barra minn hekk ix-xogħol ma kienx preċedentement b’xi mod ieħor ikkomunikat lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur hija rilevanti?

2.      a      F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 1.a: f’dan il-każ, hemm, jew jista’ jingħad li hemm, komunikazzjoni lill-pubbliku meta s-sit tal-internet li għalih jirreferi l-hyperlink u, għaldaqstant, ix-xogħol tassew jista’ jinstab mill-pubbliku ġenerali tal-internet, iżda mhux b’mod sempliċi, b’mod li l-fatt li jitqiegħed il-hyperlink jiffaċilita bil-kbir is-sejba tax-xogħol?

2.      b      Il-kwistjoni dwar jekk il-persuna li tqiegħed il-hyperlink taf jew għandha tkun taf li l-pubbliku ġenerali tal-internet ma jistax faċilment isib is-sit tal-internet li għalih il-hyperlink jirreferi hija rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għad-domanda 2.a.?

3.      Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku meta permezz ta’ hyperlink jingħata aċċess għal xogħol li ma kienx preċedentement ikkomunikat lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn GS Media, minn Sanoma et, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika Portugiża, mir-Repubblika tas-Slovakkja u mill-Kummissjoni Ewropea. GS Media, Sanoma et, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni fformulaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fit-3 ta’ Frar 2016.

V –    Osservazzjonijiet tal-partijiet

22.      Ir-Repubblika Portugiża tqis li, bla ħsara għall-fondatezza tas-soluzzjoni finali adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) tista’ tikkundizzjona x-xandir tal-informazzjoni u tal-konoxxenza fuq l-internet. Hija tqis li l-klassifikazzjoni tal-provvista ta’ hyperlinks bħala “att ta’ komunikazzjoni” tidher problematika, u dan għal żewġ raġunijiet.

23.      L-ewwel nett, fil-fehma tar-Repubblika Portugiża, fis-soċjetà diġitali, il-hyperlink hija paragunabbli għan-nota ta’ qiegħ il-paġna fl-amjbent kulturali analoġiku (5) u ma tistax tiġi kklassifikata bħala “att ta’ komunikazzjoni”. It-tieni nett, fil-fehma tar-Repubblika Portugiża, dak li direttament jagħmel ix-xogħol disponibbli għall-pubbliku u li, konsegwentement, iwettaq “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, hija l-persuna li tqiegħed ix-xogħol fuq is-server minn fejn l-utent jista’ jkollu aċċess għalih. Hija tqis li ma hijiex il-persuna li tipprovdi l-hyperlink – persuna li twettaq sempliċi “komunikazzjoni” sekondarja jew indiretta – li jagħmel mod li “membri tal-pubbliku […] jistgħu jkollhom aċċess [għax-xogħlijiet] minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom”. L-att li verament jipproduċi dan l-effett huwa dak tal-persuna li tkun wettqet il-komunikazzjoni inizjali.

24.      Ir-Repubblika Portugiża tqis li l-fatt li persuna li ma tkunx id-detentur tad-drittijiet tal-awtur, tirreferi, billi tqiegħed hyperlink fuq is-sit tal-internet li hija topera, għal sit tal-internet ieħor operat minn terz aċċessibbli għall-utenti kollha tal-internet li fuqu x-xogħol ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur jew mingħajrha, ma huwiex “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

25.      Il-Kummissjoni tfakkar li, fl-osservazzjonijiet tagħha fil-kawża li wasslet għas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), hija kienet sostniet li, f’sitwazzjoni fejn link li tikklikkja fuqha (jew “hyperlink”) fuq sit tal-internet speċifiku twassal għal xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur li jidher fuq sit tal-internet ieħor u fejn l-utenti tal-ewwel sit tal-internet għandhom ukoll aċċess għal dan ix-xogħol, ma jkunx hemm każ ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, peress li la jkun hemm trażmissjoni u lanqas trażmissjoni mill-ġdid fis-sens imsemmi fid-Direttiva 2001/29.

26.      GS Media, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Portugiża (6) u r-Repubblika tas-Slovakkja kif ukoll il-Kummissjoni jipproponu risposta negattiva għad-domandi 1.a u 1.b magħmula mill-qorti tar-rinviju. Huma jqisu li ma hemmx “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta hyperlink tirreferi għal sit tal-internet ta’ terzi aċċessibbli liberament għall-utenti kollha tal-internet, li fuqu kien tqiegħed għad-dispożizzjoni x-xogħol ikkonċernat mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet – u dan anki fil-każ fejn ix-xogħol ikun għadu ma ġiex ippubblikat mod ieħor bl-awtorizzazzjoni tad-detentur.

27.      Fir-rigward tad-domanda 1.ċ, GS Media, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Portugiża kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li elementi suġġettivi ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, billi din għandha ssir fuq bażi oġġettiva. Ir-Repubblika Portugiża ssostni madankollu sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta affermattiva għall-ewwel u għat-tieni domandi preliminari, li tali komunikazzjoni tippresupponi li l-fornitur tal-hyperlink kien jaf, b’mod inekwivoku, bil-fatt li l-komunikazzjoni inizjali ma kinitx awtorizzata. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tas-Slovakkja tqis li hija rilevanti l-kwistjoni jekk il-persuna li tqiegħed hyperlink li twassal għal xogħol protett ma setgħetx ma tkunx taf li t-tqegħid preċedenti ta’ dak ix-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kien sar mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat l-għan tad- Direttiva 2001/29, meta dik il-persuna tkun informata dwar din iċ-ċirkustanza mid-detentur tad-drittijiet jew meta, għal raġunijiet oħra, hija ma tistax ma tkunx b’dan, hija għandha tevita kull ksur ieħor tad-drittijiet tal-awtur billi tevita komunikazzjoni ġdida tax-xogħol protett lill-pubbliku.

28.      F’dak li jirrigwarda d-domandi 2.a u 2.b, GS Media, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tas-Slovakkja kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li din għandha tingħata risposta negattiva. Fil-fatt, mis-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) jirriżulta li l-uniku fattur determinanti huwa jekk il-hyperlink tippermettix evitar tal-miżuri ta’ restrizzjoni meħuda mis-sit fejn jinsab ix-xogħol protett sabiex jiġi ristrett l-aċċess għall-pubbliku. Jekk dan ma jkunx il-każ u s-sit, u għalhekk ix-xogħol li jkun tqiegħed fuqu, huwa potenzjalment aċċessibbli għall-utenti kollha tal-internet, ma huwiex importanti wisq jekk din il-hyperlink tiffaċilitax jew le s-sejbien tiegħu. Barra minn hekk, is-soluzzjoni opposta ma hijiex prattikabbli u toħloq inċertezza legali notevoli bi preġudizzju tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni.

29.      Sanoma et jipproponu li r-risposta li tingħata għad-domandi 1 sa 3 tkun fis-sens li, meta f’ċirkustanzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, min iqiegħed deliberatament, b’għarfien sħiħ, hyperlink li tippermetti aċċess għal xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur li jkun għadu qatt ma ġie ppubblikat bil-kunsens preċedenti tad-detentur tad-drittijiet, iwettaq operazzjoni li tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku. Sanoma et iqisu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji, fosthom, l-ewwel nett, il-fatt li b’għarfien sħiħ utent jagħti deliberatament lil terz aċċess dirett għal xogħlijiet protetti, it-tieni nett, il-fatt li, bl-intervent tiegħu, l-utent jilgħab rwol essenzjali fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn ix‑xogħlijiet, it-tielet nett, il-fatt li l-pubbliku li bħala riżultat għandu aċċess għal xogħlijiet protetti huwa fformat minn numru indeterminat ta’ utenti potenzjali jew minn numru ta’ persuni relattivament kbir, ir-raba’ nett, il-fatt li bl-intervent tiegħu, l-utent iwessa’ ċ-ċirku ta’ persuni li jkollhom aċċess għax-xogħlijiet protetti għal grupp li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet protetti ma jkunx ikkunsidra meta ta l-kunsens tiegħu għall-użu inizjali u, l-ħames nett, il-fatt li l-iskop tal-komunikazzjoni tal-utent ikun wieħed ta’ lukru. Fil-fehma ta’ Sanoma et dawn il-kriterji kollha huma ssodisfatti fil-kawża prinċipali.

30.      Fil-fehma tar-Repubblika Franċiża, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet ikkonċernati permezz ta’ link li tikklikkja fuqha jwassal sabiex ix-xogħlijiet inkwistjoni jiġu kkomunikati lil pubbliku ġdid, għaliex għalkemm ir-ritratti kontenzjużi ma kinux moħbija qabel ma GS Media qiegħdet link li tikklikkja fuqha fuq is-sit tal-internet GeenStijl, kienu biss il-persuni li kellhom ċavetta diġitali li setgħu jaċċedu faċilment għar-ritratti kontenzjużi qabel l-installazzjoni tal-link li tikklikkja fuqha. Hija tfakkar li ebda elementi ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-pubbliku ta’ GeenStijl kien ikun jista’ faċilment isib ir-ritratti kontenzjużi mingħajr l-assistenza ta’ GS Media. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tfakkar li l-qorti tar-rinviju kkonkludiet li l-installazzjoni tal-link li tikklikkja fuqha kellha effett simplifikanti ħafna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Franċiża tqis li għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ link li tikklikkja fuqha li tippermetti li tiffaċilita ħafna l-aċċess għal spazju ta’ ħażna li jinkludi ritratti protetti bid-drittijiet tal-awtur u mhux ippubblikati tikkostitwixxi komunikazzjoni lil pubbliku ġdid fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

31.      Ir-Repubblika Franċiża tqis li, minn naħa, il-kunsens jew l-assenza ta’ kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol fuq is-sit li għalih twassal il-link li tikklikkja fuqha u li, min-naħa l-oħra l-eventwali għarfien minn min jipprovdi l-link li tikklikkja fuqha li d-detentur tad-dritt ma tax il-kunsens tiegħu sabiex ix-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni ma huwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”.

VI – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

32.      Mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li xogħlijiet protetti, jiġifieri ritratti, kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ siti tal-internet bħal Filefactory.com u Imageshack.us mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, imma dan il-ksur tad-drittijiet tal-awtur ma huwiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33.      Barra minn hekk, it-tqegħid ta’ parti minn wieħed mir-ritratti inkwistjoni fuq is-sit GeenStijl ma huwiex is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari (7), li tirrigwarda biss il-hyperlinks fuq dan is-sit.

34.      Fil-fatt, bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretata fis-sens li l-provvista fuq sit tal-internet ta’ hyperlink għal sit tal-internet ieħor operat minn terz, aċċessibbli lill-utenti kollha tal-internet u li fuqu xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

35.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li min iqiegħed hyperlink lejn sit jaf jew għandu jkun jaf li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma awtorizzax il-komunikazzjoni inizjali tax-xogħlijiet fuq l-imsemmi sit huwiex rilevanti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema ċirkustanzi, il-fatt li hyperlink tkun għamlet l-aċċess għax-xogħlijiet inkwistjoni iktar faċli huwiex rilevanti fl-applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni.

36.      Il-kawża prinċipali ssegwi fil-passi tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) u tad-digriet BestWater International (C‑348/13, EU:C:2014:2315) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm it-tqegħid fuq sit tal-internet ta’ hyperlinks li jwasslu għal xogħol protett disponibbli liberament fuq sit ieħor huwa “att ta’ komunikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (8), madankollu dan ma huwiex “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-punt 24 tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ li [...] komunikazzjoni […], li tikkonċerna l-istess xogħlijiet tal-komunikazzjoni inizjali u li twettqet, […], permezz tal-istess mezzi tekniċi [bħall-komunikazzjoni inizjali], għandha tiġi indirizzat[a] lil pubbliku ġdid, jiġifieri lil pubbliku li t-titulari [detentur] tad-drittijiet tal-awtur ma ħadux inkunsiderazzjoni, meta hu[m]a awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali lill-pubbliku” (9).

37.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li, f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma speċifikatx jekk l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol protett fuq is-sit tal-internet li għalih tirreferi l‑hyperlink, taffettwax l-assenza ta’ konstatazzjoni ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

38.      Għandu jiġi nnotat li, fl-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-provvista fuq sit tal-internet ta’ links li tikklikkja fuqhom għal xogħlijiet liberament disponibbli (10) fuq sit tal-internet ieħor ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, kif previst f’din id-dispożizzjoni (11).

39.      Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja semmiet diversi drabi fil-motivi tas-sentenza li “t-titulari [detenturi] tad-drittijiet tal-awtur […] awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali” (12), fid-dispożittiv tagħha ma jsir l-ebda riferiment għall-kwistjoni tal-eżistenza jew le ta’ awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur għat-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali tax-xogħol protett.

40.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li mill-punt 4 tad-digriet BestWater International (C‑348/13, EU:C:2014:2315) jirriżulta li t-tqegħid fuq sit internet tax-xogħol protett u, konsegwentement, il-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku inizjali ma kinux saru bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja billi segwiet il-ġurisprudenza tagħha Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) iddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma kienx inkiser.

41.      Għaldaqstant, jidher li mid-digriet BestWater International (C‑348/13, EU:C:2014:2315) jirriżulta li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur għall-komunikazzjoni inizjali lill-pubbliku ma kinitx rilevanti fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

42.      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi nnotat li d-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għad-digriet BestWater International (C‑348/13, EU:C:2014:2315) (13) ma kinitx tirrigwarda speċifikament l-assenza ta’ awtorizzazzjoni u li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet inkwistjoni ma jagħmel l-ebda riferiment għaliha (14).

43.      Għalhekk din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina jekk l-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol protett fuq is-sit tal-internet l-ieħor (komunikazzjoni “inizjali”) hijiex indispensabbli għall-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

44.      Qabel ma tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu eżaminati l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Portugiża (15) u tal-Kummissjoni (16) fuq l-opportunità li tiġi eskluża l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) fuq il-kunċett ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, element neċessarju sabiex tiġi kkonstatata “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, u l-applikazzjoni tagħha għall-hyperlinks.

45.      Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li t-tqegħid fuq sit tal-internet ta’ hyperlinks li jwasslu għax-xogħlijiet protetti, liberament disponibbli fuq sit ieħor, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “att ta’ komunikazzjoni”, il-kwistjoni tal-assenza ta’ awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur għat-tqegħid tax-xogħol tiegħu fuq siti oħra operati minn terzi ma tqumx iktar.

B –    Iż-żewġ elementi tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29

46.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi li l-awturi għandhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom. Isegwi li kull att (17) ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku jeħtieġ li jkun awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

47.      Issa, għalkemm id-Direttiva 2001/29 ma tinkludi l-ebda definizzjoni ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” (18), ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li dan il-kunċett jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni tiegħu lil “pubbliku” (19).

1.      Fuq l-ewwel element

48.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, għandu jiġi nnotat li l-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 tindika b’mod partikolari li l-komunikazzjoni lill-pubbliku tkopri “kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid […], ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir” (20).

49.      Barra minn hekk, fil-punt 40 tas-sentenza Circul Globus Bucureşti (C‑283/10, EU:C:2011:772) (21) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku “ma jkoprix atti li ma jinvolvux ‘trażmissjoni’ jew ‘trażmissjoni mill-ġdid’ ta’ xogħol” (22).

50.      Issa, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jagħmel l-ebda riferiment għall-atti ta’ trażmissjoni jew ta’ trażmissjoni mill-ġdid, imma jipprovdi fis-sens wiesa’ li l-komunikazzjoni lill-pubbliku tinkludi “li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku” (23). Din it-tifsira wiesgħa (24) tal-kunċett ta’ “att ta’ komunikazzjoni” hija r-riżultat, fil-fehma tiegħi, tar-rieda tal-leġiżlatur Ewropew li jiżgura “livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali” (25) u jiżgura wkoll li l-kunċett ta’ “att ta’ komunikazzjoni” jkun flessibbli u ma jiġix sorpassat malajr minħabba l-evoluzzjoni teknoloġika kontinwa (26).

51.      Il-kliem tal-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 kien wassal sabiex fil-kawża li tat lok għas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), il-Kummissjoni tiddefendi t-teżi li l-kunċett ta’ “att ta’ komunikazzjoni” għandu jkun limitat għal “trażmissjoni” jew “trażmissjoni mill-ġdid”, li ma huwiex il-każ ta’ hyperlink fuq sit tal-internet speċifiku li tirreferi għal xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur li jinsab fuq sit tal-internet ieħor, fejn il-viżitaturi tal-ewwel sit kellhom aċċess għal dan ix-xogħol (27).

52.      Din it-teżi ma kinitx aċċettata għaliex, fil-punt 19 tas-sentenza sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li “sabiex ikun hemm ‘att ta’ komunikazzjoni’, huwa biżżejjed, b’mod partikolari, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’tali mod li l-persuni li jikkostitwixxu dan il-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalih, irrispettivament jekk jutiliżawx din il-possibbiltà jew le”.

53.      Dan espost, hemm “att ta’ komunikazzjoni” meta hyperlink fuq sit tal-internet twassal għal sit tal-internet ieħor, li jippermetti lill-viżitaturi tiegħu li jkollhom aċċess għal xogħol protett liberament aċċessibbli fuq dak is-sit tal-internet l-ieħor?

54.      Għalkemm huwa minnu li l-hyperlinks li jitqiegħdu fuq sit tal-internet jiffaċilitaw ħafna s-sejbien ta’ siti oħra kif ukoll xogħlijiet protetti disponibbli fuq dawk is-siti (28) u għaldaqstant joffru lill-utenti tal-ewwel sit aċċess iktar malajr u dirett (29) għal dawn ix-xogħlijiet, inqis li l-hyperlinks li jwasslu, anki direttament, għal xogħlijiet protetti ma “jqegħduhomx għad-dispożizzjoni” ta’ pubbliku meta huma diġà aċċessibbli liberament fuq sit ieħor imma jservu biss sabiex jiffaċilitaw is-sejbien tagħhom. Kif tindika r-Repubblika Portugiża fl-osservazzjonijiet tagħha, l-att li verament wettaq it-“tqegħid għad-dispożizzjoni” kien il-fatt tal-persuna li wettqet il-komunikazzjoni inizjali (30).

55.      Ninnota wkoll li fis-sentenza Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631) fejn kienet ġiet ikkonstatata “komunikazzjoni [ta’ xogħol] lill-pubbliku”, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-fatt li mingħajr l-intervent, pereżempju, ta’ stabbiliment lukandier sabiex joffri fil-kmamar tiegħu sinjal televiżiv permezz ta’ apparat tat-televiżjoni, ix-xogħol ma kienx ikun aċċessibbli għall-klijenti tal-lukanda (31).

56.      F’dan ir-rigward, fil-punti 195 u 196 tas-sentenza Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proprjetarju ta’ kafetterija-restorant iwettaq “komunikazzjoni lill-pubbliku” meta huwa deliberatament jippermetti li l-klijenti preżenti f’dak l-istabbiliment jaċċedu għal trażmissjoni mxandra, li tinkludi xogħlijiet protetti, permezz ta’ skrin tat-televiżjoni u ta’ lawdspikers, “ladarba, mingħajr l-intervent ta’ dan il-proprjetarju, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu jgawdu mix-xogħlijiet imxandra, anki jekk dawn ikunu fi ħdan iż-żona ta’ kopertura ta’ din it-trażmissjoni (32).

57.      Isegwi li sabiex jiġi kkonstatat att ta’ komunikazzjoni, l-intervent tal-persuna li tqiegħed il-hyperlinks għandu jkun indispensabbli jew ma jistax jiġi inevitabbli (33) sabiex jitgawdew jew jintużaw ix-xogħlijiet.

58.      Madankollu għandu jiġi enfasizzat li f’sentenzi oħra, b’mod partikolari, is-sentenzi SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 42) u Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 27 u 31), il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat dan il-kriterju ta’ indispensabbiltà ta’ intervent sabiex tikkonstata li ma kienx hemm komunikazzjoni lil pubbliku ġdid (34).

59.      Fil-fehma tiegħi, il-kriterju ta’ indispensabbiltà ta’ intervent jista’ jinftiehem biss fl-eżami ta’ att ta’ komunikazzjoni (35). Fil-fatt huwa f’dan il-mument li, eventwalment, ikun hemm “tqegħid għad-dispożizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

60.      Għaldaqstant, inqis li l-hyperlinks li jitqiegħdu fuq sit tal-internet, li jwasslu għal xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur li huma aċċessibbli liberament fuq sit ieħor, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “att ta’ komunikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għaliex l-intervent tal-operatur tas-sit li jqiegħed hyperlink, f’dan il-każ GS Media, ma huwiex indispensabbli għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-ritratti inkwistjoni għall-utenti tal-internet, inklużi dawk li jżuru s-sit GeenStijl.

61.      Billi huwa nieqes wieħed mill-elementi kumulattivi neċessarji sabiex tiġi kkonstatata “komunikazzjoni lill-pubbliku” taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, id-domanda fuq l-assenza ta’ awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur għat-tqegħid tax-xogħol tiegħu fuq siti oħra operati minn terzi (36), hija, fil-fehma tiegħi, ineffettiva.

62.      Għaldaqstant, inqis li għandha tingħata risposta negattiva għad-domandi 1.a) u 1.b) magħmula mill-qorti tar-rinviju.

63.      Barra minn hekk, għalkemm mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċar li GS Media kienet taf li r-ritratti inkwistjoni disponibbli fuq siti bħal Filefactory.com u Imageshack.us kienu ġew ippiratati u li hija pprovdiet hyperlinks fuq is-sit GeenStijl għal siti oħra bi ksur flagranti tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn ix-xogħlijiet, inqis li fl-assenza ta’ att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, il-motivazzjoni ta’ GS Media u l-fatt li hija kienet taf jew messha kienet taf li l-komunikazzjoni inizjali tar-ritratti inkwistjoni fuq is-siti l-oħra ma kinitx ġiet awtorizzata minn Sanoma jew li dawn ir-ritratti lanqas ma tqiegħdu preċedentement għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bil-kunsens tagħha ma huwiex rilevanti taħt din id-dispożizzjoni.

64.      Isegwi li għandha tingħata risposta negattiva għad-domanda 1.ċ magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2.      Fuq it-tieni element

65.      Billi nqis li wieħed mill-elementi kumulattivi neċessarja sabiex tiġi kkonstatata “komunikazzjoni lill-pubbliku” taħt l-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2001/29 huwa nieqes, huwa biss sussidjarjament li ser neżamina t-tieni element rikjest mid-Direttiva 2001/29, jiġifieri, il-komunikazzjoni ta’ xogħol lil “pubbliku” (37).

66.      Huwa stabbilit li billi l-hyperlinks fuq is-sit GeenStijl kienu jaffettwaw l-utenti potenzjali kollha ta’ dan is-sit, jew numru indeterminat u kbir ħafna ta’ destinatarji, dawn il-hyperlinks tassew kienu intiżi għall-pubbliku (38). Min-naħa l-oħra, inqis li l-kriterju ta’ “pubbliku ġdid”, kif rikjest fil-punti 24 u 31 tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), ma huwiex applikabbli u, f’kull każ, ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ.

67.      Mis-sentenzi Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 197) u Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 24 u 31) jirriżulta b’mod partikolari li l-kriterju ta’ pubbliku ġdid huwa applikabbli biss meta d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ikun awtorizza l-komunikazzjoni inizjali lill-pubbliku. Billi tali awtorizzazzjoni hija nieqsa fil-kawża prinċipali, il-kriterju ta’ “pubbliku ġdid” ma għandux jiġi applikat.

68.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 28 u 30 tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) li, meta “ma hemmx pubbliku ġdid, fi kwalunkwe każ l-awtorizzazzjoni tat-titulari [detenturi] tad-drittijiet tal-awtur” ma hijiex meħtieġa għall-komunikazzjoni lill-pubbliku inkwistjoni, jiġifieri f’dan il-każ, it-tqegħid tal-hyperlinks li jwasslu għal siti oħra li fuqhom huma liberament aċċessibbli għall-pubbliku xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur.

69.      Barra minn hekk, anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li dan il-kriterju huwa applikabbli meta d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma jkunx awtorizza l-ewwel komunikazzjoni lill-pubbliku, mis-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 27), jirriżulta li dan huwa ssodisfatt biss jekk l-intervent għat-tqegħid ta’ hyperlinks mill-operatur ta’ sit tal-internet kien indispensabbli sabiex ix-xogħlijiet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku ġdid (39), jiġifieri ta’ pubbliku li ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur, meta huwa awtorizza l-komunikazzjoni inizjali lill-pubbliku tax-xogħlijiet inkwistjoni.

70.      Issa, fil-każ fejn ir-ritratti kienu liberament disponibbli għall-utenti kollha tal-internet fuq siti oħra (40), tali intervent minn GS Media ma kienx indispensabbli għal tali tqegħid għad-dispożizzjoni. Għalhekk ma hemmx “pubbliku ġdid” u l-kwistjoni tal-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur għall-komunikazzjoni inizjali ma tqumx.

71.      Inżid immedjatament li dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq il-premessa li tgħid li x-xogħlijiet inkwistjoni kienu “aċċessibbli liberament” fuq is-siti ta’ terzi għall-utenti kollha tal-internet (41), li ma jirriżultax ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari. L-intervent ta’ GS Media kien indispensabbli għat-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-viżitaturi tas-sit GeenStijl? Fil-fatt, mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod kontradittorju li, minn naħa, siti ta’ terzi kienu ħadu miżuri ta’ restrizzjoni tal-aċċess fir-rigward tar-ritratti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-hyperlinks kienu biss iffaċilitaw sa ċertu punt dan l-aċċess (42).

72.      Jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li din il-kwistjoni fattwali tibqa’ dejjem pendenti quddiemha.

73.      F’kull każ, mis-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 31) jirriżulta li, jekk hyperlink tippermetti lill-utenti tas-sit li fuqu tkun tinsab li “jevitaw il-miżuri ta’ restrizzjoni” (43) implementati fuq is-siti ta’ terzi sabiex jiġi ristrett l-aċċess għal xogħlijiet protetti (44), il-hyperlink inkwistjoni tikkostitwixxi għalhekk intervent indispensabbli li mingħajru l-imsemmija utenti ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mix-xogħlijiet. Isegwi li dan l-intervent iqiegħed ix-xogħlijiet inkwistjoni għad-dispożizzjoni tal-viżitaturi tas-sit inkwistjoni, jiġifieri f’dan il-każ il-viżitaturi tas-sit GeenStijl, u konsegwentement jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lil pubbliku li jeħtieġ li jkun awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

74.      Bil-kuntrarju, mill-punt 31 tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) jirriżulta b’mod ċar li mhux biżżejjed li hyperlink tiffaċilita jew tagħmel iktar ħafif l-aċċess tal-utenti tal-internet għax-xogħol inkwistjoni (45). Għaldaqstant, naqbel mal-osservazzjonijiet ta’ GS Media, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika Portugiża u tar-Repubblika tas-Slovakkja kif ukoll tal-Kummissjoni esposti fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet sabiex nirrispondi negattivament għad-domandi 2.a u 2.b magħmula mill-qorti tar-rinviju.

C –    It-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju u l-eżistenza ta’ ċirkustanzi oħra

75.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra sabiex tingħata risposta għad-domanda jekk ikunx hemm “komunikazzjoni lill-pubbliku” meta hyperlink li tagħti aċċess għal xogħol li t-tqegħid tiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq sit tal-internet ikun għadu qatt ma ġie awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

76.      Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 41 tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jkun jista’ jipproteġi b’mod iktar wiesa’ d-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” tinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

77.      Barra minn hekk, minbarra l-fatt li, bħala prinċipju, it-tqegħid tal-hyperlinks fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix fil-fehma tiegħi “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, inqis li kull interpretazzjoni oħra ta’ din id-dispożizzjoni ttellef kunsiderevolment il-funzjonament tal-internet u tippreġudika wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-Direttiva 2001/29, jiġifieri, l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Ewropa (46). Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tirriskja li tiffalsifika l-istabbiliment ta’ “bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utenti ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati” (47).

78.      Huwa magħruf sew li t-tqegħid ta’ hyperlinks mill-utenti tal-internet huwa, fl-istess waqt, sistematiku u neċessarju għall-arkitettura attwali tal-internet (48). Għalkemm iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma partikolarment flagranti (49), inqis li bħala regola ġenerali, l-utenti tal-internet ma jafux u ma għandhomx il-mezzi sabiex jivverifikaw jekk il-komunikazzjoni inizjali lill-pubbliku ta’ xogħol protett liberament aċċessibbli fuq l-internet kinitx saret bil jew mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Jekk l-utenti tal-internet ikunu esposti għar-riskji ta’ kawżi għal ksur tad-drittijiet tal-awtur taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 kull darba li huma jqiegħdu hyperlink li twassal għal xogħlijiet aċċessibbli liberament fuq sit tal-internet ieħor, huma ser ikunu eżitanti ħafna iktar sabiex iqiegħduhom, u dan b’detriment għall-funzjonament tajjeb tal-arkitettura nnifisha tal-internet kif ukoll tal-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni.

79.      Fil-fehma tiegħi, tali ndħil fil-funzjonament tal-internet għandu jiġi evitat. F’kull każ, inqis li estensjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li tkun tkopri t-tqegħid ta’ hyperlinks li jwasslu għal xogħlijiet protetti aċċessibbli liberament fuq sit tal-internet ieħor tkun teħtieġ l-intervent tal-leġiżlatur Ewropew.

D –    Ir-rimedji disponibbli għad-detentur tad-drittijiet tal-awtur

80.      Għalkemm inqis li l-operatur ta’ sit bħal GS Media, bħala prinċipju (50), ma kisirx l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 billi qiegħed il-hyperlinks inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ma jfissirx li b’daqshekk id-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma għandux rimedji sabiex jiżgura l-protezzjoni u l-osservanza tad-drittijiet tiegħu ta’ proprjetà intellettwali.

81.      Huwa ovvju li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur għandu azzjoni legali għall-ksur tad-drittijiet tiegħu ta’ proprjetà intellettwali kontra l-persuna li wettqet il-komunikazzjoni inizjali lill-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu (51). Huwa veru li, peress li din il-persuna baqgħet ma hijiex magħrufa f’dan il-każ, tali azzjoni ma tantx hija interessanti għad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

82.      Madankollu, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, u t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, id-detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jistgħu jitolbu li tinħareġ ordni fil-konfront ta’ siti, bħal Filefactory.com u Imageshack.us, li jaġixxu bħala intermedjarji (52) fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li s-servizzi tagħhom jistgħu jintużaw minn utenti ta’ tali siti biex jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (53).

83.      F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29, li tirrigwarda l-“intermedjarji”, hija partikolarment illuminanti. Skont din il-premessa, “[f]l-ambitu diġitali, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjarji jistgħu jintużaw dejjem aktar minn partijiet terzi għal attivitajiet illegali. F’ħafna każi dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar posizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet illegali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għal kull sanzjoni u rimedji oħra disponibbli, detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarju li jibgħat f’network illegalità minn terza parti ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor” (54).

84.      Isegwi li d-digriet fuq talba taħt l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/4 jirrigwarda l-komunikazzjoni lill-pubbliku inizjali mwettqa bi ksur tad-drittijiet tal-awtur u, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi mezz dirett u xieraq sabiex tirrimedja għal dan il-ksur.

85.      Barra minn hekk, l-operaturi ta’ siti bħal Filefactory.com u Imageshack.us jistgħu jkunu responsabbli f’ċerti ċirkustanzi taħt id-dritt nazzjonali minħabba l-ħażna fuq is-servers tagħhom tal-informazzjoni pprovduta mill-utenti ta’ dawn is-siti.

86.      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 huwa intiż li jirrestrinġi jew li jeżonera l-każijiet fejn il-fornituri intermedjarji ta’ servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni jistgħu jinżammu responsabbli, skont id-dritt nazzjonali, l-eżonerazzjoni inkwistjoni hija suġġetta għal kundizzjonijiet stretti. F’dan ir-rigward, fil-punt 119 tas-sentenza L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting (55) ma jistax, f’sitwazzjoni fejn huwa llimita ruħu għal trattament purament tekniku u awtomatiku tad-data, jiġi eżonerat, taħt l-artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, minn kull responsabbiltà għad-data ta’ natura illegali li huwa ħażen “ħlief bil-kundizzjoni li huwa ma jkollux ‘tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali’ u, fir-rigward ta’ talba għad-danni, ħlief jekk huwa ma jkunx ‘konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti’ jew li, wara li jkun akkwista tali tagħrif, huwa jkun aġixxa mingħajr dewmien sabiex ineħħi d-data inkwistjoni jew sabiex jirredni impossibbli l-aċċess għaliha”.

87.      Għandu jiġi nnotat li l-operaturi tas-siti Filefactory.com u Imageshack.us it-tnejn li huma laqgħu t-talba ta’ Sanoma li jneħħu r-ritratti inkwistjoni minn fuq is-siti tal-internet tagħhom (56). Isegwi li l-hyperlinks fuq s-sit GeenStijl li jwasslu għal dawn is-siti l-oħra saru ineffikaċi.

VII – Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:

1)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, kif imsemmi f’din id-dispożizzjoni, it-tqegħid fuq sit tal-internet ta’ hyperlink li twassal għal sit tal-internet ieħor li fuqu xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur huma aċċessibbli liberament għal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

2)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex rilevanti l-fatt li l-persuna li tqiegħed fuq sit tal-internet hyperlink li twassal għal sit tal-internet ieħor, li fuqu xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur huma aċċessibbli liberament għall-pubbliku, taf jew kellha tkun taf li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma awtorizzax it-tqegħid tax-xogħlijiet inkwistjoni fuq dan is-sit tal-internet l-ieħor jew li dawn ma tqiegħdux għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bil-kunsens preċedenti tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

3)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li hyperlink li twassal għal sit tal-internet ieħor, li fuqu xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur huma aċċessibbli liberament għall-pubbliku, li tiffaċilita jew tagħmel iktar ħafif l-aċċess tal-utenti tal-internet għax-xogħlijiet inkwistjoni ma tikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.


5 – Jew sinjal fuq triq arterjali, kif issuġġeriet GS Media waqt is-seduta.


6 – L-osservazzjonijiet segwenti tar-Repubblika Portugiża saru b’mod purament sussidjarju għal dawk li jinsabu riprodotti fil-punti 22 sa 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma għandhiex tiskarta l-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76).


7 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 10 u 14 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


8 – Sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 20).


9 – F’dan ir-rigward ara d-digriet BestWater International (C‑348/13, EU:C:2014:2315, punt 14). Enfasi miżjuda minni.


10  – Il-Qorti tal-Ġustizzja użat il-kliem “aċċessibbli liberament” u “disponibbli liberament” b’mod interkambjabbli. Barra minn hekk, mis-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) jirriżulta li l-hyperlink inkwistjoni f’dik il-kawża kienet tieħu lill-utent ta’ sit tal-internet direttament fuq ix-xogħlijiet liberament disponibbli fuq sit tal-internet ieħor. Issa, jidher li fil-kawża prinċipali, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-hyperlinks inkwistjoni ma kinux iwasslu lill-utenti tas-sit GeenStijl direttament fuq ix-xogħlijiet inkwistjoni imma jwassluhom fuq siti tal-internet oħra li fuqhom kienu maħżuna xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur. Inqis li dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għaliex ix-xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur huwa liberament disponibbli fuq is-sit li għalih twassal il-hyperlink.


11 – Ara wkoll, is-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 32).


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 27).


13 – F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tagħti digriet motivat skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja intitolat “Risposta permezz ta’ digriet motivat” li jipprovdi “Meta domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għaddomanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.”


14 – Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju staqsiet biss dwar jekk “[i]l-fatt li x-xogħol ta’ terz li huwa mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq sit tal-internet jiddaħħal fuq sit tal-internet ieħor f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi deskritt bħala ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 anki meta x-xogħol inkwistjoni la huwa kkomunikat lil pubbliku ġdid u lanqas ma huwa kkomunikat skont proċedura teknika speċifika differenti minn dik tal-kommunikazzjoni oriġinali?”. Ara digriet BestWater International (C‑348/13, EU:C:2014:2315, punt 11).


15 – Ara l-punti 22 sa 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16 – Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17 – Sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 15). Fil-fatt, kif jipprovdi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29, dan id-dritt esklużiv ma huwiex eżawrit b’att ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.


18 – Sentenza Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 184 u 185).


19 – Ara s-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’analoġija, is-sentenza C More Entertainment (C‑279/13, EU:C:2015:199, punt 25) li tirrigwarda l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29.


20 – Enfasi miżjuda minni.


21 – Għandu jiġi enfasizzat li din is-sentenza tippreċedi s-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76).


22 – Enfasi miżjuda minni.


23 – Enfasi miżjuda minni.


24 – U teknoloġikament newtrali.


25 – Ara l-premessi 4 u 9 tad-Direttiva 2001/29 u s-sentenza Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 186). Fil-punt 54 tas-sentenza Bezpečnostní softwarová asociace (C‑393/09, EU:C:2010:816), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[mill-premessa 23] tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ għandu jinftiehem f’sens wiesa’. Tali interpretazzjoni hija barra minn dan indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan prinċipali tal-imsemmija Direttiva, liema għan, hekk kif jirriżulta [mill-premessi 9 u 10], huwa li jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni favur, fost oħrajn, l-awturi, li jippermettilhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku”. Enfasi miżjuda minni.


26 – Fil-punt 38 tas-sentenza Circul Globus Bucureşti (C‑283/10, EU:C:2011:772) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[f] ir-rigward […] tal-għan tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 2 u 5 tad-Direttiva jirriżulta li hija tfittex [li] toħloq qafas legali ġenerali u flessibbli fil-livell tal-Unjoni sabiex tinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni u sabiex tadegwa u tikkomplementa r-regoli attwali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni teknoloġika li wasslet għal forom ġodda ta’ sfruttament tax-xogħlijiet protetti”.


27 – Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 – Inqis li minħabba l-kwantità enormi ta’ informazzjoni disponibbli fuq l-internet, parti kbira minn tali informazzjoni ma tkunx tista’ effettivament tinsab fl-assenza ta’ hyperlinks. Fil-fehma tiegħi, attwalment il-hyperlinks jikkostitwixxu element indispensabbli mill-arkitettura tal-internet.


29 – Ara s-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 18).


30 – Ara l-punti 22 sa 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31 – Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 82 u 92) u Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 31) li ma jirrigwardawx l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 imma l-“komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogramma mxandra fuq ir-radju, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, p. 28).


32 – Enfasi miżjuda minni.


33 – Ara, b’mod partikolari, il-punt 82 tas-sentenza SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni billi segwiet il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631), għamlet riferiment għar-“rwol indispensabbli tal-utent” jiġifieri, f’dak il-każ għar-rwol indispensabbli ta’ operatur ta’ lukanda u kafeterja/ristorant meta jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti aċċess lill-klijenti tiegħu għal xandira li fiha hemm xogħol protett. Enfasi miżjuda minni.


34 – Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35 – Jiġifieri tal-ewwel element rikjest mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 sabiex ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku. Għat-tieni element, ara l-punti 65 sa 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36 – B’mod partikolari s-siti Filefactory.com u Imageshack.us. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza SBS Belgium (C‑325/14, EU:C:2015:764, punti 15 u 24).


37 – Ara sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38 – Fil-punt 21 tas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[g]ħal dak li jikkonċerna t-tieni element mill-elementi msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri li x-xogħol protett għandu jiġi effettivament ikkomunikat lill-‘pubbliku’, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li, din id-dispożizzjoni tirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni”. Hija żiedet fil-punt 22 li “att ta’ komunikazzjoni, bħal dak imwettaq mill-amministratur ta’ sit internet permezz ta’ links li tikklikkja fuqhom, huwa dirett għall-utenti potenzjali kollha tas-sit amministrat minn din il-persuna, jiġifieri numru indeterminat u numru pjuttost kbir ta’ destinatari” u jikkostitwixxi, għalhekk, komunikazzjoni lill-pubbliku. Ara s-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 23).


39 – Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 42) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-klijentela ta’ lukanda tikkostitwixxi pubbliku ġdid. [Fil-fatt, i]d-distribuzzjoni tax-xogħol imxandar lil din il-klijentela permezz ta’ apparati ta’ televixin ma tikkostitwixxix sempliċi mezz tekniku sabiex tiġi ggarantita jew imtejba r-riċezzjoni tat-trasmissjoni oriġinali fiż-żona tagħha ta’ kopertura. Għall-kuntrarju, il-lukanda hija l-korp li jintervjeni, f’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-imġieba tiegħu, sabiex jagħti aċċess għax-xogħol protett lill-klijenti tiegħu. Fin-nuqqas ta’ tali intervent, dawn il-klijenti, għalkemm jinsabu ġewwa l-imsemmija żona, ma jistgħux, bħala prinċipju, igawdu mix-xogħol imxandar”. Enfasi miżjuda minni.


40 – B’mod partikolari, is-siti Filefactory.com u Imageshack.us.


41 – F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-kawża li wasslet għas-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 25 u 26), ix-xogħlijiet inkwistjoni kienu liberament aċċessibbli, għaliex l-aċċess għalihom fuq il-sit tal-internet ta’ Göteborgs-Posten ma kien suġġett għal ebda miżura restrittiva. Għalhekk l-utenti tal-internet kollha kellhom aċċess għalihom liberament.


42 – Il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) qieset li Sanoma et ma kinux ippruvaw li l-fajls li tqiegħdu fuq is-sit tal-internet Filefactory.com minn utent kienu baqgħu privati u ddeċidiet li “[k]ien ikun mod ieħor kieku l-utent żvela ċ-ċavetta diġitali tiegħu jew kieku dan sar minn terz”. F’dan ir-rigward, Sanoma et kienu ppreżentaw appell inċidentali quddiem il-qorti tar-rinviju fejn argumentaw li “r-ritratti kienu tqiegħdu fil-‘kaxxaforti diġitali’ jew li, tal-inqas, dawn ir-ritratti kienu għalhekk ġew żvelati lil pubbliku li, sakemm ma jużax mezzi ferm sofistikati, ma kienx ikun jista’ jaċċedi għalihom mingħajr dan l-intervent u għalhekk huma kienu jibqgħu barra mill-portata tiegħu”. Ara l-punti 6.1.2 u 6.1.3 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


43 – Ara, f’dan is-sens, il-miżuri tekniċi adegwati msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29.


44 – Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja “fil-każ li link li tikklikkja fuqu jippermetti lill-utenti tas-sit li fuqu dan il-link jidher li jevita miżuri ta’ restrizzjoni implementati mis-sit li fuqu jinsab ix-xogħol protett sabiex jirrestrinġi l-aċċess mill-pubbliku għall-dawk l-abbonati biss u, għalhekk, jikkostitwixxi intervent li mingħajru l-imsemmija utenti ma jistgħux jibbenefikaw minn xogħlijiet trażmessi, dawn l-utenti kollha għandhom jitqiesu bħala pubbliku ġdid, li ma ttieħidx inkunsiderazzjoni mit-titulari tad-dritt tal-awtur meta huma awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali b’tali mod li l-awtorizzazzjoni tat-titulari hija meħtieġa għall tali komunikazzjoni lill-pubbliku”. Ara s-sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 31). Ara, b’analoġija, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 fuq l-obbligi dwar il-miżuri tekniċi u s-sentenza Nintendo et (C‑355/12, EU:C:2014:25, punt 24).


45 – Jeħtieġ “intervent li mingħajru l-imsemmija utenti ma jistgħux jibbenefikaw minn xogħlijiet”. Sentenza Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 31). Enfasi miżjuda minni.


46 – Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2001/29.


47 – Ara l-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29.


48 – Ara l-punt 54 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49 – Jidher li GS Media aġixxiet b’għarfien sħiħ tal-kawża u mingħajr ebda kunsiderazzjoni għad-drittijiet ta’ Sanoma. Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50 – Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-premessa li x-xogħlijiet inkwistjoni huma liberament aċċessibbli fuq sit tal-internet ieħor.


51 – Ara, b’mod partikolari, ir-rimedji previsti fl-Artikoli 9 sa 16 tad-Direttiva 2004/48.


52 – Jidher, mingħajr ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-operaturi ta’ siti bħal Filefactory.com u Imageshack.us li jaħżnu fuq is-servers tagħhom informazzjoni pprovduta minn utenti ta’ dawn is-siti jikkostitwixxu fornituri ta’ servizzi ta’ hosting fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 u ta’ “intermedjarji” fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 27 u 28).


53 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54 – Enfasi miżjuda minni.


55 – Fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31.


56 – Ara punti 11 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.