Language of document : ECLI:EU:C:2022:962

Kawża C-460/20

TU u RE

vs

Google LLC

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Diċembru 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 12(b) – Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 17(3)(a) – Operatur ta’ magna tat-tiftix fuq l-internet – Tiftixa li tkun saret fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna – Viżwalizzazzjoni ta’ links diretti lejn artikli li jinkludu informazzjoni allegatament falza fil-lista ta’ riżultati ta’ tfittxija – Viżwalizzazzjoni, fil-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), tar-ritratti li jservu bħala illustrazzjoni għal dawn l-artikli fil-lista ta’ riżultati ta’ tiftixa ta’ immaġnijiet – Talba ta’ tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix – Ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali – Artikoli 7, 8, 11 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligi u responsabbiltajiet tal-operatur ta’ magna tat-tiftix fl-ipproċessar ta’ talba għal tneħħija ta’ referenza – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-persuna li titlob it-tneħħija ta’ referenza”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Regolament 2016/679 – Ipproċessar ta’ data personali – Kunċett – Attività ta’ magna tat-tiftix – Tiftix, indiċjar, ħażna u tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet tal-informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn terzis – Inklużjoni – Kontrollur – Kunċett – Operatur ta’ magna tat-tiftix – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, il-punti 1, 2 u 7 tal-Artikolu 4; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(b) u (d))

(ara l-punti 44, 49, 91)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Rispett tad-drittijiet fundamentali – Drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali – Talba ta’ tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix – Ibbilanċjar mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni waqt l-ipproċessar ta’ din it-talba

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 11; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46)

(ara l-punti 51‑56, 58)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Lista ta’ riżultati ta’ tiftixa mwettqa permezz ta’ magna tat-tiftix fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika – Viżwalizzazzjoni ta’ links diretti lejn artikli li jinkludu informazzjoni allegatament falza – Talba ta’ tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ din il-magna tat-tiftix – Ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali waqt l-ipproċessar ta’ din it-talba – Kriterji rilevanti – Stabbiliment tan-natura veritiera tal-informazzjoni li tinsab fil-kontenut irreferenzjat – Inklużjoni – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-persuna li titlob it-tneħħija ta’ referenza – Portata – Obbligi u responsabbiltajiet tal-operatur tal-magna tat-tiftix waqt l-ipproċessar ta’ tali talba għal tneħħija ta’ referenza – Portata – Provi rilevanti u suffiċjenti – Inklużjoni – Neċessità li tiġi riżolta, mill-inqas b’mod proviżorju, il-kwistjoni tan-natura veritiera tal-kontenut irreferenzjat – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 11; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 17(3)(a))

(ara l-punti 62‑65, 68‑73, 75, u d-dispożittiv 1)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Regolament 2016/679 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Interpretazzjoni simultanja tad-dispożizzjonijiet li għandhom portata simili

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46)

(ara l-punti 78‑80)

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Regolament 2016/679 – Lista ta’ riżultati ta’ tiftixa ta’ immaġnijiet imwettqa permezz ta’ magna tat-tiftix fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika – Viżwalizzazzjoni, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), tar-ritratti li jirrappreżentaw lil din il-persuna – Talba ta’ tneħħija ta’ referenza lill-operatur tal-magna tat-tiftix – Ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali waqt l-ipproċessar ta’ din it-talba – Kriterji rilevanti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-valur informattiv tar-ritratti, indipendentement mill-kuntest inizjali tal-pubblikazzjoni tagħhom, u tal-elementi testwali li jakkumpanjaw il-viżwalizzazzjoni tagħhom li jistgħu jitfgħu dawl fuq dan il-valur – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 11; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 17(3)(a); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14)

(ara l-punti 90, 93, 94, 96, 98, 100‑105, 108 u d-dispożittiv 2)

Sunt

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, TU, li jokkupa karigi ta’ responsabbiltà u li għandu ishma f’diversi kumpanniji, u RE, li kienet is-sieħba tiegħu u, sa Mejju 2015, kellha prokura biex tirrappreżenta waħda minn dawn il-kumpanniji, kienu l-protagonisti ta’ tliet artikli ppubblikati fuq sit tal-internet fl‑2015 minn G LLC, operatur tas-sit tal-internet. Dawn l-artikli, li wieħed minnhom kien akkumpanjat minn erba’ ritratti li juru lir-rikorrenti u li jissuġġerixxu li dawn tal-aħħar kellhom ħajja lussuża, kienu jippreżentaw b’mod kritiku l-mudell ta’ investiment ta’ wħud mill-kumpanniji tagħhom. L-aċċess għal dawn l-artikli kien possibbli billi jiddaħħlu, fil-magna tat-tiftix operata minn Google LLC (iktar ’il quddiem “Google”), l-ismijiet u l-kunjomijiet tar-rikorrenti, kemm waħedhom kif ukoll flimkien ma’ ċerti ismijiet ta’ kumpanniji. Il-lista ta’ riżultati kienet tirreferi għal dawn l-artikli permezz ta’ link, kif ukoll għar-ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails).

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lil Google, bħala kontrollur tad-data personali pproċessata mill-magna tat-tiftix tagħha, minn naħa, tneħħi r-referenza tal-links lejn l-artikli inkwistjoni mil-lista tar-riżultati tat-tiftix minħabba li dawn kienu jinkludu allegazzjonijiet foloz u opinjonijiet diffamatorji, u, min-naħa l-oħra, tirtira l-immaġnijiet żgħar (thumbnails) mil-lista tar-riżultati ta’ tiftix. Google rrifjutat li taġixxi fuq din it-talba.

Peress li r-rikorsi tagħhom ġew miċħuda kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors għal Reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li fil-kuntest tiegħu il-Bundesgerichtshof ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-GDPR (1) u tad-Direttiva 95/46 (2).

Permezz tas-sentenza tagħha, mogħtija f’kulleġġ ġudikanti ta’ Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kundizzjonijiet applikabbli għat-talbiet ta’ tneħħija ta’ referenza indirizzati lill-operatur ta’ magna tat-tiftix fuq il-bażi tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali (3). B’mod partikolari, hija teżamina, minn naħa, il-portata tal-obbligi u tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-operatur ta’ magna tat-tiftix fl-ipproċessar ta’ talba ta’ tneħħija ta’ referenza bbażata fuq l-allegata falsità tal-informazzjoni li tinsab fil-kontenut irreferenzjat u, min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova impost fuq is-suġġett tad-data fir-rigward ta’ din il-falsità. Barra minn hekk hija tiddeċiedi dwar in-neċessità, għall-finijiet tal-eżami ta’ talba ta’ tneħħija ta’ ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) fil-lista ta’ riżultati ta’ tiftixa b’immaġnijiet, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest inizjali tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-fotografiji fuq l-internet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir bejn, minn naħa, id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (4), għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għal tneħħija ta’ referenza indirizzata lill-operatur ta’ magna tat-tiftix u intiża sabiex mil-lista ta’ riżultati ta’ tiftixa jitneħħa link lejn kontenut li jikkomporta informazzjoni allegatament falza, din it-tneħħija ta’ referenza ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-kwistjoni tal-verità tal-kontenut irreferenzjat tkun ġiet riżolta, minn tal-inqas b’mod provviżorju, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra l-fornitur ta’ dan il-kontenut mill-persuna li tressaq it-talba.

Preliminarjament, sabiex jiġi eżaminat taħt liema ċirkustanzi l-operatur ta’ magna tat-tiftix għandu jaġixxi fuq talba għat-tneħħija ta’ referenza u għalhekk li jħassar il-link lejn paġna tal-internet li fuqha jkunu jinsabu allegazzjonijiet li din il-persuna tqis li huma foloz mil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tiftixa mwettqa fuq il-bażi tal-isem tas-suġġett tad-data, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod partikolari dan li ġej:

•      sa fejn l-attività ta’ magna tat-tiftix tista’ taffettwa, b’mod sinjifikattiv u b’mod addizzjonali meta mqabbla ma’ dik tal-edituri ta’ siti tal-internet, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-protezzjoni ta’ data personali, l-operatur ta’ din il-magna, bħala l-persuna li tiddetermina l-għanijiet u l-mezzi ta’ din l-attività għandu jiżgura, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu, li l-garanziji previsti mid-Direttiva 95/46 u mill-GDPR jistgħu jiżviluppaw l-effetti kollha tagħhom u b’tali mod li tkun tista’ effettivament tinkiseb protezzjoni effikaċi u kompleta tal-persuni kkonċernati;

•      meta quddiemu titressaq talba ta’ tneħħija ta’ referenza, l-operatur ta’ magna tat-tiftix għandu jivverifika jekk l-inklużjoni ta’ link lejn il-paġna tal-internet inkwistjoni fil-lista ta’ riżultati hijiex neċessarja għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-informazzjoni tal-utenti tal-internet li potenzjalment ikollhom interess li jkollhom aċċess għal din il-paġna tal-internet permezz ta’ tali tiftixa, protetta mid-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni;

•      il-GDPR jistabbilixxi espliċitament ir-rekwiżit ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra, id-dritt fundamentali għal-libertà ta’ informazzjoni.

Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li, għalkemm id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tas-suġġett tad-data jipprevalu, b’mod ġenerali, fuq l-interess leġittimu tal-utenti tal-internet li jkollhom aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni, dan il-bilanċ jista’ madankollu jiddependi miċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ kull każ, b’mod partikolari min-natura ta’ din l-informazzjoni u min-natura sensittiva tagħha għall-ħajja privata tas-suġġett tad-data, kif ukoll mill-interess tal-pubbliku li jkollu din l-informazzjoni, li jista’ jvarja, b’mod partikolari, skont ir-rwol li għandha dan is-suġġett tad-data fil-ħajja pubblika.

Il-kwistjoni tan-natura veritiera jew le tal-kontenut irreferenzjat jikkostitwixxi wkoll element rilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni. Huwa għalhekk li, f’ċerti ċirkustanzi, id-dritt għall-informazzjoni tal-utenti tal-internet u l-libertà tal-espressjoni tal-fornitur tal-kontenut jistgħu jipprevalu fuq id-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkollu rwol fil-ħajja pubblika. Madankollu, din ir-relazzjoni tiġi invertita meta jirriżulta li mill-inqas parti mill-informazzjoni kkonċernata mit-talba ta’ tneħħija ta’ referenza li ma tkunx ta’ natura minuri fir-rigward tal-kontenut kollu tkun falza. F’ipoteżi bħal din, id-dritt li wieħed jinforma u d-dritt li wieħed jiġi informat ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li dawn ma jistgħux jinkludu d-dritt ta’ tixrid u ta’ tali informazzjoni u ta’ aċċess għaliha.

Sussegwentement, minn naħa, fir-rigward tal-obbligi dwar l-istabbiliment tan-natura veritiera jew le tal-informazzjoni li tinsab fil-kontenut irreferenzjat, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-persuna li titlob it-tneħħija ta’ referenza, minħabba l-falsità ta’ tali informazzjoni, għandha tistabbilixxi l-falsità manifesta ta’ din l-informazzjoni jew, minn tal-inqas, parti minn din l-informazzjoni li ma tkunx ta’ natura minuri fir-rigward tal-kontenut kollu. Madankollu, sabiex jiġi evitat li din il-persuna jkollha oneru eċċessiv li jista’ jippreġudika l-effett utli tad-dritt għal tneħħija ta’ referenza, hija għandha biss tipproduċi provi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, jistgħu raġonevolment ikunu meħtieġa li din tiġbor. Bħala prinċipju, din il-persuna ma tistax tkun obbligata tipproduċi, sa mill-istadju prekontenzjuż, insostenn tat-talba tagħha ta’ tneħħija ta’ referenza, deċiżjoni ġudizzjarja miksuba kontra l-editur tas-sit tal-internet inkwistjoni, anki taħt il-forma ta’ deċiżjoni għal miżuri provviżorji.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-obbligi u tar-responsabbiltajiet li għandu l-operatur tal-magna tat-tiftix, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li dan tal-aħħar għandu, għall-finijiet tal-verifika dwar jekk kontenut jistax ikompli jiġi inkluż fil-lista ta’ riżultati tat-tiftix imwettqa permezz tal-magna tat-tiftix tiegħu wara talba ta’ tneħħija ta’ referenza, jibbaża ruħu fuq id-drittijiet u l-interessi kollha preżenti kif ukoll fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni. Madankollu, dan l-operatur ma jistax jiġi obbligat jinvestiga l-fatti u, għal dan il-għan, li jorganizza dibattitu mal-fornitur tal-kontenut intiż sabiex jikseb elementi neqsin dwar in-natura veritiera tal-kontenut irreferenzjat. Obbligu li jikkontribwixxi għall-istabbiliment tan-natura veritiera jew le tal-kontenut irreferenzjat iqiegħed fuq l-imsemmi operatur oneru li jmur lil hinn minn dak li jista’ raġonevolment ikun mistenni minnu fir-rigward tar-responsabbiltajiet, kompetenzi u possibbiltajiet tiegħu. Din is-soluzzjoni tkun tikkomporta riskju serju li titneħħa referenza ta’ kontenut li jissodisfa ħtieġa ta’ informazzjoni leġittima u preponderanti tal-pubbliku u li b’hekk issir diffiċli li din tinsab fuq l-internet. B’hekk, jeżisti riskju reali ta’ effett dissważiv fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni jekk tali operatur kellu jipproċedi għal tali tneħħija ta’ referenza b’mod kważi sistematiku bil-għan li jevita li jkollu jsostni l-oneru li jinvestiga l-fatti rilevanti sabiex jistabbilixxi n-natura veritiera jew le tal-kontenut irreferenzjat.

Konsegwentement, fil-każ fejn il-persuna li tressaq it-talba ta’ tneħħija ta’ referenza tipproduċi provi li jistabbilixxu n-natura manifestament falza tal-informazzjoni li tinsab fil-kontenut irreferenzjat jew, minn tal-inqas, ta’ parti minn din l-informazzjoni li ma tkunx ta’ natura minuri fir-rigward ta’ dan il-kontenut kollu, l-operatur tal-magna tat-tiftix għandu jaġixxi fuqha. L-istess jgħodd meta din il-persuna li ressqet it-talba tippreżenta deċiżjoni ġudizzjarja meħuda kontra l-editur tas-sit tal-internet u li tistrieħ fuq il-konstatazzjoni li informazzjoni li tinsab fil-kontenut irreferenzjat, li ma tkunx ta’ natura minuri fir-rigward ta’ dan il-kontenut kollu, tkun, minn tal-inqas prima facie, falza. Min-naħa l-oħra, jekk in-natura falza ta’ tali informazzjoni ma toħroġx b’mod manifest fid-dawl tal-provi prodotti mill-pesuna li tressaq it-talba ta’ tneħħija ta’ referenza, l-operatur tal-magna tat-tiftix ma għandux, fl-assenza ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja, jaġixxi fuq it-talba ta’ tneħħija ta’ referenza. Meta l-informazzjoni inkwistjoni tkun tista’ tikkontribwixxi għal diskussjoni ta’ interess ġenerali, hemm lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, li tingħata importanza partikolari għad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li, meta l-operatur ta’ magna tat-tiftix ma jiħux azzjoni fuq talba ta’ tneħħija ta’ referenza, is-suġġett tad-data għandu jkun jista’ jadixxi l-awtorità superviżorja jew l-awtorità ġudizzjarja sabiex dawn iwettqu l-verifiki neċessarji u jordnaw lil din il-persuna responsabbli tadotta l-miżuri mandatorji. F’dan ir-rigward, huma b’mod partikolari l-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom jiżguraw li jiġu pponderati l-interessi kunfliġġenti, inkwantu dawn huma fl-aħjar qagħda li jwettqu bbilanċjar kumpless u fil-fond li jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha u l-elementi kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza rilevanti.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir bejn id-drittijiet fundamentali msemmija iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-eżami ta’ talba ta’ tneħħija ta’ referenza intiża sabiex mir-riżultati ta’ tiftixa ta’ immaġnijiet imwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna fiżika jitneħħew ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) li jirrappreżentaw din il-persuna, jeħtieġ li jitqies il-valur informattiv ta’ dawn ir-ritratti indipendentement mill-kuntest inizjali tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-paġna tal-internet li minnha ttieħdu. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull element testwali li jakkumpanja direttament il-viżwalizzazzjoni ta’ dawn ir-ritratti fir-riżultati ta’ tiftix u li jista’ jitfa’ dawl fuq il-valur informattiv tagħhom.

Biex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li t-tiftix ta’ immaġnijiet imwettaq permezz ta’ magna tat-tiftix fuq l-internet fuq il-bażi ta’ isem ta’ persuna huma suġġetti għall-istess prinċipji bħal dawk applikabbli għat-tiftix ta’ paġni tal-internet u tal-informazzjoni li tinsab fihom. Hija tindika li l-viżwalizzazzjoni, wara tiftixa fuq il-bażi tal-isem, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), ta’ ritratti tas-suġġett tad-data, hija ta’ natura li tikkostitwixxi ndħil partikolarment sostanzjali fid-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali ta’ din il-persuna.

Għalhekk, meta l-operatur ta’ magna tat-tiftix jirċievi talba ta’ tneħħija ta’ referenza intiża sabiex mir-riżultati ta’ tiftixa ta’ immaġnijiet imwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna jitneħħew ir-ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) li jirrappreżentaw din il-persuna, huwa għandu jivverifika jekk il-viżwalizzazzjoni tar-ritratti inkwistjoni hijiex neċessarja għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-informazzjoni tal-utenti tal-internet potenzjalment interessati li jkollhom aċċess għal dawn ir-ritratti permezz ta’ tali tiftixa.

Issa, sa fejn il-magna tat-tiftix tivviżwalizza ritratti tas-suġġett tad-data barra mill-kuntest li fih dawn huma ppubblikati fuq il-paġna tal-internet murija, normalment biex jiġu illustrati l-elementi testwali li tinkludi din il-paġna, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk dan il-kuntest għandux xorta waħda jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-ibbilanċjar li għandu jitwettaq tad-drittijiet u tal-interessi kunfliġġenti. F’dan il-qafas, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija evalwazzjoni għandhiex tinkludi wkoll il-kontenut tal-paġna tal-internet li fiha jinsab ir-ritratt li l-viżwalizzazzjoni tiegħu taħt il-forma ta’ immaġni żgħira (thumbnail) qed tintalab li titneħħa tiddependi mis-suġġett u min-natura tal-ipproċessar inkwistjoni.

L-ewwel, fir-rigward tas-suġġett tal-ipproċessar inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-pubblikazzjoni ta’ ritratti bħala mezz ta’ komunikazzjoni mhux verbali jista’ jkollha impatt iktar qawwi fuq l-utenti tal-internet milli l-pubblikazzjonijiet testwali. Fil-fatt ir-ritratti huma, fihom infushom, mezz importanti biex tinġibed l-attenzjoni tal-utenti tal-internet u jistgħu jqajmu interess biex jaċċedu għall-artikoli li għalihom iservu ta’ illustrazzjoni. Issa, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dawn huma ta’ spiss suġġetti għal diversi interpretazzjonijiet, il-viżwalizzazzjoni tagħhom fil-lista tar-riżultati tat-tiftixa bħala immaġnijiet żgħar (thumbnails) tista’ tagħti lok għal indħil partikolarment serju fid-dritt tas-suġġett tad-data għall-protezzjoni tal-immaġni tiegħu, liema fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar bejn id-drittijiet u l-interessi kunfliġġenti. Ibbilanċjar distint huwa neċessarju skont jekk ikunux inkwistjoni, minn naħa, artikli mogħnija b’ritratti ppubblikati mill-editur tal-paġna tal-internet u li, imqiegħda fil-kuntest ta’ oriġini tagħhom, jillustraw l-informazzjoni pprovduta f’dawn l-artikli u l-opinjonijiet li huma espressi fihom, u, min-naħa l-oħra, ritratti vviżwalizzati taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) fil-lista ta’ riżultati mill-operatur ta’ magna tat-tiftix barra mill-kuntest li fih dawn ġew ippubblikati fuq il-paġna tal-internet li minnha joriġinaw.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li mhux biss ir-raġuni li tiġġustifika l-pubblikazzjoni ta’ data personali fuq sit tal-internet ma tikkoinċidix neċessarjament ma’ dik li tapplika għall-attività tal-magni tat-tiftix iżda li, anki meta dan ikun il-każ, ir-riżultat tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi inkwistjoni li għandu jitwettaq jista’ jvarja skont jekk ikunx involut l-ipproċessar imwettaq mill-operatur ta’ magna tat-tiftix jew l-ipproċessar imwettaq mill-editur ta’ din il-paġna tal-internet. Minn naħa, l-interessi leġittimi li jiġġustifikaw dawn l-istanzi ta’ pproċessar jistgħu jkunu differenti u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tal-imsemmija istanzi ta’ pproċessar għas-suġġett tad-data, u b’mod partikolari għall-ħajja privata tiegħu, ma humiex neċessarjament l-istess (5).

It-tieni, fir-rigward tan-natura tal-ipproċessar imwettaq mill-operatur tal-magna tat-tiftix, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi jtella’ r-ritratti ta’ persuni fiżiċi ppubblikati fuq l-internet u jirriproduċihom separatament, fir-riżultati ta’ tiftix bl-immaġnijiet, taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails), l-operatur ta’ magna tat-tiftix joffri servizz li jinvolvi pproċessar ta’ data personali awtonomu u distint mill-ipproċessar tal-editur ta’ paġna tal-internet li minnha jittieħdu r-ritratti kif ukoll mill-ipproċessar, li għalih dan l-operatur huwa wkoll responsabbli, relatat mar-referenzjar ta’ din il-paġna.

Konsegwentement, hija meħtieġa evalwazzjoni awtonoma tal-attività tal-operatur tal-magna tat-tiftix li tikkonsisti fil-viżwalizzazzjoni tar-riżultati ta’ tiftixa b’immaġnijiet taħt il-forma ta’ immaġnijiet żgħar (thumbnails) ġaladarba l-preġudizzju addizzjonali għad-drittijiet fundamentali li jirriżulta minn tali attività jista’ jkun partikolarment intens minħabba l-ġabra, meta ssir tiftixa fuq il-bażi tal-isem, tal-informazzjoni kollha dwar is-suġġett tad-data li tinsab fuq l-internet. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni awtonoma, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-viżwalizzazzjoni tikkostitwixxi fiha nnifisha r-riżultat imfittex mill-utent tal-internet, indipendentement mid-deċiżjoni ulterjuri tiegħu jekk jaċċedix jew le għall-paġna tal-internet ta’ oriġini.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li tali bbilanċjar speċifiku, li jieħu inkunsiderazzjoni n-natura awtonoma tal-ipproċessar magħmul mill-operatur tal-magna tat-tiftix, huwa bla ħsara għar-rilevanza eventwali ta’ elementi testwali li jistgħu jakkumpanjaw direttament il-viżwalizzazzjoni ta’ ritratt fil-lista tar-riżultati ta’ tiftixa, inkwatu tali elementi jistgħu jitfgħu dawl fuq il-valur informattiv ta’ dan ir-ritratt għall-pubbliku u, għalhekk, jinfluwenzaw l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi preżenti.


1      Artikolu 17(3)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, u r-rettifika ĠU 2018, L 127, p. 2)


2      Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


3      Sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317) kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva) (C‑136/17, EU:C:2019:773) u Google (Portata territorjali tat-tneħħija ta’ referenza) (C‑507/17, EU:C:2019:772).


4      Drittijiet fundamentali ggarantiti rispettivament mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


5      Ara s-sentenza Google Spain u Google, punt 86.