Language of document : ECLI:EU:C:2009:588

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ppreżentati fit-30 ta’ Settembru 2009 1(1)

Kawża C-135/08

Janko Rottmann

vs

Freistaat Bayern

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]

“Ċittadinanza Ewropea – Telf – Dekadenza taċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ta’ oriġini fil-mument tal-ksib taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor – Revoka taċ-ċittadinanza l-ġdida minħabba manuvri frawdolenti marbuta mal-ksib tagħha”





1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jqajjem għall-ewwel darba l-kwistjoni tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri biex jiddeterminaw min huma ċ-ċittadini tagħhom. Inkwantu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea, li naturalment tiddependi mit-tgawdija tal-istatus ta’ ċittadinanza ta’ Stat Membru, hija stabbilita mit-Trattat, il-kompetenza tal-Istati Membri biex jiffissaw il-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza għadha tista’ tiġi eżerċitata indipendentement mid-dritt Komunitarju? Dan huwa l-qofol tal-kwistjoni f’din il-kawża. Għaldaqstant din teħtieġ li jiġu ppreċiżati r-relazzjonijiet bejn il-kunċetti ta’ ċittadinanza ta’ Stat Membru u ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, kwistjoni, għandu jiġi enfasizzat, li tiddetermina sostanzjalment in-natura tal-Unjoni Ewropea.

I –    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

2.        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, J. Rottmann, twieled fi Graz (l-Awstrija) fl-1956 u kiseb iċ-ċittadinanza Awstrijaka permezz tat-twelid tiegħu fit-territorju ta’ dak l-Istat. Permezz tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni Ewropea, fl-1 ta’ Jannar 1995, huwa sar ukoll ċittadin tal-Unjoni fil-kwalità tiegħu bħala ċittadin Awstrijak.

3.        Wara investigazzjoni mmexxija kontrih mill-pulizija federali ta’ Graz minħabba suspetti ta’ frodi serji fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, huwa tressaq bħala imputat, f’Lulju 1995, quddiem il-Landesgericht für Strafsachen (ġurisdizzjoni kriminali) ta’ Graz. Sussegwentement, huwa telaq mill-Awstrija u stabbilixxa ruħu f’ München (il-Ġermanja). Fi Frar tal-1997, il-Landesgericht für Strafsachen ta’ Graz ħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali kontrih.

4.        Fi Frar tal-1998, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta talba għal naturalizzazzjoni fil-Ġermanja fil-belt ta’ München. Fil-formola li huwa kellu jimla għal dan il-għan, huwa ħeba l-fatt illi kien jinsab suġġett għal proċeduri kriminali fl-Awstrija. Id-dokument ta’ naturalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 1999 inħareġ lir-rikorrent fil-5 ta’ Frar 1999. Bil-ksib taċ-ċittadinanza Ġermaniża, J. Rottmann tilef iċ-ċittadinanza Awstrijaka, b’mod konformi mad-dritt Awstrijak dwar iċ-ċittadinanza (2).

5.        F’Awwissu tal-1999, il-belt ta’ München ġiet infurmata mill-awtoritajiet Awstrijaki li J. Rottmann kien suġġett għal mandat ta’ arrest f’pajjiżhom u li huwa kien diġà tressaq bħala imputat f’Lulju tal-1995 quddiem il-Landesgericht für Strafsachen ta’ Graz. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Land tal-Bavarja rtira n-naturalizzazzjoni b’deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju tal-2000, minħabba li r-rikorrent kien ħeba l-fatt li huwa kien suġġett għal investigazzjoni ġudizzjarja fl-Awstrija u li huwa b’hekk kien kiseb iċ-ċittadinanza Ġermaniża b’mod frawdolenti. L-awtoritajiet Ġermaniżi waslu għal din id-deċiżjoni ta’ rtirar abbażi tal-Artikolu 48(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva tal-Land tal-Bavarja (BayVwVfG), li jistabbilixxi li “att amministrattiv illegali jista’, anki jekk ikun sar definittiv, jiġi rtirat, totalment jew parzjalment, b’effett fil-futur jew retrospettiv […]”.

6.        Ir-rikorrent ressaq azzjoni għal annullament kontra dik id-deċiżjoni, fejn huwa sostna li l-irtirar tan-naturalizzazzjoni tiegħu kien qed ipoġġih, bi ksur tad-dritt internazzjonali pubbliku, f’sitwazzjoni fejn huwa ma kien ċittadin ta’ ebda Stat u li dak l-istatus ta’ nuqqas ta’ ċittadinanza kien iwassal ukoll, bi ksur tad-dritt Komunitarju, għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Wara li l-azzjoni tiegħu ġiet miċħuda fl-ewwel istanza u fl-appell, J. Rottmann ressaq azzjoni ta’ reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht.

7.        Peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni ta’ rtirar inkwistjoni u tas-sentenza tal-appell mad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 17(1) KE, minħabba t-telf taċ-ċittadinanza Ewropea li normalment takkumpanja t-telf taċ-ċittadinanza Ġermaniża u n-nuqqas ta’ ċittadinanza li tirriżulta minn dan, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)      Id-dritt Komunitarju jipprekludi l-konsegwenza legali tat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea (kif ukoll tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali marbuta magħha), li tirriżulta mill-fatt li r-revoka ta’ naturalizzazzjoni fi Stat Membru (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) miksuba permezz ta’ frodi, revoka li minnha nfisha hija legali taħt id-dritt nazzjonali applikabbli (dak Ġermaniż), għandha bħala konsegwenza li l-persuna kkonċernata tispiċċa bla ċittadinanza minħabba l-fatt li, hekk kif huwa l-każ tar-rikorrent, hija ma tirkuprax iċ-ċittadinanza li kellha oriġinarjament minħabba d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Istat Membru l-ieħor (l-Awstrija)?

2)      Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-Istat Membru (il-Ġermanja) li nnaturalizza ċittadin tal-Unjoni Ewropea u li bi ħsiebu jirrevoka naturalizzazzjoni miksuba b’mod frawdolenti għandu jastjeni milli jagħmel hekk jew sakemm din ir-revoka tan-naturalizzazzjoni jkollha l-konsegwenza tat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (kif ukoll tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali marbuta magħha), jew għandu l-Istat Membru (l-Awstrija) taċ-ċittadinanza inizjali, sabiex josserva d-dritt Komunitarju, jinterpreta, japplika jew anki jadatta d-dritt nazzjonali tiegħu sabiex jevita konsegwenza legali bħal din?”

II – Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

8.        Qabel ma nipprova nagħti risposta għad-domandi li saru, għandha tiġi miċħuda l-oġġezzjoni mqajma minn ċerti Stati Membri u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li skontha s-sitwazzjoni inkwistjoni, inkwantu tikkonċerna dimensjoni purament interna, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, u li b’hekk ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli.

9.        Huwa veru li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għalkemm tikkostitwixxi “l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (3), ma għandhiex bħala għan l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat għal sitwazzjonijiet interni li ma għandhom ebda rabta mad-dritt Komunitarju (4). Din b’hekk ma tistax tiġi invokata f’tali sitwazzjonijiet.

10.      Madankollu huwa ċar li jkun żbaljat jekk jitqies, kif jidher li jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri, li din hija sitwazzjoni purament interna, taħt il-pretest li l-kwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri l-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza, hija rregolata esklużivament mid-dritt nazzjonali. Biżżejjed li niftakru li kien ġie deċiż li l-fatt li r-regoli dwar il-kunjom ta’ persuna jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri ma għandux neċessarjament jeskludihom mill-ambitu tad-dritt Komunitarju (5). Ċertament, sakemm ma jitwessax l-ambitu tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, għar-raġuni biss li huma jistgħu jwasslu għall-ksib jew għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Madankollu, anki jekk sitwazzjoni tkun tirrigwarda suġġett li r-regolamentazzjoni tiegħu tkun taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju, meta tkun tinvolvi element barrani, jiġifieri dimensjoni transkonfinali. Effettivament, sitwazzjoni purament interna hija biss waħda fejn l-elementi kollha jkunu jinsabu fi ħdan Stat Membru wieħed (6).

11.      F’dan ir-rigward, wieħed ma jistax jikkontestata l-preżenza ta’ element barrani fuq il-bażi li ladarba nkisbet iċ-ċittadinanza Ġermaniża, ir-relazzjonijiet ġuridiċi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja saru dawk ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat u li, b’mod partikolari, l-irtirar tan-naturalizzazzjoni huwa att amministrattiv Ġermaniż indirizzat lil ċittadin Ġermaniż residenti fil-Ġermanja. Tali approċċ jinjora l-oriġini tas-sitwazzjoni ta’ J. Rottmann. Kien bis-saħħa tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni li kien igawdi bħala ċittadin Awstrijak li J. Rottmann mar il-Ġermanja u stabbilixxa hemmhekk ir-residenza tiegħu fl-1995, bil-għan li jwitti t-triq għall-proċedura ta’ naturalizzazzjoni. Għalkemm J. Rottmann kiseb l-istatus ta’ ċittadin Ġermaniż u tilef dak ta’ ċittadin Awstrijak skont il-kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali, huwa seta’ jagħmel dan biss wara li eżerċita libertà fundamentali (7) mogħtija lilu mid-dritt Komunitarju. Skont ġurisprudenza stabbilita, sitwazzjonijiet li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu u l-libertà ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif stabbiliti mill-Artikolu 18 KE, ma jistgħux jitqiesu bħala sitwazzjonijiet interni mingħajr rabta mad-dritt Komunitarju (8).

12.       B’hekk ġiet ikkunsidrata li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju s-sitwazzjoni ta’ individwu taxxabbli residenti fil-Ġermanja li ma setax, taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, inaqqas mid-dħul taxxabbli tiegħu f’dak l-Istat Membru l-manteniment imħallas lill-ex mara tiegħu residenti fl-Awstrija, minkejja li kien ikollu d-dritt li jagħmel dan li kieku hija kienet għadha residenti fil-Ġermanja. Dan ġie deċiż minkejja li l-individwu taxxabbli ma kienx eżerċita huwa stess id-dritt ta’ moviment liberu, peress li l-eżerċizzju mill-ex mara tiegħu tad-dritt, li hija kellha taħt l-Artikolu 18 KE, li tmur minn post għall-ieħor u li tirrisjedi liberament fi Stat Membru ieħor, kellu effett fuq il-possibbiltà għall-ex raġel tagħha li jnaqqas mid-dħul taxxabbli tiegħu fil-Ġermanja l-manteniment li huwa kien iħallasha (9). Bl-istess mod, ma jikkostitwixxix sitwazzjoni purament interna r-rifjut ta’ ħlas mill-awtoritajiet Pollakki ta’ pensjoni ta’ invalidità għall-vittmi ċivili tal-gwerra lil waħda miċ-ċittadini tagħhom, peress li dan kien iġġustifikat mill-fatt li hija kienet stabbilixxiet ir-residenza tagħha fil-Ġermanja u li, għaldaqstant, l-eżerċizzju minn din tal-aħħar tad-dritt tagħha ta’ moviment u residenza marbuta maċ-ċittadinanza tagħha tal-Unjoni kellu effett fuq id-dritt għall-ħlas imsemmi (10).

13.      Huwa minnu li, fil-każ ineżami, il-konnessjoni bejn l-irtirar tan-naturalizzazzjoni inkwistjoni u l-libertà fundamentali Komunitarja hija inqas diretta: l-irtirar huwa mmotivat mhux mill-eżerċizzju ta’ dik il-libertà iżda mill-frodi intenzjonata tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Iżda xorta jibqa’ l-fatt li l-eżerċizzju minn J. Rottmann tad-dritt tiegħu, bħala ċittadin tal-Unjoni, ta’ moviment u residenza fi Stat Membru ieħor kellu effett fuq il-bidla fl-istatus ċivili tiegħu: kien proprju minħabba li ttrasferixxa r-residenza tiegħu fil-Ġermanja illi huwa seta’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ksib taċ-ċittadinanza Ġermaniża, jiġifieri residenza regolari abitwali fit-territorju. L-eżistenza ta’ tali rabta hija biżżejjed biex tiġi stabbilita l-konnessjoni mad-dritt Komunitarju. Bħala eżempju ta’ dan, ir-rifjut li jinbidel il-kunjom ġie marbut mad-dritt Komunitarju, minkejja li dan ġie oppost mill-awtoritajiet Belġjani fir-rigward ta’ tfal imwielda u minn dejjem residenti fil-Belġju u li kellhom ċittadinanza Belġjana, minħabba li huma kienu wkoll ċittadini Spanjoli u setgħu għalhekk, fuq din il-bażi, jitqiesu bħala ċittadini ta’ Stat Membru residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Fi kwalunkwe każ, ir-rifjut li jinbidel il-kunjom ma kienx relatat mal-moviment liberu marbut maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, iżda kien ibbażat fuq il-fatt li tradizzjonalment id-dritt Belġjan jirrikonoxxi biss il-kunjom tal-missier bħala l-kunjom tat-tfal (11).

III – Fuq ir-regolamentazzjoni statali ta’ kwistjonijiet ta’ ċittadinanza “b’ħarsien tad-dritt Komunitarju”

14.      Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni jekk id-dritt Komunitarju jirrestrinġix il-poter tal-Istat li jirregola l-kwistjonijiet ta’ ċittadinanza, meta persuna li oriġinarjament kellha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u li tkun tilfet dik iċ-ċittadinanza wara l-ksib taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor permezz ta’ naturalizzazzjoni, tiġi suġġetta għall-irtirar ta’ din l-aħħar ċittadinanza miksuba b’mod frawdolenti u, konsegwentement, tispiċċa persuna mingħajr ċittadinanza u titlef iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Fil-każ ta’ soluzzjoni affermattiva, hija s-sistema legali taċ-ċittadinanza ta’ oriġini jew dik taċ-ċittadinanza rtirata li għandha tieħu ħsieb, fir-rigward tad-dritt Komunitarju, li tiġi evitata l-konsegwenza ġuridika tan-nuqqas ta’ ċittadinanza?

15.      Id-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija ta’ natura derivata u komplementari f’rabta maċ-ċittadinanza, kif jirriżulta mit-test tal-Artikolu 17(1) KE, li jistipulaw li “[k]ull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tikkomplementa u mhux tissostitwixxi iċ-ċittadinanza nazzjonali” (12). Minn dan tirriżulta l-assenza ta’ mod awtonomu ta’ ksib u ta’ telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Il-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma konsegwenza tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru; iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tippreżupponi ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

16.      Din ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ forom ta’ status (iċ-ċittadinanza Statali u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni) hija spjegata min-natura u t-tifsira stess taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Waqt li ċ-ċittadinanza tradizzjonalment kienet tinftiehem, flimkien maċ-ċittadinanza, bħala indikazzjoni tal-kundizzjoni legali u politika li jgawdu ċ-ċittadini ta’ Stat fi ħdan il-komunità politika tagħhom, iċ-ċittadinanza Ewropea tirreferi għall-istatus ġuridiku u politiku rikonoxxut liċ-ċittadini ta’ Stat lil hinn mill-komunità politika statali tagħhom. In-natura derivata taċ-ċittadinanza tal-Unjoni f’rabta maċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tirriżulta mill-interpretazzjoni tagħha bħala “ċittadinanza interstatali” (13), li tagħti liċ-ċittadini ta’ Stat Membru drittijiet fl-Istati Membri l-oħrajn, essenzjalment id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza u d-dritt ta’ trattament ugwali (14), kif ukoll fil-konfront tal-Unjoni nfisha. Għaldaqstant, loġikament, hija ċ-ċittadinanza ta’ Stat li tagħmel lil individwu kemm ċittadin ta’ dak l-Istat kif ukoll, fl-istess ħin, tal-Unjoni Ewropea. Din tagħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri ċittadinanza lil hinn mill-Istat.

17.      F’dan il-kuntest, huwa mifhum li d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza, ‑ u b’hekk taċ-ċittadinanza tal-Unjoni ‑, taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Fil-fatt, huwa magħruf li ċ-ċittadinanza tista’ tiġi ddefinita bħala r-rabta legali tad-dritt pubbliku li tgħaqqad lil individwu ma’ Stat partikolari, rabta li minnha jirriżulta li l-imsemmi individwu jassumi għadd ta’ drittijiet u obbligi. Il-karatteristika ta’ din ir-rabta ta’ ċittadinanza hija dik li hija bbażata fuq rabta partikolari ta’ solidarjetà fir-rigward tal-Istat inkwistjoni u fuq ir-reċiproċità tad-drittijiet u d-dmirijiet (15). Permezz taċ-ċittadinanza, l-Istat jiddefinixxi l-poplu tiegħu. Il-punt inkwistjoni, permezz tar-rabta ta’ ċittadinanza, huwa l-kostituzzjoni ta’ komunità nazzjonali, u għaldaqstant huwa naturali li Stat Membru jista’ jistabbilixxi liberament il-parametri għad-determinazzjoni tal-persuni li huwa jikkunsidra bħala ċ-ċittadini tiegħu.

18.      Hekk jistabbilixxi tradizzjonalment id-dritt internazzjonali. Il-Qorti permanenti internazzjonali tal-ġustizzja diġà kienet stabbilixxiet illi l-kwistjonijiet ta’ ċittadinanza jinsabu, fil-prinċipju, fil-kamp riżervat tal-Istati (16). Il-Qorti internazzjonali tal-ġustizzja sussegwentement ikkonfermat li d-dritt internazzjonali jħalli f’idejn kull Stat biex jirregola l-attribuzzjoni taċ-ċittadinanza tiegħu u biex jagħtiha permezz ta’ naturalizzazzjoni maħruġa mill-korpi tiegħu b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tiegħu (17). Finalment, iktar reċentement, il-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza, adottata fis-6 ta’ Novembru 1997 mill-Kunsill tal-Ewropa u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000, ikkonfermat, fl-Artikolu 3(1) tagħha li huwa fil-kompetenza ta’ kull Stat biex jiddetermina permezz tal-leġiżlazzjoni tiegħu liema huma ċ-ċittadini tiegħu.

19.      L-Unjoni ma tiddevjax mis-soluzzjoni adottata fid-dritt internazzjonali, li hija tqis li tikkostitwixxi “prinċipju tad-dritt konswetudinali internazzjonali” (18). Hekk riedu l-Istati Membri. Dan jirriżulta espressament mid-dikjarazzjoni Nru 2 dwar iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, miżjuda mill-Istati Membri mal-Att finali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (19), mingħajr ma jista’ jiġi validament oġġezzjonat li d-dikjarazzjonijiet annessi mat-trattati, b’differenza mill-protokolli, ma jaqsmux il-valur legali. Effettivament, il-ġurisprudenza Komunitarja tirrikonoxxi li dawn għandhom tal-inqas portata interpretattiva (20). Huwa biżżejjed li jitfakkar, b’mod partikolari, li ġie deċiż li d-dikjarazzjoni unilaterali tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li permezz tagħha dak l-Istat ippreċiża liema persuni għandhom jitqiesu bħala ċittadini tiegħu fis-sens tad-dritt Komunitarju, għandha tiġi kkunsidrata għall-interpretazzjoni tat-Trattat u, b’mod iktar preċiż, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan tal-aħħar (21). A fortiori, portata simili ngħatat lil dikjarazzjoni maħruġa mill-kollettività tal-Istati Membri, bħad-dikjarazzjoni Nru 2 dwar iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tad-dritt primarju u ebda att tad-dritt sekondarju ma jirregolaw il-proċedura u l-kundizzjonijiet tal-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jew taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Finalment u fuq kollox, ġurisprudenza stabbilita tikkonferma li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, din il-kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari kkonkludiet li r-Renju Unit seta’, f’żewġ dikjarazzjonijiet suċċessivi annessi mat-Trattat ta’ Adeżjoni, jiddetermina liberament liema kienu l-kategoriji ta’ ċittadini Brittaniċi li kellhom jitqiesu bħala ċittadini nazzjonali fis-sens u għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (23).

20.      Xorta jibqa’ l-fatt li, meta s-sitwazzjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenzi tagħhom ma jistax ikun diskrezzjonarju. Dan huwa llimitat mill-obbligu tal-osservanza tar-regoli Komunitarji. Il-ġurisprudenza f’dan is-sens hija stabbilita u magħrufa. Huwa biżżejjed li wieħed ifakkar, bħala eżempju, li ġie ddikjarat li l-kwistjonijiet ta’ tassazzjoni diretta (24), ta’ kunjom (25), u ta’ pensjonijiet għall-vittmi ċivili tal-gwerra (26), għalkemm jaqgħu fil-kamp ta’ kompetenza nazzjonali, għandhom jiġu rregolati mill-Istati Membri b’ħarsien tad-dritt Komunitarju. Loġikament, is-soluzzjoni ma hijiex differenti fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża, fil-kawża Micheletti, li l-kompetenza tal-Istat f’dan il-qasam “għandha”, hija wkoll, “tiġi eżerċitata b’ħarsien tad-dritt Komunitarju” (27).

21.      Madankollu, s’issa l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppreċiżatx b’mod suffiċjenti l-portata ta’ din ir-riżerva. Hija sempliċement iddeduċiet il-prinċipju li Stat Membru ma għandux jirrestrinġi l-effetti tal-attribuzzjoni taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor billi jimponi kundizzjoni supplimentari għar-rikonoxximent ta’ dik iċ-ċittadinanza għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali prevista mit-Trattat (28).

22.      Iżda x’inhi l-portata ta’ dan l-obbligu ta’ ħarsien tad-dritt Komunitarju fir-rigward tat-telf taċ-ċittadinanza Ewropea tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, meta dan jirriżulta mill-irtirar tan-naturalizzazzjoni Ġermaniża tiegħu miksuba bi frodi u l-impossibbiltà li jirkupra ċ-ċittadinanza Awstrijaka tiegħu li huwa kien kiseb bit-twelid? Fi kliem ieħor, x’nistgħu niddeduċu mill-imsemmi obbligu fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrigwarda biss iċ-ċittadinanza tiegħu u mhux dik ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari meta l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni twassal għat-telf tal-istatus fundamentali ta’ ċittadin tal-Unjoni miksub legalment bħala ċittadin tal-ewwel Stat Membru?

23.      Qabel ma nippruvaw nagħtu risposta jeħtieġ li nifhmu sew ir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Dawn huma żewġ kunċetti marbuta mill-qrib iżda fl-istess ħin awtonomi (29). Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tippreżupponi ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru iżda hija wkoll kunċett legali u politiku awtonomu meta mqabbel ma’ dak taċ-ċittadinanza. Iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru mhux biss tiftaħ l-aċċess għat-tgawdija tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju, iżda tagħmilna wkoll ċittadini tal-Unjoni. Iċ-ċittadinanza Ewropea barra minn hekk tikkostitwixxi ġabra ta’ drittijiet li, fihom infushom, jistgħu jingħataw ukoll lil dawk li ma jippossedux din iċ-ċittadinanza. Hija tippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ natura politika bejn iċ-ċittadini Ewropej, minkejja li ma tikkonsistix f’rabta ta’ appartenenza għal poplu. Din ir-rabta politika tgħaqqad, għall-kuntrarju, lill-popli tal-Ewropa. Hija bbażata fuq l-impenn reċiproku tagħhom li jiftħu l-komunitajiet politiċi rispettivi tagħhom għaċ-ċittadini Ewropej l-oħrajn u li jibnu forma ta’ solidarjetà ċivika u politika fuq livell Ewropew. Ma teħtiġx l-eżistenza ta’ poplu iżda hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ żona politika Ewropea, li minnha joħorġu drittijiet u dmirijiet. Inkwantu ma timplikax l-eżistenza ta’ poplu Ewropew, iċ-ċittadinanza tipproċedi kunċettwalment minn diżassoċjazzjoni maċ-ċittadinanza. Kif osserva awtur partikolari, in-natura radikalment innovattiva tal-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea tinsab fil-fatt li “l-Unjoni tappartjeni lil, u hija komposta minn ċittadini li bħala definizzjoni ma għandhomx l-istess ċittadinanza” (30) [Traduzzjoni libera]. Għall-kuntrarju, billi għamlu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru bħala kundizzjoni biex wieħed ikun ċittadin Ewropew, l-Istati Membri riedu jindikaw li din il-forma ġdida ta’ ċittadinanza ma tqegħidx f’dubju l-lealtà ewlenija lejn il-komunitajiet politiċi nazzjonali tagħna. B’dan il-mod, din ir-rabta maċ-ċittadinanza tad-diversi Stati Membri tikkostitwixxi rikonoxximent tal-fatt li tista’ teżisti (fil-fatt, li teżisti) ċittadinanza li ma hijiex iddeterminata miċ-ċittadinanza. Dan huwa l-miraklu taċ-ċittadinanza tal-Unjoni: din issaħħaħ ir-rabtiet li jgħaqqduna mal-Istati tagħna (inkwantu aħna ċittadini Ewropej preċiżament għaliex aħna ċittadini tal-Istati tagħna) u, fl-istess ħin, temanċipana (inkwantu issa aħna ċittadini lil hinn mill-Istati tagħna). L-aċċess għaċ-ċittadinanza Ewropea jasal permezz taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, li huwa rregolat mid-dritt nazzjonali, iżda bħal kull forma ta’ ċittadinanza, din tikkostitwixxi l-bażi ta’ żona politika ġdida, li minnha joħorġu drittijiet u dmirijiet li huma stabbiliti mid-dritt Komunitarju u li ma jiddependux mill-Istat. Huwa dan li, min-naħa l-oħra, jilleġittima l-awtonomija u l-awtorità tas-sistema legali Komunitarja. Huwa għal din ir-raġuni li, għalkemm huwa minnu li ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tikkundizzjona l-aċċess għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni, huwa daqstant minnu li d-drittijiet u l-obbligi kollha marbuta ma’ din tal-aħħar ma jistgħux jiġu llimitati b’mod inġustifikat minn din tal-ewwel. Fi kliem ieħor, il-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza (u, għaldaqstant, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni) ma humiex per se rregolati mid-dritt Komunitarju, iżda l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza għandhom ikunu kompatibbli mar-regoli Komunitarji u għandhom jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadin Ewropew.

24.      Madankollu, wieħed ma jistax raġonevolment jiddeduċi l-impossibbiltà assoluta li tiġi rtirata ċ-ċittadinanza, f’każ fejn l-imsemmi rtirar iwassal għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Dan iwassal biex jeskludi l-kompetenza tal-Istati Membri biex jirregolaw il-kundizzjonijiet taċ-ċittadinanza tal-Istat tagħhom u b’hekk jaffettwa wkoll essenzjalment l-awtonomija tal-Istati Membri f’dan il-qasam bi ksur tal-Artikolu 17(1) KE. Fil-fatt, dan iwassal għas-soluzzjoni paradossali fejn l-aċċessorju jiddetermina l-prinċipal: iż-żamma taċ-ċittadinanza tal-Unjoni twassal biex tkun meħtieġa ż-żamma taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

25.      Tali soluzzjoni tmur ukoll kontra d-dmir, impost fuq l-Unjoni mill-Artikolu 6(3) UE, li tiġi rrispettata l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, li element essenzjali tagħha b’mod ċar huwa l-kompożizzjoni tal-komunità nazzjonali.

26.      Min-naħa l-oħra, ma huwiex iġġustifikat li wieħed isostni, kif jagħmlu ċerti Stati Membri, li huwa biss l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni mogħtija mill-pussess taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru li jaqa’ taħt il-kontroll tad-dritt Komunitarju u mhux il-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru bħala tali. Sa fejn il-pussess taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jiddetermina l-pussess taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u, għaldaqstant, it-tgawdija tad-drittijiet u l-libertajiet li huma espressament marbutin magħha mit-Trattat, kif ukoll il-benefiċċju tas-servizzi soċjali li hija tippermetti li jiġu pretiżi (31), wieħed ma jistax jinnega kwalunkwe portata tal-obbligu tal-ħarsien tad-dritt Komunitarju fl-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċittadinanza. Għaldaqstant l-imsemmi obbligu ma jistax ma jirrestrinġix l-att tal-Istat tal-irtirar taċ-ċittadinanza, meta dan iwassal għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni; inkella dan jaffettwa l-kompetenza tal-Unjoni li tiddetermina d-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini tagħha.

27.      L-awturi huma ta’ din il-fehma (32). L-indikazzjonijiet mill-ġurisprudenza diġà juru li ċ-ċittadinanza għandha tiġi rregolata mill-Istati Membri b’rispett tad-dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, irrifjutat li tikkunsidra, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, in-naturalizzazzjoni Taljana ta’ uffiċjal mara ta’ ċittadinanza Belġjana, fuq il-bażi li kienet ġiet imposta fuqha, b’applikazzjoni tad-dritt Taljan, mingħajr possibbiltà li hija tirrinunzja għaliha minħabba ż-żwieġ tagħha ma’ Taljan, bi ksur tal-prinċipju Komunitarju ta’ trattament ugwali bejn l-uffiċjali rġiel u nisa (33).

28.      Hawnhekk ukoll, ikun żbaljat jekk jiġi kkunsidrat li minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt taċ-ċittadinanza, ċerti regoli Komunitarji biss, essenzjalment il-prinċipji ġenerali tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, jistgħu jiġu invokati kontra l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Istat f’dan il-qasam. Teoretikament, ma huwiex rilevanti liema regola tas-sistema legali Komunitarja tista’ tiġi invokata, fil-każ li l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza ffissati minn Stat Membru jidħlu f’kunflitt magħha.

29.      B’mod partikolari, mingħajr dubju l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt internazzjonali. L-obbligu għall-Istati li jilleġiżlaw dwar iċ-ċittadinanza biex jikkonformaw mad-dritt internazzjonali jikkostitwixxi, effettivament, regola ġeneralment rikonoxxuta, li ġiet ikkodifikata fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tat-12 ta’ April 1930 dwar ċerti kwistjonijiet relatati mal-kunflitt tal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza (34). Ir-regoli tad-dritt internazzjonali ġenerali u l-konswetudni internazzjonali jikkostitwixxu regoli li għalihom il-Komunità Ewropea hija suġġetta u li jagħmlu parti mis-sistema legali Komunitarja (35). Dan b’hekk japplika wkoll għar-regola li teżiġi li l-Istati li jilleġiżlaw dwar iċ-ċittadinanza għandhom josservaw id-dritt internazzjonali. Madankollu ma huwiex ċar liema regola tad-dritt internazzjonali ġiet miksura mill-irtirar tan-naturalizzazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża. Ċertament, kemm il-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ ċittadinanza tat-30 ta’ Awwissu 1961 kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza, adottata fis-6 ta’ Novembru 1997 mill-Kunsill tal-Ewropa, għandhom tendenza li jistabbilixxu l-prinċipju li n-nuqqas ta’ ċittadinanza għandu jiġi evitat, dejjem jekk wieħed jassumi li dawn iż-żewġ testi jistgħu, fin-nuqqas ta’ ratifikazzjoni mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, jitqiesu bħala espressjoni tar-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali. Madankollu, dawn jawtorizzaw lill-Istati sabiex jirtiraw, b’mod eċċezzjonali, iċ-ċittadinanza ta’ individwu, anki meta dan l-irtirar iwassal għan-nuqqas ta’ ċittadinanza, meta din iċ-ċittadinanza tkun inkisbet, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, permezz ta’ manuvri frawdolenti jew informazzjoni falza (36).

30.      Fost ir-regoli li jistgħu jirrestrinġu l-poter leġiżlattiv tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċittadinanza nsibu wkoll ir-regoli tad-dritt Komunitarju primarju u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Għal din ir-raġuni, l-awturi (37) u r-Repubblika Ellenika fl-osservazzjonijiet tagħha jsemmu l-prinċipju tal-lealtà Komunitarja, stabbilit fl-Artikolu 10 KE, li jista’ jiġi affettwat fl-ipoteżi fejn Stat Membru jipproċedi, mingħajr ma jikkonsulta lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, għal naturalizzazzjoni fuq skala kbira ta’ ċittadini ta’ Stati terzi.

31.      Għal dak li jirrigwarda l-irtirar tan-naturalizzazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, uħud jistgħu jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fiż-żamma tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, ma narax kif din ir-regola setgħet ġiet miksura fin-nuqqas ta’ aspettattiva li jistħoqqilha protezzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata, li pprovdiet informazzjoni falza jew li kienet responsabbli għal frodi u li b’hekk kisbet iċ-ċittadinanza Ġermaniża illegalment. Kif diġà rajna, id-dritt internazzjonali jawtorizza t-telf taċ-ċittadinanza f’każ ta’ frodi u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija marbuta mal-pussess taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

32.      L-irtirar tan-naturalizzazzjoni inkwistjoni jista’, b’mod partikolari, imur ukoll kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u kontra d-drittijiet u l-libertajiet marbutin magħha. Fil-fatt, ir-regoli tal-Istat dwar iċ-ċittadinanza ma jistgħux jirrestrinġu t-tgawdija u l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet li jikkostitwixxu l-istatus ta’ ċittadinanza tal-Unjoni mingħajr ġustifikazzjoni. Dan huwa sostnut mill-awturi (38). Anki l-ġurisprudenza tidher li diġà hija orjentata f’dan is-sens. B’mod partikolari, għandha tissemma l-ġustifikazzjoni tas-soluzzjoni dedotta, fil-kawża Micheletti et, tal-obbligu ta’ rispett tad-dritt Komunitarju: il-projbizzjoni li Stat Membru jimponi, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali prevista mit-Trattat, kundizzjoni supplimentari għar-rikonoxximent taċ-ċittadinanza mogħtija minn Stat Membru ieħor ġiet ibbażata mhux biss fuq il-ħsieb li tiġi mħarsa l-kompetenza ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kwalità ta’ ċittadin nazzjonali iżda wkoll fuq il-ħsieb li tiġi evitata kwalunkwe varjazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tal-libertajiet fundamentali Komunitarji bejn Stat Membru u ieħor permezz tar-regoli stabbiliti minn dawn tal-aħħar fil-qasam taċ-ċittadinanza (39). B’hekk, mingħajr ebda dubju, ikun hemm ksur tad-dritt ta’ moviment u residenza mogħtija liċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Artikolu 18 KE jekk regola tal-Istat tipprevedi t-telf taċ-ċittadinanza f’każ ta’ trasferiment tar-residenza fi Stat Membru ieħor (40).

33.      F’din il-kawża, l-irtirar taċ-ċittadinanza ma huwiex marbut mal-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet li jirriżultaw mit-Trattat u l-kundizzjoni stabbilita mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li f’dan il-każ iddeterminat it-telf taċ-ċittadinanza, ma tmur kontra ebda regola Komunitarja oħra. Għall-kuntrarju, jidhirli li l-fatt li Stat jirtira ċ-ċittadinanza miksuba bi frodi jirrifletti interess leġittimu, li huwa dak li tiġi żgurata l-lealtà taċ-ċittadini tiegħu. Fil-fatt, it-turija ta’ lealtà fir-rigward tal-Istat li tiegħu wieħed ikun ċittadin hija waħda mid-dmirijiet li jikkostitwixxu l-istatus li individwu jgawdi fil-kwalità tiegħu bħala ċittadin, u dan id-dmir jibda mill-mument tal-ksib taċ-ċittadinanza. Individwu li, matul il-proċess biex jikseb iċ-ċittadinanza, jipprovdi bil-ħsieb informazzjoni falza ma jistax jitqies bħala leali fil-konfront tal-Istat magħżul. Din hija r-raġuni għalfejn id-dritt internazzjonali ma jipprojbixxix it-telf taċ-ċittadinanza f’dan il-każ, anki meta dan iwassal għan-nuqqas ta’ ċittadinanza.

34.      Għal dak li jirrigwarda, finalment, l-integrazzjoni mill-ġdid fiċ-ċittadinanza Awstrijaka, id-dritt Komunitarju ma jimponi ebda obbligu ta’ dan it-tip, minkejja li, fin-nuqqas, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jispiċċa mingħajr ċittadinanza u, għaldaqstant, imċaħħad miċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Jekk jiġi deċiż mod ieħor, ikun qed jiġi injorat il-fatt li t-telf taċ-ċittadinanza Awstrijaka huwa r-riżultat tad-deċiżjoni personali ta’ ċittadin tal-Unjoni li jikseb volontarjament ċittadinanza oħra (41) u li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni Awstrijaka milli tipprovdi li Awstrijak jitlef iċ-ċittadinanza tiegħu meta jikseb, fuq talba tiegħu, ċittadinanza barranija (42). Ċertament, jista’ jiġi kkunsidrat li peress li l-irtirar tan-naturalizzazzjoni Ġermaniża għandu effett retroattiv, J. Rottmann qatt ma kellu ċ-ċittadinanza Ġermaniża, b’hekk illi l-okkorrenza li tat lok għat-telf taċ-ċittadinanza Awstrijaka qatt ma seħħet. Konsegwentement, huwa jkollu dritt ta’ integrazzjoni mill-ġdid awtomatika fiċ-ċittadinanza Awstrijaka. Iżda dan huwa raġunament li jaqa’ fil-kompetenza tad-dritt Awstrijak biex jiddeċiedi jekk hemmx lok li japplikah. Ebda regola Komunitarja ma tista’ timponih. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk id-dritt Awstrijak diġà jkun jipprovdi għal soluzzjoni analoga f’każijiet simili, u, f’dak il-każ, dik is-soluzzjoni għandha tiġi applikata skont il-prinċipju Komunitarju ta’ ekwivalenza.

IV – Konklużjoni

35.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li għad-domandi tal-Bundesverwaltungsgericht jingħataw ir-risposti li ġejjin:

“1)      Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix it-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropa (kif ukoll tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali marbuta magħha), li jirriżulta mill-fatt li l-irtirar ta’ naturalizzazzjoni fi Stat Membru jkollu l-konsegwenza li l-persuna kkonċernata tispiċċa mingħajr ċittadinanza għar-raġuni li hija ma terġax issib iċ-ċittadinanza li kellha oriġinarjament, minħabba dispożizzjonijiet applikabbli tal-Istat Membru l-ieħor, meta l-irtirar tan-naturalizzazzjoni ma jkunx immotivat mill-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet li jirriżultaw mit-Trattat u lanqas ma jkun ibbażat fuq xi motiv ieħor ipprojbit mid-dritt Komunitarju.

2)      Id-dritt Komunitarju ma jimponix li l-persuna tingħata mill-ġdid iċ-ċittadinanza li kellha qabel.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Skont l-Artikolu 27(1) tal-Liġi federali Awstrijaka dwar iċ-ċittadinanza (Staatsbürgerschaftsgesetz, BGBl 1985, p. 311): “Kull min jikseb, fuq talba tiegħu, permezz ta’ dikjarazzjoni jew bil-kunsens espress tiegħu, ċittadinanza barranija jitlef iċ-ċittadinanza Awstrijaka jekk ma jkunx ingħata espressament id-dritt li jżomm iċ-ċittadinanza Awstrijaka tiegħu”.


3 – Sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 31), u tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, Ġabra p I‑6849, punt 86).


4 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet (C‑64/96 u C‑65/96, Ġabra p. I‑3171, punt 23); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, Ġabra p. I‑11613, punt 26); tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03, Ġabra p. I‑6421, punt 20); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas (C‑192/05, Ġabra p. I‑10451, punt 23); tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 39), u tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska (C‑499/06, Ġabra p. I‑3993, punt 25).


5 – Ara s-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq (punti 20 sa 29)


6 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1997, USSL Nru 47 di Biella (C‑134/95, Ġabra p. I‑195, punt 23); tal-11 ta’ Ottubru 2001, Khalil et (C‑95/99 sa C‑98/99 u C‑180/99, Ġabra p. I‑7413, punt 69), u tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, Ġabra p. -6241, punt 77).


7 – Kif ikkwalifikat espressament il-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 29).


8 – Ara s-sentenzi Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24); Schwarz u Gootjes‑Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 87); tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 33); Schempp, iċċitata iktar ’il fuq (punti 17 u 18), kif ukoll Nerkowska, iċċitata iktar ’il fuq (punti 26 sa 29).


9 – Ara s-sentenza Schempp, iċċitata iktar ’il fuq (punti 13 sa 25).


10 – Ara s-sentenza Nerkowska, iċċitata iktar ’il fuq (punti 20 sa 29).


11 – Ara s-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq (punti 20 sa 39).


12 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 17 KE ġiet miżjuda mit-Trattat ta’ Amsterdam.


13 – Ara, fuq dan il-punt, l-analiżi ta’ C. Schönberger, European Citizenship as Federal Citizenship. Some Citizenship Lessons of Comparative Federalism, REDP, Vol. 19, Nru 1, 2007, p. 61; mill-istess awtur, Unionsbürger:Europasföderales Bürgerrecht in vergleichender Sicht, Tübingen, 2005.


14 – Ara dwar dan il-punt is-sinteżi ta’ A. Iliopoulou, Libre circulation et non‑discrimination, éléments du statut de citoyen de l’Union européenne, Ed. Bruylant 2008.


15 – Kif għoġobha tirrileva l-Qorti tal-Ġustizzja stess (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1980, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 149/79, Ġabra p. 3881, punt 10), u kif stabbilixxiet qabilha l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ara l-kawża Nottebohm (it-tieni sentenza), is-sentenza tas-6 ta’ April 1955, Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, Ġabra p. 4, b’mod partikolari p. 23: “iċ-ċittadinanza hija rabta ġuridika li għandha bħala l-bażi tagħha fatt soċjali ta’ rabta, solidarjetà effettiva ta’ eżistenza, ta’ interessi u ta’ sentimenti magħquda ma’ reċiproċità ta’ drittijiet u dmirijiet”).


16 – Ara l-parir konsultattiv tas-7 ta’ Frar 1923 dwar id-digrieti ta’ ċittadinanza ppromulgati fit-Tuneżija u fil-Marokk, Serje B Nru 4 (1923), b’mod speċjali p. 24.


17 – Ara l-kawża Nottebohm (it-tieni sentenza), iċċitata iktar ’il fuq, b’mod speċjali p. 20 u 23.


18 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Kaur (C‑192/99, Ġabra p. I‑1237, punt 20).


19 – Ara t-test (ĠU 1992 C 191, p. 98): “Il-Konferenza tiddikjara illi, kull fejn fit-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea hemm referenza għal persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ l-Istati Membri, il-kwistjoni jekk individwu jkollux iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jew le, trid tiġi risolta biss permezz ta’ referenza għal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw, għall-fini ta’ informazzjoni, min għandu jiġi kkunsidrat bħala persuna li jkollha ċ-ċittadinanza relattiva tagħhom għall-finijiet Komunitarji permezz ta’ dikjarazzjoni depożitata mal-Presidenza u jistgħu jemendaw kull dikjarazzjoni bħal din meta meħtieġ”.


20 – Fuq il-portata ġuridika tad-dikjarazzjonijiet, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, punt 34).


21 – Ara s-sentenza Kaur, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).


22 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, Ġabra p. I‑4239, punt 10); tal-11 ta’ Novembru 1999, Mesbah (C‑179/98, Ġabra p. I‑7955, punt 29), u Kaur, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19).


23 – Ara s-sentenza Kaur, iċċitata iktar ’il fuq.


24 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punt 29).


25 – Ara s-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).


26 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tas-Hagen u Tas (punti 21 u 22), u Nerkowska (punt 23).


27 – Sentenza Micheletti et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 10). Għal konferma, ara, imbagħad, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mesbah (punt 29), u Kaur (punt 19).


28 – Ara s-sentenza Micheletti et, iċċitata iktar ’il fuq. Għandu jitfakkar li, f’dik il-kawża, ir-Renju ta’ Spanja rrifjuta l-benefiċċju tal-libertà ta’ stabbiliment lil ċittadin Taljan li kellu wkoll ċittadinanza Arġentinjana, fuq il-bażi li l-leġiżlazzjoni Spanjola kienet tikkunsidrah bħala ċittadin Arġentinjan, il-pajjiż fejn huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu. Ara wkoll is-sentenzi Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28); u tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, Ġabra p. I‑9925, punt 39).


29 – Għal analiżi dettaljata tar-rabtiet u d-differenzi bejn iċ-ċittadinanza nazzjonali u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ara C. Closa, “Citizenship of the Union and Nationality of the Member States”, CMLRev, 1995, p. 487.


30 – J. Weiler, The Constitution of Europe, Cambridge University Press 1999, p. 344.


31 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq; tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, Ġabra p. I‑2703); tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, Ġabra p. I‑7573); Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster (C‑158/07, Ġabra p. I‑8507).


32 – Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, S. Hall, “Loss of Union Citizenship in Breach of fundamental Rights”, ELR, 1996, p. 129; N. Kotalakidis, Von der nationalen Staatsangehörigkeit zur Unionsbürgerschaft: die Person und das Gemeinwesen, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden‑Baden, 2000, b’mod speċjali p. 305 sa 316.


33 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Frar 1975, Airola vs Il‑Kummissjoni (21/74, Ġabra p. 221).


34 – Fil-fatt, it-test ta’ din l-istipulazzjoni jipprovdi: “Huwa fil-kompetenza ta’ kull Stat biex jiddetermina permezz tal-leġiżlazzjoni tiegħu liema huma ċ-ċittadini tiegħu. Dik il-leġiżlazzjoni għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati l-oħrajn, kemm-il darba tkun konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali, il-konswetudni internazzjonali u l-prinċipji tad-dritt ġeneralment rikonoxxuti fil-qasam taċ-ċittadinanza” [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (Recueil des Traités de la Société des Nations, vol. 179, p. 89).


35 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, Ġabra p. I‑6019, punti 9 u 10), u tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra p. I‑3655, punti 45 u 46).


36 – Ara, rispettivament, l-Artikolu 8(2)(b) tal-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ ċittadinanza u l-Artikolu 7(1)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza.


37 – Ara G. R. de Groot, “The relationship between nationality legislation of the Member States of the European Union and European citizenship”, f’M. La Torre, (Ed.), European citizenship: an institutional challenge, Kluwer Law International 1998, p. 115, b’mod speċjali p. 123 u 128 sa 135; A. Zimmermann, “Europaïsches Gemeinschaftsrecht und Staatsangehörigkeitsrecht der Mitgliedstaaten unter besonderer Berücksichtigung der Probleme mehrfacher Staatsangehörigkeit”, EuR, 1995, Nru. ½, p. 54, b’mod speċjali p. 62-63.


38 – Ara G. R. de Groot, op. cit., b’mod speċjali p. 136 sa 146.


39 – Ara s-sentenza Micheletti et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 10 sa 12).


40 – Għal eżempji oħrajn, ara G. R. de Groot, loc. cit.


41 – Jekk jiġi deċiż mod ieħor dan iwassal ukoll b’ċertu mod biex jiġi kkunsidrat li r-rabta inizjali ta’ ċittadinanza ma nħallitx għal kollox bil-ksib taċ-ċittadinanza Ġermaniża. Kieku dan ma kienx il-każ, huwa diffiċli biex wieħed jifhem għalfejn, fuq il-pretest li jiġi evitat in-nuqqas ta’ ċittadinanza u t-telf konsekuttiv taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija tkun l-uniku Stat Membru tal-Unjoni sottomess għal obbligi fir-rigward tal-irkupru taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.


42 – Jista’ jkun konċepibbli li, fil-futur, l-Istati Membri jiddeċiedu li l-ksib taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru qatt ma jista’ jwassal għat-telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, fil-fehma tiegħi dan ma huwiex obbligu li jista’ jiġi dedott mit-trattati attwali (ara, għar-raġunijiet li jiġġustifikaw tali inizjattiva mill-Istati Membri, D. Kochenov, A Glance at State Nationality/EU Citizenship Interaction (Using the Requirement to Renounce One’s Community Nationality upon Naturalising in the Member State of Residence as a Pretext, diskors fil-11-il Konferenza biannwali tal-EUSA, Los Angeles CA, għadu mhux ippubblikat).