Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Settembru 2010 - Gap SA granen & producten vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-437/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Gap SA granen & producten NV (Zoersel, il-Belġju) (rappreżentanti: C. Ronse u A. Hansebout, avukati)

Konvenuta: L-Unjoni Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea)

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tirrikonoxxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, sabiex tikkundannaha tħallas id-dannu subit mir-rikorrenti, u iktar speċifikatament li tħallasha l-ammont ta' EUR 295 690.43, miżjud bl-interessi legali tal-Belġju li jibdew jiddekorru mid-dati li fihom ir-rikorrenti ħallset id-dazji fuq l-importazzjoni inkwistjoni, u sabiex tikkundanna wkoll lill-Unjoni tħallas ammont proviżżorju ta' EUR 30 000, miżjud bl-interessi legali tal-Belġju għad-danni l-oħra li subit ir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob il-ħlas tad-dannu li hija subit minħabba l-fatt illi, meta ġew stabbiliti d-dazji fuq l-importazzjoni tal-qamħ, u b'mod partikolari fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 919/2009, tal-1 ta' Ottubru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 915/2009 li jiffissa d-dazji tal-importazzjoni fis-settur taċ-ċereali mill-1 ta' Ottubru 2009 (ĠU L 259, p 5), il-Kummissjoni aġixxiet illegalment u applikat prezzijiet tas-suq u prezzijiet tat-trasport ineżatti.

Insostenn tat-talba tagħha għal kumpens, ir-rikorrenti ssostni illi l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1249/961 u l-obbligu ġenerali ta' diliġenza bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u t-tariffi ta' trasport ħżiena meta imponiet u kkalkolat id-dazji tal-importazzjoni.

Skont ir-rikorrenti, il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1249/96 huwa ċar biżżejjed, peress illi l-Kummissjoni ma kellha l-ebda marġni ta' diskrezzjoni meta adottat ir-Regolament Nru 919/2009. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' osservanza tal-obbligu ta' diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni kien jikkostitwixxi fih innifsu ksur suffiċjentament ċar.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni illi d-dannu tagħha jirriżulta minn tnaqqis impost b'mod illegali u kkalkolat b'mod żbaljat, li tiegħu r-rikorrenti għandha l-ammont eżatt. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti sofriet ukoll dannu minħabba ż-żmien li hija kellha tiddedika għal din il-kawża u l-ispejjeż tal-avukati illi hija kellha tbati.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/96, tat-28 ta' Ġunju 1996, dwar regoli ta' applikazzjoni (dazju ta' importazzjoni fis-settur taċ-ċereali) għal Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 7, p. 183).