Language of document : ECLI:EU:C:2013:577

Kawża C‑661/11

Martin y Paz Diffusion SA

vs

David Depuydt

u
Fabriek van Maroquinerie Gauquie NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju)]

“Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 5 — Kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għall-użu, minn terz, ta’ sinjal identiku għal tali trade mark — Kunsens mogħti fil-kuntest ta’ użu kondiviż — Possibbiltà għall-imsemmi proprjetarju li jtemm l-użu kondiviż u li jikseb mill-ġdid l-użu esklużiv tat-trade mark tiegħu”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Settembru 2013

1.        Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Domandi relatati mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark — Kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark għall-użu, minn terz, ta’ sinjal identiku għal tali trade mark — Kunsens mogħti fil-kuntest ta’ użu kondiviż tat-trade mark — Dritt għall-imsemmi proprjetarju li jtemm l-użu kondiviż u li jikseb mill-ġdid l-użu esklużiv tat-trade mark tiegħu

(Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 5)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 42, 43)

2.        L-Artikolu 5 tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade mark, jipprekludi li proprjetarju ta’ trade marks li, fil-kuntest ta’ użu kondiviż ma’ terz, ikun ta l-kunsens għall-użu minn dan it-terz ta’ sinjali identiċi għat-trade marks tiegħu għal ċerti prodotti fi klassijiet li fir-rigward tagħhom dawn it-trade marks huma rreġistrati, u li jrid jirtira dan il-kunsens, jiċċaħħad minn kull possibbiltà li jinvoka d-dritt esklużiv mogħti lilu mill-imsemmija trade marks kontra l-imsemmi terz u li jeżerċita huwa stess dan id-dritt esklużiv għal prodotti identiċi għal dawk tal-istess terz.

Fir-rigward tal-limitazzjonijiet tad-dritt esklużiv li jirriżultaw b’mod inerenti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 fih innifsu, id-dritt esklużiv previst f’din id-dispożizzjoni jingħata sabiex il-proprjetarju tat-trade mark ikun jista’ jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju ta’ din it-trade mark, jiġifieri li jiżgura li din tal-aħħar tista’ tissodisfa l-funzjonijiet tagħha stess. Għalhekk, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jiġi limitat għall-każijiet li fihom l-użu ta’ sinjal minn terz jippreġudika jew jista’ jippreġudika waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark. Fost dawn il-funzjonijiet, hemm mhux biss il-funzjoni essenzjali tat-trade mark li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni, iżda wkoll il-funzjonijiet l-oħra tagħha, bħal dik li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew ta’ dan is-servizz, jew dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar.

Huwa minnu, kif stabbilit fir-riferiment, magħmul fis-sitt premessa tad-Direttiva 89/104, għad-dritt nazzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, li qorti nazzjonali tista’ tikkundanna lil proprjetarju ta’ trade mark għal sanzjoni jew għal kumpens għad-dannu mġarrab meta tikkonstata li tali proprjetarju temm b’mod irregolari l-kunsens li permezz tiegħu terz seta’ juża sinjali identiċi għat-trade marks tiegħu. Madankollu, il-konstatazzjoni ta’ tali aġir ma tistax tipproroga, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u għal żmien indeterminat, l-użu kondiviż tal-imsemmija trade marks meta ma jkunx hemm iżjed ir-rieda komuni tal-kumpanniji kkonċernati għal tali użu.

(ara l-punti 58, 61, 62 u d-dispożittiv)