Language of document : ECLI:EU:T:2017:339

Kawża T480/15

Agria Polska sp. z o.o. et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Akkordju – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tad-distribuzzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment – Allegat aġir antikompetittiv ta’ produtturi u ta’ distributuri – Azzjoni miftiehma jew ikkoordinata ta’ tressiq, minn produtturi u distributuri, ta’ lmenti quddiem awtoritajiet amministrattivi u kriminali – Denunzja ta’ allegat ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli minn importaturi paralleli – Kontrolli amministrattivi sussegwentement ikkummissjonati mill-awtoritajiet amministrattivi – Impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali mill-awtoritajiet nazzjonali fuq l-importaturi paralleli – Assimilazzjoni tat-tressiq ta’ lmenti mill-produtturi u distributuri ma’ azzjonijiet vessatorji jew ma’ abbużi minn proċeduri amministrattivi – Nuqqas ta’ interess tal-Unjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Mejju 2017

1.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Eżami tal-ilmenti – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tittiħidx azzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Limiti – Motivazzjoni tad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u 105(1) TFUE)

2.      Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Għan antikompetittiv – Denunzji simultanji ta’ impriża kompetitriċi quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti – Ammissibbiltà

(Artikolu 101 TFUE)

3.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kontrolli u azzjonijet ikkummissjonati minn awtoritajiet nazzjonali wara denunzji minn impriżi kompetitriċi – Esklużjoni

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE)

4.      Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Denunzja ta’ impriża kompetitriċi quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti – Inklużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Interpretazzjoni stretta

(Artikolu 102 TFUE)

5.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Eżami tal-ilmenti – Iffissar tal-prijoritajiet mill-Kummissjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-Unjoni fl-istruttorja ta’ kawża – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Kawża li tippermetti li jsir kontribut sabiex jiġi żviluppat id-dritt tal-kompetizzjoni

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE)

6.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Applikazzjoni mill-qrati nazzjonali – Kawża għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 6)

7.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Eżami tal-ilmenti – Obbligu li ssir istruttorja u li jinqata’ l-każ permezz ta’ deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ ksur – Assenza – Ċaħda preċedenti ta’ lment analogu minn awtorità nazzjonali ta’ kompetizzjoni – Assenza ta’ rilevanza

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 7; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/03)

8.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Suġġett– Konstatazzjoni ta’ nuqqasijiet tal-Istati Membri – Esklużjoni

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 7)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 34-39)

2.      L-Artikolu 101 TFUE jipprekludi b’mod rigoruż kull teħid ta’ kuntatt dirett jew indirett bejn l-operaturi ekonomiċi li jkollu bħala għan jew bħala effett li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li huma ddeċidew jew li huma pprevedew li jadottaw fis-suq.

Madankollu, l-operaturi ekonomiċi jżommu d-dritt li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew antiċipat tal-kompetituri tagħhom. Għalhekk, l-impriżi jistgħu b’mod partikolari jaġixxu sabiex jipproteġu l-interessi leġittimi tagħhom fil-preżenza ta’ eventwali ksur, mill-kompetituri tagħhom, ta’ dispożizzjonijiet applikabbli, bħalma huma l-leġiżlazzjonijiet rigward il-kummerċ ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. F’dan il-kuntest, jista’ jkun leġittimu għal impriżi li jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’eventwali nuqqas tal-kompetituri tagħhom ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ u, fejn xieraq, li jikkollaboraw ma’ dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-kontrolli li dawn jistgħu jwettqu.

(ara l-punti 44, 47, 48)

3.      Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jwettqu kontrolli mhux fuq il-post jew fuq il-post u li jinbdew azzjonijiet amministrattivi u kriminali kontra impriżi ssuspettati bi prattiki illegali huma attribwibbli lill-imsemmija awtoritajiet nazzjonali, li jaġixxu fl-interess pubbliku u li d-deċiżjonijiet tagħhom, f’dan is-sens, jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Għalhekk, tali aġir u deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, li ma jaġixxux f’kompetenza limitata, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 u 102 TFUE, għaliex dawn l-artikoli huma intiżi sabiex jirregolaw biss l-aġir ta’ impriżi.

Il-fatt li dawn l-awtoritajiet kienu influwenzati fl-għażliet tagħhom li jwettqu kontrolli minħabba li ġew aditi minn impriżi kompetitriċi ma huwiex tali li jneħħi mid-deċiżjonijiet tagħhom in-natura ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali.

(ara l-punti 49, 55)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 65-72)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 73)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 80-84)

7.      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jagħtix lil-lanjant id-dritt li jeżiġi li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva rigward l-eżistenza jew l-ineżistenza tal-ksur allegat tal-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE, bl-istess mod bħalma ma jobbligax lill-Kummissjoni tkompli f’kull każ il-proċedura sal-istadju ta’ deċiżjoni finali, anki meta lment, analogu għal dak imressaq quddiemha, ikun diġà ġie miċħud preċedentement, eventwalment b’mod żbaljat, minn awtorità nazzjonali ta’ kompetizzjoni.

Minbarra dan, l-ammissjoni li l-Kummissjoni għandha sistematikament tipproċedi bil-ftuħ ta’ investigazzjoni f’tali ipoteżi ma hijiex kompatibbli mal-għan tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li kien li tiġi stabbilita, bl-iskop ta’ effikaċja, allokazzjoni ottima tar-riżorsi fi ħdan in-netwerk Ewropew ta’ kompetizzjoni. F’kull każ, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni ma joħolqu drittijiet jew aspettattivi għal impriża f’dak li jirrigwarda t-trattament tal-kawża tagħha minn awtorità ta’ kompetizzjoni speċifika sabiex, fejn xieraq, tibbenefika mill-ġbir ta’ provi miksuba minn din l-awtorità permezz tas-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha.

(ara l-punti 94, 95)

8.      Ma huwiex parti mill-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 li jsiru konstatazzjonijiet ta’ eventwali nuqqas mill-awtoritajiet, inkluż ġudizzjarji, tal-Istati Membri, għaliex dan jaqa’ taħt il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE. F’dan ir-rigward, ma huwiex permess li jiġu evitati r-regoli effettivament applikabbli billi wieħed jipprova jneħħi mill-ambitu tal-Artikolu 258 TFUE proċedura rregolata mit-Trattat billi tiġi ssuġġettata artifiċjalment għar-regoli previsti mir-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punt 97)