Language of document : ECLI:EU:T:2006:142

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

31 ta' Mejju 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark tridimensjonali – Forma ta' zalzett – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94"

Fil-kawża T-15/05

Wim De Waele, li joqgħod fi Bruges (il-Belġju), irrappreżentat minn P. Maeyaert, S. Granata u R. Vermeire, Avukati,

rikorrent

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn W. Verburg, bħala aġent,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-16 ta' Novembru (kawża R 820/2004-1), dwar ir-reġistrazzjoni ta' trade mark tridimensjonali kkostitwita minn forma ta' zalzett bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Jannar 2005,

wara li rat it-tweġiba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-29 ta' April 2005,

wara s-seduta tat-30 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fit-13 ta' Frar 2003, ir-rikorrent ippreżenta applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1 ), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tikkonsisti fil-forma tridimensjonali riprodotta hawn taħt :

      Image not foundImage not found

3       Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 18, 29 u 30 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja :

–       klassi 18 :"Intestini għall-prieżet ";

–       klassi 29 : "Laħam, ħut, tjur u selvaġġina, prieżet, frott u ħaxix ippreżervat, niexef u msajjar; laħam, ħut tjur u selvaġġina ppriżervati; prodotti tal-ħalib inkluż il-ġobon, il-muss u l-ġeli tal-krema";

–       klassi 30 : "Ħlewwiet, oġġetti ta' ċikkulata; zlazi (kondimenti); mustarda; majoneż".

4       B'deċiżjoni tal-15 ta' Lulju 2004, l-eżaminatur irrifjuta parzjalment l-applikazzjoni għall-motiv li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għall-intestini għall-prieżet, għal-laħam, għat-tjur u għas-selvaġġina, għall-prieżet, għall-prodotti tal-ħalib inkluż il-ġobon, ħlewwiet u l-oġġetti ta' ċikkulata

5       Fl-14 ta' Settembru 2004, ir-rikorrent ressaq rikors quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

6       B'deċiżjoni tas-16 ta' Novembru 2004 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI biddel parzjalment id-deċiżjoni ta' l-eżaminatur billi qies li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kellha karattru distintiv għall-prodotti tal-ħalib, inkluż il-ġobon. Għall-prodotti l-oħra mitluba, il-Bord ta' l-Appell qies li l-fatt li d-dehra imdawra tal-forma li għaliha saret applikazzjoni kienet tidher xi ftit iktar minn dik tal-forom li ssoltu jintużaw fil-kummerċ ma kienx biżżejjed sabiex jagħtiha dehra suffiċjentement speċifika ta' natura li tippermetti lill-konsumatur jipperċepiha mingħajr inċertezza bħala indikazzjoni ta' oriġini tal-prodotti in kwistjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7       Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tbiddel u parzjalment tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonċerna l-prodotti "intestini għall-prieżet " fil-klassi 18 jew, għall-inqas, safejn din tikkonċerna l-prodotti "intestini għall-prieżet intiżi għax-xerreja professjonali";

–       tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

8       L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors ;

–       tordna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

9       Ir-rikorrent iqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

10     Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, ir-rikorrent isostni li dan huwa kompost minn professjonisti u jikkritika l-fatt li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li, għalkemm il-pubbliku rilevanti huma kompost effettivament minn professjonisti, dan l-element ma kienx rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Huwa jfakkar, f'dan ir-rigward li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-professjonisti huma kkunsidrati li għandhom grad ta' għarfien u ta' attenzjoni għola mill-pubbliku in ġenerali [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Ottubru 2002, KWS Saat vs L-UASI (Nuance d’orange), T‑173/00, Ġabra p. II‑3843, u tas-26 ta' Novembru 2003, HERON Robotunits vs L-UASI (ROBOTUNITS), T‑222/02, Ġabra p. II‑4995].

11     Fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ir-rikorrent jikkunsidra li l-forma ta' l-intestini għall-prieżet li huwa juża hija unika u li, għaldaqstant, din tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-prodotti tiegħu u kull prodott ieħor li jeżisti fis-suq u li dawn jiġu identifikati. Din il-forma hija wkoll adatta sabiex teżerċita l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri, dik li tidentifika l-oriġini tal-prodott jew servizz, sabiex tippermetti lill-konsumatur li jixtri l-prodott jew is-servizz, waqt xirja sussegwenti, li jagħmel l-istess għażla jekk kellu esperjenza pożittiva jew għażla oħra jekk din kienet negattiva.

12     Huwa jsostni, barra dan, li l-pubbliku rilevanti f'din il-kawża, kompost minn produtturi taz-zalzett, huwa kkonfrontat bi ħtieġa teknika ta' ppakkjar u li, għalhekk, huwa jagħti ħafna attenzjoni u jieħu ħafna interess fl-ippakkjar ta' prodotti li għandhom xi ħaġa oriġinali.

13     B'mod sussidjarju, ir-rikorrent isostni li l-forma mitluba għandha karattru distintiv anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku mmirat huwa wkoll kompost minn konsumaturi medji. Huwa jsostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-konsumatur medju huwa manifestament kapaċi jikkunsidra l-forma ta' l-ippakkjar ta' ċerti prodotti bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tagħhom, meta din il-forma għandha biżżejjed karatteristiċi sabiex tiġbed l-attenzjoni tiegħu [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Diċembru 2003, Nestlé Waters France vs L-UASI (Forma ta' flixkun), T‑305/02, Ġabra p. II‑5207, punt 34, u ta' l-24 ta' Novembru 2004, Henkel vs Il-Kummissjoni (Forma ta' flixkun żgħir abjad u trasparenti, T‑393/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34]. Huwa jirreferi f'dan ir-rigward għall-opinjoni dottrinali li tgħid li l-ittikkettjar m'għandux parti importanti jew deċiżiva għall-konsumatur, peress li dan huwa iktar konxju bil-forma tal-prodotti

14     Huwa jqis li, f'din il-kawża, il-forma mitluba hija suffiċjentement ikkaratterizzata, peress li din ma teżistix fil-preżent fis-suq dinji u li 99 % taz-zalzett li jeżisti huma mibjugħa taħt forma ta' ċilindri dritti jew imdawwra. Għaldaqstant, peress illi l-forma in kwistjoni titbiegħed b'mod sinjifikattiv mill-użanzi tal-qasam ta' l-ippjakkar tal-prieżet, il-konsumatur medju normalment informat u raġjonevolment attent u mgħarraf għandu jiddistingwi, mingħajr ma jagħmel analiżi u mingħajr ma jagħmel attenzjoni partikolari, il-forma mitluba mill-forom li jeżistu attwalment (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ottubru 2004, Mag Instrument vs L-UASI, C‑136/02 P, Ġabra p. I‑9165, punti 31 u 32).

15     Ir-rikorrent isostni, barra dan, li diġà ġie deċiż li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade marks tridimensjonali komposta mill-forma ta' l-istess prodott ma kinitx differenti minn dik magħmula għall-kategoriji l-oħra ta' trade marks u li trade mark Komunitarja ma tinvolvix neċessarjament ħaġa ġdida u ma tibbażax ruħha fuq element ta' oriġinalità jew ta' immaġinazzjoni, iżda fuq il-kapaċità li tindividwalizza prodotti jew servizzi fis-suq minn prodotti jew servizzi ta' l-istess natura offruti mill-kompetituri [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Taurus-Film vs L-UASI (Cine Action), T‑135/99, Ġabra p. II‑379, punt 31 ; tas-27 ta' Frar 2002, Rewe-Zentral vs L-UASI (LITE), T‑79/00, Ġabra p. II‑705, u Forma ta' flixkun, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40].

16     Fl-aħħar, huwa jsostni li l-UASI kif ukoll l-uffiċċju Benelux tat-trade marks aċċettaw ir-reġistrazzjoni ta' trade marks tridimensjonali fil-qasam ta' l-ikel.

17     L-UASI jsostni li l-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn produtturi tal-prieżet, m'għandu, f'dan il-każ, ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tal-forma in kwistjoni bħala trade mark għall-intestini għall-prieżet, peress illi l-imsemmija produtturi kuljum jixtru l-intestini neċessarji għall-ippakkjar tal-prodotti tagħhom b'kunsiderazzjoni tal-konsumatur finali. Huwa jikkunsidra li, għalhekk, għandhom ukoll jittieħdu in kunsiderazzjoni l-konsumaturi finali tal-prieżet [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' April 2003, Axions u Belce vs L-UASI (Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' ingott indurat), T‑324/01 u T‑110/02, Ġabra p. II‑1897, punt 31].

18     Fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-UASI jikkunsidra li l-forma mitluba hija biss varjanti tal-forom normali tal-prodott in kwistjoni, li tixbah il-forma l-iktar probabbli li din ser tieħu, u li, din ma tħallix lill-konsumatur medju tal-prieżet, normalment informat, jiddistingwi, mingħajr ma jagħmel analiżi u mingħajr ma jagħmel attenzjoni parikolari, il-prieżet ippakkjati fil-forma mitluba mir-rikorrent minn dik ta' impriżi orħa (sentenza Instrument vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

19     Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu u dawk ta' l-uffiċċju Benelux, huwa jfakkar illi, konformement mal-ġurisprudenza, il-karattru reġistrabbbli ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja għandu jiġi evalwat biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta' prassi preċedenti tal-Bordijiet ta' l-Appell jew ta' l-awtoritajiet nazzjonali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

20     Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġi rreġistrati t-"trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv". Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-karattru distintiv ta' trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, b'relazzjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b'relazzjoni mal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Forma ta' flixkun, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29, u tad-29 ta' April 2004, Eurocermex vs L-UASI (Forma ta' flixkun tal-birra), T‑399/02, Ġabra p. II‑1391, punt 19].

21     Rigward, l-ewwel nett, il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat illi, għalkemm il-Bord ta' l-Appell ċaħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal ċertu numru ta' prodotti mitluba, ir-rikorrent qed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss safejn din tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark għall-intestini għall-prieżet li jaqgħu fil-klassi 18 jew, għall-inqas, għall-intestini għall-prieżet intiżi għal xerrejja professjonali.

22     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi talba għal annullament li tkopri biss xi wħud mill-prodotti li r-reġistrazzjoni tagħhom ġiet irrifjutata mill-Bord ta' l-Appell tikkostitwixxi biss talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u li din mhijiex għalhekk, bħala tali, kuntrarja għall-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal- Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li jitbiddel, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, is-suġġett tal-kawża li tressqet quddiem il-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, b'din it-talba, ir-rikorrent mhux qed jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi fuq talbiet differenti minn dawk li tressqu quddiem il-Bord ta' l-Appell [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs L-UASI (Pillola forma ta' bajda), T‑194/01, Ġabra p. II‑383, punti 14 sa 16, u tal-24 ta' Novembru 2005, GfK vs L-UASI – BUS (Online Bus), T‑135/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 12 u 13].

23     F'dak li jikkonċerna t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, safejn din tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark għall-intestini għal-prieżet intiżi għal xerrejja professjonali, magħmula alternattivament, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li li m'hemmx lok li ssir distinzjoni bejn intestini mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra u "intestini għall-prieżet intiżi għax-xerrejja professjonali", peress illi, ladarba l-intestini vojta għal prieżet, fihom infushom, mhumiex prodotti ta' konsum ta' kuljum, kull persuna li tixtrihom, kemm jekk hija produttur professjonali kif ukoll persuna privata, ikollha neċessarjament ċertu għarfien tal-qasam.

24     F'dak li jikkonċerna fit-tieni lok, il-pubbliku rilevanti, il-Bord ta' l-Appell qies li, "b'rigward għan-natura tal-prodotti, il-pubbliku rilevanti [kien] kompost kemm minn konsumaturi finali in ġenerali kif ukoll minn professjonisti tal-prieżet", f'dak illi "għalkemm l-intestini għall-prieżet huma użati minn professjonisti, kemm jekk dawn ikunu artiġjani kif ukoll jekk dawn ikunu industrijalisti, sabiex jagħmlu prodotti ta' prieżet bħaz-zalzett jew zalzett kiesaħ, il-prodotti l-oħrajn msemmija [fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni] huma prodotti ta' konsum kbir, mixtrija fil-kuntest tal-ħajja ta' kuljum fil-Komunità kollha". L-eżaminatur, li r-raġunament tiegħu huwa espressament approvat mill-Bord ta' l-Appell, kien iġġustifika t-teħid in kunsiderazzjoni tal-perċezzjoni tal-konsumaturi finali għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark fir-rigward ta' l-intestini għall-prieżet billi indika li, "għalkemm, fil-prinċipju, huma persuni mgħarrfin u mhux il-konsumaturi finali in ġenerali li jakkwistaw dawn il-prodotti, dawn il-prodotti huma akkwistati madankollu bil-għan ta' bejgħ sussegwenti tagħhom, wara li jidbiddlu, lill-konsumaturi finali".

25     Ir-rikorrent jilmenta li l-Bord ta' l-Appell evalwa l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tal-perċezzjoni tal-kosumatur finali għalkemm huwa ammetta li l-intestini għall-prieżet huma mixtrija minn professjonisti.

26     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tal-prodotti li jservu ta' ippakkjar għal prodotti oħra, ġie deċiż li, anki jekk, fil-prinċipju, huma l-professjonisti u mhux il-konsumaturi finali in ġenerali li jakkwistaw dawn il-prodotti, dan l-akkwist isir madankollu fid-dawl ta' bejgħ sussegwenti ta' prodotti ppakkjati lill-konsumatur finali u li, għalhekk, il-perċezzjoni ta' dawn ta' l-aħħar għandha wkoll tittieħed in kunsiderazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u fomra ta' ingott indurat, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31).

27     L-argument tar-rikorrent li huwa biegħ intestini biss lill-prodotturi tal-prieżet ma jistax jinvalida din l-analiżi. Fil-fatt, għandu jiġi nnutat li l-prodotti finali li għandhom ikunu s-suġġett ta' ippakkjar jieħdu l-forma ta' l-ippakkjar, b'tali mod li trade mark tridimensjonali li tipproteġi l-forma ta' dan tista' tiġi użata indistintament kemm bħala trade mark ta' l-ippakkjar kif ukoll bħala trade mark tal-prodotti finali. Għalhekk, jekk il-produttur ta' l-ippakkjar proprjetarju tat-trade mark ibigħ il-prodotti tiegħu lil produtturi diversi tal-prodotti finali, kif jisħaq ir-rikorrent, l-imsemmija trade mark tista' tikkostitwixxi indikazzjoni ta' oriġini biss ta' l-ippakkjar, u dan fir-rigward biss tal-produtturi tal-prodott finali. Fil-fatt, f'dan il-każ, il-konsumaturi tal-prodott finali, ikkonfrontati ma' prodotti li għandhom l-istess forma iżda m'għandhomx l-istess oriġini kummerċjali, ma jistgħux jistabbilixxu rabta bejn il-forma tal-prodott u l-oriġini kummerċjali tiegħu. Min-naħa l-oħra, jekk, bħal fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' ingott indurat u Forma ta' flixkun abjad u trasparenti, iċċitati, hemm biss produttur wieħed ta' prodotti finali li juża l-forma in kwistjoni, din tista' tintuża, sakemm din tkun suffiċjentement distintiva, bħala trade mark tal-prodott finali.

28     Issa, l-użu ta' trade mark bħala trade mark ta' l-ippakkjar jew bħala trade mark ta' prodotti finali jirriżulta minn għażla kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark, li jista' jinbidel wara r-reġistrazzjoni tagħha, u ma jistax għaldaqstant ikollu ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-karattru reġistrabbli tagħha [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Lulju 2002, SAT.1 vs L-UASI (SAT.2), T‑323/00, Ġabra p. II‑2839, punt 45, u Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' ingott indurat, iċċitata iktar 'il fuq, punti 36 u 40].

29     Għaldaqstant, anki jekk ir-rikorrent jafferma li jbigħ l-intestini tiegħu għall-prieżet lil diversi produtturi taz-zalzett, huwa perfettament possibbli li huwa jbiddel din l-għażla la darba tkun saret ir-reġstrazzjoni billi jbigħ il-prodott tiegħu biss lil produttur tal-prieżet wieħed jew billi jipproduċi l-prieżet tiegħu stess. Minn dan jirriżulta għalhekk li l-forma rreġistrata għal intestini kienet użata bħala trade mark għal prodotti tal-prieżet ippakkjati minnu, u dan mingħajr li l-karattru distintiv tagħha fir-rigward tal-konsumaturi ta' l-imsemmija prodotti ma kien ġie eżaminat.

30     Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell m'għamel ebda żball ta' dritt billi qies li l-pubbliku rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark għal intestini għall-prieżet li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien kompost kemm minn professjonisti tal-prieżet kif ukoll minn konsumaturi finali in ġenerali.

31     Għandu għalhekk, jiġi eżaminat jekk il-Bord ta' l-Appell setax ġustament jikkonkludi li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv rigward, minn naħa, l-intestini għall-prieżet u, kif jirriżulta mill-punti 27 sa 29 hawn fuq, kif ukoll il-prieżet u, min-naħa l-oħra, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti kif ġie definit.

32     F'dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi mfakkar illi, għalkemm il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali komposta mill-forma ta' l-istess prodotti mhumiex differenti minn dawk applikabbli għall- kategoriji oħra ta' trade marks, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti mhijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta' trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, ħlief fil-każ ta' trade mark verbali jew figurattiva, li hija komposta minn sinjal indipendenti mid-dehra tal-prodotti li hija tkopri. Fil-fatt, il-konsumaturi medji m'għandhomx id-drawwa li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-pakkett tagħhom, fin-nuqqas ta' kull element grafiku jew testwali, u jista' għalhekk isir iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv fir-rigward ta' tali trade mark tridimensjonali milli fir-rigward ta' trade mark verbali jew figurattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, Henkel vs L-UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punt 38, u Mag Instrument vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30).

33     F'dak li jirrigwarda, b'mod partikolari, it-trade marks tridimensjonali li huma komposta mill-ippakkjar tal-prodotti li huma ppakkjati fil-kummerċ għal raġunijiet marbuta man-natura stess tal-prodott, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn għandhom jippermettu lill-konsumatur medju ta' l-imsemmija prodotti, normalment informat u raġonevolment attent u mgħarraf, jiddistingwi, mingħajr ma jagħmel analiżi jew paragun u mingħajr ma jagħmel attenzjoni partikolari, il-prodott ikkonċernat minn dawk ta' impriżi oħra [ara, b'analoġija s-sentenza tat-12 ta' Frar 2004, Henkel, C‑218/01, Ġabra p. I‑1725, punt 53]. Għalhekk, il-forma ta' l-ippakkjar ta' dawn il-prodotti tista' tiġi kkunsidrata bħala li għandha karattru distintiv biss jekk din tista' tkun ipperċepita mill-bidu bħala indikazzjoni ta' oriġini tal-prodotti kkonċernati. Issa, sabiex dan jista' jkun il-każ, hemm bżonn li t-trade mark in kwistjoni titbiegħed b'mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tal-qasam (sentenzi Henkel vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39, u Mag Instrument vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31).

34     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell, qabel kollox, iddeskriva t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala "forma oblunga li tfakkar dik ta' marella jew ta' sempliċi tidwira li tagħti l-impressjoni ta' erba' partijiet ta' tul li jonqos minn fuq għal isfel". Huwa wara kkonkluda, rigward din it-trade mark, li hemm nuqqas ta' karattru distintiv billi kkunsidra li, "jekk kien minnu li l-eżempji [ta' prieżet] iċċitati mill-eżaminatur, ma kellhomx forom strettament identiċi għall-forma in kwistjoni […], huma ma kinux sinjifikattivament differenti. Huwa, barra dan, ikkunsidra li kien "inkontestabbli li, għall-konsumatur finali li ma jurix attenzjoni partikolari, zalzett ta' forma oblunga u marbuta bħal ma spiss ikunu z-zalzett magħrufa bħala "tal-kampanja" [jista' ] jkollu d-dehra ta' marella [u li] [kien ] normali li ssib […] biċċiet tal-laħam taċ-ċanga mimli jew le kif ukoll biċċiet ta' dundjan jew ta' tiġieġa mdawra jew marbuta bejn wieħed u ieħor fil-forma ta' spirali (ċanga marbuta)" . Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell qies li "is-sempliċi fatt li f'dan il-każ id-dehra mdawra [kienet] ftit iktar aċċentwata ma kienx biżżejjed biex jagħti lill-forma in kwistjoni dehra suffiċjentement speċifika tali li tippermetti lill-konsumatur jipperċepixxiha mingħajr inċertezza bħala indikazzjoni ta' l-oriġini tal-prodotti in kwistjoni ".

35     Ir-rikorrent jikkontesta, l-ewwel nett, id-deskrizzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni magħmula mill-Bord ta' l-Apell għar-raġuni illi, skond hu, il-forma in kwistjoni ma tistax bl-ebda mod tiġi mqabbla ma' marella jew ma' spaga sempliċement imdawra.

36     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata madankollu li l-imsemmija deskrizzjoni tixbah ħafna dik mogħtija mir-rikorrent stess fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fejn huwa kien indika li t-trade mark" [kienet] tikkonsisti fil-forma tal-prodott" u li "din [kienet] ikkaraterizzata mill-forma mdawra li tixbah marella ". F''kull każ, kif iffakkar l-UASI, din id-deskrizzjoni m'għandhiex rilevanza għall-eżami tal-karattru distintiv tal-forma in kwistjoni, peress illi l-forma biss kif ripprodotta fil-punt 2 iktar 'il fuq għandha tkun is-suġġett ta' l-eżami.

37     Ir-rikorrent jikkontesta, fit-tieni lok, li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija nieqsa minn karattru distintiv u jsostni li l-forma li tagħha huwa qiegħed jitlob ir-reġistrazzjoni, li tikkonsisti skond hu f'disinn ġeometriku u li għandu forma ta' djamant, hija unika u li, peress illi ma teżisti ebda forma komparabbli fis-suq dinji, hija titbiegħed b'mod sinjifikattiv mill-forom kollha ta' intestini u ta' prieżet eżistenti u komuni fil-qasam.

38     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk il-forma ta' l-intestin in kwistjoni jistax jiġi pperċepit mill-pubbliku bħala indikazzjoni ta' oriġini tal-prodott, għandha tiġi eżaminata l-impressjoni totali mogħtija mid-dehra ta' l-imsemmi intestin (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Forma ta' flixjun abjad u trasparenti, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37). Barra dan, kif fakkar il-Bord ta' l-Appell, in-novità u l-oriġinalità mhumiex kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade mark, b'tali mod li, sabiex trade mark tridimensjonali tista' tkun irreġistrata, m'huwiex biżżejjed li din tkun oriġinali, iżda huwa neċessarju li din tkun sostanzjalment differenti mill-forom bażiċi tal-prodott in kwistjoni, użati ta' spiss fil-kummerċ, u li din ma tidhirx bħala sempliċi varjant ta' dawn il-forom (sentenza Forma ta' sigarru kannella u forma ta' ingott indurat, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44).

39     Fir-rigward tal-forma kkonċernata f'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-impressjoni totali tat-trade mark hija ddominata minn natura oblunga tagħha u li d-dehra imdawra tagħha hija inqas evidenti ma' l-ewwel daqqa ta' għajn. Issa, il-forma oblunga hija l-forma l-iktar komuni għall-intestini u għall-prieżet, kif juru l-eżempji mogħtija mill-UASI. Dwar il-wiċċ tagħha, dan lanqas mhuwa sostanzjalment differenti mill-forom bażiċi użati fil-qasam tal-prieżet. Għaldaqstant, kif irrileva l-Bord ta' l-Appell, jeżistu prieżet li għandhom forma oblunga u marbuta li għandhom id-dehra ta' marella, bħaz-zalzett magħruf bħala "tal-kampanja", kif ukoll prodotti oħra mibjugħa mdawra u marbuta bejn wieħed u ieħor fil-forma ta' spirali li l-wiċċ tagħhom jixbah dak tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Dawn il-prodotti għandhom għaldaqstant, bħall-forma mitluba mir-rikorrent, wiċċ ikkaratterizzat minn skanalaturi li jifformaw disinni ġeometriċi varjabbli ripetuti.

40     Għalhekk, il-forma li tagħha r-rikorrent qed jitlob ir-reġistrazzjoni hija differenti mill-forom użati ta' spiss fil-qasam in kwistjoni biss għall-fatt li d-disinni ġeometriċi tagħha huma iktar qawwija. Issa, kif afferma ġustament il-Bord ta' l-Appell, id-dehra mdawra tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tidher biss ftit iktar minn dik tal-prieżet l-oħra u, peress illi l-karatteristiċi l-oħra m'humiex bl-ebda mod in komuni, dan mhuwiex biżżejjed sabiex jagħti lill-forma li hemm in kwistjoni dehra globali suffiċjentement speċifika ta' natura li tippermetti lill-konsumatur jipperċepixxiha mingħajr inċertezza bħala indikazzjoni ta' oriġini tal-prodotti in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Henkel, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49). Il-forma mitluba tidher għaldaqstant bħala varjant tal-forom bażiċi għall-prieżet, b'tali mod li, anki jekk ma jeżistux forom identiċi, din ma tippermettix lill-pubbliku rilevanti jiddistingwi, mingħajr ma jagħmel analiżi jew paragun u mingħajr ma jagħmel attenzjoni partikolari, l-intestini kkummerċjalizzati mir-rikorrent jew il-prieżet ippakkjati minnu minn dawk ta' impriżi oħra.

41     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrent li mill-ġurispdrudenza jirriżulta li l-konsumatur medju huwa konxju mill-użu tal-forma ta' l-ippakkjar tal-prodotti kkonċernati bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrent, il-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma qieset li l-konsumaturi finali kienu konxji mill-forma ta' l-ippakkjar tal-prodotti kollha ta' konsum ta' kuljum, iżda limitat l-evalwazzjoni tagħha għall-prodotti in kwistjoni. Issa f'din il-kawża, xejn ma jippermetti li wieħed jaħseb li l-produtturi ta' l-intestini jew tal-prieżet qed jippruvaw jiddifferenzjaw il-prodotti tagħhom skond il-forma ta' l-intestini u li, minħabba dan, il-produtturi ta' prieżet u l-konsumaturi huma kapaċi li jidentifikaw il-forma ta' l-intestini u tal-prieżet bħala indikazzjoni ta' oriġini. Dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud.

42     Fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-UASI rreġistrat trade marks tridimensjonali fil-qasam ta' l-ikel, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet ta' l-Appell jistgħu jieħdu u li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja jirriżultaw, skond ir-Regolament Nru 40/94, minn kompetenza limitata u mhux minn setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, in-natura reġistrabbli ta' sinjal bħala ta' trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi ta dan ir-Regolament, kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta' prassi preċedenti tal-Bordijiet ta' l-Appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs L-UASI (STREAMSERVE), T‑106/00, Ġabra p. II‑723, punt 66, u Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' ingott indurat, punt 51].

43     Filwaqt li huwa, ċertament, ammess li raġunijiet ta' fatt jew ta' dritt imsemmija f'deċiżjoni preċedenti jistgħu jikkostitwixxu argumenti sabiex isostnu motiv ibbażat fuq il-ksur ta' dispożizzjoni tar-Regolament 40/94, ir-rikorrent ma invokax l-eżistenza fid-deċiżjonijiet li huwa jsemmi ta' motivi li jistgħu jqiegħdu f' dubju l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta' l-Appell u sempliċiment jindika li dawn it-trade marks jikkonċernaw prodotti tas-settur ta' l-ikel (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Forma ta' sigarru tal-kulur kannella u forma ta' ingott indurat, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

44     Fir-rigward, fl-aħħar nett, ta' l-argument ibbażat fuq il-fatt li ċerti awtoritajiet nazzjonali aċċettaw ir-reġistrazzjoni ta' trade marks tridimensjonali fil-qasam ta' l-ikel, għandu jiġi mfakkar li s-sistema Komunitarja ta' trade marks hija sistema awtonoma, komposta minn ġabra ta' regoli, u li għandha objettivi li huma speċifiċi għaliha, peress illi l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs L-UASI (elettronika), T‑32/00, Ġabra p. II‑3829, point 47, u ta' l-24 ta' Novembru 2005, Sadas vs L-UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 70]. Għalhekk, in-natura reġistrabbli ta' sinjal bħala trade mark għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolamernt Komunitarju rilevanti. F'kull każ, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali invokati mir-rikorrent ma jikkonċernawx it-trade mark tridimensjonali in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, kif kien ikkonstatat fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta' l-UASI, ir-rikorrent ma ressaq ebda argument li jista' jiġi identifikat minn dawn id-deċiżjonijiet u li juri l-fondatezza tar-rikors tiegħu.

45     Jirriżulta minn dan kollu li ngħad li l-Bord ta' l-Appell ma kisirx l-Arikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-rikors għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

46     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li hu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, kif mitluba mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi li :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-31 ta' Mejju 2006

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.