Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Awwissu 2011 - Banco Bilbao Vizcaya Argentaria vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-429/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, SA (Bilbao, Spanja) (rappreżentanti: J. Ruiz Calzado, avukat, M. Núñez-Müller, avukat, u J. Domínguez Pérez, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni;

sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 1(4) u (5) tad-Deċiżjoni;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni, jew temenda l-portata tiegħu kif xieraq, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-12 ta' Jannar 2011, fil-Każ Nru C 45/2007 (ex NN51/2007, ex CP9/2007), dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta' ishma barranin implimentata minn Spanja (iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni").

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE billi tikkunsidra li l-Artikolu 12(5) tat-Texto Refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades español (l-Liġi kkonsolidata dwar it-taxxa tad-dħul tal-kumpanniji Spanjoli, iktar 'il quddiem "TRLIS") jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat peress li jippermetti l-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta' ishma ta' kumpanniji barra mill-Komunità.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta' dritt u ksur tal-proċedura billi tikkunsidra li sabiex jiġi konkluż li miżura hija għajnuna mill-Istat li għandha tiġi pprojbita fl-intier tagħha, huwa biżżejjed li l-applikazzjoni tagħha twassal għal ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi li jikkostitwixxu għajnuna.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, billi d-Deċiżjoni tikkonkludi li: (i) il-miżura hija għajnuna illegali fl-intier tagħha inkluż fir-rigward ta' pajjiżi bħaċ-Ċina jew l-Indja u pajjiżi oħra fejn intweriet jew tista' tintwera l-eżistenza ta' ostakoli legali espliċiti għall-aggregazzjonijiet transkonfinali ta' impriżi, u li (ii) il-miżura hija għajnuna mill-Istat inkompatibbli fl-intier tagħha, inkluż fl-awtorizzazzjoni tat-tnaqqis tal-avvjament fir-rigward tal-akkwiżizzjoni ta' maġġoranza ta' ishma f'impriżi barranin barra mill-Unjoni.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' aspettattivi leġittimi u ta' trattament ugwali peress li l-Kummissjoni ddevjat mil-linji gwida tal-Komunikazzjoni dwar it-tassazzjoni diretta u mill-prassi amministrattiva tagħha.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba billi l-Kummissjoni ma vverifikatx il-portata eżatta tal-ostakoli prattiki għall-fużjoni kummerċjali barra mill-Komunità.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq żbalji ta' liġi u ta' evalwazzjoni tal-portata tal-aspettativi leġittimi rikonoxxuti fid-Deċiżjoni.

Is-seba' motiv, ibbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-Deċiżjoni.

____________