Language of document : ECLI:EU:C:2021:225

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑22 ta’ Marzu 2021 (1)

Kawża C930/19

X

vs

L-Istat Belġjan

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 13(2) – Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Żwieġ bejn ċittadin tal-Unjoni u ċittadin ta’ pajjiż terz – Żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, vittma ta’ vjolenza domestika, fil-każ ta’ tmiem taż-żwieġ – Obbligu li tintwera l-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti – Assenza ta’ tali obbligu fid-Direttiva 2003/86/KE – Validità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 20 u 21 – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tal-isponsor”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

2. Id-Direttiva 2004/38

3. Id-Direttiva 2003/86

B. Id-dritt Belġjan

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

IV. Analiżi

A. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

B. Fuq l-applikabbiltà tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

1. Fuq il-ħtieġa tal-analiżi relatata mal-applikabbiltà tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

2. Fuq il-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punti (a) u (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

a) Is-sentenza Singh et

1) Analiżi tar-raġunament segwit fis-sentenza Singh et

i) Dwar il-kunċett ta’ “tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti”: l-irrilevanza tal-interpretazzjoni konġunta tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/38

ii) Fuq it-telf tad-dritt ta’ residenza dderivat tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz bħala konsegwenza tat-“tluq” taċ-ċittadin tal-Unjoni tal-Istat Membru ospitanti fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38

2) Limitazzjoni tal-portata tas-sentenza Singh et

b) Is-sentenza NA

1) Is-sentenza NA, werrieta tal-loġika li tirriżulta mis-sentenza Singh et

2) Fuq in-neċessità tal-aġġornament tas-sentenza NA

i) Il-formulazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

ii) L-iskop, il-kuntest u l-ġenesi tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

3. Konklużjoni intermedja li tikkonċerna l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38

4. Fuq l-iżviluppi reċenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ vjolenza domestika: żviluppi legali li għandhom jiġu kkunsidrati

C. Fuq id-domanda preliminari

1. Fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

2. Fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

a) Fuq jekk is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-qafas tad-Direttiva 2004/38 hijiex komparabbli ma’ dik ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa konjuġi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ieħor fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2003/86

1) Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-politika komuni dwar id-dritt tal-immigrazzjoni: żewġ oqsma differenti bi prinċipji u għanijiet distinti

2) Id-Direttivi 2003/86 u 2004/38: żewġ sistemi differenti bbażati fuq skopijiet distinti

i) Is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/86

ii) Is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2004/38

b) Konklużjoni preliminari

V. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38/KE (2) fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”) (3).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ pajjiż terz, vittma matul iż-żwieġ tiegħu ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn ċittadin tal-Unjoni li minnu huwa ddivorzjat, kontra l-Istat Belġjan rigward iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu f’dak l-Istat Membru.

3.        B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 huwiex invalidu għar-raġuni li din id-dispożizzjoni tissuġġetta, fil-każ ta’ divorzju, annullament taż-żwieġ jew tmiem ta’ sħubija rreġistrata, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kien vittma ta’ vjolenza domestika għall-kundizzjoni, b’mod partikolari, li jkollu riżorsi suffiċjenti, filwaqt li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86/KE (4) ma jissuġġettax, f’każ ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għal din il-kundizzjoni.

4.        Billi tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, din il-kawża tagħtiha l-possibbiltà li tippreċiża l-portata tas-sentenzi Singh et  (5) u NA (6) fil-kuntest tal-iżviluppi reċenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni tal-vittmi ta’ vjolenza domestika.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

5.        L-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, intitolat “L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”, jipprovdi li “[k]ull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi”.

6.        L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Non-diskriminazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“ 1.      Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.

2.      Fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika tagħhom, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hi pprojbita.”

2.      Id-Direttiva 2004/38

7.        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza mill-membri ta’ familja f’każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ, jew ta’ tmiem ta’ unjoni reġistrata”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2 ma jfissirx telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru fejn:

a)      qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ divorzju jew ta’ annullament jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata msemmija fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata damu minn ta’ l-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti; jew

[…]

ċ)      dan hu ġustifikat minn ċirkostanzi b’mod partikolari diffiċli, bħall-fatt li tkun vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata; […].

[…]

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa s-suġġett tal-ħtieġa li huma jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew li huma persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. ‘Riżorsi biżżejjed’ huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4).

Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza esklussivament b’titlu personali.”

3.      Id-Direttiva 2003/86

8.        Skont l-Artikolu 15(3) u (4) tad-Direttiva 2003/86:

“3. Fil-każ ta’ rmulija, divorzju, separazzjoni, jew mewt ta’ qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti, permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ, wara applikazzjoni, jekk rikjest, lil persuni li jkunu daħlu minħabba riunifikazzjoni tal-familja. Stati Membri għandhom jippreskrivu disposizzjonijiet li jiżguraw l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ ċirkustanzi partikolarment diffiċli.

4.      Il-kondizzjonijiet konnessi ma’ l-għoti u t-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu jkunu stabbiliti b’liġi nazzjonali.”

B.      Id-dritt Belġjan

9.        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 kien ġie traspost fid-dritt Belġjan mill-Artikolu 42 quater tal-Liġi dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin, tal‑15 ta’ Diċembru 1980 (7) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”).

10.      Il-punt 4 tal-ewwel subparagrafu tal-ewwel paragrafu, u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 42 quater tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“§ 1er      Fil-każijiet li ġejjin, il-Ministru jew id-delegat tiegħu jista’ jtemm, fi żmien ħames snin wara r-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza tagħhom, id-dritt ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma humiex huma stess ċittadini tal-Unjoni u li jirrisjedu bħala membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni:

[…]

4.      iż-żwieġ maċ-ċittadin tal-Unjoni li akkumpanjaw jew ingħaqdu miegħu jinħall, is-sħubija rreġistrata tintemm […] jew ma jkunx għad hemm installazzjoni komuni; […].

[…]

Meta jiddeċiedi li jtemm ir-residenza, il-Ministru jew id-delegat tiegħu għandu jqis it-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fir-Renju, l-età tagħha, il-kundizzjoni ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni tal-familja u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fir-Renju u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha” (8).

11.      Il-punt 4 tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 42 quater ta’ din il-liġi jipprovdi:

“§ 4.      Bla ħsara għall-§ 5, il-każ imsemmi f’4° tal-ewwel subparagrafu ta’ § 1 ma japplikax:

4º      […] meta sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli hekk jeħtieġu, pereżempju, meta l-membru tal-familja juri li kien vittma ta’ vjolenza fil-familja kif ukoll ta’ fatti ta’ vjolenza msemmija fl-Artikoli 375, 398 sa 400, 402, 403 jew 405 tal-Kodiċi Kriminali, fil-kuntest taż-żwieġ jew tas-sħubija reġistrata msemmija fl-f’1° jew 2° tal-ewwel subparagrafu ta’ § 2 tal-Artikolu 40 bis;

u sakemm il-persuni kkonċernati juru li huma ħaddiema impjegati jew li jaħdmu għal rashom fil-Belġju, jew li għandhom riżorsi suffiċjenti msemmija fis-subparagrafu 2 ta’ § 4 tal-Artikolu 40, sabiex ma jsirux piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tar-Renju matul ir-residenza tagħhom, u li għandhom assigurazzjoni għall-mard li tkopri r-riskji kollha fil-Belġju, jew huma membri ta’ familja diġà kkostitwita fir-Renju minn persuna li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet”.

12.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 ġie traspost fid-dritt Belġjan bl-Artikolu 11(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980.

13.      Il-punt 2 tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, u t-tieni, ir-raba’ u l-ħames subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 jipprovdu:

“§ 2.      Il-Ministru jew id-delegat tiegħu jista’ jiddeċiedi li l-barrani li kien ġie ammess li jirrisjedi fir-Renju fuq il-bażi tal-Artikolu 10 ma għandux iktar dritt li jirrisjedi fir-Renju, f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

[…]

2º      Il-barrani u l-barrani li jingħaqad miegħu ma għandhomx jew ma għandhomx iktar ħajja konjugali jew tal-familja effettiva;

[…]

Id-deċiżjoni bbażata fuq il-punt […], 2° […] tista’ tittieħed biss matul l-ewwel ħames snin wara l-ħruġ tal-permess ta’ residenza jew, fil-każijiet imsemmija fil-punti 3 jew 4 tal-Artikolu 12 bis wara l-ħruġ tad-dokument li jiċċertifika li t-talba kienet tressqet.

[…]

Il-Ministru jew id-delegat tiegħu ma jistax itemm ir-residenza fuq il-bażi tas-subparagrafu 1, [...], 2° [...], jekk il-barrani jipprova li kien vittma matul iż-żwieġ jew is-sħubija ta’ fatt imsemmi fl-Artikoli 375, 398 sa 400, 402, 403 jew 405 tal-Kodiċi Kriminali. […].

Meta jiddeċiedi li jtemm ir-residenza fuq il-bażi tas-subparagrafu 1 […] 2° […], il-Ministru jew id-delegat tiegħu jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u s-saħħa tar-rabtiet familjari tal-persuna kkonċernata u t-tul tar-residenza tagħha fir-Renju, kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet tal-familja, kulturali jew soċjali mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Fis-26 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Alġerina, iżżewweġ ċittadina Franċiża f’Alġeri (l-Alġerija). Fit‑22 ta’ Frar 2012, huwa mar il-Belġju b’viża għal residenza qasira sabiex jingħaqad mal-konjuġi tiegħu residenti f’dak l-Istat Membru.

15.      Fl-20 ta’ April 2012, il-konjuġi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali welldet l-ewwel wild tagħhom, ta’ nazzjonalità Franċiża.

16.      Fis-7 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fil-kwalità tiegħu ta’ konjuġi ta’ ċittadina Franċiża, permess li kiseb fit‑13 ta’ Diċembru 2013 u li kien validu sat‑3 ta’ Diċembru 2018.

17.      Matul l-2015, wara kważi ħames snin ta’ żwieġ u sentejn ta’ ħajja komuni fil-Belġju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, vittma ta’ vjolenza domestika min-naħa tal-konjuġi tiegħu, kien ġie mġiegħel jitlaq mid-dar konjugali. L-ewwel kien ġie milqugħ f’xelter, imbagħad ittrasferixxa ruħu, fit‑22 ta’ Mejju 2015, f’akkomodazzjoni f’Tournai (il-Belġju). Fit‑2 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq ilment dwar atti ta’ vjolenza domestika.

18.      Wara rapport ta’ koabitazzjoni, tat-30 ta’ Ottubru 2015, li kkonkluda li r-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-konjuġi tiegħu ma jikkoabitawx, b’din tal-aħħar u binthom residenti fi Franza mill‑10 ta’ Settembru 2015, il-Gvern Belġjan, b’deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2016, temm id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur tar-rikorrent fil-kawża prinċipali b’ordni biex jitlaq mit-territorju. Din id-deċiżjoni kienet madankollu ġiet annullata b’sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2016 tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju).

19.      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Marzu 2017, il-konvenut fil-kawża prinċipali talab informazzjoni addizzjonali mingħand ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari prova tal-mezzi ta’ sussistenza tiegħu u assigurazzjoni għall-mard. Fit‑2 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali informa lill-konvenut fil-kawża prinċipali li huwa kien vittma ta’ vjolenza domestika min-naħa tal-konjuġi tiegħu u talab li d-dritt ta’ residenza tiegħu jinżamm skont il-punti 1, 3 u 4 tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal‑Artikolu 42 quater tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980.

20.      B’deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2017, il-konvenut temm id-dritt ta’ residenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, mingħajr ordni biex jitlaq mit-territorju, għar-raġuni li ma kienx ipproduċa l-prova, b’mod partikolari, tal-fatt li huwa kellu l-mezzi tiegħu ta’ sussistenza. Fis‑26 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin).

21.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-paragrafu 4 tal-Artikolu 42 quater tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li ttraspona l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt Belġjan, jipprovdi, fil-każ ta’ divorzju jew it-tmiem tal-istabbiliment komuni tal-konjuġi, li ż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, matul iż-żwieġ, kien vittma ta’ vjolenza domestika min-naħa tal-konjuġi tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari dik li jkollu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard. Din il-qorti tindika wkoll li, fl-istess ċirkustanzi, l-Artikolu 11(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li ttraspona l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 fid-dritt Belġjan, jissuġġetta l-għoti ta’ permess awtonomu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konjuġi li jkun ibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi legalment fil-Belġju għall-unika prova tal-eżistenza ta’ vjolenza domestika.

22.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi ta’ vjolenza domestika min-naħa tal-konjuġi tagħhom huma ttrattati b’mod differenti skont jekk ibbenefikawx minn riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni jew ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz u li differenza bħal din fit-trattament għandha l-oriġini tagħha fid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2004/38 u 2003/86.

23.      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), b’sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2019, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Diċembru 2019, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri , jikser l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn dan jipprevedi li d-divorzju, l-annullament taż-żwieġ jew it-tmiem ta’ unjoni rreġistrata ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru – b’mod partikolari meta sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli jeżiġu dan, per eżempju l-fatt li kienu vittma ta’ vjolenza domestika meta ż-żwieġ jew l-unjoni rreġistrata kienu għadhom fis-seħħ –, iżda biss bil-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati juru li huma ħaddiema impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri tal-familja, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, filwaqt li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, li jipprevedi l-istess possibbiltà ta’ żamma ta’ dritt ta’ residenza, ma jissuġġettax din iż-żamma għal din il-kundizzjoni tal-aħħar?”

24.      Saru osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Belġjan, kif ukoll mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea.

25.      Matul is-seduta li saret fis-7 ta’ Diċembru 2020 saru osservazzjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’isem ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Belġjan, kif ukoll il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

26.      F’dan li ġej, ser neżamina, l-ewwel nett, fid-dawl tal-argument imressaq f’dan ir-rigward mill-Gvern Belġjan, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi għad-domanda preliminari (Taqsima A). Meta nikkunsidra li dan huwa l-każ, imbagħad ser nanalizza l-applikabbiltà tal‑Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 sabiex nelimina kull dubju dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari f’din il-kawża (Taqsima B). Fl-aħħar nett, ser neżamina l-validità ta’ din id-dispożizzjoni (Taqsima C).

A.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Il-Gvern Belġjan jargumenta, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fl-ewwel lok, dan hu fir-rigward mhux ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni iżda ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali stabbilita mil-leġiżlatur Belġjan fil-qafas tal-kompetenza li jirrikonoxxilu l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86 li din il-qorti għandha dubji dwar il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38. Fit-tieni lok, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jippreġudika r-regoli ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, id-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jistgħux ipoġġu f’dubju l-kompetenzi tal-Istati Membri, bħal dawk li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx l-istatus ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

28.      Nixtieq infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 19(3)(b) TUE u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprovdu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi, f’deċiżjoni preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni (9), billi dawn l-atti għandhom ikunu kompletament kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom kif ukoll mad-disposizzjonijiet tal-Karta (10).

29.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li, fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, il-leġiżlatur tal-Unjoni – b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet ta’ divorzju u ta’ separazzjoni – irregola l-kundizzjonijiet għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-vittma ta’ atti ta’ vjolenza mwettqa mill-konjuġi tiegħu b’modi differenti skont jekk dan tal-aħħar huwiex ċittadin tal-Unjoni jew ċittadin ta’ pajjiż terz. Din il-qorti tqis li, meta għamel dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa differenza fit-trattament ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-konjuġi sponsor, u b’hekk kiser l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. Billi s-sistema stabbilita bl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni hija inqas favorevoli minn dik stabbilita bl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma konjuġi ta’ ċittadin ieħor ta’ pajjiż terz, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta.

30.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Gvern Belġjan fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq l-applikabbiltà tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

31.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38.

32.      L-ewwel nett nirrileva li huwa meħtieġ, qabel ma nipproċedi sabiex neżamina l-validità ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġi vverifikat jekk din il-kwistjoni hijiex ammissibbli. Għal dan il-għan, għandu jiġi eżaminat jekk il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva huwiex applikabbli f’dan il-każ.

33.      Fil-fatt il-Kummissjoni għandha dubji dwar l-applikabbiltà tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Id-dubji tagħha huma bbażati fuq il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar id-divorzju jew dwar l-annullament taż-żwieġ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, mis-sentenza NA (11) jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva tippreżupponi li kien ġie ddikjarat id-divorzju jew l-annullament taż-żwieġ bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati jew, għall-inqas, proċedura għal dan il-għan inbdiet qabel ma ċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq mill-Istat Membru ospitanti.

34.      Għall-kuntrarju, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-intervenjenti l-oħra ma jikkontestawx l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni. L-istess japplika għall-qorti tar-rinviju li, fil-kuntest tad-domanda preliminari tagħha, ibbażat ir-raġunament tagħha fuq l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni.

35.      Ser neżamina din il-kwistjoni sabiex nelimina kull dubju possibbli dwar il-fatt li l-evalwazzjoni tal-validità ta’ din id-dispożizzjoni tista’ ma tkunx relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (12). Għalhekk ser nivverifika jekk persuna f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 qabel ma nibda l-eżami tad-domanda preliminari.

1.      Fuq il-ħtieġa tal-analiżi relatata mal-applikabbiltà tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

36.      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet, fis-sentenza tagħha NA (13) li “l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, inkluż id-dritt ibbażat fuq il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, hija suġġetta għad-divorzju tal-partijiet ikkonċernati”. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz kien vittma matul iż-żwieġ tiegħu ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa minn ċittadin tal-Unjoni li minnu huwa ddivorzjat, dan tal-aħħar għandu jkun residenti fl-Istat Membru ospitanti, konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, sad-data tal-bidu tal-proċeduri ta’ divorzju, sabiex dan iċ-ċittadin ikun intitolat jinvoka l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva (14).

37.      Għalhekk, l-element determinanti fil-kawża prinċipali huwa d-data tal-bidu tal-proċedura ta’ divorzju. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju indikat, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni li indirizzatilha l-Qorti tal-Ġustizzja, li r-rikors għad-divorzju kien ġie ppreżentat fil‑5 ta’ Lulju 2018 u li d-divorzju ngħata fl-24 ta’ Lulju 2018, b’effett mit-2 ta’ Ottubru 2018 (15).

38.      Għaldaqstant, f’dan il-każ, skont il-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenza NA (16), billi d-data tal-bidu tal-proċedura ta’ divorzju kienet iktar tard mid-data li fiha l-konjuġi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali telqet mit-territorju Belġjan, ir-rikorrent ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38(17).

39.      Madankollu, jiena tal-fehma li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

40.      Fl-ispjegazzjonijiet li ġejjin, ser insemmi r-raġunijiet għaliex jien konvint li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija applikabbli għall-każ preżenti u għaliex huwa meħtieġ li ssir analiżi bir-reqqa tal-portata tal-ġurisprudenza meħuda mis-sentenza NA (18). Barra minn hekk, din l-analiżi tippermetti li jiġi stabbilit is-sens ta’ din id-dispożizzjoni qabel ma jsir l-eżami tal-validità tagħha. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu, fil-fatt jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jpoġġix f’dubju l-validità tiegħu u b’konformità mad-dritt primarju kollu (19).

41.      Għalhekk ser nibda billi neżamina l-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38. Fid-dawl ta’ dan l-eżami, ser nipproponi sussegwentement interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva li mhux biss tkun koerenti mal-formulazzjoni, mal-kuntest, mal-iskop u mal-ġenesi ta’ din id-dispożizzjoni, iżda tagħmel possibbli li tiġi ppreżervata wkoll il-koerenza ġenerali tas-sistema ġuridika tal-Unjoni u tal-politika tagħha fil-qasam ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika.

2.      Fuq il-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punti (a) u (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

42.      Għalkemm is-sentenza NA (20) hija tabilħaqq l-unika sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, hija madankollu ssegwi l-loġika tas-sentenza Singh et (21). L-analiżi tiegħi għalhekk ser tiffoka fuq dawn iż-żewġ sentenzi.

a)      Is-sentenza Singh et

43.      Il-kawża li tat lok għas-sentenza Singh et (22) kienet tikkonċerna tliet ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, wara ż-żwieġ tagħhom ma’ ċittadini tal-Unjoni residenti u li jaħdmu fl-Irlanda, ingħataw dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru taħt l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, bħala konjuġi li jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti. Fit-tliet każijiet, il-proċedura ta’ divorzju kienet inbdiet wara li l-konjuġi kienu telqu mit-territorju Irlandiż.

44.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża staqsiet, b’mod partikolari, dwar jekk id-dritt ta’ residenza fl-Irlanda tat-tliet konjuġi li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi setax jinżamm fuq il-bażi tal punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriformulat din id-domanda kif ġej: “Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, iddivorzjat minn ċittadin tal-Unjoni, li ż-żwieġ tiegħu jkun dam mill-inqas tliet snin qabel il-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji ta’ divorzju, inkluż mill-inqas sena fl-Istat Membru ospitanti, jista’ jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta qabel id-divorzju l-konjuġi ċittadin tal-Unjoni jkun telaq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.” (23)

45.      Wara li fakkret li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jistgħu jitolbu biss id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti fejn jirrisjedi dan iċ-ċittadin u mhux fi Stat Membru ieħor (24), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, jekk, qabel il-bidu ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju, iċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq mill-Istat Membru li fih jirrisjedi l-konjuġi tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex joqgħod fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, id-dritt ta’ residenza dderivat li jgawdi l-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38 jintemm meta ċ-ċittadin jitlaq mill-Unjoni u għalhekk ma jistax jinżamm fuq il-bażi tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva (25). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fuq il-bażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-konjuġi tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni għandu jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, sad-data tal-bidu tal-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju (26). Fid-dawl ta’ dan ir-raġunament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li “ċittadin ta’ pajjiż terz, iddivorzjat minn ċittadin tal-Unjoni, li ż-żwieġ tiegħu jkun dam mill-inqas tliet snin qabel il-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji ta’ divorzju, inkluż mill-inqas sena fl-Istat Membru ospitanti, ma jistax jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta qabel il-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji ta’ divorzju, il-konjuġi ċittadin tal-Unjoni jkun telaq mill-imsemmi Stat Membru” (27).

1)      Analiżi tar-raġunament segwit fis-sentenza Singh et

46.      Ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari fis-sentenza Singh et jidhirli li hija, tal-inqas, diskutibbli (28), u dan minħabba tliet raġunijiet li ġejjin.

47.      Fl-ewwel lok, mal-qari tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tippermetti lill-konjuġi li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom ma ġietx suġġetta mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-kundizzjoni li ċ-ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti sad-data tal-bidu tal-proċedura ġudizzjarji ta’divorzju. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-kundizzjoni li “qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ divorzju jew ta’ annullament jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata […] iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata damu minn ta’ l-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti” (29).

48.      Fit-tieni lok, huwa essenzjali li wieħed jinnota li, għalkemm, fil-kawża li ta lok għas-sentenza Singh et, l-ewwel domanda preliminari kienet relatata mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, irrifformulat din id-domanda billi rreferiet għall-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva (30). Għalhekk, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex limitata għall-ipoteżi prevista fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmija direttiva, iżda tirrigwarda l-każijiet kollha previsti fl-Artikolu 13(2) tagħha (31).

49.      Minn dan isegwi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda hekk irriformulata hija bbażata mhux biss fuq il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, iżda wkoll fuq kundizzjoni ġdida. Fi kliem ieħor, billi teħtieġ li l-konjuġi taċ-ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti sad-data tal-bidu tal-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju, il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet kundizzjoni supplimentari fir-rigward ta’ dawk previsti fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva. Huwa għalhekk permezz tal-ġurisprudenza li din il-kundizzjoni kienet żdiedet meta kien ġie interpretat l-Artikolu 13(2), fl-intier tiegħu, ta’ din id-direttiva (32).

50.      Fit-tielet lok, għalkemm nifhem perfettament il-loġika tar-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Singh et (33) u li fil-prinċipju naqbel mal-analiżi tagħha, kif tidher fil-punti 50 sa 57 ta’ din is-sentenza, ma naqbilx mal-konklużjoni li ntlisnet minn din l-analiżi, fil-punt 67 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett iddikjarat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, “it-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni diġà implika t-telf tad-dritt ta’ residenza tal-konjuġi ċittadin ta’ pajjiż terz li jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti”. Kompliet tgħid li “[t]alba għal divorzju sussegwenti ma tistax tnissel mill-ġdid tali dritt, peress li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 jirreferi biss għaż-‘żamma’ ta’ dritt ta’ residenza eżistenti” (34).

51.      F’dan l-istadju, jidhirli xieraq li ninnota li, wara l-linja mfassla mill-Avukat Ġenerali Kokott, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat dik id-dikjarazzjoni fuq “applikazzjoni konġunta” tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/38 (35).

52.      Madankollu, għandi dubji mhux biss dwar ir-rilevanza ta’ tali applikazzjoni konġunta ta’ dawn iż-żewġ artikoli (36) iżda wkoll dwar il-konsegwenza li tirriżulta minn din l-applikazzjoni, jiġifieri, minn naħa, li – fil-kuntest tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 – it-tluq tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni jista’ jirriżulta fit-telf awtomatiku tad-dritt ta’ residenza dderivat tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, li – fil-qafas tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva – it-tluq tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni jista’ jkollu l-effett li jċaħħad lill-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva u li jneħħi minn din id-dispożizzjoni s-sustanza tagħha u l-effett utli tagħha.

i)      Dwar il-kunċett ta’ “tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti”: l-irrilevanza tal-interpretazzjoni konġunta tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/38

53.      Kif irrilevajt fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-“tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni diġà implika t-telf tad-dritt ta’ residenza tal-konjuġi ċittadin ta’ pajjiż terz li jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti […]” (37) hija bbażata fuq l-interpretazzjoni konġunta tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/38. Issa, inqis li interpretazzjoni bħal din ma hijiex rilevanti, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

54.      Fl-ewwel lok, infakkar li d-Direttiva 2004/38 tiddistingwi b’mod ċar żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni: it-tluq (jew il-mewt) ta’ ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti, kopert bl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, u d-divorzju, l-annullament jew it-tmiem ta’ sħubija rreġistrata, koperti bl-Artikolu 13 ta’ dik id-direttiva.

55.      Minn naħa, it-tluq fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, ma huwiex marbut mad-divorzju, mal-annullament jew mat-tmiem ta’ sħubija rreġistrata. Fil-fatt, kif indikat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-kunċett ta’ “tluq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa mifhum li huwa “tluq sempliċi”, jiġifieri tluq effettiv mingħajr l-intenzjoni li wieħed jirritorna fl-Istat Membru ospitanti u li ma huwiex iġġustifikat mill-intenzjoni li jissepara, jiddivorzja, jannulla ż-żwieġ jew itemm sħubija rreġistrata.

56.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 ma jagħmel l-ebda riferiment għat-tluq, iżda biss għad-divorzju, għall-annullament jew għat-tmiem ta’ sħubija rreġistrata. Għalhekk, jekk il-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni jitlaq l-Istat Membru ospitanti u jibda proċeduri ta’ divorzju fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, it-tluq tiegħu huwa neċessarjament tluq bil-għan ta’ divorzju, ta’ annullament jew ta’ tmiem ta’ sħubija rreġistrata (38). Barra minn hekk, jekk wieħed jassumi li, f’din l-istess ipoteżi, iċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq mal-wild minuri tal-konjuġi mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu kkonkludew ftehim f’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 tkun qiegħed neċessarjament tassumi li qorti tkun tat il-kustodja finali tal-wild liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-kuntest tas-separazzjoni, tad-divorzju jew tat-tmiem tas-sħubija, f’liema każ ikun hemm is-sitwazzjoni rregolata mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva.

57.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kunċett ta’ “tluq” fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 ma jistax jiġi interpretat bħala ekwivalenti għal tluq bil-għan ta’ divorzju, ta’ annullament jew ta’ tmiem ta’ sħubija rreġistrata fil-kuntest tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva u għalhekk għandu jiġi interpretat b’mod differenti fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli, peress li dawn għandhom għanijiet differenti.

58.      Fit-tieni lok, kif innotat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, minħabba l-fatt li jirriżulta ċar mill-premessa 15 tad-Direttiva 2004/38 li l-Artikolu 13 ta’ din tal-aħħar għandu l-għan li l-“membri tal-familja għandhom ikunu ġuridikament protetti fil-każ ta’ […] divorzju […]” li t-tluq bil-għan ta’ divorzju jiġi kkunsidrat bħala tluq effettiv mingħajr intenzjoni li wieħed jirritorna fl-Istat Membru ospitanti, fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, jipprekludi lill-konjuġi taċ-ċittadin tal-Unjoni milli jibbenefika mill-protezzjoni ġuridika prevista fl-Artikolu 13(2) tad-direttiva, li tikkonsisti fiż-żamma tad-dritt ta’ residenza dderivat u, għalhekk, ikun manifestament kuntrarju għall-iskop ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar (39).

ii)    Fuq it-telf tad-dritt ta’ residenza dderivat tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz bħala konsegwenza tat-“tluq” taċ-ċittadin tal-Unjoni tal-Istat Membru ospitanti fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38

59.      It-tluq tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni jibdel is-sitwazzjoni legali tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz mil-lum għall-għada, bil-konsegwenza immedjata tat-telf awtomatiku tad-dritt ta’ residenza dderivat?

60.      Fl-opinjoni tiegħi, anki fil-qafas tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, it-telf tad-dritt ta’ residenza dderivat tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jitqies bħala konsegwenza awtomatika ta’ kwalunkwe tluq taċ-ċittadin mill-Unjoni, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

61.      Fl-ewwel lok, b’mod ġenerali, nixtieq nippreċiża li l-kwalita ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, sa fejn tinkiseb bl-effett taż-żwieġ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma’ ċittadin tal-Unjoni li jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Istat Membru ospitanti fejn jirrisjedu flimkien, tista’, bħala prinċipju, tintilef meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

62.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 – bħal tluq effettiv taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti, mingħajr intenzjoni li jirritorna hemmhekk, li ma huwiex iġġustifikat minn divorzju, minn annullament jew minn tmiem ta’ sħubija rreġistrata, filwaqt li l-konjugi tiegħu li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jixtieq jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti fejn kienu jirrisjedu flimkien mingħajr ma għandu wild dipendenti (40) – u dawk li huma ta’ natura temporanja, fejn hemm lok li jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni u l-konjugi tiegħu li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jkomplu jkollhom il-kwalità ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu jerġa’ jidħol jew jirrisjedi temporanjament fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, jew jiċċaqlaq u jirrisjiedi temporanjament fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet debitament iġġustifikati (41), il-konjuġi tiegħu li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari biex jevita li jitlef ix-xogħol tiegħu, jew biex ikompli l-istudji tiegħu jew taħriġ professjonali hemmhekk, għandu jkompli jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 (42), għaż-żmien meħtieġ biex isib xogħol ieħor jew sabiex itemm l-istudji tiegħu.

63.      Nixtieq infakkar li, fi kwalunkwe każ, mill-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-kontinwità tar-residenza ma hijiex affettwata minn assenzi temporanji li ma jaqbżux fit-total sitt xhur fis-sena, u lanqas minn assenzi itwal għat-twettiq ta’ obbligi militari jew b’assenza bla interruzzjoni ta’ massimu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti, bħal tqala u ħlas, marda gravi, studji jew taħriġ professjonali, jew kollokament għal raġunijiet professjonali fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.

64.      Fit-tieni lok, huwa ovvju li t-tieni, it-tielet jew ir-raba’ ċaqliq minn ċittadin tal-Unjoni lejn Stat Membru ieħor jaqa’ taħt id-dritt għall-moviment liberu bl-istess mod bħall-ewwel ċaqliq lejn l-Istat Membru ospitanti kkonċernat, anki jekk huwa ċaqliq għal perijodu limitat. Huwa eskluż li d-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni jkun marbut mal-mod li bih il-konjuġi jixtiequ jorganizzaw il-ħajja konjugali tagħhom, billi jiġi meħtieġ minnhom li jgħixu flimkien f’ċirkustanzi li ma jiġġustifikawx dan (43). Is-sitwazzjoni ekonomika jew professjonali tad-dar, b’mod partikolari, tista’ twassal lill-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni li jaċċetta temporanjament impjieg fi Stat Membru ieħor (44).

65.      Fit-tielet lok, li jiġi ammess li l-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ awtomatikament jitlef id-dritt ta’ residenza dderivat fis-sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu mhux biss imur kontra għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2004/38 iżda jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ moviment li kull ċittadin tal-Unjoni għandu skont l-Artikolu 21 TFUE. Fil-fatt, telf awtomatiku bħal dan jista’ jiddisswadi lill-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni milli jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu u jwasslu, pereżempju, sabiex jirrifjuta offerta ta’ impjieg fi Stat Membru ieħor.

66.      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jargumenta kontra t-telf awtomatiku tad-dritt ta’ residenza. Fil-fatt, jekk jiġi kkunsidrat li, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jiċċaqlaq u jirrisjedi temporanjament fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet debitament iġġustifikati, il-konjuġi li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz awtomatikament jitlef id-dritt ta’ residenza dderivat tiegħu, dan jikkostitwixxi preġudizzju fuq il-ħajja privata u tal-familja fir-rigward tal-moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat (45). Mill-perspettiva tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dan jista’ jkollu bħala konsegwenza li d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun għadu miżżewweġ għandu jinżamm (46).

67.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-telf tad-dritt ta’ residenza dderivat tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jitqies bħala wieħed awtomatiku fil-każijiet kollha u jiddependi mill-eżami tal-każ individwali.

68.      Wara dawn ir-riflessjonijiet, niġu għall-analiżi tas-sentenza Singh et.

2)      Limitazzjoni tal-portata tas-sentenza Singh et

69.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, mingħajr ma nixtieq inpoġġi f’dubju l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fil-punti 50 sa 57 tas-sentenza Singh et (47), ma jistax jingħad li, kif jirriżulta mill-punt 67 ta’ din is-sentenza, it-tluq tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni tal-Istat Membru ospitanti bil-għan ta’ divorzju, tal-annullament jew tat-tmiem ta’ sħubija jkollu bħala konsegwenza t-telf tad-dritt ta’ residenza tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz.

70.      Fl-ewwel lok, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Singh et (48), ġew osservati l-kundizzjonijiet għat-tul taż-żwieġ jew tas-sħubija rreġistrata, stabbiliti fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38. Għalhekk, huwa ċar għalija li, f’sitwazzjoni bħal din, din id-dispożizzjoni tapplika bejn, minn naħa, il-mument li fih il-konjuġi jiddeċiedu li jisseparaw legalment, li jiddivorzjaw b’kunsens reċiproku jew li jibdew proċeduri ta’ divorzju u, min-naħa l-oħra, il-mument meta d-divorzju jingħata, u dan irrispettivament mid-data tat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni bil-għan, b’mod partikolari, tad-divorzju. F’dan ir-rigward, infakkar li, f’ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali, hija meħtieġa separazzjoni de facto minn qabel jew perijodu ta’ riflessjoni qabel ma l-konjuġi jkunu jistgħu jiffirmaw ftehim jew jitolbu divorzju (49).

71.      Barra minn hekk, jidhirli li huwa importanti li wieħed jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li “r-rabta konjugali ma tistax titqies li hija rexissa sakemm ma ttemmhiex l-awtorità kompetenti”. Hija ppreċiżat ukoll li “dan ma huwiex il-każ ta’ miżżewġin li jgħixu sempliċement b’mod separat, anki meta jkollhom l-intenzjoni li jiddivorzjaw ulterjorment” (50).

72.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ikun paradossali li jiġi kkunsidrat, minn naħa, li, fil-qafas tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, meta l-konjuġi għandhom komunità ta’ ħajja konjugali effettiva, il-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz awtomatikament jitlef id-dritt ta’ residenza dderivat tiegħu mat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti, meta jkun iż-żwieġ, b’mod partikolari, li jkun tah dan id-dritt ta’ residenza u, min-naħa l-oħra, li, fil-qafas tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, meta l-konjuġi, matul il-perijodu ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin, ikunu ddeċidew li jisseparaw u bdew jgħixu ma’ msieħba oħra, il-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jikseb dritt ta’ residenza permanenti (51).

73.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu13(2) tad-Direttiva 2004/38, insostni li l-Kummissjoni, fil-kummenti tagħha dwar l-Artikolu 13(2) (52), indikat li “l-ħall taż-żwieġ neċessarjament jimplika, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, id-divorzju mogħti b’mod irrevokabbli; fil-każ ta’ separazzjoni de facto, id-dritt ta’ residenza tal-konjuġi ma jiġix affettwat (53) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

74.      F’dan il-kuntest, hekk kif jirriżulta mill-punti 53 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa l-ewwel nett neċessarju li jiġi ddeterminat jekk it-tluq tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni huwiex “tluq sempliċi” (Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38), jiġifieri tluq effettiv mingħajr intenzjoni li jirritorna lejn l-Istat Membru ospitanti u li ma huwiex iġġustifikat b’divorzju, b’annullament jew bi tmiem tas-sħubija rreġistrata, jew jekk, għall-kuntrarju, huwiex “tluq bil-għan ta’ divorzju, ta’ annullament jew ta’ tmiem ta’ sħubija” (Artikolu 13 ta’ din id-direttiva).

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena konvint li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punt 67 tas-sentenza Singh et (54), it-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni bil-ħsieb ta’ divorzju, ta’ annullament jew ta’ tmiem ta’ sħubija ma għandux bħala effett it-telf tad-dritt ta’ residenza dderivat tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) ta’ dik id-direttiva jkunu ġew osservati. Fi kwalunkwe każ, eżami mill-awtoritajiet kompetenti tal-każ individwali huwa meħtieġ qabel ma t-telf tad-dritt ta’ residenza dderivat ikun definittiv (55).

b)      Is-sentenza NA

1)      Is-sentenza NA, werrieta tal-loġika li tirriżulta mis-sentenza Singh et

76.      Il-kawża li tat lok għas-sentenza tan-NA (56) kienet tirrigwarda ċittadina Pakistana miżżewġa lil ċittadin Ġermaniż. Il-koppja kienet tirrisjedi fir-Renju Unit, fejn il-konjuġi kien kiseb kemm l-istatus ta’ ħaddiem impjegat kif ukoll dak ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu. Il-mara, vittma ta’ bosta atti ta’ vjolenza domestika – l-iktar reċenti seħħ f’Ottubru 2006 meta kienet tqila b’iktar minn ħames xhur –, kienet fetħet fl-2006, wara t-tluq ta’ żewġha mir-Renju Unit f’Diċembru ta’ dik l-istess sena, proċedura ta’ divorzju f’dak l-Istat Membru u kienet kisbet il-kustodja esklużiva taż-żewġ uliedhom (57). Dawn tal-aħħar, għalkemm kellhom in-nazzjonalità Ġermaniża, twieldu fir-Renju Unit, fejn kienu marru l-iskola fl-2009 u fl-2010 (58).

77.      Fir-rigward tad-dritt ta’ residenza tal-konjuġi fir-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett fakkret li, bis-saħħa tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, id-divorzju ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru meta ċirkustanzi partikolarment diffiċli hekk jirrikjedu, pereżempju li kienu vittmi ta’ vjolenza domestika (59). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’riferiment għas-sentenza Singh et, tenniet li ċ-ċittadin tal-Unjoni konjuġi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, sad-data tal-bidu tal-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju sabiex dak iċ-ċittadin ikun jista’ jżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu previst fil-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva (60). Issa, dan ma kienx il-każ f’din il-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, iddivorzjat minn ċittadin tal-Unjoni li mingħandu sofra atti ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ, ma jistax jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-bidu tal-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju huwa sussegwenti għat-tluq tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni ta’ dan l-Istat Membru (61).

78.      L-ewwel nett nixtieq nosserva li, jekk il-loġika tas-sentenza’ Singh et (62) setgħet tiġi applikata, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza NA (63), għall-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, dan huwa minħabba r-riformulazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ewwel domanda preliminari magħmula fis-sentenza Singh et (64). Hekk kif indikajt (65), ir-riferiment tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod ġenerali, għall-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 (66), ippermetta li l-interpretazzjoni tagħha ta’ dik id-dispożizzjoni tapplika għall-każijiet kollha previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva, inkluża l-kundizzjoni addizzjonali li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti sad-data tal-bidu tal-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju (67).

79.      Madankollu, jidhirli li din ir-riformulazzjoni ma kinitx meħtieġa peress li r-risposta għad-domanda hekk magħmula mill-qorti nazzjonali kienet utli biżżejjed sabiex tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha (68).

80.      Wara li ntqal dan, u fid-dawl tal-proposta tiegħi sabiex tiġi limitata l-portata tas-sentenza Singh et, issa ser nispjega r-raġunijiet għaliex inqis li huwa neċessarju li tiġi aġġornata s-sentenza NA (69).

2)      Fuq in-neċessità tal-aġġornament tas-sentenza NA

i)      Il-formulazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

81.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, jirriżulta ċar, minn naħa, mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva li d-divorzju ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru meta waħda mis-sitwazzjonijiet fattwali li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni kienet seħħet fil-passat, jiġifieri, b’mod partikolari, meta “qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ divorzju […] iż-żwieġ […] [dam] minn ta’ l-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti” (punt a)), jew jekk sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli hekk jeħtieġu, pereżempju l-“fatt li tkun vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ […]” (punt ċ)) (70).

82.      Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u l-użu tal-konġunzjoni disġuntiva “jew” wara d-dikjarazzjoni ta’ kull ipoteżi li twassal għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza (punti (a) sa (d)) jindikaw b’mod ċar ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni biex jipprevedi ipoteżijiet alternattivi (71) li fihom id-divorzju ma jwassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz.

83.      F’dan ir-rigward, jidhirli importanti li nżid ngħid li, fil-kummenti relatati mal-Artikolu 13 tal-proposta li wasslet għad-Direttiva 2004/38, il-Kummissjoni spjegat li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 kellhom għanijiet differenti, jiġifieri, rispettivament, “biex jiġu evitati tentattivi ta’ evitar tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ residenza permezz ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza” (72) u “biex jiġu koperti, b’mod partikolari, sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika” [traduzzjoni mhux ufffiċjali] (73).

ii)    L-iskop, il-kuntest u l-ġenesi tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38

84.      Nirrileva li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-kuntest u tal-iskopijiet segwiti mid-Direttiva 2004/38, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv u ma għandhom, fl-ebda każ, jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom (74).

85.      Fir-rigward tal-iskop tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod iktar speċifiku, tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tagħha, mill-premessa 15 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li l-“membri tal-familja […] ikunu ġuridikament protetti fil-każ ta’ […] divorzju […]”. Din il-premessa tagħmel riferiment espliċitu għar-“rispett dovut għall-ħajja familjari u għad-dinjità umana”, meta tindika li għalhekk għandhom “jittieħdu miżuri li jiżguraw li f’ċirkostanzi bħal dawn, […], u f’ċerti kondizzjonijiet li jostakolaw abbuż, il-membri tal-familja li qed jgħixu diġà fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jżommu d-dritt tagħhom ta’ residenza esklussivament fuq bażi personali” (75).

86.      Għalhekk, ma jkunx paradossali li jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni ġuridika li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 joffri lil dawn il-persuni, li tikkonsisti fiż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħhom fuq bażi esklużivament individwali meta jkunu seħħew atti ta’ vjolenza matul iż-żwieġ, tista’ tiddependi fuq l-unika deċiżjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun wettaq dawn l-atti ta’ vjolenza li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti?

87.      F’dan ir-rigward, insostni li l-Kummissjoni, fil-kummenti tagħha dwar l-Artikolu 13(2) (76), indikat li din id-dispożizzjoni “għandha l-għan li toffri ċerta protezzjoni ġuridika lil dawk il-persuni li d-dritt ta’ residenza tagħhom ikun marbut mar-rabta tal-familja rrappreżentata miż-żwieġ u li għalhekk jistgħu jkunu suġġetti għal rikatt ta’ divorzju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

88.      Fil-fatt, l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva għandu l-għan li jevita rikatt ta’ divorzju bħal dan. Madankollu, jekk jiġi applikat flimkien mal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, dan jippermetti lil dawk il-persuni (77), li d-dritt ta’ residenza tagħhom ikun marbut mar-rabta tal-familja rrappreżentata miż-żwieġ, li jkunu jistgħu jsofru mhux biss rikatt ta’ divorzju iżda wkoll rikatt mill-bidu (78).

89.      Issa, kif diġà indikajt (79), l-interpretazzjoni konġunta tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/38 hija, fil-fehma tiegħi, irrilevanti sa fejn il-fatt li “tluq bil-ħsieb ta’ divorzju” jiġi kkunsidrat bħala “tluq” fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ dik id-direttiva jipprekludi lill-konjuġi taċ-ċittadin tal-Unjoni milli jibbenefika mill-protezzjoni ġuridika prevista fl-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva, li tikkonsisti fiż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fl-ipoteżijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, u, għalhekk, tmur manifestament kontra l-iskop tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, fil-każ ta’ separazzjoni jew ta’ divorzju preċedut minn vjolenza domestika, huwa ċar għalija li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 huwa kompletament applikabbli u li, għalhekk, id-dritt ta’ residenza dderivat tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jinżamm bejn il-mument li fih seħħew l-atti ta’ vjolenza domestika u dak fejn id-divorzju ġie ddikjarat.

90.      Barra minn hekk, infakkar li, minn naħa, il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 tikkonċerna ż-żamma, taħt ċerti kundizzjonijiet, tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ “tluq” b’mod ġenerali taċ-ċittadin tal-Unjoni (tluq effettiv mingħajr intenzjoni ta’ ritorn) u li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jirregola sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jiddeċiedi li jitlaq l-Istat Membru ospitanti fil-kuntest ta’ divorzju, ta’ annullament jew ta’ tmiem ta’ sħubija (tluq bil-ħsieb ta’ divorzju). Minħabba n-natura differenti ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ tluq, jista’ jiġi argumentat li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva sa fejn, f’dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet, in-natura tat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni hija differenti. Għalhekk, huwa ovvju li, fil-każ ta’ tluq tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni bil-ħsieb tad-divorzju, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu japplika bħala dispożizzjoni speċjali. Fil-fatt din id-dispożizzjoni tipprevali fuq ir-regola ġenerali tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 fis-sitwazzjonijiet li l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva huwa speċifikament intiż li jirregola, jiġifieri, b’mod partikolari, dawk fejn il-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni wettaq atti ta’ vjolenza domestika u sussegwentement jitlaq l-Istat Membru ospitanti.

91.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-Avukat Ġenerali Wathelet ġustament kien ikkunsidra li s-“sitwazzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jinftiehmu bħala elementi li jiskattaw id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjon […]. Jekk l-imsemmi konjuġi jitlaq mill-Istat Membru ospitanti qabel ma jseħħ wieħed minn dawn l-elementi, l-Artikolu 13 ma jistax ikollu bħala effett iż-‘żamma’ tad-dritt ta’ residenza [(80)], [imma] fil-każ fejn it-tluq previst fl-Artikolu [12(3)] ikun seħħ wara li jseħħ wieħed mill-avvenimenti – u mhux l-għoti tad-divorzju stricto sensu – li jiskatta ż-żamma tad-dritt ta’ residenza skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2), it-tluq sussegwenti taċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkollu ebda rilevanza” (81).

3.      Konklużjoni intermedja li tikkonċerna l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li huwa meħtieġ li tiġi aġġornata s-sentenza NA, mhux biss fuq il-bażi tal-formulazzjoni, tal-kuntest, tal-iskop u tal-ġenesi tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, iżda wkoll billi jitqiesu l-iżviluppi reċenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, b’mod partikolari tal-vittmi tal-vjolenza domestika.

93.      Fid-dawl ta’ dan, għalhekk nikkunsidra li persuna f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

4.      Fuq l-iżviluppi reċenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-vittmi tavjolenza domestika: żviluppi legali li għandhom jiġu kkunsidrati

94.      Fl-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, ma tistax tiġi ssottovalutata l-importanza legali, politika u soċjali tar-rikonoxximent tal-gravità tal-problema tal-vjolenza domestika. Pożizzjoni li tikkonsisti li jiġi kkunsidrat li l-vjolenza domestika ma għandhiex ikollha effett fuq l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tkunx koerenti mas-sistema ġuridika tal-Unjoni kollha kemm hi u jkun partikolarment diffiċli biex wieħed jiddefendiha fl-istat attwali tal-politika tal-Unjoni fil-qasam ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika.

95.      Fl-ewwel lok, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni evolviet fir-rigward tar-rikonoxximent tad-drittijiet, tal-appoġġ u tal-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, inklużi vittmi ta’ vjolenza domestika.

96.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2012/29/UE (82) għenet sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità (83) u, fir-rigward ta’ persuni partikolarment vulnerabbli (84), tirreferi speċifikament għall-vittmi ta’ vjolenza domestika (85). Għalhekk, fil-premessa 18 tagħha, din id-direttiva tiddikjara, b’mod partikolari, li l-vjolenza domestika hija problema soċjali serja u ta’ spiss moħbija u li l-vittmi ta’ vjolenza domestika jistgħu għalhekk jeħtieġu miżuri protettivi speċifiċi (86). B’mod partikolari, l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/29 jipprovdu, rispettivament, li l-“għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura li vittmi tal-kriminalità, jirċievu informazzjoni, appoġġ u protezzjoni xierqa u li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċedimenti kriminal” u li d-“drittijiet stipulati f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-vittmi b’mod mhux diskriminatorju, inkluż fir-rigward tal-istatus ta’ residenza tagħhom”.

97.      Ċertament, il-premessa 10 tad-Direttiva 2012/29 tgħid li “ma tindirizzax il-kundizzjonijiet ta’ residenza tal-vittmi ta’ atti kriminali fit-territorju tal-Istati Membri” u li r-“rappurtar ta’ att kriminali jew il-parteċipazzjoni fi proċedimenti kriminali ma joħolqu ebda dritt fir-rigward tal-istatus ta’ residenza tal-vittma” (87). Jien, madankollu, tal-opinjoni li dik id-direttiva ma tistax tiġi kompletament injorata fl-interpretazzjoni tal-pun (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-koerenza ġenerali tas-sistema ġuridika tal-Unjoni u tal-politika tagħha fil-qasam ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza domestika.

98.      Ħalli nippreċiża din l-idea.

99.      Il-premessa 57 tad-Direttiva 2012/29 tgħid li “l-vittmi […] [tal]-vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib, […] x’aktarx jgħaddu minn rata għolja ta’ vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta, ta’ intimidazzjoni u ta’ ritaljazzjoni ”.

100. Għalhekk, kif jista’ l-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 (88) jingħata interpretazzjoni li tipprekludi, billi tmur b’mod ċar kontra l-iskop ta’ din id-direttiva (89), il-konjuġi taċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-protezzjoni legali prevista minn din id-dispożizzjoni, filwaqt li d-Direttiva 2012/29 tirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu “valutazzjoni ta’ jekk vittmi bħal dawn ikunux f’riskju ta’ tali vittimizzazzjoni, intimidazzjoni u ritaljazzjoni […] b’reqqa partikolari u għandu jkun hemm preżunzjoni qawwija li dawk il-vittmi ser jibbenefikaw minn miżuri speċjali ta’ protezzjoni” (90)?

101. Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 1 tal-Karta, intitolat “Is-dinjità tal-bniedem”, “[i]d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta”. Barra minn hekk, għalkemm mingħajr saħħa legali, id-dikjarazzjoni mal-Artikolu 8 tat-Trattat FUE (91) tafferma r-rieda politika tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra kull forma ta’ vjolenza domestika.

102. Fit-tielet lok, l-Istati Membri, kemm fil-livell internazzjonali (92) kif ukoll dak nazzjonali, jirrikonoxxu dejjem iktar l-importanza li jilleġiżlaw fuq il-vjolenza domestika u l-vjolenza fil-familja.

103. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 59(1) tal-Konvenzjoni ta’ Istambul (93) jistabbilixxi li l-“Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri legiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa sabiex jiżguraw li l-vittmi li l-istatus ta’ residenza tagħhom jiddependi minn dik tal-konjugi jew tas-sieħeb kif rikonoxxut mil-liġi interna, f’każ ta’ xoljiment taż-żwieġ jew relazzjoni, jingħataw, f’każ ta’ ċirkostanzi partikolarment diffiċli, fuq applikazzjoni, permess ta’ residenza awtonomu irrispettivament mit-tul taż-żwieġ jew ir-relazzjoni. Il-kondizzjonijiet konnessi ma’ l-għoti u t-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu jiġu stabbiliti b’liġi nazzjonali” (94).

104. Ċertament, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-għoti ta’ permess ta’ residenza lill-vittmi ta’ vjolenza domestika ma huwiex awtomatiku u jista’ jkun suġġett għal kundizzjonijiet li huma l-leġiżlaturi tal-Istati Membri li għandhom, b’mod partikolari, jistabbilixxu, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom (95), jew, fil-każ ta’ adeżjoni tal-Unjoni ma’ din il-konvenzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni. Madankollu, jirriżulta wkoll li l-leġiżlaturi nazzjonali ma jistgħux jissuġġettaw l-għoti ta’ tali permess ta’ residenza għal kundizzjoni bbażata fuq it-tul taż-żwieġ jew tar-relazzjoni.

105. L-Artikolu 59(3) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi, fir-rigward tiegħu, li permess ta’ residenza li jiġġedded jinħareġ lill-vittmi meta l-awtorità kompetenti tikkunsidra li r-residenza tagħhom hija meħtieġa jew fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tagħhom jew għall-iskop tal-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri kriminali. Skont ir-rapport ta’ spjegazzjoni tal-konvenzjoni, din id-dispożizzjoni tkopri, b’mod partikolari, il-każijiet fejn is-sitwazzjoni personali tal-vittma hija tali li ma jistax ikun raġonevolment mitlub li titlaq mit-territorju. Dan ir-rapport jispjega li l-kriterju tas-sitwazzjoni personali tal-vittma għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ diversi fatturi, fost oħrajn is-sigurtà tal-vittma, il-kundizzjoni ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni tal-familja tagħha jew is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha(96).

106. Minn dan l-eżami fil-qosor tal-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jirriżulta li, fil-qafas ta’ din il-konvenzjoni, is-setgħa tal-partijiet li jiffissaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu hija akkumpanjata mid-dmir li titqies, fl-applikazzjoni konkreta ta’ dawn il-kundizzjonijiet, is-sitwazzjoni speċifika tal-vittma u li jinħareġ permess ta’ residenza meta din is-sitwazzjoni teħtieġ hekk.

107. Minkejja dan kollu, għalkemm il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, għalissa (97), ma għandhiex impatt dirett fuq l-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, dan ma jistax ikun il-każ tal-iżviluppi legali li din timplika u li jixprunaw il-bidliet politiċi u soċjali relatati mal-protezzjoni tal-vittmi ta’ vjolenza domestika. Fil-fatt, sa fejn l-Artikolu 59(1) ta’ din il-konvenzjoni jippermetti lill-vittmi li jiksbu l-protezzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet mingħajr biża’ li l-awtur, bi tpattija, jirtira jew jhedded li jirtira t-tgawdija tar-residenza taħt il-kontroll tiegħu (98), jidhirli li ma jkunx koerenti, kemm jekk l-Unjoni taderixxi ma’ din il-konvenzjoni jew inkella le (99), li jiġi injorat ir-riskju ta’ “rikatt ta’ divorzju” jew ta’ “rikatt mill-bidu” fl-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, dan ikollu l-konsegwenza li jipprevjeni lill-vittmi milli jibbenefikaw mill-protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-iskop tagħha huwa preċiżament li tipproteġi l-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li b’mod partikolari kien “vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata”, filwaqt li jinżamm id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti.

108. Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. Għalhekk ser nipproċedi biex neżamina l-kwistjoni ta’ validità.

C.      Fuq id-domanda preliminari

109. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

110. B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tad-domanda u mill-ispjegazzjonijiet relatati magħhom li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dik id-dispożizzjoni hijiex invalida sa fejn hija tissuġġetta, fil-każ ta’ divorzju, ta’ annullament taż-żwieġ jew ta’ tmiem ta’ sħubija rreġistrata, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa vittma ta’ vjolenza domestika għall-kundizzjoni, b’mod partikolari, li jkollu riżorsi suffiċjenti filwaqt li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 ma jissuġġettax, fil-każ ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għal din il-kundizzjoni. Dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

1.      Fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali 

111. Għandi dubji dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta, bħal fil-każ preżenti, għandu jiġi eżaminat jekk is-sistema stabbilita mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni hijiex inqas favorevoli minn dik stabbilita mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz konjuġi ta’ ċittadin ieħor ta’ pajjiż terz.

112. Rigward l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, nosserva li ma hemm l-ebda rabta bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża u l-lista miftuħa ta’ raġunijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (100). Fil-fatt, infakkar, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 japplika għal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, u dan mingħajr kwalunkwe distinzjoni bbażata fuq ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk, peress li d-differenza fit-trattament li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi hija bbażata fuq in-nazzjonalità, jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamenatali li din id-dispożizzjoni hija irrilevanti fil-każ preżenti.

113. Fir-rigward tal-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dan jikkorrispondi, skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (101), għall-ewwel paragrafu, tal-Artikolu 18 TFUE u għandu japplika skont din id-dispożizzjoni tat-Trattat FEU (102). Issa, kif diġà għamlitha ċara l-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE ma huwiex maħsub li japplika fil-każ ta’ differenza eventwali fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u ċittadini ta’ pajjiżi terzi (103). Għaldaqstant, l-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa wkoll irrilevanti meta għandha tiġi eżaminata, kif mitlub mill-qorti tar-rinviju, il-legalità ta’ differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38 u ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma konjuġi ta’ ċittadin ieħor ta’ pajjiż terz li bbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja skont id-Direttiva 2003/86.

114. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, min-naħa tiegħu, huwa partikolarment wiesa’. Fil-fatt, dan l-artikolu, li jipprovdi li l-persuni kollha huma ugwali quddiem il-liġi, ma jipprevedi ebda limitazzjoni speċifika tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u għalhekk japplika għas-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni (104), bħal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38. Għalhekk, inqis li huwa biss fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li għandha tiġi evalwata l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38.

2.      Fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

115. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata differenzazzjoni (105). Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, huwa neċessarju li s-sitwazzjonijiet eżaminati jkunu komparabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, billi huwa mifhum li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, prinċipji u għanijiet tal-qasam li fih jaqa’ dak l-att (106). Fil-fatt, sa fejn is-sitwazzjonijiet ma humiex komparabbli, differenza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (107).

116. Hija preċiżament il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet f’dan il-każ li issa ser nikkunsidra.

a)      Fuq jekk is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-qafas tad-Direttiva 2004/38 hijiex komparabbli ma’ dik ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa konjuġi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ieħor fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2003/86

117. F’din il-kawża, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza dderivat, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa matul iż-żwieġ tiegħu minn konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni, u li jaqa’ taħt il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li kien vittma ta’ atti bħal dawn imwettqa matul iż-żwieġ tiegħu minn konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, u li jaqa’ taħt l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86.

118. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan komuni li għandu jintlaħaq minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, is-sitwazzjonijiet imsemmija f’dan il-każ huma komparabbli. Il-Gvern Belġjan, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni konvenuta, min-naħa tagħhom, huma tal-fehma opposta.

119. Sabiex tiġi evalwata l-komparabbiltà ta’ dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-prinċipji u l-għanijiet tal-oqsma koperti mid-Direttivi 2004/38 u 2003/86.

1)      Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-politika komuni dwar id-dritt tal-immigrazzjoni: żewġ oqsma differenti bi prinċipji u għanijiet distinti

120. Ser infakkar fil-qosor id-differenzi li jeżistu fit-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-bażijiet legali li, fit-Trattati, jirregolaw l-adozzjoni ta’ atti leġislattivi li jiddefinixxu, minn naħa, l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, l-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni.

121. L-ewwel nett, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (108), l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri li hija prevista fl-Artikolu 4(2)(j) TFUE. L-għanijiet u l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza huma speċifikati fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. L-Artikolu 67(2) TFUE jipprovdi li l-Unjoni tiżgura l-assenza ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni u biex tiżviluppa, b’mod partikolari, politika komuni fil-qasam tal-immigrazzjoni u ta’ kontroll tal-fruntieri esterni, li hija bbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u li hija ġusta fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz. Barra minn hekk, l-Artikolu 79(1) TFUE jipprovdi li l-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha l-għan li tiżgura ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji, trattament ġust taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri, kif ukoll prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda msaħħa kontrihom. Għalhekk, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tapplika għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura msemmija fl-Artikolu 79(2) TFUE.

122. Sussegwentement, il-kompetenza tal-Unjoni fi kwistjonijiet ta’ migrazzjoni hija kompetenza ta’ armonizzazzjoni. Għalhekk, l-effett ta’ prelazzjoni jew ta’ prijorità tal-eżerċizzju tiegħu fuq il-kompetenza tal-Istati Membri jvarja skont il-portata eżatta u l-grad ta’ intervent tal-Unjoni (109). Regoli komuni huma għalhekk adottati permezz ta’ direttivi (110) li l-Istati Membri huma obbligati jittrasponu, iżda dawn jistgħu jilleġiżlaw fuq il-kwistjonijiet mhux koperti mid-dritt tal-Unjoni u għandhom ukoll il-possibbiltà li jidderogaw mir-regoli komuni sa fejn dan id-dritt jippermetti dan. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri jżommu, bħala prinċipju, il-kompetenzi tagħhom fil-qasam tad-dritt tal-immigrazzjoni.

123. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tal-moviment liberu tal-persuni. Fil-fatt, fir-rigward tad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri kollha li ċ-ċittadini tal-Unjoni jisiltu direttament mill-Artikolu 20(2)(a) TFUE u mill-Artikolu 21(1) TFUE, il-marġni ta’ diskrezzjoni disponibbli għall-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni ma tistax taffettwa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jew mal-libertà ta’ moviment, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw mhux biss is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni iżda wkoll dik taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familji tagħhom. Il-kuntrarju jkun ovvjament irrikonċiljabbli mat-twaqqif ta’ suq intern, li jimplika li “l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru, li tiegħu hu m’għandux iċ-ċittadinanza, ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha (111)”.

124. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-istatus ġuridiku rrikonoxxut liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas tad-direttivi li jirriżultaw mill-politika komuni dwar id-dritt tal-immigrazzjoni u l-istatus taċ-ċittadini tal-Unjoni u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familji tagħhom huma differenti u huma bbażati fuq loġika legali distinta (112). Fil-fatt, inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, il-portata tal-kopertura u tal-protezzjoni żgurata mid-dritt tal-Unjoni dderivat ma hijiex l-istess fiż-żewġ tipi ta’ status: fir-rigward tad-dritt tal-immigrazzjoni tal-Unjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz ma jgawdix l-istess drittijiet bħal ċittadin tal-Unjoni (113). Din id-distinzjoni għandha wkoll effett fuq l-istatus ġuridiku tal-membri tal-familja ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ suġġetti tad-dritt, b’mod partikolari fil-qafas tas-sistemi stabbiliti mid-Direttivi 2003/86 u 2004/38.

125. F’dan ir-rigward, id-duttrina tqis li d-distinzjoni magħmula mit-Trattati bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija iktar minn waħda semantika, minħabba li tirrifletti “qasma kostituzzjonali fundamentali fil-qalba tal-proġett Ewropew” sa fejn tiżvela distinzjoni fundamentali bejn id-drittijiet għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom u l-assenza ta’ garanziji ekwivalenti fil-livell tat-Trattati għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (114) fil-qafas tal-politika komuni dwar id-dritt tal-immigrazzjoni.

126. Minn dawn id-differenzi fil-prinċipji u fl-għanijiet tal-oqsma kkonċernati jirriżulta li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni ma humiex, fil-prinċipju, komparabbli. Madankollu, sabiex nikkompleta l-eżami tal-komparabbiltà ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, issa ngħaddi għall-analiżi tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq rispettivament mid-Direttivi 2003/86 u 2004/38.

2)      Id-Direttivi 2003/86 u 2004/38: żewġ sistemi differenti bbażati fuq skopijiet distinti

i)      Is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/86

127. Id-Direttiva 2003/86 tidħol fil-qafas tal-missjoni fdata lill-Unjoni permezz tal-Artikolu 79 TFUE (115). B’mod iktar speċifiku, din id-direttiva kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-punt 3(a) tal-Artikolu 63 tat-Trattat KE, li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, sar l-Artikolu 79(2)(a) TFUE, li jikkonċerna l-politika komuni dwar l-immigrazzjoni. Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2003/86 huwa li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom huwa eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri (116). Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 4 li l-għan ġenerali ta’ din id-direttiva huwa li tiffaċilita l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri billi tippermetti ħajja ta’ familja permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja (117).

128. F’dan il-kuntest, infakkar, l-ewwel nett, li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fil-kuntest tad-Direttiva 2003/86 huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti li jikkonċernaw kemm l-isponsor kif ukoll il-konjuġi tiegħu. Għalhekk, fis-sistema stabbilita minn din id-direttiva, din tapplika, konformement mal-Artikolu3(1) tagħha, meta l-isponsor huwa d-detentur ta’ permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru b’perijodu ta’ validità itwal jew ugwali għal sena, u għandu perspettiva fondata li jikseb dritt ta’ residenza permanenti. F’dan il-każ, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi li l-Istati Membri jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tal-konjuġi tal-isponsor, konformement ma’ din id-direttiva u bla ħsara tal-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu IV u fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

129. Sussegwentement, fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-isponsor, għandu jitfakkar li, meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob mill-konjuġi li jkun ippreżenta l-applikazzjoni sabiex jipproduċi l-prova li l-isponsor għandu akkomodazzjoni, assigurazzjoni għall-mard u riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tiegħu stess u dawk tal-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jkollu jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat (118). F’dan ir-rigward, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’, b’mod partikolari, tirtira l-awtorizzazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja meta l-isponsor ma jkollux iktar riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 (119). Barra minn hekk, l-Istat Membru jista’ jitlob li l-isponsor ikun irrisjeda legalment fit-territorju tiegħu għal perijodu li ma jistax jaqbeż is-sentejn qabel ma jingħaqdu miegħu il-membri tal-familja tiegħu (120) u li jkollu riżorsi biżżejjed sabiex jipprovdi għall-bżonnijiet tal-familja tiegħu matul is-soġġorn tagħha fit-territorju tagħhom, jiġifieri sakemm il-membri tal-familja jiksbu permess ta’ residenza indipendenti minn dak tal-isponsor (121).

130. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-membri tal-familja li għalihom tintalab ir-riunifikazzjoni tal-familja, l-Istat Membru jista’, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86, jitlob liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ integrazzjoni (122), fl-osservanza tad-dritt nazzjonali.

131. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86, nirrileva li mill-premessa 15 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dan l-artikolu għandu l-għan li jippromwovi l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma konjuġi ta’ ċittadin ieħor ta’ pajjiż terz f’każ ta’ tmiem taż-żwieġ. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, b’mod partikolari fil-każ ta’ divorzju jew separazzjoni, jista’ jinħareġ permess ta’ residenza awtonomu, jekk meħtieġ wara talba, lill-persuni li jkunu daħlu minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu f’każ ta’ sitwazzjoni partikolarment diffiċli. F’dan ir-rigward, ta’ min jippreċiża li, skont l-Artikolu 15(4) tal-istess direttiva, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti u għat-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu huma ddefiniti mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bl-introduzzjoni ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/86, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika li ħalla għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza awtonomu lil ċittadin ta’ pajjiż terz (123). Fl-opinjoni tiegħi, din id-diskrezzjoni tikkonċerna l-għoti ta’ dritt ta’ residenza awtonomu fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva.

132. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jiċħdu t-talba għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja jew, jekk meħtieġ, sabiex jirtiraw il-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja jew jirrifjutaw li jġedduh “fejn l-isponsor u l-membru(i) tal-familja tiegħu/tagħha ma jgħixux jew m’għadhomx jgħixu f’relazzjoni reali ta’ żwieġ jew familja (124).

133. Madankollu, l-irtirar jew ir-rifjut ta’ tiġdid ma jistax iseħħ awtomatikament. Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mill-użu tal-kliem “jistgħu [...] jirtiraw” f’dik id-dispożizzjoni li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni dwar dan l-irtirar. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-ewwel jagħmel eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni tal-membru tal-familja kkonċernata, billi jagħmel evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi preżenti kollha (125). Flimkien ma’ dan, għandhom jiġu adottati miżuri sabiex jiġi rtirat il-permess ta’ residenza b’konformità mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta (126).

134. B’hekk, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlatur tal-Unjoni (127). Dan jimplika, kif ġustament indikat il-Kummissjoni, li, anki meta l-awtoritajiet nazzjonali jissuġġettaw l-għoti ta’ titlu awtonomu – fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 – għal kundizzjonijiet sostanzjali, huma għandhom jirrilassaw, jew saħansitra ma japplikawx, dawn il-kundizzjonijiet jekk, fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jew ir-rekwiżit li ma jiġux kompromessi l-għanijiet tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jimponu dan (128).

135. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terz dritt ta’ residenza dderivat, iżda li jiggarantixxilhom il-possibbiltà li japplikaw għal permess ta’ residenza li l-għoti tiegħu kif ukoll iż-żamma tiegħu huma mfassla minn regoli intiżi li jistabbilixxu modalitajiet komuni għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Meta għamel dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni żgura l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-migrazzjoni billi bbaża fuq il-kompetenza mogħtija mill-Artikolu 79 TFUE.

ii)    Is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2004/38

136. Id-Direttiva 2004/38 kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 12, 18, 40, 44 u 52 tat-Trattat KE (rispettivament issa l-Artikoli 18, 21, 46, 50 u 59 TFUE) u għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali – mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE – li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll sabiex jissaħħaħ dan id-dritt. Il-premessa 5 ta’ din id-direttiva tenfasizza li, biex ikun jista’ jiġi eżerċitat taħt kundizzjonijiet oġġettivi ta’ dinjità, dan id-dritt għandu jingħata wkoll lill-membri tal-familji ta’ dawn iċ-ċittadini, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom (129). B’mod partikolari, id-dritt ta’ residenza dderivat tal-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt taż-żwieġ ma’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu (130).

137. F’dan il-kuntest, is-sistema prevista mid-Direttiva 2004/38 tirregola l-eżerċizzju tal-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu mill-mument tal-wasla tagħhom fl-Istat Membru ospitanti u, jekk ikun il-każ, sal-mument tat-tluq tagħhom minnu. Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti huwa għalhekk irregolat gradwalment minn din id-direttiva u jwassal għad-dritt ta’ residenza permanenti (131). B’hekk, l-ewwel nett, id-dritt ta’ residenza sa tliet xhur, previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni jew formalità għajr l-obbligu ta’ pussess ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport validu (132). Imbagħad, id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva (133). Fl-aħħar nett, id-dritt ta’ residenza permanenti (134) huwa previst fl-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familji tagħhom li jkunu rrisjedew legalment għal perijodu bla interruzzjoni ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (135).

138. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Artikolu 21(1) TFUE u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jagħtu l-ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Kwalunkwe dritt mogħti lil tali ċittadini mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma drittijiet idderivati mill-eżerċizzju tal-moviment liberu minn ċittadin tal-Unjoni (136). Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikoli 12 u 13 ta’ din id-direttiva, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni f’żewġ tipi differenti ta’ sitwazzjoni (137), jiġifieri, rispettivament, is-sitwazzjoni ta’ mewt jew it-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni u dik ta’ divorzju, ta’ annullament taż-żwieġ jew ta’ tmiem ta’ sħubija rreġistrata (138). Għalkemm dawn is-sitwazzjonijiet ma jaffettwawx id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru (139), l-istess ma japplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li għandhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex id-dritt ta’ residenza dderivat tagħhom jinżamm.

139. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari fil-każ ta’ divorzju, għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa konjuġi taċ-ċittadin tal-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà ppreċiżajt, sabiex iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu, dan għandu jidħol f’waħda mis-sitwazzjonijiet alternattivi previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva (140). Fil-każ li jkun għadu ma kisibx id-dritt ta’ residenza permanenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu, esklużivament fuq bażi personali, biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fih, b’mod partikolari dik li jkollu riżorsi suffiċjenti. Dawn il-kundizzjonijiet huma fil-fatt ekwivalenti għal dawk li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/38, il-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru għandu jissodisfa qabel ma jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti tiegħu (141).

140. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, huwa madankollu possibbli li, f’każijiet speċifiċi – b’mod partikolari meta, bħala riżultat ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa miċ-ċittadin tal-Unjoni kontra l-konjuġi tiegħu li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma tippermettix li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni jew tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità – l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirrilassaw, jew saħansitra possibbilment ma japplikawx, il-kundizzjonijiet ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk hija permessa ċerta flessibbiltà sabiex jintlaħqu s-sitwazzjonijiet li fihom il-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa vittma ta’ vjolenza domestika għandu jikseb il-kwalifiki meħtieġa sabiex isib impjieg.

141. F’dan ir-rigward infakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38, l-Istati Membri jistgħu japplikaw liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għall-persuni koperti minn dik id-direttiva. Hekk kif ġie ċċarat ukoll mill-Kummissjoni, dispożizzjoni jew prassi amministrattiva nazzjonali li tippermetti li jsiru flessibbli jew li ma jiġux applikati, f’każ konkret speċifiku fejn iċ-ċirkustanzi hekk jitolbu, il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari dik li tikkonsisti f’li jkun hemm riżorsi suffiċjenti, ma tistax titqies li tmur kontra l-għan ta’ dik id-direttiva. Għandu jitfakkar ukoll li l-premessa 15 tippreċiża li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li toffri protezzjoni ġuridika liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni li kienu vittmi ta’ vjolenza domestika, b’mod partikolari fil-każ ta’ divorzju.

142. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, minħabba n-natura kostituzzjonali tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament mit-Trattati – dritt li jibbenefika minn garanziji msaħħa u huwa maħsub sabiex isir permanenti fil-qafas tas-sistema stabbilita bid-Direttiva 2004/38 – huwa mhux biss konsistenti iżda wkoll leġittimu li, fil-każ ta’ divorzju, il-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz taċ-ċittadin tal-Unjoni jkun suġġett, sabiex iżomm id-dritt ta’ residenza dderivat tiegħu, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva, għal kundizzjonijiet tal-inqas ekwivalenti għal dawk imposti fuq il-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

143. Għalhekk, fid-dawl tad-differenzi kkonstatati, minn naħa, bejn is-sistemi stabbiliti mid-Direttivi 2003/86 u 2004/38 – li għandhom bażijiet legali u skopijiet distinti li jiġġustifikaw l-istatus legali differenti taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma konjuġi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra – u, min-naħa l-oħra, bejn l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 u dawk tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2043/86, għandu jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma humiex komparabbli.

b)      Konklużjoni preliminari

144. Minn eżami tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet f’dan il-każ jirriżulta li d-differenza bejniethom hija manifesta. Għalhekk, l-istatus legali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni huwa dderivat minn dritt iggarantit fil-livell kostituzzjonali mit-Trattati, u suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2004/38 li l-Istati Membri huma meħtieġa li josservaw. Min-naħa l-oħra, l-istatus taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma konjuġi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra huwa bbażat fuq kompetenza ta’ armonizzazzjoni, li jimplika li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2003/86. Għaldaqstant, id-drittijiet ibbażati fuq is-sistemi stabbiliti minn dawn iż-żewġ direttivi huma differenti.

145. Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għall-konklużjoni li ma hemm l-ebda komparabbiltà bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet inkwistjoni. Għalhekk, differenza fit-trattament taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi ta’ vjolenza domestika min-naħa tal-konjuġi tagħhom, skont jekk ibbenefikawx mir-riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni jew ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz, ma tiksirx id-dritt għal “ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”, sanċita fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’sitwazzjoni waħda jew oħra.

V.      Konklużjoni

146. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) kif ġej:

L-eżami tad-domanda preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3      ĠU 2016, C 202, p. 389.


4      Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).


5      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015 (C‑218/14, EU:C:2015:476).


6      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016 (C‑115/15, EU:C:2016:487).


7      Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 1458.


8      It-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 42 quater tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 jidher li jittrasponi l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38.


9      Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi (C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 8); tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 30), kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 44).


10      Sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 71).


11      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016 (C‑115/15, EU:C:2016:487).


12      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços (C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 25). Ara, ukoll, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 50).


13      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016 (C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 48).


14      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016 NA (C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 50).


15      Permezz ta’ sentenza tat-tribunal de première instance de Tournai (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Tournai, il-Belġju).


16      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016 (C‑115/15, EU:C:2016:487).


17      F’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma setax jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza dderivat bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, u dan irrispettivament minn jekk jistax jew le juri li jissodisfa, qabel ma jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-kundizzjoni li jkollu riżorsi suffiċjenti stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva, liema kundizzjoni hija fil-qalba tad-domanda preliminari ta’ validità magħmula mill-qorti tar-rinviju.


18      Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016 (C-115/15, EU:C:2016:487).


19      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C‑149/10, EU:C:2010:534, punt 43), u tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 44).


20      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016 (C‑115/15, EU:C:2016:487).


21      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015 (C‑218/14, EU:C:2015:476).


22      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015 (C‑218/14, EU:C:2015:476).


23      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 48). Il-korsiv huwa tiegħi.


24      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Singh et, (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 5). Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691) u għandu jiġi nnutat li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza Singh et sa fejn Y. Iida ma kienx jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti tal-konjuġi tiegħu iżda fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ din tal-aħħar u, konsegwentement, ma setax jingħata dritt ta’ residenza fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38.


25      Sentenza tas-16 ta’ 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 62).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 66).


27      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 70 u d-dispożittiv). Fil-punt 68 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, f’każ bħal dan, id-dritt nazzjonali jista’ madankollu jagħti protezzjoni iktar estensiva liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.


28      Ara, għal kritika ta’ din is-sentenza, Strumia, F., “Divorce immediately, or leave. Rights of third country nationals and family protection in the context of EU citizens’ free movement : Kuldip Singh and Others”, Common Market Law Review, 2016, vol. 53(5), p. 1373 sa 1393.


29      Il-korsiv huwa tiegħi. Ninnota li din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax is-sena, fost it-tlieta li ż-żwieġ għandu jdum qabel il-bidu tal-proċeduri ġudizzjarja jew it-tmiem, li matulha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkun irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti.


30      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 48). Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Dan l-aspett huwa importanti sabiex tinftiehem sewwa l-portata tas-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487) u r-raġunijiet li għalihom inqis li huwa neċessarju li jsir aġġornament tal-ġurisprudenza bbażata fuq din is-sentenza.


32      Jiġifieri, inklużi l-punti (a) sa (d).


33      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476).


34      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 67). Il-korsiv huwa tiegħi


35      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:306, punt 25 u 26): “Skont il-kliem tiegħu, l-Artikolu 13 la jeżiġi li ċ-ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu jibqgħu jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti sal-għeluq tal-proċedura ta’ divorzju, u lanqas li l-proċedura ta’ divorzju tiżvolġi u tintemm f’dan l-Istat.” Madankollu, l-Avukat Ġenerali Kokott sussegwentement ippreċiżat li “jekk l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/38 ma jiġux applikati separatament iżda konġuntament, l-Artikolu 13, skont interpretazzjoni bbażata strettament fuq il-kliem tiegħu, ma jistax jagħti lok għall-ġustifikazzjoni taż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma ddivorzjati. Il-korsiv huwa tiegħi. Ara, f’dan ir-rigward, Briddick, C., “Combatting or Enabling Domestic Violence? Evaluating the Residence Rights of Migrant Victims of Domestic Violence in Europe”, International and Comparative Law Quarterly, vol. 69(4), 2020, p. 1013 sa 1034, b’mod partikolari p. 1021, u, tal-istess awtur, “Secretary of State for the Home Department v NA”, Journal of Immigration Asylum and Nationality Law, 2016, vol. 30(4), p. 368 sa 374.


36      Se nindirizza din il-kwistjoni f’iktar dettall fil-kuntest tal-analiżi tas-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487). Ara l-punti 53 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 67).


38      Nifhem it-“tluq bil-ħsieb ta’ divorzju, annullament ta’ żwieġ jew tmiem ta’ sħubija rreġistrata” fis-sens li, immedjatament wara li jitlaq mill-Istat Membru ospitanti, il-konjuġi li huwa ċittadin tal-Unjoni jibda proċeduri għal divorzju, għal annullament taż-żwieġ jew għal tmiem ta’ sħubija fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jew fi Stat Membru ieħor (ħlief fil-każ fejn il-liġi applikabbli għad-divorzju, għall-annullament taż-żwieġ jew għat-tmiem ta’ sħubija teħtieġ ċertu perijodu ta’ waqfien tal-komunità tal-ħajja jew perijodu ta’ riflessjoni qabel ma jiġi ddikjarat id-divorzju). Jista’ jinftiehem ukoll bħala tluq marbut mal-okkorrenza ta’ ċerti fatti li jiġġustifikaw id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ jew it-tmiem ta’ sħubija, bħall-fatt, b’mod partikolari, li “tkun vittma ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata” Għalhekk, it-tluq marbut ma’ dawn il-fatti għandu jitqies bħala tluq bil-ħsieb ta’ divorzju, annullament jew tmiem ta’ sħubija.


39      Ara, f’dan ir-rigward, Strumia, F., op. cit., p. 1381. Ara, ukoll, il-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Dan huwa wkoll il-każ ta’ N. Chenchooliah fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 43). Kif jirriżulta mill-qafas fattwali stabbilit mill-qorti tar-rinviju, “[i]ċ-ċittadin tal-Unjoni rritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, f’dan il-każ biex jiskonta piena ta’ priġunerija hemmhekk”.


41      B’mod partikolari, biex jingħata trattament mediku debitament iċċertifikat jew li temporanjament jieħu ħsieb membru tal-familja li jbati minn marda gravi.


42      Fir-rigward taż-żamma tal-karta ta’ residenza f’każ ta’ assenzi temporanji, ara l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/38.


43      Ara l-punti 62 u 63 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Waqt li qajmet il-każ tal-konjuġi li jgħixu u jaħdmu fi Stati Membri differenti, l-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:306, punt 48) tgħid li “tibqa’ inkoerenza fis-sistema tad-Direttiva 2004/38. Wara t-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni, il-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, fil-każ li ma jakkumpanjahx minħabba pereżempju, raġunijiet professjonali u ma jiħux ħsieb il-wild komuni tagħhom, jitlef id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru li sa dak il-punt kien l-Istat Membru ospitanti, u dan saħansitra fil-każ ta’ żwieġ intatt. filwaqt li jekk iż-żwieġ ifalli u huwa jista’ jikseb divorzju fi żmien xieraq, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/3.” Il-korsiv huwa tiegħi.


45      F’dan ir-rigward, kif kiteb l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ogieriakhi (C‑244/13, EU:C:2014:323, punt 42): “Li jiġi rikjest mill-persuni kkonċernati li jgħixu b’mod permanenti taħt l-istess saqaf, fil-fehma tiegħi dan ikun jikkostitwixxi ndħil fil-ħajja privata u familjari tagħhom, li jmur kontra l-Artikolu 7 tal-[Karta]. L-awtoritajiet statali ma għandhomx ir-rwol li jimponu kunċett ta’ ħajja għal koppja jew mod ta’ għajxien partikolari għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn jew għall-membri tal-familja tagħhom, u dan wisq aktar meta tali rekwiżit ma jkunx jeżisti għaċ-ċittadini tagħhom” (il-korsiv huwa tiegħi). Għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot jikkonċernaw ir-rekwiżit li jkun hemm il-koabitazzjoni fl-istess akkomodazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta' Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), jidhirli li mill-perspettiva tad-dritt fundamentali għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, dawn jistgħu jiġu trasposti wkoll għas-sitwazzjonijiet li fihom il-konjuġi jgħixu separatament, b’mod partikolari għal raġunijiet professjonali, ta’ saħħa jew raġunijiet analogi oħra.


46      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:306, punt 49).


47      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015 (C‑218/14, EU:C:2015:476).


48      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015 (C‑218/14, EU:C:2015:476).


49      B’mod partikolari, skont id-dritt Pollakk, l-għoti tad-divorzju huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni ta’ bidla fir-rabta konjugali li għandha tkun definittiva u dejjiema u dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (l-Artikolu 56(1) tal-Kodiċi tal-Familja u tat-Tutela (CFT)); skont id-dritt Franċiż, id-divorzju għal bidla definittiva tar-rabta konjugali jista’ jintalab minn konjuġi fil-każ tal-waqfien tal-komunità tal-ħajja għal sentejn fid-data tat-talba għad-divorzju, li jimplika assenza ta’ koabitazzjoni u rieda ta’ firda; skont id-dritt Finlandiż, il-konjuġi għandhom id-dritt li jiksbu d-divorzju wara perijodu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur, iżda huwa possibbli li jiddivorzjaw mingħajr ma josservaw dan il-perijodu meta l-konjuġi ma jkunux għexu flimkien għal sentejn fid-data tat-tressiq tat-talba għad-divorzju; fid-dritt Ġermaniż, konformement mal-Artikolu 1566 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), iż-żwieġ huwa preżunt b’mod inkonfutabbli li falla mill-qorti wara ċertu perijodu ta’ separazzjoni, meta l-konjuġi jitolbu t-tnejn id-divorzju u jkunu diġà għexu separati għal sena, jew konjuġi jitlob id-divorzju u l-ieħor jaqbel, u li t-tnejn diġà ilhom jgħixu separati għal sena, jew konjuġi jitlob id-divorzju u l-ieħor ma jaqbilx, iżda s-separazzjoni tkun diġà ilha għaddejja għal tliet snin. Skont l-Artikolu 1565(2) tal-Kodiċi Ċivili, jekk il-konjuġi ma jkunux ilhom separati għal sena, iż-żwieġ jista’ jiġi xolt biss f’ċerti każijiet eċċezzjonali, pereżempju jekk il-kontinwazzjoni taż-żwieġ ma hijiex aċċettabbli għall-konjuġi li jitlob id-divorzju għal raġunijiet attribwibbli lill-persuna tal-konjuġi l-ieħor (abbuż fiżiku mill-konjuġi l-ieħor, pereżempju). Fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali oħra, ara wkoll “Divorzju”, Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, disponibbli fl-indirizz https://e-justice.europa.eu/content_divorce-45-mt-mt.do?init=true&member=1 (aġġornat l-aħħar fis-26 ta’ Ottubru 2020).


50      Sentenzi tat-13 ta’ Frar 1985, Diatta (267/83, EU:C:1985:67, punt 20), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Ogieriakhi (C‑244/13, EU:C:2014:2068, punt 37).


51      Ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament 1612/68, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Ogieriakhi (C‑244/13, EU:C:2014:2068, punt 47 u d-dispożittiv).


52      Ara l-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2001) 257 final, ĠU 2001, C 270 E, p. 150).


53      Il-korsiv huwa tiegħi.


54      Sentenza tas-16 ta’ Lulju  2015 (C‑218/14, EU:C:2015:476).


55      Fid-dawl tat-tul ta’ ċerti proċeduri nazzjonali ta’ separazzjoni legali, ta’ divorzju, ta’ annullament jew ta’ tmiem tas-sħubija rreġistrata, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, pereżempju, proċedura ta’ divorzju mibdija xi żmien wara t-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti tistax titqies bħala tluq bil-ħsieb ta’ divorzju fis-sens tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Sentenza tat-30 ta Ġunju 2016 (C‑115/15, EU:C:2016:487, punti 48 u 49).


57      Il-qorti tar-rinviju kienet spjegat: “Fil-5 ta’ Diċembru 2006, huwa talab lill-Aġenzija tal-Fruntieri Brittanika sabiex tikkanċella l-permess ta’ residenza ta’ NA, għar-raġuni li huwa kien stabbilixxa ruħu b’mod permanenti fil-Pakistan u talab li jkun infurmat bil-kanċellazzjoni tal-karta ta’ residenza tal-konjuġi tiegħu.”


58      NA kienet applikat ukoll sabiex tikseb dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit, iżda din it-talba kienet ġiet miċħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487, punti 15 sa 22).


59      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 49).


60      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487, punti 15 sa 22).


61      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 51).


62      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015 (C‑218/14, EU:C:2015:476).


63      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016 (C‑115/15, EU:C:2016:487).


64      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015 (C‑218/14, EU:C:2015:476).


65      Ara l-punti 44, 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2016, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 48). Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67      Ara l-punti 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela (C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


69      Din hija wkoll l-opinjoni aċċettata komunement fid-duttrina. Ara, b’mod partikolari, Gazin, F., “Iż-żamma ta’ dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma’ ċittadin Ewropew fil-preżenza tat-tfal u fil-każ ta’ divorzju u ta’ vjolenza domestika mwettqa waqt iż-żwieġ: il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-interpretazzjoni stretta tagħha tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38/KE li timblokka l-aċċess għad-dritt ta’ residenza fuq bażi individwali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi iżda taċċetta li tirrikonoxxi lil dawn iċ-ċittadini dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tar-Regolament 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u tal-Artikolu 21 TFUE” [traduzzjoni libera], Europe,  2016, Settembru Comm. nru 8‑9, p. 28 u 29; Peers, S., “Domestic violence and free movement of EU citizens: a shameful CJEU ruling”, 2016, disponibbli fl-indirizz http://eulawanalysis.blogspot.com/2016/07/domestic-violence-and-free-movement-of.html; Barbou des Places, S., “Le droit de séjour des ressortissants d’États tiers ayant la garde effective d’enfants citoyens de l’Union”, Revue critique de droit international privé, 2017, nru 1, p. 45; Oosterom-Staples, H., “Residence Rights for Caring Parents who are also Victims of Domestic Violence”, European Journal of Migration and Law, 2017, vol. 19(4), p. 396 sa 324; u Gyeney, L., “Sensitive Issues before the European Court of Justice – The Right of Residence of Third Country Spouses Who Became Victims of Domestic Violence, as Well as Same-Sex Spouses in the Scope of Application of the Free Movement Directive (Legal Analysis of the NA and Coman Cases)”, Hungarian Yearbook of International Law and European Law, 2017, nru 1, p. 211 sa 256.


70      Il-korsiv huwa tiegħi. Kif osserva l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża NA (C‑115/15, EU:C:2016:259, punt 66), “[g]ħalhekk, neċessarjament teżisti differenza fiż-żmien bejn il-vjolenza domestika, element li jiskatta d-dispożizzjoni, u d-divorzju”.


71      Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM (2001) 257 final, p. 150) tindika: “Id-dritt mogħti minn din id-dispożizzjoni huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet alternattivi, jiġifieri: a) jew tul ta’ żmien […], b) jew li l-kustodja […], ċ) jew li l-ħall taż-żwieġ ikun dovut għal sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Waħda hija biżżejjed biex tiskatta ż-żamma tad-dritt ta’ residenza). In-natura alternattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet kienet ġiet enfasizzata mill-Avukat Ġenerali Wathelet fil konklużjonijiet tiegħu fil-kawża NA (C‑115/15, EU:C:2016:259, punt 60).


72      Ara l-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ċċarat li “l-kliem użat fil-[punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2)] huwa vag [...] u għandu l-għan li jkopri b’mod partikolari sitwazzjonijiet ta’ vjolenza tal-familja” (COM(2001) 257 final, p. 150).


74      Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 32).


75      Il-korsiv huwa tiegħi.


76      Ara l-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2001) 257 final, p. 150). Il-korsiv huwa tiegħi.


77      Sakemm ma jkollhomx il-kustodja esklużiva ta’ wild minuri (ara l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38).


78      F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Wathelet iddikjara, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża NA (C‑115/15, EU:C:2016:259, punt 70): “[...] Tali riskju ta’ ‘theddida ta’ divorzju’ jew ta’ rifjut tad-divorzju jidhirli li huwa partikolarment preżenti f’kuntest ta’ vjolenza domestika. Fil-fatt, it-telf tad-dritt ta’ residenza dderivat għall-konjuġi ċittadin ta’ pajjiż terz, fil-każ ta’ tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni, jista’ jintuża bħala mezz ta’ pressjoni għall-oppożizzjoni għad-divorzju meta tali ċirkostanzi diġà huma ta’ natura li jwasslu għad-dgħufija psikoloġika tal-vittma u, fi kwalunkwe każ, għal biża mill-awtur tal-vjolenza.”


79      Ara l-punti 53 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80      Fir-rigward tal-każijiet fejn il-konjuġi jitlaq mill-Istat Membru ospitanti qabel ma jimmaterjalizza wieħed mix-xenarji previsti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, it-tluq temporanju taċ-ċittadin mill-Unjoni ma jinvolvix, għall-konjuġi li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, it-telf tad-dritt ta’ residenza dderivat fil-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38. Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 61 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża NA (C‑115/15, EU:C:2016:259, punti 61 u 62). Il-korsiv huwa tiegħi.


82      Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012, L 315, p. 57). Id-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ġiet stabbilita l-iktar tard, għas‑16 ta’ Novembru 2015. Bħala tfakkira, l-imsemmija direttiva “għandha l-għan li tpoġġi lill-vittma ta’ delitt fiċ-ċentru tas-sistema tal-ġustizzja kriminali u li ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità sabiex il-vittmi kollha jkunu jistgħu jgawdu l-istess drittijiet, irrispettivament minn fejn seħħ id-delitt, in-nazzjonalità tagħhom jew l-istatus ta’ residenza tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE (2016/2328(INI)). Din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew hija disponibbli fl-indirizz https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2018-0229_MT.html. Il-korsiv huwa tiegħi.


83      L-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2012/29 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “vittma” bħala “persuna fiżika li ġarrbet ħsara, inkluż dannu fiżiku, mentali jew emozzjonali jew telf finanzjarju, li kien direttament ikkawżat minn reat kriminali”.


84      Bħal tfal (premessa 14), nisa vittmi ta’ vjolenza sessista (premessi 6 u 17), persuni b’diżabbiltà (premessa 15), il-vittmi tat-terroriżmu (premessa 16), il-persuni LGBTI jew il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin (premessa 17) . B’mod partikolari, il-premessa 17 tad-Direttiva 2012/29 hija fformulata kif ġej: “Il-vjolenza diretta kontra persuna minħabba s-sess ta’ dik il-persuna, l-identità tas-sessi jew l-espressjoni tas-sessi jew li taffettwa lil persuni ta’ sess partikolari b’mod disproporzjonat, titqies bħala vjolenza abbażi tas-sessi. Din tista’ tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emozzjonali jew psikoloġika jew telf ekonomiku għall-vittma. Vjolenza abbażi tas-sessi titqies bħala forma ta’ diskriminazzjoni u ksur tal-libertajiet fundamentali tal-vittma u tinkludi vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib […]” (il-korsiv huwa tiegħi).


85      Ara l-premessi 17 u 18 tad-Direttiva 2012/29. Ara, ukoll, ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29 […], tal-14 ta’ Mejju 2018, A8-0168/2018, p. 15, punt 13: “[Il-Parlement Ewropew] ifakkar lill-Istati Membri li l-vittmi f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari għandu jkollhom ukoll aċċess għal drittijiet u servizzi, inklużi djar ta’ kenn u servizzi speċjalizzati […] bħal protezzjoni legali u appoġġ psikosoċjali u finanzjarju mill-Istati Membri, mingħajr il-biża’ li jiġu deportati; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu miżuri biex jiżguraw li dawn id-drittijiet u s-servizzi jsiru disponibbli mingħajr diskriminazzjoni; […] jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromulgaw leġiżlazzjoni li tipprovdi toroq [possibiltajiet] għal vittmi bi status ta’ residenza dipendenti biex jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ abbuż billi jagħmluha possibbli li jinkiseb status ta’ residenza indipendenti […]”. Disponibbli fl-indirizz https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-8-2018-0168_MT.pdf.


86      Skont il-premessa 18 tad-Direttiva 2012/29, “[m]eta l-vjolenza ssir f’relazzjoni mill-qrib, din issir minn persuna li tkun konjuġi jew sieħeb/sieħba attwali jew preċedenti jew membru ieħor tal-familja tal-vittma, kemm jekk l-awtur tar-reat jaqsam jew kien jaqsam l-istess dar mal-vittma u kemm jekk dan ma jaqsamx jew ma kienx jaqsam l-istess dar. Tali vjolenza tista’ tkopri vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika u tista’ tirriżulta f’dannu fiżiku, mentali jew ħsara emozzjonali jew telf ekonomiku. Il-vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib hija problema soċjali serja u ta’ spiss moħbija li tista’ tikkawża trawma psikoloġika u fiżika sistematika b’konsegwenzi qawwija minħabba li l-awtur ta’ ksur tkun persuna li l-vittma għandha tkun tista’ tafda […]”. Għalkemm dawn it-tipi ta’ vjolenza jirrigwardaw kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa, il-premessa18 tgħid li n-“nisa jiġu affettwati b’mod disproporzjonat minn dan it-tip ta’ vjolenza u s-sitwazzjoni tista’ tkun agħar jekk il-mara tkun dipendenti mill-awtur ta’ ksur ekonomikament, soċjalment jew fir-rigward tad-dritt ta’ residenza tagħha”. Il-korsiv huwa tiegħi.


87      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 19, Vol. 7, p. 69) “tintroduċi permess ta’ residenza maħsub għal vittmi tat-traffikar fil-bnedmin jew, fil-każ li Stat Membru jiddeċiedi li jestendi l-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali li lilhom il-permess ta’ residenza joffri inċentiv suffiċjenti sabiex ikun hemm koperazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti filwaqt li jiġu inklużi ċerti kondizzjonijiet għas-salvagwardja kontra l-abbuż”. Ara l-premessa 9 ta’ din id-direttiva.


88      Sentenzi tal-25 ta’ Lilju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 32). Ara, ukoll, il-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


89      Dan l-iskop jikkonsisti fl-offerta ta’ protezzjoni ġuridika, b’mod partikolari, lill-vittmi ta’ vjolenza domestika li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa marbut mar-rabta tal-familja rrappreżentata miż-żwieġ (jew is-sħubija) u li għalhekk jistgħu jsofru rikatt ta’ divorzju jew ta’ tluq. Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2004/38; COM(2001) 257 final, kif ukoll il-punti 82 sa 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


90      Ara l-premessa 57 tad-Direttiva 2012/29.


91      Dikjarazzjoni Nru 19 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2008, C 115, p. 345, u ĠU 2012, C 326, p. 347).


92      Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 2, 3 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti EDB tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Opuz vs It-Turkija (ECHR:2009:0609JUD003340102, punt 132): “Il-vjolenza domestika hija fenomenu li jista’ jieħu diversi forom – attakk fiżiku, vjolenza psikoloġika, insult – […]. Din hija problema ġenerali komuni għall-Istati Membri kollha, li mhux dejjem toħroġ fid-dawl minħabba li spiss isseħħ fil-kuntest ta’ relazzjonijiet personali jew fi       ċrieki ristretti, u li ma tikkonċernax esklużivament in-nisa. L-irġiel ukoll jistgħu jkunu s-suġġett ta’ vjolenza domestika, kif ukoll it-tfal, li spiss huma vittmi direttament jew indirettament […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-korsiv huwa tiegħi. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit‑18 ta’ Diċembru 1979 u li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Settembru 1981 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1249, p. 13). L-Unjoni ma hijiex parti f’din il-konvenzjoni.


93      Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta’ Istanbul), tal-11 ta’ Mejju 2011, Sensiela ta’ Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 210. Dwar l-adeżjoni possibbli tal-Unjoni f’din il-konvenzjoni, ara l-Opinjoni 1/19, Konvenzjoni ta’ Istanbul, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


94      Ara wkoll il-punt 1 et seq. tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, Sensiela tat-Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 210, disponibbli fl-indirizz https://rm.coe.int/16800d38c9: “Il-vjolenza fil-konfront tan-nisa, inkluża l-vjolenza domestika, huwa wieħed mill-iktar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq is-sess fl-Ewropa, u jibqa’ midfun f’kutra ta’ skiet. Il-vjolenza domestika – fir-rigward ta’ vittmi oħra bħat-tfal, l-irġiel u l-anzjani hija wkoll fenomenu mhux magħruf, li jaffettwa wisq familji biex jiġi injorat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-korsiv huwa tiegħi.


95      Skont il-punt 303 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul: “L-abbozzaturi kkunsidraw li huwa preferibbli li jħallu lill-partijiet jiddefinixxu, konformement mad-dritt intern tagħhom, taħt liema kundizzjonijiet u għal liema perijodu l-vittmi jistgħu jingħataw, fuq talba tagħhom, permess ta’ residenza awtonomu. Dan jimplika li jinħatru l-awtoritajiet kompetenti biex jiddeterminaw jekk ix-xoljiment tar-relazzjoni jsegwix il-vjolenza mġarrba mill-vittma u l-provi li għandhom jiġu prodotti. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, rapporti tal-pulizija, kundanna mogħtija minn qorti, ordni ta’ projbizzjoni jew ta’ protezzjoni, evidenza medika, digriet ta’ divorzju, rapporti tas-servizz soċjali jew rapporti ta’ NGO […] biex jissemmew biss ftit minnhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


96      Ara l-punt 307 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.


97      Is-sitwazzjoni tista’ tinbidel jekk l-Unjoni taderixxi magħha.


98      Ara l-punt 304 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.


99      Filwaqt li huwa veru li din il-konvenzjoni ma tapplikax f’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ adeżjoni tal-Unjoni, tista’ madankollu sservi bħala sors ta’ ispirazzjoni għall-interpretazzjoni tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38.


100      Fin-nuqqas ta’ tali rabta, id-duttrina tirreferi għal “relazzjoni ta’ sussidjarjetà” tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, ara  Bribosia, E., Rorive, I. u Hislaire, J., “Article 20. – Égalité en droit”, f’F. Picod, C. Rizcallah, u S. Van Drooghenbroeck (éd.), Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne. Commentaire article par article (it-tieni edizzjoni), Brussell, Bruylant, 2019, p. 533 : “[…] L-Artikolu 20 jista’ jintuża biex jivverifika l-konsistenza u r-razzjonalità, fir-rigward tal-għan segwit, ta’ kwalunkwe differenza fit-trattament, tkun xi tkun il-bażi tagħha.” Ara, ukoll, Bell, M., “Article 20 – Equality before the Law”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J. u Ward, A. (eds), The EU Charter of Fundamental Rights – A commentary, Oxford Hart Publishing, 2014, p. 563, b’mod partikolari, p. 577.


101      ĠU 2007, C 303, p. 17.


102      Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada), tat-30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 168).


103      Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada), tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 169), kif ukoll is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 52).


104      Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE‑Kanada), tat-30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).


105      Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger (C‑313/04, EU:C:2006:454, punt 33); tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 76), kif ukoll id-digriet tat‑26 ta’ Marzu 2020, Luxaviation (C‑113/19, EU:C:2020:228, punt 36).


106      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26); tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 42), kif ukoll tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 42).


107      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 84).


108      F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “d-dispożizzjonijiet applikabbli taż-żona Schengen jistipulaw espressament li dawn ma jaffettwawx il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom, kif iggarantit, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2004/38” (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Ryanair Designated Activity Company, C‑754/18, EU:C:2020:478, punt 40).


109      Il-Protokoll Nru 25 dwar l-Eżerċizzju ta’ Kompetenzi Kondiviżi (ĠU 2012, C 326, p. 307), anness mat-Trattati UE u FUE, jiddikjara li, “meta l-Unjoni tkun ħadet azzjoni f’ċertu qasam, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżerċizzju ta’ kompetenza jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att ta’ l-Unjoni konċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu”.


110      Huwa l-każ b’mod partikolari tad-Direttiva 2003/86.


111      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-25 ta’ Lulju 2008, (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 68).


112      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ryanair Designated Activity Company (C‑754/18, EU:C:2020:131, punt 34).


113      Madankollu, għandu jitfakkar li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu, fil-qasam tad-dritt dwar l-immigrazzjoni, b’mod partikolari jinvokaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn tapplika fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward tad-Direttiva 2003/86, ara b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 53).


114      Thym, D., “Legal Framework for EU Entry and Border Control Policies”, f’Hailbronner.K, u Thym (edituri), EU Immigration and Asylum Law. Commentary, it-tieni edizzjoni, München, Oxford, Baden-Baden, C.H. Beck/Har Publishing/Nomos, 2016, p. 272, b’mod partikolari, p. 285. Fl-istess xogħol, ara wkoll Hailbronner, K. u Thym, D., “Introduction EU Immigration and Asylum Law: Constitutional Framework and Principles for Interpretation”, op. cit., b’mod partikolari p. 4 : “L-awtonomija kunċettwali taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tikkonferma li d-dritt Ewropew dwar l-immigrazzjoni u l-ażil ma jirriproduċix is-sistema ta’ mobbiltà taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, id-dritt tal-immigrazzjoni u tal-ażil illum huwa kkaratterizzat minn ġabra ta’ diversi għanijiet stabbiliti fit-Trattati tal-Unjoni, li kienu ġew introdotti bit-Trattat ta’ Lisbona” [traduzzjoni libera].


115      Ara l-punt 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


116      Skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/86, din ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.


117      Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


118      Ara l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86. Il-korsiv huwa tiegħi.


119      Sentenza tal-21 ta’ April 2016, Khachab (C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


120      Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/86.


121      Ara l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2003/86. Ara wkoll l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Khachab (C‑558/14, EU:C:2015:852, punt 31).


122      Fuq l-obbligu li wieħed jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453).


123      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A (C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 49).


124      Il-korsiv huwa tiegħi. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1985, Diatta (267/83, EU:C:1985:67, punt 20), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Ogieriakhi (C‑244/13, EU:C:2014:2068, punt 37). Ara wkoll il-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


125      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


126      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 53). Ara, ukoll, il-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86.


127      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A (C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 51).


128      Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2003/86. Ara, ukoll, il-punt 131 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


129      Sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 31) u tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punti 31 u 32).


130      Ara l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu (3)(1) tad-Direttiva 2004/38.


131      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 38); tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 30), kif ukoll tas-17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018: 256, punt 51).


132      Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jinżamm sakemm iċ-ċittadini tal-Unjoni jew il-membri tal-familji tagħhom ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.


133      Fil-fatt, skont it-termini tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom għandhom dan id-dritt ta’ residenza jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, li għandhom l-għan li jevitaw li ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.


134      B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li d-dritt ta’ residenza permanenti ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva.


135      Madankollu, b’deroga mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, huwa previst dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu bla interruzzjoni ta’ ħames snin ta’ residenza, għall-ħaddiema li jkunu waqfu mill-attività tagħhom fl-Istat Membru ospitanti u l-membri tal-familja tagħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva.


136      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


137      Ara l-punti 54 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


138      Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38, il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, jiksbu dritt ta’ residenza permanenti wara li jkunu rrisjedew legalment b’mod kontinwu għal ħames snin fl-Istat Membru ospitanti. Dwar l-Artikoli 12 u 13 ta’ din id-direttiva, ara l-analiżi tiegħi tal-applikabbiltà tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tal-istess direttiva, fil-punti 53 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


139      Bla ħsara għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/38, li jgħid li “[q]abel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1)”, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi li, “[q]abel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1)”.


140      Infakkar li mill-analiżi tiegħi dwar l-applikabbiltà tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li persuna f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqa’ taħt kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Ara l-punti 36 sa 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


141      Madankollu, għal kull ma jista’ jirriżulta, insostni li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kien vittma ta’ vjolenza domestika u li, billi ma għandux riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard, għandu jitlaq l-Istat Membru ospitanti u jirritorna fil-pajjiż terz, bħala prinċipju, ma hijiex paragunabbli ma’ dik taċ-ċittadin tal-Unjoni, li huwa konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kien vittma ta’ vjolenza domestika u li, fl-istess ċirkustanzi, għandu jitlaq l-Istat Membru ospitanti u jirritorna fl-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu. Fil-fatt, ma jistax jiġi miċħud li t-tluq taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, vittma ta’ vjolenza domestika, lejn pajjiż terz għandu konsegwenzi ħafna iktar sinjifikattivi f’dak li jikkonċerna t-tmiem tar-rabtiet mal-Istat Membru ospitanti milli t-tluq ta’ ċittadin tal-Unjoni, vittma ta’ vjolenza domestika, lejn l-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu jew lejn Stat Membru ieħor.