Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta' Awwissu 2008 minn Marianne Timmer mid-digriet mogħti fil-5 ta' Ġunju 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-123/06, Timmer vs Il-Qorti tal-Awdituri

(Kawża T-340/08 P)

Lingwa tal-Kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanta: Marianne Timmer (Saint-Sauves-d'Auvergne, Franza) (rappreżentant: F. Rollinger, avukat)

Appellata: Il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanta

tannulla d-Digriet tal-5 ta' Ġunju 2008 fil-Kawża F-123/06, Marianne Timmer vs Il-Qorti tal-Awdituri;

tilqa' t-talba għal kumpens għad-dannu subit;

tilqa' t-talba sabiex il-Qorti tal-Awdituri tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-5 ta' Ġunju 2008, maħruġ fil-Kawża Timmer vs Il-Qorti tal-Awdituri, F-123/06, li permezz tiegħu it-TSP ċaħad bħala inammissibbli r-rikors li permezz tiegħu hija kienet talbet, minn naħa waħda, l-annullament tar-rapporti ta' evalwazzjoni tagħha għall-perijodu inkluż bejn l-1984 u l-1997, kif ukoll id-deċiżjonijiet konnessi u/jew sussegwenti, inklużi dawk dwar il-ħatra tal-evalwatur ikkonċernat għall-pożizzjoni ta' kap tad-diviżjoni Olandiża tas-servizz ta' traduzzjoni tal-Qorti tal-Awdituri u, min-naħa l-oħra, d-danni bħala kumpens tal-ħsara allegatament subita.

In sostenn ta' l-appell tagħha, l-appellanta tinvoka sitt aggravji li jirrigwardaw:

żnaturament tal-fatti dedotti mill-atti ppreżentati lit-TSP u assenjazzjoni żbaljata tal-oneru tal-prova;

żnaturament tat-talba tar-rikorrenti lill-Awtorità tal-Ħatra, tad-29 ta' Lulju 2005, dwar l-osservanza tal-Artikolu 14 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/20041 li jemendhom, peress li din it-talba mhijiex intiża għall-evalwazzjoni mill-ġdid tar-rapporti ta' evalwazzjoni tar-rikorrenti kif indikat fil-punt 37 tad-digriet ikkontestat;

kwalifika legali żbaljata ta' l-ilment prekontenzjuż, tas-26 ta' Frar 2006, li kellu bħala għan l-annullament tar-rapporti ta' evalwazzjoni u tad-deċiżjonijiet dwar il-karriera tar-rikorrenti u mhux "it-teħid in kunsiderazzjoni ta' diversi fatti ġodda oħra" (punt 41 tad-digriet ikkontestat) [verżjoni mhux uffiċjali] ;

nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

sussidjarjament, nuqqas ta' motivazzjoni ta' din id-deċiżjoni ta' rifjut, peress li t-TSP kellu jeżamina l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni;

applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza f'dak li jikkonċerna l-eżerċizzju illegali tal-funzjonijiet min-naħa tas-superjur ġerarkiku tar-rikorrenti, peress li r-rikorrenti ma allegatx li r-rapporti ta' evalwazzjoni tagħha kienu vvizzjati minn illegalità fil-ħatra tas-superjur ġerarkiku tagħha, iżda mill-okkupazzjoni illegali ta' pożizzjoni li setgħet okkupat ir-rikorrenti u mill-interess personali tas-superjuri ġerarkiċi tagħha (punt 42 tad-digriet ikkontestat).

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta' Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 124, p. 1).