Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Belġju) fit-23 ta’ Frar 2022 – NORDIC INFO vs Belgische Staat

(Kawża C-128/22)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: NORDIC INFO

Konvenut: Belgische Staat

Domandi preliminari

L-Artikoli 2, 4, 5, 27 u 29 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE 1 , li jimplimentaw l-Artikoli 20 u 21 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (f’dan il-każ, li tirriżulta mill-Artikoli 18 u 22 tad-Digriet Ministerjali tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar miżuri ta’ urġenza sabiex jiġi limitat it-tixrid tal-coronavirus COVID-19, wara emenda permezz tal-Artikoli 3 u 5, rispettivament, tad-Digriet Ministerjali tal-10 ta’ Lulju 2020) li, permezz ta’ miżura ġenerali?

timponi, bħala prinċipju, fuq iċ-ċittadini Belġjani u fuq il-membri tal-familja tagħhom kif ukoll fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fit-territorju Belġjan u fuq il-membri tal-familja tagħhom projbizzjoni ta’ ħruġ għal ivvjaġġar mhux essenzjali bi tluq mill-Belġju lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u taż-żona Schengen ikklassifikati ħomor skont il-kodiċi tal-kuluri stabbilit abbażi tad-data epidemjoloġika;

timponi fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni mhux Belġjani u fuq il-membri tal-familja tagħhom (indipendentement minn jekk għandhomx dritt jew le ta’ residenza fit-territorju Belġjan) restrizzjonijiet fuq id-dħul (bħal kwarantina u testijiet) għal ivvjaġġar mhux essenzjali bi tluq minn pajjiżi tal-Unjoni u taż-żona Schengen lejn il-Belġju kklassifikati ħomor skont il-kodiċi tal-kuluri stabbilit abbażi tad-data epidemjoloġika?

L-Artikoli 1, 3 u 22 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (f’dan il-każ, l-Artikoli 18 u 22 tad-Digriet Ministerjali tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar miżuri ta’ urġenza sabiex jiġi limitat it-tixrid tal-coronavirus COVID-19 (wara emenda permezz tal-Artikoli 3 u 5, rispettivament, tad-Digriet Ministerjali tal-10 ta’ Lulju 2020) li timponi projbizzjoni ta’ ħruġ għal ivvjaġġar mhux essenzjali bi tluq mill-Belġju lejn pajjiżi tal-Unjoni u taż-żona Schengen kif ukoll projbizzjoni ta’ dħul fil-Belġju minn dawn il-pajjiżi, projbizzjonijiet li mhux biss jistgħu jiġu kkontrollati u ssanzjonati, iżda wkoll eżegwiti ex officio mill-Ministru, mis-sindku, u mill-kmandant tal-pulizija?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

1 Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 32).