Language of document : ECLI:EU:C:2018:263

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

19 ta’ April 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Servizzi soċjali u tas-saħħa – Għoti mingħajr osservanza tar-regoli għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi – Neċessità li jiġu osservati l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament – Kunċett ta’ ‘interess transkonfinali ċert’ – Direttiva 92/50/KEE – Artikolu 27”

Fil-Kawża C‑65/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Oftalma Hospital Srl

vs

Commissione Istituti Ospitalieri Valdesi (CIOV),

Regione Piemonte,

fil-preżenza ta’:

Azienda Sanitaria Locale di Torino (TO1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Oftalma Hospital Srl, minn MMoretto u P. Bianco, avvocati,

–        għar-Regione Piemonte, minn M. Scisciot, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Sclafani, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Oftalma Hospital Srl (iktar ’il quddiem “Oftalma”) u l-Commissione Istituti Ospitalieri Valdesi (CIOV) (il-Kummissjoni tal-Isptarijiet tal-Valdiżi, l-Italja) u r-Regione Piemonte (ir-Reġjun ta’ Piemonte, l-Italja) dwar ir-remunerazzjoni għall-provvista ta’ kura mogħtija minn Oftalma skont kuntratt konkluż maċ-CIOV (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 92/50

3        Id-Direttiva 92/50 tiddefinixxi, fit-Titolu II tagħha, applikazzjoni “f’żewġ stadji”. Skont l-Artikolu 8 tagħha, il-kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom servizzi elenkati fl-Anness I A ta’ din id-direttiva għandhom jingħataw konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI tagħha, jiġifieri skont l-Artikoli 11 sa 37 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, skont l-Artikolu 9 tal-istess direttiva, “[k]untratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IB għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16.”

4        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 92/50 jinsab fit-Titolu IV tagħha, li jikkonċerna r-regoli komuni fil-qasam tekniku.

5        L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, li jifforma parti mit-Titolu V tagħha, intitolat “Regoli komuni ta’ reklamar” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-awtoritajiet kontraenti li jkunu taw kuntratt pubbliku jew li inkella żammew kompetizzjoni għandhom jibagħtu notifika tar-riżultati tal-proċedura tal-għoti lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

6        L-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 92/50 jiddisponi:

“Meta l-awtoritajiet kontraenti jagħtu kuntratt bi proċedura nnegozjata kif imsemmi fl-Artikolu 11(2), in-numru ta’ kandidati ammessi biex jinnegozjaw ma jistax ikun inqas minn tlieta, sakemm ikun hemm numru suffiċjenti ta’ kandidati adattati.”

7        L-Anness I B ta’ din id-direttiva jelenka serje ta’ kategoriji ta’ servizzi, li fosthom jinsabu, fil-kategorija 25, is-servizzi soċjali u tas-saħħa.

 Id-Direttiva 2004/18/KE

8        Skont l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), il-kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II A ta’ din id-direttiva għandhom jingħataw konformement mal-Artikoli 23 sa 55 tagħha, filwaqt li l-għoti ta’ kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II B tal-imsemmija direttiva għandu jkun suġġett biss għall-Artikolu 23 u għall-Artikolu 35(4) ta’ din tal-aħħar.

9        L-Anness II B tal-istess direttiva jelenka serje ta’ kategoriji ta’ servizzi, li fosthom jinsabu, fil-kategorija 25, is-servizzi soċjali u tas-saħħa.

10      L-Artikolu 82 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Tibdiliet”, jipprevedi, b’mod partikolari, li d-Direttiva 92/50 ġiet mħassra b’effett mill‑31 ta’ Jannar 2006, u li r-referenzi għal din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għad-Direttiva 2004/18.

 Id-dritt Taljan

11      Id-decreto-legislativo n. 157 – Attuazione della direttiva 92/50/CEE in materia di appalti pubblici di servizi (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 157, li jimplimenta d-Direttiva 92/50/KEE dwar kuntratti pubbliċi għal servizzi), tas‑17 ta’ Marzu 1995 (is-Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 104, tas‑6 ta’ Mejju 1995), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 157/95”), jiddisponi, fl-Artikolu 3 tiegħu:

“1.      Il-kuntratti pubbliċi għal servizzi huma kuntratti mwettqa bi ħlas, konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti msemmija fl-Artikolu 2, għall-provvista tas-servizzi elenkati fl-Annessi 1 u 2.

2.      Għall-kuntratti għal servizzi msemmija fl-Anness 2 u għal dawk fejn il-valur ta’ dawn is-servizzi huwa ogħla meta mqabbel mas-servizzi msemmija fl-Anness 1, dan id-digriet japplika biss għall-Artikolu 8(3), għall-Artikolu 20 u għall-Artikolu 21.”

12      L-Artikolu 7(1) ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv jipprevedi:

“Il-kuntratti ta’ dan id-digriet jistgħu jingħataw bi qbil reċiproku, wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, fil-każijiet li ġejjin:

a)      fil-każ ta’ offerti irregolari introdotti wara sejħa għal offerti, wara sejħa għal offerti ristretta jew wara sejħa għal offerti b’kompetizzjoni, jew f’każ ta’ offerti meqjusa bħala inaċċettabbli fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11, 12(2), 18, 19 u 22 sa 25, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma humiex sostanzjalment mibdula; l-awtoritajiet kontraenti għandhom jippubblikaw, f’dan il-każ, avviż ta’ kuntratt, ħlief jekk dawn jaċċettaw fil-proċedura nnegozjata l-impriżi kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikoli 11 sa 16 u, matul il-proċeduri hawn fuq imsemmija, ikunu ppreżentaw offerti konformement mar-rekwiżiti formali tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti;

b)      f’każijiet eċċezzjonali, meta n-natura tas-servizzi jew tar-riskji li jġibu magħhom ma jippermettux li jiġi ffissat prezz globali minn qabel;

c)      meta, minħabba n-natura tas-servizzi offruti fil-kuntratti, speċjalment jekk dawn is-servizzi huma ta’ natura intellettwali jew jaqgħu taħt il-Kategorija 6 tal-Anness 1, huwa impossibbli li jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratti b’biżżejjed preċiżjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jgħaddu mis-selezzjoni tal-aħjar offerta konformement mar-regoli ta’ proċeduri miftuħa jew ristretti.”

13      L-Artikolu 22 tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv jiddisponi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fil-każ tal-proċedura bi qbil reċiproku miftuħa skont l-Artikolu 7(1), in-numru ta’ kandidati ma għandux ikun ta’ inqas minn tlieta, sakemm ikun hemm numru suffiċjenti ta’ kandidati adatti.”

14      L-Anness 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/95 isemmi, fil-punt 25 tiegħu, is-“Servizzi soċjali u tas-saħħa”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Permezz tal-kuntratt inkwistjoni bid-data tat‑2 ta’ Jannar 1999, li ġie emendat bi ftehim supplimentari fl‑2004 fejn Oftalma rrinunzjat milli tuża l-proċedura għal ordni ta’ ħlas, iċ-CIOV qabbdet lil Oftalma li tipprovdi servizzi speċjalizzati fl-oftalmoloġija fiċ-ċentru oftalmoloġiku tal-Ospedale evangelico valdese di Torino (l-Isptar Evanġeliku tal-Valdiżi ta’ Torino, l-Italja).

16      Fil‑21 ta’ April 2005, it-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino, l-Italja) ordna liċ-CIOV u lir-Reġjun ta’ Piemonte li jħallsu lil Oftalma s-somma ta’ EUR 1 727 886.36, flimkien mal-interessi, bħala remunerazzjoni għall-provvista ta’ kura mogħtija matul is-sena 2004.

17      Kemm iċ-CIOV u kemm ir-Reġjun ta’ Piemonte ressqu oppożizzjoni kontra din l-ordni għal ħlas quddiem it-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino). Matul din l-istanza, ir-Reġjun ta’ Piemonte invoka, b’mod partikolari, in-nullità tal-kuntratt inkwistjoni, peress li, fil-fehma tiegħu, dan kien ġie konkluż bi ksur tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kif irregolati mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/95.

18      B’sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2007, it-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino) ċaħad l-oppożizzjonijiet mressqa miċ-CIOV u mir-Reġjun ta’ Piemonte u, konsegwentement, laqgħet it-talbiet ta’ Oftalma.

19      Qabel din l-ewwel istanza, Oftalma kienet, matul is-sena 2004, ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino) intiż biex iċ-CIOV u r-Reġjun ta’ Piemonte jiġu kkundannati jħallsu lil Oftalma s-somma ta’ EUR 1 226 535.07 bħala regolarizzazzjoni bbażata fuq it-tariffi applikabbli għas-servizzi ta’ kura pprovduti matul is-snin 2002 u 2003 kif ukoll matul l-ewwel nofs tas-sena 2004.

20      B’sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2007, it-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino) ċaħdet ir-rikors ta’ Oftalma.

21      Oftalma u r-Reġjun ta’ Piemonte appellaw miż-żewġ sentenzi ċċitati iktar ’il fuq.

22      Wara li għaqdet dawn iż-żewġ proċeduri, il-Corte d’Appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino, l-Italja), permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2010, iddikjarat il-kuntratt inkwistjoni null u kkundannat lil Oftalma tħallas lura l-ammonti mħallsa b’eżekuzzjoni tal-ordni għal ħlas.

23      Din il-qorti qieset li l-kuntratt inkwistjoni kien ġie konkluż bi ksur tad-Direttiva 92/50 u tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/95, li bih id-direttiva kienet ġiet trasposta, peress li l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt ma kien ippreċedut minn ebda sejħa għal offerti, avolja ċ-CIOV kien, skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/95, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/50, organu rregolat mid-dritt pubbliku li għandu l-kwalità ta’ awtorità kontraenti.

24      Oftalma ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, l-Italja) kontra din is-sentenza.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod partikolari, li l-Artikolu 3(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/95, l-istess bħad-Direttiva 92/50, ma jeħtieġx proċedura ta’ reklamar u ta’ sejħa għal offerti qabel il-konklużjoni ta’ kuntratti biex jiġu pprovduti servizzi tas-saħħa u li dan id-Digriet Leġiżlattiv ma jipprovdix espressament li l-għoti ta’ dawn il-kuntratti huwa suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ imparzjalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza.

26      Din il-qorti tiddubita l-fondatezza tal-ġurisprudenza tal-qrati amministrattivi Taljani li tgħid li l-kuntratti għall-provvista ta’ servizzi tas-saħħa, għalkemm ma humiex direttament koperti mil-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi, xorta jibqgħu suġġetti għal sejħa minn qabel għall-kompetizzjoni, anki jekk din tkun waħda informali, skont ir-regoli ġenerali tad-dritt intern u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Artikoli 49, 56 u 106 TFUE.

27      L-imsemmija qorti tikkonstata, madankollu, li l-Artikolu 22(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 157/95, li jittrasponi l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 92/50, jipprevedi li, anki fil-każ ta’ sejħa għal offerti limitata, in-numru ta’ kandidati ma jistax ikun inqas minn tlieta. Filwaqt li tenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-intenzjoni li japplikaw għall-kuntratti ta’ servizzi suġġetti kompletament għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, hija ssostni madankollu li tali dispożizzjoni nazzjonali “tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali” li l-applikazzjoni tiegħu testendi wkoll għall-provvista tas-servizzi li huma biss parzjalment suġġetti għaliha. Skont din l-istess qorti, tali interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 92/50, li jikkonsistu fit-twettiq tas-suq intern permezz ta’ koordinazzjoni tajba tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi.

28      Il-qorti tar-rinviju żżid li din l-interpretazzjoni hija konformi ma’ wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 92/50, jiġifieri li tarmonizza r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti ma’ dawk li jikkonċernaw il-kuntratti ta’ xogħlijiet u ta’ provvista. F’dan ir-rigward, hija ssostni li kemm id-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE tas‑26 ta’ Lulju 1971 li tikkonċerna l-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet (ĠU 1971, L 185, p. 5), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 89/440/KEE tat‑18 ta’ Lulju 1989 (ĠU 1989, L 210, p. 1), kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE tal‑14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110), jobbligaw lill-awtoritajiet kontraenti li jiggarantixxu kompetizzjoni reali, inkluż fil-proċeduri nnegozjati.

29      Din il-qorti tosserva li l-fatt li l-kuntratti ta’ servizzi tas-saħħa jistgħu jiġu suġġetti għal tali obbligi huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-prinċipji fundamentali tat-Trattat FUE huma applikabbli għall-kuntratti ta’ servizzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 9 tad-Direttiva [92/50] li jipprevedi li l-kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom servizzi elenkati fl-Anness I B [tagħha] għandhom jingħataw skont l-Artikoli 14 u 16 [ta’ din id-direttiva], għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn il-kuntratti fi kwalunkwe każ jibqgħu suġġetti għall-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, imsemmija fl Artikoli [49, 56 u 106 TFUE]?

2)      Fil-każ fejn l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/50/KEE, li jipprevedi li, fil-każ ta’ għoti ta’ kuntratt skont il-proċedura nnegozjata, in-numru ta’ kandidati ammessi sabiex jinnegozjaw ma jistax inkun inqas minn tlieta, bil-kundizzjoni li jkun hemm numru suffiċjenti ta’ kandidati adattati, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika wkoll għall-kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom servizzi elenkati fl-Anness I B tad-Direttiva?

3)      L-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/50/KEE, li jipprevedi li, fil-każ ta’ għoti ta’ kuntratt skont il-proċedura nnegozjata, in-numru ta’ kandidati ammessi sabiex jinnegozjaw ma jistax ikun inqas minn tlieta, bil-kundizzjoni li jkun hemm numru suffiċjenti ta’ kandidati adattati, jostakola l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi li ngħataw f’data preċedenti għall-adozzjoni tad-Direttiva [2004/18], u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom servizzi elenkati fl-Anness I B tad-Direttiva 92/50/KE, ma tiggarantixxix il-ftuħ għall-kompetizzjoni fil-każ ta’ applikazzjoni tal-proċedura nnegozjata?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment dwar jekk, meta din tagħti kuntratt pubbliku għal servizzi li jaqa’ taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50 u li, għaldaqstant, bħala prinċipju huwa suġġett biss għall-Artikoli 14 u 16 ta’ din id-direttiva, awtorità kontraenti tkunx madankollu obbligata wkoll li tikkonforma mar-regoli fundamentali u mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll mal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom.

32      Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50, “[k]untratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IB għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16.” Dawn l-artikoli fihom obbligi relatati, rispettivament, mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ kuntratt u mal-ħruġ ta’ avviż li jikkonċerna r-riżultati tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt.

33      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-kuntratti jinvolvu s-servizzi elenkati f’dan l-Anness I B, l-awtoritajiet kontraenti huma obbligati biss li jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’referenza għall-istandards nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej li għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti ġenerali jew kuntrattwali relatati ma’ kull kuntratt u li jibagħtu avviż lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea rigward ir-riżultati tal-proċedura għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Strong Segurança, C‑95/10, EU:C:2011:161, punt 34).

34      Hija ddeċidiet ukoll li l-klassifikazzjoni tas-servizzi fl-Annessi I A u I B tad-Direttiva 92/50 hija konformi mas-sistema stabbilita minn din id-direttiva li tipprevedi applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar f’żewġ stadji (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Strong Segurança, C‑95/10, EU:C:2011:161, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt indikat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jassumi li l-kuntratti għas-servizzi li jaqgħu taħt l-Anness I B tad-Direttiva 92/50 ma jippreżentawx, a priori, b’kont meħud tan-natura speċifika tagħhom, interess transkonfinali biżżejjed li jista’ jiġġustifika li l-għoti tagħhom isir wara li tintemm proċedura ta’ sejħa għal offerti maħsuba biex tippermetti lil impriżi ta’ Stati Membri oħra li jsiru jafu dwar l-avviż ta’ kuntratt u li jippreżentaw offerta (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Strong Segurança, C‑95/10, EU:C:2011:161, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kuntratti bħal dawn, meta jippreżentaw interess transkonfinali ċert, huma suġġetti għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll għall-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Strong Segurança, C‑95/10, EU:C:2011:161, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mingħajr ma neċessarjament jimponi li ssir sejħa għal offerti, dan l-obbligu jimplika l-garanzija ta’ livell ta’ reklamar adegwat li jippermetti, minn naħa, ftuħ għall-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċedura għall-għoti (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant, C‑324/07, EU:C:2008:621, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fl-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari, liema ċirkustanzi ma jirriżultawx mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert għandha ssir, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, fid-data tal-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑29/04, EU:C:2005:670, punt 38). F’dan ir-rigward, il-fatt li, fil-kawża prinċipali, ftehim supplimentari sussegwentement emenda l-kuntratt inkwistjoni ma huwiex ta’ natura li jibdel id-data li fiha l-eżistenza ta’ tali interess għandu jiġi evalwat, fejn tali ftehim supplimentari ma huwiex ta’ natura li jibdel, b’mod sostanzjali, l-istruttura ġenerali tal-kuntratt, li madankollu huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

38      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi b’evalwazzjoni dettaljata tal-elementi rilevanti kollha li jikkonċernaw il-kuntratt inkwistjoni sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert fid-data tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert ma tistax tiġi dedotta ipotetikament minn ċerti fatturi li, ikkunsidrati b’mod astratt, jistgħu jikkostitwixxu prova f’dan is-sens, iżda din għandha tirriżulta b’mod pożittiv minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dan jimplika li ma jistax jitqies li interess transkonfinali ċert huwa kkostitwit abbażi ta’ elementi li ma jeskludux l-eżistenza tiegħu, iżda li interess bħal dan għandu jiġi kkunsidrat li ġie stabbilit meta n-natura transkonfinali tiegħu tiġi pprovata abbażi ta’ elementi oġġettivi u konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni, C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 22).

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-daqs tal-ammont tal-kuntratt inkwistjoni, flimkien mal-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew, ukoll, il-karatteristiċi tekniċi tal-kuntratt u l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti kkonċernati, jistgħu jikkostitwixxu kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert. F’dan il-kuntest, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ lmenti mressqa minn operaturi fi Stati Membri li ma humiex tal-awtorità kontraenti, bil-kundizzjoni li jiġi vverifikat li dawn tal-aħħar huma reali u mhux fittizji (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni, C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-fatt li, fid-data tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, servizzi tas-saħħa simili setgħu kienu diġà qegħdin jiġu pprovduti minn entitajiet stabbiliti fi Stati Membri oħra jista’ wkoll jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

41      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, b’mod iktar speċifiku fir-rigward ta’ attività tas-saħħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li l-interess transkonfinali ċert ma kienx stabbilit abbażi tas-sempliċi fatt li l-kuntratti inkwistjoni kellhom valur ekonomiku sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑160/08, EU:C:2010:230, punti 18, 54 u 123).

42      Issa, f’dan il-każ, kif irrilevat Oftalma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha l-ebda element li jista’ jindika li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu interess transkonfinali ċert fid-data tal-għoti tiegħu.

43      Fil-każ fejn l-eżistenza ta’ tali interess transkonfinali ċert hija madankollu pprovata u fejn, konsegwentement, l-assenza ta’ trasparenza seta’ jwassal għal differenza fit-trattament għad-detriment tal-impriżi li jinsabu fi Stat Membru li ma huwiex tal-awtorità kontraenti, tali differenza fit-trattament tista’ tkun iġġustifikata minn ċirkustanzi oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fir-rigward ta’ din il-ġustifikazzjoni, Oftalma invokat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-punt 57 tas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et (C‑113/13, EU:C:2014:2440), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, jinżamm servizz mediku u tal-isptarijiet ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd jista’ wkoll jaqa’ taħt waħda mid-derogi għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

45      Fil-każ li l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert ikun ipprovat, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, b’kont meħud tal-ġurisprudenza msemmija fiż-żewġ punti preċedenti, jekk l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx iġġustifikat.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li, meta tagħti kuntratt pubbliku għal servizzi li jaqa’ taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50, u li, konsegwentement, bħala prinċipju huwa suġġett biss għall-Artikoli 14 u 16 ta’ din id-direttiva, awtorità kontraenti hija madankollu obbligata wkoll li tikkonforma mar-regoli fundamentali u mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll mal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, bil-kundizzjoni li, fid-data tal-għoti tiegħu, kuntratt bħal dan għandu jkollu natura transkonfinali ċert, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

47      Barra minn hekk, fl-istess ipoteżi, Oftalma toġġezzjona għall-pretensjonijiet tar-Reġjun ta’ Piemonte u taċ-CIOV, b’referenza għall-prinċipju ta’ nemo auditur propriam turpitudinem allegans. Hija ssostni li, jekk il-konklużjoni tal-ftehim konkluż magħha hija illegali, din l-illegalità hija imputabbli għar-Reġjun ta’ Piemonte u għaċ-CIOV. Barra minn hekk, hija ssostni li ċ-ċaħda ta’ remunerazzjoni għas-servizzi effettivament u regolarment ipprovduti minnha tagħti vantaġġ indebitu liċ-CIOV.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-prinċipji għandhom jiġu evalwati mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

49      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 92/50 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi li jaqgħu taħt l-Anness I B ta’ din id-direttiva.

50      Għandu jiġi osservat li, permezz tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espressament li huma biss l-Artikoli 14 u 16 ta’ din id-direttiva li kienu applikabbli għas-servizzi elenkati fl-Anness I B. Fl-assenza ta’ kull indikazzjoni kuntrarja, għandu jiġi kkunsidrat li dan huwa l-każ anki jekk kuntratt pubbliku, fir-rigward ta’ servizz bħal dan, għandu interess transkonfinali ċert.

51      Minn dan isegwi li s-suġġettar tas-servizzi elenkati fl-Anness I B tad-Direttiva 92/50 għal artikoli oħra li ma humiex dawk li għalihom jirreferi espressament l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jwassal għal interpretazzjoni li tmur kontra l-formulazzjoni ċara ta’ dan l-artikolu, u b’hekk imur kontra r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

52      Minn dan isegwi li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 27(3) tal-imsemmija direttiva ma japplikawx għal kuntratt pubbliku għal servizz imsemmi fl-Anness I B tagħha, anki jekk dan tal-aħħar għandu interess transkonfinali ċert.

53      Għalhekk, l-osservanza tar-regoli fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni kif ukoll tal-obbligi li jirriżultaw, kif rikonoxxut, fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi li għandhom interess transkonfinali ċert, fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, ma timplikax, fiha nnifisha, l-ammissjoni ta’ numru minimu ta’ kandidati fi proċedura nnegozjata, kif prevista fl-imsemmi Artikolu 27(3).

54      Barra minn hekk, il-fatt li tiġi adottata interpretazzjoni li tgħid li, fil-preżenza ta’ interess transkonfinali ċert, l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 92/50 japplika f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jwassal għall-applikazzjoni, għal kuntratti għal servizzi li jaqgħu taħt l-Anness I B tad-Direttiva 92/50, ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva li japplikaw biss għas-servizzi elenkati fl-Anness I A tagħha, dan bir-riskju li jċaħħad minn kull effettività d-distinzjoni bejn is-servizzi elenkati fl-Anness I A u dawk elenkati fl-Anness I B ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Annessi II A u II B tad-Direttiva 2004/18 li jikkorrispondu għall-Annessi I A u I B tad-Direttiva 92/50, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Strong Segurança, C‑95/10, EU:C:2011:161, punt 42).

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 92/50 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi li jaqgħu taħt l-Anness I B ta’ din id-direttiva.

 Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tas-sentenza li ser tingħata

56      Fl-osservazzjonijiet tagħha, Oftalma titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-każ fejn ir-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom huma interpretati fis-sens li l-għoti ta’ kuntratt, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jkun preċedut minn livell ta’ reklamar adegwat meta dan il-kuntratt ikollu interess transkonfinali ċert, tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza li ser tingħata. Skont Oftalma, din is-sentenza tista’ tkun ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-validità tal-ftehimiet konklużi minn istituzzjonijiet privati ma’ awtoritajiet pubbliċi biex jipprovdu l-kura u, konsegwentement, li tiddestabilizza s-sistema kollha tas-saħħa Taljana.

57      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li huwa biss f’każijiet għalkollox eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tasal sabiex tillimita għal kull parti kkonċernata l‑possibbiltà li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Limitazzjoni bħal din tista’ biss tkun ammessa, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Krawczyński, C‑426/07, EU:C:2008:434, punti 42 u 43).

58      Issa, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kuntratti għal servizzi li jaqgħu taħt l-Anness I B tad-Direttiva 92/50, meta jkollhom interess transkonfinali ċert, huma suġġetti għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, li minnhom jirriżulta l-obbligu ta’ trasparenza.

59      Konsegwentement, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Meta tagħti kuntratt pubbliku għal servizzi li jaqa’ taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50 tat18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Ottubru 1997, u li, konsegwentement, bħala prinċipju huwa suġġett biss għall-Artikoli 14 u 16 ta’ din id-direttiva, awtorità kontraenti hija madankollu obbligata wkoll li tikkonforma mar-regoli fundamentali u mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll mal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, bil-kundizzjoni li, fid-data tal-għoti tiegħu, kuntratt bħal dan għandu jkollu natura transkonfinali ċert, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

2)      L-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 92/50 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi li jaqgħu taħt l-Anness I B ta’ din id-direttiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.