Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2021 – Diusa Rendering u Assograssi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-201/18) 1

(“Saħħa pubblika – Regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi kontaġġjużi – Projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija dderivati minn materjal tal-Kategorija 2 – Nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura bil-għan li teżamina mill-ġdid il-projbizzjoni – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Proposta ta’ abbozz ta’ miżuri li jtemmu n-nuqqas li tittieħed azzjoni – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Diusa Rendering Srl (Piacenza, l-Italja) u Assograssi Assograssi – Associazione Nazionale Produttori Grassi e Proteine Animali (Buccinasco, l-Italja) (rappreżentant: MMoretto, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Bianchi, W. Farrell u B. Eggers, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 265 TFUE u intiża biex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qagħdet lura illegalment milli tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), sabiex teżamina mill-ġdid il-projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija dderivati minn materjal tal-Kategorija 2 stabbilita mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1).

Dispożittiv

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll dawk esposti minn Diusa Rendering Srl u minn Assograssi - Associazione Nazionale Produttori Grassi e Proteine Animali.

____________

1     ĠU C 166, 14.5.2018.