Language of document : ECLI:EU:T:2023:429

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

26 ta’ Lulju 2023 (*)

“Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali – Allokazzjoni tranżitorja bla ħlas ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Deċiżjoni li tiġi eskluża installazzjoni li tuża esklużivament il-bijomassa– Obbligu ta’ diliġenza – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Aspettattivi leġittimi – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Punt 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2003/87”

Fil-Kawża T‑269/21,

Arctic Paper Grycksbo AB, stabbilita fi Grycksbo (l-Isvezja), irrappreżentata minn A. Bryngelsson, A. Johansson u F. Sjövall, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Wils, B. De Meester u P. Carlin, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn C. Ionescu Dima, W. Kuzmienko u P. Biström, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Norberg u J. Himmanen, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, S. Frimodt Nielsen (Relatur) u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑2 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Arctic Paper Grycksbo AB, titlob l-annullament sa fejn jikkonċernaha, tal-Artikolu 1(1) u tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/355 tal‑25 ta’ Frar 2021, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali bla ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2021, L 68, p. 221, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Dan ir-rikors jikkonċerna installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ karta grafika miksija fina operata mir-rikorrenti f’Grycksbo (l-Isvezja). Ir-rikorrenti ilha detentriċi ta’ awtorizzazzjoni għall-emissjoni ta’ gassijiet serra mill-2005.

3        Id-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li teskludi l-installazzjoni inkwistjoni mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem l-“ETS”) stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU 2018, L 76, p. 3). Din l-esklużjoni għandha, b’mod partikolari, l-effett li ċċaħħad lir-rikorrenti mill-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għar-raba’ perijodu ta’ skambju (2021–2025).

4        Sabiex tkun tista’ titlob din l-allokazzjoni, fis‑7 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti ressqet talba f’dan is-sens quddiem in-Naturvårdsverket (l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, l-Isvezja). F’din it-talba, hija approssimat għal żero n-numru ta’ tunnellati ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili emessi matul il-perijodu ta’ referenza (bejn l‑2014 u l‑2018). Skont kif tgħid hi, l-emissjonijiet reali tagħha kienu ogħla minn 0 u inqas minn 0.5 tunnellata għas-snin 2018 sa 2020.

5        Fis‑27 ta’ Settembru 2019, ir-Renju tal-Isvezja ppreżenta lill-Kummissjoni Ewropea l-miżura ta’ implimentazzjoni nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“NIM”) prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri l-lista tal-installazzjonijiet li kellhom jaqgħu taħt l-ETS għar-raba’ perijodu ta’ skambju. L-installazzjoni inkwistjoni kienet tinsab f’din il-lista, bir-referenza SE468. Il-kwantitajiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili ddikjarati għal din l-installazzjoni kienu ta’ 0 tunnellata, għal kull sena tal-perijodu ta’ referenza (2014–2018).

6        Permezz ta’ ittra ta’ osservazzjonijiet tad‑19 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni kkontestat l-inklużjoni ta’ 49 installazzjoni fuq il-NIM, fosthom l-installazzjoni inkwistjoni, fit-termini li ġejjin:

“Għal mill-inqas sena tal-perijodu ta’ referenza, [l-installazzjoni inkwistjoni] ġġenerat kważi 100 % tal-emissjonijiet tal-bijomassa. Installazzjonijiet bħal dawn ma għandhomx jiġu inklużi fl-ETS. Jekk jogħġbok agħti spjegazzjonijiet.”

7        Fis‑16 ta’ Ġunju 2020, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent wieġbet għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni billi indikat li l-installazzjoni inkwistjoni kienet taqa’ taħt miżura ta’ għażla nazzjonali, approvata mill-Kummissjoni, li kienet tipprevedi l-inklużjoni tal-installazzjonijiet konnessi ma’ netwerk ta’ tisħin distrettwali.

8        Permezz ta’ posta elettronika indirizzata lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent fit‑30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha li l-installazzjonijiet li użaw esklużivament il-bijomassa matul il-perijodu ta’ referenza msemmi iktar ’il fuq (2014–2018) kellhom jiġu esklużi mill-ETS.

9        Fl‑1 ta’ Ottubru 2020, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent bagħtet lill-Kummissjoni messaġġ elettroniku li fih hija rrikonoxxiet li l-installazzjoni inkwistjoni ma kinitx konnessa ma’ netwerk ta’ tisħin distrettwali u li l-inklużjoni tagħha fl-ETS kienet dubjuża. Madankollu, hija ma kinitx tqis li setgħet tirtira din l-installazzjoni min-NIM f’dak l-istadju tal-proċedura, minħabba li d-dritt amministrattiv nazzjonali ma kienx jipprevedi l-possibbiltà ta’ rtirar unilaterali u mingħajr bażi legali tal-awtorizzazzjoni li kellha r-rikorrenti. Barra minn hekk, hija indikat li ma setax jiġi eskluż li l-installazzjoni inkwistjoni tuża fil-futur karburant mill-fossili.

10      Permezz ta’ posta elettronika tas‑17 ta’ Diċembru 2020, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent informat lill-Kummissjoni li l-identifikazzjoni tal-installazzjonijiet li hija kellha l-intenzjoni teskludi kien kompitu diffiċli, minħabba l-kriterju ta’ użu esklużiv tal-bijomassa u tal-perijodu ta’ referenza li kien intgħażel (2014–2018).

11      Fl‑14 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rappreżentanti tal-Istati Membri li kienu membri tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima abbozz ta’ regolament dwar ir-reviżjoni tal-valuri tal-parametri referenzjarji ta’ prodotti għall-perijodu ta’ skambju bejn is-sena 2021 u s-sena 2025. Dan l-abbozz kien is-suġġett ta’ verżjoni emendata fis‑26 ta’ Jannar 2021, bl-għan li jiġi approvat l-għada mill-imsemmi kumitat.

12      Permezz ta’ posta elettronika tas‑26 ta’ Jannar 2021, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent indikat lill-Kummissjoni li kienet ikkonstatat differenzi fid-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li emettew inqas minn 0.5 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili matul il-perijodu ta’ referenza. Hija indikat li ċerti impriżi, li hija ma identifikatx, kienu approssimaw dawn l-emissjonijiet għal 0 tunnellata, filwaqt li oħrajn kienu indikaw l-emissjonijiet reali tagħhom mingħajr ma pproċedew għal tali approssimazzjoni. Hija osservat li l-Kummissjoni kkontestat l-inklużjoni tal-installazzjonijiet biss li ddikjaraw emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili ugwali għal 0 tunnellata, filwaqt li l-inklużjoni tal-installazzjonijiet li ddikjaraw l-emissjonijiet tagħhom mingħajr ma approssimaw dawn l-emissjonijiet ma kienu s-suġġett ta’ ebda kontestazzjoni. Hija talbet lill-Kummissjoni tispeċifika l-metodi li kellha l-intenzjoni tapplika għall-installazzjonijiet kollha li jużaw il-bijomassa.

13      Fit‑28 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni informat lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent li l-fażi ta’ eżami tal-NIM kienet intemmet u li ma setgħetx iktar tieħu inkunsiderazzjoni bidliet li għandhom effett fuq il-lista tal-installazzjonijiet u fuq il-kalkolu tal-parametri referenzjarji ta’ prodotti.

14      Fl-istess jum, it-test finali tal-abbozz tar-regolament imsemmi fil-punt 11 iktar ’il fuq ġie kkomunikat lill-Istati Membri għall-adozzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub. Id-data sakemm kellhom jitressqu l-osservazzjonijiet ġiet iffissata għall‑11 ta’ Frar 2021.

15      Fl‑1 ta’ Frar 2021, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent indikat li l-lista tal-installazzjonijiet li tinsab fil-NIM ma setgħetx titqies bħala definittiva sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet pożizzjoni dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-posta elettronika tas‑26 ta’ Jannar 2021 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

16      Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, il-Kummissjoni wieġbet kif ġej:

“Aħna kkompletajna l-istadji kollha tal-evalwazzjoni tan-NIM qabel ma ssottomettejna r-regolament dwar il-parametri referenzjarji lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima sabiex jagħti opinjoni favorevoli u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-NIM sabiex tiġi adottata.

Kif indikat f’posta elettronika preċedenti, jekk Stat Membru jsib żball fil-lista tan-NIM li la jaffettwa l-valuri tal-parametri referenzjarji ta’ prodotti u lanqas id-deċiżjonijiet dwar in-NIM, iżda biss l-allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas (jew li jaġġorna d-data biss sabiex ir-referenza eżatta tissemma fil-futur, u sabiex tiġi evitata korrezzjoni futura tan-NIM), nistgħu naċċettaw lista aġġornata tan-[NIM] f’dan l-istadju, qabel ma tiġi sottomessa l-kwantità annwali provviżorja ta’ kwoti bla ħlas.

Fir-rigward tal-metodu li użajna għall-installazzjonijiet li jużaw biss il-bijomassa, dan kien ibbażat fuq l-emissjonijiet u ma ġiet applikata l-ebda approssimazzjoni la għall-emissjonijiet diretti u lanqas għall-emissjonijiet mill-bijomassa.”

17      Permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Frar 2021, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent informat lill-Kummissjoni b’inkonsistenzi apparenti fil-mod kif din kellha l-intenzjoni li tittratta, fir-rigward tal-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw biss il-bijomassa, installazzjonijiet li l-emissjonijiet tagħhom ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili kienu jidhru paragunabbli għaliha. Fl-istess posta elettronika, hija talbet lill-Kummissjoni tosserva wkoll li r-rikorrenti kienet iddikjarat kwantità ta’ emissjonijiet ta’ 0.3727 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili għas-sena 2018. Fl-aħħar nett, hija staqsiet jekk kienx possibbli għaliha li taġġorna n-NIM billi ssemmi mingħajr ma jiġu approssimati, għal kull installazzjoni meqjusa mill-Kummissjoni bħala li tuża biss il-bijomassa, il-kwantitajiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili effettivament emessi matul il-perijodu ta’ referenza.

18      Permezz ta’ posta elettronika tas‑16 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni wieġbet lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent li ma kienx iktar possibbli li jsiru bidliet li jaffettwaw l-identità tal-installazzjonijiet li jinsabu fin-NIM jew il-kalkolu tal-parametri referenzjarji ta’ prodotti, peress li l-atti relatati magħhom kienu fil-proċess ta’ adozzjoni.

19      Fil‑25 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

20      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat il-każijiet li fihom hija kellha l-intenzjoni tqajjem oġġezzjonijiet fil-konfront tan-NIM li kienu ġew proposti lilha. Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat dan li ġej fil-premessa 11 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Ir-[Repubblika tal-Finlandja] u [ir-Renju tal-Isvezja] pproponew l-inklużjoni ta’ 51 installazjoni li jużaw biss il-bijomassa. Uħud minn dawk l-installazjonijiet kienu soġġetti għall-inklużjoni unilaterali fl‑2004-2007, approvata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE. Madankollu, l-installazjonijiet li jużaw biss il-bijomassa kienu esklużi sussegwentement mill-[…] ETS f’konformità ma’ dispożizzjoni ġdida fil-[punt 1] tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE. Dik id-dispożizzjoni ddaħlet […] permezz tad-Direttiva 2009/29 […], u mill-applikazzjoni tagħha fl-1 ta’ Jannar 2013, iddeterminat ambitu ġdid għall-ETS, inkluż rigward l-inklużjonijiet minn qabel. Għalhekk, l-inklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw biss il-bijomassa għandha tiġi miċħuda għas-snin kollha tal-perjodu tal-linja bażi, inkluż meta kienu elenkati fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87.”

21      Fit‑12 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/447 li jiddetermina l-valuri riveduti tal-parametri referenzjarji għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-perijodu mill-2021 sal–2025 skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2021, L 87, p. 29).

22      Fit‑2 ta’ Ġunju 2021, ir-Renju tal-Isvezja kkomunika lill-Kummissjoni NIM ġdida, li fuqha r-rikorrenti lanqas ma kienet tidher.

 Ittalbiet talpartijiet

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Il-Parlament Ewropew jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

26      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

27      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. It-tielet wieħed jirrigwarda l-ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-Direttiva 2003/87, b’mod partikolari tal-Artikolu 10a u tal-punt 1 tal-Anness I tagħha. Fl-aħħar nett, is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-imsemmi punt.

28      Barra minn hekk, mingħajr ma rabtuhom formalment mas-sitt motivi tar-rikors, il-partijiet prinċipali skambjaw argumenti dwar il-kuntest ġuridiku applikabbli għall-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u dwar l-obbligi tal-Kummissjoni. Dawn l-argumenti għandhom impatt fuq l-evalwazzjoni, b’mod partikolari, tat-tieni u tat-tielet motiv tar-rikors.

29      Għalhekk, qabel kollox, għandu jitfakkar il-kuntest ġuridiku li fih taqa’ l-ETS kif ukoll l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87, imbagħad għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, fl-aħħar nett, dawk li jikkontestaw il-fondatezza ta’ din tal-aħħar.

 Osservazzjonijiet preliminari dwar lETS u lgħanijiet imfittxija midDirettiva 2003/87

30      L-ETS, irregolata mid-Direttiva 2003/87, tikkonċerna l-installazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji ddefiniti fl-Anness I tagħha u li jemettu wieħed jew iktar mill-gassijiet serra msemmija fl-Anness II tagħha (Artikolu 2 ta’ din id-direttiva). Konformement mal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, l-ETS għandha l-għan li tħeġġeġ lill-impriżi jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra taħt kundizzjonijiet ekonomikament effiċjenti u effettivi. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 8 tal-istess direttiva, l-ETS timplika għaldaqstant l-inklużjoni ta’ attivitajiet li jippreżentaw ċertu potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi ETS li hija maħsuba sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jimpedixxi kull interferenza antropoġenika perikoluża tal-klima u li l-għan finali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange u Schifflange, C‑321/15, EU:C:2017:179, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva hija intiża sabiex tnaqqas l-emissjonijiet globali tal-gassjiet serra tal-Unjoni Ewropea meta mqabbla mal-livelli tagħhom tas-sena 1990, f’kundizzjonijiet ekonomikament effiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punti 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      L-ETS għandha għaldaqstant l-għan li tissodisfa l-impenji internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-ambjent, filwaqt li ssegwi diversi għanijiet bħal “[toħloq] l-inqas [ħsara] possibbli [lil]l-iżvilupp ekonomiku u [li]x-xogħol”(premessa 5 tad-Direttiva 2003/87), “preservazzjoni ta’ l-integrità tas-suq intern”(premessa 7 tal-imsemmija direttiva), “tiġi evitata id-distorsjoni tal-kompetizzjoni” (premessa 7 ta’ din id-direttiva) (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata) u l-prevenzjoni tat-“rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju”, jiġifieri r-rilokazzjoni, barra mis-suq intern, tal-produtturi li jemettu gassijiet serra, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10b tal-istess direttiva, b’mod partikolari.

33      Għal dan l-għan, l-impriżi inklużi fl-ETS huma obbligati, minn naħa, li jiksbu awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, li tinħarġilhom mill-Istati Membri bil-kundizzjoni li juru l-kapaċità tagħhom li jimmonitorjaw u jiddikjaraw l-emissjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jirrestitwixxu kull sena kwoti, trasferibbli ġewwa u barra l-Unjoni. L-ekwivalenza bejn il-kwoti rrestitwiti minn kull installazzjoni u l-emissjonijiet effettivi tagħha ta’ gassijiet serra evalwati f’tunnellati ta’ ekwivalenti tad-diossidu tal-karbonju għandha tiġi vverifikata u kkontabilizzata mill-Istati Membri (Artikolu 3(a), u Artikoli 4 sa 6, 12, 15, 19 u 25 tad-Direttiva 2003/87).

34      Għalhekk, l-ETS tistabbilixxi numru ta’ inċentivi ekonomiċi għat-tnaqqis tal-gassijiet serra mill-installazzjonijiet stess. Fil-fatt, għalkemm l-għan finali tal-ETS huwa l-protezzjoni tal-ambjent, din l-iskema ma tnaqqasx fiha nnifisha l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Min-naħa l-oħra, hija tinkoraġġixxi u tiffavorixxi t-tfittxija tal-ispejjeż l-iktar baxxi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-imsemmija emissjonijiet f’livell kompatibbli mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, li tiddependi fuq ir-rigorożità li biha tiġi stabbilita l-kwantità totali ta’ kwoti mogħtija (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 31, u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 26).

35      Għaldaqstant, l-ETS hija bbażata fuq loġika ekonomika, li tħeġġeġ lil kull parteċipant fiha jemetti kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li jkunu ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex jittrasferixxi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li jkun ipproduċa kwantità ta’ emissjonijiet li taqbeż il-kwoti allokati jew miksuba. Il-kwoti ta’ emissjoni għandhom, minħabba f’hekk, valur kummerċjali (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange u Schifflange, C‑321/15, EU:C:2017:179, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 63; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża ArcelorMittal Rodange u Schifflange, C‑321/15, EU:C:2016:516, punti 48 sa 55).

36      Barra minn hekk, l-ETS tipprevedi, permezz ta’ eċċezzjoni tranżitorja għar-regola li l-kwoti ta’ emissjonijiet huma s-suġġett ta’ bejgħ bl-irkant, id-distribuzzjoni ta’ ċerti kwoti bla ħlas (Artikoli 9, 9a, 10, 10a u 10c tad-Direttiva 2003/87), li n-numru tagħhom ilu jonqos b’mod lineari mill‑2013. In-numru ta’ kwoti allokati bla ħlas issa huwa ddeterminat skont parametri referenzjarji ikkalkolat għal kull prodott, bħala prinċipju u sa fejn huwa possibbli, li jikkorrispondi għall-prestazzjoni medja ta’ 10 % tal-produtturi ekoloġikament l-iktar effiċjenti, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10a tal-imsemmija direttiva. Skont il-paragrafu 2(a) u (b) ta’ dan l-artikolu tal-aħħar, għall-perijodu 2021‑2025, il-valuri tal-parametri referenzjarji huma suġġetti għal rata ta’ tnaqqis annwali massima ta’ 1.6 %.

37      Sabiex tkun eliġibbli għall-allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas, installazzjoni għandha tkun inkluża fil-miżura ta’ implimentazzjoni li l-adozzjoni tagħha mill-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu tkun stabbilita, hija prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87. Konformement mal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, l-Istati Membri ma jistgħux jakkordaw kwoti bla ħlas lil installazzjonijiet li lilhom il-Kummissjoni tkun irrifjutat ir-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet inklużi li tiġi kkalkolata l-prestazzjoni medja għal kull parametru referenzjarju ta’ prodott, li minnu tiddependi l-allokazzjoni tal-kwoti bla ħlas.

38      Il-kwoti li ma jiġux iddistribwiti bla ħlas jiġu suġġetti għall-bejgħ bl-irkant taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. L-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għaldaqstant hija progressivament maħsuba li tissejjes esklużivament fuq il-prinċipju tal-bejgħ bl-irkant, li, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, hija ġeneralment meqjusa bħala s-sistema l-iktar effiċjenti mill-perspettiva ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 66).

39      Fost il-kategoriji ta’ attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, hemm il-produzzjoni tal-karta jew tal-kartun, b’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ iktar minn 20 tunnellata kuljum. L-installazzjonijiet ikkonċernati huma, skont dan l-istess anness, suġġetti għall-ETS f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet tagħhom ta’ diossidu tal-karbonju.

40      Madankollu, il-punti 1 u 3 tal-Anness I għad-Direttiva 2003/87 jipprovdu:

“1.      […] [l-]istallazzjonijiet li jużaw biss il-bijomassa mhumiex koperti b’din id-Direttiva.

3.      […] junits li jużaw biss il-bijomassa ma jitqisux għall-finijiet ta[l‑]kalkolu tal-[inputtermiku totali ta’ installazzjoni]. ‘Junits li jużaw biss il-bijomassa’ jinkludu impjanti li jużaw il-karburanti fossili meta jitqabbdu jew meta jintfew biss.”

41      Il-parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2003/87 tinkludi punt intitolat “Il-Kalkolu [tal-Emissjonijiet]”, li l-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tiegħu tipprovdi li “[i]l-valur ta’ l-emissjonijiet għall-bijomassa għandu jkun żero”.

42      Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, u rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, ĠU 2021, L 224, p. 42 u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37), tinkludi l-bijomassa fost l-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Il-punt 24 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-bijomassa bħala “il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi ta’ oriġini bijoloġika mill-agrikoltura, inkluż sustanzi veġetali u mill-annimali, mill-industriji forestali u industriji relatati, inkluż is-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ skart, inkluż l-iskart industrijali u muniċipali ta’ oriġini bijoloġika”.

43      Il-partijiet ma jaqblux fir-rigward tal-portata u tal-legalità tal-eċċezzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-bijomassa, li, kif tfakkar fil-punti 2 sa 22 iktar ’il fuq, wasslet lill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tirrifjuta l-inklużjoni fl-ETS tal-installazzjoni inkwistjoni, li għandha, b’mod partikolari, l-effett li ċċaħħadha minn kull allokazzjoni ta’ kwoti ta’ gassijiet serra bla ħlas għar-raba’ perijodu ta’ skambju (2021–2025).

 Fuq ilproċedura li wasslet għalladozzjoni taddeċiżjoni kkontestata

44      Minbarra l-argumenti speċifikament marbuta mar-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet ma jaqblux fuq żewġ kwistjonijiet, li għandhom jiġu eżaminati preliminarjament.

45      Minn naħa, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġew ippreżentati lilha fis‑26 ta’ Jannar u fl‑4 ta’ Frar 2021 (ara l-punti 12 u 17 iktar ’il fuq), minħabba li, f’dan l-istadju tal-adozzjoni tan-NIM previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87 u tar-Regolament Delegat dwar il-valur tal-parametri referenzjarji previst fl-Artikolu 10a tal-imsemmija direttiva, ma kienx iktar possibbli, għal din l-istituzzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni bidliet li għandhom effett fuq l-identifikazzjoni tal-installazzjonijiet inklużi fl-ETS u eliġibbli għal allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas. Dawn l-argumenti, ippreżentati b’mod awtonomu, jikkoinċidu ħafna ma’ dawk imressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti tat-tielet motiv u ser jiġu eżaminati f’dan il-kuntest.

46      Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux dwar il-portata tar-regoli tal-approssimazzjoni li jirriżultaw mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad‑19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU 2018, L 334, p. 1). Qabel kollox għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti, kif hija tallega, setgħetx targumenta li d-data approssimata li hija ppreżentat lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent u li ġiet trażmessa minnha lill-Kummissjoni kienet tikkorrispondi madankollu għal emissjonijiet reali ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili mhux ta’ żero, iżda ta’ bejn 0 u 0.5 tunnellata.

 Fuq itteħid inkunsiderazzjoni taddata approssimata ddikjarata matul ilproċedura ta’ adozzjoni taddeċiżjoni kkontestata

47      Fl‑2018, hekk kif isemmi l-posta elettronika li l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent bagħtet lill-Kummissjoni fl‑4 ta’ Frar 2021 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ssostni li hija emettiet 0.37 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili. Ir-rikorrenti tipproduċi wkoll dikjarazzjonijiet iċċertifikati dwar is‑snin 2019 u 2020, li jgħidu li hija emettiet, għal dawn is-sentejn, kwantitajiet rispettivi ta’ 0.29 u 0.46 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili.

48      Ir-rikorrenti ssostni li, peress li hija kkonformat ruħha mar-regoli tal-approssimazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni billi ddikjarat żero emissjonijiet għas-sena 2018, hija tinsab, minħabba dan il-fatt biss, f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli minn dik li fiha tqiegħdu l-impriżi li, bi ksur ta’ dawn ir-regoli, kienu ddikjaraw l-emissjonijiet reali tagħhom meta dawn kienu inqas minn 0.5 tunnellata. Fil-fatt, dawn l-aħħar installazzjonijiet ma ġewx esklużi mill-ETS.

49      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-installazzjonijiet kollha li emettew inqas minn 0.5 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili, kemm jekk għamlu approssimazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tagħhom kif ukoll jekk le, kellhom jiġu esklużi mill-ETS, tikkostitwixxi razzjonalizzazzjoni a posteriori li dwarha l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent manifestament ma kinitx informata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

50      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

51      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/2066, “L-emissjonijiet totali annwali ta’ kull wieħed mill-gassijiet serra [id-diossidu tal-karbonju, ossidu nitruż u perfluworokarburi] għandhom jiġu rrapportati f’tunnellati approssimati ta’ [diossidu tal-karbonju jew ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju]”.

52      Huwa stabbilit u jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni b’risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ġiet indirizzata lilha mill-Qorti Ġenerali kif ukoll mid-dokumenti ppreżentati spontanjament mir-rikorrenti li, matul il-proċedura kollha li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-data ta’ emissjonijiet li tikkonċerna lir-rikorrenti għall-perijodu ta’ referenza 2014–2018 li kienet ġiet ikkomunikata mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent lill-Kummissjoni kienet nulla.

53      Ir-rikorrenti ma tikkontestax li ma emettietx diossidu tal-karbonju mill-fossili matul is-snin 2014 sa 2017. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li d-data ta’ 0 tunnellata għas-sena 2018 kienet tirriżulta minn approssimazzjoni għal unità interjuri tal-emissjonijiet effettivi tagħha, li allegatament kienu ta’ 0.37 tunnellata. Hija ssostni li l-osservanza tagħha tar-regoli ta’ approssimazzjoni ħolqitilha preġudizzju relattiv, fir-rigward tal-installazzjonijiet li ma ddikjarawx data ta’ żero filwaqt li l-emissjonijiet reali tagħhom kienet ta’ inqas minn 0.5 tunnellata u ma ġewx esklużi mill-ETS, li ppermettilhom ikomplu jibbenefikaw minn allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas.

54      Mingħajr ma tikkontesta r-realtà tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li r-regoli ta’ approssimazzjoni huma ta’ natura imperattiva u li r-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata tilmenta dwar il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tagħhom.

55      Madankollu, ma hemmx dubju li, għalkemm ir-rikorrenti osservat ir-regoli ta’ approssimazzjoni previsti mid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, dan ma huwiex il-każ tal-installazzjonijiet kollha li jinsabu fin-NIM. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li naqset bi żball milli teskludi żewġ installazzjonijiet li l-emissjonijiet iddikjarati tagħhom kienu inqas minn 0.5 tunnellata, iżda ma kinux ġew approssimati.

56      Ċertament, huwa ta’ dispjaċir li l-Kummissjoni ma żammitx dwar din il-kwistjoni pożizzjoni kostanti matul il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif juru, b’mod partikolari, il-mistoqsijiet li hija għamlet lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent u l-identifikazzjoni tal-installazzjonijiet li hija kellha l-intenzjoni teskludi mill-ETS. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regola ta’ approssimazzjoni hija meħtieġa mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/2066. Dan l-obbligu jirriproduċi dak li kien preċedentement previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal‑21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 181, p. 30 u rettifika fil-ĠU 2012, L 347, p. 43) li lilu ssostitwixxa. Għaldaqstant, dan l-obbligu kien japplika kemm għar-rapporti annwali tal-emissjonijiet stabbiliti mill-installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-ETS għal kull waħda mis-snin tal-perijodu 2014–2018 kif ukoll għar-rapport tal-emissjonijiet dwar il-perijodu ta’ referenza li l-Istati Membri kienu obbligati jippreżentaw insostenn tal-proġetti tagħhom ta’ NIM.

57      L-argument tar-rikorrenti li jgħid li din ir-regola ma tistax tiġi applikata sabiex jiġi ddeterminat jekk, fis-sens tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, installazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li tuża esklużivament il-bijomassa ma jistax jintlaqa’.

58      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/2066, din ir-regola imperattiva tapplika għad-dikjarazzjonijiet kollha ta’ emissjonijiet marbuta mal-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Għaldaqstant dan huwa metodu oġġettiv, applikabbli għall-installazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva għal kull sena mill-perijodu ta’ referenza, hekk kif tfakkar fil-punt 56 iktar ’il fuq, li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk installazzjoni li tuża l-bijomassa taqax jew le taħt l-esklużjoni dwar l-użu esklużiv tal-bijomassa fis-sens tal-punt 1 tal-imsemmi anness.

59      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti li installazzjoni li tuża l-bijomassa u li tiddikjara 0 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili għandha titqies li ma tużax esklużivament il-bijomassa, peress li l-emissjonijiet reali tagħha ma humiex żero, tmur kontra r-rekwiżit ta’ koerenza tal-ETS, li jiddependi, b’mod partikolari, fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ dikjarazzjoni u ta’ monitoraġġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/2066 huwa intiż li jiggarantixxi. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, billi jassimila mal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa dawk li jemettu d-dijossidu tal-karbonju mill-fossili għall-finijiet biss tal-bidu u tal-waqfien tal-proċess ta’ produzzjoni, il-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi espressament in-nuqqas ta’ inklużjoni fl-ETS ta’ installazzjonijiet li l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-fossili tagħhom huma marġinali, iżda mhux neċessarjament żero.

60      Sussegwentement, ir-rikorrenti kienet obbligata, hekk kif għamlet, li tiddikjara żero emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili għal kull waħda mis-snin tal-perijodu ta’ referenza u, b’mod partikolari, li twettaq approssimazzjoni għal żero fid-dikjarazzjoni tal-emissjonijiet tagħha għas-sena 2018. Għaldaqstant, hija ma hijiex iġġustifikata li tilmenta, bla ħsara għall-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet dwar l-installazzjoni inkwistjoni li ġew trażmessi lilha mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, li kienu juru l-assenza ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili u, konsegwentement, l-użu esklużiv tal-bijomassa.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali

61      It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali, jinqasam fi tliet partijiet: permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-dmir ta’ diliġenza, permezz tat-tieni waħda, dak tad-dritt għal smigħ u, permezz tat-tielet waħda, dak tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

–       Fuq lewwel parti tattielet motiv, ibbażat fuq ilksur taddmir ta’ diliġenza

62      Ir-rikorrenti ssostni li, kieku l-Kummissjoni kienet evalwat korrettament l-informazzjoni mibgħuta mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, din kienet tasal għal konklużjoni differenti fir-rigward tal-inklużjoni tal-installazzjoni inkwistjoni fl-ETS. Il-Kummissjoni għalhekk naqset mill-obbligu ta’ diliġenza tagħha.

63      Skont ir-rikorrenti, għall-applikazzjoni tal-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa prevista fil-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, il-kwistjoni dwar jekk l-installazzjoni inkwistjoni tiġġenerax jew le emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili hija element rilevanti. Issa, il-Kummissjoni naqset mid-dmir tagħha li tivverifika b’mod xieraq jekk l-imsemmija installazzjoni kinitx tuża esklużivament il-bijomassa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indirizzat mistoqsija lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent li tgħid li kien jidhrilha li din l-installazzjoni kienet tuża “kważi esklużivament” il-bijomassa, li jfisser li hija kienet taf bl-użu ta’ karburanti mill-fossili minn tali installazzjoni. Għaldaqstant hija deliberatament għażlet li teskludi mingħajr raġuni d-data ċċertifikata pprovduta mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, li l-imparzjalità tagħha ma setgħetx tiġi kkontestata.

64      Barra minn hekk, il-Kummissjoni damet biex tindika lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent li hija kienet tal-fehma li l-installazzjonijiet, bħall-installazzjoni inkwistjoni, li kienu ddikjaraw kwantitajiet ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili ugwali għal żero kellhom jiġu esklużi mill-ETS. L-impożizzjoni fuq l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent ta’ allegat terminu li wara l-iskadenza tiegħu data ġdida, anki jekk rilevanti, ma tistax tittieħed iktar inkunsiderazzjoni hija qarrieqa.

65      Fir-replika, ir-rikorrenti tikkritika, barra minn hekk, lill-Kummissjoni talli ma imponietx b’mod ċar terminu fuq l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex fondata li tibbaża argument fuq it-tardività ta’ ċerta informazzjoni li ġiet ippreżentata lilha. Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ teskludi l-installazzjoni inkwistjoni mill-ETS li kieku din l-istituzzjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet approssimat l-emissjonijiet tagħha konformement mar-regoli fis-seħħ, filwaqt li, fir-realtà, dawn ma kinux żero.

66      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-iskadenza ta’ terminu li hija ma stabbilixxietx. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma kienx tard wisq sabiex din l-istituzzjoni tieħu inkunsiderazzjoni. id-data kkomunikata mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent fil-posta elettronika tas‑26 ta’ Jannar 2021. Fil-fatt, il-Kummissjoni stess emendat l-atti li dak iż-żmien kienu fil-proċess li jiġu adottati, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-valur tal-emissjonijiet tal‑10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti li jaqgħu taħt parametri referenzjarji oħrajn ta’ prodotti. Barra minn hekk, mill-Anness A 10 tar-rikors jirriżulta li żewġ installazzjonijiet kienu ġew awtorizzati jipprovdu data aġġornata wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk, a fortiori, wara s‑26 ta’ Jannar 2021.

67      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata iktar minn xahar wara l-komunikazzjoni mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn l-installazzjonijiet li pproċedew għall-approssimazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tagħhom jew le u r-regolament dwar il-parametri referenzjarji ta’ prodott ġie adottat kważi xahar u nofs iktar tard. Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-installazzjoni inkwistjoni għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju ta’ prodott kien jikkostitwixxi biss adattament minuri. Għalkemm il-Kummissjoni ssostni li l-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dam ħmistax-il xahar, għandu madankollu jiġi osservat li l-problema marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-installazzjonijiet li approssimaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom għal żero ma setgħetx titqajjem mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent ħlief wara tnax-il xahar u li t-tardività ta’ din l-informazzjoni, allegata mill-Kummissjoni, hija fir-realtà ferm imputabbli lil din tal-aħħar.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

69      Skont il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ proċedura amministrattiva li tirrigwarda evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandu jkollhom setgħa diskrezzjonali sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Iżda, fil-każ li huma jkollhom tali setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu li jiġu eżaminati, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punti 13 u 14).

70      Hekk kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet kontrolli dwar il-kompletezza u l-koerenza tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha mid-dipartimenti kompetenti tal-Istati Membri.

71      Bil-kontra għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma takkużaha li ma wettqitx kontrolli fuq il-post u lanqas li ma vverifikatx l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet ippreżentati mill-installazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li din l-istituzzjoni ma setgħetx twarrab bħala tardiva l-informazzjoni li ġiet trażmessa lilha mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, li tipprovdi, minn naħa, li hija kienet approssimat id-dikjarazzjonijiet tal-emissjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-emissjonijiet tagħha ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili reali ma kinux żero fl‑2018.

72      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87, in-NIM relatata mar-raba’ perijodu ta’ skambju (2021–2025) kellhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni qabel it‑30 ta’ Settembru 2019. Huwa stabbilit li dan it-terminu ġie osservat fil-każ ineżami mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent.

73      Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li ebda terminu ieħor minbarra dak imsemmi fil-punt 72 iktar ’il fuq ma ġie impost fuq l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent. F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li ġie ffissat terminu għas‑7 ta’ Diċembru 2021 ma hijiex konvinċenti. Fil-fatt, dan it-terminu, imsemmi f’posta elettronika, kien is-suġġett ta’ kontestazzjoni immedjata mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, li d-dipartimenti tal-Kummissjoni ma opponewx għaliha.

74      Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-emendi tan-NIM dwar il-valuri ddikjarati mill-installazzjonijiet jistgħu prima facie jkollhom effett fuq id-definizzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ prodott, sa fejn dawn jaqgħu taħt l-ETS. Dan japplika iktar u iktar għall-installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa, peress li tali emissjonijiet ma jingħaddux fil-kalkolu tan-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu rrestitwiti. Il-partijiet, madankollu, ma jaqblux dwar il-konsegwenzi li l-Kummissjoni kellha tislet fil-każ ineżami, mill-informazzjoni li ġiet trażmessa lilha mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent bejn is‑26 ta’ Jannar u l‑4 ta’ Frar 2021. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet obbligata tevalwa l-informazzjoni rilevanti kollha, tkun xi tkun id-data tat-trażmissjoni tagħha, filwaqt li l-Kummissjoni hija tal-fehma li, mill-mument meta l-proċedura ta’ adozzjoni tar-regolament li jistabbilixxi l-parametri referenzjarji kienet għaddejja, kien tard wisq sabiex jiġu sottomessi lilha emendi li jistgħu jikkontestaw il-proġetti ta’ parametri referenzjarji. Il-Kummissjoni ssostni li, li kieku tali emendi kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-adozzjoni tal-atti indispensabbli għall-allokazzjoni tal-kwoti bla ħlas kienet iġġarrab dewmien kunsiderevoli.

75      Issa, ma huwiex ikkontestat li, fid-data li fiha l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent avżat lill-Kummissjoni bi problemi marbuta ma’ differenzi relatati mal-approssimazzjoni tal-valuri ddikjarati u, a fortiori, meta l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent informat lill-Kummissjoni li l-valur tal-emissjonijiet tal-installazzjoni inkwistjoni ma kienx żero fl-2018, iżda li kien ta’ 0.3727 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), jiġifieri fl‑4 ta’ Frar 2021, l-abbozz ta’ regolament li jistabbilixxi l-parametri referenzjarji ta’ prodotti kien diġà ġie ppreżentat lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima. Permezz ta’ posta elettronika tal‑1 ta’ Frar 2021 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kienet informat lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent li kienu għadhom jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss bidliet mingħajr effett fuq il-parametri referenzjarji ta’ prodotti.

76      Huwa minnu li l-Kummissjoni għandha raġun issostni li l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li l-allokazzjonijiet ta’ kwoti bla ħlas jippreżumu minn qabel id-definizzjoni tal-parametri referenzjarji skont is-settur ta’ attività u li, skont l-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva, l-allokazzjonijiet ta’ kwoti bla ħlas għandhom isiru qabel it‑28 ta’ Frar tas-sena kurrenti. Fil-fatt, l-Artikolu 10a(2) ta’ din id-direttiva, billi jipprevedi li l-punt ta’ tluq tal-parametri referenzjarji ex ante huwa l-prestazzjoni medja tal‑10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti tas-settur, jippreżupponi l-istabbiliment tal-lista tal-installazzjonijiet inklużi fl-ETS. Għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa possibbli għall-Kummissjoni li tieħu l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura amministrattiva neċessarji sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-iskadenzi previsti fl-Artikolu 11(2) tal-istess direttiva, b’mod partikolari billi tagħti termini lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jippreżentaw id-data kollha neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-lista tal-installazzjonijiet inklużi kif ukoll il-prestazzjoni tal-enerġija tagħhom. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 73 iktar ’il fuq, mill-proċess ma jirriżultax li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni tat b’mod ċar terminu mandatorju lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li kienet ġiet trażmessa lilha.

78      Issa, kif jirriżulta mill-posta elettronika tal-Kummissjoni tal‑1 ta’ Frar 2021, indirizzata lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni, f’dan il-każ, irrifjutat fil-prinċipju li tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe informazzjoni ġdida li jista’ jkollha effett fuq il-lista tal-installazzjonijiet inklużi u fuq il-kalkolu tal-valuri tal-parametri referenzjarji. Dan ir-rifjut ġie kkonfermat permezz tal-posta elettronika tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Frar 2021 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), li fiha l-Kummissjoni indikat li l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent li ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li din tal-aħħar kienet ikkomunikatilha fl‑4 ta’ Frar 2021, dwar, minn naħa, l-inklużjoni ta’ żewġ installazzjonijiet li kienu ddikjaraw valuri ta’ iktar minn żero, iżda ta’ inqas minn 0.5 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili u, min-naħa l-oħra, dwar l-esklużjoni tal-installazzjonijiet tar-rikorrenti, meta din kienet approssimat għal żero tunnellata d-dikjarazzjonijiet tal-emissjonijiet tagħha għas-sena 2018, filwaqt li l-emissjonijiet reali tagħha mhux approssimati kienu ta’ iktar minn żero tunnellata u inqas minn 0.5 tunnellata. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni injorat l-obbligu li hija għandha skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami..

79      Barra minn hekk, hekk kif issostni r-rikorrenti, għandu jiġi osservat li l-kriterju ta’ esklużjoni msemmi fl-ittra ta’ osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Mejju 2020, indirizzata lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent. (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) kien relatat mal-użu, anki f’sena waħda biss tal-perijodu ta’ referenza, ta’ kważi 100 % ta’ bijomassa. Peress li dan il-kriterju huwa ta’ natura iktar stretta minn dak li finalment użat il-Kummissjoni, din l-informazzjoni żbaljata kellha l-effett li ċċaħħad lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent mill-possibbiltà li tkun taf preċiżament, matul il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87.

80      Madankollu, mill-punti 51 sa 60 iktar ’il fuq jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data mogħtija fl‑4 ta’ Frar 2021 mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent ma setax ikollha l-iċken effett fuq l-esklużjoni tal-installazzjoni tar-rikorrenti, peress li hekk kif jirriżulta mill-punti 51 sa 60 iktar ’il fuq, l-installazzjonijiet li emettew inqas minn 0.5 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili kellhom jitqiesu bħala li jużaw esklużivament il-bijomassa fis-sens tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjonijiet tal-partijiet waqt is-seduta jirriżulta li t-tnaqqis massimu tal-valur tal-parametru referenzjarju previst fl-Artikolu 10(2)(b) tal-imsemmija direttiva (ara l-punt 36 iktar ’il fuq) kien intlaħaq, tant li huwa probabbli li l-inklużjoni ta’ installazzjoni iktar effiċjenti mill-medja, jew l-esklużjoni ta’ żewġ installazzjonijiet inklużi b’mod żbaljat, hija fil-każ ineżami, fid-dawl tan-numru kbir ta’ installazzjonijiet li jaqgħu taħt dan il-parametru referenzjarju, żero jew, tal-inqas, marġinali ħafna.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li teżamina b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami kkonstatat fil-punt 78 iktar ’il fuq jibqa’ mingħajr effett fuq il-legalità tal-esklużjoni tal-installazzjoni inkwistjoni mill-ETS. Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ma hijiex adita bil-kwistjoni tal-inklużjoni fin-NIM nnotifikata mir-Renju tal-Isvezja taż-żewġ installazzjonijiet l-oħra msemmija fis-posta elettronika tal‑4 ta’ Frar 2021, li ddikjaraw, mingħajr approssimazzjoni, emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili inferjuri għal 0.5 tunnellata.

82      Minn dan isegwi li, minkejja l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni meta rrifjutat bħala prinċipju li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li ġiet trażmessa lilha mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent fl-4 ta’ Frar 2021, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittieni parti tattieni motiv, ibbażata fuq ksur taddritt għal smigħ

83      Ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-Kummissjoni ma tathiex il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija kisret id-dritt għal smigħ tagħha. Hija tqis li dan il-ksur imur kontra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li, fl-assenza ta’ dan il-ksur, hija setgħet tistabbilixxi li l-installazzjoni inkwistjoni ma kinitx tuża esklużivament il-bijomassa, iżda li l-emissjonijiet tagħha tad-diossidu tal-karbonju kienu parzjalment miksuba mill-fossili. Hija ssostni li b’hekk hija kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha li kieku d-dritt għal smigħ tagħha kien ġie rrispettat. Hija ssostni li setgħet tindika lill-Kummissjoni li hija kienet approssimat l-emissjonijiet tagħha ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili għal żero, meta dawn ma kinux żero u li hija kellha l-intenzjoni li tkompli temetti d-diossidu tal-karbonju mill-fossili matul il-perijodu 2021–2025.

84      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata taffettwaha b’mod sfavorevoli ħafna. Fil-fehma tagħha, minn naħa, hija ġiet imċaħħda minn profitt ta’ iktar minn EUR 3 miljun stmat abbażi tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bla ħlas li hija bbenefikat minnha għas-sena 2020. Min-naħa l-oħra, l-esklużjoni tal-installazzjoni inkwistjoni mill-ETS iċċaħħadha mill-awtorizzazzjoni għall-emissjoni tad-diossidu tal-karbonju mill-fossili u tesponiha għal sanzjonijiet kriminali.

85      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tindika li, peress li l-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 huwa redatt fil-preżent, il-fatt eventwali li hija użat biss bijomassa matul il-perijodu ta’ referenza (2014–2018) ma għandux ikun determinanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hija kellhiex l-intenzjoni temetti diossidu tal-karbonju mill-fossili matul is-snin sussegwenti. Hija tqis li, li kieku setgħet issostni dan l-argument, hija kienet tkun tista’ tipprova d-dritt tal-installazzjoni inkwistjoni li tibqa’ fl-ETS.

86      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

87      Skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha b’ mod negattiv.

88      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedimenti mressqa kontra persuna u li jistgħu jwasslu għal att li jista’ joħolqilha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedimenti. Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tressaq, b’mod utli u effettiv, il-pożizzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tagħha (ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑287/02, EU:C:2005:368, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Fil-każ ineżami, id-dritt għal smigħ ma ġiex miksur. Fil-fatt, hekk kif tiddikjara l-Kummissjoni, il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87 tinfetaħ biss kontra l-Istat Membru kkonċernat. Din il-proċedura hija intiża sabiex il-Kummissjoni tiżgura ruħha li n-NIM dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bla ħlas, ippreżentati mill-Istat Membru kkonċernat, ikunu konformi mar-regoli msemmija fl-Artikolu 10a(1) tal-imsemmija direttiva.

90      Għal dak li jirrigwarda din il-proċedura, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2019, L 59, p. 8, u rettifika fil-ĠU 2020, L 296, p. 8), l-operaturi tal-installazzjonijiet inkwistjoni ma għandhom ebda dritt proċedurali speċifiku. Skont ir-regoli previsti mill-imsemmi Regolament Delegat, huwa fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali dwar il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tal-lista tal-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87 kif ukoll tal-kwoti bla ħlas allokati lil kull installazzjoni li l-operaturi tal-installazzjonijiet ikkonċernati għandhom jinstemgħu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament Delegat jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti amministrattivi xierqa sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tar-regoli previsti minn dan ir-regolament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ddikjaratx li, quddiem l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti l-opinjoni tagħha b’mod utli u effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2014, Arctic Paper Mochenwangen vs Il-Kummissjoni, T‑634/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:828, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittielet parti tattielet motiv, ibbażata fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

92      Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, id-deċiżjoni kkontestata kellha, minn naħa, tindika r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterji tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni dwar il-bijomassa u, min-naħa l-oħra, turi espliċitament ir-raġunijiet li għalihom, l-ewwel, il-fatt li hija kienet temetti diossidu tal-karbonju mill-fossili ma kienx rilevanti, it-tieni, installazzjonijiet li l-livelli ta’ emissjoni tagħhom kienu paragunabbli ġew ittrattati b’mod differenti, it-tielet, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar l-eżistenza tal-emissjonijiet tagħha ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili li ġew ikkomunikati lilha mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, ir-raba’, hija ma nstemgħetx minkejja l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni u, il-ħames, sabiex tiddetermina jekk l-eċċezzjoni dwar il-bijomassa kinitx applikabbli għaliha, il-Kummissjoni qieset biss l-emissjonijiet passati ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili tal-installazzjoni kkonċernata u mhux l-emissjonijiet attwali jew futuri tagħha.

93      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

94      Il‑motivazzjoni meħtieġa mill‑Artikolu 296 TFUE għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal‑awtur tal‑att ikkontestat, b’mod li jippermetti lill‑persuni kkonċernati jidentifikaw il‑ġustifikazzjonijiet tal‑miżura adottata sabiex jiddefendu d‑drittijiet tagħhom u b’mod li jippermetti lill‑qorti tal‑Unjoni teżerċita l‑istħarriġ tagħha. (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2009, Il-Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑183/07, EU:T:2009:350, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tar-raġunijiet invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2009, Il-Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑183/07, EU:T:2009:350, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Għandu wkoll jitqies li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE, fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar in-NIM għall-allokazzjoni tranżitorja bla ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87, għandha importanza iktar u iktar fundamentali peress li, fil-każ ineżami, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni taħt din l-aħħar dispożizzjoni jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi u li l-istħarriġ tal-legalità u tal-fondatezza ta’ dawn l-evalwazzjonijiet mill-qorti tal-Unjoni huwa ristrett (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2009, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑183/07, EU:T:2009:350, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fil-każ ineżami, mill-motivazzjoni li tinsab fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 20 iktar ’il fuq) jirriżulta mingħajr ekwivoku r-raġunament segwit fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-imsemmija premessa jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-installazzjoni inkwistjoni, peress li kienet użat esklużivament il-bijomassa, kellha tiġi eskluża mill-ETS b’applikazzjoni tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87.

98      Peress li dawn l-indikazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jippermettu lir-rikorrenti tippreżenta b’mod utli r-rikors tagħha u sabiex il-Qorti Ġenerali tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx, għaldaqstant, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, marbuta tipprovdi motivazzjoni speċifika fuq il-kwistjonijiet imsemmija fil-punt 92 iktar ’il fuq.

99      Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda, u, konsegwentement, l-imsemmi motiv kollu kemm hu.

 Fuq ilfondatezza taddeċiżjoni kkontestata

100    Qabel kollox għandu jiġi eżaminat il-ħames motiv invokat mir-rikorrenti, dwar il-legalità tal-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Insostenn ta’ dan il-motiv, fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li, billi qieset li l-installazzjonijiet kollha li ddikjaraw żero emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju mill-fossili, inklużi dawk li approssimaw l-emissjonijiet reali tagħhom, għandhom jiġu esklużi mill-ETS, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet essenzjali tad-Direttiva 2003/87.

 Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur tadDirettiva 2003/87

101    Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. Insostenn tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ referenza ddefinit fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat 2019/331 sabiex tiddetermina jekk l-installazzjoni inkwistjoni setgħetx taqa’ taħt l-ETS. Insostenn tat-tieni waħda, hija ssostni li l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tad-Direttiva 2003/87, u b’mod partikolari tal-punt 1 tal-Anness I tagħha, hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi.

–       Fuq lewwel parti talħames motiv, ibbażata fuq itteħid inkunsiderazzjoni żbaljat ta’ valuri qodma

102    Ir-rikorrenti ssostni li mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li l-perijodu ta’ referenza ddefinit fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat 2019/331, jiġifieri dak mis-sena 2014 sas-sena 2018, huwa rilevanti biss għad-determinazzjoni tan-numru ta’ kwoti li jistgħu jiġu allokati bla ħlas. Min-naħa l-oħra, ma ġiet stabbilita l-ebda rabta bejn dan il-perijodu ta’ referenza u l-eċċezzjoni dwar l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa prevista fil-punt 1 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva. Ir-rikorrenti tqis għaldaqstant li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ddeduċiet li l-installazzjoni inkwistjoni kellha tiġi eskluża mill-ETS mill-fatt li hija ma kienet iddikjarat ebda emissjoni ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili matul il-perijodu ta’ referenza.

103    Skont ir-rikorrenti, il-kwistjoni dwar jekk installazzjoni taqax taħt l-ETS għandha, għall-kuntrarju, tiddependi mhux mill-emissjonijiet storiċi tagħha, li seħħew iktar minn sentejn qabel, iżda minn dawk effettivament irrilaxxati fil-mument tal-adozzjoni tan-NIM u mill-intenzjoni tal-impriża li temettihom fil-futur. Fin-nuqqas ta’ dan, impriża li tkun qed tippjana li temetti d-diossidu tal-karbonju mill-fossili tiċċaħħad mill-possibbiltà li tikseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa.

104    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

105    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87, il-lista ta’ installazzjonijiet koperti mill-imsemmija direttiva għall-perijodu ta’ ħames snin li jibda mill‑1 ta’ Jannar 2021 għandha tiġi ppreżentata sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Settembru 2019, u l-listi għal kull perijodu sussegwenti ta’ ħames snin għandhom jiġu ppreżentati kull ħames snin wara dan. Kull lista għandha tinkludi informazzjoni dwar l-attività ta’ produzzjoni, it-trasferimenti tas-sħana u tal-gassijiet, il-produzzjoni tal-elettriku u l-emissjonijiet fil-livell ta’ subinstallazzjoni tul il-ħames snin kalendarji li jippreċedu s-sottomissjoni tagħha. Kwoti jingħataw bla ħlas biss lill-installazzjonijiet li għalihom din l-informazzjoni tkun provduta.

106    Il-punt 14 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat 2019/331 jiddefinixxi, min-naħa tiegħu, il-“perijodu tal-linja bażi [ta’ referenza]” bħala “il-ħames snin kalendarji li jippreċedu l-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-data lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE”.

107    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 huwa redatt kif ġej:

“[…] kull Stat Membru għandu jippubblika u jippreżenta lill-Kummissjoni lista ta’ istallazzjonijiet koperti [bid-Direttiva 2003/87] fit-territorju [tiegħu] u kull allokazzjoni gratis għal kull istallazzjoni […]”

108    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 isemmi l-“lista ta’ installazzjonijiet koperti [bl-imsemmija] Direttiva”. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li għandha ssir distinzjoni bejn il-perijodu ta’ referenza, li abbażi tiegħu d-data storika ta’ kull installazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tan-numru ta’ kwoti li jistgħu jiġu allokati lilha bla ħlas u l-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa ma għandha ebda bażi fid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

109    Fil-fatt, il-kunċett ta’ “installazzjonijiet koperti” bid-Direttiva 2003/87 ma jistax jiġi interpretat indipendentement mill-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, li jirreferi għall-attivitajiet indikati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, li l-punt 1 tiegħu jipprevedi l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa. Għaldaqstant, mill-istruttura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meħuda flimkien, jirriżulta li, sabiex ikunu eliġibbli għad-distribuzzjoni ta’ kwoti bla ħlas, l-installazzjonijiet għandhom ikunu inklużi fil-lista tan-NIM, li jippreżupponi li huma jissodisfaw wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni fl-ETS previst fl-imsemmi anness.

110    Id-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti li tgħid li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-intenzjonijiet futuri tal-operatur sabiex jidher fil-lista tal-NIM u għalhekk jibbenefika mill-allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas tmur, għalhekk, kontra d-dispożizzjonijiet ċari tad-Direttiva 2003/87.

111    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittieni parti talħames motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi

112    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-emenda tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-ETS (ĠU 2009, L 140, p. 63) hija intiża li tnaqqas ir-restrizzjonijiet tal-operaturi ta’ installazzjonijiet li jużaw il-bijomassa billi teżentahom minn dikjarazzjonijiet neċessarji sabiex jiksbu l-kwoti meħtieġa sabiex ikopru l-emissjonijiet marbuta mal-proċess ta’ produzzjoni tagħhom. Din l-eżenzjoni, fil-fehma tagħha, hija minuri meta mqabbla mal-emendi l-oħra introdotti minn din l-aħħar direttiva.

113    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, min-naħa l-oħra, l-element ċentrali tal-emendi introdotti għall-ETS mid-Direttiva 2009/29 kien jikkonsisti fid-definizzjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ prodotti għall-kalkolu tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bla ħlas. Hija tosserva li l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, li ġie introdott mid-Direttiva 2009/29, jiddefinixxi l-kwoti li għandhom jiġu allokati skont l-emissjonijiet imwettqa mill‑10 % tal-installazzjonijiet l-iktar ekoloġikament effiċjenti u tal-kwantitajiet prodotti minn kull installazzjoni, indipendentement mill-emissjonijiet effettivi tagħha. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni l-ġdida hija intiża sabiex tħeġġeġ lil kull operatur inaqqas ir-relazzjoni bejn l-emissjonijiet tiegħu u l-produzzjoni tiegħu u wieħed mill-metodi espliċitament imsemmija għal dan l-għan jikkonsisti f’li jiġi inkoraġġut l-użu tal-bijomassa, rinnovabbli, iktar milli l-karburanti mill-fossili. Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, l-emendi introdotti kienu intiżi espressament sabiex l-operaturi ma jiġux inkoraġġuti jżidu l-emissjonijiet tagħhom (Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u l-premessa 23 tad-Direttiva 2009/29).

114    Ir-rikorrenti ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effikaċja ekoloġika tal-bijomassa jirriżulta mill-allokazzjoni ta’ fattur ugwali għal żero għall-emissjonijiet iġġenerati mill-bijomassa u mill-fatt li l-kalkolu tal-emissjonijiet irrilaxxati minn 10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti jieħu inkunsiderazzjoni biss l-emissjonijiet ta’ karburanti mill-fossili. Madankollu, ikun assurd, f’din il-loġika, li ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis għal żero tal-emissjonijiet li jseħħ fil-każ li xi operaturi jirnexxilhom jissostitwixxu kompletament il-karburanti mill-fossili għall-bijomassa. F’tali sitwazzjoni, l-operaturi jkunu mħeġġa ma jużawx esklużivament il-bijomassa sabiex ikunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw minn allokazzjonijiet ta’ kwoti bla ħlas. Skont ir-rikorrenti, l-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-bijomassa magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li twassal għar-riżultat paradossali li jeskludi mill-parametru referenzjarju ta’ prodott l-installazzjoni inkwistjoni, waħda mill-installazzjonijiet bl-aħjar prestazzjoni ekoloġika, tmur direttament kontra l-kliem u l-istruttura tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87.

115    Fit-tielet lok, b’konsegwenza tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-interpretazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata fil-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 tmur kontra l-Artikolu 10a tal-istess direttiva, li madankollu għandha tipprevali fuq l-imsemmi punt.

116    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

117    Fl-ewwel lok, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, l-emenda li saret fil-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 intiża li teskludi l-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa ma hijiex ta’ natura anċillari, peress li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS. L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, fil-fatt, jiddefinixxi l-installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-ETS billi jirreferi għall-imsemmi anness, għalhekk, b’mod partikolari, għad-dispożizzjoni kkonċernata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova tali li tikkorrobora l-argument tagħha li din id-dispożizzjoni hija intiża biss sabiex tnaqqas ir-restrizzjonijiet amministrattivi li l-ETS timponi fuq l-installazzjonijiet li jaqgħu taħtha. Għalhekk, id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva li teskludi l-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa ma hijiex ta’ natura sekondarja meta mqabbla mal-Artikolu 10a tal-istess direttiva. Fil-fatt, il-parametri referenzjarji ex ante li huma ddefiniti fihom huma intiżi li japplikaw biss għall-installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-ETS.

118    Fit-tieni lok, hekk kif issostni r-rikorrenti, l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa tipprekludi li tittieħed inkunsiderazzjoni l-prestazzjoni ekoloġika ta’ dawn l-installazzjonijiet għall-kalkolu tal-parametri referenzjarji. Madankollu, hija għandha bħala korrispettiv, għall-installazzjonijiet ikkonċernati, l-assenza ta’ obbligu li jirrestitwixxu kwoti f’numru ugwali għall-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju prodotti minn dawn l-installazzjonijiet, li kien diġà previst fl-Anness IV tad-Direttiva 2003/87 fil-verżjoni inizjali tagħha. Dan il-fatt, għalkemm ma jippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni l-prestazzjoni ekoloġika tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa, jippermetti min-naħa l-oħra li jiġu evitati l-effetti deadweight li jirriżultaw mill-possibbiltà għal installazzjoni meqjusa li ma temettix diossidu tal-karbonju li jkollha allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bla ħlas. In-nuqqas ta’ effett fuq il-valuri tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa ma jistax, madankollu, iwassal għall-konsegwenza li l-punt 1 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva jkun jista’ jiġi interpretat indipendentement mill-Artikolu 11 tal-istess direttiva. Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, l-inklużjoni fl-ETS ta’ installazzjoni li tuża l-bijomassa hija marbuta mal-fatt li hija tkun emettiet id-diossidu tal-karbonju mill-fossili matul il-perijodu ta’ referenza.

119    Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 li tipprovdi li għandhom l-installazzjonijiet li l-emissjonijiet tagħhom kienu żero matul il-perijodu ta’ referenza jiġu esklużi lanqas ma tmur kontra l-Artikolu 10a tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma timponix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prestazzjoni ekoloġika mwettqa minn installazzjonijiet li ma jaqgħux taħt l-ETS, iżda hija tipprevedi, għall-kuntrarju, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li jaqgħu taħt parametru referenzjarju ex ante. Issa, minħabba l-esklużjoni ta’ dawn l-installazzjonijiet meta jużaw esklużivament il-bijomassa, dawn ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt tali parametru referenzjarju.

120    Fir-raba’ lok, huwa stabbilit li l-installazzjonijiet li ma jaqgħux taħt l-ETS ma humiex eliġibbli għall-allokazzjonijiet ta’ kwoti bla ħlas. Minn dan isegwi li, peress li l-installazzjoni inkwistjoni ġiet eskluża mill-ETS, ir-rikorrenti ma tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ impriżi oħra li għandhom installazzjonijiet li jaqgħu taħtha għall-finijiet ta’ tali allokazzjonijiet u għandhom l-obbligu li jirrestitwixxu numru ta’ kwoti ugwali għall-emissjonijiet tagħhom. Minħabba f’hekk, ir-rikorrenti tevita wkoll ir-riskju li ssofri s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87 fil-każ ta’ ksur tal-obbligi tagħhom mill-installazzjonijiet inklużi fl-ETS. Għaldaqstant, il-fatt li l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva adottata fid-deċiżjoni kkontestata twassal sabiex ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika iktar minn allokazzjonijiet ta’ kwoti bla ħlas ma jistax jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

121    Fil-ħames lok, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/87 ma timplika li l-inklużjoni ta’ installazzjoni fl-ETS għandha tkun strettament newtrali fir-rigward tas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ dawn l-installazzjonijiet meta mqabbla ma’ dawk li ma jaqgħux taħtha jew li huma esklużi minnha. Minn dan isegwi li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni allegati mir-rikorrenti ma humiex tali li jistabbilixxu l-illegalità tal-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

122    Fis-sitt lok, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 fid-deċiżjoni kkontestata tista’ twassal sabiex installazzjonijiet hekk esklużi jieqfu jużaw esklużivament il-bijomassa ma jistax jistabbilixxi l-illegalità ta’ din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, l-għan globali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet imfittex mill-ETS ma jistax iwassal sabiex tiġi invalidata l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa minħabba li ċerti operaturi jistgħu jaslu sabiex jagħmlu liberament għażliet ekoloġikament inqas effikaċi. Tali eventwalitajiet huma, fil-fatt, inerenti għal kull effett ta’ limitu, li ma jistgħux jiġu evitati fil-każijiet fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura bħalma hija l-ETS huwa ddelimitat. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa mill-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas tmur kontra l-għanijiet tal-imsemmija direttiva u tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

123    Ir-rikorrenti għalhekk baqgħet ma stabbilixxietx l-illegalità tal-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, it-tieni parti tal-ħames motiv u, għaldaqstant, l-imsemmi motiv kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

124    Ir-rikorrenti ssostni li, billi qieset li l-installazzjoni kkonċernata kienet tuża esklużivament il-bijomassa, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-installazzjoni inkwistjoni emettiet id-diossidu tal-karbonju mill-fossili matul il-perijodu ta’ referenza, fl-2018, kif ukoll fl-2019 u fl-2020, u li l-valuri ddikjarati ta’ 0 tunnellata kienu jirriżultaw minn approssimazzjoni. Billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni, li kienet ġiet ikkomunikata lilha mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mhux biss ittrattat b’mod differenti installazzjonijiet paragunabbli, peress li hija ma opponietx l-inklużjoni, fin-NIM Svediża, ta’ installazzjonijiet li emettew kwantitajiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili effettivi ekwivalenti, iżda rrifjutat ukoll b’mod żbaljat li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti. Għaldaqstant, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-installazzjoni inkwistjoni kienet tuża esklużivament il-bijomassa fis-sens tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87.

125    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma segwietx prattika koerenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni issa tidher li qed tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-eċċezzjoni ta’ użu esklużiv tal-bijomassa fuq il-fatt li installazzjoni ma ddikjarat l-ebda emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili fuq il-perijodu ta’ referenza ta’ ħames snin kollu, fejn dikjarazzjoni pożittiva għal sena waħda biss mill-imsemmi perijodu hija biżżejjed biex tevita l-esklużjoni mill-ETS. Issa, fl-ittra tal-osservazzjonijiet tagħha tad‑19 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni sostniet pożizzjoni differenti, li tgħid li s-sempliċi fatt li installazzjoni li tkun iddikjarat emissjonijiet ta’ kważi żero matul sena waħda biss mill-perijodu ta’ referenza huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-esklużjoni tagħha. Skont tali kriterji, li hija tikkontesta, ir-rikorrenti tqis li hija kellha wkoll tiġi eskluża abbażi tat-tielet perijodu ta’ skambju, mill‑2013 sal‑2020.

126    Għaldaqstant, ir-rikorrenti tiddikjara li, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, tinsab f’sitwazzjoni paradossali peress li sabiex tibbenefika fil-futur mill-allokazzjonijiet ta’ kwoti bla ħlas, hija kellha diġà żżid l-emissjonijiet tagħha tad-diossidu tal-karbonju mill-fossili għal iktar minn tunnellata fis-sena. Hija lesta, barra minn hekk, li żżidhom iktar minn ħames tunnellati fis-sena kieku emenda leġiżlattiva li testendi l-esklużjoni għall-użu esklużiv tal-bijomassa għall-installazzjonijiet li jemettu inqas minn ħames tunnellati ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili fis-sena kellha tiġi adottata.

127    Barra minn hekk, peress li ma humiex redatti f’termini eżattament identiċi, il-punti 1 u 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 (ara l-punt 40 iktar ’il fuq) ma jistgħux jikkonċernaw l-istess installazzjonijiet. Għalhekk ikun illoġiku li f’kull każ l-installazzjonijiet b’emissjonijiet baxxi ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili jiġu assimilati mal-installazzjonijiet li jużaw karburanti mill-fossili biss għall-fażijiet tal-bidu u tal-waqfien tal-unità. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, emissjonijiet baxxi ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili ma jfissrux li dawn jistgħu jitqiesu li ma jaqgħux fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-esklużjoni prevista fil-punt 1 tal-imsemmi anness.

128    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-argument tagħha intiż li jistabbilixxi li l-informazzjoni li setgħet tiġġustifika ż-żamma tal-installazzjoni inkwistjoni fl-ETS ġiet trażmessa lill-Kummissjoni mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent f’data li ma kinitx tipprekludi li din tittieħed inkunsiderazzjoni (ara l-punti 66 u 67 iktar ’il fuq.

129    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

130    Skont il-ġurisprudenza, f’kuntest tekniku kumpless ta’ natura evoluttiva bħalma huwa dak tal-kawża preżenti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, filwaqt li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-punti ta’ fatt ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60, u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tagħhom, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tal-arranġamenti li għandhom jittieħdu, iżda japplika wkoll sa ċertu punt għall-konstatazzjoni tad-databases. Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qorti tal-Unjoni li l-att ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 33 u 34; ara wkoll, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2015, Polynt u Sitre vs ECHA, T‑134/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:254, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Għaldaqstant huwa l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni, fid-dawl tal-elementi invokati mir-rikorrenti, li tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, kif ukoll li tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑405/07 P, EU:C:2008:613, punt 55; ara wkoll, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑257/07, EU:T:2011:444, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Skont il-Kummissjoni, fil-lista tal-installazzjonijiet koperti min-NIM, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent iddikjarat żero emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili, fir-rigward tar-rikorrenti, għas-snin kollha tal-perijodu ta’ referenza. Ir-rikorrenti ssostni hija stess li approssimat għal żero d-dikjarazzjonijiet tal-emissjonijiet tagħha matul kull waħda mis-snin tal-perijodu ta’ referenza, sabiex tosserva r-regoli ta’ approssimazzjoni. L-atti tal-proċess ippreżentati lill-Qorti Ġenerali ma jippermettux li jiġi stabbilit b’ċertezza jekk id-data inkluża fil-posta elettronika mibgħuta mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent lill-Kummissjoni fl‑4 ta’ Frar 2021 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), li jgħidu li r-rikorrenti kienet iddikjarat kwantità ta’ emissjonijiet ta’ 0.3727 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili għas-sena 2018, kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni qabel dan il-messaġġ elettroniku. F’dan ir-rigward, mid-dokumenti relatati mar-rikorrenti li ġew ippreżentati mill-partijiet wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li l-Kummissjoni kellha din l-informazzjoni qabel din id-data.

134    Madankollu, anki li kieku dan kien il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ inqas minn 0.5 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili kien, fi kwalunkwe każ, jikser ir-regoli ta’ approssimazzjoni, li, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 60 u 61 iktar ’il fuq, huma ta’ natura ġenerali u mandatorja. Issa, l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-funzjonament tal-ETS hija intiża li tevita distorsjoni fis-suq tal-kwoti, li huwa indispensabbli sabiex jintlaħaq, indirettament, l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent imfittex minn dan is-suq (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża ArcelorMittal Rodange u Schifflange, C‑321/15, EU:C:2016:516, punt 78).

135    Minn dan isegwi li, billi qieset li l-installazzjoni inkwistjoni kienet tuża esklużivament il-bijomassa u li, għaldaqstant, l-esklużjoni prevista fil-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 kellha, konsegwentement, tiġi applikata għall-imsemmija installazzjoni, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

136    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevata li, l-ewwel, l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jirriżulta, skont ir-rikorrenti, mit-trattament differenti ta’ installazzjonijiet f’sitwazzjonijiet paragunabbli, huwa irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għall-installazzjoni inkwistjoni tar-regoli tal-funzjonament tal-ETS. Barra minn hekk, din il-kwistjoni ser tiġi evalwata iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv tar-rikors.

137    It-tieni, il-fatt, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, li, skont l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ esklużjoni adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-installazzjoni inkwistjoni kellha tkun diġà eskluża għall-perijodu preċedenti ma għandu ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda biss il-perijodu ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mill‑2021 sal‑2025.

138    It-tielet, kemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mid-Direttiva 2018/410, kif ukoll mill-punt 14 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat 2019/331, jirriżulta li l-perijodu ta’ ħames snin ta’ referenza li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-evalwazzjoni tal-emissjonijiet kien mill‑2014 sal‑2018. L-intenzjoni tar-rikorrenti li twettaq emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili matul il-perijodu 2021–2025 għaldaqstant ma għandhiex effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

139    Ir-raba’, hekk kif barra minn hekk qablu l-partijiet waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-għan tal-ETS ma huwiex li talloka kwoti bla ħlas, iżda li tinkoraġġixxi lill-installazzjonijiet sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra u, b’mod partikolari, sabiex tinkoraġġixxi l-użu tal-bijomassa iktar milli l-karburanti mill-fossili. Għaldaqstant, meta installazzjoni tkun ġiet eskluża mill-ETS minħabba l-użu esklużiv tagħha tal-bijomassa, ma jistax jiġi validament sostnut li din l-esklużjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

140    Il-ħames u fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tirriproduċi, insostenn tal-ewwel motiv li hija tinvoka, l-allegazzjonijiet dwar l-approssimazzjoni li għalih kienet suġġetta d-dikjarazzjoni tal-emissjonijiet tagħha ta’ dijossidu tal-karbonju mill-fossili għas-sena 2018 kif ukoll l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tad-data li ġiet trażmessa lilha mill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent fis‑26 ta’ Jannar u fl‑4 ta’ Frar 2021, li diġà ġiet evalwata f’din is-sentenza, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 51 sa 60 u 69 sa 82 iktar ’il fuq.

141    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

142    Skont ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’żewġ aspetti.

143    Minn naħa, hekk kif indikat l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent lill-Kummissjoni fil-posta elettronika tagħha tal‑4 ta’ Frar 2021, installazzjonijiet li għandhom livelli paragunabbli ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-inklużjoni tagħhom fl-ETS, għas-sempliċi raġuni li wħud minnhom kienu approssimaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom, filwaqt li oħrajn le. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li mill-inqas waħda mill-installazzjonijiet li l-inklużjoni tagħhom fl-ETS ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni emettiet inqas diossidu tal-karbonju mill-fossili mill-installazzjoni inkwistjoni. L-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien jimplika li l-Kummissjoni, li kienet ġiet informata bis-sitwazzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tevita li tittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet paragunabbli. Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, sempliċi differenza fid-dikjarazzjonijiet li tirriżulta mill-fatt li, għal ċerti installazzjonijiet, saret approssimazzjoni, filwaqt li għal oħrajn le, ma hijiex rilevanti u ma tiġġustifikax trattament differenti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ azjendi.

144    Min-naħa l-oħra, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq fil-każ ineżami mill-Kummissjoni jikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jikkumpensa indebitament lill-produtturi li jużaw karburanti mill-fossili, li, kuntrarjament għar-rikorrenti, għandhom aċċess għall-ETS u b’hekk jistgħu jagħmlu profitti billi jbigħu mill-ġdid il-kwoti bla ħlas mhux użati tagħhom. Ir-rikorrenti tqis li l-esklużjoni tagħha twassal għalhekk għal differenza fit-trattament mhux iġġustifikata, bejn produtturi li jagħmlu parti mill-istess parametru referenzjarju ta’ prodott, fir-rigward tal-għanijiet ambjentali segwiti mill-ETS.

145    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

146    Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Mill-proċess, b’mod partikolari mill-kontroreplika u mit-tweġibiet tal-Kummissjoni u tar-rikorrenti wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, ħlief f’żewġ każijiet li fihom hija rrikonoxxiet li wettqet żball meta ma eskludietx l-installazzjonijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni eskludiet mill-ETS l-installazzjonijiet li kienu ddikjaraw żero emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili jew inqas minn 0.5 tunnellata matul il-perijodu ta’ referenza. Ir-rikorrenti, li tinsab f’din is-sitwazzjoni, ma għandhiex raġun issostni, abbażi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li hija kellha tibbenefika minn trattament differenti.

148    Huwa minnu li l-Kummissjoni tippreċiża li hija kien messha eskludiet żewġ installazzjonijiet li l-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili tagħhom kienu ta’ inqas minn 0.5 tunnellata. Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tal-legalità, li tipprovdi li ebda persuna ma għandha tinvoka favoriha illegalità mwettqa fil-konfront ta’ ħadd ieħor. Tali approċċ ikun ekwivalenti għal affermazzjoni tal-prinċipju ta’ “l-ugwaljanza fit-trattament fl-illegalità” (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, EU:T:2006:350, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma eskludietx li tirrimedja l-illegalità tal-inklużjoni ta’ dawn iż-żewġ installazzjonijiet wara l-intervent tas-sentenza preżenti.

149    Għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala infondati l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li hija tinsab f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli mill-impriżi li jaqgħu taħt l-istess parametru referenzjarju ta’ prodott. Fil-fatt, l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa tipprekludi li dawn jitqiesu li jaqgħu taħt parametru referenzjarju ta’ prodott. Ir-rikorrenti għalhekk ma tinsabx fl-istess sitwazzjoni bħall-impriżi li jaqgħu taħt parametru referenzjarju ex ante u inklużi fl-ETS. F’dan ir-rigward, barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-evalwazzjoni tal-ħames motiv (ara l-punt 120 iktar ’il fuq), l-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ esklużjoni previst fil-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li tipprovdi li l-installazzjonijiet li ma emettewx diossidu tal-karbonju mill-fossili jew li emettew kwantitajiet li għandhom jiġu approssimati għal żero ma jistgħux jibbenefikaw minn allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, ma tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

150    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser direttament il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u dan bla ħsara għall-kwistjoni, li hija s-suġġett tas-sitt motiv tar-rikors, dwar jekk l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa tikkostitwixxix, fiha nnifisha, ksur ta’ dan il-prinċipju.

151    Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi

152    Ir-rikorrenti ssostni li hija pproċediet volontarjament għal tranżizzjoni intiża li topera l-installazzjoni tagħha essenzjalment bil-bijomassa u li hija għaldaqstant spontanjament ikkonfermat ruħha mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, hija ssostni li ma setgħetx tipprevedi li dan l-aġir kien ser jirriżulta fl-esklużjoni tagħha mill-ETS, tant li hija mċaħħda mill-awtorizzazzjoni sabiex tuża l-karburant mill-fossili kif ukoll mill-prodott finanzjarju tal-bejgħ mill-ġdid tal-kwoti tal-emissjonijiet li kienu allokati lilha bla ħlas. Għall-kuntrarju, hija tqis li hija setgħet tiddeduċi mill-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fl-allokazzjonijiet ta’ kwoti għat-tielet perijodu ta’ skambju (2013–2020), filwaqt li l-konverżjoni tagħha għall-bijomassa kienet diġà seħħet, li hija setgħet tibbaża ruħha fuq deċiżjoni pożittiva fir-rigward tagħha għall-perijodu 2021–2025. Fil-fatt, għall-perijodu preċedenti, hija kienet diġà ddikjarat żero emissjonijiet, li ma kienx wassal għall-esklużjoni tagħha mill-ETS. Għalhekk hija tibbenefika minn garanzija preċiża min-naħa tal-Kummissjoni u tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tar-rikorrent fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ April 1988, Mulder (120/86, EU:C:1988:213). F’dan il-każ, ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jiġi eskluż.

153    Mingħajr ma torbot espressament dan l-argument mar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni wkoll li hija kellha informazzjoni kunfidenzjali li tipprovdi li l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent, minn naħa, u l-aġenti tal-Kummissjoni speċjalizzati fl-applikazzjoni tal-ETS, min-naħa l-oħra, kienu jikkondividu l-perspettiva li l-installazzjoni inkwistjoni ma kellhiex tiġi eskluża mill-ETS.

154    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

155    Korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati. Tkun xi tkun l-għamla li fiha tingħata, informazzjoni li tkun preċiża, inkundizzjonata u konsistenti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi garanzija li tista’ tnissel tali aspettattivi. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il-Polonja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 110, 111, u 113 u il-ġurisprudenza ċċitata).

156    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat, li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni tatha garanziji fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 155 iktar ’il fuq li hija kienet ser tibbenefika, għall-perijodu 2021–2025, minn allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra bla ħlas.

157    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Kummissjoni ma ddeċidietx li teskludi l-installazzjoni inkwistjoni min-NIM innotifikata mir-Renju tal-Isvezja għat-tielet perijodu ta’ skambju (2013–2020) ma jistax jitqies bħala teħid ta’ pożizzjoni inkundizzjonat mill-Kummissjoni fir-rigward tad-dritt tar-rikorrenti li tkompli taqa’ taħt l-ETS u li tibbenefika, konsegwentement, minn allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas għall-perijodu segwenti.

158    Barra minn hekk, huwa stabbilit li r-rikorrenti “lestiet it-tranżizzjoni tagħha lejn il-bijomassa fl-2010”. Issa, mill-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ dak iż-żmien, jirriżulta li l-perijodu ta’ referenza li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tan-numru ta’ kwoti li kellhom jiġu allokati bla ħlas lill-installazzjonijiet bħal dik tar-rikorrenti kien jinkludi s-snin 2005 sa 2007. Issa, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix u barra minn hekk ma ssostnix li l-emissjonijiet tagħha ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili kienu żero jew kellhom jiġu approssimati għal żero għal dawn it-tliet snin.

159    Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-esklużjoni prevista fil-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 kienet ferm prevedibbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din tirriżulta mid-Direttiva 2009/29, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien jiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2012. Peress li din id-dispożizzjoni ma ġietx emendata sussegwentement, operatur ekonomiku u informat fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 155 iktar ’il fuq ma setax, għaldaqstant, jinjora li l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2013, kienet għadha fis-seħħ għar-raba’ perijodu ta’ skambju (2021–2025) kopert mid-deċiżjoni kkontestata.

160    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq issitt motiv, ibbażat fuq lillegalità talpunt 1 talAnness I tadDirettiva 2003/87

161    B’applikazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tilqax wieħed mill-ħames motivi tar-rikors, ir-rikorrenti teċepixxi l-illegalità tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Fil-fehma tagħha, jekk din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata f’konformità mal-Artikolu 10a tal-imsemmija direttiva u mal-prinċipji fundamentali li jagħmlu parti mid-dritt primarju tal-Unjoni, għandha għaldaqstant tiġi kkontestata l-illegalità tagħha. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-argumenti invokati insostenn tal-ħames motiv.

162    Skont ir-rikorrenti, l-esklużjoni relatata mal-użu esklużiv tal-bijomassa twassal għall-impossibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-parametri referenzjarji ta’ prodotti, l-installazzjonijiet l-iktar ekoloġikament effiċjenti. Għalhekk, tali esklużjoni tkun, minħabba f’hekk, inkompatibbli mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/87 u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

163    Dan ukoll imur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-installazzjonijiet li għamlu approssimazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tagħhom huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk li ma approssimawx id-dikjarazzjonijiet tagħhom. Fit-tieni lok, l-installazzjonijiet li emettew id-diossidu tal-karbonju mill-fossili matul il-perijodu 2014–2018 huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk li emettew id-diossidu tal-karbonju mill-fossili fis-snin 2019 u 2020. Fit-tielet lok, l-installazzjonijiet li l-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili tagħhom huwa ta’ inqas minn 0.5 tunnellata huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk li l-emissjonijiet tagħhom jaqbżu dan il-limitu. Fir-raba’ lok, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, is-sitwazzjoni tal-installazzjonijiet li 100 % tal-emissjonijiet tagħhom ġejjin mill-bijomassa ma hijiex differenti minn dawk li l-emissjonijiet kollha tagħhom jew parti minnhom ġejjin mill-fossili.

164    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill u mill-Parlament, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

165    Mill-eżami tal-ħames motiv jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata la tikser id-dispożizzjonijiet u l-għanijiet tal-imsemmija direttiva u lanqas il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrenti ssostni, madankollu, fil-kuntest tas-sitt motiv, li, jekk dan huwa l-każ, l-esklużjoni mill-ETS tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa hija għalhekk fiha nnifisha kuntrarja għal dawn il-prinċipji u għal dawn id-dispożizzjonijiet.

166    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti ma hijiex ikkontestata u li din ma tqajjimx wisq dubju. Fil-fatt, ma huwiex ċert li r-rikorrenti setgħet titlob l-annullament tal-emenda inkwistjoni, introdotta bid-Direttiva 2009/29, u huwa stabbilit li kien bl-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 fid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kellha tiġi rtirata min-NIM.

167    Madankollu, sa fejn ir-rikorrenti ssostni l-istess argumenti bħal dawk invokati insostenn tat-tieni parti tal-ħames motiv, huwa biżżejjed li jitfakkar li dawn l-argumenti ġew miċħuda fil-punti 120 sa 122 iktar ’il fuq.

168    Għall-bqija, f’qasam fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, huwa biss ksur manifest ta’ dawn il-prinċipji li jista’ jistabbilixxi l-illegalità tal-esklużjoni prevista mid-dispożizzjoni kkontestata.

169    Madankollu, ma jistax jiġi kkontestat li s-sistema attwali, kif iddefinita, twassal sabiex ir-rikorrenti tiġi ppenalizzata talli naqqset kważi għal żero l-emissjonijiet tagħha ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili. Minn naħa, ir-rikorrenti tindika, mingħajr ma hija serjament kontradetta, li t-tranżizzjoni tagħha lejn il-bijomassa kienet ħtieġet investimenti estremament għoljin li għalihom hija ma għad għandha ebda korrispettiv. Min-naħa l-oħra, mid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet waqt is-seduta jirriżulta li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni li r-rikorrenti ma tistax, anki fil-każ fejn hija tiddeċiedi li tirrikorri mill-ġdid għal karburanti mill-fossili, titqies bħala “operatur ġdid” iċċaħħadha minn kull possibbiltà li tibbenefika mill-ġdid minn allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas.

170    Madankollu, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 122 iktar ’il fuq, tali effetti huma inerenti għal kull sistema li tipprevedi limiti ta’ inklużjoni u ta’ esklużjoni. L-esklużjoni prevista fil-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 inkwistjoni f’dan il-każ għandha l-effett li teżenta mill-obbligi inerenti għall-ETS l-installazzjonijiet li għażlu kompletament proċess ta’ produzzjoni li juża enerġija rinnovabbli u li tinċentiva l-installazzjonijiet li ma eżerċitawx kompletament din l-għażla sabiex jissostitwixxu l-karburanti mill-fossili għall-bijomassa. F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi osservat li l-pożizzjoni difiża mir-rikorrenti li tgħid li hija għandha tibbenefika mill-ġdid minn allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas fil-każ li hija tmur lura għall-użu ta’ karburanti mill-fossili tmur direttament kontra dan l-għan.

171    Għaldaqstant, minkejja l-effetti negattivi li hija għandha fuq ir-rikorrenti, l-esklużjoni tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa kif ukoll l-assimilazzjoni ma’ dawn l-installazzjonijiet ta’ dawk li emettew inqas minn 0.5 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju mill-fossili matul il-perijodu ta’ referenza ma humiex tali li jikkostitwixxu ksur manifest tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

172    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li tislet argument minn proposta leġiżlattiva, mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, intiża sabiex tiffissa għal 5 % il-limitu tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-fossili li taħtu l-installazzjonijiet jitqiesu li jużaw esklużivament il-bijomassa. Skont ir-rikorrenti din ir-rieda tal-leġiżlatur li jbiddel is-sistema turi l-imperfezzjonijiet tagħha. Madankollu, tali osservazzjonijiet ta’ lege ferenda ma jistgħux iwasslu sabiex ir-regoli fis-seħħ jitqiesu bħala illegali u, konsegwentement, inapplikabbli.

173    Minn dan isegwi li hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti u minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

174    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 135(1) tal-imsemmija Regoli, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

175    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdu li l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, jipprekludu li jintlaqgħu t-talbiet tal-Kunsill intiżi għall-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż.

176    Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, b’mod partikolari l-iżbalji rrilevati fil-punti 78 u 79 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Lulju 2023.

Firem


Werrej


Il fatti li wasslu għallkawża

It talbiet talpartijiet

Id dritt

Osservazzjonijiet preliminari dwar l ETS u lgħanijiet imfittxija midDirettiva 2003/87

Fuq il proċedura li wasslet għalladozzjoni taddeċiżjoni kkontestata

Fuq it teħid inkunsiderazzjoni taddata approssimata ddikjarata matul ilproċedura ta’ adozzjoni taddeċiżjoni kkontestata

Fuq it tielet motiv, ibbażat fuq ilksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali

– Fuq lewwel parti tattielet motiv, ibbażat fuq ilksur taddmir ta’ diliġenza

– Fuq ittieni parti tattieni motiv, ibbażata fuq ksur taddritt għal smigħ

– Fuq ittielet parti tattielet motiv, ibbażata fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

Fuq il fondatezza taddeċiżjoni kkontestata

Fuq il ħames motiv, ibbażat fuq ilksur tadDirettiva 2003/87

– Fuq lewwel parti talħames motiv, ibbażata fuq itteħid inkunsiderazzjoni żbaljat ta’ valuri qodma

– Fuq ittieni parti talħames motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi

Fuq l ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

Fuq it tieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

Fuq ir raba’ motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi

Fuq is sitt motiv, ibbażat fuq lillegalità talpunt 1 talAnness I tadDirettiva 2003/87

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.