Language of document : ECLI:EU:T:2006:289

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

4 ta' Ottubru 2006(*)

"Investigazzjonijiet kontra s-sussidji - Compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja – Kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju – Determinazzjoni tal-ħsara – Rabta kawżali – Drittijiet tad-difiża"

Fil-kawża T‑300/03,

Moser Baer India Ltd, stabbilita f'New Delhi (l-Indja), irrappreżentata minn A. P. Bentley, QC, K. Adamantopoulos, avukat, u R. MacLean u J. Branton, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Marquardt, bħala aġent, assistit minn G. M. Berrisch, avukat,

konvenut,

sostnut mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn T. Scharf u K. Talabér-Ricz, bħala aġenti,

u mill-

Committee of European CD-R and DVD+/‑R Manufacturers (CECMA), li qabel kien Committee of European CD-R Manufacturers (CECMA), stabbilit f'Cologne (il-Ġermanja), irrappreżentat minn D. Ehle u V. Schiller, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 960/2003, tat-2 ta' Ġunju 2003, li jimponi taxxi kompensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 138, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest leġiżlattiv

1        L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97, tas-6 ta' Ottubru 1997, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 288, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament bażiku") jipprovdi:

"Kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju ta' kumpens

L-ammont ta' sussidji ta' kumpens, għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkalkulati fit-termini tal-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarju, li jinstabu li jkunu jeżistu matul il-perjodu ta' investigazzjoni dwar is-sussidjar. Normalment dan il-perijodu għandu jkun l-aktar sena fiskali riċenti għall-benefiċjarju, imma jista’ jkun xi perijodu ieħor ta' mill-inqas sitt xhur qabel ma tibda l-investigazzjoni, li għalih ikun hemm disponibbli tagħrif finanzjarju ta' min jorbot fuqu u tagħrif ieħor rilevanti."

2        L-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

"Meta s-sussidju jkun jista’ jiġi marbut ma’ l-akkwist jew l-akkwist futuri ta' assi fissi, l-ammont ta' sussidju ta' kumpens għandu jkun ikkalkulat billi s-sussidju jkun mifrux fuq perijodu li jirrifletti d-diprezzament normali ta' dawn l-assi fl-industrija konċernata […]"

3        L-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku jipprovdi:

"Determinazzjoni tal-ħsara

[…]

2. Id-deċiżjoni [dwar l-eżistenza] ta' ħsara għandha tkun ibbażata fuq xhieda pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv kemm ta':

a)      il-volum ta’ l-importazzjoni sussidjata u l-effett ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għal prodotti simili; u

b)      l-impatt riżultanti ta’ dik l-importazzjoni fuq l-industrija tal-Komunità.

3. F’dak li għandu x’jaqsam mal-volum ta’ l-importazzjoni sussidjata, għandha tingħata kunsiderazzjoni għal jekk kienx hemm żjieda [sinjifikattiva] fl-importazzjoni sussidjata, sew f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew konsum fil-Komunità. F’dak li jirrigwarda l-effett ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq il-prezzijiet, għandu jiġi meqjus jekk kienx hemm tnaqqis [sinjifikattiv] li jwaqqa’ l-prezzijiet permezz ta’ l-importazzjoni sussidjata kif imqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija tal-Komunità, jew jekk l-effett ta’ din l-importazzjoni jkunx li b’mod ieħor iwaqqa’ l-prezzijiet b’mod [sinjifikattiv] jew jipprevjeni ż-żjieda fil-prezz illi kieku kienet isseħħ, sa livell [sinjifikattiv]. L-ebda wieħed jew aktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida definittiva.

[…]

5. L-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq l-industrija tal-Komunità kkonċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi kollha u l-indiċi li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż: il-fatt li industrija tkun għadha fil-proċess ta’ rkupru mill-effetti ta’ sussidji jew iddampjar tal-passat, il-kobor ta’ l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens, tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, profitti, produzzjoni, sehem mis-suq, produttività, dħul fuq l-investimenti, utilizzar tal-kapaċità; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet tal-Komunità; effetti negattivi attwali jew potenzjali fuq il-likwidità, inventarji, impjiegi, salarji, tkabbir, il-kapaċità li jiġi akkwistat kapital jew investimenti u, fil-każ ta’ l-agrikoltura, jekk kienx hemm piż akbar fuq il-programmi governattivi ta’ għajnuna. Din il-lista m’hijiex eżawrenti, l-anqas ma jista’ xi wieħed minn dawn il-fatturi neċessarjament ikun ta’ gwida deċiżiva.

6. Għandu jintwera, mix-xhieda rilevanti ppreżentata f’relazzjoni mal-paragrafu 2, li l-importazzjoni sussidjata qed toħloq ħsara skond id-definizzjoni ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan jeħtieġ demostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati bis-saħħa tal-paragrafu 3 huma responsabbli għall-impatt fuq l-industrija tal-Komunità kif huwa stabbilit fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sal-grad li jġiegħel li tkun klassifikata bħala materjali.

7. [Fatturi magħrufa], minbarra l-importazzjoni sussidjata li tkun qed tagħmel ħsara lill-industrija tal-Komunità fl-istess żmien, għandhom jiġu eżaminati sabiex jassiguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi ma tkunx attribwita għall-importazzjoni sussidjata skond il-paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jkunu kkunsidrati [bħala rilevanti] f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni li ma tkunx sussidjata, nuqqas fit-talba jew tibdil fix-xejra tal-konsum, prattiċi tal-kummerċ restrittivi ta’, u kompetizzjoni bejn, [il-produtturi ta'] pajjiżi terzi u l-produtturi tal-Komunità, żviluppi fit-teknoloġija u l-prestazzjoni ta’ l-esportazjoni u l-produttività ta’ l-industrija tal-Komunità."

4        L-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

"[…] [L]-investigazzjoni għandha tkopri kemm is-sussidji kif ukoll id-danni, u dawn għandhom jiġu investigati flimkien. Għall-iskop ta’ sejba rappreżentattiva, għandu jintagħżel perjodu ta’ investigazzjoni li, fil-każ ta’ sussidju għandu, normalment, ikopri l-perjodu ta’ investigazzjoni stabbilit fl-Artikolu 5. L-informazzjoni marbuta ma’ perijodu sussegwenti għall-perjodu ta’ l-investigazzjoni m’għandux, normalment, jiġi kkunsidrat."

5        Bil-Komunikazzjoni tagħha 98/C 394/04 (ĠU C 394, 1998, p. 6), il-Kummissjoni ppubblikat il-linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju fil-kuntest ta' l-investigazzjonijiet kontra s-sussidju (iktar 'il quddiem il-"linji gwida").[traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Is-sezzjoni A tal-linji gwida tipprovdi:

"L-Artikoli 5, 6 u 7 tar-[Regolament bażiku] jinkludu dispożizzjonijiet rigward il-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju. Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tispjega […] l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jiġi speċifikat il-metodu li l-Kummissjoni għandha tuża għall-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju fil-kuntest tal-proċeduri kontra s-sussidju, sakemm ċirkustanzi partikolari ma jiġġustifikawx l-esklużjoni tiegħu. L-intenzjoni hija li titjieb it-trasparenza tal-mod ta' kalkolu u li tiġi ggarantita iktar ċertezza għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiżi terzi. Din il-Komunikazzjoni bl-ebda mod ma torbot l-istituzzjonijiet Komunitarji, iżda tippreżenta linji gwida li għandhom jiġu segwiti biss waqt l-investigazzjonijiet kontra s-sussidju magħmula skond ir-[Regolament bażiku]." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Is-sezzjoni F(a)(ii) tal-linji gwida tipprovdi:

"F'dak li jirrigwarda s-sussidju mhux rikorrenti li jistgħu jkunu marbuta ma' l-akkwist ta' assi fissi, l-ammont totali tas-sussidju għandu jinfirex fuq il-ħajja normali ta' dawn l-assi [Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) bażiku]. Għaldaqstant, l-ammont ta' sussidju […] jista' jinfirex fuq perijodu li jirrifletti d-deprezzament normali ta' dawn l-assi fl-industrija kkonċernata. Ġeneralement, jintuża l-metodu ta' deprezzament bi kwoti kostanti (straight-line-method) għal dan il-għan." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Ir-rikorrenti hija kumpannija stabbilita fl-Indja, u tipproduċi diversi forom ta' medja ta' ħżin (storage media) u b'mod partikolari compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati (iktar 'il quddiem is-"CD-Rs").

9        Fis-17 ta' Mejju 2002, il-Kummissjoni, wara lment imressaq mill-Committee of European CD-R Manufacturers (CECMA), tat bidu għal investigazzjoni kontra s-sussidju fuq l-importazzjonijiet tas-CD-Rs li joriġinaw mill-Indja (ĠU C 116, p. 4).

10      B'ittra ta' l-4 ta' Marzu 2003, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti dwar il-punti fattwali kollha u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kien maħsub li jiġi propost l-iffissar tat-taxxi kumpensatorji definittivi. Is-sussidju kkonstatat mill-Kummissjoni kien jikkonsisti f'eżenzjoni mid-dazji tad-dwana fuq l-oġġetti kapitali importati mir-rikorrenti. Fil-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju, dan ġie mifrux, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, fuq perijodu ta' tliet snin. Id-dikjarazzjoni kienet tipprovdi l-impożizzjoni ta' taxxa kumpensatorja ta' 10 %.

11      B'żewġ ittri tad-19 ta' Marzu 2003, ir-rikorrenti wieġbet għall-imsemmija dikjarazzjoni billi kkontestat, minn naħa, il-metodu użat għall-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza u l-kawżi tal-ħsara.

12      B'żewġ ittri tad-9 ta' April 2003, il-Kummissjoni, minn naħa, irrifjutat l-argumenti tar-rikorrenti rigward l-eżistenza ta' ħsara u ta' rabta kawżali u, min-naħa l-oħra, bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni addizzjonali li tinkludi kalkolu ġdid ta' l-ammont tas-sussidju, li fih is-sussidju ġie mifrux fuq perijodu ta' 4.2 snin. Id-dikjarazzjoni addizzjonali kienet tipprovdi għall-impożizzjoni ta' taxxa kumpensatorja ta' 7,3 %.

13      B'ittra ta' l-14 ta' April 2003, ir-rikorrenti kkontestat il-kalkolu l-ġdid ta' l-ammont tas-sussidju. Il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, b'ittra tal-5 ta' Mejju 2003, spjegazzjonijiet supplimentari dwar dan il-kalkolu. Ir-rikorrenti wieġbet din l-ittra, fid-9 ta' Mejju 2003, billi ressqet osservazzjonijiet supplimentari.

14      Fuq proposta tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Mejju 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 960/2003, tat-2 ta' Ġunju 2003, li jimponi taxxi kompensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta' compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 138, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ikkontestat"). Dan ir-Regolament kien jimponi taxxa kumpensatorja definittiva ta' 7.3 % fuq l-importazzjonijiet tas-CD-Rs li joriġinaw mill-Indja.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' Awwissu 2003, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

16      B'digriet tal-President tar-Raba' Awla tat-23 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Hija ma ppreżentatx osservazzjonijiet bil-miktub.

17      Permezz ta' digriet tal-President tar-Raba' Awla tat-18 ta' April 2005, il-Committee of European CD-R Manufacturers (CECMA), li sar il-Committee of European CD-R and DVD+/-R Manufacturers (CECMA), ġie ammess jintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Is-CECMA ppreżenta n-nota ta' intervent tiegħu fit-terminu stabbilit. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din in-nota.

18      Ir-rikorrenti talbet, b'ittri tat-13 ta' April u tat-30 ta' Ġunju 2004, li ċerti elementi kunfidenzjali li jinsabu fir-rikors, fir-risposta, fir-replika u fil-kontroreplika jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lis-CECMA. Hija pproduċiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-imsemmija atti proċedurali. Il-Kunsill talab, b'ittra tal-5 ta' April 2004, li ċerti elementi kunfidenzjali inklużi fir-risposta jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lis-CECMA. Huwa ressaq verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposta li tissodisfa t-talba tiegħu għal trattament kunfidenzjali kif ukoll dik ippreżentata mir-rikorrenti. Il-komunikazzjoni lis-CECMA ta' l-imsemmija atti proċedurali ġiet ristretta għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. Is-CECMA ma ressqitx oġġezzjoni f'dan ir-rigward.

19      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet lill-partijiet ċerti domandi bil-miktub, u l-partijiet taw ir-risposta tagħhom fit-terminu stabbilit.

20      It-trattazzjoni orali tal-partijiet prinċipali fil-kawża u tal-Kummissjoni u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta pubblika ta' l-10 ta' Mejju 2006. Is-CECMA għarraf lill-Qorti tal-Prim'Istanza li ma kienx se jipparteċipa fis-seduta.

21      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat safejn dan huwa applikabbli għaliha;

–        tordna li l-Kunsill ibati l-ispejjeż;

–        tordna, f'kull każ, li s-CECMA jbati l-ispejjeż tiegħu.

22      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ikkontestat, inkwantu huwa jistabbilixxi taxxa kumpensatorja definittiva b'rata ogħla minn dik li kienet tiġi applikata f'każ li l-ammont tas-sussidju kellu jiġi stabbilit fuq perijodu ta' deprezzament ta' sitt snin;

–        tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

23      Is-CECMA jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż ta' l-intervenjent.

 Fid-dritt

24      Ir-rikorrenti tesponi l-ilmenti tagħha f'ħames motivi rigward, minn naħa, id-determinazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju, tal-perijodu ta' deprezzament normali ta' l-assi importati u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-ħsara u tar-rabta kawżali.

25      Rigward id-determinazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament normali, ir-rikorrenti tinvoka żball manifest ta' evalwazzjoni u ksur ta' l-Artikolu 5, ta' l-Artikolu 7(3), u ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku (l-ewwel motiv), kif ukoll ksur tad-drittijiet tad-difiża u nuqqas ta' motivazzjoni (it-tieni motiv).

26      Rigward l-evalwazzjoni tal-ħsara u tar-rabta kawżali, ir-rikorrenti tinvoka żball manifest ta' evalwazzjoni u ksur ta' l-Artikolu 8(2), (6) u (7) tar-Regolament bażiku, f'dak li għandu x'jaqsam, rispettivament, ma' l-eżami ta' l-elementi relatati mad-determinazzjoni tal-ħsara u tar-rabta kawżali (it-tielet motiv), l-eżami ta' l-effetti ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajwan (ir-raba' motiv) u l-eżami ta' l-effetti ta' aġir antikompetittiv ta' proprjetarju ta' privattivi għas-CD-Rs (il-ħames motiv).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 5, ta' l-Artikolu 7(3), u ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku u żball manifest fl-evalwazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament normali ta' l-assi

 Osservazzjonijiet preliminari

27      Bl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li d-determinazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament normali ta' l-assi importati, magħmula fir-Regolament ikkontestat, huwa vvizzjat bi żbalji ta' dritt u bi żball manifest ta' evalwazzjoni.

28      Għandu jiġi mfakkar li, fil-qasam tal-miżuri ta' protezzjoni tal-kummerċ, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet huwa ristrett għall-verifikazzjoni ta' l-osservazzjoni tar-regoli tal-proċedura, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta' żball manifest fl-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta' abbuż ta' poter (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Ottubru 2004, Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T-35/01, Ġabra p. II-3663, punti 48 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      L-istess japplika għall-evalwazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, imsemmi f'din il-kawża. Skond din id-dispożizzjoni, is-sussidju relatat ma' l-akkwist ta' assi fissi huwa mifrux "fuq perijodu li jirrifletti d-deprezzament normali ta' dawn l-assi fl-industrija kkonċernata". Mill-kliem u mill-istruttura ta' din id-dispożizzjoni, li titlob b'mod partikolari l-evalwazzjoni ta' dak li jikkostitwixxi prattika normali ta' l-industrija kkonċernata, jirriżulta li d-determinazzjoni tal-perijodu in kwistjoni tagħmel parti mis-setgħa wiesgħa ta' evalwazzjoni li l-istituzzjonijiet għandhom fl-analiżi tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

30      Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, kull wieħed mill-ilmenti mressqa mir-rikorrent f'dan il-każ għandu jiġi eżaminat.

 Fuq l-evalwazzjoni tal-fatturi relatati mal-perijodu ta' deprezzament (l-ewwel parti)

–       L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti ssostni li, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, hekk kif interpretat fis-sezzjoni F(a)(ii) tal-linji gwida, is-sussidju kellu jinfirex fuq "il-ħajja normali ta' dawn l-assi" jew il-perijodu ta' "deprezzament normali ta' l-assi fl-industrija kkonċernata". Barra minn hekk, il-prassi ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-medja mwieżna tal-perijodi ta' deprezzament li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tal-kontijiet tal-produtturi fis-settur in kwistjoni tal-pajjiż ikkonċernat.

32      F'dan il-każ, skond ir-rikorrenti, il-Kunsill għaldaqstant kellu jieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha ta' l-inkartament li huma relatati mal-ħajja ta' l-assi in kwistjoni. F'dan ir-rigward, billi qies li l-perijodu ta' deprezzament normali ta' dawn l-assi, jiġifieri l-perijodu normali ta' ħajja tagħhom, kien ta' 4.2 snin, il-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni perijodu iqsar minn dak li jirriżulta mill-provi mogħtija waqt l-investigazzjoni. Il-perijodu ta' deprezzament, fid-dawl ta' dawn il-provi, kien ta' tlettax-il sena (skond id-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti) jew saħansitra ta' bejn ħmistax u għoxrin sena (skond il-fornituri tar-rikorrenti). Skond l-informazzjoni ta' l-industrija Komunitarja, huwa kien ta' sitt snin.

33      Barra minn hek, il-Kunsill qies, inġustament, li l-perijodu ta' deprezzament normali ta' l-assi in kwistjoni kien ta' 4.2 snin skond il-metodu ta' deprezzament digressiv previst mil-leġiżlazzjoni Indjana. Fil-fatt, il-metodu ta' deprezzament digressiv ma jikkunsidrax perijodu ta' deprezzament. Minbarra dan, mill-kalkoli tar-rikorrenti jirriżulta li, skond dan il-metodu, l-assi mhumiex deprezzati kompletament fit-tmiem tal-perijodu stabbilit mill-Kunsill, għaliex jibqa' jeżisti valur residwu.

34      Il-Kunsill isostni li, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, is-sussidju relatat ma' l-akkwist ta' assi fissi għandu jinfirex fuq il-perijodu ta' deprezzament normali. Il-ħajja normali ta' assi, kunċett differenti, tista' eventwalment tikkostitwixxi wieħed mill-fatturi li jittieħdu in kunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament. Din hija wkoll il-prassi ta' l-istituzzjonijiet invokata mir-rikorrenti.

35      Ir-rikorrenti tfixkell dawn iż-żewġ kunċetti meta tallega, b'mod żbaljat, li l-istituzzjonijiet ikkunsidraw il-perijodu ta' 4.2 snin mhux biss bħala perijodu ta' deprezzament, iżda bħala l-ħajja ta' l-assi. Rigward il-provi ċċitati mir-rikorrenti, l-ittri tal-fornituri jindikaw biss il-ħajja fiżika ta' l-assi kkonċernati u mhux il-perijodu xieraq ta' deprezzament. F'kull każ, f'din il-kawża, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-liġi Indjana rigward id-dritt tal-kumpanniji li jipprovdi perijodu ta' deprezzament obbligatorju u indipendenti mill-ħajja ta' l-assi.

36      Rigward ir-referenza għall-metodu ta' deprezzament digressiv, il-Kunsill użah sabiex jiddetermina d-differenza bejn il-perijodu ta' deprezzament skond dan il-metodu u l-perijodu ta' deprezzament ta' sitt snin adottat bħala medja mill-industrija Komunitarja. F'dan ir-rigward, il-kalkolu alternattiv ippreżentat mir-rikorrenti mhuwiex adattat, għaliex huwa ma jiħux in kunsiderazzjoni l-investimenti kostanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

37      Fil-kuntest ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ ilmenti. L-ewwel nett, hija ssostni li l-perijodu ta' deprezzament ikkunsidrat huwa manifestament żbaljat meta mqabbel ma' l-informazzjoni mogħtija, rispettivament, minnha nfisha, mill-fornituri ta' l-oġġetti kkonċernati kif ukoll mill-industrija Komunitarja. It-tieni nett, hija tallega li l-Kunsill għamel żball manifest fl-evalwazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament li jirriżulta mill-metodu ta' deprezzament digressiv previst mil-leġiżlazzjoni Indjana.

38      Rigward l-ewwel ilment, jirriżulta, b'mod partikolari mill-premessi 43 u 45 tar-Regolament ikkontestat li, sabiex jiġi ddeterminat id-deprezzament, il-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni l-metodu ta' deprezzament pprovdut, fil-qasam tal-kontabbiltà, mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tar-rikorrenti.

39      Għaldaqstant, l-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill setax legalment jibbaża ruħu fuq dan l-element, minflok ma jieħu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni invokata mir-rikorrenti.

40      L-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku ma jinkludix regoli speċifiċi rigward l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-perijodu ta' deprezzament. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa wiesgħa ta' diskrezzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-elementi li jistgħu jitqiesu bħala rilevanti.

41      Rigward l-għan tad-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, mill-qari ta' l-Artikolu 5 flimkien ma' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-iskop tad-determinazzjoni ta' perijodu ta' deprezzament normali fl-industrija kkonċernata huwa li tiġi kkalkulata l-parti tal-benefiċċju miksuba mill-esportatur meta jixtri l-assi fissi, attribwibbli lill-perijodu ta' investigazzjoni. Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ssostnix li l-metodu ta' deprezzament ipprovdut mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta' l-esportatur mhuwiex rilevanti f'dan ir-rigward.

42      Madankollu, hija tosserva li t-teħid in kunsiderazzjoni ta' dan l-element jiddevja mil-linji gwida u mill-prassi preċedenti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji.

43      Rigward il-linji gwida, skond is-sezzjoni F(a)(ii) tagħhom, l-ammont tas-sussidju huwa mifrux "fuq il-ħajja normali [ta' l-assi kkonċernati]" u "[g]ħaldaqstant, l-ammont ta' sussidju […] jista' jinfirex fuq perijodu li jirrifletti l-perijodu ta' deprezzament normali ta' dawn l-assi fl-industrija kkonċernata". Għaldaqstant, minkejja li għandu jiġi osservat li l-linji gwida jirreferu, fl-istess waqt, għall-perijodu ta' "deprezzament normali" u għall-"ħajja normali" ta' l-assi kkonċernati, ma jirriżultax mill-eżistenza ta' dawn iż-żewġ referenzi li l-Kummissjoni limitat il-portata ta' l-elementi adottati fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku.

44      Barra minn hekk, ir-rikorrenti nfisha ssostni li l-prassi preċedenti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, relatata ma' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijet imsemmija iktar 'il fuq tar-Regolament bażiku u tal-linji gwida, tikkonsisti fil-kunsiderazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament medju applikat fid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet ta' l-industrija tal-pajjiż ikkonċernat. Issa, safejn id-deprezzament huwa rregolat f'dan il-pajjiż, il-metodu ta' deprezzament ipprovdut mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jista' jkun rilevanti f'dan ir-rigward.

45      Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-istituzzjonijiet Komunitarji qatt ma għamlu, fil-kuntest tal-kalkolu ta' sussidju, referenza għal metodu ta' deprezzament previst mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ikkonċernat, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku jħalli marġni ta' diskrezzjoni lill-istituzzjonijiet rigward l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament normali. Il-fatt li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma adottawx il-metodu in kwistjoni f'investigazzjonijiet oħra kontra s-sussidju ma jwassalx, minnu nnifsu, għall-ksur ta' din id-dispożizzjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2003, Euroalliages et vs Il-Kummissjoni, T-132/01, Ġabra p. II-2359, punti 68 u 69).

46      Barra minn hekk, minkejja li l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-prassi preċedenti, kellu jiġi interpretat bħala wieħed ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, għandu jiġi osservat li, meta l-leġiżlazzjoni applikabbli tħalli lill-istituzzjonijet ċerta marġni ta' diskrezzjoni, il-fatt li huma jużaw din il-marġni ta' diskrezzjoni, mingħajr ma jispjegaw fid-dettall u minn qabel il-kriterji li huma bi ħsiebhom japplikaw f'kull sitwazzjoni konkreta, ma jiksirx dan il-prinċipju, lanqas fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet fundamentali ġodda (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 1988, Brother vs Il-Kunsill, 250/85, Ġabra p. 5683, punti 28 u 29, u tas-7 ta' Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 118; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T-118/96, Ġabra p. II-2991, punti 67 sa 69).

47      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-istituzzjonijiet Komunitarji setgħu, mingħajr ma jiksru l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, jieħdu in kunsiderazzjoni l-metodu ta' deprezzament previst mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta' l-esportatur ikkonċernat sabiex jistabbilixxu l-perijodu ta' deprezzament normali ta' l-assi in kwistjoni.

48      Imbagħad, rigward l-informazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li hija kienet tapplika l-perijodu ta' deprezzament medju ta' tlettax-il sena fil-kontijiet tagħha, mill-premessa 40 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-affidabbiltà ta' din l-informazzjoni ġiet ikkontestata mill-fatt li l-klassifikazzjoni ta' l-assi ma kinitx l-istess fil-kotba tal-kontijiet tagħha u fid-dokumentazzjoni tat-taxxa tagħha.

49      Rigward iċ-ċertifikati li ġejjin mill-fornituri, li jgħidu li t-tagħmir in kwistjoni seta' jintuża għal bejn ħmistax u għoxrin sena, għandu jiġi osservat, bħalma għamel il-Kunsill, li ċ-ċertifikati ma jindikawx il-perijodu ta' deprezzament ta' dan it-tagħmir fl-industrija kkonċernata, iżda jikkostitwixxu biss l-indikazzjoni tal-ħajja fiżika tagħhom.

50      Rigward il-perijodu ta' deprezzament ta' sitt snin, applikat mill-industrija Komunitarja, mill-premessi 44 u 45 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li s-sitwazzjoni ekonomika ta' din l-industrija ma kinitx komparabbli ma' dik ta' l-industrija Indjana kkonċernata.

51      Għaldaqstant, l-informazzjoni invokata mir-rikorrenti mhijiex tali li turi li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill f'dan il-każ hija manifestament żbaljata.

52      Rigward it-tieni lment tar-rikorrenti, ibbażat fuq żball manifest fl-applikazzjoni tal-metodu ta' deprezzament preskritt mil-leġiżlazzjoni Indjana, għandu jiġi osservat li dan il-metodu ta' deprezzament digressiv ma jimplikax l-użu ta' perijodu ta' deprezzament speċifiku, bħala tali.

53      F'dan il-każ, il-Kunsill uża formula sabiex jikkalkula dan il-perijodu, li tikkorrispondi għall-applikazzjoni tal-metodu ta' deprezzament digressiv minn impriża li tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Huwa kkonstata, b'mod partikolari, fil-premessa 45 tar-Regolament ikkontestat, li l-applikazzjoni ta' dan il-metodu f'kundizzjonijet ta' investiment regolari u kostanti tippermetti, fuq perijodu rappreżentattiv ta' sitt snin, deprezzament ta' l-assi "30 % […] iktar mgħaġġel" mill-metodu bi kwoti kostanti, li jikkorrispondi għall-perijodu ta' 4.2 snin ikkunsidrat f'dan il-każ.

54      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma ppruvatx li metodu bħal dan kien, minnu nnifsu, manifestament żbaljat. Madankollu, hija tikkontesta l-eżattezza tal-kalkoli magħmula mill-Kunsill, billi tippreżenta kalkolu alternattiv, li jgħid li l-applikazzjoni tad-deprezzament digressiv twassal għal valur residwu fi tmiem il-ħames sena.

55      Għandu jiġi osservat, f'dan ir-rigward, li l-kalkolu alternattiv ippreżentat mir-rikorrenti huwa bbażat fuq id-deprezzament ta' assi investit matul l-ewwel sena u mhux fuq investimenti kostanti. Peress li dan il-kalkolu huwa bbażat fuq elementi ta' evalwazzjoni differenti minn dawk meħuda in kunsiderazzjoni mill-Kunsill, huwa ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi kkontestata l-eżattezza ta' l-evalwazzjoni magħmula minn dan ta' l-aħħar.

56      Fid-dawl ta' dak li ntqal, l-ilmenti magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv ma jistgħux jintlaqgħu.

 Fuq il-klassifikazzjoni ta' l-assi fil-kategorija tal-forom u fuq in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni ta' l-informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti (l-ewwel u t-tieni lmenti tat-tieni parti)

–       L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti tinvoka l-prassi tal-Kunsill, li d-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet ta' l-esportatur jikkostitwixxu l-għajn prinċipali ta' l-informazzjoni. Din il-prassi hija komparabbli mat-teħid in kunsiderazzjoni tal-kotba tal-kontijiet miżmuma skond il-prinċipji ġenerlament aċċettati tal-pajjiż ikkonċernat għall-kalkolu ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni fil-kawżi ta' dumping. Il-Kunsill għaldaqstant kien imissu bbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-perijodu ta' deprezzament li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet.

58      Il-Kunsill kiser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, kif interpretat fil-prassi tiegħu, billi rrifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni dan il-perijodu u billi kklassifika l-assi in kwistjoni fil-kategorija tal-forom, meta dawn l-assi jidhru fid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti bħala magni. Ir-rikorrenti tammetti li l-klassifikazzjoni ta' l-istess assi fil-kotba tal-kontijiet u fid-dokumentazzjoni tat-taxxa kienet differenti. Madankollu, f'każ ta' diverġenza, il-klassifikazzjoni msemmija fid-dokumentazzjoni tat-taxxa ma tistax tipprevali fuq dik li tidher fid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet.

59      Ir-Regolament ikkontestat huwa wkoll ivvizzjat bi żball ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward. Fil-fatt, il-Kunsill kellu jimmotiva l-għażla tiegħu rigward il-klassifikazzjoni ta' l-assi in kwistjoni b'elementi oġġettivi marbuta man-natura tagħhom u mhux biss bis-sempliċi kontradizzjoni bejn il-kotba tal-kontijiet u d-dokumentazzjoni tat-taxxa tar-rikorrenti.

60      Barra minn hekk, fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni ta' l-14 ta' April 2003, ir-rikorrenti indikat li parti biss mill-assi in kwistjoni kienet ġiet ikklassifikata mill-ġdid fil-kategorija tal-forom fid-dokumentazzjoni tat-taxxa tagħha. Din l-informazzjoni kienet ibbażata fuq il-prospett tat-taxxa fuq l-income tar-rikorrenti, eżaminata mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni. Din ta' l-aħħar għaldaqstant kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tivverifika l-kalkoli magħmula mir-rikorrenti.

61      Il-Kunsill isostni li, minkejja li d-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet ta' l-esportatur jikkostitwixxu, bħala regola ġenerali, l-għajn prinċipali ta' informazzjoni, l-istituzzjonijiet mhumiex marbuta b'din l-informazzjoni, iżda għandhom iħarsu lejn l-affarijiet mill-perspettiva ta' dak li jikkostitwixxi l-perijodu ta' deprezzament normali fl-industrija kkonċernata. F'dan il-każ, ma kienx xieraq li jittieħed bħala bażi l-perijodu ta' deprezzament li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti. Minn naħa, il-klassifikazzjoni ta' l-assi f'dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinitx koerenti mal-klassifikazzjoni tagħhom għall-finijiet ta' tassazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-industrija Komunitarja, li kienet qed tagħmel telf, applikat perijodu medju ta' deprezzament ta' madwar sitt snin u l-perijodu ta' deprezzament adottat mir-rikorrenti, impriża li qed tagħmel profitt u li qiegħda tinvesti b'mod kostanti u sostanzjali, kien imissu kien ħafna inqas minn din il-medja.

62      Ir-rikorrenti kklassifikat mill-ġdid l-assi in kwistjoni fil-kategorija tal-forom fil-prospett tat-taxxa tagħha. Issa, mil-leġiżlazzjoni Indjana jirriżulta li l-klassifikazzjonijiet tal-kotba tal-kontijiet u tad-dokumentazzjoni tat-taxxa ta' assi identiċi għandhom ikunu koerenti bejniethom. Sabiex jiddefinixxi l-perijodu ta' deprezzament xieraq, il-Kunsill beda mill-ipoteżi li l-bdil fil-klassifikazzjoni għall-finijiet ta' tassazzjoni kien imissu ġab miegħu wkoll bdil identiku fid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti.

63      Dan ir-raġunament huwa mmotivat suffiċjentement, b'mod partikolari, mill-premessa 41 tar-Regolament ikkontestat. Fid-dawl ta' din il-motivazzjoni, il-Kunsill ma kienx fl-obbligu li jittratta l-kwistjoni tan-natura oġġettiva ta' l-assi in kwistjoni. Barra minn hekk, lanqas ir-rikorrenti nfisha ma ppruvat li l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta' l-assi għall-finijiet ta' tassazzjoni kienet ibbażata fuq in-natura oġġettiva tagħhom u mhux biss esklużivament fuq l-interessi fiskali tagħha.

64      Rigward l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-klassifikazzjoni mill-ġdid għall-finijiet ta' tassazzjoni ma kinitx tikkonċerna l-assi kollha in kwistjoni, il-Kunsill iwieġeb li din ta' l-aħħar ma ġabitx, fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni ta' l-14 ta' April 2003 jew fir-rikors tagħha, prova sabiex issostni dan il-fatt. Barra minn hekk, mir-risposta tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2003 jirriżulta li l-informazzjoni indikata fl-ittra ta' l-14 ta' April 2003, jiġifieri l-valur totali ta' l-assi importati, kienet tikkontradixxi dik ippreżentata qabel u vverifikata matul l-investigazzjoni. B'hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika l-informazzjoni l-ġdida u lanqas, konsegwentement, teħodha in kunsiderazzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

65      Mill-premessi 39 sa 43 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kunsill evalwa l-perijodu ta' deprezzament ta' l-assi in kwistjoni billi rrefera għall-metodu ta' deprezzament ipprovdut mil-leġiżlazzjoni Indjana għat-tagħmir bħall-forom. B'hekk, huwa rrifjuta li jibbaża din l-evalwazzjoni fuq il-perijodu ta' deprezzament imsemmi fil-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti, li fihom dawn l-assi kienu jidhru bħala magni.

66      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li hija kklassifikat mill-ġdid l-assi in kwistjoni fil-kategorija tal-forom fil-prospett tat-taxxa tagħha relatat mal-perijodu ta' l-investigazzjoni. Madankollu hija ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku billi bbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq klassifikazzjoni li tinsab fid-dokumentazzjoni tat-taxxa, minflok ma ħa in kunsiderazzjoni l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet.

67      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar, bħalma ġie osservat fil-punt 45 iktar 'il fuq, li s-sempliċi fatt li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma adottawx l-istess metodu f'investigazzjonijiet oħra kontra s-sussidju ma jwassalx, minnu nnifsu, għall-ksur tad-dispożizzjoni msemmija iktar 'il fuq. Barra minn hekk, f'dan il-każ, mill-premessi 40 u 41 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-informazzjoni fiskali ġiet immotivata mill-fatt li l-klassifikazzjoni ta' l-assi in kwistjoni fil-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti ma kinitx koerenti ma' dik li tinsab fid-dokumentazzjoni tat-taxxa tagħha. Għaldaqstant ma jistax jiġi sostnut li l-Kunsill injora l-informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti għal raġunijiet arbitrarji.

68      Imbagħad, għandu jiġi osservat li mill-premessa 38 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet Komunitarji bbażaw l-evalwazzjoni tagħhom fuq il-perijodu ta' deprezzament applikabbli mill-perspettiva tal-kontabbiltà. Fil-kuntest ta' dan l-eżami, ir-referenza għall-prospett tat-taxxa tar-rikorrenti ġiet ristretta għat-tfittxija tal-klassifikazzjoni xierqa ta' l-assi in kwistjoni mill-perspettiva tal-kontabbiltà. Kif jirriżulta mill-premessa 41 tar-Regolament ikkontestat, l-imsemmija referenza ġiet iġġustifikata bil-fatt li l-istess assi kellhom jiġu kklassifikati bl-istess mod fil-kotba tal-kontijiet u fid-dokumentazzjoni tat-taxxa. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni, inġustament, li l-istituzzjonijiet Komunitarji taw illegalment prevalenza lid-dokumentazzjoni tat-taxxa fuq il-kotba tal-kontijiet.

69      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma kkontestatx il-kunsiderazzjoni tal-Kunsill, li minkejja li impriża tista' tapplika metodi ta' deprezzament differenti fil-kotba tal-kontijiet u fid-dokumentazzjoni tat-taxxa tagħha, il-klassifikazzjoni ta' l-istess assi fil-kotba tal-kontijiet u fid-dokumentazzjoni tat-taxxa tagħha għandha tkun identika. Min-naħa l-oħra, hija ma ssostnix li l-klassifikazzjoni ta' l-assi fid-dokumentazzjoni tat-taxxa hija żbaljata. Barra minn hekk, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ma wrietx li l-klassifikazzjoni ta' l-assi fil-prospett tat-taxxa kienet ġiet ikkontestata mill-awtoritajiet Indjani jew ikkoreġuta mir-rikorrenti.

70      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill seta' jqis legalment li, peress li r-rikorrenti biddlet il-klassifikazzjoni ta' l-assi in kwistjoni fid-dokumentazzjoni tat-taxxa tagħha, l-istess bidla kellha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kontabbiltà.

71      Rigward l-argument sussidjarju tar-rikorrenti bbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti ta' l-imsemmija konstatazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi, b'mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament ta' l-awtorità Komunitarja, li tkun fasslet l-att, b'tali mod li tippermetti lill-partijiet kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista' teżerċita l-istħarriġ tagħha [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Settembru 2002, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, T-89/00, Ġabra p. II-3651, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata].

72      F'dan ir-rigward, il-premessi 40 sa 42 tar-Regolament ikkontestat jindikaw li l-informazzjoni tar-rikorrenti, li tikkonċerna l-klassifikazzjoni ta' l-assi fil-kotba tal-kontijiet, ġiet kontradetta mill-bidla tal-klassifikazzjoni tagħhom fid-dokumentazzjoni tat-taxxa, filwaqt li l-klassifikazzjoni ta' l-istess assi fil-kotba tal-kontijiet u fid-dokumentazzjoni tat-taxxa kellha tkun l-istess. B'hekk, ir-Regolament ikkontestat jispeċifika, suffiċjentement, ir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill ma bbażax l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-klassifikazzjoni ta' l-assi li tirriżulta mill-kontijiet tar-rikorrenti, iżda rrefera għal elementi rilevanti oħra.

73      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-klassifikazzjoni ta' l-assi fil-kategorija tal-forom ma tikkonċernax l-assi kollha in kwistjoni, fatt li hija ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejh b'ittra ta' l-14 ta' April 2003.

74      Il-Kunsill iwieġeb għal din l-allegazzjoni li l-informazzjoni mogħtija in sostenn tagħha mhijiex koerenti ma' elementi oħra miksuba matul l-investigazzjoni u li, għaldaqstant, l-imsemmija allegazzjoni ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni.

75      Mill-elementi ppreżentati mill-partijiet b'risposta għad-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza jirriżulta li r-rikorrenti rreferiet għall-informazzjoni li tirriżulta mill-prospett tat-taxxa tagħha għall-perijodu ta' investigazzjoni, sabiex issostni l-allegazzjoni in kwistjoni. Huwa paċifiku li l-valur ta' l-assi rreġistrati f'din id-dikjarazzjoni ma jaqbilx mal-valur tagħhom ikkunsidrat għall-kalkolu tas-sussidju. Il-Kunsill jindika li l-istituzzjonijiet ma kinux f'pożizzjoni, fuq il-bażi ta' dawn l-elementi biss, li jqabblu l-allegazzjoni in kwistjoni ma' l-informazzjoni l-oħra vverifikata fil-kuntest ta' l-investigazzjoni.

76      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li d-differenza fil-valuri li tirriżulta minn dan, li tista' tiġi spjegata biż-żieda ta' l-ispejjeż ta' trasport u ta' installazzjoni, ma kinitx tipprekludi lill-istituzzjonijiet Komunitarji milli josservaw li l-bidla fil-klassifikazzjoni ma tikkonċernax l-assi importati kollha.

77      F'dan ir-rigward, il-Kunsill speċifika li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux jikkalkulaw il-valur eżatt ta' l-assi kklassifikati fil-kategorija tal-forom, għaliex, minn naħa, ir-rikorrenti ma kinitx spjegat il-kriterji tal-klassifikazzjoni ta' l-assi tagħha fil-prospett tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx ipprovdiet il-lista sħiħa u li tista' tiġi vverifikata ta' dawn l-assi. Fin-nuqqas ta' dawn l-elementi, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux jivverifikaw il-figuri ppreżentati mir-rikorrenti sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha.

78      Fid-dawl ta' dawn l-aħħar indikazzjonijiet, li r-rikorrenti ma kkontestatx quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, għandu jitqies li din ma ppreżentatx lill-istituzzjonijiet Komunitarji elementi li kienu jippermettulhom jivverifikaw l-eżattezza ta' l-allegazzjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, li jieħdu in kunsiderazzjoni l-parti ta' l-assi kkonċernata li ma ġietx ikklassifikata fil-kategorija tal-forom. Għaldaqstant, hija ma tistax, b'din is-sempliċi allegazzjoni, tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula fir-Regolament ikkontestat.

79      Għaldaqstant, il-Kunsill seta', mingħajr ma jikser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, iqis li l-assi in kwistjoni, ikklassifikati bħala forom għall-finijiet ta' tassazzjoni, kellhom ukoll jittieħdu in kunsiderazzjoni bħala tali għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament tagħhom mill-perspettiva tal-kontabbiltà u li, għaldaqstant, ma kienx xieraq li din l-evalwazzjoni tiġi bbażata fuq l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta' nuqqas ta' motivazzjoni f'dan ir-rigward.

80      Għaldaqstant l-allegazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest ta' l-ewwel żewġ ilmenti tat-tieni parti għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

 Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-profitabbiltà u ta' l-investimenti tar-rikorrenti (it-tielet ilment tat-tieni parti)

–       L-argumenti tal-partijiet

81      Skond ir-rikorrenti, il-Kunsill kiser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, billi għamel distinzjoni bejn l-impriżi li jagħmlu qligħ u l-impriżi li ma jagħmlux qligħ sabiex jistabbilixxi l-perijodu ta' deprezzament. Minn naħa, tali distinzjoni bl-ebda mod ma tirriżulta mir-Regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, hija ma tagħmilx sens, għaliex il-ħajja normali ta' assi kif ukoll il-perijodu ta' deprezzament normali tiegħu huma marbuta man-natura tiegħu u mhux mal-profitabbiltà jew il-pjan ta' investiment ta' l-impriża proprjetarja.

82      Billi assuma li r-rikorrenti kienet se tinvesti sostanzjalment matul perijodu ta' sitt snin, il-Kunsill kiser ukoll l-Artikolu 5 u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku. Il-fatt li r-rikorrenti kienet tagħmel qligħ u li kienet investiet matul il-perijodu ta' investigazzjoni kif ukoll matul is-sentejn ta' qabel ma jikkostitwixxix prova li hija żammet l-istess livell ta' profitabbiltà matul sitt snin. L-approċċ tal-Kunsill jimplika għaldaqstant spekulazzjonijiet fuq elementi li ġraw wara l-perijodu ta' investigazzjoni.

83      Il-Kunsill iwieġeb li huwa ma għamilx distinzjoni bejn il-kumpanniji li jagħmlu qligħ u l-kumpanniji li ma jagħmlux qligħ. Huwa kkunsidra biss il-fatt li r-rikorrenti kienet qiegħda tagħmel investimenti kostanti u sostanzjali sabiex jikkonkludi li din ta' l-aħħar tiddeprezza l-assi tagħha b'mod mgħaġġel ħafna. B'hekk, il-Kunsill fittex il-perijodu ta' deprezzament normali għal kumpannija li tinsab fl-istess sitwazzjoni tar-rikorrenti. Din ta' l-aħħar hija żbaljata meta ssostni li l-profitabbiltà ma taffettwax il-perijodu ta' deprezzament, peress li l-fatt li tagħmel qligħ huwa importanti għall-għażla ta' dan il-perijodu.

84      Sabiex jikkunsidra li r-rikorrenti tagħmel qligħ u li hija tinvesti sostanzjalment, il-Kunsill strieħ fuq elementi stabbiliti waqt l-investigazzjoni u li ma ġewx ikkontestati. Huwa ma uża ebda element sussegwenti għall-perijodu ta' investigazzjoni, b'mod konformi ma' l-Artikolu 5 u ma' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

85      Huwa paċifiku li l-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni l-fatt, stabbilit waqt l-investigazzjoni, li r-rikorrenti kienet qed tagħmel ħafna qligħ u li hija kienet tinvesti b'mod regolari u kostanti. Dan il-fatt ġie kkunsidrat għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, il-Kunsill irrefera, fost iż-żewġ metodi ta' deprezzament ammessi mil-leġiżlazzjoni Indjana, għall-metodu ta' deprezzament digressiv, li kien jagħti deprezzament aktar mgħaġġel. It-tieni nett, il-Kunsill ikkalkula l-perijodu ta' deprezzament b'mod konformi ma' dan il-metodu f'kundizzjonijiet ta' investimenti regolari u kostanti.

86      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma esposti fil-premessa 45 tar-Regolament ikkontestat:

"[I]l-pożizzjoni tal-produtturi li jesportaw hija differenti ħafna għal dik tal-kumpannija medja. Hija profitabbli ħafna, qiegħda tinvesti kontinwament u bil-kbir u għalhekk huwa raġonevoli li tissoponi li l-perjodu ta’ deprezzament tiegħu jkun sinifikament aktar baxx mill-medju hawn fuq imsemmi. Għalhekk huwa kkonsidrat xieraq li jkun applikat metodu ta’ [deprezzament digressiv li] jippermetti deprezzament aktar mgħaġġel mill-metodu ta’ linja dritta. Kien innutat li f’ċirkustanzi ta’ investimenti regolari li ma jaqtgħux, il-metodu ta’ [deprezzament digressiv] kif previst mill-liġi tal-kumpanniji ta’ l-Indja msemmi f’premessa 43 jippermetti 30 % ta’ deprezzament aktar mgħaġġel mill-metodu ekwivalenti ta’ linja dritta fuq perjodu rappreżentattiv ta’ sitt snin li hu applikabbli meta jkun użat il-metodu ta’ linja dritta. Dan jikkorrispondi għall-perjodu ta’ 4,2 snin kif ikkomparat għal sitt snin għall-metodu ta’ linja dritta".

87      Ir-rikorrenti ssostni li, billi ħa in kunsiderazzjoni l-profitabbiltà u l-investmenti tagħha, il-Kunsill kiser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, kif ukoll l-Artikolu 5 u l-Artikolu 11(1) ta' l-imsemmi Regolament.

88      Rigward l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi osservat li, skond din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jevalwa l-perijodu ta' deprezzament fl-industrija kkonċernata. Din l-evalwazzjoni tista' b'hekk timplika l-kunsiderazzjoni ta' ċirkustanzi ta' l-esportatur ikkonċernat innifsu. Kif diġà ġie osservat fil-punt 40 iktar 'il fuq, fin-nuqqas ta' regoli speċifiċi f'dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom marġni ta' diskrezzjoni f'dak li jikkonċerna l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni.

89      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma ġabet l-ebda prova sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha li l-profitabbiltà ta' esportatur ma tistax taffettwa l-perijodu ta' deprezzament ta' l-assi tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill indika, bir-raġun, li l-għażla ta' metodu ta' deprezzament minn esportatur tista' tiddependi, b'mod partikolari, mill-investimenti previsti u, b'hekk, mill-profitabbiltà ta' l-impriża kkonċernata.

90      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kunsill kien kiser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku.

91      Rigward l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-ammont tas-sussidju huwa kkalkulat f'termini tal-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarju hekk kif jinsabu li jeżistu matul il-perijodu ta' investigazzjoni. F'dan il-każ, l-istituzzjonijiet Komunitarji sabu li s-sitwazzjoni favorevoli tar-rikorrenti, matul it-tliet snin finanzjarji kkunsidrati, setgħet tinfluwenza l-għażla tagħha tal-metodu ta' deprezzament. Imbagħad, huma rreferew ukoll għall-metodu magħżul b'dan il-mod sabiex jistabbilixxu l-parti tas-sussidju li għandha tiġi attribwita għall-perijodu ta' investigazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tallega b'mod żbaljat li l-istituzzjonijiet Komunitarji inkludew, fil-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju, benefiċċju li huwa attribwibbli għal perijodu differenti mill-perijodu ta' investigazzjoni.

92      Rigward l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku, dan jipprovdi, b'mod partikolari, li l-informazzjoni marbuta ma' perijodu sussegwenti għall-perijodu ta' l-investigazzjoni m'għandhiex, normalment, tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat is-sussidju u l-ħsara. Konsegwentement, l-informazzjoni rilevanti għall-finijiet ta' l-analiżi ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji hija normalment dik li tirrigwarda perijodu li jintemm bil-perijodu ta' investigazzjoni. Din id-dispożizzjoni ma teskludiex madankollu l-kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta' l-analiżi ta' din l-informazzjoni, ta' tbassir rigward avvenimenti ġejjiena, safejn dawn ikunu rilevanti u bbażati fuq elementi oġġettivi miksuba matul l-investigazzjoni.

93      Rigward ir-rilevanza ta' tali tbassir f'dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kunsill li l-profitabbiltà ta' l-esportatur ikkonċernat u l-investimenti previsti tiegħu jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi stabbilit il-metodu ta' deprezzament li għandu jintuża.

94      Rigward il-mertu tat-tbassir meħud in kunsiderazzjoni mill-Kunsill, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hija investiet b'mod regolari ammonti sostanzjali matul perijodu ta' tliet snin sat-tmiem tal-perijodu ta' investigazzjoni. Minkejja li dan l-element ta' fatt ma jwassalx neċessarjament għall-kunsiderazzjoni li d-deprezzament in kwistjoni kien isir f'kundizzjonijiet ta' investiment regolari u kostanti kif qies il-Kunsill, għandu jiġi osservat li din l-evalwazzjoni, ta' natura ekonomika, taqa' taħt id-diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet Komunitarji fl-analiżi tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Issa, ir-rikorrenti ma wrietx li l-evalwazzjoni tal-Kunsill f'dan ir-rigward kienet ivvizzjata bi żball manifest.

95      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilietx li l-Kunsill kien kiser l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku.

96      Fid-dawl ta' dak li ntqal, dan l-ilment mhuwiex fondat.

 Fuq l-applikazzjoni tal-metodu ta' deprezzament digressiv (ir-raba' lment tat-tieni parti)

–       L-argumenti tal-partijiet

97      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, billi applika l-metodu ta' deprezzament digressiv għall-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju. Il-linji gwida kif ukoll il-prassi ta' l-istituzzjonijiet jirreferu għall-użu tal-metodu bi kwoti kostanti. F'dan ir-rigward, ir-Regolament ikkontestat ma jispjegax ir-raġunijiet għalfejn l-istituzzjonijiet Komunitarji ddevjaw mill-prassi stabbilita tagħhom, meta r-rikorrenti kienet adottat il-metodu bi kwoti kostanti fid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tagħha.

98      Il-Kunsill iwieġeb li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku ma jeskludix l-applikazzjoni ta' metodu ta' deprezzament differenti mill-metodu bi kwoti kostanti, anke jekk dan ta' l-aħħar huwa ġeneralment użat. Il-fatt li l-metodu ta' deprezzament digressiv ma kienx użat fil-passat mhuwiex rilevanti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

99      Mill-premessa 45 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet Komunitarji stabbilew il-perijodu ta' deprezzament billi adottaw il-metodu ta' deprezzament digressiv previst mil-leġiżlazzjoni Indjana għall-assi in kwistjoni.

100    F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-użu tal-metodu ta' deprezzament digressiv, bħala tali, jikser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, kif interpretat mil-linji gwida tal-Kummissjoni u kif applikat fil-prassi preċedenti tagħha.

101    Għandu jiġi osservat li l-kliem ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku ma jeskludix l-użu tal-metodu ta' deprezzament digressiv.

102    Rigward il-linji gwida, is-sezzjoni F(a)(ii) tagħhom tipprovdi li, sabiex tqassam l-ammont tas-sussidju, il-Kummissjoni ġeneralment tuża l-metodu ta' deprezzament bi kwoti kostanti. Min-naħa l-oħra, din l-indikazzjoni ma tfissirx li l-użu ta' metodu ieħor ta' deprezzament huwa eskluż. Barra minn hekk, skond is-sezzjoni A tal-linji gwida, l-indikazzjonijiet li jinsabu fihom ma japplikawx jekk ċirkustanzi partikolari jiġġustifikaw approċċ differenti.

103    F'dan il-każ, il-Kunsill spjega, fil-premessi 44 u 45 tar-Regolament ikkontestat, li l-użu tal-metodu ta' deprezzament digressiv previst mil-leġiżlazzjoni Indjana, li jwassal għal deprezzament aktar mgħaġġel mill-metodu bi kwoti kostanti previst mill-istess leġiżlazzjoni, kien iktar xieraq fid-dawl tal-perijodu ta' deprezzament applikat mill-industrija Komunitarja u fid-dawl ta' ċirkustanzi speċjali li kienet tgawdi minnhom ir-rikorrenti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet Komunitarji setgħu leglament jadottaw approċċ differenti minn dak ġeneralment previst mil-linji gwida.

104    Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-metodu ta' deprezzament digressiv ma ġiex applikat mill-istituzzjonijiet Komunitarji f'investigazzjonijiet oħra kontra s-sussidju, għandu jiġi mfakkar li dan l-argument mhuwiex suffiċjenti, minnu nnifsu, sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta' l-applikazzjoni tiegħu f'dan il-każ (ara punti 45 u 46 iktar 'il fuq).

105    Rigward il-kritika tar-rikorrenti, li l-Kunsill applika metodu differenti minn dak applikat fid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tagħha, għandu jiġi mfakkar li dan ta' l-aħħar qies, ġustament, li l-użu tal-metodu ta' deprezzament applikat fl-imsemmija dikjarazzjonijiet tal-kontijiet, f'dan il-każ, ma kienx floku (ara punti 65 sa 67 u 79 iktar 'il fuq).

106    Għaldaqstant, ir-rikorrenti mhijiex iġġustifikata li ssostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji kisru l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, mis-sempliċi fatt li huma ddevjaw mill-approċċ previst mil-linji gwida u użat fl-investigazzjonijiet preċedenti kontra s-sussidju.

107    Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq in-natura allegatament arbitrarja tal-kalkoli (il-ħames ilment tat-tieni parti)

–       L-argumenti tal-partijiet

108    Ir-rikorrenti ssostni li l-metodu applikat mill-Kunsill sabiex jasal għal perijodu ta' 4.2 snin huwa arbitrarju. B'mod partikolari, l-istituzzjonijiet għażlu arbitrarjament il-perijodu ta' sitt snin sabiex iqabblu ż-żewġ metodi ta' deprezzament, bi kwoti kostanti u digressiv, kif ukoll il-perijodu ta' sitt snin li matulu ġie kkunsidrat li r-rikorrenti kienet investiet b'mod kostanti. Li kieku l-istituzzjonijiet kienu kkunsidraw numru ta' snin differenti, huma setgħu jaslu għal riżultat ieħor.

109    In-natura arbitrarja tad-determinazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament in kwistjoni tidher mill-fatt li, fl-ewwel dikjarazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet issuġġeriet perijodu ta' tliet snin, sostitwit sussegwentement, fir-rigward ta' l-istess elementi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, b'perijodu ta' 4.2 snin.

110    Skond il-Kunsill, il-fatt li huwa seta', billi jbiddel il-parametri tal-kalkolu, jasal għal perijodu ta' deprezzament ieħor ma jipprovax li l-approċċ tiegħu kien arbitrarju. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kunsill kien qabeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

111    Il-Kummissjoni setgħet, skond il-Kunsill, tbiddel l-approċċ tagħha matul l-investigazzjoni, minkejja li din il-bidla ma kinitx ibbażata fuq elementi ġodda. Dan il-fatt ma jfissirx li l-approċċ il-ġdid huwa arbitrarju.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

112    B'dan l-ilment, ir-rikorrenti ssostni li d-determinazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament normali in kwistjoni ma kienx oġġettiv. Hija tgħid, l-ewwel nett, li l-istituzzjonijiet Komunitarji għażlu arbitrarjament il-parametri adottati sabiex jiġu mqabbla ż-żewġ metodi alternattivi previsti mil-leġiżlazzjoni Indjana u, it-tieni nett, li huma biddlu l-perijodu ta' deprezzament fi stadju avvanzat ta' l-investigazzjoni u fl-assenza ta' prova ġdida.

113    Rigward l-ewwel allegazzjoni, mill-premessa 45 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-perijodu rappreżentattiv ta' sitt snin użat f'dan il-każ jikkorrispondi, fl-istess ħin, għall-perijodu ta' deprezzament medju applikat mill-industrija Komunitarja u għal dak li jirriżulta mill-metodu ta' deprezzament bi kwoti kostanti previst mil-leġiżlazzjoni Indjana, li kien wieħed mill-metodi li seta' jintuża. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-istituzzjonijiet għamlu għażla arbitrarja billi kkunsidraw dan il-perijodu. L-argument tar-rikorrenti, li r-riżultat tal-kalkolu fuq perijodu ieħor kien ikun differenti, ma jistax jikkontesta l-konstatazzjoni preċedenti rigward in-natura mhux arbitrarja tal-perijodu kkunsidrat.

114    Rigward it-tieni allegazzjoni, li l-Kummissjoni kienet issuġġeriet inizjalment perijodu ta' tliet snin, għandu jiġi mfakkar li investigazzjoni fil-qasam tal-miżuri ta' protezzjoni tal-kummerċ tikkostitwixxi proċess kontinwu, li matulu diversi konklużjonijiet huma kontinwament riveduti. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-konklużjonijiet finali ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji huma differenti mill-konklużjonijiet stabbiliti f'mument partikolari ta' l-investigazzjoni (is-sentenza Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 182). Ir-rikorrenti ma tistax għaldaqstant issostni li bidla fl-evalwazzjoni tad-deprezzament, li kellha impatt matul l-investigazzjoni, tikkostitwixxi ħjiel tan-natura arbitrarja ta' din l-evalwazzjoni. Barra minn hekk, kif indika l-Kunsill, il-bidla in kwistjoni, minkejja li ma kinitx ibbażata fuq provi ġodda, saret wara osservazzjonijiet bil-miktub u orali tar-rikorrenti.

115    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx li l-evalwazzjoni magħmula mill-istituzzjonijiet Komunitarji kienet arbitrarja. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jintlaqa'.

116    Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u nuqqas ta' motivazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament normali ta' l-assi

 L-argumenti tal-partijiet

117    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2003, il-Kummissjoni ppreżentat metodu ġdid ta' kalkolu tal-perijodu ta' deprezzament, sostanzjalment differenti minn dak użat fl-iżvelar finali ta' l-4 ta' Marzu 2003. Din id-dikjarazzjoni ma ppermettietilhiex li tifhem il-metodu ġdid. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet dan il-fatt, b'mod impliċitu, billi bagħtet, fil-5 ta' Mejju 2003, spjegazzjonijiet addizzjonali.

118    Barra minn hekk, l-imsemmija spjegazzjonijiet addizzjonali, tal-5 ta' Mejju 2003, lanqas ma ppermettew lir-rikorrenti li teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma setgħetx tippreżenta b'mod effettiv l-osservazzjonijiet tagħha wara l-5 ta' Mejju 2003, għaliex, f'dan l-istadju, kien impossibbli li tiġi mibdula l-proposta għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. It-tieni nett, lanqas l-ispjegazzjonijiet addizzjonali ma ppermettewlha li tifhem kif il-Kummissjoni kienet stabbiliet il-perijodu ta' deprezzament ta' 4.2 snin. Kien biżżejjed, f'dan ir-rigward, li tiġi annessa lista biċ-ċifri tal-kalkoli, ħaġa li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel.

119    Rigward l-argument tal-Kunsill, li r-rikorrenti kellha titlob spjegazzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2003, din ta' l-aħħar tosserva li l-imsemmija dikjarazzjoni stabbiliet terminu għar-risposta qasir ħafna u li r-risposta tagħha, ta' l-14 ta' April 2003, kienet tinkludi stedina taċita sabiex jingħataw spjegazzjonijiet aħjar.

120    Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat b'difett ta' motivazzjoni, inkwantu huwa jirrepeti l-motivi inkompleti li jinsabu fid-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2003.

121    Il-Kunsill isostni li d-dikjarazzjoni addizzjonali tad-9 ta' April 2003 kienet biżżejjed. Jekk ir-rikorrenti ma kinitx fehmet il-metodu ta' kalkolu ppreżentat f'din id-dikjarazzjoni, hija kin imissha talbet spjegazzjonijiet. Issa, fir-risposta tagħha ta' l-14 ta' April 2003, ir-rikorrenti esprimiet biss in-nuqqas ta' qbil tagħha mal-metodu applikat mill-Kummissjoni.

122    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni bagħtet spjegazzjonijiet addizzjonali fil-5 ta' Mejju 2003 ma jfissirx li hija rrikonoxxiet l-insuffiċjenza tad-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2003. Dawn l-ispjegazzjonijiet kienu biss, effettivament, risposta rigward il-kalkolu ppreżentat mir-rikorrenti fl-14 ta' April 2003. Bil-kontra ta' dak li tafferma r-rikorrenti, huma ntbagħtu fil-ħin.

123    Ir-rikorrenti kienet taf il-metodi ta' deprezzament applikati mill-Kummissjoni u ma kellhiex ikollha diffikultà tikkalkula l-ammonti in kwistjoni. Waqt il-proċedura amministrattiva, hija qatt ma talbet li tirċievi ċ-ċifri tal-kalkoli fl-għamla ta' lista.

124    Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma ressqitx argument li jista' juri li l-eventwali nuqqas ta' informazzjoni ma ħallihiex tiddefendi ruħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

125    Għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 30(1) u (2), tar-Regolament bażiku, l-esportaturi kkonċernati jistgħu jitolbu żvelar finali fuq il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi. Dan l-obbligu ta' żvelar finali huwa intiż sabiex jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta' l-impriżi kkonċernati (ara, b'analoġija fil-qasam ta' dumping, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il-Kunsill, T-88/98, Ġabra p. II-4897, punt 131).

126    Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita fil-qasam ta' miżuri ta' protezzjoni tal-kummerċ, l-impriżi kkonċernati f'investigazzjoni li tippreċedi l-adozzjoni ta' miżuri definittivi għandhom jitqiegħdu f'pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li juru effettivament l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati (ara s-sentenza Kundan u Tata vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 132, u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    F'dan ir-rigward, in-natura inkompleta ta' l-iżvelar finali timplika l-illegalità ta' Regolament li jistabbilixxi drittijiet definittivi biss jekk, minħabba dan in-nuqqas, il-partijiet ikkonċernati ma setgħux jiddefendu b'mod effettiv l-interessi tagħhom (ara s-sentenza Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 292, u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Fid-dawl ta' dawn il-prinċipji, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti rigward in-natura inkompleta ta' l-iżvelar in kwistjoni.

129    Għandu jiġi osservat li l-metodu ta' kalkolu tas-sussidju, espost fil-komunikazzjoni ta' l-4 ta' Marzu 2003, ġie mibdul mid-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2003. B'hekk, f'dak li għandu x'jaqsam mad-determinazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament adottat sabiex is-sussidju jiġi mifrux fiż-żmien, il-Kummissjoni ppreżentat l-iżvelar finali fid-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2003.

130    Il-punt 28 ta' l-imsemmija dikjarazzjoni jgħid hekk:

"Ġie meqjus xieraq li jiġi applikat il-metodu ta' deprezzament [digressiv] li joffri perijodu ta' deprezzament aktar mgħaġġel mill-metodu bi kwoti kostanti. Għandu jiġi osservat li, f'kundizzjonijiet ta' investimenti regolari u kostanti, il-metodu ta' deprezzament [digressiv] previst mil-liġi Indjana dwar il-kumpanniji u espost fil-premessa 43 jippermetti perijodu ta' deprezzament 30 % aktar mgħaġġel mill-metodu bi kwoti kostanti ekwivalenti fuq perijodu rappreżentattiv ta' sitt snin, li japplika f'każ ta' użu tal-metodu bi kwoti kostanti. Dan jikkorrispondi għal perijodu ta' 4.2 snin meta mqabbel mas-sitt snin fil-każ tal-metodu bi kwoti kostanti. Dan il-perijodu iktar qasir għaldaqstant intuża sabiex jitqassam il-benefiċċju miksub." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

131    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-iżvelar finali ċċitat iktar 'il fuq, minkejja li jirreferi għall-kundizzjonijiet ta' investimenti regolari u kostanti, ma jurix li l-Kummissjoni evalwat il-perijodu ta' deprezzament in kwistjoni billi ħadet in kunsiderazzjoni l-investiment ta' ammonti annwali ugwali matul perijodu ta' sitt snin.

132    Għandu jiġi osservat, f'dan ir-rigward, li l-iżvelar finali in kwistjoni jikkonċerna l-paragun taż-żewġ metodi ta' deprezzament previst mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tar-rikorrenti u li huwa jinkludi l-elementi kollha tal-kalkolu kif ukoll ir-riżultat tiegħu. F'dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li hemm lok li jiġi ammess li l-frażi "f'kundizzjonijiet ta' investimenti regolari u kostanti" ma tfissirx neċessarjament li l-ammonti annwali investiti huma ugwali matul il-perijodu in kwistjoni, l-ambigwità li tista' tirriżulta minn dan il-kliem ma setgħetx tipprevjeni lir-rikorrenti milli tifhem il-metodu applikat. Effettivament, anki li kieku r-rikorrenti kellha dubji dwar it-tifsira preċiża tal-frażi in kwistjoni, hija setgħet, peress li kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha ta' kalkolu u peress li kienet taf il-metodi ta' deprezzament ikkonċernati, tivverifika t-tifsira tagħha meta mqabbla ma' l-elementi l-oħra ta' kalkolu.

133    Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li r-rikorrenti qatt ma staqsiet lill-Kummissjoni dwar it-tifsira ta' din il-frażi. Fir-risposta tagħha, ta' l-14 ta' April 2003, għad-dikjarazzjoni in kwistjoni, ir-rikorrenti limitat ruħha għal kontestazzjoni ta' l-eżattezza tal-kalkolu tal-Kummissjoni billi ppreżentat kalkolu alternattiv. Minn dan il-kalkolu alternattiv jirriżulta li r-rikorrenti ssuġġeriet li d-deprezzament jiġi kkalkulat b'rabta ma' investiment inizjali, pjuttost milli jiġu kkunsidrati investimenti regolari u kostanti. Din il-korrispondenza ma turix għaldaqstant li din ta' l-aħħar ma kinitx f'pożizzjoni li tifhem il-metodu applikat, iżda li hija kkontestat wieħed mill-elementi tal-kalkolu.

134    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma stabbilietx li d-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2003 ma kinux kompleti f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-evalwazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament normali ta' l-assi in kwistjoni.

135    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, fl-ittra tagħha tal-5 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni wieġbet għas-suġġeriment ta' kalkolu alternattiv tar-rikorrenti, billi indikat li l-kalkolu magħmul mill-istituzzjonijiet kien ibbażat fuq investimenti ta' ammonti annwali ugwali matul il-perijodu rappreżentattiv. Peress li dan l-iżvelar ntbagħat lir-rikorrenti qabel id-data ta' adozzjoni, mill-Kummissjoni, tal-proposta rigward ir-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti ma tistax issostni li huwa ma ntbagħtax fil-ħin (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Novembru 1998, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, T-147/97, Ġabra p. II-4137, punt 82).

136    Rigward l-argument sussidjarju tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni, għandu jiġi osservat li l-punt 28 tad-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2003 ġie ripetut fil-premessa 45 tar-Regolament ikkontestat. Peress li r-rikorrenti ma wrietx li din id-dikjarazzjoni ma kinitx kompleta, il-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat għandha titqies bħala suffiċjenti f'dan ir-rigward.

137    Fid-dawl ta' dak li ntqal, ir-rikorrenti ma stabbilietx li l-iżvelar finali ma kienx komplet u li huwa wassal, b'dan il-mod, għal ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża.

138    Għaldaqstant, it-tieni motiv ma jistax jintlaqa'.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u ksur ta' l-Artikolu 8(2) u (6) tar-Regolament bażiku, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eżami ta' l-elementi relatati mad-determinazzjoni tal-ħsara u tar-rabta kawżali

 Osservazzjonijiet preliminari

139    Għandu jiġi mfakkar li l-kwistjoni jekk l-industrija Komunitarja batietx ħsara u jekk din hijiex attribwibbli għal importazzjonijiet issussidjati jimplika l-evalwazzjoni ta' kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi, li fir-rigward tagħha l-istituzzjonijiet għandhom setgħa wiesgħa ta' diskrezzjoni. L-istħarriġ ġudizzjarju jiġi eżerċitat, fuq din is-setgħa, fil-limiti mfakkra fil-punt 28 iktar 'il fuq.

140    Barra minn hekk, hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi l-elementi ta' prova li jippermettu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Kunsill għamel żball manifest ta' evalwazzjoni meta evalwa l-ħsara (ara s-sentenza Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 119, u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    Fil-kuntest ta' l-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li l-analiżi, magħmula mill-istituzzjonijiet Komunitarji, ta' l-indikaturi ekonomiċi rilevanti għad-determinazzjoni tal-ħsara u tar-rabta kawżali kienet arbitrarja, ivvizzjata bi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u, sussidjarjament, b'nuqqas ta' motivazzjoni. Hija tqajjem erba' lmenti f'dan ir-rigward.

 Fuq il-metodu adottat għall-paragun tat-tendenzi ekonomiċi (l-ewwel ilment)

–       L-argumenti tal-partijiet

142    Ir-rikorrenti ssostni li, fl-analiżi tagħhom ta' l-indikaturi relatati mal-ħsara, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma qisux biżżejjed l-importanza tat-tendenzi pożittivi għall-industrija Komunitarja. Hija ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet fattwali, iżda t-tqabbil tagħhom kif ukoll il-konklużjonijiet ibbażati fuq dan il-paragun.

143    L-ewwel nett, l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu żbaljati meta evalwaw l-impatt ta' l-importazzjonijiet fuq il-bażi ta' informazzjoni rigward is-snin 1998 sa 2000.

144    F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-istituzzjonijiet Komunitarji żbaljatament ħadu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni ta' l-Uffiċċju ta' l-istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) li għandha x'taqsam mas-sena 1998. Mill-informazzjoni ppreżentata fil-lista li tinsab fil-premessa 62 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li r-rikorrenti, l-unika produtturiċi esportatriċi Indjana tal-prodott in kwistjoni, bdiet tesporta matul is-sena finanzjarja tagħha 1999/2000.

145    It-tieni nett, l-informazzjoni ta' Eurostat għas-snin 1998 sa 2000 mhijiex affidabbli. Il-kategorija kkonċernata tan-nomenklatura stabbilita għall-istatistika tinkludi diversi prodotti minbarra s-CD-Rs, importati b'tipi differenti ta' ppakkjar, u l-kwantità tagħhom hija indikata f'tunnellati metriċi, b'tali mod li sabiex jiġi stmat in-numru ta' CD-Rs importati kien ikun meħtieġ li tiġi applikata formula matematika għall-informazzjoni ta' Eurostat. Issa, peress li l-kwantitajiet huma baxxi ħafna, formula bħal din mhijiex statistikament affidabbli.

146    It-tielet nett, mill-premessi 55 sa 64 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, mill-1998 sas-sena 2000, l-importazzjonijiet mill-Indja ma qabżux il-limitu ta' 1 % tas-suq Komunitarju. Għaldaqstant huma kienu negliġibbli fis-sens ta' l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku.

147    Ir-raba' nett, il-fatt li l-importazzjonijiet kienu baxxi matul l-ewwel tliet snin tal-perijodu kkunsidrat ma ġiex meħud suffiċjentement in kunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja. B'hekk, l-istituzzjonijiet Komunitarji qabblu l-informazzjoni għas-sena 1998 u l-perijodu ta' investigazzjoni sabiex jikkonkludu li l-industrija kummerċjali kienet kisbet 3.7 punti perċentwali tas-suq Komunitarju, filwaqt li l-paragun bejn is-sena 2000, l-ewwel sena li matulha l-importazzjonijiet kienu saru sinjifikattivi, u l-perijodu ta' investigazzjoni wera kisba akbar, ta' 5 punti perċentwali.

148    It-tieni nett, l-istituzzjonijiet Komunitarji għamlu żball meta bbażaw il-konklużjonijiet tagħhom fuq il-paragun ta' perijodi li jidħlu f'xulxin.

149    L-ewwel nett, il-paragun bejn, minn naħa, is-snin kalendarji u, min-naħa l-oħra, il-perijodu ta' investigazzjoni kien żbaljat. Effettivament, is-sena kalendarja 2001 u l-perijodu ta' investigazzjoni, li huwa mifrux bejn April 2001 u Marzu 2002, jikkoinċidu b'disa' xhur, fatt li ma jippermettix li tittieħed in kunsiderazzjoni l-bdil staġjonali fil-kuntest tal-paragun tagħhom.

150    It-tieni nett, il-Kunsill qabbel, żbaljatament, tendenzi relatati ma' diversi snin konsekuttivi qabel is-sena 2001, ma' tendenzi kkonstatati bejn din is-sena u l-perijodu ta' investigazzjoni jew matul din ta' l-aħħar. Per eżempju, fil-paragun taż-żieda tal-produzzjoni Komunitarja, fil-premessa 73 tar-Regolament ikkontestat, il-konklużjoni li ż-żieda naqset matul il-perijodu ta' investigazzjoni mhijiex eżatta, għaliex il-figura relatata miegħu tirrigwarda perijodu ħafna iqsar mill-perijodu li huma relatati miegħu l-figuri l-oħra użati għall-paragun. L-istess jgħodd għall-konklużjonijiet dwar it-tnaqqis tal-prezzijiet, iż-żieda limitata tal-kapaċità, kif ukoll iż-żieda bil-mod tal-volumi ta' bejgħ, li jinsabu rispettivament fil-premessi 59, 74 u 76 tar-Regolament ikkontestat.

151    Il-Kunsill jindika, b'mod preliminari, li d-determinazzjoni tal-ħsara timplika, skond il-prassi ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, l-evalwazzjoni ta' l-indikaturi ekonomiċi fuq perijodu ta' eżami tal-ħsara ta' bejn erba' u ħames snin, li jintemm bil-perijodu ta' investigazzjoni. F'dan il-każ, l-istituzzjonijiet Komunitarji eżaminaw l-iżvilupp tal-fatturi ta' ħsara matul is-snin mill-1998 sa l-2001 u matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

152    L-ewwel nett, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tallega li dan l-eżami kellu jeskludi s-snin 1998, 1999 u 2000, li matulhom l-importazzjonijiet kienu jinsabu f'livelli baxxi.

153    Fl-ewwel lok, ma tantx huwa rilevanti li r-rikorrenti ma esportatx lejn il-Komunità fl-1998, peress li l-istituzzjonijiet Komunitarji kellhom janalizzaw l-informazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-pajjiż ikkonċernat u mhux ma' l-esportatur.

154    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma wrietx li l-informazzjoni ta' Eurostat għas-snin in kwistjoni kienet żbaljata. Fi kwalunkwe każ, l-istituzzjonijet Komunitarji eżaminaw ukoll l-iżvilupp ta' l-indikaturi relatati ma' l-importazzjonijiet fuq il-bażi tal-figuri pprovduti mir-rikorrenti u waslu għal riżultati simili għal dawk li jirriżultaw mill-informazzjoni ta' Eurostat.

155    Fit-tielet lok, il-paragun ta' l-informazzjoni relativa għas-snin in kwistjoni ma tmurx kontra l-Artikolu 14(3) u (4) tar-Regolament bażiku, li jirreferi għall-każ meta l-importazzjonijet kienu negliġibbli matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

156    Fir-raba' lok, il-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta' l-importazzjonijiet kien baxx mill-1998 sas-sena 2000. Rigward l-argument tar-rikorrenti marbut maż-żieda tas-sehem mis-suq ta' l-industrija Komunitarja, l-iżvilupp ta' dan l-indikatur kien meqjus bħala pożittiv u r-rikorrenti ma wrietx kif l-analiżi addizzjonali mitluba setgħet taffettwa l-evalwazzjoni tal-ħsara.

157    It-tieni nett, ir-rikorreni hija żbaljata meta tallega li l-paragun ta' tendenzi relativi għal perijodu li jidħlu f'xulxin seta' jwassal għal żball ta' evalwazzjoni.

158    Fl-ewwel lok, rigward il-paragun magħmul bejn is-sena kalendarja 2001 u l-perijodu ta' investigazzjoni, l-istituzzjonijiet Komunitarji jieħdu normalment bħala perijodu ta' investigazzjoni, b'mod konformi ma' l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, l-aħħar sena fiskali ta' l-esportatur, li tista' tkun differenti mis-sena kalendarja. F'tali każ, xejn ma jipprekludi lill-istituzzjonijiet Komunitarji milli jqabblu t-tendenzi matul il-perijodu ta' investigazzjoni mat-tendenzi tas-sena preċedenti, li tikkoinċidi parzjalment mal-perijodu ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma stabbilietx li l-importazzjoni ta' CD-Rs hija suġġetta għal varjazzjonijiet staġjonali li jrendu l-paragun taż-żewġ perijodi in kwistjoni mhux adattat.

159    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda żball ta' fatt fl-informazzjoni kkunsidrata jew l-analiżi magħmula mill-istituzzjonijiet. Speċifikament, hija ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet ta' fatt magħmula fil-premessi 59, 73, 74 u 76 tar-Regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti lanqas ma tispjega kif in-nuqqasijiet allegati fil-paragun ta' l-informazzjoni affettwaw l-evalwazzjoni globali tal-ħsara.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

160    Fil-kuntest ta' l-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' informazzjoni relatata ma' perijodi differenti sabiex jitqabbel l-iżvilupp ta' tendenzi ekonomiċi.

161    Skond ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijet Komunitarji għandhom setgħa wiesa' ta' diskrezzjoni sabiex jistabbilixxu l-perijodu li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-eżami tal-ħsara (ara s-sentenza Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 277, u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Għandu jiġi osservat ukoll li l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu jeżaminaw il-ħsara matul perijodu itwal minn dak kopert mill-investigazzjoni. Din il-possibbiltà hija ġġustifikata mill-fatt li l-istudju tat-tendenzi ekonomiċi għandu jsir fuq perijodu twil biżżejjed (is-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 87).

163    F'dan il-każ, mill-premessa 10 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-perijodu ta' investigazzjoni kien mifrux bejn l-1 ta' April 2001 u l-31 ta' Marzu 2002 u kien jikkorrispondi għall-aħħar sena finanzjarja tar-rikorrenti. Il-perijodu kkunsidrat għall-eżami tal-ħsara jkopri l-perijodu ta' investigazzjoni u l-erba' snin kalendarji preċedenti u għaldaqstant kien mifrux bejn l-1 ta' Jannar 1998 u l-31 ta' Marzu 2002.

164    Ir-rikorrenti tindika li hija ma tikkontestax l-għażla tal-perijodu kkunsidrat, bħala tali. Min-naħa l-oħra, l-ewwel nett, hija ssostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jibbażaw il-konklużjonijiet tagħhom fuq l-informazzjoni relativa għas-snin 1998, 1999 u 2000, li matulhom il-livell ta' l-importazzjonijiet kien baxx ħafna.

165    Mill-premessi 55 u 57 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-importazzjonijiet kienu baxxi ħafna f'dak li għandu x'jaqsam ma' volum u ishma mis-suq, mill-1998 sa' l-1999, u li huma laħqu biss 1 % mis-suq Komunitarju fis-sena 2000.

166    Għandu jiġi eżaminat jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji ħadux in kunsiderazzjoni dan il-fatt fl-evalwazzjoni tagħhom tal-fatturi tal-ħsara.

167    F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tindika li hija kienet l-unika esportatriċi Indjana u li hija bdiet tesporta lejn il-Komunità mix-xahar ta' April 1999.

168    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-eżistenza ta' ħsara għandha tiġi evalwata globalment, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi speċifikat l-effett ta' l-importazzjonijiet magħmula minn kull waħda mill-kumpanniji responsabbli (ara, b'analoġija fil-qasam ta' dumping, is-sentenza Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 163, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jagħmlux żball manifest fil-kuntest ta' din l-evalwazzjoni meta huma jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni li huma jistgħu raġonevolment ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom (ara s-sentenza Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punti 229 u 230, u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    Barra minn hekk, f'dan il-każ, anki li kieku l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni mir-rikorrenti, li tgħid li din kienet bdiet tesporta mill-1 ta' April 1999, setgħet twassal għall-kontestazzjoni tan-natura rappreżentattiva ta' l-informazzjoni ta' Eurostat għas-sena 1998 u l-bidu tas-sena 1999, għandu jiġi osservat li l-istituzzjonijiet Komunitarji osservaw, fil-premessa 64 tar-Regolament ikkontestat, li l-evalwazzjoni ta' l-indikaturi rigward l-importazzjoni ffukat fuq perijodu li beda fis-sena 2000, li matulu r-rikorrenti effettivament esportat lejn il-Komunità.

170    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-volum baxx ta' l-importazzjonijiet affettwa n-natura rappreżentattiva ta' l-informazzjoni statistika ta' Eurostat għas-snin 1998 sa 2000.

171    Għandu jiġi osservat, f'dan ir-rigward, li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda element ta' prova sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha li l-formula statistika applikata minn Eurostat sabiex jistabbilixxi l-informazzjoni in kwistjoni mhijiex affidabbli għal kwantitajiet żgħar. F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi argument marbut mal-volum baxx ta' l-importazzjonijiet matul il-perijodu in kwistjoni ma jistax juri li l-informazzjoni ta' Eurostat li hija relatata miegħu mhijiex affidabbli. Fi kwalunkwe każ, mill-premessi 61 u 62 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet Komunitarji qabblu l-informazzjoni ta' Eurostat mal-figuri pprovduti mir-rikorrenti u waslu għal konklużjonijet simili għall-perijodu kkonċernat.

172    Għaldaqstant, jista' jitqies li l-Kunsill seta', mingħajr ma jagħmel żball manifest ta' evalwazzjoni, jieħu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni ta' Eurostat għas-snin 1998, 1999 u 2000.

173    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-informazzjoni għas-snin in kwistjoni kienet eskluża mill-Artikolu 10(11) u l-Artikolu 14(3) u(4) tar-Regolament bażiku, peress li l-importazzjonijiet kienu negliġibbli matul l-imsemmija snin.

174    Skond l-Artikolu 10(11) u l-Artikolu 14(3) u (4) tar-Regolament bażiku, il-proċedura kontra s-sussidju ma tistax tinbeda jew tingħalaq immedjatament meta l-ħsara titqies bħala negliġibbli, jiġifieri meta s-sehem mis-suq ta' l-importazzjonijiet ikun inqas minn 1 %.

175    F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma ssostnix li s-sehem mis-suq ta' l-importazzjonijjiet kienet tinsab taħt il-limitu ta' 1 % imsemmi iktar 'il fuq f'mument kwalunkwe tal-perijodu ta' investigazzjoni, li kien mifrux bejn l-1 ta' April 2001 u l-31 ta' Marzu 2002. Issa, l-fatt li s-sehem mis-suq ta' l-imsemmija importazzjonijiet kien inqas minn dan il-limitu fil-bidu tal-perijodu, iktar twil, li ttieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġu evalwati t-tendenzi ekonomiċi mhuwiex rilevanti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-invokazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwa rrilevanti.

176    Fl-aħħar nett, rigward, ir-raba' nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-evalwazzjoni ta' l-indikaturi relativi għas-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja fis-snin 1998 sa 2000, għandu jiġi osservat li, sabiex jitwettaq l-istudju tat-tendenzi ekonomiċi, l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu legalment jieħdu in kunsiderazzjoni l-iżviluppi kkonstatati fl-industrija Komunitarja matul il-perijodu kollu kkunsidrat, inklużi s-snin li fihom l-importazzjonijiet kienu għadhom ma laħqux livell għoli.

177    F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx li mill-għażla tad-data inizjali tal-perijodu kkunsidrat, tirriżulta preżentazzjoni mhux eżatta tat-tendenzi ekonomiċi, f'dak li għandu x'jaqsam mal-konkomitanza bejn id-dħul ta' l-importazzjonijiet in kwistjoni fis-suq u l-iżvilupp negattiv ta' l-industrija Komunitarja. Effettivament, minkejja li, skond l-eżempju mogħti mir-rikorrenti, l-industrija Komunitarja kisbet sehem mis-suq ogħla bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta' investigazzjoni milli bejn l-1998 u l-perijodu ta' investigazzjoni, għandu jiġi osservat li dan l-indikatur, fi kwalunkwe każ, ġie meqjus bħala pożittiv. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wrietx kif il-konklużjonijiet tal-Kunsill rigward l-eżistenza ta' ħsara u ta' rabta kawżali kienu jiġu affettwati jekk il-bidu tal-perijodu kkunsidrat kien fis-sena 2000.

178    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti rigward it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-informazzjoni relattiva għas-snin 1998, 1999 u 2000 għandhom jiġu miċħuda.

179    It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjoni magħmula ta' l-informazzjoni relatata mal-perijodi li jikkoinċidu parzjalment.

180    F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tosserva li l-istituzzjonijiet Komunitari għamlu żball manifest ta' evalwazzjoni meta qabblu l-informazzjoni relatata mas-snin kalendarji, b'mod partikolari s-snin 1998 u 2001, ma' dawk tal-perijodu ta' investigazzjoni li jidħlu b'disa' xhur fis-sena 2001.

181    F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-perijodu ta' investigazzjoni magħżul f'dan il-każ huwa ta' sena. Il-paragun magħmul bejn l-informazzjoni relativa għas-snin kalendarji u dan il-perijodu, ta' tul ta' żmien identiku, ma setax għaldaqstant iwassal għal preżentazzjoni mhux eżatta tat-tendenzi ekonomiċi, sakemm ma ġiex stabbilit li s-suq ta' CD-Rs għadda minn bdil staġjonali. Issa, ir-rikorrenti ma tindikax li s-suq tas-CD-Rs għadda minn tali bdil.

182    It-tieni nett, ir-rikorrenti takkuża lill-Kunsill li qabbel l-iżviluppi minn sena għall-oħra ma' dawk ikkonstatati bejn is-sena 2001 u l-perijodu ta' investigazzjoni. Din il-kritika tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-produzzjoni, tal-livelli ta' prezzijiet, ta' kapaċità u tal-volumi ta' bejgħ Komunitarji, magħmula rispettivament fil-premessi 59, 73, 74 u 76 tar-Regolament ikkontestat.

183    Għandu jiġi osservat, f'dan ir-rigward, li l-iżviluppi li seħħew bejn is-snin kalendarji konsekuttivi eżaminati mhumiex direttament komparabbli ma' dawk li seħħew bejn is-sena 2001 u t-tmiem tal-perijodu ta' investigazzjoni, għaliex dawn ta' l-aħħar huma relatati ma' perijodu ta' tul ta' żmien differenti.

184    Madankollu, mill-analiżi tal-premessi 59, 73, 74 u 76 tar-Regolament ikkontestat ma jirriżultax li l-konklużjonijiet, rigward l-iżvilupp ta' l-indikaturi in kwistjoni, kienu bbażati fuq it-tendenzi li dehru bejn is-sena 2001 u t-tmiem tal-perijodu ta' investigazzjoni. Effettivament, minkejja li l-Kunsill indika, fil-premessi 73, 74 u 76, li ż-żieda tal-produzzjoni Komunitarja "naqset waqt" il-perijodu ta' investigazzjoni, li ż-żieda fil-kapaċità tagħha mill-2001 "kienet limitata" u li ż-żieda fil-volum tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja "żdied[et] biss b'6 % [fil-perijodu ta' investigazzjoni] kif ipparagunati ma' l-2001", huwa ma kkonkludiex minn dawn il-konstatazzjonijiet li s-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja li tirriżulta mill-imsemmija indikaturi kienet marret għall-agħar. Rigward il-premessa 59, minkejja li l-Kunsill indika li l-prezz ta' l-importazzjonijiet żdied b'17 % bejn l-2001 u l-perijodu ta' investigazzjoni, madankollu huwa bbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq il-ħsara, fil-premessa 102, fuq it-tnaqqis tal-prezz globali, b'59 %, bejn is-sena 2000 u t-tmiem tal-perijodu ta' investigazzjoni. Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontesta ebda waħda minn dawn il-konstatazzjonijiet ta' fatt.

185    Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma estrapolawx l-informazzjoni relativa għas-sena 2002, hija ma turix kif, fin-nuqqas ta' tali estrapolazzjoni, il-Kunsill ta stampa mhux eżatta ta' l-iżvilupp ta' l-indikaturi kkonċernati. B'hekk, ir-rikorrenti ma stabbilietx li tali allegat nuqqas fil-preżentazzjoni ta' l-informazzjoni seta' jwassal għal żball manifest ta' evalwazzjoni ta' dawn l-indikaturi.

186    Għandu jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tindikax x'impatt seta' kellu l-iżball allegatament magħmul mill-Kunsill fit-tqabbil ta' l-informazzjoni in kwistjoni fuq il-konklużjonijiet tiegħu rigward l-eżistenza ta' ħsara u ta' rabta kawżali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 167, u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija lanqas ma tindika kif l-imsemmija konklużjonijiet setgħu jiġu kunsiderevolment mibdula, li kieku l-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni l-informazzjoni estrapolata relativa għas-sena 2002.

187    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kunsill għamel żball ta' fatt jew żball manifest fl-evalwazzjoni tiegħu ta' l-indikaturi in kwistjoni.

188    Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta' dan l-ilment, ir-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 8(2) u (6) tar-Regolament bażiku, billi tallega li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma għamlux analiżi oġġettiva ta' l-informazzjoni relativa għad-diversi perijodi.

189    Peress li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta' żball ta' fatt u lanqas ta' żball manifest ta' evalwazzjoni ta' l-informazzjoni in kwistjoni, hija ma tistax issostni li l-perijodi ta' paragun intagħażlu b'mod arbitrarju. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta' oġġettività f'dan ir-rigward ma jistax jintlaqa'.

190    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġu miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq l-evalwazzjoni tal-livell tal-ħażniet (it-tieni lment)

–       L-argumenti tal-partijiet

191    Ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji għamlu żball manifest meta kkonkludew, fil-premessa 103 tar-Regolament ikkontestat, li l-iżvilupp tal-livell tal-ħażniet ta' l-industrija Komunitarja kien jikkostitwixxi wieħed mill-indikaturi li marru sew għall-agħar. Il-ħażniet ta' l-industrija Komunitarja naqsu bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta' investigazzjoni, fatt li juri, għall-kuntrarju, tendenza pożittiva. Dan l-iżball waħdu jista' jwassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

192    Il-Kunsill isostni li l-evalwazzjoni tal-ħażniet magħmula fil-premessa 13 tar-Regolament ikkontestat hija eżatta, peress li hija tirreferi għad-deterjorament ta' dan il-fattur matul il-perijodu ta' l-eżami tal-ħsara, bejn l-1998 u l-perijodu ta' investigazzjoni, u mhux għas-sitwazzjoni matul il-perijodu ta' investigazzjoni. Il-livell tal-ħażniet ma kienx, fi kwalunkwe każ, fattur determinanati tal-ħsara. Għaldaqstant żball eventwali ma jistax iwassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat, għaliex huwa ma jaffettwax ir-riżultat ta' l-eżami tal-ħsara.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

193    Fil-kuntest ta' dan l-ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni ta' l-iżvilupp tal-ħażniet ta' l-industrija Komunitarja hija manifestament żbaljata. Hija ma tikkontestax iċ-ċifri relatata magħha, li jinsabu fil-premessa 80 tar-Regolament ikkontestat. Hija tosserva madankollu li l-Kunsill ma setax jikkonkludi fil-premessa 103 tar-Regolament ikkontestat, fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, li l-indikatur tal-ħażniet mar sew għall-agħar matul il-perijodu kkunsidrat.

194    Għandu jiġi mfakkar li l-perijodu kkunsidrat f'dan il-każ huwa mifrux mis-sena 1998 sat-tmiem tal-perijodu ta' investigazzjoni. Mid-data mhux ikkontestata mir-rikorrenti jirriżulta li, matul dan il-perijodu kollu, il-ħażniet ta' l-industrija Komunitarja żdiedu b'mod sinjifikattiv.

195    F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wrietx li t-titjib ta' l-indikatur relativ għall-ħażniet mogħti f'perċentwali ta' produzzjoni mis-sena 2000 kien tali li jaqleb it-tendenza negattiva kkonstatata matul il-perijodu kollu kkunsidrat. Effettivament, mil-premessa 80 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-livell tal-ħażniet baqa' għoli matul il-perijodu kollu kkunsidrat, u żdied f'termini assoluti lejn it-tmiem tas-sena 2001, li jikkoinċidi għalhekk maż-żieda fil-volum ta' l-importazzjonijiet, u li jirrappreżenta, f'termini relattivi, livell għoli, ta' 15 %, tal-produzzjoni matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

196    Għaldaqstant dan l-ilment mhuwiex fondat.

 Fuq l-evalwazzjoni tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet (it-tielet ilment)

–       L-argumenti tal-partijiet

197    Ir-rikorrenti ssostni li, billi waslu għall-konklużjoni tat-tnaqqis tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet, l-istituzzjonijiet Komunitarji bbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni relativa għas-snin 1998, 1999 u 2000, li la kienu rilevanti u lanqas affiddabbli. L-uniku element affidabbli rigward it-tendenzi tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet huwa l-fatt li huma żdiedu b'15 % bejn is-sena 2001 u l-perijodu ta' investigazzjoni. Din iż-żieda, fil-fatt, hija saħansitra iktar importanti, għaliex iż-żewġ perijodi jikkoinċidu.

198    Il-fatt li l-prezzijiet ta' importazzjoni ġew ukoll analizzati fuq il-bażi taċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti ma jżid xejn f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-informazzjoni in kwistjoni ġiet ippreżentata mill-istituzzjonijiet Komunitarji b'mod inadegwat. L-informazzjoni relativa għas-snin finanzjarji tar-rikorrenti ġiet attribwita kollha kemm hi għas-snin kalendarji l-aktar reċenti. B'hekk, il-prezzijiet għas-sena finanzjarja 1999/2000, li tkopri biss tliet xhur mis-sena 2000, ġew attribwiti lis-sena 2000 u mhux lis-sena 1999 li matulha inkiseb il-biċċa l-kbira tad-dħul.

199    Il-Kunsill iwieġeb li r-rikorrenti tindika, b'mod żbaljat, li l-analiżi tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet kellha ssir fuq il-perijodu bejn is-sena 2001 u l-perijodu ta' investigazzjoni u mhux matul il-perijodu kollu ta' l-eżami tal-ħsara. Il-fatt li l-livell ta' l-importazzjonijiet ma jaqbiżx, fil-bidu, il-limitu ta' 1 % mis-suq Komunitarju mhuwiex rilevanti.

200    L-istituzzjonijiet Komunitarji ammettew li l-prezzijiet ta' Eurostat għall-1998 u l-1999 ma kinux rappreżentattivi minħabba l-kwantitajiet baxxi ta' l-importazzjonijiet. Konsegwentement, huma għamlu, fil-premessa 59 tar-Regolament ikkontestat, paragun ta' l-iżvilupp tal-prezzijiet bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, huma għamlu analiżi oħra tal-prezzijiet fuq il-bażi tad-data pprovduta lilhom mir-rikorrenti għall-perijodu tas-sena finanzjarja tagħha 1999/2000 u l-perijodu ta' investigazzjoni. Ir-riżultati kienu komparabbli.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

201    L-evalwazzjoni tal-livelli ta' prezzijiet ta' l-importazzjonijiet tikkostitwixxi, f'dan il-każ, il-fattur ewlieni li fuqu hija bbażata l-konklużjoni ta' tnaqqis taħt il-prezz (undercutting) tal-prezzijiet Komunitarji u, b'hekk, ta' l-eżistenza ta' ħsara. L-istituzzjonijiet Komunitarji analizzaw dan l-indikatur, fil-premessi 58 sa 64 tar-Regolament ikkontestat, fuq il-bażi tad-data ta' Eurostat, kif ukoll fuq dik taċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti.

202    Rigward id-data ta' Eurostat, l-istituzzjonijiet ikkonkludew, prinċipalment, li kien hemm tnaqqis importanti fil-prezz, ta' 59 %, bejn is-sena 2000 u t-tmiem tal-perijodu ta' investigazzjoni. Ir-rikorrenti tikkontesta t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-informazzjoni relatata mas-sena 2000, billi tgħid li l-importazzjonijiet kienu għadhom mhumiex sinjifikattivi. Issa, dan l-argument diġà ġie eżaminat u miċħud fil-punti 170 sa 175 iktar 'il fuq.

203    Rigward l-analiżi taċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li hija wasslet għal riżultati komparabbli ħafna ma' dawk ibbażati fuq l-informazzjoni ta' Eurostat, jiġifieri tnaqqis fil-prezzijiet ta' 54 %. Ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-preżentazzjoni ta' dawn iċ-ċifri mhijiex eżatta.

204    Mil-lista li tinsab fil-premessa 62 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-perċentwali ta' 54 % hija relatata ma' l-iżvilupp tal-prezzijiet bejn iż-żewġ snin finanzjarji tar-rikorrenti. Anki jekk jitqies li l-premessa 63 mhijiex preċiża biżżejjed meta tindika li din il-perċentwali tirrigwarda l-iżvilupp bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta' investigazzjoni, din l-impreċiżjoni madankollu ma tikkostitwixxix żball. Mil-lista li tiġi qabel il-premessa in kwistjoni jirriżulta b'mod ċar li huwa żvilupp bejn is-sena finanzjarja 2000 u l-perijodu ta' investigazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li ċ-ċifri li hija kienet ipprovdiet ġew ippreżentati b'mod mhux eżatt.

205    Minbarra dan, anki li kieku l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti hija relatata mal-perijodu li jibda fl-1 ta' April 1999, filwaqt li l-informazzjoni ta' Eurostat tirrigwarda l-perijodu li jibda fl-1 ta' Jannar 2000, dan il-fatt waħdieni ma jimplikax li l-konstatazzjoni tal-Kunsill, li ċ-ċifri ta' Eurostat u dawk tar-rikorrenti juri tendenzi li jaqblu bejniethom, ssir ineżatta. Issa, ir-rikorrenti ma tindikax li t-teħid in kunsiderazzjoni ta' data oħra ta' tluq għall-informazzjoni tagħha setgħet twassal għal konklużjonijiet differenti f'dak li jirrigwarda l-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet.

206    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta' żball ta' fatt jew ta' żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' l-analiżi tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet.

207    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq l-evalwazzjoni tat-tendenzi pożittivi u negattivi (ir-raba' ilment)

–       L-argumenti tal-partijiet

208    Ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma wieżnux l-indikaturi pożittivi u negattivi tal-ħsara, bi ksur ta' l-Artikolu 8(2) u (5) tar-Regolament bażiku. L-evalwazzjoni globali esposta fil-premessi 104 u 105 tar-Regolament bażiku ma tinkludix l-indikaturi pożittivi u negattivi kollha. Il-Kunsill ikkonkluda, essenzjalment, li t-tnaqqis taħt il-prezz ta' l-importazzjonijiet kien affettwa l-abbiltà ta' l-industrija Komunitarja li tiġbor kapital, li ntwera mill-iżvilupp negattiv tal-profitti, tal-profitabbiltà u tal-fluss tal-likwidità. B'hekk, huwa bbaża l-evalwazzjoni globali tiegħu, billi eskluda fatturi pożittivi, fuq numru żgħir ta' indikaturi marbuta fil-qrib bejniethom.

209    Minkejja li l-perijodu kkunsidrat kien mifrux bejn is-sena 1998 u l-perijodu ta' investigazzjoni, l-istituzzjonijiet kellhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-importazzjonijiet ta' qabel is-sena 2000 kienu negliġibbli. Issa, huma ma spjegawx għaliex diversi tendenzi pożittivi bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta' investigazzjoni, jiġifieri ż-żjidiet, rispettivament, tal-produzzjoni Komunitarja, tal-fatturat ta' l-industrija Komunitarja, tas-sehem tagħha mis-suq, tal-produttività tagħha kif ukoll tat-tnaqqis simultanju ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni ġew innewtralizzati mit-tendenzi negattivi.

210    Il-Kunsill ifakkar li l-perijodu ta' eżami tal-ħsara beda fl-1998. B'hekk, it-tendenzi relativi għall-perijodu wara s-sena 2000, indikati mir-rikorrenti, għandhom valur limitat. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet Komunitarji qatt ma kkontestaw l-eżistenza ta' tendenzi pożittivi. Madankollu, dawn la jistgħu jiddaħħlu fil-kontijiet u lanqas jiġu bbilanċjati mit-tendenzi negattivi, iżda evalwati globalment fiċ-ċirkustanzi in kwistjoni.

211    F'dan il-każ, l-istituzzjonijiet Komunitarji kkonkludew li seħħet ħsara fuq il-bażi tal-fatturi relatativi għall-abbiltà ta' l-industrija li tiġbor il-kapital. Huma ħadu in kunsiderazzjoni, minn naħa, l-iżvilupp negattiv ta' l-industrija Komunitarja f'termini ta' prezz, ta' profitabbiltà u ta' l-effett fuq il-fluss tal-likwidità, li jwassal għal tnaqqis kunsiderevoli ta' l-investimenti u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din l-industrija ma rnexxilhiex tapprofitta mit-tnaqqis ta' l-ispejjeż tagħha. It-tendenzi pożittivi marbuta, essenzjalment, mat-tkabbir ġew meqjusa inqas importanti fid-dawl ta' żjieda sostanzjali tal-konsum Komunitarju. Effettivament, iż-żjieda tal-bejgħ u t-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' l-industrija Komunitarja ma kinux biżżejjed sabiex jikkumpensaw it-tnaqqis tal-prezzijiet u, b'hekk, sabiex iwasslu għall-iżvilupp pożittiv tal-profitabbiltà tiegħu. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet Komunitarji setgħu leġittimament jikkonkludu li t-tendenzi pożittivi kienu nnewtralizzati mit-tendenzi negattivi.

212    It-tweżin tal-fatturi differenti fil-kuntest ta' din l-analiżi globali taqa' taħt is-setgħa ta' diskrezzjoni ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta' żball manifest f'dan ir-rigward.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

213    Skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżami tal-ħsara għandu jirrigwarda l-fatturi kollha li, wieħed jew ieħor minnhom ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi l-bażi ta' deċiżjoni determinanti. L-iżvilupp pożittiv ta' fattur ma jipprekludix il-konstatazzjoni ta' ħsara kunsiderevoli, sakemm din il-konstatazzjoni tkun ibbażata fuq diversi fatturi li r-Regolament bażiku jipprovdi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Marzu 2000, Miwon vs Il-Kunsill, T-51/96, Ġabra p. II-1841, punt 105, u l-ġurisprudenza ċċitata).

214    Fil-konklużjonjiet tiegħu dwar il-ħsara kkawżata f'dan il-każ, b'mod partikolari fil-premessi 103 sa 105 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni l-eżistenza ta' tendenzi pożittivi fis-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja. Huwa spjega wkoll ir-raġunijiet li għalihom indikaturi oħra, li żviluppaw b'mod negattiv, madankollu wasslu għall-eżistenza ta' ħsara kunsiderevoli.

215    Ir-rikorrenti ma qajmet dubji dwar l-ebda waħda mill-konstatazzjonijiet ta' fatt relativi għal din l-evalwazzjoni u lanqas ma wriet l-eżistenza ta' żball manifest fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tad-diversi fatturi ta' ħsara. Fil-kuntest ta' dan l-ilment, hija ssostni madankollu li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma għamlux eżami korrett tad-diversi indikaturi pożittivi u negattivi.

216    Għandu jiġi osservat, f'dan ir-rigward, li, fil-kuntest ta' kontestazzjoni ta' l-evalwazzjoni globali tal-ħsara, rikorrent ma jistax jillimita ruħu għat-tressiq ta' l-interpretazzjoni tiegħu tad-diversi fatturi ekonomiċi, iżda għandu jippreċiża r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill kellu jasal, fuq il-bażi ta' dawn il-fatturi, għal konklużjoni differenti rigward l-eżistenza ta' ħsara (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Miwon vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 103).

217    F'dan il-każ, minkejja li r-rikorrenti tindika li ċerti indikaturi relativi għas-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja kienu pożittivi, b'mod partikolari ż-żjidiet, rispettivament, tal-produzzjoni, tal-fatturat, tas-sehem mis-suq u tal-produttività ta' din l-industrija, kif ukoll it-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni tagħha, dan il-fatt ma jwassalx, waħdu, għall-prova li l-industrija kkonċernata ma sostnietx ħsara kunsiderevoli li tikkonsisti b'mod partikolari, skond il-Kunsill, fi żvilupp negattiv tal-profitabbiltà u f'telf sostanzjali sostnut matul il-perijodu ta' investigazzjoni, li jwassal għal tnaqqis fl-investimenti.

218    Issa, ir-rikorrenti ma tiżviluppax argumenti li jistgħu juru li l-Kunsill ikkonkluda, b'mod żbaljat, li l-industrija kienet sostniet il-ħsara msemmija fil-punt iktar 'il fuq, fid-dawl ta' l-analiżi globali tal-fatturi rilevanti.

219    Barra minn hekk, rigward l-argument tar-rikorrenti relativ għad-data tal-bidu tal-perijodu kkunsidrat, huwa diġà ġie eżaminat u miċħud fil-punti 176 u 177 iktar 'il fuq.

220    Għaldaqstant, dan l-ilment ibbażat fuq l-evalwazzjoni globali ta' l-indikaturi ta' ħsara ma jistax jintlaqa'.

221    Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(6) u (7) tar-Regolament bażiku, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eżami ta' l-effetti ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajwan

 L-argumenti tal-partijiet

222    Ir-rikorrenti tesponi li, fir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill eżamina jekk il-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja setgħetx tiġi attribwita lil fatturi oħra minbarra l-importazzjonijiet Indjani, u b'mod partikolari lill-importazzjonijiet li huma mixtrija bi prezz baxx (dumped imports), li joriġinaw mit-Tajwan, li fir-rigward tagħhom ġie impost dazju provviżorju kontra d-dumping fix-xahar ta' Diċembru 2001.

223    Qabel ma ġie impost dan id-dazju, l-importazzjonijiet mit-Tajwan kellhom sehem mis-suq ta' 62 % u l-prezz medju tagħhom kien konsiderevolment inqas minn dak ta' l-importazzjonijiet Indjani. Matul il-perijodu ta' investigazzjoni, din id-differenza fil-prezz, ta' 27.5 % kienet ogħla mid-dazju kontra d-dumping impost fuq l-esportaturi tat-Tajwan, bl-eċċezzjoni ta' Princo Corp u esportaturi li ma kkooperawx. B'hekk, il-ħsara kkawżata waqt dan il-perijodu ma setgħetx tiġi attribwita lill-importazzjonijiet Indjani.

224    Sabiex jiġu esklużi l-effetti ta' l-importazzjonijiet tat-Tajwan, il-Kunsill seta' jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu biss fuq l-eżami tal-perijodu ta' tliet xhur u nofs bejn l-impożizzjoni tad-dazju provviżorju kontra d-dumping u t-tmiem tal-perijodu ta' investigazzjoni. Issa, il-Kunsill ma setax jistabbilixxi li l-industrija Komunitarja ffaċċjat pressjoni tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet Indjani matul dan il-perijodu. Bejn is-sena 2001 u l-perijodu ta' investigazzjoni, l-importazzjonijiet mit-Tajwan tilfu 6 % mis-suq, filwaqt li l-produtturi Komunitarji, Indjani u dawk tal-pajjiżi terzi l-oħra kisbu, rispettivament 2 %. Matul il-perijodu ta' investigazzjoni, il-volum ta' l-importazzjonijiet Indjani żdied biss b'16 187 000 unità, li jammontaw għal madwar 0.73 % mis-suq. Dawn l-elementi ma kinux biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-importazzjonijiet Indjani setgħu individwalment jikkawżaw ħsara kunsiderevoli.

225    Barra minn hekk, matul l-istess perijodu, iż-żjieda ta' l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, jiġifieri minn Hong Kong, mill-Iżvizzera u miċ-Ċina, kienet ogħla minn dik ta' l-importazzjonijiet Indjani, u l-prezzijiet ta' dawn l-importazzjonijiet kienu aktar baxxi mill-prezzijiet Indjani.

226    Il-Kunsill isostni li r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet in kwistjoni u l-ħsara tibqa' teżisti anki jekk dawn l-importazzjonijiet jagħmlu parti minn grupp akbar ta' fatturi, sakemm dawn il-fatturi l-oħra ma jiksrux ir-rabta kawżali bejn dawn l-importazzjonijiet u l-ħsara.

227    F'dan il-każ, il-Kunsill ikkonkluda li l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet mit-Tajwan ma kinitx tali li tikser din ir-rabta kawżali. L-ewwel nett, il-produttur Indjan kiseb sehem mis-suq ta' aktar minn 8 % bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta' investigazzjoni, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri kontra d-dumping kontra t-Tajwan. It-tieni nett, wara li ġew stabbiliti miżuri kontra d-dumping, il-produttur Indjan irkupra parti mis-sehem mis-suq mitlufa mill-esportaturi tat-Tajwan. It-tielet nett, il-prezzijiet baxxi ta' l-importazzjonijiet Indjani wasslu għal tnaqqis taħt il-prezz sinjifikattiv tal-prezzijiet Komunitarji.

228    L-argument tar-rikorrenti huwa bbażat, b'mod żbaljat, fuq qsim tal-perijodu ta' investigazzjoni f'żewġ partijiet, qabel u wara d-dħul ta' dazju kontra d-dumping kontra t-Tajwan. Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet tagħha relatati mal-perijodu wara li ġew imposti miżuri li jikkonċernaw t-Tajwan mhumiex rilevanti. Ir-rikorrenti tallega li l-effett ta' l-importazzjonijiet Indjani kien ristrett għal kisba ta' sehem mis-suq li tirriżulta fi żjieda tal-volum ta' l-importazzjonijiet ta' 16 187 000 unità u, b'hekk, għal telf ipotetiku ta' dan is-sehem mis-suq mill-industrija Komunitarja. Issa, l-ħsara in kwistjoni ma ħaditx il-forma ta' telf mis-suq, iżda ta' telf finanzjarju ta' l-industrija Komunitarja li kellu impatt fuq il-kapaċità tagħha li tinvesti. F'dan ir-rigward, it-tnaqqis taħt il-prezz tal-prezzijiet, minħabba l-importazzjonijiet Indjani li jammontaw għal 9 % mis-suq, kellhom effett sinjifikattiv fuq dan it-telf finanzjarju.

229    Rigward l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti rigward l-importazzjonijiet minn Hong Kong, mill-Iżvizzera u miċ-Ċina, is-sehem mis-suq li li huma jirrappreżentaw kien baxx wisq sabiex jinfluwenza l-prezzijiet Komunitarji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

230    L-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-obbligu li jiġu eżaminati l-fatturi magħrufa li, simultanjament ma' l-importazzjonijiet sussidjati, ikunu qed jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja. Dan l-eżami għandu jippermetti li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma tiġix attribwita lill-importazzjonijiet in kwistjoni. L-imsemmija fatturi jinkludu b'mod partikolari l-volum u l-prezz ta' l-importazzjonijiet li mhumiex sussidjati.

231    F'dan il-każ, mill-premessa 116 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, matul il-perijodu kkunsidrat, l-industrija Komunitarja kkonċernata ġiet ikkonfrontata bl-importazzjonijiet mit-Tajwan li kienu mixtrija bi prezz baxx u li kkawżawla ħsara kunsiderevoli bejn l-1997 u s-sena 2000. Mill-bqija, ma setax jiġi eskluż li l-effett negattivi ta' dawn l-importazzjonijiet komplew sakemm ġew imposti miżuri provviżorji, fix-xahar ta' Diċembru 2001, bir-Regolament tal-Kummisssjoni (KE) Nru 2479/2001, tas-17 ta' Diċembru 2001, li jimponi dazju provviżorju kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta' CD-Rs li joriġinaw mit-Tajwan.

232    Fid-dawl ta' dan il-fattur magħruf, l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu marbuta, biex jiddeterminaw il-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet Indjani, jeżaminaw jekk l-effett ta' l-importazzjonijiet mit-Tajwan kienx tali li jikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Indjani u l-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Lulju 1995, Koyo Seiko vs Il-Kunsill, T-166/94, Ġabra p. II-2129, punt 81; tad-29 ta' Jannar 1998 Sinochem vs Il-Kunsill, T-97/95, Ġabra p. II-85, punt 98, u tal-15 ta' Diċembru 1999, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, T-33/98 u T-34/98, Ġabra p. II-3837, punt 176).

233    Għandu jiġi osservat li l-Kunsill, effettivament, eżamina l-effetti ta' l-importazzjonijiet mit-Tajwan fil-premessi 116 sa 118 tar-Regolament ikkontestat u li huwa wasal għall-konklużjoni li, għalkemm huma influwenzaw is-suq Komunitarju matul il-perijodu kkunsidrat, din l-influwenza ma kinitx tali li tikser ir-rabta kawżali.

234    Ir-rikorrenti takkuża lill-istituzzjonijiet Komunitarji li għamlu żball manifest fil-kuntest ta' dan l-eżami.

235    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tippreżenta l-argumentazzjoni tagħha billi tiddistingwi bejn il-perijodi ta' qabel u wara li ġew imposti l-miżuri provviżorji fir-rigward ta' l-importazzjonijiet tat-Tajwan, bl-implikazzjoni, għalhekk, li l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu marbuta jeżaminaw iż-żewġ perijodi individwalment. Madankollu, skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku, il-ħsara li għandha tiġi ddeterminata hija dik sostnuta matul il-perijodu ta' investigazzjoni. B'hekk, minkejja li l-Kunsill kellu jieħu in kunsiderazzjoni l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji matul il-perijodu ta' investigazzjoni, li huwa għamel, b'mod partikolari, fil-premessi 116 u 117 tar-Regolament ikkontestat, il-konklużjonijiet tiegħu dwar il-ħsara u r-rabta kawżali jirrigwardaw, ġustament, l-imsemmi perijodu kollu.

236    Imbagħad, huwa paċifiku li l-importazzjonijiet tat-Tajwan setgħu jikkontribwixxu għall-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja matul parti mill-perijodu kkunsidrat. Ir-rikorrenti ssostni, b'mod żbaljat, li dan il-fatt waħdieni jwassal għall-esklużjoni tal-possibbiltà li l-importazzjonijiet Indjani kkawżaw ukoll ħsara kunsiderevoli fl-istess perijodu.

237    Skond il-ġurisprudenza, ir-responsabbiltà għal ħsara tista' tiġi attribwita lill-importazzjonijiet kkunsidrati, anki jekk l-effetti tagħhom jirrappreżentaw parti biss minn ħsara akbar li hija attribwibbli lil fatturi oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 1988, Canon et vs Il-Kunsill, 277/85 u 300/85, Ġabra p. 5731, punt 62). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż minn qabel li ħsara hija kkawżata simultanjament minn diversi fatturi, meta kull wieħed minnhom jikkostitwixxi, meħud individwalment, il-kawża ta' ħsara kunsiderevoli.

238    Għaldaqstant, il-preżenza ta' fattur estern sinjifikattiv, bħall-importazzjonijiet mit-Tajwan in kwistjoni, ma twassalx awtomatikament għal ksur tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet in kwistjoni u l-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja. Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji setgħux jikkonstataw, ġustament, li, minkejja dan il-fattur estern, l-importazzjonijiet issussidjati kkawżaw ħsara kunsiderevoli.

239    F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li l-importazzjonijiet mit-Tajwan kellhom sehem mis-suq ta' 62 % u li l-prezz medju tagħhom kien konsiderevolment inqas minn dak ta' l-importazzjonijiet Indjani. Fid-dawl tal-volum u tal-prezzijiet ta' dawn l-importazzjonijiet, ebda ħsara ma setgħet tiġi attribwita lill-importazzjonijiet Indjani, peress li dawn kellhom biss 9 % mis-suq u kellhom prezzijiet konsiderevolment ogħla.

240    L-ewwel nett, anki jekk jitqies li r-rikorrenti tgħid b'dan il-mod li hija ġiet imġiegħla tallinja l-prezzijiet tagħha ma' dawk ta' l-importazzjonijiet mit-Tajwan mixtrija bi prezz baxx, dan il-fatt ma jeskludiex li l-importazzjonijiet tagħha kkawżaw ħsara kunsiderevoli lill-industrija Komunitarja.

241    Imbagħad, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-importazzjonijiet Indjani kellhom sehem sinjifikattiv mis-suq, li l-prezzijiet tagħhom kienu inqas mill-prezzijiet Komunitarji u li huma kienu jikkompetu mal-produtturi tat-Tajwan. Issa, fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tagħha, li l-eżistenza ta' l-importazzjonijiet mit-Tajwan, ħafna aktar numerużi u bi prezzijiet iktar baxxi, kienet teskludi kull possibbiltà ta' tnaqqis taħt il-prezz min-naħa tagħha, mhijiex fondata. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż awtomatikament li ħsara sinjifikattiva, li tinvolvi telf ikkawżat mit-tnaqqis taħt il-prezz tal-prezzijiet Komunitarji, tkun ir-riżultat ta' importazzjonijiet minn diversi pajjiżi, li jistgħu jkollhom effetti differenti.

242    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-istituzzjonijiet Komunitarji spjegaw ir-raġunijiet li għalihom il-preżenza ta' l-importazzjonijiet mit-Tajwan, anki bi prezzijiet baxxi ħafna u volumi kbar, ma teskludix li l-importazzjonijiet Indjani, meħuda individwalment, eżerċitat pressjoni fuq il-prezzijiet Komunitarji. Jirriżulta b'mod partikolari mill-premessa 117 tar-Regolament ikkontestat li l-importazzjonijiet Indjani setgħu mhux biss jiffaċċjaw il-kompetizzjoni tat-Tajwan, iżda wkoll jiksbu sehem mis-suq ta' iktar minn 8 % bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta' investigazzjoni u jirkupraw parti mis-sehem mis-suq mitluf mill-esportaturi tat-Tajwan bejn is-sena 2001 u l-perijodu ta' investigazzjoni. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li mhumiex ikkontestati mir-rikorrenti, ippermettew lill-Kunsill li jikkonkludi, ġustament, fl-istess premessa, li l-livell baxx tal-prezzijiet Indjani kellu influwenza kunsiderevoli fuq il-prezzijiet Komunitarji.

243    Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li, fid-dawl tal-volumi u tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet tat-Tajwan, ebda ħsara ma tista' tiġi attribwita lill-importazzjonijiet tagħha.

244    It-tieni nett, ir-rikorrenti tafferma li l-fatt li l-importazzjonijiet Indjani setgħu jiksbu, fl-istess ħin mal-produzzjonijiet Komunitarji, sehem mis-suq mitluf mill-esportaturi tat-Tajwan wara li ġew imposti l-miżuri provviżorji ma kienx biżżejjed sabiex jiġi konkluż li huma kellhom influwenza kunsiderevoli fuq is-suq Komunitarju.

245    F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-konklużjonijiet tal-Kunsill esposti fil-premessa 117 tar-Regolament ikkontestat mhumiex ibbażati fuq is-sempliċi kunsiderazzjoni li l-importazzjonijiet Indjani setgħu jirkupraw parti mis-sehem mis-suq mitlufa mill-esportaturi tat-Tajwan, iżda wkoll fuq il-fatt li huma setgħu, meta kkonfrontati bil-kompetizzjoni tat-Tajwan, jiksbu sehem importanti mis-suq Komunitarju u li l-livell baxx tal-prezzijiet tagħhom affettwa l-prezzijiet Komunitarji.

246    Il-fatt li parteċipanti oħra tas-suq, u b'mod partikolari l-produtturi Komunitarji, irkupraw ukoll sehem mis-suq mitluf mill-esportaturi tat-Tajwan ma jistax iqajjem dubji dwar il-konklużjoni tal-Kunsill, li l-importazzjonijiet Indjani, meħuda individwalment, ikkawżaw lill-produtturi Komunitarji ħsara kunsiderevoli matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

247    Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidher li r-rikorrenti ma wrietx li l-istituzzjonijiet Komunitarji għamlu żball manifest ta' evalwazzjoni billi kkonstataw li l-importazzjonijiet mit-Tajwan ma kinux tali li jiksru r-rabta kawżali f'dan il-każ.

248    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħmel l-osservazzjoni li ż-żjieda kumulattiva fl-importazzjonijiet minn Hong Kong, mill-Iżvizzera u miċ-Ċina kienet ikbar, u li dawn l-importazzjonijiet saru bi prezzijiet iktar baxxi, minn dak ta' l-importazzjonijiet Indjani.

249    Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-konklużjonijiet tal-Kunsill mhumiex ibbażati fuq is-sempliċi kunsiderazzjoni li l-importazzjonijiet Indjani setgħu jirkupraw parti importanti mis-sehem mis-suq mitluf mill-esportaturi tat-Tajwan. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-parti rkuprata mill-importazzjonijiet Indjani kienet komparabbli ma' dawk miksuba, rispettivament, mill-produtturi Komunitarji u mill-produtturi kollha ta' pajjiżi terzi oħra.

250    Minbarra dan, minkejja li l-osservazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi interpretata fis-sens li l-istituzzjonijiet ma eżaminawx biżżejjed l-effetti ta' l-importazzjonijiet minn Hong Kong, mill-Iżvizzera u miċ-Ċina, allegazzjoni bħal din lanqas ma tista' tiġi kkonfermata. Effettivament, mill-premessa 121 tar-Regolament ikkontestat, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, jirriżulta li l-importazzjonijiet mill-Indja kienu bejn ħames u sitt darbiet ikbar fil-volum mill-importazzjonijiet minn kull wieħed mit-tliet pajjiżi in kwistjoni u li dawn ta' l-aħħar kellhom individwalment sehem mis-suq ta' 2 % matul il-perijodu ta' investigazzjoni, filwaqt li s-sehem tal-produttur Indjan kien ta' 9 %. Għaldaqstant il-Kunsill seta', fi kwalunkwe każ, iqis li l-importazzjonijiet ta' dawn il-pajjiżi terzi ma kinux importanti biżżejjed sabiex jiksru r-rabta kawżali f'dan il-każ.

251    Għaldaqstant, ir-raba' motiv ma jistax jintlaqa'.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(6) u (7), tar-Regolament bażiku, f'dak li jirrigwarda l-eżami ta' l-effetti ta' aġir antikompetittiv ta' proprjetarju ta' privattivi

 L-argumenti tal-partijiet

252    Ir-rikorrenti tindika li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, l-industrija Komunitarja sostniet li proprjetarju ta' privattivi għas-CD-Rs kien qed jabbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu meta ċċarġja drittijiet eċċessivi. Billi eskludew din l-allegazzjoni, fil-premessa 135 tar-Regolament ikkontestat, għas-sempliċi raġuni li hija ma ġietx ikkonfermata minn deċiżjoni formali ta' l-awtoritajiet inkarigati mill-kompetizzjoni, l-istituzzjonijiet Komunitarji kisru l-Artikolu 8(6) u (7) tar-Regolament bażiku, kif interpretat mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Ġunju 1992, Extramet Industrie vs Il-Kunsill (C-358/89, Ġabra p. I-3813), u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Settembru 2001, Mukand et vs Il-Kunsill (T-58/99, Ġabra p. II-2521).

253    Il-Kummissjoni kienet taf b'din l-allegazzjoni ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti, għaliex, hekk kif jirriżulta mill-komunikat stampa tat-3 ta' Awwissu 2003, fiż-żmien ta' l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, l-investigazzjoni relativa għal dan il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kienet fil-fażi finali tagħha.

254    Rigward l-evalwazzjoni ta' l-effetti tad-drittijiet magħmula fil-premessa 134 tar-Regolament ikkontestat, hija mhijiex biżżejjed sabiex teskludi l-effetti ta' l-abbuż minn pożizzjoni dominanti allegat u b'mod partikolari l-effetti tad-drittijiet eċċessivi. L-ewwel nett, il-possibbiltà li l-esportatur Indjan seta' wkoll ibati ħsara minħabba d-drittijiet eċċessivi mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħsara subita mill-industrija Komunitarja. It-tieni nett, minkejja li l-profitabbiltà ta' l-industrija Komunitarja kienet fl-aqwa tagħha fl-1999, fiż-żmien meta d-drittijiet kienu diġà applikabbli, dan ma jeskludix li dawn id-drittijiet ikkontribwew għall-ħsara matul il-perijodu ta' investigazzjoni. It-tielet nett, l-osservazzjoni tal-Kunsill li pressjoni għat-tnaqqis tal-prezzijiet ipprekludiet lill-industrija Komunitarja milli tgħaddi l-ispejjeż tad-drittijiet għal fuq il-konsumaturi mhijiex rilevanti. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet Komunitarji kien imisshom eżaminaw jekk, fin-nuqqas ta' drittijiet eċċessivi, l-industrija Komunitarja kinitx tibqa' tbati ħsara. Barra minn hekk, jekk l-ispejjeż ta' l-industrija Komunitarja kienu artifiċjalment għolja minħabba drittijiet eċċessivi, l-analiżi tat-tnaqqis taħt il-prezz tal-prezzijiet in kwistjoni mhijiex eżatta.

255    Il-Kunsill isostni li huwa eżamina fid-dettall l-effett tad-drittijiet u, b'hekk, ta' l-allegat aġir antikompetittiv fil-premessi 134 u 135 tar-Regolament ikkontestat, anki jekk l-imsemmi aġir qatt ma ġie kkonfermat. L-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kunsill eskluda dan l-element minħabba n-nuqqas ta' deċiżjoni formali hija għaldaqstant ibbażata fuq qari żbaljat tar-Regolament ikkontestat.

256    L-allegazzjonijiet ta' aġir antikompetittiv kienu jirrigwardaw l-iffissar ta' l-ammont tad-drittijiet. F'dan ir-rigward, peress li d-drittijiet tħallsu kemm mill-produtturi Komunitarji kif ukoll minn dawk Indjani, il-ħlas tagħhom ma jistax jispjega d-differenza fil-prezz. Minbarra dan, l-industrija Komunitarja kellha tħallas drittijiet kemm fl-1999, is-sena li fiha l-profitabbiltà tagħha kienet fl-ogħla tagħha, kif ukoll fis-sena 2000 u matul il-perijodu ta' investigazzjoni, meta l-profitabbiltà tagħha kienet negattiva. B'hekk, bil-kontra ta' dak li tallega r-rikorrenti, il-kwistjoni jekk l-industrija Komunitarja batietx ħsara minħabba drittijiet allegatament eċċessivi mhijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tar-rabta kawżali in kwistjoni, għaliex kien impossibbli li fattur wieħed ta' spiża, identiku għall-parteċipanti kollha fis-suq, seta' jikser din ir-rabta kawżali. Madankollu, il-Kunsill spjega, fil-premessa 135, li l-allegazzjoni ta' aġir antikompetittiv ma kienet ġiet ikkonfermata b'ebda deċiżjoni formali.

257    Il-Kunsill josserva li ċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ huma differenti minn dawk tas-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq. Il-fatti relativi għall-aġir hawnhekk in kwistjoni qatt ma ġew stabbiliti, ma teżisti ebda rabta awtomatika bejn l-aġir allegat u l-prezzijiet tal-prodott in kwistjoni u dan l-aġir jaffettwa wkoll l-esportatur ikkonċernat.

258    Rigward il-komunikat stampa tal-Kummissjoni, anness mar-risposta, il-Kunsill josserva li r-rikorrenti ma spjegatx ir-raġuni għalfejn hija ma ppreżentatux mar-replika, b'mod konformi ma' l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Barra minn hekk, l-imsemmi komunikat isemmi s-CDs irrekordjati minn qabel, u mhux is-CD-Rs, u la jikkonċerna abbuż minn pożizzjoni dominanti u lanqas il-ħlas ta' drittijiet eċċessivi invokati mir-rikorrenti.

259    Is-CECMA isostni li l-istituzzjonijiet ma kinux marbuta jeżaminaw l-allegazzjoni in kwistjoni skond l-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku. Minn naħa, l-aġir allegat jaffettwa bl-istess mod il-produtturi Komunitarji u dinjija. Għaldaqstant, mhuwiex tali li jaffettwa l-kompetizzjoni bejn il-produtturi ta' pajjiżi terzi u dawk Komunitarji. Min-naħa l-oħra, l-aġir antikompetittiv allegat ma jikkostitwixxix fattur magħruf.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

260    Skond ġurisprudenza stabbilita, meta tiġi determinata l-ħsara, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbuta jeżaminaw jekk il-ħsara li huma bi ħsiebhom jikkunsidraw tirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet mixtrija bi prezz baxx jew issussidjati u għandhom jeskludu kull ħsara li tirriżulta minn fatturi oħra, u b'mod partikolari dik ikkawżata minn aġir antikompetittiv li jinvolvi l-produtturi Komunitarji [is-sentenzi Extramet Industrie vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16, u Mukand et vs Il-Kunsill, punti 39 u 40].

261    F'dan il-każ, mill-inkartament jirriżulta li l-industrija Komunitarja li qiegħda tilmenta sostniet, f'nota tas-7 ta' Jannar 2003, li kumpannija proprjetarja ta' privattivi għas-CD-Rs kienet qed tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha meta tiċċarġja drittijiet eċċessivi u li produttur Ewropew kien irtira mis-suq wara kwistjoni ma' din il-kumpannija. L-industrija għamlet din l-osservazzjoni sabiex tirribatti l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li l-ammont ta' sostenn għall-ilment, fis-sens ta' l-Artikolu 10(8) tar-Regolament bażiku, kien niżel taħt il-livell mitlub għat-tkomplija tal-proċedura. Ir-rikorrenti għamlet l-istess osservazzjoni, matul l-investigazzjoni, billi sostniet li l-effetti ta' l-aġir antikompetittiv allegat, li jikkonsisti fl-iffissar ta' drittijiet eċċessivi, kienu jikkostitwixxu fattur li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ħsara.

262    Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas milli jeżamina dan il-fattur, billi llimita ruħu għal konstatazzjoni, fil-premessa 135 tar-Regolament ikkontestat, li l-allegazzjoni in kwistjoni ma ġietx ikkonfermata minn ebda deċiżjoni formali li tirriżulta minn investigazzjoni ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

263    Għandu jiġi osservat, f'dan ir-rigward, li mill-premessa 135 tar-Regolament ikkontestat ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet Komunitarji effettivament eżaminaw il-kwistjoni jekk il-ħsara kkunsidrata kinitx tirriżulta mill-aġir antikompetittiv allegat.

264    Għaldaqstant, għalkemm din il-premessa mhijiex biżżejjed sabiex teskludi l-effetti tal-fattur invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni jekk il-Kunsill naqasx milli jieħu in kunsiderazzjoni l-imsemmija effetti għandha tiġi eżaminata fir-rigward tar-raġunament kollu adottat fil-kuntest tar-Regolament ikkontestat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Koyo Seiko vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 79).

265    Issa, il-Kunsill isostni li huwa ħa in kunsiderazzjoni dan il-fattur fil-premessa 134 tar-Regolament ikkontestat. Mill-imsemmija premessa jirriżulta li l-Kunsill eżamina, b'mod ġenerali, l-effetti tal-ħlas tad-drittijiet li jirriżultaw mill-privattivi, billi kkonstata li dan il-fattur ma kienx tali li jikser ir-rabta kawżali in kwistjoni. Il-Kunsill isostni li, b'din il-konstatazzjoni, huwa wieġeb ukoll għall-allegazzjoni li dawn id-drittijiet kienu eċċessivi u kienu jikkostitwixxu aġir anti-kompetittiv.

266    F'dan ir-rigward, minkejja li l-premessi 134 u 135 jinsabu taħt sottotitoli differenti, jiġifieri "Drittijiet" u "Fatturi oħra", mill-argumenti tal-partijiet jirriżulta li t-tnejn jikkonċernaw l-istess element ta' l-inkartament rigward il-ħlas ta' drittijiet. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ premessi jsegwu waħda lill-oħra, b'tali mod li l-istruttura tar-Regolament ikkontestat titlob li jinqraw flimkien.

267    Għaldaqstant, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessa 134 sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kunsill eskludiex il-ħsara eventwali li tirriżulta mill-aġir antikompetittiv invokat mir-rikorrenti.

268    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza ta' l-imsemmija konstatazzjonijiet, billi ssostni li l-istituzzjonijiet kien imisshom evalwaw l-effetti tad-drittijiet b'mod preċiż sabiex jikkonkludu li, anki fin-nuqqas ta' drittijiet eċċessivi, l-industrija Komunitarja batiet ħsara.

269    F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, sabiex jiġu esklużi l-effetti li jirriżultaw minn fattur estern, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbuta jeżaminaw jekk l-imsemmija effetti kinux tali li jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet in kwistjoni u l-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja (ara punt 232 iktar 'il fuq). Issa, dan l-eżami ma jimplikax neċessarjament determinazzjoni ta' l-effetti preċiżi tal-fattur in kwistjoni. Huwa biżżejjed li l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw li, fin-nuqqas ta' tali fattur estern, il-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet in kwistjoni kienet kunsiderevoli.

270    F'dan il-każ, il-Kunsill osserva li l-importazzjonijiet Indjani kienu kkawżaw ħsara kunsiderevoli lill-industrija Komunitarja, li tirriżulta b'mod partikolari minn tnaqqis taħt il-prezz tal-prezzijiet Komunitarji. Huwa spjega li, anki li kieku d-drittijiet kellhom influwenza negattiva fuq il-profitti ta' l-industrija Komunitarja, dan il-fattur, li jaffettwa l-produtturi kollha tas-suq, kien diġà preżenti fl-1999, qabel ma l-importazzjonijiet kienu saru numerużi. L-iżvilupp negattiv tas-sitwazzjoni tal-produtturi Komunitarji mis-sena 1999 ma jistax għaldaqstant jiġi attribwit għal dan il-fattur. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, ma kienx irraġonevoli li l-Kunsill qies li l-ħlas ta' drittijiet ma setax ikollu influwenza fuq il-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet issussidjati.

271    Il-Kunsill jafferma, ġustament, li l-eżami tal-kwistjoni jekk id-drittijiet kinux eċċessivi minħabba aġir antikompetittiv ta' proprjetarju ta' privattivi ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għal kontestazzjoni tal-konklużjoni tiegħu msemmija fil-punt iktar 'il fuq.

272    Għandu jiġi osservat ukoll li, b'differenza għas-sitwazzjonijiet fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Extramet u Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitati iktar 'il fuq, il-prassi anti-kompetittiva allegata hawnhekk mhijiex attribwibbli għall-aġir tal-produtturi Komunitarji. Sabiex jiġu evalwati l-effetti ta' dan il-fattur f'dan il-każ, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma kinux għaldaqstant marbuta li jeżaminaw jekk l-industrija Komunitarja kinitx hija nfisha kkontribwiet għall-ħsara subita.

273    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, billi tinvoka s-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, li l-ħsara, iddeterminata minn tnaqqis taħt il-prezz tal-prezzijiet, ma ġietx evalwata korrettament, jekk il-prezzijiet Komunitarji kienu artifiċjalment għolja minħabba d-drittijiet eċċessivi.

274    Għandu jiġi mfakkar li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza Mukand et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, kienu jirrigwardaw aġir li jaffettwa l-prezzijiet Komunitarji, iżda mhux dawk ta' l-importazzjoni. Issa, f'dan il-każ, il-Kunsill ikkonstata li d-drittijiet in kwistjoni kellhom jitħallsu mill-produtturi kollha, inkluża r-rikorrenti. Ir-rikorrenti ma kkonstestatx dan il-fatt.

275    B'hekk, il-Kunsill seta' jqis, fil-premessa 134 tar-Regolament ikkontestat, li l-fattur estern in kwistjoni ma setax jispjega d-differenza bejn il-prezzijiet Komunitarji u l-prezzijiet Indjani u li, għaldaqstant, ma kellux influwenza fuq l-elementi meħuda in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-livell ta' tnaqqis taħt il-prezz. Anki li kieku d-drittijiet kienu eċċessivi minħabba aġir anti-kompetittiv, dan il-fattur ma jistax jaffettwa din l-evalwazzjoni.

276    Fid-dawl ta' dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kunsill kien naqas milli jeskludi, fl-evalwazzjoni tal-ħsara, l-effetti li jirriżultaw minn allegat aġir anti-kompetittiv.

277    F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta' l-element ta' fatt prodott mir-rikorrenti fir-replika tagħha, jiġifieri l-komunikat stampa tal-Kummissjoni, tat-3 ta' Awwissu 2003, li jirreferi għal investigazzjoni relativa għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE għal ftehim standard rigward il-privattivi għal ċerti tipi ta' CDs. Effettivament, mill-argumenti tar-rikorrenti jirriżulta li dan l-element ġie ppreżentat sabiex issostni t-teżi tagħha li l-fattur in kwistjoni kien magħruf mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Min-naħa l-oħra, hija ma spjegatx kif l-imsemmi komunikat seta' jsostni l-argument li dan il-fattur kien tali li jikser ir-rabta kawżali in kwistjoni.

278    Għaldaqstant, il-ħames motiv ma jistax jintlaqa'.

279    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors kollu għandu jiġi miċħud. Konsegwentement, m'hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet magħmula sussidjarjament mill-Kunsill.

 Fuq l-ispejjeż

280    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-konvenut, kif mitlub minnu.

281    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

282    Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Fiċ-ċirkustanzi in kwistjoni, u b'mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-osservazzjonijiet tas-CECMA, li intervjena bħala assoċjazzjoni li qiegħda tiddefendi l-interessi ta' l-industrija Komunitarja kkonċernata, ma żidux elementi deċiżivi għall-argumenti tal-Kunsill, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis xieraq li dan għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-konvenut.

3)      Il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Legal

Lindh

Vadapalas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta' Ottubru 2006.

E. Coulon

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      il-President


Werrej

Il-kuntest leġiżlattiv

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 5, ta' l-Artikolu 7(3), u ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament bażiku u żball manifest fl-evalwazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament normali ta' l-assi

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-evalwazzjoni tal-fatturi relatati mal-perijodu ta' deprezzament (l-ewwel parti)

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-klassifikazzjoni ta' l-assi fil-kategorija tal-forom u fuq in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni ta' l-informazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tar-rikorrenti (l-ewwel u t-tieni lmenti tat-tieni parti)

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-profitabbiltà u ta' l-investimenti tar-rikorrenti (it-tielet ilment tat-tieni parti)

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-applikazzjoni tal-metodu ta' deprezzament digressiv (ir-raba' lment tat-tieni parti)

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq in-natura allegatament arbitrarja tal-kalkoli (il-ħames ilment tat-tieni parti)

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u nuqqas ta' motivazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-perijodu ta' deprezzament normali ta' l-assi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u ksur ta' l-Artikolu 8(2) u (6) tar-Regolament bażiku, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eżami ta' l-elementi relatati mad-determinazzjoni tal-ħsara u tar-rabta kawżali

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-metodu adottat għall-paragun tat-tendenzi ekonomiċi (l-ewwel ilment)

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-evalwazzjoni tal-livell tal-ħażniet (it-tieni lment)

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-evalwazzjoni tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet (it-tielet ilment)

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-evalwazzjoni tat-tendenzi pożittivi u negattivi (ir-raba' ilment)

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(6) u (7) tar-Regolament bażiku, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eżami ta' l-effetti ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajwan

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(6) u (7), tar-Regolament bażiku, f'dak li jirrigwarda l-eżami ta' l-effetti ta' aġir antikompetittiv ta' proprjetarju ta' privattivi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.