Language of document : ECLI:EU:T:2006:296

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

10 ta' Ottubru 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali map&guide – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Nuqqas ta' karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T‑302/03,

PTV Planung Transport Verkehr AG, stabbilita f'Karlsruhe (il-Ġermanja), irrappreżentata minn F. Nielsen, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), irrappreżentat minn B. Müller u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ta' l-1 ta' Lulju 2003 (kawża R 1046/2001‑2), dwar applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark verbali map&guide bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-4 ta' Settembru 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Novembru 2003,

wara s-seduta tas-7 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-15 ta' Frar 2001, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ma' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali map&guide.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 41 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-iskopijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        "softwer tal-kompjuter", li jaqa' taħt il-klassi 9;

–        "organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' taħriġ li jirrigwardaw is-softwer tal-kompjuter", li jaqa' taħt il-klassi 41;

–        "ipprogrammar għal kompjuters", li jaqa' taħt il-klassi 42.

4        Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Ottubru 2001, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja għas-"softwer tal-kompjuter" u s-servizzi ta' "ipprogrammar għal kompjuters", skond l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 40/94, minħabba li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tiddeskrivi l-prodotti u s-servizzi kkoncernati fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 u kienet nieqsa minn kull karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Kuntrarjament għal dak li kien ippreveda inizjalment, l-eżaminatur ma ċaħadx l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għas-servizzi ta' "organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' taħriġ li jirrigwardaw is-softwer tal-kompjuter".

5        Fid-19 ta' Diċembru 2001, ir-rikorrenti appellat ma' l-Uffiċċju, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

6        Permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' Lulju 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), innotifikata lir-rikorrenti fl-4 ta' Lulju 2003, it-Tieni Bord ta' l-Appell caħad l-appell minħabba l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, filwaqt li ppreċiża li ma kienx neċessarju li jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta' raġuni assoluta għal rifjut ta' reġistrazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza kkontestata;

–        tikkundanna lill-Uffiċċju jbati l-ispejjeż.

8        L-Uffiċċju jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti tqajjem raġuni waħda bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

10      In sostenn tat-talba tagħha, hija tgħid, l-ewwel nett, li jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 li jirrigwarda "it-trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv" li livell baxx ta' karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex jeskludi r-raġuni assoluta għal rifjut prevista f'din id-dispożizzjoni.

11      Hija ssostni, sussegwentement, li jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Best Buy Concepts vs L-UASI (BEST BUY) (T-122/01, Ġabra p. II-2235, punt 21), li trade mark hija distintiva fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jekk hija tista' tiġi pperċepita mill-ewwel bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi koperti sabiex il-pubbliku rilevanti jkun jista' jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra. Fil-kawża preżenti, is-sinjal map&guide jissodisfa din il-funzjoni, għaliex jippermetti li jintwera l-oriġini kummerċjali tas-"softwer tal-kompjuter" u tas-servizzi ta' "ipprogrammar għal kompjuters".

12      F'dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Uffiċċju kkunsidra skorrettament li s-sinjal map&guide għandu relazzjoni diretta u speċifika mas-"softwer tal-kompjuter" u s-servizzi ta' "ipprogrammar għal kompjuters".

13      Skond hi, l-Uffiċċju ma ħax biżżejjed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti u s-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ma jikkonsistux f’mapep ta’ l-ibliet jew gwidi turistiċi iżda f’"softwer tal-kompjuter" u servizzi ta’ "ipprogrammar għal kompjuters" li jistgħu jkopru kull tip ta’ suġġett. Għaldaqstant, ir-relazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u s-sinjal map&guide hija neċessarjament ġenerali u ipotetika. Għall-kuntrarju ta’ gwida turistika fil-forma ta’ ktieb meqjus minn kullħadd bħala gwida turistika, ħadd ma juża t-terminu "map&guide" sabiex jirreferi għal "softwer tal-kompjuter". Is-sinjal map&guide lanqas ma tagħti indikazzjoni iktar diretta għal dak li jirrigwarda s-servizz ta’ "ipprogrammar għal kompjuters". Għaldaqstant, il-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi s-sinjal map&guide bħala espressjoni ivvintata li tagħti indikazzjoni dwar l-oriġini kummerċjali. Ma teżisti għalhekk ebda relazzjoni bejn is-sinjal map&guide u s-servizzi u prodotti kkonċernati fihom innifishom. Ir-relazzjoni bejn il-kontenut semantiku tas-sinjal map&guide, minn naħa, u s-"softwer tal-kompjuter" u s-servizzi ta’ "ipprogrammar għal kompjuters", min-naħa l-oħra, tirriżulta, jekk neċessarju, mill-użu ta’ raġunament deduttiv tal-moħħ (mental deductive reasoning). Għaldaqstant, il-kundizzjoni preliminari sabiex tiġi rrifjutata kull possibbiltà li s-sinjal ikun protett abbażi tan-nuqqas ta’ karattru distintiv mhijiex sodisfatta.

14      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-approċċ adottat fid-deċiżjoni kkontestata għandu bħala effett li ebda trade mark komposta minn "terminu konkret" ma tista’ tiġi assoċjata mas-"softwer tal-kompjuter" jew mas-servizzi ta’ "ipprogrammar għal kompjuters", għaliex ikun dejjem possibbli li tiġi stabbilita relazzjoni bejn il-kontenut semantiku espress minn dak it-terminu – per eżempju "iljun" jew "ajkla" – u s-suġġett jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat.

15      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal in kwistjoni, meqjus fit-totalità tiegħu u b’relazzjoni mal-prodotti u servizzi indikati, għandu jiġi kkunsidrat bħala distintiv.

16      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal map&guide għandu neċessarjament ċertu livell ta’ karattru distintiv, għaliex l-eżaminatur li kien ippropona inizjalment li jiċħad l-applikazzjoni għal trade mark għal dak li jirrigwarda s-servizz ta’ "organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' taħriġ li jirrigwardaw is-softwer tal-kompjuter", laqa’ sussegwentement ir-reġistrazzjoni tas-sinjal in kwistjoni għal dan is-servizz. Issa, li kieku s-sinjal map&guide ma kellu ebda karattru distintiv, l-eżamintur ma kienx ibiddel l-evalwazzjoni inizjali tiegħu.

17      Ir-raba’ nett, hija ssostni li, minkejja l-fatt li kull każ għandu jiġi evalwat individwalment u li r-reġistrazzjonijiet preċedenti ta’ trade marks oħrajn mhumiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk trade mark tistax tiġi protetta, l-Uffiċċju għandu madankollu jassigura li l-liġi tiġi applikata b’mod uniformi. Dan ifisser, essenzjalment, li xejn ma jista’ jiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata jekk ċerti trade marks tħallew jiġu rreġistrati fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li għandhom relazzjoni iktar stretta minn dik li teżisti bejn, minn naħa, is-sinjal map&guide u, min-naħa l-oħra, is-"softwer tal-kompjuter" u s-servizzi ta’ "ipprogrammar għal kompjuters". Bħala eżempju, ir-rikorrenti ssemmi r-reġistrazzjoni tat-trade marks LEICHT (faċli) għall-għamara ta’ kċejjen fitted, PRO CARE għall-prodotti tal-kura tal-ġisem u tal-kura tas-sbuħija, POLY COLOR għall-prodotti tax-xagħar, shampoo u koloranti għax-xagħar, GOLDEN CARE għall-assigurazzjonijiet u affarijiet finanzjarji, Safetytech għal istallazzjonijiet għall-industrija ta’¯ l-ippakkjar kif ukoll RAPID għal trapani.

18      Fl-aħħar nett, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti rreferiet b’mod ġenerali għad-dokumenti tagħha fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju. Madankollu, hija indikat fis-seduta li hija xtaqet tirrinunzja li tinvoka d-dokumenti ppreżentati quddiem l-Uffiċċju fil-kuntest ta’ din il-kawża.

19      L-Uffiċċju jsostni li s-sinjal map&guide huwa nieqes minn karattru distintiv u jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

20      L-ewwel nett, huwa jsostni essenzjalment li l-karattru distintiv ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jinsab fil-kapaċità konkreta ta’ din it-trade mark li tidentifika, bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali, il-prodotti u s-servizzi indikati fl-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-element determinanti li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni jinsab fil-perċezzjoni preżunta ta’ konsumatur medju, li huwa infurmat normalment u raġonevolment attent u prudenti u li jifforma parti mill-pubbliku kkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26).

21      Fil-kawża preżenti, hija l-perspettiva ta' konsumatur li jitkellem bl-Ingliż li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, is-sinjal map&guide huwa kompost minn kliem tal-lingwa Ingliża u, min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 li r-reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark Komunitarja hija eskluża meta l-imsemmi sinjal ikun nieqes minn karattru distintiv f'waħda biss mil-lingwi fit-territorju tal-Komunità [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Marzu 2000, Ford Motor vs L-UASI (OPTIONS), T-91/99, Ġabra p. II-1925, punt 25 u sussegwenti].

22      It-tieni nett, l-Uffiċċju jsostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, teżisti relazzjoni diretta u konkreta bejn is-sinjal map&guide u l-prodotti u servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni ta' dan is-sinjal, li tippriva l-imsemmi sinjal minn kull karattru distintiv għal dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi kkonċernati.

23      F'dan ir-rigward, huwa jsostni li, kif deċiż mill-Bord ta' l-Appell, il-kliem "map" u "guide", li jfissru rispettivament mappa jew mappa ta' belt u gwida jew gwida tal-vjaġġi, huma neqsin minn karattru distintiv, safejn jindikaw unikament is-suġġett stess tal-prodott deskritt bħala "softwer tal-kompjuter" u tas-servizz deskritt bħala "ipprogrammar għal kompjuters". Kif tenfasizza d-deċiżjoni kkontestata, il-konsumatur medju tal-kategorija ta' prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jixtru programmi tal-kompjuter sabiex jużaw id-data miġbura fihom u jifhmu, mingħajr ebda eżerċizzju intellettwali jew ta' deduzzjoni, li l-programm tal-kompjuter jew is-servizz relatat jiġġenera mapep ġeografiċi, mapep ta' l-ibliet jew gwidi tal-vjaġġi.

24      Barra minn hekk, kif issemmi d-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi għaqda tal-kliem "map" u "guide" f'"map&guide" ma tagħtix iktar mir-riżultat ta' dawn l-elementi, neqsin minn karattru distintiv. Ir-rabta bejn iż-żewġ termini permezz tas-sinjal tipografiku "&", li jfisser "u", m'għandha xejn mhux tas-soltu fuq livell grammatikali. Il-kostruzzjoni tas-sinjal "map&guide" ma fiha għaldaqstant l-ebda differenza perċettibbli għal dak li jirrigwarda t-terminoloġija użata fil-lingwaġġ kurrenti, liema differenza tkun tista' tagħti lis-sinjal karattru distintiv fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI (C-383/99 P, Ġabra p. I-6251). Meta ffaċċjat bis-sinjal map&guide fil-kuntest tas-softwer u l-ipprogrammar għal kompjuters, il-konsumatur jifhem is-sinjifikat immedjatament u jistabbilixxi, mingħajr ebda sforz intellettwali, relazzjoni konkreta u diretta bejn l-imsemmi sinjal u l-prodotti u s-servizzi li huwa kien intiż ikopri.

25      Barra minn hekk, l-eżaminatur iddetermina b'mod adegwat il-perspettiva tal-pubbliku rilevanti abbażi ta' eżempji. Huwa sostna wkoll li s-softwer ippreżentat fil-forma ta' mappa ġeografika bi gwida u li joffri possibbiltajiet, bħat-tfassil ta' itinerarju individwali, li jeċċedu dawk ta' gwida stampata fuq karta huma disponibbli ħafna fis-suq, b'mod partikolari, fil-forma ta' CD-ROM. Ir-rikorrenti ma tikkontestax dawn il-konstatazzjonijiet ta' fatt.

26      Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li ħadd ma jirreferi għas-softwer bl-espressjoni "map&guide" filwaqt li gwida tal-vjaġġi fil-forma ta' ktieb jissejjaħ "gwida tal-vjaġġi", l-Uffiċċju jsostni, essenzjalment, li softwer jista' jissostitwixxi ktieb safejn jeżistu, fil-reġjuni tal-Komunità fejn hija mitkellma l-lingwa Ingliża, xogħolijiet ta' referenza li huma disponibbli kemm fil-forma ta' kotba u fil-forma ta' CD-ROM. Huwa jżid jgħid li konsumatur li huwa ffaċċjat bil-kliem "map&guide" fuq ktieb jaħseb direttament fuq gwida tal-vjaġġi li għandha mapep ġeografiċi jew mapep ta' l-ibliet u li, għaldaqstant, it-termini "gwida tal-vjaġġi", "map", "guide" jew ukoll "map&guide" ma jistgħux jiġu protetti fir-rigward ta' pubblikazzjonijiet taħt il-klassi 16. Għaldaqstant, l-istess japplika għas-softwer korrispondenti.

27      Għal dak li jirrigwarda l-kritika tar-rikorrenti li tgħid li, jekk jiġi adottat l-approċċ tad-deċiżjoni kkontestata, l-ebda isem konkret, bħal "iljun" jew "ajkla", ma jkun jista' jiġi protett għal softwer jew għal servizzi relatati, l-Uffiċċju jwieġeb, essenzjalment, li hija l-perspettiva tal-konsumatur li tipprevali u li din il-perspettiva hija kkaratterizzata b'mod determinanti mill-prattika konkreta tas-settur ikkonċernat. Issa, ma jbiddel xejn fir-rigward tal-pubbliku in ġenerali, li fil-kawża preżenti huwa l-pubbliku kkonċernat, li l-mapep ġeografiċi jew il-mapep ta' l-ibliet flimkien ma' gwida jiġu kkummerċjalizzati fil-forma ta' softwer. Għaldaqstant, kif ikkonstata l-Bord ta' l-Appell fil-kawża preżenti, meta ffaċċjat bil-kliem "map&guide" fuq ippakkjar ta' softwer jew fil-kuntest ta' servizz korrispondenti, il-konsumatur medju, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-prattika tas-suq, ser jaħseb f'softwer fil-forma ta' gwida tal-vjaġġi elettronika flimkien ma' mappa ta' belt jew mappa ġeografika. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju jsostni li, meta ffaċċjat b'softwer li għandu d-denominazzjoni "lion" jew "eagle" (jew "apple") il-pubbliku rilevanti mhux ser jikkunsidra tali denominazzjoni bħala indikazzjoni tal-kontenut tas-softwer, iżda bħala trade mark.

28      L-Uffiċċju jgħid ukoll li, jekk ir-rikorrenti xtaqet tikkumerċjalizza bit-trade mark map&guide softwer li m'għandux bħala suġġett mapep ġeografiċi u gwidi, hija kellha l-possibbiltà li tillimita l-lista tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom talbet ir-reġistrazzjoni kif previst fl-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-kawża preżenti, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tkopri l-kategorija kollha mhux iddifferenzjata tal-prodotti deskritti bħala "softwer tal-kompjuter" u l-kategorija kollha mhux iddifferenzjata tas-servizzi deskritti bħala "ipprogrammar għal kompjuters". F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li tirrigwarda dawn il-kategoriji fit-totalità tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ġunju 2001, DKV vs L-UASI (EuroHealth), T-359/99, Ġabra p. II-1645, punt 33, u tas-27 ta' Frar 2002, Ellos vs L-UASI (ELLOS), T-219/00, Ġabra p. II-753, punt 36].

29      It-tielet nett, l-Uffiċċju jsostni li l-fatt li l-eżaminatur biddel l-oġġezzjonijiet li kien qajjem inizjalment kontra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni b'mod li tkopri s-servizz ta' "organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' taħriġ li jirrigwardaw is-softwer tal-kompjuter", li jaqa' taħt il-klassi 41, mhuwiex rilevanti għall-kawża preżenti.

30      Ir-raba' nett, l-Uffiċċju jsostni li l-allegazzjoni li tgħid li huwa kien aċċetta li jirreġistra trade marks li għandhom relazzjoni kunsiderevolment iktar stretta mal-prodotti u s-servizzi li huma jkopru minn dik li teżisti bejn is-sinjal map&guide u l-prodotti u s-servizzi in kwistjoni mhijiex rilevanti għall-kawża preżenti. F'dan ir-rigward, huwa jsostni li, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs L-UASI (STREAMSERVE) (T-106/00, Ġabra p. II-723, punti 66 sa 67), ir-rikorrenti tista' tqajjem biss l-iżball li l-Uffiċċju seta' wettaq billi jirreġistra trade marks komparabbli f'każijiet oħrajn.

31      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li s-sinjal map&guide ma jistax iservi bħala indikazzjoni ta' l-oriġini ta' "softwer tal-kompjuter" u ta' servizzi ta' "ipprogrammar għal kompjuters".

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

32      Skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati, skond l-Artikolu 7(1)(b), it-trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv u, skond l-Artikolu 7(1)(c), it-trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intiż, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi.

33      Kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta' reġistrazzjoni enumerati fl-Artikoli 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat. Barra minn hekk, dawn ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta' l-interess ġenerali li huwa l-bażi ta' kull waħda minnhom. L-interess ġenerali li jittieħed in kunsiderazzjoni fl-eżami ta' kull waħda minn dawn ir-raġunijiet għal rifjut jista', jew aħjar għandu, jirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti, skond ir-raġuni għal rifjut in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, Henkel vs L-UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punti 45 u 46; tas-16 ta' Settembru 2004, SAT.1 vs L-UASI, C-329/02 P, Ġabra p. I-8317, punt 25, u tal-15 ta' Settembru 2005, BioID vs L-UASI, C-37/03 P, Ġabra p. I-7975, punt 59).

34      Madankollu, teżisti sovrapożizzjoni ċara fl-oqsma ta' applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 7(1)(b) u (d) (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Frar 2004, Campina Melkunie, C-265/00, Ġabra p. I-1699, punt 18, u Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punt 67). B'mod partikolari, jirriżulta mill-ġurisprudenza li trade mark verbali li hija deskrittiva tal-karatteristiċi ta' prodotti jew ta' servizzi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, hija, minħabba dan il-fatt, neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta' dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) ta' l-istess Regolament (sentenzi Campina Melkunie, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19, u Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar 'il fuq, punt 86).

35      F'każ bħal dak fil-kawża preżenti, fejn id-deċiżjoni kkontestata tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba l-eżistenza ta' raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi eżaminat jekk l-Uffiċċju tax prova tal-fatt li din it-trade mark hija nieqsa minn karattru distintiv.

36      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta' interess ġenerali li huwa l-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jiġi konfuż, evidentement, mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-persuna aħħarija li tuża l-prodott jew s-servizz, l-identità ta' l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, u li tippermettilu jiddistingwi mingħajr ebda konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini differenti (sentenzi SAT.1 vs l-UASI, punt 33 iktar 'il fuq, punti 23 u 27, u BioID vs L-UASI, punt 33 iktar 'il fuq, punt 60).

37      Għal dak li jirrigwarda trade mark komposta minn kliem u minn sinjal tipografiku, bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża preżenti, karattru distintiv eventwali jista' jiġi eżaminat, parzjalment, għal kull wieħed mit-termini tagħha jew mill-elementi tagħha, meqjusa separatament, iżda għandu, f'kull każ, jiddependi minn eżami tat-termini jew elementi kollha li jiffurmawha. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza waħedha li kull wieħed mill-elementi, meqjusa separatament, huwa nieqes minn karattru distintiv ma jeskludix li l-elementi kollha magħqudin flimkien jistgħu jkollhom karattru distintiv (sentenzi Campina Melkunie, punt 34 iktar 'il fuq, punti 40 u 41; Koninklijke KPN Nederland, punt 34 iktar 'il fuq, punti 99 u 100, u SAT.1 vs L-UASI, punt 33 iktar 'il fuq, punt 28).

38      Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell minħabba l-fatt li, b'relazzjoni mas-"softwer tal-kompjuter" u ma' l-"ipprogrammar għal kompjuters", is-sinjal map&guide ser jiġi ċertament ikkunsidrat mill-komsumatur biss bħala indikazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi fihom infushom, u mhux bħala indikazzjoni ta' oriġini li tippermetti li jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriża oħra.

39      Minn dan jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell, għalkemm sostna li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata r-raġuni assoluta għal rifjut ibbażata fuq il-karattru distintiv tas-sinjal in kwistjoni, ikkunsidra, essenzjalment, li s-sinjal map&guide ma kienx distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 minħabba l-fatt li ser jiġi kkunsidrat mill-pubbliku rilevanti bħala deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni.

40      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rabta stabbilita mill-Bord ta' l-Appell bejn il-kontenut semantiku tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, minn naħa, u l-prodotti u s-sevizzi in kwistjoni, min-naħa l-oħra, hijiex konkreta u diretta biżżejjed sabiex turi li s-sinjal jippermetti, f'moħħ il-pubbliku rilevanti, li jiġu identifikati immedjatament il-prodotti u s-servizzi u li għandu, għalhekk, karattru distintiv (ara, f'dan is-sens, is-sentenza EuroHealth, punt 28 iktar 'il fuq, punti 35 u 36).

41      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-karattru deskrittiv ta' sinjal, l-istess bħall-karattru distintiv tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, b'relazzjoni mal-prodotti u mas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, b'relazzjoni mal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti (sentenza Procter & Gamble vs L-UASI, punt 24 iktar 'il fuq, punt 39, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2004, OHMI vs Erpo Möbelwerk, C-64/02 P, Ġabra p. I-10031, punt 43).

42      Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li l-pubbliku rilevanti għall-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark huwa kompost mill-konsumatur medju li jifforma parti mill-pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, kif isostni l-Uffiċċju, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-pubbliku rilevanti kkonċernat li fir-rigward tiegħu għandha tiġi evalwata r-raġuni assoluta għal rifjut huwa l-konsumatur medju li jitkellem bl-Ingliż, għaliex is-sinjal in kwistjoni huwa kompost minn elementi tal-lingwa Ingliża.

43      F'dan ir-rigward, il-Bord ta' l-Appell indika, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, li s-sinjal in kwistjoni kien kompost b'mod partikolari minn żewġ nomi tal-lingwa Ingliża, "map" u "guide", li s-sinjifikat tagħhom kien rispettivament mappa jew mappa ta' belt u gwida jew gwida tal-vjaġġi.

44      Barra minn hekk, huwa kkunsidra speċifikament li s-sempliċi għaqda tat-termini "map" u "guide" permezz tas-sinjal tipografiku "&", li jfisser "u", bl-ebda mod ma kienet oriġinali fuq il-livell grammatikali u li, għaldaqstant, is-sinjifikat tat-termimi hekk magħquda jibqa' l-istess. Huwa kkonkluda li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kkunsidrat fit-totalità tiegħu ma jirrappreżentax iktar mir-riżultat ta' l-elementi li jiffurmawh.

45      Barra minn hekk, kif isostni l-Uffiċċju, għandu jiġi kkunsidrat li l-kostruzzjoni tas-sinjal map&guide, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, ma fiha l-ebda differenza perċettibbli għal dak li jirrigwarda t-terminoloġija użata fil-lingwaġġ kurrenti tal-pubbliku rilevanti li tista' tagħti lis-sinjal karattru distintiv fis-sens tas-sentenza Procter & Gamble vs L-UASI, punt 24 iktar 'il fuq (punt 40).

46      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell kien korrett meta sostna, essenzjalment, li s-sinjal ikkunsidrat fit-totalità tiegħu jfisser "map and guide", jiġifieri mappa (ta' belt) u gwida (tal-vjaġġi).

47      Għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni li teżisti bejn il-kontenut semantiku tas-sinjal map&guide u l-prodotti u s-servizzi kkonċernati, l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra wara riflessjoni li dan is-sinjal jiddeskrivi biss is-suġġett stess ta' ċerti prodotti ("softwer tal-kompjuter") u ta' ċerti servizzi ("ipprogrammar għal kompjuters"). Fil-fatt, fiż-żona lingwistika tal-Komunità fejn huwa mitkellem l-Ingliż, dan is-sinjal jista' jservi sabiex jindika dak is-softwer tal-kompjuter u dawk is-servizzi ta' pprogrammar għal kompjuters li l-funzjoni tagħhom hija li jipprovdu mapep (ta' belt) u gwidi (tal-vjaġġi). Minn dan jirriżulta li l-kontenut semantiku tas-sinjal map&guide jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jistabbilixxi immedjatament u mingħajr ebda riflessjoni oħra relazzjoni diretta u konkreta mas-softwer tal-kompjuter u s-servizzi ta' pprogrammar għal kompjuters li joffru l-funzjoni ta' mappa (ta' belt) u ta' gwida (tal-vjaġġi).

48      Peress illi l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tirrigwarda l-kategorija mhux iddifferenzjata tas-"softwer tal-kompjuter" u l-kategorija kollha mhux iddifferenzjata tas-servizzi ta' "ipprogrammar għal kompjuters", għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell f'dak illi tirrigwarda t-totalità ta' dawn il-prodotti u servizzi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza EuroHealth, punt 28 iktar 'il fuq, punt 33).

49      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li s-"softwer tal-kompjuter" u s-servizzi ta' "ipprogrammar għal kompjuters" jistgħu jkopru kull suġġett ma tmurx kontra l-konstatazzjoni li tgħid li l-kontenut semantiku tas-sinjal in kwistjoni jiddeskrivi s-suġġett stess ta' ċerti prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fill-fatt, billi tallega li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati minn din l-applikazzjoni jkopru kull suġġett, ir-rikorrenti tammetti impliċitament li, fost is-"softwer tal-kompjuter" u s-servizzi ta' "ipprogrammar għal kompjuters", xi uħud minnhom għandhom il-funzjoni li jipprovdu mapep (ta' l-ibliet) u gwidi (tal-vjaġġi).

50      Barra minn hekk, approċċ bħal dak adottat mill-Bord ta' l-Appell m'għandux bħala effett, kif issostni r-rikorrenti, li jipprekludi r-reġistrazzjoni ta' trade marks komposti minn "terminu konkret" għal "softwer tal-kompjuter" jew għal servizzi ta' "ipprogrammar għal kompjuters" għaliex huwa dejjem possibbli li tiġi stabbilita relazzjoni bejn il-kontenut semantiku tas-sinjal u l-prodotti u s-servizzi kkonċernati. Fil-fatt, huwa biss safejn din ir-relazzjoni hija diretta u konkreta li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 jipprekludi r-reġistrazzjoni ta' tali sinjal.

51      Jirriżulta minn dak li kollu li ntqal li l-Bord ta' l-Appell kien korrett meta kkunsidra li, għall-pubbliku rilevanti kompost mill-konsumatur medju li jifforma parti mill-pubbliku ġenerali li jitkellem bl-Ingliż, is-sinjal map&guide kien deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għaldaqstant, skond il-ġurisprudenza li tgħid li kull sinjal deskrittiv huwa neċessarjament nieqes minn karattru distintiv (sentenza Campina Melkunie, punt 34 iktar 'il quddiem, punt 19, u Koninklijke KPN Nederland, punt 34 iktar 'il quddiem, punt 86), il-Bord ta’ l-appell ġustament qies li s-sinjal map&guide kien nieqes minn karattru distintiv.

52      Barra minn hekk, safejn il-Bord ta' l-Appell ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq il-konstatazzjoni li s-sinjal, fid-dawl tat-totalità tiegħu, jista' jintuża komunement fil-kummerċ għall-preżentazzjoni tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati (punti 15 u 16 ta' l-imsemmija deċiżjoni), għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan il-kriterju m'għandux jkun il-bażi li fuqu jiġi interpretat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u li l-interess ġenerali li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni ma jirrikjedix li s-sinjali li għalihom hija tirreferi jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd (sentenza SAT.1 vs L-UASI, punt 33 iktar 'il fuq, punt 36).

53      Madankollu, peress illi d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-evalwazzjoni korretta li tgħid li s-sinjal map&guide mhuwiex distintiv minħabba l-eżistenza ta' rabta diretta u konkreta bejn il-kontenut semantiku tiegħu u l-prodotti u s-servizzi kkonċernati, għandu jitqies li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball meta kkonstata l-eżistenza ta' raġuni assoluta għal rifjut ta' reġistrazzjoni tas-sinjal map&guide.

54      Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 41 iktar 'il fuq li l-karattru distintiv ta' trade mark għandu jiġu ddeterminat b'relazzjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li l-eżaminatur aċċetta l-karattru distintiv tas-sinjal map&guide fir-rigward tas-servizzi ta' "organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' taħriġ li jirrigwardaw is-softwer tal-kompjuter" mhijiex rilevanti sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta' dan is-sinjal fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi differenti li jikkostitwixxu s-"softwer tal-kompjuter" u s-servizzi ta' "ipprogrammar għal kompjuters".

55      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, anki jekk l-Uffiċċju diġà allegatament laqa' r-reġistrazzjoni ta' trade marks għal prodotti u servizzi li għandhom relazzjonijiet iktar stretti ma' dawn it-trade marks minn dik li għandu s-sinjal "map&guide" mal-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tas-sinjal, ma jirriżultax minn dan kollu li applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 40/94 teżiġi li l-imsemmi sinjal jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja għall-prodotti u s-servizzi kkonċernati. Fil-fatt, skond ir-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-Bordijiet ta' l-Appell dwar ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trade mark Komunitarja jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità ta' deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandhom jiġu evalwati biss fuq il-bażi ta' dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta' prattika deċiżjonali preċedenti għalihom (sentenza BioID vs L-UASI, punt 33 iktar 'il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, it-trade marks invokati u l-prodotti u s-servizzi assoċjati magħhom mhumiex simili la fir-rigward tas-sinjal in kwistjoni u lanqas fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati fil-kawża preżenti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 41 iktar 'il fuq, ir-reġistrazzjoni tat-trade marks invokati mir-rikorrenti mhijiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjal map&guide għall-prodotti u s-servizzi in kwistjoni fil-kawża preżenti.

56      Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell kien korrett meta qies li s-sinjal map&guide huwa nieqes minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

57      Minn dan jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

58      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu gew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-konvenut.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta' Ottubru 2006.

E. Coulon                                                       J. Pirrung

Reġistratur                                                       President


*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.