Language of document : ECLI:EU:T:2015:773

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

8 ta’ Ottubru 2015 (*)

“FAEŻR – Approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEŻR – Deċiżjoni li tiddikjara li ċertu ammont ma jistax jerġa’ jintuża fil-kuntest tal-pjan ta’ żvilupp rurali tar-reġjun tal-Basilicate – Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑358/13,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri u B. Tidore, bħala aġenti, assistiti minn M. Salvatorelli, avvocató dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Aquilina u P. Rossi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/209/UE, tas-26 ta’ April 2013, dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għas-sena finanzjarja 2012 (ĠU L 118, p. 23), sa fejn hija tikklassifika bħala “ammont li ma jistax jerġa’ jintuża” l-ammont ta’ EUR 5 006 487.10 relatat mal-pjan ta’ żvilupp rurali għar-reġjun tal-Basilicate (l‑Italja),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 1), kien jikkostitwixxi r-regolament bażiku għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) maħluqa fil-qafas ta’ dan ir-regolament.

2        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi li l-FAEŻR kellu jiffinanzja, fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi għal żvilupp rurali implimentati f’konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR.

3        L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1290/2005 kien jipprovdi li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FAEŻR għall-infiq taħt il-programmi għall-iżvilupp rurali kienet tiġi ddeterminata għal kull programm, fil-limiti massimi stabbiliti bil-leġislazzjoni tal-Unjoni relatata magħha, flimkien mal-ammonti stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-istess regolament, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta programm għal żvilupp rurali sottomess minn Stat Membru kienet tikkostitwixxi, ladarba tiġi nnotifikata lilu, impenn legali. L‑Artikolu 24 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi b’mod partikolari li approprjazzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu koperti l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 4 kienu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mill-Kummissjoni, fil-forma ta’ prefinanzjament, ħlasijiet intermedji u l-ħlas ta’ bilanċ.

4        L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1290/2005, intitolat “Ħlasijiet intermedji” kien jipprevedi:

“1.      Għandhom jitwettqu ħlasijiet intermedji għal kull programm għall-iżvilupp rurali. Huma għandhom jiġu kkalkolati bl-applikazzjoni tar-rata tal-finanzjament parzjali għal kull prijorità għall-infiq pubbliku ċċertifikat li jappartjeni għalih.

2.      Soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlasijiet intermedji sabiex tirrimborsa l-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati fl-implimentazzjoni tal-programmi.

3.      Kull ħlas intermedju għandu jkun soġġett għal konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      it-trasmissjoni lill-Kummissjoni ta’ dikjarazzjoni tal-infiq, iffirmata mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata, f’konformità mal-Artikolu 8(1)(c) [fosthom b’mod partikolari l-kontijiet annwali tal-agenziji tal-ħlas akkreditati];

(b)      ma jinqabeż ebda total tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għal kull prijorità għall-perijodu intier kopert mill-programm ikkonċernat;

(c)      it-trasmissjoni lill-Kummissjoni tal-aħħar rapport ta’ eżekuzzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali.

4.      Jekk wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ma jintlaħaqx u d-dikjarazzjoni tal-nfiq, għalhekk, ma tkunx tista’ tiġi aċċettata, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-aġenzija tal-ħlas akkreditata u lill-korp ta’ koordinazzjoni, meta jkun inħatar wieħed.

5.      Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlasijiet intermedji fi żmien 45 jum mir-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-infiq, li għalihom jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 31.

6.      L-aġenziji tal-ħlas akkreditati għandhom jistabbilixxu u jibagħtu lill-Kummissjoni, permezz tal-intermedjarju tal-korp ta’ koordinament jew direttament, meta ma jkunx ġie appuntat wieħed, id-dikjarazzjonijiet intermedji tal-infiq relatat mal-programmi għall-iżvilupp rurali, f’intervalli stabbiliti mill-Kummissjoni. Id-dikjarazzjonijiet tal-infiq għandhom ikopru l-infiq li l-aġenzija tkun għamlet matul kull perijodu kkonċernat.

Id-dikjarazzjonijiet intermedji tal-infiq fir-rigward tal-infiq magħmul mis-16 ta’ Ottubru ’l quddiem għandu jitniżżel fil-kontijiet tal-baġit tas-sena li jmiss.”

5        L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament intitolat “Sospensjoni u tnaqqis tal-ħlasijiet intermedji”, kien jipprevedi:

“ 1.      Il-ħlasijiet intermedji għandhom isiru abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq u l-informazzjoni finanzjarja pprovduta mill-Istati Membri. Għandu japplika l-Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002.

2.      Jekk id-dikjarazzjonijiet tal-infiq jew l-informazzjoni finanzjarja komunikata minn Stat Membru ma jagħmluhiex possibbli li jinstab li d-dikjarazzjoni tal-infiq tissodisfa r-regoli Komunitarji rilevanti, l-Istat Membru għandu jintalab jipprovdi informazzjoni addizzjonali f’perijodu ta’ żmien stabbilit skont is-serjetà tal-problema, iżda li normalment m’għandux ikun ta’ inqas minn tletin jum.

3.      Jekk l-Istat Membru jonqos li jwieġeb għat-talba msemmija fil-paragrafu 2, jew jekk it-tweġiba tkun meqjusa bħala insodisfaċenti jew turi li ma kienx hemm konformità mar-regoli applikabbli jew li l-fondi Komunitarji ġew użati b’mod żbaljat, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi temporanjament il-ħlasijiet intermedji lill-Istat Membru.

4.      Is-sospensjoni jew it-tnaqqis ta’ ħlasijiet intermedji kif indikat fl-Artikolu 26 għandhom ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 31.”

6        L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1290/2005, intitolat “Diżimpenn [Ħelsien mill-impenn] awtomatiku”, kien jipprevedi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha awtomatikament tiddiżimpenja kwalunkwe porzjon tal-impenn baġitarju għal programm għall-iżvilupp rurali li ma jkunx intuża għall-fini ta’ prefinanzjament jew għat-twettiq ta’ ħlasijiet intermedji jew li għalihom ma ġietx ippreżentata dikjarazzjoni tal-infiq li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(3) fir-rigward tal-infiq imwettaq sal-31 ta’ Diċembru tat-tieni sena li jmiss wara dik tal-impenn baġitarju.

2.      Dik il-parti tal-impenji baġitarji li tkun għadha miftuħa fil-31 ta’ Diċembru 2015 li għaliha ma tkunx saret dikjarazzjoni tal-infiq sat-30 ta’ Ġunju 2016 għandha tiġi awtomantikament diżimpenjata. […]

[...]

4.      F’każ ta’ proċedimenti legali jew appell amministrattiv li jkollu effett ta’ sospensjoni, għandu jiġi interrott il-perijodu għad-diżimpenn awtomatiku msemmi fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, fir-rigward tal-ammont relatat mal-operazzjonijiet ikkonċernati, għat-tul ta’ żmien ta’ dawk il-proċedimenti jew ta’ dak l-appell amministrattiv, dment li l-Kummissjoni tirċievi notifika sostanzjata mill-Istat Membru sal-31 ta’ Diċembru tas-sena N + 2.

5.      Dawn li ġejjin għandhom jiġu injorati fil-kalkolu tad-diżimpenn awtomatiku:

(a)      dik il-parti mill-impenji baġitarji li għaliha tkun saret dikjarazzjoni tal-infiq iżda li r-rimbors tagħha jkun ġie mnaqqas jew sospiż mill-Kummissjoni fil‑31 ta’ Diċembru tas-sena N + 2;

(b)      dik il-parti mill-impenji baġitarji li aġenzija tal-ħlas tkun setgħet tiżborsa għal raġunijiet ta’ force majeure b’effett serju fuq l-implimentazzjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali. L-awtoritajiet nazzjonali li jiddikjaraw force majeure għandhom juru l-konsegwenzi diretti fuq l-implimentazzjoni tal-programm kollu jew ta’ parti minnu.

6.      Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u l-awtoritajiet ikkonċernati fi żmien debitu jekk ikun hemm riskju ta’ diżimpenn awtomatiku. Hija għandha tinformahom bl-ammont involut kif indikat mill-informazzjoni fil-pussess tagħha. L-Istati Membri għandu jkollhom xahrejn minn meta jirċievu din l-informazzjoni sabiex jaqblu mal-ammont inkwistjoni jew jippreżentaw osservazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha twettaq id-diżimpenn awtomatiku sa mhux aktar tard minn disa’ xhur wara l-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafi 1 sa 4.

7.      F’każ ta’ diżimpenn awtomatiku, il-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għall-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat għandu jitnaqqas, għas-sena inkwistjoni, bl-ammont diżimpenjat awtomatikament. […]”

7        L-Artikolu 30 tal-istess regolament, intitolat “Approvazzjoni tal-kontijiet” kien jipprovdi:

“1.      Qabel it-30 ta’ April tas-sena li jmiss wara s-sena baġitarja inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 41(3), abbażi tal-informazzjoni trasmessa f’konformità mal-Artikolu 8(1)(c)(iii).

2.      Id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni għandha tkopri l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet annwali ppreżentati. Id-deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda sussegwentement skont l-Artikolu 31.”

8        L-Artikolu 31 tal-istess regolament, intitolat “Approvazzjoni tal-konformità” kien jipprovdi:

“1.      Jekk il-Kummissjoni ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 twettaq b’mod li kiser ir-regoli Komunitarji, hija għandha tiddeċiedi liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament Komunitarju f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3).

2.      Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tieħu kont xieraq tan-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità.

3.      Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-ispezzjoni mill-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaslu għal qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaqx qbil, l-Istat Membru jista’ jitlob proċedura mmirata lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kull parti fi żmien erba’ xhur. Rapport tar-riżultat tal-proċedura għandu jingħata lill-Kummissjoni, li għandha teżaminah qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għall-finanzjament […]”

9        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 26), fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti, kien jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali, iffinanzjat mill-FAEŻR, stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1290/2005. L-Artikolu 71 tiegħu intitolat “Eliġibbilità tan-nefqa”, kien jipprovdi:

“1.      [… N]efqa għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR jekk l-għajnuna rilevanti hija fil-fatt imħallsa mill-aġenzija ta’ pagament bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2015.

Nefqa ġdida miżjuda fil-mument tal-modifika ta’ programm […] għandha tkun eliġibbli mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba għal modifika tal-programm.

2.      Nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR unikament meta magħmula għal operazzjonijiet deċiżi mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm inkwistjoni jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, f’konformità mal-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti mill-korp kompetenti […]”

10      L-Artikolu 75(1)(a) tal-istess regolament kien jipprevedi li l-Awtorità ta’ Ġestjoni kellha tkun responsabbli mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ kull programm b’mod effiċjenti, effettiv u korrett u li kienet responsabbli, b’mod partikolari, milli tiżgura li l-operazzjonijiet jintgħażlu għall-finanzjament skont il-kriterji applikabbli għall-programm għall-iżvilupp rurali.

11      Skont il-premessa 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006, tal‑15 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1698/2005 (ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 305), huma biss l-emendi li jinvolvu bidliet sinjifikattivi fi programmi, sostituzzjonijiet ta’ finanzjament tal-FAEŻR fost assi fi ħdan l-istess programm jew bidliet tar-rati ta’ kofinanzjament tal-FAEŻR li għandhom ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni u għandha tiġi stabbilita proċedura għall-ftehim f’dan ir-rigward.

12      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 kien jipprovdi:

“Għall-iskopijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 71(1) tar-Regolament [...] Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom iġorru r-responsabbiltà tan-nefqa bejn id-data meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba tagħhom għal reviżjonijiet jew bidliet fil-programm kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament u d-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni [...] jew d[i]k ta’ l-ikkompletar ta’ l-evalwazzjoni tal-konformità tal-bidliet […]”

13      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006, tal‑21 ta’ Ġunju 2006, li jistipula l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, rigward iż-żamma tal-kotba tal-aġenziji tal-ħlas, id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż u tad-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura tal-ispejjeż fil-qafas tal-EAGF u tal-EAFRD (ĠU L 327M, 5.12.2008, p. 615), jiddetermina ċerti kundizzjonijiet u regoli speċifiċi applikabbli għall-ġestjoni kondiviża tal-ispejjeż u tad-dħul tal-FAEŻR, għaż-żamma tal-kotba u għad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż u tad-dħul mill-aġenziji tal-ħlas, kif ukoll għar-rimbors tal-ispejjeż mill‑Kummissjoni, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1290/2005. Il-premessa 7 tiegħu tindika li, għall-azzjonijiet relatati mal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEŻR, dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż, li jiswew daqs talba għall-ħlas, għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni flimkien mal-informazzjoni mitluba. Skont il-premessa 11 tiegħu, il-Kummissjoni twettaq ħlasijiet mensili jew perijodiċi favur l-Istati Membri fuq il-bażi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul miġbur mill-aġenziji tal-ħlas għall-kont tal-baġit tal-Unjoni. Il-premessa 23 tindika li, fid-dawl tal-karatteristiċi tar-regoli ta’ kontabilità applikati għall-FAEŻR, tal-użu ta’ finanzjament bil-quddiem u tal-finanzjament tal-miżuri għal kull sena tal-kalendarju, jaqbel li jkun stipulat li dawn l-ispejjeż ikunu ddikjarati skont frekwenza adattata għal dawn il-kundizzjonijiet partikolari.

14      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 883/2006, intitolat “Id-dikjarazzjonijiet ta’ l-ispejjeżˮ, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti, kien jipprevedi:

“1.      Id-dikjarazzjonijiet ta’ l-ispejjeż ta’ l-aġenziji tal-ħlas jiġu effettwati taħt kull programm ta’ żvilupp rurali. Dawn id-dikjarazzjonijiet jibbażaw, għal kull miżura ta’ żvilupp rurali, fuq l-ammont tan-nefqa pubblika eliġibbli li għaliha l-aġenzija tal-ħlas fil-fatt ħallset il-kontribuzzjoni korrispondenti ta’ l-EAFRD [FAEŻR] matul il-perjodu ta’ referenza.

2.      Ladarba jkun approvat il-programm, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, skond il-punt (c) (i) tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament [...] Nru 1290/2005, id-dikjarazzjonijiet ta’ l-ispejjeż tagħhom, permezz ta’ mezzi elettroniċi, skond il-kundizzjonijiet definiti fl-Artikolu [18], skond il-frekwenza u t-termini ta’ żmien li ġejjin: […]

d)      mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar għall-ispejjeż tal-perjodu bejn is‑16 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru.

L-ispejjeż iddikjarati għal perjodu ta’ referenza jistgħu jinkludu emenda tad-data ddikjarata fil-perjodi ta’ dikjarazzjoni preċedenti ta’ l-istess sena finanzjarja.

[…]

4.      Jekk jiġu nnutati nuqqas ta’ qbil, diverġenzi fl-interpretazzjoni jew diskrepanzi relattivi għad-dikjarazzjonijiet ta’ l-ispejjeż ta’ perjodu ta’ referenza, li jirriżultaw partikolarment min-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni mitluba taħt ir-Regolament [...] Nru 1698/2005 u tal-modalitajiet ta’ l-applikazzjoni tiegħu, u dawn ikunu jirrikjedu verifiki supplimentari, l-Istat Membru konċernat jintalab jipprovdi informazzjoni addizzjonali. […]

Iż-żmien tal-ħlas stipulat fil-paragrafu 5 ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolament [...] Nru 1290/2005 f’dan il-każ jista’ jitwaqqaf, għall-ammont kollu jew għal parti minnu li jkun is-suġġett tat-talba tal-ħlas, li jibda jgħodd mid-data tal-komunikazzjoni tat-talba għall-informazzjoni sa meta tiġi rċevuta l-informazzjoni mitluba u sa l-aktar tard sad-dikjarazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-perjodu ta’ wara. Jekk ma tinstabx soluzzjoni matul dan iż-żmien, il-Kummissjoni tista’ tissospendi jew tnaqqas il-pagamenti skond il-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 27 tar-Regolament [...] Nru 1290/2005.

[…]”

15      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal‑21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 162), kien jindika, b’mod partikolari, fil-premessa 9 tiegħu, li kellhom jiġu stabbiliti modalitajiet kemm għall-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet prevista fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 kif ukoll għall-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità prevista fl‑Artikolu 31 ta’ dak ir-regolament, inkluż mekkaniżmu li permezz tiegħu l-ammonti li jirriżultaw, skont kif ikun il-każ, jitnaqqsu minn jew jiġu miżjuda ma’ wieħed mill-ħlasijiet sussegwenti magħmula lill-Istati Membri.

16      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 885/2006, intitolat “L-approvazzjoni finanzjarja”, jipprovdi:

“1.      Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament [...] Nru 1290/2005 għandha tiddetermina l-ammonti ta’ nfiq li kien hemm f’kull Stat Membru matul is-sena finanzjarja in kwistjoni li għandhom ikunu rikonoxxuti bħala li jistgħu jiġu ċċarġjati lill-FAEG u lill-FAEŻR fuq il-bażi tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe tnaqqis u sospensjoni skond l-Artikoli 17 u 27 tar-Regolament [...] Nru 1290/2005.

[…]

Għall-FAEŻR, l-ammont iddeterminat mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet għandu jinkludi l-fondi li l-Istat Membru kkonċernat jista’ juża mill-ġdid skond l-Artikolu 33(3)(c) tar-Regolament [...] Nru 1290/2005.

2.      […] Fir-rigward tal-FAEŻR, l-ammont li, minħabba d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet, jista’ jiġi rkuprat minn jew jista’ jiġi mħallas lil kull Stat Membru għandu jiġi stabbilit billi l-ħlasijiet intermedji fir-rigward tas-sena finanzjarja kkonċernata jitnaqqsu mill-infiq rikonoxxut għall-istess sena skond il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tnaqqas dak l-ammont jew iżżidu mal-ewwel ħlas li għalih titressaq id-dikjarazzjoni tan-nefqa mill-Istat Membru wara li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni skont l-Artikolu 30 tar-Regolament [...] Nru 1290/2005.

3.      Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istat Membru kkonċernat ir-riżultati tal-verifika tagħha ta’ l-informazzjoni pprovduta, flimkien ma’ kwalunkwe emenda li qed tipproponi, mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ wara t-tmiem tas-sena finanzjarja.

4.      Jekk, għal raġunijiet li jistgħu jiġu attribwiti lill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tapprova l-kontijiet ta’ Stat Membru qabel it‑30 ta’ April tas-sena ta’ wara, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru b’dak l-istħarriġ addizzjonali li biħsiebha tagħmel skond l-Artikolu 37 tar-Regolament [...] Nru 1290/2005.

[…]”

17      L-Artikolu 11 tal-istess regolament, intitolat “L-approvazzjoni tal-konformità”, kien jistabbilixxi l-modalitajiet tal-proċedura prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

18      Permezz ta’ komunikazzjoni tal-15 ta’ Novembru 2011, l-awtoritajiet Taljani ttrażmettew lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1974/2006, proposta motivata għal emenda tal-programm għall-iżvilupp rurali implementat għar-reġjun tal-Basilicate għall-perijodu ta’ bejn l-2007 u l-2013. Din it-talba kienet tinkludi, b’mod partikolari, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-miżura Nru 125 ta’ dan il-programm, kemm mill-organizzazzjoni ta’ sejħiet għal offerti reġjonali kif ukoll fil-kuntest ta’ proċedura ta’ mobilizzazzjoni nazzjonali.

19      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet din il-komunikazzjoni u ppreċiżat li kien japplika terminu ta’ approvazzjoni ta’ sitt xhur għall-emendi kollha mitluba, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1974/2006.

20      Permezz ta’ komunikazzjoni tas-26 ta’ Jannar 2012, l-aġenzija tal-ħlas Taljana, l’Agenzia per le erogazioni in agricultura (AGEA, l-Aġenzija għall-għoti ta’ għajnuna fis-settur agrikolu), ippreżentat id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż magħmula mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali għar-reġjun tal-Basilicate relatati mal-aħħar tliet xhur tal‑2011, konformement mal-Artikolu 26(3)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005.

21      Wara laqgħat bilaterali bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni, din tal-aħħar talbet, permezz ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Frar 2012, preċiżazzjonijiet dwar l-ispejjeż iddikjarati bħala pagabbli mill-FAEŻR mir-reġjun tal-Basilicate għall-ewwel tliet xhur tal-2011. Hija talbet, fost oħrajn, jekk dawn l-ispejjeż kinux jinkludu l-ispejjeż magħmula wara proposti għal emendi tal-programm għal dan ir-reġjun attwalment taħt investigazzjoni mid-dipartimenti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija talbet ġustifikazzjoni ddettaljata għall-ispejjeż assoċċjati mal-miżura Nru 125 li jinsabu wkoll taħt investigazzjoni minn dawn id-dipartimenti.

22      L-awtoritajiet Taljani rrispondew permezz ta’ posta elettronika tad-9 ta’ Frar 2012 fejn indikaw li l-ispejjeż iddikjarati kienu jinkludu dawk relatati ma’ ħames proġetti li jikkonċernaw il-miżura Nru 125 li t-twettiq tagħhom kien sar fil-kuntest tal-proċedura ta’ mobilizzazzjoni nazzjonali. Tabella annessa ma’ din il-posta elettronika kienet tindika l-ammont totali li swew dawn il-ħames proġetti kif ukoll is-somma ta’ EUR 5 006 487.10 imposta fuq il-FAEŻR.

23      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha u talbet preċiżazzjonijiet dwar il-proposti għal emenda tal-programm għall-iżvilupp reġjonali lill-awtoritajiet tar-reġjun tal-Basilicate. Hija kkonstatat, b’mod partikolari, li l-proposta ta’ introduzzjoni ta’ proċedura ta’ mobilizzazzjoni nazzjonali kienet tmur kontra l-Artikolu 71(2) u l‑Artikolu 75(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005. Konsegwentement, hija ssosspendiet il-perijodu ta’ sitt xhur għall-approvazzjoni tal-miżuri kollha u stiednet lill-awtoritajiet Taljani jirrevedu l-proposti tagħhom.

24      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni stiednet lill-AGEA tippreżenta dikjarazzjoni ġdida tal-ispejjeż għar-reġjun tal-Basilicate relatati mal-aħħar tliet xhur tal-2011 filwaqt li tnaqqas dawk magħmula għall-ħames proġetti relattivi għall-miżura Nru 125, jiġifieri EUR 8 703 906.64 ta’ spejjeż pubbliċi, u EUR 5 006 487.10 ta’ spejjeż imposti fuq il-FAEŻR. Hija rreferiet għall-ittra tagħha tal-21 ta’ Marzu 2012 u kkonstatat li l-emenda proposta għall-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-miżura Nru 125 ma kinitx konformi mal-Artikolu 71(2) u l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 u għaldaqstant, il-ħames proġetti ma kinux eleġibbli għall-kontribuzzjoni tal-FAEŻR. Fl-aħħar nett, hija fakkret id-dispożittiv tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1974/2006.

25      L-AGEA rrispondiet permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2012 fejn irrifjutat li tibgħat dikjarazzjoni ġdida. Fil-fehma tagħha, peress li d-dikjarazzjoni tal-ispejjeż sottomessa kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, hija kellha titqies bħala ammissibbli, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx qajmet oġġezzjonijiet abbażi tal-paragrafu 4 ta’ din l-istess dispożizzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni kien messha ħallset il-ħlas intermedju fil-45 jum minn meta rċeviet id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż, kif huwa previst fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 883/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament Nru 1290/2005. Għaldaqstant, il-Kummissjoni dejjem setgħet teżerċita l-possibbiltà li tissosspendi jew tnaqqas il-ħlasijiet skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1290/2005. Fl-aħħar nett, l-AGEA qieset li, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni kellha tagħmel eventwali rettifiki għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż relatati mat-tliet xhur ta’ wara, skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 883/2006.

26      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dan ir-rifjut tal-awtoritajiet Taljani. Hija fakkret ir-raġunijiet għaliex l-ispejjeż relatati mal-ħames proġetti inkwistjoni kellhom jitnaqqsu minn dawk iddikjarati u stiednet lil dawn l-awtoritajiet jipprovdulha informazzjoni addizzjonali fit-30 jum segwenti. Il-Kummissjoni sostniet li, fl-assenza ta’ risposta jew fil-każ ta’ risposta mhux sodisfaċenti, hija tista’ tipproċedi għat-tnaqqis tal-ispejjeż iddikjarati, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1290/2005, li minnhom l-ammont ta’ EUR 5 006 487.10 huwa impost fuq il-FAEŻR.

27      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq verżjoni ġdida rreveduta tal-proposta għal emenda tal-programm għall-iżvilupp reġjonali ta’ Basilicate nnotifikata, b’mod parallel, fid-9 ta’ Mejju 2012. Permezz ta’ din il-verżjoni, ir-Repubblika Taljana kienet qiegħda tipproponi li timplementa l-miżura Nru 125 permezz ta’ sejħiet għal offerti li għalihom l-Awtorità ta’ Ġestjoni tkun tista’ tivverifika l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni previsti mill-programm għall-iżvilupp rurali. Il-Kummissjoni ċaħdet anki din il-proposta. B’mod partikolari, hija indikat li t-talba għal emenda tal-modalitajiet tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura kienet tintroduċi elementi ta’ inċertezza legali fir-rigward tal-modalitajiet fis-seħħ. Fl-aħħar nett, hija ssosspendiet il-perijodu ta’ sitt xhur għall-approvazzjoni tal-proposta għal emenda tal-programm u stiednet lill-awtoritajiet Taljani jissotomettu verżjoni ġdida tagħha.

28      Permezz ta’ nota tal-20 ta’ Ġunju 2012, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-inammissibbiltà tal-ispejjeż ikkonstatata mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Mejju 2012.

29      Il-Kummissjoni rrispondiet permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Settembru 2012, fejn qieset li l-elementi ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani ma kinux isolvu d-diffikultajiet imqajma rigward il-konformità tal-proposta għal emenda inkwistjoni mal-Artikolu 71(2) u l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1698/2005. Hija kkonkludiet, għal darba oħra, li l-ammont ta’ EUR 5 006 487.10 ma setax jiġi ffinanzjati mill-FAEŻR. Barra minn hekk, hija indikat li, fl-assenza ta’ risposta jew fil-każ ta’ risposta mhux sodisfaċenti fit-30 jum segwenti, hija kienet ser tipproċedi għat-tnaqqis korrispondenti tal-ispejjeż intermedji, skont l‑Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 1290/2005.

30      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2012, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li huma ma kellhomx iktar argumenti xi jressqu dwar is-suġġett tal-konformità tal-imsemmi ammont ta’ spejjeż iddikjarati u li huma kienu rkupraw somom miġbura mill-benefiċjarji tal-miżura Nru 125.

31      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Taljani li l-iskambju tal-informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, kien mitmum u li hija kienet ser tibqa’ ssostni l-konklużjoni tagħha rigward in-nuqqas ta’ konformità tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-ħames proġetti previsti mill-miżura Nru 125 mad-dritt tal-Unjoni. Hija żiedet tgħid li kienet ser tipprepara s-sospensjoni tal-ammont ta’ EUR 5 006 487.10 u li l-kwistjoni kienet ser tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fil-kuntest tal-proċedura sussegwenti ta’ approvazzjoni tal-kontijiet.

32      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ April 2013, l-awtoritajiet Taljani ħadu nota ta’ din l-ittra tal-Kummissjoni fejn indikaw li huma kienu jqisu l-ammont kontenzjuż bħala li huwa diġà sospiż.

33      Fis-26 ta’ April 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/209/UE, tas-26 ta’ April 2013, dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw in-nefqa ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għas-sena finanzjarja 2012 (ĠU L 118, p. 23, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana fid-29 ta’ April 2013. Għal dak li jikkonċerna r-reġjun tal-Basilicate, il-Kummissjoni kklassifikat l-ammont ta’ EUR 5 006 487.10 bħala “ammont li ma jistax jerġa’ jintuża”, u b’hekk eskludietu mill-finanzjament tal-Unjoni.

34      Permezz ta’ komunikazzjoni tas-16 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni fetħet, fost oħrajn, il-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006. Fil-kuntest tal-miżuri korrettivi, hija pproponiet rettifika tal-ammont ta’ EUR 5 006 487.10 pagabbli mill-AGEA.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Lulju 2013, ir-Repubblika Taljana bdiet din l-azzjoni.

36      Peress li ebda replika ma ġiet iddepożitata fit-terminu mogħti, jiġifieri sas-26 ta’ Novembru 2013, il-proċedura bil-miktub intemmet f’din id-data.

37      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet li weġbuhom fit-terminu mogħti.

38      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ April 2015.

39      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija teskludi l-ammont ta’ EUR 5 006 487.10 relattiv għar-reġjun tal-Basilicate, mil-limiti tal-ispejjeż tal-FAEŻR għall-programm għall-iżvilupp reġjonali għal dan ir-reġjun;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

 Id-dritt

41      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 26, 27 u 29 tar-Regolament Nru 1290/2005, tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1974/2006, tal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 883/2006 u tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, kif ukoll il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fosthom l-obbligu ta’ motivazzjoni, u prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

42      Skont ir-Repubblika Taljana, il-klassifikazzjoni tal-ammont ta’ EUR 5 006 487.10 bħala “ammont li ma jistax jerġa’ jintuża” fid-deċiżjoni kkontestata jimplika t-tnaqqis tiegħu mil-limitu ta’ spejjeż tal-FAEŻR għall-programm għall-iżvilupp rurali tar-reġjun tal-Basilicate u, konsegwentement, l-impossibbiltà tal-użu tiegħu fil-kuntest tal-imsemmi limitu. Tali klassifikazzjoni hija ekwivalenti għall-ħelsien mill-impenn ta’ dan l-ammont fis-sens tal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1290/2005. Tali ħelsien mill-impenn jikser id-dispożizzjonijiet u r-regoli tad-dritt kollha msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, peress li d-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għall-programm għall-iżvilupp rurali tar-reġjun tal-Basilicate għall-aħħar tliet xhur tal-2011 kienet ġiet ippreżentata fit-terminu stabbilit u skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 1290/2005.

43      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana u tqis li r-rikors jibbaża ruħu fuq premessa żbaljata inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ma tordna ebda ħelsien mill-impenn awtomatiku tal-ammont kontenzjuż. Barra minn hekk, peress li r-Repubblika Taljana kienet assoċjata mill-qrib mal-proċess tat-tfassil ta’ din id-deċiżjoni u fid-dawl tal-premessi 1 u 7 tagħha, id-deċiżjoni kkontestata kellha titqies li hija mmotivata suffiċjentement.

44      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, bħalma kkonfermat ir-Repubblika Taljana waqt is-seduta, dan ir-rikors ikopri l-fatt li l-ammont ta’ EUR 5 006 487.10 ġie essenzjalment meħlus mill-impenn awtomatikament fid-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, u dan mingħajr spjegazzjoni adegwata.

45      Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fl-atti tagħha, ir-Repubblika Taljana sempliċement invokat, mingħajr ma żviluppatu minimament, il-ksur tal-Artikoli 26 u 27 tar-Regolament Nru 1290/2005, tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1974/2006, tal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 883/2006 u tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, kif ukoll il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, b’mod ġenerali, u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

46      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors għandu b’mod partikolari jinkludi sunt tal-motivi invokati. Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita, indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, dan is-sunt għandu jkun ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun hemm bżonn mingħajr ma tintalab informazzjoni oħra. Fil-fatt, sabiex rikors ikun ammissibbli jeħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom dan huwa bbażat, joħorġu, tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu, u dan sabiex ikunu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra, EU:T:2006:267, punt 208 u l-ġurisprudenza ċċitata. Dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, kull motiv li ma huwiex artikolat b’mod suffiċjenti fir-rikors promotur għandu jitqies li huwa inammissibbli. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta lment jiġi invokat insostenn ta’ motiv. Għal dak li jikkonċerna eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, din l-inammissibbiltà tista’ titqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali, jekk meħtieġ (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra, EU:T:2005:455, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 46 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata ex officio li l-ilmenti msemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq ma ġewx sostnuti fil-qosor, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

48      It-tieni nett, ir-Repubblika Taljana ssostni, fil-punti 40 u 41 tar-rikors, li s-somma tal-ammont kontenzjuż indikata fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex korretta. Fil-fehma tagħha, fid-dawl tal-fatt li “saru ħlasijiet li jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex jiġi evitat il-ħelsien mill-impenn”, dan l-ammont għandu jammonta għal EUR 4 475 963.58. Hija tipprovdi tabella li turi l-ammont totali tal-impenji finanzjarji għar-reġjun bejn l‑2007 u l-2009 u d-differenza bejn il-ħlasijiet li saru fil-31 ta’ Diċembru 2011, minn naħa, filwaqt li tinkludi l-ħames proġetti fil-miżura Nru 125 u, min-naħa l-oħra, filwaqt li teskludihom.

49      Għandu jiġi kkonstatat li din it-tabella, li tinsab fil-punt 41 tar-rikors, ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar l-oriġini ta’ din id-data inkluża fiha, u lanqas ebda spjegazzjoni rilevanti rigward il-metodu użat sabiex tfasslet, u li huwa impossibbli li tiġi vverifikata l-informazzjoni inkluża fiha. Għaldaqstant, ma hemmx valur probatorju suffiċjenti u għalhekk ma tistax twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex teżamina l-kalkolu tal-ammont kontenzjuż. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-kredibbiltà tal-informazzjoni li hemm fih u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, u d-destinatarju tiegħu sabiex jiġi stabbilit jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, dan jagħmilx sens u huwiex affidabbli (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra, EU:T:2006:271, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Min dan isegwi li l-ilment relatat mal-kalkolu tal-ammont kontenzjuż ma huwiex sostnut u għandu jiġi miċħud.

51      L-istess japplika għat-tabella pprovduta fil-punt 37 tar-rikors li turi l-ammonti rkuprati mill-awtoritajiet Taljani mingħand benefiċjarji tal-miżura Nru 125 u li jirrappreżentaw il-partijiet tal-FAEŻR. Din it-tabella ma tinkludi ebda indikazzjoni tal-oriġini tad-data inkluża fiha u lanqas ebda spjegazzjoni rilevanti rigward il-metodu użat għat-tfassil tagħha. Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda wkoll bħala li hija nieqsa minn valur probatorju.

52      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-Kummissjoni għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, ladarba dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji relatati ma’ dak il-ksur (sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑153/01, Ġabra, EU:C:2004:589, punt 67, u tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni, C‑5/03, Ġabra, EU:C:2005:426, punt 38). Jekk jiġi presunt li l-ksur huwa stabbilit f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma ppreżentat ebda argument li jista’ juri żball tal-Kummissjoni rigward il-konsegwenzi finanzjarji relatati ma’ dan il-ksur.

53      Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna lmenti bbażati, essenzjalment fuq il-ksur tal-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

54      L-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni rigward il-klassifikazzjoni tal-ammont kontenzjuż fid-deċiżjoni ta’approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEŻR għall-2012, li ma ssemmix l-atti preparatorji għal adozzjoni tagħha.

55      It-tieni nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li, sa fejn l-ammont kontenzjuż tnaqqas jew ġie sospiż abbażi tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, huwa neċessarjament eskluż mill-kalkolu tal-ammonti meħlusa mill-impenn skont l-Artikolu 29(5) tal-istess regolament. Bl-istess mod, l-approvazzjoni tal-kontijiet tirrigwarda biss il-konklużjonijiet tar-rendikonti ppreżentati għal kull aġenżija tal-ħlas. Skont ir-Repubblika Taljana, l-inklużjoni tal-ammont kontenzjuż fid-deċiżjoni kkontestata relatata mal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEŻR għas-sena finanzjarja tal-2012 tikkontradixxi l-ftuħ sussegwenti tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità prevista mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

56      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tagħraf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u tiddefendi d-drittijiet tagħha u b’mod li l-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il‑Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra, EU:T:2000:8, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fil-kuntest partikolari tat-tfassil tad-deċiżjonijiet relatati mal-approvazzjoni tal-kontijiet, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti meta l-Istat destinatarju jkun ġie involut mill-qrib fil-proċess ta’ tfassil ta’ din id-deċiżjoni u kien jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li s-sommom kontenzjużi ma kellhomx jiġu imposti fuq il-FAEŻR (ara, b’analoġija, fil-kuntest tal-FAEGG, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑278/98, Ġabra, EU:C:2001:124, punt 119; tal-20 ta’ Settembru 2001, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑263/98, Ġabra, EU:C:2001:455, punt 98, u tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑332/01, Ġabra, EU:C:2004:496, punt 67).

58      L-ewwel nett, f’dan il-każ, mill-iżvolġiment tal-fatti u mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar u suffiċjenti r-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li l-ammont kontenzjuż ma kienx eleġibbli għall-kontribuzzjoni tal-FAEŻR, u dan matul il-proċedura amministrattiva kollha li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hija ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Taljana, diversi drabi, dwar in-natura irregolari tal-inklużjoni tal-ammont kontenzjuż fl-ispejjeż iddikjarati bħala pagabbli mill-FAEŻR għall-aħħar tliet xhur tal-2011. Barra minn hekk, hija ripetutament talbitha tnaqqas dawn l-ispejjeż magħmula għall-ħames proġetti relatati mal-miżura Nru 125 u indikatilha li kienet ser tipproċedi għat-tnaqqis korrispondenti tal-ispejjeż intermedji minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmija miżura mal-Artikolu 71(2) u l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1698/2005.

59      Għaldaqstant, fl-ittra tal-21 ta’ Marzu 2012 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkonstatat li l-emenda tal-miżura Nru 125 ma kinitx kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 71(2) u tal-Artikolu 75(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005. Hija ppreċiżat fiha li huma biss l-ispejjeż deċiżi mill-Awtorità tal-Ġestjoni tal-programm ikkonċernat jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, skont il-kriterji ta’ selezzjoni ffissati mill-korp kompetenti, li huma eliġibbli għall‑kontribuzzjoni tal-FAEŻR. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Sussegwentement, fl-ittra tat-28 ta’ Marzu 2012 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni stiednet lill-AGEA tnaqqas l-ispejjeż relatati mal-miżura Nru 125 mid-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għar-reġjun tal-Basilicate relattivi għall-aħħar tliet xhur tal-2011, peress li huma ma setgħux jiġu imposti fuq il-FAEŻR. Minn naħa, hija rreferiet għall-ittra preċedenti tal‑21 ta’ Marzu 2012 u rrepetiet il-motivi ta’ din l-esklużjoni kif ukoll l-istess dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli u, min-naħa l-oħra, hija fakkret id-dispożittiv tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 sabiex jintalab dan it-tnaqqis. L-ittra tal-15 ta’ Mejju 2012 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq) irriproduċiet il-motivi tal-ittri preċedenti u indikat li, ħlief fil-każ ta’ informazzjoni addizzjonali rilevanti, il-Kummissjoni kienet ser tipproċedi għall-approvazzjoni tal-kontijiet, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mal-miżura Nru 125, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 5 006 487.10. Bl-istess mod, permezz tal-ittra tal-11 ta’ Settembru 2012 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), billi ċaħdet l-elementi ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni kkonkludiet mill-ġdid li l-ammont kontenzjuż ma huwiex eliġibbli abbażi tal-istess motivi u l-istess dispożizzjonijiet.

60      Din il-proċedura wasslet għall-ittra tas-26 ta’ Marzu 2013 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni esponiet fiha mill-ġdid r-raġunijiet għaliex hija kienet tqis l-ammont kontenzjuż bħala mhux eliġibbli għall-kontribuzzjoni tal-FAEŻR. Hija indikat li l-awtoritajiet Taljani ma kinux irrispondew għat-tħassib tagħha dwar il-legalità tal-ispejjeż magħmula fil-kuntest tal-miżura Nru 125, espressi fl-ittra tal‑11 ta’ Settembru 2012. Konsegwentement, hija żammet il-konklużjoni tagħha u indikat li kienet ser tipproċedi għas-sospensjoni tal-ammont ta’ EUR 5 006 487.10 u li l-kwistjoni kienet ser tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet.

61      Għandu jiġi kkonstatat li tali żvolġiment tal-fatti, li ma humiex ikkontestati mir-Repubblika Taljana, juru li l-Kummissjoni esprimiet ruħha b’mod ċar u mhux ekwivoku rigward it-trattament tal-ammont kontenzjuż.

62      It-tieni nett, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani kienu fehmu li l-ammont kontenzjuż kien ġie eskluż mill-ispejjeż eliġibbli għall-aħħar tliet xhur tal-2011 u għal liema motivi. B’mod partikolari għandu jiġi enfasizzat li, fl-aħħar tal-2012, billi antiċipaw is-sospensjoni tal-ammont kontenzjuż tal-ispejjeż eliġibbli għall-kontribuzzjoni tal-FAEŻR, l-awtoritajiet Taljani rkupraw it-totalità tas-somma mingħand il-benefiċjarji kif tixhed l-ittra tagħhom tad-19 ta’ Ottubru 2012. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani emendaw, għal darbtejn, il-proposta tagħhom għal emenda tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-miżura Nru 125 sabiex isolvu d-diffikultajiet imqajma mill-Kummissjoni, hekk kif juru r-risposti tagħhom għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali.

63      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-awtoritajiet Taljani esprimew ruħhom ripetutament dwar il-klassifikazzjoni tal-ammont kontenzjuż u t-teħid ta’ pożizzjoni tal‑Kummissjoni f’dan ir-rigward fl-ittri tagħhom tat-3 ta’ April, tal-20 ta’ Ġunju u tad-19 ta’ Ottubru 2012 u tas-17 ta’ April 2013 waqt il-proċedura amministrattiva.

64      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, peress li r-Repubblika Taljana bdiet espressament, permezz tal-komunikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Novembru 2011 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), il-proċedura ta’ stħarriġ tal-emenda proposta f’dan il-każ abbazi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1974/2006, hija ma tistax tallega li ma kinitx taf il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ approvazzjoni ta’ din l-emenda kif imsemmija fl-Artikolu 10 tal-istess regolament.

65      It-tielet nett, l-argument li jipprovdi li d-deċiżjoni kkontestata ma kienet tinkludi ebda motivazzjoni ma jistax jintlaqa’. Mill-premessi ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-Artikoli 27, 30 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005. B’mod partikolari, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li, “[s]abiex jiġi evitat kwalunkwe rimborż prematur jew temporanju tal-[ħlasijiet intermedji mnaqqsa jew sospiżi skont l-Artikolu 27(3)], dawn ma [kell]homx jiġu rrikonoxxuti f’din id-Deċiżjoni u għandhom jiġu eżaminati iktar skont il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità”. Għaldaqstant, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija approvat il-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri, għal dak li kien jikkonċerna l-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEŻR għas-sena finanzjarja 2012 filwaqt li ppreċiżat, fl-Anness I, l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati minn kull Stat Membru jew li jistgħu jitħallsu lil kull Stat Membru abbażi ta’ kull programm għall-iżvilupp rurali. Fl-Anness I, għar-reġjun tal-Basilicate, l-ammont kontenzjuż tnaqqas mill-ispejjeż iddikjarati u, konsegwentement, mill-ammont aċċettat u approvat tas-sena finanzjarja 2012.

66      Bil-kontra ta’ dak li tallega r-Repubblika Taljana, ma huwiex importanti li d-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għall-atti preparatorji għall-adozzjoni tagħha. Fil-fatt, ir-Repubblika Taljana ġiet assoċjata mill-qrib mal-proċess ta’ tfassil ta’ din id-deċiżjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq u hija kienet taf ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kienet tqis li ma kellhiex timponi l-ammont kontenzjuż fuq il-FAEŻR. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma tidentifika ebda impreċiżjoni li wasslitha sabiex ma tifhimx id-deċiżjoni kkontestata. Sa fejn hija tallega li ma fehmitx l-inklużjoni tal-ammont kontenzjuż “f’kolonna li qatt ma ntużat qabel [fid-deċiżjoni kkontestata], imsemmija bħala ‘ammont li ma jistax jerġa’ jintuża’”, għandu jiġi rrilevat li din in-nomenklatura ġejja direttament mill-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1290/2005. Dan l-Artikolu, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEŻR”, kien jipprevedi fil-paragrafu 3(c) tiegħu li s-sommom esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni u s-somom irkuprati kif ukoll l-interessi fuqhom għandhom jiġu allokati mill-ġdid lill-programm ikkonċernat. Madankollu, dawn il-fondi setgħu “jintużaw mill-ġdid” mill-Istati Membri biss għal operazzjonijiet previsti fl-istess programm għall-iżvilupp rurali u sakemm ma jiġux allokati mill-ġdid lil operazzjonjiet li kienu suġġetti għal aġġustament finanzjarju. Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 65 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata tindika espressament lill-Artikolu 33 bħala l-bażi legali. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana mhux biss irkuprat l-ammont kontenzjuż billi antiċipat l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda ssostni wkoll f’dan ir-rikors li ma kinitx f’pożizzjoni li tuża mill-ġdid dan l-ammont fil-programm ikkonċernat. Dawn l-elementi jindikaw li hija fehmet sewwa l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u setgħet tiddefendi d-drittijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

67      Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 1290/2005

68      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma tistax talloka, fil-ġestjoni tal-politika agrikola komuni, fondi li ma jikkonformawx mar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq inkwistjoni u li din ir-regola hija ta’ applikazzjoni ġenerali (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑287/02, Ġabra, EU:C:2005:368, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tirrileva li l-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas jinkludu spejjeż li saru kontra r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq inkwistjoni, hija għandha s-setgħa li tislet il-konsegwenzi kollha u għalhekk li tagħmel rettifiki finanzjarji għall-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas sa mill-istadju tad-deċiżjoni tagħha dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet meħuda skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1290/2005 (ara, għal dak li jikkonċerna l-approvazzjoni tal-kontijiet fil-kuntest tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 1258/1999, sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2005:368, punt 35).

69      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tirrifjuta li timponi fuq il-fondi ċerti spejjeż minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru, hija għandha tipprova l-eżistenza tal-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑253/97, Ġabra, EU:C:1999:527, punt 6 u l-ġurisprudenza ċċitatat).

70      Il-Kummissjoni ma għandhiex, bil-għan li tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, turi b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri mibgħuta minnhom, iżda għandha tippreżenta element ta’ prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija ssib fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli u ta’dawn iċ-ċifri. Dan it-tnaqqis tal-oneru tal-prova li tgawdi minnu l-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEŻR u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jippreżenta l-prova l-iktar dettaljata u kompluta tal-veraċità tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara, fil-kuntest tal-FAEGG, is-sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2005:368, punt 53, u tas-6 ta’ Novembru 2014, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑610/13 P, EU:C:2014:2349, punt 60).

71      Sussegwentement huwa dan l-Istat Membru li għandu juri li l-kundizzjonijiet huma ssodisfatti sabiex jikseb il-finanzjament irrifjutat mill-Kummissjoni. L-Istat Membru kkonċernat ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ provi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ verifika affidabbli u li taħdem. Jekk huwa ma jirnexxilux jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji rigward l-implementazzjoni ta’ sistema xierqa u effettiva ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Bulgarija vs Il-Kummissjoni, T‑335/11, EU:T:2013:262, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat dan l-ilment.

73      Permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ħelset mill-impenn l-ammont kontenzjuż fid-deċiżjoni kkontestata, kif previst mill-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1290/2005. Skont ir-Repubblika Taljana, ammont sospiż skont l-Artikolu 27(3) tal-istess regolament ma jistax ikun suġġett ta’ ħelsien mill-impenn skont l-Artikolu 29(5)(a) tal-imsemmi regolament.

74      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1290/2005 ma jikkostitwixxix wieħed mill-bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata. Din id-dispożizzjoni la hija invokata fil-premessi u lanqas fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ilment ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Mit-titolu tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija tkopri l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas għas-sena finanzjarja 2012. Sussegwentement, mill-qari flimkien tal-premessa 7, tal-Artikolu 1 u tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ammont kontenzjuż kien tnaqqas mill-ammont approvat għall-programm għall-iżvilupp rurali tar-reġjun tal-Basilicate għal din is-sena finanzjarja u li kien għalhekk ġie ordnat lir-Repubblika Taljana li ma tużax mill-ġdid dan l-ammont fil-kuntest tal-imsemmi programm sat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura sussegwenti ta’ approvazzjoni tal-konformità. Fl-aħħar nett, u hekk kif jirriżulta mill-punt 68 iktar ’il fuq, jaqa’ taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni li twettaq tali rettifiki fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

75      Matul is-seduta u fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Taljana ammettiet li ma saret ebda applikazzjoni tal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1290/2005 f’dan il-każ. Madankollu, hija tallega li l-klassifikazzjoni tal-ammont kontenzjuż bħala “ammont li ma jistax jerġa’ jintuża” hija “strettament paragunabbli mal-ħelsien mill-impenn” fil-kuntest tal-FAEŻR.

76      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

77      Mill-premessa 22 tar-Regolament Nru 1290/2005 jirriżulta li r-regola tal-ħelsien mill-impenn awtomatiku tfasslet sabiex tikkontribwixxi għall-aċċelerazzjoni tal‑implementazzjoni tal-programmi u għall-ġestjoni finanzjarja korretta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija awtorizzata, permezz tal-Artikolu 29 tal-istess regolament, teħles mill-impenn awtomatikament il-parti ta’ impenn baġitarju għal programm għall-iżvilupp rurali li ma ntużax għall-ħlas tal-finanzjament minn qabel jew għal ħlasijiet intermedji jew li għalih ebda dikjarazzjoni ta’ spejjeż korretta ma ġiet ippreżentata sal-31 ta’ Diċembru tat-tieni sena li jmiss wara dik tal-impenn baġitarju.

78      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tordna l-ebda esklużjoni definittiva tal-ammont kontenzjuż. Fil-fatt, jirriżulta minnha li l-Kummissjoni għadha ma ħaditx pożizzjoni definittiva fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan l-ammont. Il-Kummissjoni tippreċiża, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li għall-kontijiet annwali u d-dokumenti anċillari li kienu jippermettulha tieħu deċiżjoni dwar il-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet trażmessi, l-ammonti approvati għal kull Stat Membru kienu jinsabu fl-Anness I, l-istess bħall-ammonti li għandhom jiġu rkuprati mingħand l-Istati Membri jew li għandhom jitħallsu lill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, sabiex jiġi evitat kwalunkwe rimbors prematur jew temporanju tal-ħlasijiet intermedji sospiżi jew imnaqqsa, dawn ma kellhomx jiġu rrikonoxxuti f’din id-deċiżjoni u jiġu eżaminati iktar fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005. Hekk kif jirriżulta mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2013 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni fetħet din il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità. L-Anness 4 ta’ dan id-dokument, intitolat “Miżuri korrettivi” kien jirrigwarda b’mod partikolari t-trattament tal-ammont kontenzjuż. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li din il-proċedura kienet għadha pendenti fid-data tas-seduta. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata la hija ekwivalenti de jure u lanqas de facto għal ħelsien mill-impenn tal-ammont kontenzjuż. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana ma hijiex intitolata tinvoka l-esklużjoni mill-ħelsien mill-impenn awtomatiku previst fl-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 1290/2005. Il-fatt li hija ma tistax tuża, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, l-ammont kontenzjuż fil-kuntest tal-programm għall-iżvilupp rurali għar-reġjun tal-Basilicate ma jaffettwax il-klassifika ġuridika ta’ din id-deċiżjoni.

79      L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, li għal parti l-kbira tagħhom huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-ammont kontenzjuż kien effettivament suġġett ta’ ħelsien mill-impenn ma humiex tali li jimminaw din il-konklużjoni.

80      L-ewwel nett, huwa żbaljat li r-Repubblika Taljana tallega li “l-preżentazzjoni formali ta’ dikjarazzjoni trimestrali tal-ispejjeż fit-terminu meħtieġ […] ma tistax twassal għall-ħelsien mill-impenn tas-somom korrispondenti, iżda tista’ eventwalment tagħti lok biss għas-sospensjoni jew it-tnaqqis ta’ ammont li jista’ jiġi rrimborsat[; m]adankollu, l-ammont eventwalment imnaqqas jew sospiż ma jistax jiġi suġġett għal ħelsien mill-impenn […] [u] jista’ jintuża mill-ġdid fil-kuntest ta’ dan il-[programm għall-iżvilupp rurali]”.

81      Hekk kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, l-ebda ħelsien mill-impenn ma seħħ f’dan il-każ.

82      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont il-loġika tal-argument tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni hija obbligata taċċetta dikjarazzjoni tal-ispejjeż intermedji falsa għal programm għall-iżvilupp rurali minħabba s-sempliċi osservanza ta’ formalitajiet relatati mal-preżentazzjoni tagħha previsti mill-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 1290/2005. Għaldaqstant, hija obbligata li tapprovahom u, sussegewentement, tassumi r-responsabbiltà amministrattiva tar-rettifika ta’ din id-dikjarazzjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 883/2006. Tali loġika tmur kontra l-integrità tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet prevista mill-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1290/2005 li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tiegħu, tkopri l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet annwali sottomessi mill-awtoritajiet nazzjonali.

83      Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tippreċiża l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati minn kull Stat Membru li huma stabbiliti billi jitnaqqas l-ammont tal-pagamenti bil-quddiem matul is-sena finanzjarja inkwistjoni mill-ispejjeż irrikonoxxuti għal dik l-istess sena. Meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fid-dikjarazjoni annwali tal-ispejjeż għal kwalunkwe programm, hija ma tistax tirrikonoxxihom bħala pagabbli mill-FAEŻR fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet u għandha, għaldaqstant, tirrifjuta l-iffinanzjar tagħhom sakemm ma tingħata eventwali deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ konformità (ara, b’analoġija, is-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, EU:C:2005:368, punt 32, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’din il-kawża, Ġabra, EU:C:2005:35, punti 47 u 48).

84      F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana inkludiet espressament, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-ispejjeż għall-aħħar tliet xhur tal-2011, spejjeż li ma kinux ammissibbli għall-finijiet tal-finanzjament mill-FAEŻR skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1974/2006. Hija ma tistax tallega li l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-ispejjeż intermedji, li tosserva r-rekwiżiti formali applikabbli, tagħti lok għal kontribuzzjoni tal-FAEŻR għal spejjeż li qatt mhu ser ikunu imposti fuq dan il-fond. Kieku dan kien il-każ, din id-dispożizzjoni hija, fil-fatt, nieqsa minn kull effett utli.

85      L-istess japplika għall-argument tar-Repubblika Taljana li “l-appovazzjoni tal-kontijiet tirrigwarda l-konklużjonijiet tar-rendikonti, ippreżentati għal kull aġenzija tal-ħlas […] u […] ma teżisti, fid-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni ppreżentati [f’dan il-każ] ebda rimarka speċifika dwar il-problema marbuta mal-ħlasijiet kontenzjużi [relatati mar-reġjun tal-Basilicate]”. Dan l-argument għandu jiġi miċħud fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonjiet preċedenti. Fi kwalunkwe każ, ir-rifjut ta’ finanzjament ta’ spejjeż li saru kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jistax jiddependi minn teħid ta’ pożizzjoni fil-livell nazzjonali, peress li l-approvazzjoni ta’ spejjeż għall-eżerċizzju ta’ approvazzjoni tal-kontijiet hija r-responsabbiltà tad‑dipartimenti tal-Kummissjoni u mhux lill-awtoritajiet nazzjonali jew l-entità inkarigata tipprepara d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni.

86      Għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni li tipprovdi li kien impossibbli għar-Repubblika Taljana li temenda d-dikjarazzjoni trimestrali f’dan il-każ, peress li l-formalitajiet tal-Artikolu 26(3) u (4) tar-Regolament Nru 1290/2005 kienu ġew osservati u t-terminu kien skada, din ma tantx hija kredibbli peress li l-Kummissjoni kienet stidnitha għal tliet darbiet tnaqqas l-ammont kontenzjuż mid-dikjarazzjoni tagħha waqt il-proċedura amministrattiva, jiġifieri fil-komunikazzjonijiet tagħha tat-28 ta’ Marzu, tal-15 ta’ Mejju u tal-25 ta’ Mejju 2012.

87      It-tieni nett, huwa ċertament veru li l-leġiżlazzjoni rilevanti “ma tipprojbixxix [lill-Istat Membru] milli jagħmlu spejjeż waqt li jkunu qed jistennew l-approvazzjoni tal-emendi tal-[programm għall-iżvilupp rurali sottomessi lill-Kummissjoni]”, hekk kif issostni r-Repubblika Taljana. Madankollu, minn dan ma jirriżultax, bil-kontra ta’ dak li tallega din tal-aħħar, li d-dikjarazzjoni tal-ispejjeż relatata mal-aħħar tliet xhur tal-2011 kienet valida. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu spejjeż matul dan il-perijodu, iżda huma jassumu r-responsabbiltà tal-ispejjeż magħmula bejn id-data li fiha tiġi riċevuta mill-Kummissjoni t-talba tagħhom għal emenda u d-data tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar dwar il-konformità ta’ din l-emenda.

88      Lanqas l-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 883/2006 ma jista’ jsostni l-argument tar-Repubblika Taljana. Bil-kontra ta’ dak li targumenta din tal-aħħar, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħmel il-ħlasijiet intermedji fil-45 jum mis-sempliċi preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż meta hija tikkonstata irregolaritajiet. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet talbet informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Taljani (ara l-punti 21 u 23 iktar ’il fuq). Skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, fl-assenza ta’ soluzzjoni wara tali skambju ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tissospendi jew tnaqqas il-pagamenti skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 1290/2005.

89      It-tielet nett, sa fejn ir-Repubblika Taljana tiddikjara li kien hemm “separazzjoni tal-kontijietˮ f’dan il-każ, inkwantu l-ammont kontenzjuż tqies, fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2013, kemm li huwa wieħed mill-“problemi li huma s-suġġett tal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-2012” kif ukoll li huwa ammont sospiż, din l-allegazzjoni hija infondata. Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1290/2005, id-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni jew ta’ tnaqqis tal-ħlasijiet skont il-paragrafu 3 jsiru bla ħsara għad-deċiżjonijiet imsemmija fl‑Artikoli 30 u 31 tal-istess regolament. Skont l-Artikolu 30(2) tal-istess regolament, deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 30 tittieħed bla ħsara għad-deċiżjonijiet meħuda sussegwentement skont l-Artikolu 31 u li jikkonċernaw l-ispejjeż li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni meta dawn ma jkunux saru skont ir-regoli tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet abbażi tal-Artikolu 30, il-Kummissjoni tista’ tasal għall-konklużjonijiet li hemm nuqqasijiet fil-kwalità tal-kontijiet trażmessi, u dan indipendentement mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-konformità. F’dan il-każ, il-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li, skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, din id-deċiżjoni “hija mingħajr ħsara għad-deċiżjonijiet meħuda sussegwentement mill-Kummissjoni li jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nfiq li ma jiġix effettwat skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropeaˮ.

90      Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana ma wrietx li t-trattament tal-ammont kontenzjuż fid-deċiżjoni kkontestata kien żbaljat. Fil-fatt, hija rrifjutat li tnaqqas dan l-ammont, inkluż b’mod inkorrett fid-dikjarazzjoni tagħha tal-ispejjeż intermedji, billi antiċipat l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għas-sena finanzjarja 2012 minkejja t-talbiet repetuti tal-Kummissjoni. Ma kienx possibbli għal din tal-aħħar li tapprova l-imsemmi ammont. Fil-fatt, kieku hija għamlet dan, dan l-ammont kien jiġi magħdud bi żball fil-limitu tal-ispejjeż approvati għall-programm għall-iżvilupp inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni eskludietu mill-kontribuzzjoni tal-FAEŻR sal-eżami tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità. Barra minn hekk, mill-eżami tal-ilment ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jirriżulta b’mod ċar li dan it-trattament kien prevedibbli u dan intwera mill-Kummissjoni waqt il-perijodu amministrattiv ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

91      Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argument tagħha li teżisti kontradizzjoni bejn “il-verifika ta’ dak li għamlet l-aġenzija tal-ħlas AGEA, bil-ħsieb ta’ eventwali rettifika finanzjarja, li l-iffissar tal-ammont tagħha kellu jirrifletti d-dannu [...] għall-[FAEŻR] (dannu u riskju li barra minn hekk huma ineżistenti minħabba kemm l-assenza ta’ rimbors kif ukoll l-irkupru mwettaq fit-totalità tiegħu mingħand il-benefiċjarji) u l-inklużjoni tal-ammont [kontenzjuż] fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet filwaqt li ġie kklassifikat bħala li huwa ‘ammont li ma jistax jerġa’ jintuża”, ir-Repubblika Taljana essenzjalment tirrepeti l-argumenti diġà miċħuda fil-punt 89 iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma huwiex fondat, peress li l-klassifikazzjoni ta’ dan l-ammont bħala wieħed li ma jistax jerġa’ jintuża fid-deċiżjoni kkontestata (u l-esklużjoni sussegwenti tiegħu mill-kontribuzzjoni tal-FAEŻR) ma tippreġudikax l-eżitu tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità (ara l-punt 78 iktar ’il fuq).

92      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 billi ttrattat l-ammont kontenzjuż bħala wieħed li ma jistax jerġa’ jintuża fid-deċiżjoni kkontestata.

93      Minn dan isegwi li dan l-ilment gћandu jiġi miċћud u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

94      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

95      Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ottubru 2015.


Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ilment ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 1290/2005

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.