Language of document : ECLI:EU:T:2015:773

Kawża T‑358/13

Ir-Repubblika Taljana

      vs      

Il-Kummissjoni Ewropea

“FAEŻR – Approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEŻR – Deċiżjoni li tiddikjara li ċertu ammont ma jistax jerġa’ jintuża fil-kuntest tal-pjan ta’ żvilupp rurali tar-reġjun tal-Basilicate – Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Ottubru 2015

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rekwiżiti analogi fir-rigward tal-ilmenti invokati insostenn ta’ motiv – Ilmenti mhux ippreżentati fir-rikors – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(ċ))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Prova – Prova dokumentali – Valur probatorju – Evalwazzjoni mill-qorti tal-Unjoni – Kriterji

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet fir-rigward tal-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEŻR

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikoli 30 u 31)

4.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEŻR – Konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet fl-applikazzjoni mill-organi nazzjonali tal-mekkaniżmi ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq –Setgħa tal-Kummissjoni li tagħmel rettifiki finanzjarji sa mill-istadju tal-approvazzjoni tal-kontijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikoli 26(3), 27(3) u (4), 30 u 31; Regolament tal-Kummissjoni Nru 885/2006, Artikolu 11(1))

5.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEŻR – Approvazzjoni tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż li jirriżultaw minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kontestazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat – Oneru tal-prova – Tqassim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru

(Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikoli 30 u 31)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 46)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 49)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 56, 57)

4.      Il-Kummissjoni ma tistax talloka, fil-ġestjoni tal-politika agrikola komuni, fondi li ma jikkonformawx mar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq inkwistjoni, peress li din ir-regola hija ta’ applikazzjoni ġenerali. Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tirrileva li l-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas jinkludu spejjeż li saru kontra r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq inkwistjoni, hija għandha s-setgħa li tislet il-konsegwenzi kollha u għalhekk li tagħmel rettifiki finanzjarji għall-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas sa mill-istadju tad-deċiżjoni tagħha dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet meħuda skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma hijiex ser taċċetta dikjarazzjoni tal-ispejjeż intermedji falsa għal programm għall-iżvilupp rurali minħabba s-sempliċi osservanza ta’ formalitajiet relatati mal-preżentazzjoni tagħha previsti mill-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 1290/2005. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tippreċiża l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati minn kull Stat Membru li huma stabbiliti billi jitnaqqas l-ammont tal-pagamenti bil-quddiem matul is-sena finanzjarja inkwistjoni mill-ispejjeż irrikonoxxuti għal dik l-istess sena. Meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fid-dikjarazzjoni annwali tal-ispejjeż għal kwalunkwe programm, hija ma tistax tirrikonoxxihom bħala pagabbli mill-FAEŻR fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet u għandha, għaldaqstant, tirrifjuta l-iffinanzjar tagħhom sakemm ma tingħata eventwali deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ konformità.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005, qieset spejjeż kemm li huma problema li hija s-suġġett tal-approvazzjoni tal-kontijiet kif ukoll li huma ammont sospiż. Fil-fatt, skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1290/2005, id-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni jew ta’ tnaqqis tal-ħlasijiet skont il-paragrafu 3 jsiru bla ħsara għad-deċiżjonijiet imsemmija fl Artikoli 30 u 31 tal-istess regolament. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 30(2) tal-istess regolament, deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 30 tittieħed bla ħsara għad-deċiżjonijiet meħuda sussegwentement skont l-Artikolu 31 u li jikkonċernaw l-ispejjeż li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni meta dawn ma jkunux saru skont ir-regoli tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet abbażi tal-imsemmi Artikolu 30, il-Kummissjoni tista’ tasal għall-konklużjonijiet li hemm nuqqasijiet fil-kwalità tal-kontijiet trażmessi, u dan indipendentement mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-konformità.

(ara l-punti 68, 82, 83, 89)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 69-71)