Language of document : ECLI:EU:T:2017:36

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

26 ta’ Jannar 2017 (*)

“Protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-konsumaturi u tal-ħaddiema – Direttiva 2006/42/KE – Klawżola ta’ salvagwardja – Miżuri nazzjonali ta’ rtirar mis-suq u ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ ħassad tal‑ħaxix – Rekwiżiti dwar l-apparat ta’ protezzjoni – Verżjonijiet suċċessivi ta’ standard armonizzat – Ċertezza legali – Deċiżjoni tal‑Kummissjoni li tiddikjara l-miżura bħala ġġustifikata – Żball ta’ liġi”

Fil-Kawża T‑474/15,

Global Garden Products Italy SpA (GGP Italy), stabbilita fil‑Castelfranco Veneto (l-Italja), irrappreżentata minn A. Villani, L. D’Amario u M. Caccialanza, avukati,

ir-rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn G. Braga da Cruz u L. Cappelletti, imbagħad minn Braga da Cruz u C. Zadra, fil‑kwalità ta’ aġenti,

il-konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn I. Kalniņš u D. Pelše, fil-kwalità ta’ aġenti,

l-intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/902, tal-10 ta’ Ġunju 2015, dwar miżura meħuda mil-Latvja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ ħassad tal-ħaxix immanifatturat minn GGP Italy SpA (ĠU 2015, L 147, p. 22),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn S. Gervasoni, li qed jaġixxi bħala President, L. Madise (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li wasslu għall-kawża

1        Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2006, dwar il-makkinarju u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2006, L 157, p. 24), jipprovdu klawżola ta’ salvagwardja li b’mod partikolari tipprovdi li Stat Membru li jikkonstata li makkinarju, fis-sens ta’ din id-direttiva, jippreżenta riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tal‑persuni, għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jipprevjeni dawn ir-riskji u għandu javża lill-Kummissjoni Ewropea sabiex din teżamina jekk dawn il-miżuri humiex iġġustifikati u tikkomunika d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward lill-Istati Membri kollha.

2        Ir-rikorrenti, Global Garden Products Italy SpA (GGP Italy), timmanifattura apparat tal-ġarnidaġġ. B’mod partikolari, hija mmanifatturat il-ħassad tal-ħaxix elettriku msejjaħ “Stiga Collector 35 EL (C 350, 297352654/S13)” (iktar ’il quddiem il-“ħassad inkwistjoni”), li, skont l-informazzjoni pprovduta minnha, hija esportat lejn diversi Stati Membri, fosthom fil-Latvja.

3        Skont id-dikjarazzjoni “KE” ta’ konformità tal-ħassad inkwistjoni mad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/42, imħejjija mir-rikorrenti u li hija datata 3 ta’ Settembru 2012, il-magna kienet suġġetta għal eżami ta’ konformità pożittiv mill-korp maħtur, fis-sens tal-Artikolu 14 tal‑istess direttiva, TÜV Rheinland LGA Products GmbH. Dan tal-aħħar irrefera b’mod partikolari għal-istandard armonizzat tal-Kumitat Ewropew tal-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) EN 60335‑2‑77:2006, li t-titolu tiegħu huwa: “Apparat elettrodomestiku u analogu – Sigurtà – Parti 2-77: Regoli partikolari għall-ħassada tal‑ħaxix li jaħdmu fuq netwerk u bis-sewwieq bil-mixi [IEC 60355‑2‑77:1996 (emendata)]”.

4        L-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 kellu l-għan li jippermetti dikjarazzjoni, għall-apparat li kien ikopri u li kien konformi miegħu, ta’ preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas‑sigurtà msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 20 p. 349), li kienet issostitwita mid‑Direttiva 2006/42. Fid-dawl tal-elementi tat-tilwima, għandu jiġi ppreċiżat li l-punt 1.3.8 tal-imsemmi anness ikopri l-“għażla tal‑protezzjoni kontra r-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-partijiet li jiċċaqalqu” u jifformola preskrizzjonijiet dwar it-tip ta’ lqugħ u tal‑apparat tal-protezzjoni skont jekk il-partijiet li jiċċaqilqu tal-apparat għandhomx rwol ta’ trażmissjoni jew jekk humiex involuti direttament fil-proċess. Il-punt 1.4.1 tal-istess anness jistabbilixxi r-rekwiżiti tal‑portata ġenerali tal-ilqugħ u tal-apparat tal-protezzjoni, li b’mod partikolari għandhom “ikunu jinsabu f’distanza adegwata miż-żona ta’ perikolu”. Madankollu, f’dan ir-rigward, l-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 ma jipprovdix distanza minima preċiża bejn ix‑xifer tax-xafra li tiċċaqlaq u d-dahar tal-kaxxa li tagħlaq ix-xafra (punt 20.103.1.1).

5        F’April 2013, il-Patērētāju tiesību aizsardzības centrs (ċentru ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi, il-Latvja), maħtur mir‑Repubblika tal-Latvja bħala awtorità kompetenti ta’ sorveljanza tas‑suq, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/42, ġabar xi kampjuni tal-ħassad inkwistjoni mingħand distributur stabbilit fil-Latvja. Dan l‑approċċ jaqa’ fil-kuntest ta’ azzjoni komuni dwar is-sorveljanza tal‑ħassada tal-ħaxix imqiegħda fis-suq, mibdija fl-2011 minn Prosafe (Product Safety Forum of Europe, Forum Ewropew tas-Sigurtà tal‑Prodotti), assoċjazzjoni li b’mod partikolari tiġbor awtoritajiet nazzjonali bħaċ-Ċentru ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi.

6        Kampjun miġbur tal-ħassad inkwistjoni, immanifatturat fl-2013, ġie eżaminat mis-Slovenski institut za kakovost in meroslovje (istitut Sloven għall-kwalità u l-metroloġija) ta’ Ljubljana, korp maħtur fis-sens tal‑Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/42. Mir-rapport tal-istħarriġ jirriżulta li dan sar, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva u tad-dispożizzjonijiet tal-istandard armonizzat ta’ Cenelec EN 60335-2-77:2010, li għandu l-istess għan bħall-istandard armonizzat preċedenti EN 60335-2-77:2006, imsemmi fil-punti 3 u 4 iktar ’il fuq.

7        L-Istitut Sloven għall-kwalità u l-metroloġija rrileva n-nuqqas ta’ konformità tal-magna inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet tal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010 fir-rigward tad-distanza bejn ix-xifer tax-xafra li tiċċaqlaq u d-dahar tal-kaxxa li tagħlaq ix-xafra. Din id‑distanza kienet tal-kejl ta’ 87 mm filwaqt li l-punt 20.107.1.1 tal‑imsemmi standard jipprevedi b’mod partikolari distanza minima ta’ 120 mm. Il-korp ikkonkluda minn din l-aħħar konstatazzjoni li d‑dispożizzjonijiet tal-punti 1.3.8 u 1.4.1 tal-Anness I tad‑Direttiva 2006/42 ma kinux osservati. Dawn il-punti għandhom l‑istess għan bħall-punti tal-istess numru tal-Anness I tad‑Direttiva 98/37, imsemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq, u huma fformulati b’mod identiku fir-rigward tar-rekwiżit li jipprovdi li l-ilqugħ u l-apparat tal-protezzjoni għandhom “ikunu jinsabu f’distanza adegwata miż-żona ta’ perikolu”. Iċ-Ċentru ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet Latvjani”) irċieva r-rapport tal-korp fid‑9 ta’ Ottubru 2013.

8        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2013, dawn stiednu lid-distributur tal-ħassad inkwistjoni fil-Latvja jibda azzjonijiet volontarji sabiex “jipprekludi d-distribuzzjoni fil-pajjiż ta’ ħassad tal-ħaxix mhux sigur”.

9        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2013, l-awtoritajiet Latvjani informaw ukoll lir-rikorrenti bir-riżultat tal-istħarriġ imwettaq fuq il‑ħassad inkwistjoni u dwar in-nuqqas ta’ konformità kkonstatat fir‑rigward tad-distanza bejn ix-xifer tax-xafra li tiċċaqlaq u d-dahar tal‑ilqugħ. Huma talbuha tagħti spjegazzjonijiet dwar dan in-nuqqas ta’ konformità, tispjega liema miżuri beħsiebha tieħu u tindika għaliex id‑dikjarazzjoni “KE” ta’ konformità tirreferi għall-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006, applikabbli fil-fehma tagħha sal-2011, meta l-magna kienet ġiet immanifatturata fl-2013. Ir-rapport tal-Istitut Sloven għall-kwalità u l-metroloġija kien anness mal-ittra.

10      Matul diversi skambji li hija kellha sussegwentement mal-awtoritajiet Latvjani, ir-rikorrenti sostniet li l-istandard armonizzat EN 60335‑2‑77:2010 kien issostitwixxa biss b’mod definittiv l‑istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 fl-1 ta’ Settembru 2013, li l‑ħassad inkwistjoni ma kienx baqa’ jiġi mmanifatturat wara din id-data u li hija kienet konformi mal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006. Ir-rikorrenti ammettiet li fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ April 2011, li fih l-Istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010 kien ġie ppubblikat għall-ewwel darba (ĠU 2011, C 110, p. 52), ir-riferimenti għall-istandard armonizzat issostitwit kif ukoll id-data tal-iskadenza tal‑preżunzjoni ta’ konformità mogħtija minn dan l-istandard kienu tħallew barra mit-tabella tat-titoli u riferimenti għall-istandards armonizzati. Hija enfasizzat, madankollu, li l-kolonna tat-tabella dwar din id-data tinkludi nota ta’ qiegħ il-paġna 1 li tindika li, “[b]’mod ġenerali, id-data tal-iskadenza tal-preżunzjoni ta’ konformità ser tkun id-data tal-irtirar (“dow”) stabbilita mill-korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni” u li “[l]‑attenzjoni tal-utenti ta’ dawn l-istandards [kienet] madankollu miġbuda dwar il-fatt li din [tista’] tkun differenti f’każijiet eċċezzjonali”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għall-informazzjoni li tinsab fl‑istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010 stess u għal dik li tinsab fis‑sit tal-internet tal-Kumitat Ewropew tal-Istandardizzazzjoni (CEN), li jipprovdu li d-data tal-irtirar (dow) (iktar ’il quddiem id-“data tal-irtirar”) imsemmija kienet f’dan il-każ l-1 ta’ Settembru 2013.

11      Min-naħa tagħhom, b’riferiment għad-Direttiva 2006/42, l-awtoritajiet Latvjani enfasizzaw li l-Artikolu 5 jipprovdi li l-fabbrikant jew ir‑rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jiżgura, qabel ma jqiegħdu fis-suq, li huwa jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas‑sigurtà rilevanti identifikati mill-istess direttiva. Huma fakkru li dan seta’ jsir, skont l-Artikolu 7 tal-istess direttiva, permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ standard armonizzat ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, li hu stess huwa rilevanti għall-magna inkwistjoni, li tfisser preżunzjoni ta’ konformità mal-imsemmija rekwiżiti. Fin-nuqqas, il-persuna kkonċernata kellha debitament turi b’mezz ieħor li dawn ir-rekwiżiti kienu osservati fi grad tal-inqas ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-osservanza tal-istandard armonizzat. L-awtoritajiet Latvjani żiedu li, peress li l-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010 kien ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-8 ta’ April 2011, matul is-snin 2012 u 2013, sena tad-dikjarazzjoni “KE” ta’ konformità tal-ħassad inkwistjoni u sena tal-immanifatturar tal‑kampjun mistħarreġ, rispettivament, l-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 ma kienx għadu applikabbli u li konformità miegħu ma kinitx għadha tagħti preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u sigurtà. L-istandard armonizzat EN 60335‑2‑77:2010 huwa iktar eżiġenti minn dak preċedenti, iżda jirrappreżenta l-“istat tat-teknika” fil-qasam. Ir-rapport ta’ stħarriġ tal‑Istitut Sloven għall-kwalità u l-metroloġija juri wkoll li l-ħassad inkwistjoni ma kellux grad minimu ta’ sigurtà ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-istandard armonizzat applikabbli. Fid-19 ta’ Marzu 2014, l-awtoritajiet Latvjani ħabbru li ser jipprekludu l-bejgħ.

12      F’Mejju 2014, ġie ppubblikat avviż dwar il-ħassad inkwistjoni lil RAPEX (sistema komunitarja ta’ skambju rapidu ta’ informazzjoni dwar il-prodotti perikolużi mhux tal-ikel). Din is-sistema, prevista mid‑Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill, tat-3 ta’ Diċembru 2001, dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 6 p. 447), tassoċja lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi tal-Istati Membri kif ukoll ta’ Stati oħra partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Din tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi u tippubblika kull ġimgħa lista ta’ prodotti li jirrappreżentaw riskju gravi għas-saħħa u s-sigurtà tal‑konsumaturi, wara notifika lill-awtoritajiet nazzjonali.

13      L-avviż lil RAPEX dwar il-ħassad inkwistjoni jindika madankollu “livell ieħor ta’ riskju” u mhux “riskju gravi” bħall-prodotti l-oħra msemmija fil-lista ta’ kull ġimgħa. Ir-riskju identifikat huwa dak tax-xfafar u jindika li “[x]-xfafar ma humiex suffiċjentement protetti”, li “konsegwentement persuna tista’ tintlaqat fis-saqajn jew fl-idejn waqt l-użu jew waqt il‑manutenzjoni tiegħu” u li “[l]-prodott ma josservax ir-rekwiżiti tad‑direttiva magni u tal-istandard armonizzat rilevanti EN 60335-2-77”. Barra minn hekk ittieħdu l-miżuri volontarji tal-irtirar mis-suq.

14      Hemm lok li jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/95, l‑irtirar huwa ddefinit bħala kull miżura intiża sabiex tipprevjeni d‑distribuzzjoni, il-wiri u l-offerta ta’ prodott perikoluż għall‑konsumatur, u huwa differenti minn sejħa lura, li hija ddefinita bħala kull miżura intiża sabiex jinkiseb l-għoti lura ta’ prodott perikoluż li jkun diġà ġie fornit jew magħmul disponibbli lill-konsumaturi mill‑produttur jew mid-distributur.

15      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2014, id-distributur tal-ħassad inkwistjoni fil-Latvja indika lill-awtoritajiet Latvjani li l-magna kienet ġiet irtirata mis-suq. Barra minn hekk, f’ittra tat-28 ta’ Awwissu 2014, ir‑rikorrenti kkonfermat li, bl-għan li tneħħi l-opinjoni ta’ RAPEX dwar il-prodott tagħha, li jirriskja li jħammeġ ir-reputazzjoni tagħha, hija rtirat mis-suq Latvjan il-ħassad inkwistjoni u indikat li dan ma kienx għadu jiġi mmanifatturat u lanqas imqiegħed fis-suq fl-Unjoni Ewropea kollha sa mill-1 ta’ Settembru 2013.

16      Fl-1 ta’ Lulju 2014, l-awtoritajiet Latvjani nnotifikaw lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/42, b’miżura volontarja tal‑irtirar mis-suq u tan-nuqqas ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq tal‑ħassad inkwistjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu dwar il‑klawżola ta’ salvagwardja jipprovdu:

“1. Fejn Stat Membru jaċċerta li l-makkinarju kopert minn din id‑Direttiva, li jġib il-marka CE, li jkollu miegħu dikjarazzjoni KE ta’ konformità u li hu użat skond l-iskop intiż tiegħu jew skond il‑kondizzjonijiet li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli, x’aktarx jista’ jikkkomprometti s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni […], dan għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jirtira dan il-makkinarju mis-suq, jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u/jew t-tqegħid fis-servizz jew jirrestrinġi l-moviment liberu tiegħu.

2. L-Istat Membru għandu minnufih jinfurma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra bi kwalunkwe miżura bħal din, u jindika r-raġunijiet għad‑deċiżjoni tiegħu u, b’mod partikolari jekk dan in-nuqqas ta’ konformità huwiex ġej minn:

a)      nuqqas li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali [tas-saħħa u tas-sigurtà rilevanti stabbiliti fl-Anness I];

[…]

3.      Il-Kummissjoni għandha tidħol f’konsultazzjoni mal-partijiet konċernati mingħajr dewmien.

Il-Kummissjoni għandha tqis, wara din il-konsultazzjoni, jekk il-miżuri meħuda mill-Istat Membru humiex ġustifikati, u għandha tibgħat id-deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru li ħa l-inizjattiva, l-Istati Membri l-oħra, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

[…]

5.      Fejn makkinarju ma jikkonformax u jġib il-marka CE, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-azzjoni xierqa kontra kull min ikun waħħal il-marka u għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

6.      Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jinżammu infurmati bil-progress u r-riżultat tal-proċedura”.

17      Il-formola ta’ notifika tal-awtoritajiet Latvjani tindika nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fil‑punti 1.3.8 u 1.4.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42, fir-rigward tal‑ilqugħ u tal-apparat tal-protezzjoni fir-rigward tal-partijiet li jiċċaqilqu, li l-kontenut tagħhom huwa mfakkar fil-punti 4 u 7 iktar ’il fuq. Hija tippreċiża li twettaq test fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal‑istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010 u li f’dan ir-rigward ġiet ikkonstatata distanza insuffiċjenti bejn ix-xifer tax-xafra li tiċċaqlaq u d‑dahar tal-ilqugħ tax-xafra, li taffettwa l-funzjonament normali tal‑ħassad inkwistjoni. Il-formola tindika wkoll li l-miżuri volontarji tal‑irtirar mis-suq u tan-nuqqas ta’ tqegħid fis-suq ittieħdu mid‑distributur u li l-fabbrikant kien informat b’ittra tat-12 ta’ Diċembru 2013. Ir-rapport tal-istħarriġ tal-Istitut Sloven għall-kwalità u l-metroloġija msemmi fil-punt 7 iktar ’il fuq kien anness mal-formola.

18      B’ittra tal-24 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/42 u b’riferiment għal projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq, stiednet lir-rikorrenti tippreżenta l‑osservazzjonijiet tagħha wara n-notifika tal-awtoritajiet Latvjani, billi kkonstatat in-nuqqas ta’ konformità mal-istandard EN 60335-2-77:2010 msemmi fir-rapport tal-istħarriġ tal-Istitut Sloven għall-kwalità u l‑metroloġija. Fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni pproponiet lir-rikorrenti tirrevedi s-servizzi tagħha.

19      B’ittra tal-4 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti rrispondiet lill-Kummissjoni li l-ħassad inkwistjoni ma kienx għadu jiġi mmanifatturat sa mill-1 ta’ Settembru 2013 u li ma kienx għadu jiġi kkummerċjalizzat, filwaqt li rtirar tal‑prodott kien twettaq b’mod partikolari mingħand id-distributuri u bejjiegħa fil-Latvja. Ir-rikorrenti żiedet li, fil-fehma tagħha, il-ħassad inkwistjoni josserva r-rekwiżiti tad-“direttiva magni” applikabbli fil‑mument tal-produzzjoni tiegħu u tat-tqegħid fis-suq tiegħu.

20      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni adottat fl-10 ta’ Ġunju 2015 id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/902, dwar miżura meħuda mil-Latvja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ ħassad tal‑ħaxix immanifatturat minn GGP Italy SpA (ĠU 2015, L 147, p. 22, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

21      B’mod partikolari, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat in-notifika tal-awtoritajiet Latvjani u indikat li dawn kienu adottaw miżura intiża sabiex tipprekludi t-tqegħid fis-suq tal-ħassad inkwistjoni, li dan tal-aħħar kellu l-marka “CE” skont id-Direttiva 2006/42, li madankollu, huwa ma kienx jissodisfa, skont il-fajl, ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas‑sigurtà stabbiliti fil-punti 1.3.8 u 1.4.1 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva “għar-raġuni li d-distanza bejn id-dahar tal-egħluq tal-magna u x-xifer tax-xafra [kienet] qasira ħafna, li tipprekludi funzjonament sigur tal-makkinarju”, li l-fabbrikant kien ammetta rtirar volontarju mis-suq Latvjan u li kien hemm lok li tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata l-miżura nazzjonali adottata. L-Istati Membri kienu msemmija bħala d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

22      F’Lulju 2015, l-awtoritajiet Svediżi, filwaqt li rreferew għad-deċiżjoni kkontestata, ippubblikaw avviż li jindika li l-ħassad inkwistjoni ma setax jinbiegħ jew jiġi użat.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

24      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll talba għal miżuri provviżorji sabiex tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-adozzjoni ta’ kull miżura oħra kkunsidrata xierqa. B’digriet tal-10 ta’ Diċembru 2015, GGP Italy vs Il-Kummissjoni (T‑474/15, EU:T:2015:958), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it‑talba, filwaqt li rriżerva l-ispejjeż.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika tal-Latvja talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2015, il‑President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal dan l-intervent.

26      Fuq rakkomandazzjoni tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

27      Is-sottomissjonijiet orali u r-risposti għall-mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali tal-partijiet instemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2016.

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tadotta kull miżura ulterjuri meqjusa xierqa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30      Ir-Repubblika tal-Latvja talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir‑rikors.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet intiż sabiex il-Qorti Ġenerali “tadotta kull miżuri ulterjuri meqjusa xierqa”

31      Mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, kif ukoll mill-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika b’mod ċar u preċiż l-għan tal-kawża, it-talbiet kif ukoll l-espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati sabiex jippermetti lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill‑Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Jirriżulta li t-talbiet tar‑rikors għandhom ikunu fformulati b’mod preċiż u mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-qorti tiddeċiedi ultra petita jew inkella tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1962, Meroni vs Haute Autorité, 46/59 u 47/59, EU:C:1962:44, p. 801; tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑39/10, EU:C:2012:282, punt 24, u d-digriet tat-13 ta’ April 2011, Planet vs Il-Kummissjoni, T‑320/09, EU:T:2011:172, punt 22).

32      Madankollu, f’dan il-każ, it-talba ppreżentata mir-rikorrenti li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali għandha “tadotta kull miżura ulterjuri meqjusa xierqa” ma tissodisfax manifestament ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt preċedenti. Għalhekk, din hija inammissibbli.

 Fuq il-mertu

33      Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors għal annullament tagħha. Essenzjalment, minn naħa waħda, l-Artikolu 20 tad‑Direttiva 2006/42 inkiser sa fejn il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fit-tmiem ta’ proċedura irregolari fir-rigward tal‑preskrizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, li huma intiżi sabiex jiżguraw id‑drittijiet ta’ difiża tal-persuni kkonċernati. Min-naħa l-oħra, l‑Artikolu 5(1), l-Artikolu 16(1), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 11 tal-istess direttiva, li jinkludu d-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jippermettu lill‑fabbrikanti ta’ makkinarji jiġġustifikaw il-konformità tal-prodotti tagħhom fid-dawl tar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà u tal‑preskrizzjonijiet l-oħra stabbiliti mill-imsemmija direttiva u li jikkummerċjalizzawhom b’mod liberu fl-Unjoni, kif ukoll sabiex jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-awtoritajiet pubbliċi jadottaw miżuri ta’ salvagwardja, kienu wkoll miksura.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/42

34      L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/42 jipprovdi dan li ġej:

“Kwalunkwe miżura meħuda skond din id-Direttiva li tirrestrinġi t‑tqegħid fis-suq u/jew it-tqegħid għas-servizz ta’ kwalunkwe makkinarju kopert minn din id-Direttiva għandha tagħti r-raġunijiet eżatti li fuqha tkun ibbażata. Miżura bħal din għandha tkun notifikata mill-aktar fis possibbli lill-parti konċernata, li għandha fl-istess ħin tkun informata bir‑rimedji legali disponibbli għaliha taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat u bil-limiti ta’ żmien li għalihom huma suġġetti dawn ir-rimedji.”

35      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx innotifikata bid‑deċiżjoni tal-awtoritajiet Latvjani tal-irtirar mis-suq u tal‑projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-ħassad inkwistjoni, li abbażi tagħha l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. In-nota ta’ intervent tal‑Gvern Latvjan tindika barra minn hekk li ebda deċiżjoni vinkolanti definittiva ma kienet adottata qabel ma l-Kummissjoni kienet adita. Għalhekk, din tal-aħħar ikkonfermat deċiżjoni ineżistenti u b’hekk id‑deċiżjoni kkontestata hija illegali wkoll. Konsegwentement, ebda waħda mill-preskrizzjonijiet tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/42 ma kienet osservata. B’mod partikolari, ir-rimedji ġudizzjarji fil-Latvja la kienu indikati u lanqas prattikabbli fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Il-Kummissjoni kienet kuntenta, kif huwa rrilevat fir-risposta, fid-dawl biss tal-formola mibgħuta mill-awtoritajiet Latvjani, bi stħarriġ purament formali tal-allegata notifika minnhom lid-distributuri fil-Latvja u lill‑produttur tal-miżuri meħuda fir-rigward tal-ħassad inkwistjoni. L‑indikazzjonijiet ta’ din il-formola kienu fil-fatt ambigwi, anki ineżatti jew kontradittorji mal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Latvjan fin‑nota ta’ intervent tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l‑miżura meħuda fir-rigward tad-distributur u n-notifika tagħha lill‑produttur, u barra minn hekk ma jikkorrispondux, fir-rigward tan‑natura tagħha, ma’ dak li ġie konkluż mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din tal-aħħar laqgħet biss projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq u mhux irtirar mis-suq, li madankollu jissemma fil-formola.

36      Skont il-Kummissjoni, il-motiv ma jirrigwardax id-deċiżjoni kkontestata, iżda l-miżura adottata mill-awtoritajiet Latvjani. Għalhekk, dan huwa inammissibbli. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tesponi li, fil-kuntest tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42 li jirrigwarda l‑mekkaniżmu ta’ salvagwardja mibdi fuq inizjattiva ta’ Stat Membru, hija ma stħarrġitx l-aspetti kollha tal-legalità tal-miżuri nazzjonali, għaliex dan jaqa’ taħt il-qrati nazzjonali, iżda stħarrġet in-natura ġġustifikata, jew le, fuq il-mertu, ta’ dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, CSF vs Il‑Kummissjoni (T‑337/13, EU:T:2015:502, punt 100). Il-Kummissjoni żżid li r-rikorrenti ma semmietx problemi proċedurali mal-awtoritajiet nazzjonali meta hija kienet mitluba. Jekk id-deċiżjoni kkontestata ssemmi biss projbizzjoni mis-suq u mhux irtirar minnu, dan għaliex ir-rikorrenti stess adottat miżuri ta’ rtirar mis-suq, imħabbra lill-awtoritajiet Latvjani sa mit-28 ta’ Awwissu 2014, u d-deċiżjoni hija intiża għal projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq mill-ġdid tal-makkinarju inkwistjoni fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni.

37      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Latvjan isostni li l-awtoritajiet Latvjani kienu konformi mal-proċedura nazzjonali u li, permezz tal-ittra tagħhom tad-19 ta’ Marzu 2014, imsemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq, huma mmotivaw il-pożizzjoni tagħhom u ħabbru miżura restrittiva. Madankollu, huma ma ħadux miżuri definittivi li minnhom jista’ jkun hemm appell sabiex jiksbu l-konferma, jew le, tal-pożizzjoni tagħhom mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42.

38      Qabelxejn, hemm lok li jiġi aċċettat, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut b’mod prinċipali mill-Kummissjoni, li dan il-motiv huwa dirett kontra d‑deċiżjoni kkontestata u mhux kontra l-miżura adottata mill-awtoritajiet Latvjani, anki jekk huwa bbażat fuq il-kritika tal-aġir tagħhom. Huwa ppreżentat bħala motiv ta’ azzjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata u jikkonsisti fi kritika kontra l-Kummissjoni minħabba li kisret l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/42 billi ddikjarat iġġustifikata miżura nazzjonali li wkoll kienet adottata bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, dan il-motiv ma jistax ikun iddikjarat inammissibbli u lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat mill-bidu bħala ineffettiv, kif sostniet il-Kummissjoni fis-seduta.

39      Fuq il-mertu, għandu jitfakkar, kif diġà ġie deċiż fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, CSF vs Il-Kummissjoni (T‑337/13, EU:T:2015:502, punt 100), imsemmija mill-Kummissjoni, li fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata, meħuda abbażi tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/42, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tikkontrolla l-aspetti kollha tal-legalità tal-miżuri nazzjonali li jwasslu għall‑applikazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista mill-imsemmi artikolu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, li l-ksur tiegħu huwa invokat mir-rikorrenti, isemmi b’mod espliċitu “r-rimedji legali disponibbli għaliha taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat”, li jindika, minn naħa, li huwa jipprevedi l-miżuri nazzjonali meħuda abbażi tad-Direttiva, u min-naħa l-oħra, li l-kontroll tagħhom jaqa’ taħt il-qrati nazzjonali. Għalhekk dan l-artikolu ma joħloqx obbligi għall-Kummissjoni.

40      Fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(3) tad‑Direttiva 2006/42, ir-rwol tal-Kummissjoni huwa fl-ewwel lok li tivverifika jekk il-miżuri xierqa lilha nnotifikati minn Stat Membru humiex iġġustifikati, mill-perspettiva legali u fattwali, sabiex jevitaw li makkinarju jirriskja li jikkomprometti, bħalma jingħad fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni jew jekk ikun il-każ, tal-annimali domestiċi, tal-proprjetà jew tal-ambjent (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, CSF vs Il-Kummissjoni, T‑337/13, EU:T:2015:502, punt 101). Għandu jiġi enfasizzat, b’risposta għall-argument imressaq fis-seduta mir-rikorrenti, li l-analiżi magħmula fis-sentenza fuq imsemmija fil-kuntest tal-allegazzjoni ta’ ksur, mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament hija wkoll rilevanti f’din il-kawża, li fiha huwa allegat il-ksur, mill-awtoritajiet nazzjonali, ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva. Fil-fatt, iż-żewġ kawżi jirrigwardaw eventwali nuqqasijiet mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta’ prinċipji jew ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni, li l-qrati nazzjonali għandhom ukoll jivverifikaw l‑osservanza tagħhom.

41      B’hekk, l-argumenti tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/42 billi approvat miżura nazzjonali li hija wkoll kienet adottata bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux jirnexxu.

42      Barra minn hekk, b’risposta għall-argument imressaq mir-rikorrenti bbażat fuq elementi miġjuba mill-Gvern Latvjan matul il-proċedura, li essenzjalment jipprovdi li l-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma tikser l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/42, tapprova deċiżjoni nazzjonali mhux vinkolanti, jew ineżistenti, hemm lok li jiġi ppreċiżat li xejn ma jipprekludi li l-“miżuri xierqa” li Stat Membru għandu jadotta u jikkomunika lill-Kummissjoni fir-rigward tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jaqgħu taħt il-forma ta’ miżuri mhux unilaterali jew miżuri mhux direttament vinkolanti. Barra minn hekk, minkejja li tali miżuri ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmija klawżola ta’ salvagwardja, il-portata tagħha tista’ tkun imnaqqsa b’mod sinjifikattiv, għaliex la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ħlief għal dak li jinnota riskju f’makkinarju ma jkunu informati bih, hekk kif il-fabbrikant ta’ dan il-makkinarju, il-mandatarju tiegħu jew id-distributuri jadottaw miżuri volontarji jew jikkonformaw ruħhom ma’ miżuri mhux vinkolanti. B’hekk, il-komunikazzjoni, bħal f’dan il-każ, tal-fatt li wara approċċ tal-awtoritajiet nazzjonali, id-distributur ħa miżuri volontarji tal-irtirar mis-suq u tan-nuqqas ta’ tqegħid fis-suq tikkostitwixxi l-komunikazzjoni ta’ miżura xierqa li tista’ tagħti lok għal deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 11(3) tad‑Direttiva 2006/42.

43      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/42 mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1), tal-Artikolu 6(1), tal‑Artikolu 7 u tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42

44      Fost id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/42 invokati mir-rikorrenti, l‑Artikolu 5(1) jipprovdi li, qabel ma l-makkinarju jitqiegħed fis-suq u/jew għas-servizz, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li dan jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali rilevanti tas-saħħa u s-sigurtà stabbiliti fl-Anness I tal‑imsemmija direttiva, għandhom iwettqu l-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ konformità rilevanti, għandhom jippreparaw dikjarazzjoni “CE” ta’ konformità u għandhom iwaħħlu l-marka “CE” fuq il-makkinarju. L-Artikolu 6(1) jipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz fit-territorju tagħhom ta’ makkinarju li jissodisfa d‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva. L-Artikolu 7 jipprovdi b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li l-makkinarju li jġib il-marka “CE” u li jkollu miegħu d-dikjarazzjoni “CE” ta’ konformità jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva u li makkinarju ffabbrikat skont standard armonizzat, li r-riferimenti għalih ġew ippubblikati, mill‑Kummissjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt li jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà koperti minn dan l-istandard armonizzat. Hemm lok li jitfakkar li l‑istandard armonizzat huwa ddefinit fih innifsu fl-Artikolu 2 bħala “speċifikazzjoni teknika li ma torbotx adottata minn korp ta’ standardizzazzjoni, jiġifieri l-Kumitat Ewropew għall‑Istandardizzazzjoni (CEN), il-Kumitat Ewropew għall‑Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) jew l-Istitut tal‑Istandards tat-Telekommunikazzjoni Ewropew (ETSI), fuq il-bażi ta’ mandat maħruġ mill-Kummissjoni skond il-proċeduri stabbiliti fid‑Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-provvista ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u ta’ regoli dwar is‑servizzi tas-Soċjetà Informatika [(ĠU 1998, L 204, p. 37)]”. Fl‑aħħar nett, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, parzjalment riprodott fil‑punt 16 iktar ’il fuq, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja.

45      Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkunsidra li jikkostitwixxi ksur tad‑dispożizzjonijiet fuq imsemmija r-rifjut tal-Kummissjoni, wara dak tal-awtoritajiet Latvjani, li taċċetta li, bit-tqegħid fis-suq jew bit-tqegħid fis-servizz qabel l-1 ta’ Settembru 2013, il-konformità tal-ħassad inkwistjoni mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid‑Direttiva 2006/42 tista’ tkun preżunta mill-konformità tiegħu mal‑istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006.

46      Peress li l-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tad-diversi testi rilevanti hija importanti għall-eżami ta’ dan il-motiv u l-argumenti tal‑partijiet fir-rigward tiegħu, huwa utli li jitfakkru d-dati segwenti:

–        sa mill-1993: applikazzjoni tal-ewwel direttiva “makkinarji” u tal‑emendi tagħha li, ikkonsolidati, nisslu d-Direttiva 98/37;

–        9 ta’ Ġunju 2006: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad‑Direttiva 2006/42;

–        6 ta’ Novembru 2007: l-ewwel pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006;

–        28 ta’ Marzu 2009: l-aħħar pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal‑istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006;

–        29 ta’ Diċembru 2009: tħassir tad-Direttiva 98/37 u d-data tal-effett tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/42;

–        8 ta’ April 2011: l-ewwel pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal‑istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010;

–        3 ta’ Settembru 2012: dikjarazzjoni “CE” ta’ konformità tal-ħassad inkwistjoni, b’riferiment għall-istandard armonizzat EN 60335‑2‑77:2006;

–        1 ta’ Settembru 2013: data tal-irtirar tal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006, stabbilita mis-Cenelec.

47      Fis-seduta, il-Kummissjoni sostniet preliminarjament li l-motiv tar‑rikorrenti kien ineffettiv. Id-deċiżjoni kkontestata tipprojbixxi fil-fatt għall-futur kull tqegħid fis-suq mill-ġdid tal-ħassad inkwistjoni fl-Unjoni kollha u huwa stabbilit li, f’Ġunju 2015, id-data tal-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, il-magna ma kinitx konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk, sal-31 ta’ Awwissu 2013, din setgħetx tibbenefika minn preżunzjoni ta’ konformità ma’ dawn ir‑rekwiżiti fuq il-bażi tal-konformità tagħha mal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006.

48      Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti tfakkar li r-referiment għall-istandard li ssostitwixxa l-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 għall-“ħassada tal-ħaxix li jaħdmu fuq in-netwerk u b’sewwieq bil-mixi” jiġifieri l‑istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010, kien ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-8 ta’ April 2011, mingħajr ma l-Kummissjoni indikat b’mod espliċitu fil-kolonna ġusta tat-tabella tat-titoli u referenzi ta’ standards armonizzati li huma s-suġġett ta’ din il-pubblikazzjoni, id-data tal-iskadenza tal-preżunzjoni ta’ konformità mogħtija mill-istandard issostitwit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jsir riferiment għan‑nota 1 ta’ din il-kolonna, li tindika li, “[b]’mod ġenerali, id-data tal‑iskadenza tal-preżunzjoni ta’ konformità ser tkun id-data tal-irtirar (“dow”) stabbilita mill-korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni” u li “[l]‑attenzjoni tal-utenti ta’ dawn l-istandards [kienet] madankollu miġbuda dwar il-fatt li din [tista’] tkun differenti f’każijiet eċċezzjonali”. Madankollu, kif jidher f’diversi dokumenti tal-korp ta’ standardizzazzjoni u fl-istandard EN 60335-2-77:2010 nnifsu, id-data tal-irtirar tal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 hija l-1 ta’ Settembru 2013.

49      Ir-rikorrenti żżid li, matul il-perijodu ta’ bejn it-8 ta’ April 2011 u l-31 ta’ Awwissu 2013, iż-żewġ verżjonijiet tal-istandard armonizzat EN 60335‑2-77, dik tal-2006 u dik tal-2010, setgħu jippermettu preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas‑sigurtà stabbiliti mid-Direttiva 2006/42 lill-makkinarji li huma jsemmu. Tali perijodu ta’ sovrappożizzjoni, li jikkorrispondi barra minn hekk għall-perijodu li matulu l-istandards nazzjonali mhux kompatibbli mal-verżjoni l-ġdida tal-istandard armonizzat setgħu jinżammu, huwa indispensabbli sabiex il-produtturi tal-makkinarji jkollhom żmien jadottaw il-prodotti tagħhom u jekk ikun il-każ il-proċessi tagħhom u l‑apparat ta’ produzzjoni tagħhom għall-preskrizzjonijiet tal-verżjoni l‑ġdida tal-istandard armonizzat u jkollhom żmien ibigħu l-makkinarji li josservaw il-preskrizzjonijiet tal-istandard issostitwit. Huwa inverosimili x-xenarju li, sa mit-8 ta’ April 2011, data tal‑pubblikazzjoni tal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010, mill‑għada, il-makkinarji previsti fid-dawl tal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 ma setgħux jibqgħu iktar jiġu prodotti u kkummerċjalizzati u li kellhom jiġu prodotti u kkummerċjalizzati prodotti konformi ma’ standard mhux uffiċjali bħala standard armonizzat ftit jiem qabel.

50      Ir-rikorrenti tammetti li, għal raġunijiet eċċezzjonali, id-data tal‑iskadenza tal-preżunzjoni ta’ konformità mogħtija fir-rigward tal‑verżjoni preċedenti tal-istandard armonizzat tista’ tkun stabbilita mill‑Kummissjoni għal data qabel jew wara d-data tal-irtirar, iżda f’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tindikaha b’mod preċiż fil-kolonna ġusta tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali li tirrigwarda l-verżjoni l-ġdida tal-istandard armonizzat, li ma kienx il-każ f’dan il-każ.

51      Sabiex issostni l-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq żewġ dokumenti pubbliċi tal-Kummissjoni, jiġifieri l‑“Gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva ‘makkinarji’ 2006/42/KE – 2 edizzjoni Ġunju 2010” (paragrafu 161, intitolat “Stat tat-teknika”) u l‑“Gwida blu relattiva għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti – 2014” (punt 4.1.2.6, intitolat “Reviżjoni ta’ normi armonizzati”).

52      Sa fejn l-argumenti ta’ difiża tal-Kummissjoni jippreżumu li bejn id-29 ta’ Diċembru 2009 u t-8 ta’ April 2011 ma kien hemm ebda standard armonizzat li jagħti għal “ħassada tal-ħaxix li jaħdmu fuq in-netwerk u b’sewwieq bil-mixi”, preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42, ir-rikorrenti tenfasizza li l-produtturi ta’ tali makkinarji ma kellhom ebda għażla għajr li jkomplu jirreferu għall-istandard armonizzat l-iktar reċenti ppubblikat, jiġifieri l-istandard EN 60335-2-77:2006, sabiex juru l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, ladarba dan l-istandard kien ġie traspost fl‑ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, b’mod partikolari l-ordinament ġuridiku Taljan li taħtu taqa’, u li l-istandards nazzjonali ta’ traspożizzjoni jistgħu jibqgħu validi sad-data tal-irtirar li tkun indikata fl‑istandard armonizzat ta’ sostituzzjoni. Għall-perijodu ta’ wara t-8 ta’ April 2011 sa dik id-data tal-irtirar, il-persistenza tal-istandards nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-istandard armonizzat EN 60335‑2‑77:2006 turi li kien għadu possibbli li jsir riferiment għad‑dispożizzjonijiet tagħha, anki jekk il-produtturi setgħu jirreferu wkoll għall-istandard armonizzat ġdid EN 60335-2-77:2010.

53      Min-naħa tagħha, sa fejn il-motiv ikun evalwat fil-mertu, il‑Kummissjoni, sostnuta mill-Gvern Latvjan, tirrifjuta l-argumenti tar‑rikorrenti. Hija targumenta li d-Direttiva 2006/42 issostitwixxiet id‑Direttiva 98/37 u li l-Istati Membri kellhom, skont l-Artikolu 26 tad‑Direttiva 2006/42, japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar b’effett mid-29 ta’ Diċembru 2009, data ta’ tħassir tad-Direttiva 98/37. Mill-banda l-oħra, l-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 ma kienx elaborat ħlief biex jippermetti preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 98/37. Dan qatt ma kellu joħloq tali preżunzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti essenzjali tas‑saħħa u tas-sigurtà imposti skont id-Direttiva 2006/42. Dan jispjega għaliex il-pubblikazzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali li jsemmu l-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010, kollha relattivi għall-istandards armonizzati skont id-Direttiva 2006/42, b’mod partikolari dik tat-8 ta’ April 2011 imsemmija għall-ewwel darba fl-imsemmi standard, ma jsemmux l-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 fil-kolonni tat‑tabelli relatati mal-istandards issostitwiti. Għalhekk, in-nota 1 li tinsab fit-tieni kolonna, li tirrigwarda d-data tal-iskadenza tal-preżunzjoni ta’ konformità tal-istandard issostitwit, invokata mir-rikorrenti sabiex issostni li hija setgħet tirreferi għall-istandard armonizzat EN 60335‑2‑77:2006 sad-data tal-irtirar attribwit lil dan tal-aħħar, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. B’mod ġenerali, l-indikazzjonijiet mogħtija mill-korp ta’ standardizzazzjoni li jirrigwardaw id-dati tal-irtirar ma għandhom ebda portata sabiex jiddeterminaw jekk l-osservanza ta’ standard armonizzat tistax toħloq preżunzjoni ta’ konformità mar‑rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà rilevanti peress li dawn id-dati ma ġewx riprodotti mill-Kummissjoni fil-pubblikazzjonijiet relatati mal-istandards armonizzati.

54      Il-Kummissjoni spjegat li, b’hekk, għall-“ħassada tal-ħaxix li jaħdmu fuq in-netwerk jew b’sewwieq bil-mixi”, il-fabbrikanti esperjenzaw tliet perijodi differenti għal dak li jirrigwarda l-prova tal-konformità tal‑prodotti tagħhom mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti mid-direttivi rilevanti suċċessivi. Sat-28 ta’ Diċembru 2009, l‑aħħar jum ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/37, huma setgħu jirreferu għall-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 sabiex jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ konformità tal-prodotti tagħhom mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbilit minn din id-direttiva. Mid-29 ta’ Diċembru 2009 sat-8 ta’ April 2011, peress li d-Direttiva 2006/42 issostitwixxiet id-Direttiva 98/37, iżda ebda standard armonizzat applikabbli skont id-Direttiva 2006/42 għal “ħassada tal-ħaxix li jaħdmu fuq in-netwerk jew b’sewwieq bil-mixi” ma kien għadu ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, il-fabbrikanti kellhom juru konformità tal-makkinarji tagħhom mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42 b’kull mezz alternattiv għar-riferiment għal standard armonizzat, b’mod partikolari b’riferiment, fil-fajl tekniku tal-prodott, għal standards u speċifikazzjonijiet tekniċi oħra, pereżempju r-regoli nazzjonali, standards Ewropej jew internazzjonali mhux armonizzati jew speċifikazzjonijiet tekniċi proprji tal-fabbrikant. Fl‑aħħar nett, sa mit-8 ta’ April 2011, il-fabbrikanti setgħu jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas‑sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42 billi jirreferu għall-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010. Għalhekk, fid-dikjarazzjoni “CE” ta’ konformità tal-ħassad inkwistjoni magħmula f’Settembru 2012, ma kienx possibbli li jsir riferiment għall-istandard armonizzat EN 60335‑2‑77:2006 sabiex tiġi ddikjarata preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti mid‑Direttiva 2006/42. Bl-istess mod, kopji prodotti fl-2013 skont dan l‑istandard ma jistgħux jibbenefikaw minn din il-preżunzjoni.

55      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni, imqajjem fis-seduta, li jipprovdi li t-tieni motiv għal annullament imressaq mir-rikorrenti huwa ineffettiv, għaliex id-deċiżjoni kkontestata tipprojbixxi kull tqegħid fis-suq mill-ġdid tal-ħassad inkwistjoni sa mill‑pubblikazzjoni tagħha f’Ġunju 2015, perijodu wara dak ikkonċernat mill-imsemmi motiv, li jirrigwarda parti mis-snin 2012 u 2013.

56      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

57      Fil-fatt, il-motiv eżaminat huwa indirizzat kontra deċiżjoni li kkonfermat l‑evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta’ makkinarju mqiegħed fis-suq fl-2012, jew fl-2013 qabel l-1 ta’ Settembru, li kienet tipprovdi li dan tal-aħħar ma kienx josserva r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42, għar-raġuni li ma kienx konformi mal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010, filwaqt li l‑fabbrikant tiegħu eċċepixxa preżunzjoni ta’ konformità ma’ dawn ir‑rekwiżiti fuq il-bażi tal-konformità tiegħu mal-istandard EN 60335‑2‑77:2006. Konsegwentement, il-motiv eżaminat, intiż sabiex jikkontesta direttament din l-evalwazzjoni, ma jistax, jekk ikun fondat, ikun ineffettiv. B’mod inċidentali, jista’ jiżdied li r-rikorrenti kellha u għandha interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata, anki jekk hija kkonfermat l-irtirar mis-suq u n-nuqqas ta’ tqegħid fis-suq volontarju tal‑ħassad inkwistjoni, sa fejn l-evalwazzjoni kkontestata twassal ċertament għal preġudizzju għar-reputazzjoni, fid-dawl, b’mod partikolari tan-notorjetà tal-marka tal-ħassad inkwistjoni, u fejn diġà wasslet lill-awtoritajiet Svediżi jindikaw li dan il-makkinarju ma għandux jibqa’ jintuża. L-interess ġuridiku tar-rikorrenti jeżisti anki inkwantu l‑annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti li jiġi evitat li l-illegalità allegata ma tirriproduċix ruħha (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni, 172/83 u 226/83, EU:C:1985:355, punt 19, u tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punti 61 sa 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Imbagħad, fir-rigward tal-eżami tal-mertu tal-motiv, hemm lok li jitfakkar, preliminarjament, li r-riferiment għal standard armonizzat huwa biss waħda mill-possibbiltajiet li fabbrikant għandu sabiex juri li wieħed mill-makkinarji tiegħu jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas‑sigurtà stabbiliti fid-direttiva rilevanti. Fil-fatt, kemm id‑Direttiva 98/37, fl-Artikolu 8 u fl-Annessi V jew VI, kif ukoll id‑Direttiva 2006/42, fl-Artikolu 12 u fl-Annessi VII, VIII, IX jew X, jipprovdu proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ konformità li ma humiex neċessarjament ibbażati fuq standards armonizzati li r-riferimenti għalihom ġew ippubblikati.

59      Madankollu, f’dan il-każ, minn naħa waħda, il-Kummissjoni ibbażat biss il-konklużjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42 fuq il‑konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità tal-ħassad inkwistjoni mal‑istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010, kif jirriżulta mid‑deċiżjoni kkontestata u mill-ittra msemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, min-naħa tagħha, ir-rikorrenti ma fittxitx, la matul il‑proċedura quddiem l-awtoritajiet Latvjani u lanqas matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, li turi l-konformità tal-ħassad inkwistjoni mar‑rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42 ħlief billi rreferiet għall-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-aħħar standard armonizzat, li la l-Kummissjoni u lanqas l-awtoritajiet Latvjani ma kkontestaw li huwa osservat mill-ħassad inkwistjoni, jistax joħloq għall-benefiċċju tiegħu preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42 sa mid‑data tat-3 ta’ Settembru 2012, li fiha ġiet stabbilita d-dikjarazzjoni “CE” ta’ konformità tal-imsemmi ħassad, sal-31 ta’ Awwissu 2013, l‑aħħar data tal-produzzjoni tiegħu skont ir-rikorrenti.

60      Kif indikat fil-punt 44 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2006/42, b’mod iktar partikolari skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ din id-dispożizzjoni, hija l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tar‑riferiment għal standard armonizzat fil-Ġurnal Uffiċjali li tagħtih valur ġuridiku li jippermetti lill-fabbrikanti ta’ makkinarji jew ir-rappreżentanti tagħhom jibbenefikaw, għal makkinarji li huma jikkummerċjalizzaw u li huma konformi miegħu, minn preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà rilevanti stabbiliti mill-istess direttiva u koperti mill-imsemmi standard armonizzat ippubblikat. B’mod inċidentali jista’ jiġi osservat li l-mekkaniżmu huwa essenzjalment l‑istess, bla ħsara ta’ traspożizzjoni fi standard nazzjonali tal-istandard armonizzat, skont id-Direttiva 98/37, li l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 5(2) tagħha jipprovdi li “[f]ejn standard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat, li r-riferenza għalih tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ikopri wieħed jew iktar mill-ħtiġiet essenzjali ta’ sigurtà, il-makkinarju jew il‑komponenti ta’ sigurtà mibnija b’mod konformi ma’ dan il-standard għandhom jitqiesu li jikkonformaw mal-ħtiġiet essenzjali relevanti”. Għalhekk, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil‑punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża James Elliott Construction (C‑613/14, EU:C:2016:63), imsemmija fis-seduta mill‑Kummissjoni, id-deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni tal-istandards armonizzati huma atti ġuridiċi li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction, C‑613/14, EU:C:2016:821, punti 38 sa 43). Fid-digriet tal-25 ta’ Mejju 2004, Schmoldt et vs Il-Kummissjoni (T‑264/03, EU:T:2004:157, punti 91 sa 94), il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li dawn huma atti ta’ portata ġenerali. Huwa dedott li s-sistema ta’ tali pubblikazzjonijiet hija dik tal-atti ta’ portata ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

61      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/42 jipprevedi mingħajr restrizzjoni l-istandards armonizzati li r-riferimenti għalihom kienu l-oġġett ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, mingħajr ma jillimita l-portata u l-kontenut tiegħu għall-istandards armonizzati li r-riferimenti għalihom kienu ġew ippubblikati skont din id-direttiva. Din id‑dispożizzjoni tipprekludi għalhekk li jiġi kkunsidrat li l‑pubblikazzjonijiet ta’ riferimenti għal standards armonizzati mwettqa skont id-Direttiva 98/37 ġew imħassra b’mod impliċitu fl-istess ħin ma’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li l-istandards armonizzati li r-riferimenti għalihom kienu ppubblikati skont id-Direttiva 98/37 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/42 peress li d-deċiżjoni li tathom valur ġuridiku sabiex jagħtu preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid‑direttiva applikabbli fil-mument tat-tqegħid tagħhom fis-suq jew tqegħid fis-servizz tal-makkinarju kkonċernat, jiġifieri l-pubblikazzjoni tar-riferimenti għalihom fil-Ġurnal Uffiċjali, ma hijiex mħassra b’mod espliċitu. Din l-interpretazzjoni hija koerenti mad-dispożizzjonijiet tat‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/42, li jipprovdu “r-referenzi għad-Direttiva [98/37] mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XII”. Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi, b’mod ġenerali, sabiex jevitaw li l-atti jew id-dispożizzjonijiet ġuridiċi li l-implementazzjoni tagħhom kienet inizjalment marbuta mad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/37 isibu ruħhom nieqsa mill‑portata tagħhom sempliċement minħabba l-fatt tat-tħassir tad-Direttiva 98/37 u tas-sostituzzjoni tagħha bid-Direttiva 2006/42 u li jkun hemm, jekk ikun il-każ, sitwazzjoni ta’ lakuna ġuridiku (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, L-Irlanda vs Il‑Kummissjoni, C‑339/00, EU:C:2003:545, punti 35 sa 39). F’dan il‑każ, it-tabella tal-Anness XII tad-Direttiva 2006/42 tistabbilixxi korrispondenza bejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 98/37 u l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2006/42, li fuqhom kienu bbażati suċċessivament il-pubblikazzjonijiet tar-riferimenti għall-istandards armonizzati fil-Ġurnal Uffiċjali.

62      Il-kwistjoni f’dan il-każ hija għalhekk dwar jekk il-pubblikazzjoni tar‑riferimenti għall-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006, magħmula inizjalment skont id-Direttiva 98/37 mill-Kummissjoni [l-ewwel pubblikazzjoni tas-6 ta’ Novembru 2007 (ĠU 2007, C 254, p. 52), l‑aħħar pubblikazzjoni fit-28 ta’ Marzu 2009 (ĠU 2009, C 74, p. 55)], valida, bħalma ngħad preċedentement, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/42 għall-perijodu sat-tħassir tagħha, hijiex l-oġġett ta’ tħassir espliċitu qabel jew matul il-perijodu kkontestat f’dan il-każ, bejn it-3 ta’ Settembru 2012, (data tad-dikjarazzjoni “CE” ta’ konformità tal-ħassad inkwistjoni) u l-31 ta’ Awwissu 2013 (data tat-tmiem tal-immanifatturar tal-ħassad inkwistjoni skont ir-rikorrenti). Jista’ jitfakkar li huwa stabbilit bejn il-partijiet li f’kull każ din il-pubblikazzjoni ma kinitx għadha valida sabiex tagħti lill-makkinarji mqiegħda fis-suq jew imqiegħda fis‑servizz sa mill-1 ta’ Settembru 2013 preżunzjoni ta’ konformità mar‑rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti mid‑Direttiva 2006/42, minħabba, kif hija l-pożizzjoni tar-rikorrenti, id‑data tal-irtirar ta’ din il-verżjoni tal-istandard armonizzat stabbilita fil‑verżjoni segwenti EN 60335-2-77:2010.

63      Fl-assenza ta’ tħassir impliċitu ta’ att ta’ portata ġenerali li jirriżulta mill‑inkompatibbiltà tiegħu ma’ dispożizzjoni sussegwenti ta’ dritt superjuri u fin-nuqqas ta’ stabbiliment, waqt il-pubblikazzjoni tiegħu, ta’ tul b’effett limitat, it-tħassir ta’ tali att jista’ jirriżulta biss minn deċiżjoni ġdida tal-awtorità kompetenti, ippubblikata wkoll. Hemm lok li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni u r-regolamenti tal‑Unjoni jkunu ċari u preċiżi u b’mod partikolari, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini, 169/80, EU:C:1981:171, punt 17, u tat-22 ta’ Frar 1984, Kloppenburg, 70/83, EU:C:1984:71, punt 11). B’mod iktar partikolari, kif ġie deċiż fis‑sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni (T‑229/94, EU:T:1997:155, punt 113), il-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa ntiż sabiex jiżgura l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar‑relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu fid-dritt tal-Unjoni. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet josservaw l-intanġibbiltà tal-atti li huma adottaw u li jaffettwaw is-sitwazzjoni ġuridika u sostantiva tal‑individwi, b’tali mod li ma jistgħux jimmodifikaw dawn l-atti ħlief bl‑osservanza tar-regoli ta’ kompetenza u ta’ proċedura.

64      F’dan il-każ, il-pubblikazzjonijiet suċċessivi fil-Ġurnal Uffiċjali tar‑riferimenti għall-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 ma jinkludux data li tillimita l-effett ta’ kull waħda minn dawn il‑pubblikazzjonijiet, anki jekk dawn saru wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/42. Barra minn hekk, ebda waħda mill-pubblikazzjonijiet tar‑riferimenti għall-istandards armonizzati magħmula sussegwentement skont din id-direttiva ġdida u ebda dokument ieħor ippubblikat mill‑Kummissjoni ma jagħti indikazzjoni dwar it-tħassir tal‑pubblikazzjoni tal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006, jekk mhux permezz tan-nota 1 tal-kolonna intitolata “Data tal-iskadenza tal‑preżunzjoni ta’ konformità tal-istandard issostitwit” tat-tabelli tal‑pubblikazzjonijiet li jinkludu r-riferimenti għall-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010. Jitfakkar li din in-nota tindika li “[b]’mod ġenerali, id-data tal-iskadenza tal-preżunzjoni ta’ konformità [tal-istandard issostitwit] ser tkun id-data tal-irtirar (“dow”) stabbilita mill-korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni” u li “[l]-attenzjoni tal-utenti ta’ dawn l‑istandards [kienet] madankollu miġbuda dwar il-fatt li din [tista’] tkun differenti f’każijiet eċċezzjonali”. Mill-banda l-oħra, kif kien indikat preċedentement fil-punt 10 iktar ’il fuq, il-korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni Cenelec sostna fl-istandard armonizzat EN 60335‑2‑77:2010 d-data tal-1 ta’ Settembru 2013 bħala data tal‑irtirar tal-istandard armonizzat issostitwit EN 60335-2-77:2006 u, konsegwentement, it-tħassir tal-pubblikazzjoni tar-riferiment għal dan tal‑aħħar seħħ f’dik id-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konformità tal‑ħassad inkwistjoni mal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 tista’, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Kummissjoni u mill-Gvern Latvjan, tagħti preżunzjoni ta’ konformità ta’ dan il-makkinarju mar‑rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42 għal tqegħid fis-suq jew tqegħid fis-servizz sal-31 ta’ Awwissu 2013 inkluż.

65      Jista’ jiġi rrilevat ukoll li l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni tmur kontra wkoll l-istruttura tas-sistema sostnuta miż-żewġ Direttivi suċċessivi 98/37 u 2006/42, intiża sabiex timplementa għat-territorju tal‑Unjoni kollu mekkaniżmu effikaċi li, billi jassoċja l-korpi ta’ standardizzazzjoni maħtura mill-Kummissjoni, jippermetti lill‑fabbrikanti u lir-rappreżentanti tagħhom josservaw ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà għal dak li jirrigwarda l-makkinarju li huma jikkummerċjalizzaw f’kuntest li jagħtihom ċerta ċertezza u simplifikazzjoni tat-tqegħid fis-suq fl-Istati Membri kollha u li jagħti wkoll lill-pubbliku garanziji sostanzjali. Mingħajr ma tikkostitwixxi l‑unika possibbiltà għal fabbrikant jew ir-rappreżentant tiegħu sabiex juri l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, il-konformità ma’ standard armonizzat adottat minn dawn il-korpi u li r-riferiment għalih huwa ppubblikat fil‑Ġurnal Uffiċjali, jippermettilhom fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura ċara, li jibbenefikaw għall-prodott ikkonċernat minn preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali koperti minn dan l-istandard armonizzat. Kemm id-Direttiva 98/37, fl-Artikolu 5 tagħha, kif ukoll id‑Direttiva 2006/42, fl-Artikolu 7 tagħha, jinkludu f’dan ir-rigward dispożizzjonijiet li jagħtu post importanti lill-mekkaniżmu ta’ konformità mal-istandards armonizzati ppubblikati. Dan l-aħħar artikolu jkompli jsaħħaħha billi jinkludi l-possibbiltà li jsir riferiment għal dawn l-istandards armonizzati sabiex jittieħed vantaġġ mill-preżunzjoni hawn fuq imsemmija tal-eżistenza ta’ standards nazzjonali li “jittrasponuhom”.

66      Mill-banda l-oħra, l-argument tal-Kummissjoni, li jimplika li l-istandards armonizzati kollha adottati inizjalment skont tad-Direttiva 98/37 huma nieqsa mill-effett sabiex jagħtu preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42, iwassal sabiex inaqqas b’mod sinjifikattiv ħafna n-numru ta’ standards armonizzati li jistgħu jintużaw matul l-ewwel żmien tal-applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva u għalhekk jippreġudika l-effikaċja tas-sistema. F’dan ir-rigward, l-aħħar pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tat-“titolu u referenzi tal-istandards armonizzati tad-[Direttiva 98/37]”, f’Marzu 2009, tinkludi 57 paġna, (ĠU 2009, C 74, p. 4), filwaqt li l‑ewwel pubblikazzjoni korrispondenti skont id-Direttiva 2006/42, f’Settembru 2009, tinkludi biss 26 paġna (ĠU 2009, C 214, p. 1) u li t‑tieni pubblikazzjoni analoga, magħmula eżatt qabel l-applikazzjoni tal‑miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/42, fid-29 ta’ Diċembru 2009, tinkludi biss 37 paġna (ĠU 2009, C 309, p. 29). Peress li paġna ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet telenka madwar għaxra minn dawn l-istandards armonizzati, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tfisser li fil‑mument tal-applikazzjoni konkreta tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2006/42, fl-aħħar ta’ Diċembru 2009, madwar 200 standard armonizzat tal-inqas mit-tmiem tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 98/37 setgħu jintużaw mill-fabbrikanti sabiex jistabilixxu l‑eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ konformità tal-prodotti tagħhom mar‑rekwiżiti essenzjali tas-saħħa jew tas-sigurtà stabbiliti mid-direttiva l-ġdida, li huwa kontradittorju għar-rwol importanti mogħti lill‑mekkaniżmu ta’ konformità mal-istandards armonizzati miż-żewġ Direttivi suċċessivi. Hemm lok li jiġi rrilevat li huwa neċessarju li nistennew il-pubblikazzjoni ta’ April 2011 (ĠU 2011, C 110, p. 1) sabiex ikollna volum komparabbli tal-istandards armonizzati li r-riferimenti għalihom ġew ippubblikati miż-żewġ Direttivi.

67      Il-preġudizzju għall-istruttura tas-sistema sostnuta miż-żewġ Direttivi suċċessivi 98/37 u 2006/42 jidher b’mod sħiħ mis-suċċessjoni ta’ tliet perijodi identifikati mill-Kummissjoni li ssemmew fil-punt 54 iktar ’il fuq, li jwasslu sabiex tip ta’ makkinarju li kien l-oġġett sa minn diversi snin ta’ standard armonizzat ippubblikat ikun “mingħajr standard armonizzat” matul perijodu ta’ żmien mhux negliġibbli (madwar ħmistax-il xahar għall-“ħassada tal-ħaxix li jaħdmu fuq in-netwerk jew b’sewwieq bil-mixi”) qabel ma jerġgħu jsibu standard armonizzat ippubblikat. Huwa minnu li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ma toħloqx lakuna ġuridiku, għaliex il-fabbrikanti u r-rappreżentanti tagħhom għandhom mezzi oħra minbarra l-użu ta’ standards armonizzati li r‑riferimenti għalihom kienu ppubblikati sabiex juru l-osservanza tar‑rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-direttiva rilevanti għall-makkinarji li huma jixtiequ jikkummerċjalizzaw. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-mezzi l-oħra huma inqas faċli. Konsegwentement, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tikkontribwixxix, tal-inqas matul ċertu perijodu, sabiex tiffaċilita l‑moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-utenti, kif meħtieġ mill‑bażi legali tad-Direttiva 2006/42, jiġifieri l-Artikolu 114 TFUE.

68      Huwa minnu li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fis-seduta, ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42, huma minn diversi aspetti, iktar estensivi minn dawk stabbiliti fid‑Direttiva 98/37, iżda hija mbagħad, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni li għandha tiffavorixxi l-adozzjoni rapida, għal ċerti tipi ta’ makkinarji jew apparat ieħor previst mid-direttiva l-ġdida, ta’ standard armonizzat ġdid li jirrispondi għal dawn ir-rekwiżiti ġodda u tindika jekk ikun hemm bżonn, f’każijiet partikolari, li standard armonizzat ippubblikat skont id‑Direttiva 98/37 ma jagħtix preżunzjoni ta’ konformità ma’ dawn ir‑rekwiżiti ġodda. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/42 jipprovdi barra minn hekk “proċedura sabiex ikun kontestat standard armonizzat”, li tista’ tinbeda minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni u li tista’, b’mod partikolari, twassal sabiex iżżomm fis-seħħ b’restrizzjoni jew li tirtira r‑riferimenti għall-istandard armonizzat ikkonċernat fil-Ġurnal Uffiċjali. Madankollu, f’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni kellha tindika fil‑kolonna intitolata “Data tal-iskadenza tal-preżunzjoni ta’ konformità tal-istandard issostitwit” tat-tabelli ta’ pubblikazzjoni tat-titolu u riferimenti ta’ standards armonizzati skont id-Direttiva 2006/42 data tal‑irtirar differenti jekk l-istandard armonizzat inkwistjoni kien effettivament issostitwit, jew tindika fil-Ġurnal Uffiċjali b’mod ieħor adegwat it-tħassir tal-pubblikazzjoni ta’ riferimenti għall-istandard armonizzat inkwistjoni fil-każ fejn dan l-istandard ikun għadu ma ġiex issostitwit. Kif ġie osservat fil-punt 64 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ indikazzjoni speċifika fit-tabelli ta’ pubblikazzjoni tat-titolu u riferimenti għall-istandards armonizzati skont id-Direttiva 2006/42 jew b’mod ieħor tindika l-kuntrarju, skont in-nota 1 tal-kolonna intitolata “Data tal‑iskadenza tal-preżunzjoni ta’ konformità tal-istandard armonizzat”, din id-data tikkorrispondi għad-data tal-irtirar stabbilita mill-korp ta’ standardizzazzjoni. Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li l-iżviluppi tad‑Direttiva “makkinarji”, li l-ewwel verżjoni tagħha kienet id‑Direttiva tal-Kunsill 89/392/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1989, dwar l‑approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il‑makkinarji (ĠU 1989, L 183, p. 9), inkluż meta dawn taw lok għat-tħassir ta’ verżjonijiet preċedenti jew ta’ addizzjonijiet sostanzjali, ma wasslux għat‑tħassir ġenerali tal-pubblikazzjonijiet tal-istandards armonizzati magħmula skont il-verżjonijiet preċedenti (ara pereżempju, ĠU 2000, C 252, p. 5).

69      Fl-aħħar nett, hemm lok li jitfakkar li l-konformità ma’ standard armonizzat li r-riferiment għalih kien ippubblikat skont id‑Direttiva 98/37 matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2006/42 u qabel id-data tal-iskadenza tal-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà mogħtija minnha, jipprovdi biss preżunzjoni ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti. F’dan ir-rigward, jekk Stat Membru u warajh il-Kummissjoni kkunsidraw li makkinarju konformi ma’ tali standard armonizzat ma josservax madankollu r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti fid‑Direttiva 2006/42, huma ma kinux preklużi milli jimplementaw il‑klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, u għandhom madankollu juru nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn ir‑rekwiżiti essenzjali.

70      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa ġust li r-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-ħassad inkwistjoni jibbenefika minn preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas‑sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 2006/42 sa mit-3 ta’ Settembru 2012, data li fiha kienet stabbilita d-dikjarazzjoni “CE” ta’ konformità tagħha, sal-31 ta’ Awwissu 2013, data finali tal-produzzjoni tagħha skont l‑indikazzjonijiet tagħha. Fil-fatt, l-istandard armonizzat EN 60335‑2‑77:2006, li ma huwiex ikkontestat li l-ħassad inkwistjoni huwa konformi miegħu, seta’ b’mod validu jagħti bejn dawn id-dati, għal tqegħid fis-suq jew tqegħid fis-servizz, preżunzjoni ta’ konformità mar‑rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà stabbiliti mill-imsemmija direttiva, inkwantu, minkejja li kien l-oġġett ta’ pubblikazzjoni tar‑riferimenti għalih skont id-Direttiva 98/37, huwa baqa’ validu skont id-Direttiva 2006/42, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarju ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali mill-Kummissjoni, sad-data tal-irtirar mogħtija mill‑korp ta’ standardizzazzjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-istandard armonizzat suċċessiv, jiġifieri l-1 ta’ Settembru 2013.

71      Għalhekk, billi ċaħdet il-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. Barra minn hekk, peress li d‑deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata, kif ġie indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq, fuq turija konkreta ta’ ksur tar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas‑sigurtà stabbiliti mid-Direttiva 2006/42, iżda biss fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-ħassad inkwistjoni mal-istandard armonizzat EN 60335‑2-77:2010 filwaqt li l-konformità tiegħu mal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2006 kienet għadha tipprovdi għalih, matul il-perijodu kkonċernat, preżunzjoni ta’ konformità mal-imsemmija rekwiżiti, hemm lok li t-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti telliefa għandha tkun ikkundannata għall-ispejjeż, jekk ikun hemm talba f’dan is-sens. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti, inkluż għal dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

73      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Repubblika tal-Latvja għandha tbati għalhekk l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

Il-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/902, tal-10 ta’ Ġunju 2015, dwar miżura meħuda mil-Latvja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ ħassad tal-ħaxix immanifatturat minn GGP Italy SpA, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Global Garden Products Italy SpA (GGP Italy) fil-kuntest ta’ din l-istanza u tal-proċedura għal miżuri provviżorji.

4)      Ir-Repubblika tal-Latvja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gervasoni

Madise

Csehi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Jannar 2017.

Firem


* Langue de procédure: it-Taljan