Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Lulju 2014 – Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-548/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: A. Rubio González, Abogado del Estado)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Mejju 2014, li permezz tagħha huwa kkonstatat li f’każ partikolari, il-maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni hija ġġustifikata għal ammont speċifiku u ma hijiex iġġustifikata għal ammont ieħor (fajl REM 03/2013), u

tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

F’dan ir-rigward qed jiġi allegat li l-avviż għall-importaturi ppubblikat fil-21 ta’ Mejju 2010 jirreferi esklużivament għall-importazzjonijiet ta’ preparazzjonijiet ta’ tonn mill-Kolombja u minn El Salvador, mingħajr ma jinkludi lill-Ekwador u b’sempliċi riferiment ġeneriku fis-sens li ma jistgħux jiġu esklużi irregolaritajiet f’pajjiżi oħra dwar l-akkumulazzjoni ta’ oriġini. L-avviż ippubblikat jissodisfa l-obbligi preċedenti ta’ kull avviż fir-rigward tal-Kolombja u El Salvador, iżda ma jistax jiġi estiż arbitrarjament għal pajjiżi oħra bis-sempliċi fatt li jiġi inkluż riferiment ġeneriku għas-sempliċi possibbiltà li jeżistu irregolaritajiet.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità

F’dan ir-rigward qed jiġi allegat li f’dan il-każ il-proċess kollu ta’ ksib ta’ ċertifikati ta’ oriġini twettaq skont ir-regoli stabbiliti għal dan il-għan mill-awtoritajiet kompetenti, li iżda applikaw b’mod żbaljat il-liġi u naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-ħruġ ta’ ċertifikati u ta’ kontroll tal-funzjonament xieraq tas-sistema. Barra minn hekk, din hija azzjoni li kompliet matul iż-żmien li kkontribwixxiet biex jinħolqu aspettattivi leġittimi fost l-operaturi. Għalhekk, huma ssodisfatti r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni speċjali fil-kuntest ta’ arranġamenti preferenzjali.It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità flimkien mar-regola reġjonali ta’ akkumulazzjoni tar-Regolament għall-implementazzjoniF’dan ir-rigward qed jiġi affermat li peress li l-appartenenza għall-istess grupp reġjonali hija direttament assoċjata mar-regola ta’ akkumulazzjoni reġjonali u l-avviż jinkludi l-akkumulazzjoni fir-riferiment ġeneriku tiegħu għall-possibbiltà ta’ irregolaritajiet, fl-ebda każ ma għandu jaffettwa d-dritt li jiġi invokat bona fides fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li fihom ma tkunx ġiet applikata r-regola ta’ akkumulazzjoni mal-pajjiżi li għalihom jirreferi l-avviż. F’dan il-każ, il-limitazzjoni ma tistax tapplika għal dawk l-importazzjonijiet li ma jinvolvux prodotti li joriġinaw mill-Kolombja u minn El Salvador.