Language of document : ECLI:EU:T:2015:640

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

17 ta’ Settembru 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali COMPETITION — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑550/14,

Volkswagen AG, stabbilita f’Wolfsburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Sander, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Fischer, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-15 ta’ Mejju 2014 (Każ R 2082/2013‑1), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali COMPETITION bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Lulju 2014,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2014,

wara li rat l-assenza ta’ talba għal iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq il-proċedura bil-miktub u billi għalhekk iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-11 ta’ April 2013, ir-rikorrenti, Volkswagen AG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali COMPETITION.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 12, 28, 35 u 37 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il‑Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad‑deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 12: “Vetturi tal-art bil-mutur u l-parts tagħhom; magni u sistemi ta’ drajvs għall-vetturi tal-art, drajvs għal vetturi tal-art u l-parts tagħhom; tagħmir ta gganċjar għall-vetturi tal-art; xażi għal vetturi tal-art; xażi ta’ vetturi; struttura ta’ barra għal vetturi; tajers, tubi interni għal tajers pnewmatiċi, tagħmir għal kontra ż-żliq tat-tajers ta’ vetturi, tagħmir ta’ għodod li jsewwu tubi interni, rqajja’ li jeħlu waħedhom għat-tiswija ta’ tubi interni ta’ tajers pnewmatiċi, tajers għar-roti tal-vetturi, pernijiet imqabbżin għat-tajers, ktajjen ta’ kontra ż-żlieq, ktajjen għas-silġ, rimmijiet tar-roti għall-vetturi, flanġijiet tat-tajers għar-roti tal-vetturi, roti tal-vetturi, buttun għal roti tal-karozzi; tagħmir għall-assorbiment ta’ vibrazzjonijiet tal-vetturi, molol għat-tagħmir għall-assorbiment ta’ vibrazzjonijiet tal-vetturi; serħ ir-ras għas-sedili tal-vetturi; sedili tal-vetturi; mirja li minnhom tista’ tara fuq wara; installazzjoni ta’ allarm tal-vetturi, tagħmir għal kontra s-serq għall-vetturi; lajter għall-karozzi; vetturi, vetturi bil-mutur u l-parts tagħhom; xarabanks; trakkijiet; karavans; trejlers u trejlers għat-tratturi għal vetturi, ganċijiet tat-trejlers għall-vetturi; tratturi; muturi; roti b’mutur b’forza inqas minn 50cc; omnibusesˮ;

–        klassi 28: “Mudelli ta’ vetturi fi proporzjon fiss għad-daqs reali, mudelli ta’ karozzi fi proporzjon fiss għad-daqs reali u karozzi tal-logħob; kittijiet ta’ mudelli fi proporzjon fiss għad-daqs reali [ġugarelli]; vetturi tat-tfal (inklużi fil-klassi 28), skuters (vetturi għat-tfal); karti għal-logħob; annimali taċ-ċarruta u ġugarelli oħra taċ-ċarruta; apparat ta’ logħob, apparat tal-video games, guġarelli li jistgħu jinġarru b’moniter tat-tip LCDˮ;

–        klassi 35: “Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut jew bil-grossa ta’ vetturi awtomobbli, parts ta’ vetturi awtomobbli u aċċessorji ta’ vetturi awtomobbli; servizzi ta’ bejgħ bl-imnut jew bil-grossa għall-bejgħ b’ordnijiet bil-posta ta’ vetturi awtomobbli, parts ta’ vetturi awtomobbli u aċċessorji ta’ vetturi awtomobbli; servizzi ta’ negozju bl-imnut jew bil-grossa fuq l-internet ta’ vetturi awtomobbli, parts ta’ vetturi awtomobbli u aċċessorji ta’ vetturi awtomobbli; servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u bil-grossa permezz ta’ programmi ta’ teleshopping ta’ vetturi awtomobbli, parts ta’ vetturi awtomobbli u aċċessorji ta’ vetturi awtomobbli; ragruppament (eskluż it-trasport) ta’ diversi karozzi jew parts ta’ karozzi jew aċċessorji ta’ karozzi f’isem terz sabiex ikun faċli għall-klijent f’negozju bl-imnut li jara u jixri din il-merkanzija; senserija ta’ kuntratti ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ vetturi, ta’ parts ta’ karozzi u ta’ aċċessorji ta’ karozzi f’isem terz; amministrazzjoni kummerċjali u ġestjoni organizzattiva ta’ flotot ta’ vetturi awtomobbli f’isem terzˮ;

–        klassi 37: “Konverżjoni, tiswija, servizz ta’ manutenzjoni, żarmar, manutenzjoni, kura, tindif u xogħol ta’ żebgħa fuq vetturi, magni u l-parts korrispondenti tagħhom, immontar ta’ mezzi ta’ trasport, magni u l-parts korrispondenti tagħhom f’isem terz, għajnuna f’każ ta’ ħsara fil-vettura [tiswija]; eżekuzzjoni skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-klijenti ta’ trasformazzjonijiet tal-istruttura ta’ barra, xażi u magni ta’ vetturi awtomobbli (irfinar), inklużi fil-klassi 37ˮ. Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2013, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-prodotti u servizzi kkonċernati skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2013, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-prodotti u servizzi kkonċernati skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament.

5        Fil-25 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti appellat id-deċiżjoni tal-eżaminatur, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, inkwantu hija tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-prodotti u servizzi kkonċernati.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan l-appell minħabba li s-sinjal COMPETITION kien nieqes minn karattru distintiv għall-prodotti u s-servizzi kollha kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Huwa qies, b’mod partikolari, li dan is-sinjal huwa pperċepit bħala indikazzjoni ta’ kategorija speċifika ta’ prodotti, jiġifieri dawk adatti għall-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u għaldaqstant, għal kundizzjonijiet estremi, kif ukoll ta’ servizzi li jippreparaw lill-vetturi għall-kompetizzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

9        Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija ssostni li l-Bord tal-Appell kien messu kkonkluda li s-sinjal COMPETITION kellu karattru suffiċjentement distintiv sabiex iservi ta’ indikatur tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u servizzi kkonċernati.

10      L-UASI jikkontesta dawn l-argumenti.

11      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux, b’mod partikolari, jiġu rreġistrati t-trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv.

12      Skont ġurisprudenza stabbilita, it‑trade marks imsemmija fl‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 207/2009 huma dawk li ma għandhomx il‑kapaċità jeżerċitaw il‑funzjoni essenzjali tat‑trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l‑oriġini kummerċjali tal‑prodott jew tas‑servizz inkwistjoni, sabiex b’hekk tippermetti lill‑konsumatur li jixtri l‑prodott jew is‑servizz indikat mit‑trade mark li, meta jiġi biex jagħmel akkwist ieħor, jerġa’ jagħmel l‑istess għażla jekk l‑esperjenza tkun waħda pożittiva jew, jagħmel għażla oħra jekk l‑esperjenza tkun waħda negattiva [sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2009, CFCMCEE vs UASI (P@YWEB CARD u PAYWEB CARD), T‑405/07 u T‑406/07, Ġabra, EU:T:2009:164, punt 33, u tal‑21 ta’ Jannar 2011, BSH vs UASI (executive edition), T‑310/08, EU:T:2011:16, punt 23].

13      Il-karattru distintiv ta’ sinjal għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti (sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, Ġabra, EU:C:2010:29, punt 34, u tad-9 ta’ Settembru 2010, UASI vs Borco-Marken-Import Matthiesen, C‑265/09 P, Ġabra, EU:C:2010:508, punt 32).

14      Fir-rigward ta’ trade marks komposti minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li huma barra minn hekk użati bħala slogans ta’ reklamar, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħajru x-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks, ir-reġistrazzjoni tagħhom ma hijiex eskluża minħabba użu bħal dan [sentenzi Audi vs UASI, punt 13 iktar ’il fuq, EU:C:2010:29, punt 35, u tal-11 ta’ Diċembru 2012, Fomanu vs UASI (Qualität hat Zukunft), T‑22/12, EU:T:2012:663, punt 15].

15      Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ tali trade marks, ma huwiex neċessarju li fil-konfront tagħhom jiġu applikati kriterji iktar stretti minn dawk applikabbli għal sinjali oħra (sentenzi Audi vs UASI, punt 13 iktar ’il fuq, EU:C:2010:29, punt 36, u Qualität hat Zukunft, punt 14 iktar ’il fuq, EU:T:2012:663, punt 16).

16      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ddeċidiet li ma jistax jinħtieġ li slogan ta’ reklamar ikollu “element ta’ immaġinazzjoni”, jew “kamp ta’ tensjoni kunċettwali li jista’ joħloq sorpriża u jħalli impressjoni li tiġbed l-attenzjoni” sabiex tali slogan ikollu l-karattru distintiv minimu meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenzi Audi vs UASI, punt 13 iktar ’il fuq, EU:C:2010:29, punt 39, u tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk, C‑64/02 P, Ġabra, EU:C:2004:645, punti 31 u 32).

17      Minn dan isegwi li trade mark li tikkonsisti fi slogan ta’ reklamar għandha titqies li ma hijiex ta’ karattru distintiv jekk ma tistax tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala sempliċi espressjoni promozzjonali. Madankollu, tali trade mark għandha tiġi rikonoxxuta karattru distintiv jekk, apparti mill-funzjoni promozzjonali tagħha, hija tista’ tiġi pperċepita mill-ewwel mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni [digriet tat-12 ta’ Ġunju 2014, Delphi Technologies vs UASI, C‑448/13 P, EU:C:2014:1746, punt 37; sentenzi Qualität hat Zukunft, punt 14 iktar ’il fuq, EU:T:2012:663, punt 22, u tas-6 ta’ Ġunju 2013, Interroll vs UASI (Inspired by efficiency), T‑126/12, EU:T:2013:303, punt 24].

18      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, bħalma ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kisirx l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 billi kkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv.

19      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-pubbliku rilevanti, il-Bord tal-Appell qies li l-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal COMPETITION kienu intiżi mhux biss għall-pubbliku speċjalizzat li jipparteċipa f’kompetizzjonijiet tal-karozzi, iżda wkoll għal pubbliku iktar wiesa’ li jinteressa ruħu, pereżempju, fil-vetturi jew fil-parts tal-vetturi għall-kompetizzjoni. Dan il-pubbliku tal-aħħar, ikkostitwit mill-konsumatur medju, tqies li huwa informat normalment u raġonevolment attent u prudenti. Ir-rikorrenti ma tikkontestax din l-evalwazzjoni li, barra minn hekk, ma fiha ebda żball u għandha tiġi vvalidata.

20      Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku anglofonu u l-pubbliku frankofonu tal-Unjoni Ewropea. Din il-konstatazzjoni għandha tiġi kkonfermata u għandha tiġi evalwata, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-raġuni assoluta għal rifjut, fir-rigward tal-pubbliku anglofonu u tal-pubbliku frankofonu. Fil-fatt, peress li s-sinjal inkwistjoni huwa kompletament ikkostitwit minn kelma li ġejja mil-lingwa Ingliża, hija tinftiehem mingħajr ebda diffikultà kemm minn pubbliku anglofonu kif ukoll minn pubbliku frankofonu fis-sens ta’ “kompetizzjoni” [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Cree vs UASI (TRUEWHITE), T‑208/10, EU:T:2011:340, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata].

21      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-karattru distintiv tad-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell qies li, għall-vetturi u l-parts tal-karozzi inklużi fil-klassi 12, il-pubbliku rilevanti jirrikonoxxi indikazzjoni ta’ kategorija proprja ta’ vetturi u tal-parts relatati magħhom, adatti għall-eżiġenzi tat-tlielaq. Bl-istess mod huwa qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi bħala indikazzjoni li s-servizzi inklużi fil-klassi 37 jippreparaw lill-vetturi għall-kompetizzjoni. Imbagħad, għall-ġugarelli inklużi fil-klassi 28, din it-trade mark ma hijiex distintiva la għal dawk li jippermettu li wieħed jikkompeti, u lanqas għal prodotti li “jirriproduċu” l-“artikli ta’ kompetizzjoni” Fl-aħħar nett, is-servizzi inklużi fil-klassi 35 għandhom rabta mal-prodotti kkonċernati tal-klassi 12 li għalihom is-sinjal inkwistjoni huwa nieqes minn karattru distintiv.

22      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta r-rabta stabbilita mill-Bord tal-Appell bejn il-kunċett ta’ kompetizzjoni u l-prodotti u s-servizzi kkonċernati. Fil-fehma tagħha, tali rabta teħtieġ ċertu sforz ta’ interpretazzjoni u hija fil-limitu tat-tifsira tas-sinjal. Peress li dan is-sinjal la għandu kontenut deskrittiv u lanqas wieħed ta’ tifħir, huwa għandu karattru distintiv adatt li jista’ jservi ta’ trade mark Komunitarja.

23      Għandu jiġi rrilevat li s-sinjal kontenzjuż huwa kkostitwit minn kelma waħda, komuni fl-Ingliż u fil-Franċiż, li t-tifsira tagħha hija kemm “konkorrenza” kif ukoll “kompetizzjoni”. Ir-rikorrenti tikkondividi din l-evalwazzjoni fir-rikors.

24      Għandu jingħad ukoll li l-kelma “competition” hija kelma komuni, magħrufa, hekk kif issostni r-rikorrenti nnifisha, “f’numru kbir ta’ kuntesti” mill-konsumaturi rilevanti. Din il-kelma tindika b’mod evidenti prodott jew servizz intiż għall-kompetizzjoni u, konsegwentement, li huwa ta’ kwalità eċċellenti. Għaldaqstant, il-kelma “competition” għandha karattru ta’ tifħir ta’ natura pubbliċitarja, li l-funzjoni tagħha hija li tenfasizza l-kwalitajiet pożittivi tal-prodotti u tas-servizzi li għall-preżentazzjoni tagħhom hija tintuża [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2004, Norma Lebensmittelfilialbetrieb vs UASI (Mehr für Ihr Geld), T‑281/02, Ġabra, EU:T:2004:198, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata]. L-imsemmija kelma għalhekk tkun immedjatament ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala messaġġ ta’ tifħir ta’ natura promozzjonali, li jindika li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati jippreżentaw, għall-konsumatur, vantaġġ fir-rigward ta’ kwalità meta mqabbla ma’ prodotti u servizzi kompetituri [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Best Buy Concepts/UASI (BEST BUY), T‑122/01, Ġabra, EU:T:2003:183, punt 29].

25      Għal dak li jirrigwarda “vetturi tal-art bil-mutur; vetturi, vetturi bil-mutur; xarabanks; trakkijiet; karavans; tratturi; muturi; roti b’mutur b’forza inqas minn 50cc; omnibusesˮ, inklużi fil-klassi 12, għandu jiġi kkunsidrat li s-sinjal COMPETITION jittrażmetti messaġġ ta’ tifħir li għandu l-għan li jenfasizza l-kwalitajiet pożittivi ta’ dawn il-prodotti, bħal-livell ta’ prestazzjoni tagħhom, in-natura robusta tagħhom, bħalma hija meħtieġa fil-kompetizzjonijiet u għalhekk, ukoll il-fatt li huma adatti għal kundizzjonijiet estremi ta’ użu. Hekk kif ġustament indika l-Bord tal-Appell fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-vetturi intiżi għall-kompetizzjoni, pereżempju waqt it-tlielaq tal-karozzi, huma iktar veloċi u iktar sodi mill-vetturi l-oħra. Barra minn hekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tinkludi ebda element li, lil hinn mit-tifsira tiegħu manifestament promozzjonali, jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jikkunsidrah faċilment u direttament bħala trade mark li tindika l-impriża li minnha joriġinaw il-vetturi kkonċernati.

26      Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-kelma li tikkostitwixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex ekwivoka u ma għandha ebda profondità semantika li tipprojbixxi lill-pubbliku rilevanti li jagħmel rabta diretta ma’ dawn il-prodotti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2015, Blackrock vs UASI (INVESTING FOR A NEW WORLD), T‑59/14, EU:T:2015:56, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Ir-rikorrenti hija żbaljata meta tallega li tali rabta ma tistax tiġi stabbilita ħlief sa fejn il-vetturi kkonċernati jistgħu wkoll jintużaw, skont il-każ, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, huwa irrilevant li, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-kelma “competition” tintuża f’kuntesti oħrajn li ma humiex fis-settur tal-karozzi, bħal fid-dritt tal-kompetizzjoni, peress li l-karattru distintiv għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-prodotti li għalihom tkun saret l-applikazzjoni (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

27      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li l-kelma “competition”, kuntrarjament għal indikazzjonijiet bħal Turbo, ABS jew 4×4, ma tistax tintuża biex tiddeskrivi direttament vettura tal-art bil-mutur jew waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħha huwa invalidu, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u mhux fuq l-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan l-istess regolament. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod validu s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2008, Ford Motor vs UASI (FUN) (T‑67/07, Ġabra, EU:T:2008:542), peress li fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, l-analiżi tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell hija bbażata kompletament fuq analiżi żbaljata tal-karattru deskrittiv tagħha fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament (sentenza FUN, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2008:542, punti 53 u 54).

28      Filwaqt li tammetti li l-kelma “competition” tista’ tittrażmetti indikazzjoni speċifika fir-rigward tal-vetturi, ir-rikorrenti ssostni li ma tiġix ipperċepita “biss” mill-pubbliku rilevanti bħala informazzjoni fuq it-tip ta’ prodotti jew ta’ servizzi u l-oriġini tagħhom. Hija ssostni li l-kontenut informattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti kkonċernati ma huwiex tant ċar u apparenti b’tali mod li din it-trade mark tista’ madankollu sservi għall-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tonqos milli tipprova l-eżistenza ta’ element ta’ immaġinazzjoni, ta’ sorpriża u mhux mistenni tali li jagħti lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, karattru distintiv li jista’ jimmina l-konklużjoni li tinsab fil-punt 25 iktar ’ il fuq.

29      Għal dak li jirrigwarda vetturi u parts li jikkostitwixxu vetturi inklużi fil-klassi 12, jiġifieri l-“parts [ta’ vetturi tal-art bil-mutur]; magni u sistemi ta’ drajvs għall-vetturi tal-art, drajvs għal vetturi tal-art u l-parts tagħhom; tagħmir ta gganċjar għall-vetturi tal-art; xażi għal vetturi tal-art; xażi ta’ vetturi; struttura ta’ barra għal vetturi; tajers, tubi interni għal tajers pnewmatiċi, tagħmir għal kontra ż-żliq tat-tajers ta’ vetturi, tagħmir ta’ għodod li jsewwu tubi interni, rqajja’ li jeħlu waħedhom għat-tiswija ta’ tubi interni ta’ tajers pnewmatiċi, tajers għar-roti tal-vetturi, pernijiet imqabbżin għat-tajers, ktajjen ta’ kontra ż-żlieq, ktajjen għas-silġ, rimmijiet tar-roti għall-vetturi, flanġijiet tat-tajers għar-roti tal-vetturi, roti tal-vetturi, buttun għal roti tal-karozzi; tagħmir għall-assorbiment ta’ vibrazzjonijiet tal-vetturi, molol għat-tagħmir għall-assorbiment ta’ vibrazzjonijiet tal-vetturi; serħ ir-ras għas-sedili tal-vetturi; sedili tal-vetturi; mirja li minnhom tista’ tara fuq wara; installazzjoni ta’ allarm tal-vetturi, tagħmir għal kontra s-serq għall-vetturi; lajter għall-karozzi; parts [għal vetturi, vetturi bil-mutur]; xarabanks; trakkijiet; karavans; trejlers u trejlers għat-tratturi għal vetturi, ganċijiet tat-trejlers għall-vetturiˮ, għandu jiġi kkonstatat li, kif huwa ġustament indikat fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sinjal COMPETITION jittrażmetti messaġġ promozzjonali ġenerali inkwantu jindika li l-prodotti kkonċernati jistgħu jintużaw fil-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jew fil-kompetizzjonijiet u li konsegwentement huwa ta’ kwalità aħjar u ta’ natura iktar robusta minn prodotti ordinarji. Pereżempju, fil-qasam tal-isport tal-karozzi, ġew irfinati tajers li jiksbu l-aħjar ħin possibbli fir-rawnds tal-kwalifikazzjonijiet [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2011, Goodyear Dunlop Tyres UK/UASI – Sportfive (QUALIFIER), T‑424/09, EU:T:2011:735, punt 44]. Għaldaqstant, is-sinjal jikkostitwixxi sempliċi indikazzjoni ta’ tifħir fil-kuntest tal-prodotti kkonċernati.

30      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, normalment, il-konsumaturi rilevanti jistaqsu dwar il-kompatibbiltà teknika ta’ dan it-tip ta’ prodott mal-vetturi tagħhom [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Apollo Tyres vs UASI – Endurance Technologies (ENDURACE), T‑109/11, EU:T:2013:211, punt 54]. Għaldaqstant, teżisti rabta ċara u diretta bejn il-prodotti kkonċernati u l-vetturi inklużi fil-klassi 12 li għalihom is-sinjal COMPETITION huwa nieqes minn karattru distintiv, b’tali mod li dan is-sinjal huwa wkoll nieqes minn karattru distintiv fir-rigward tagħhom.

31      Għal dak li jirrigwarda s-servizzi inklużi fil-klassi 37 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tindika biss li dawn is-servizzi jippreparaw il-vetturi għall-kompetizzjoni u li għalhekk hija kienet nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward tagħhom. Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konstatazzjoni billi ssostni li l-kelma “competition” ma għandha ebda rabta loġika mal-imsemmija servizzi u li l-interpretazzjoni tal-Bord tal-Appell tmur lil hinn mil-limiti tal-kontenut semantiku ta’ din it-trade mark. Fil-fehma tiegħu, fil-kuntest tas-servizzi inklużi fil-klassi 37, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tfakkarx “awtomatikament” lill-pubbliku rilevanti t-tlielaq tal-karozzi u r-rallies u, min-naħa l-oħra, dan il-pubbliku ma jitlaqx mill-prinċipju li, pereżempju, bdil ta’ tajers jipprepara lill-vettura tiegħu għal tali kompetizzjoni.

32      Argumenti bħal dawn ma jistgħux ikunu konvinċenti fid-dawl tat-tifsira tal-kelma “competition” u l-mod kif inhi mifhuma mill-pubbliku rilevanti. Fil-fatt, dawn is-servizzi kollha għandhom rabta espliċita mal-prodotti kontenzjużi inklużi fil-klassi 12 li għalihom l-assenza ta’ karattru distintiv tas-sinjal ġiet stabbilita. Il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata li s-servizzi ta’ tiswija, ta’ manutenzjoni u ta’ reviżjoni ta’ vetturi inklużi fil-klassi 37 jistgħu jitqiesu bħala aċċessorji jew supplimentari meta mqabbla mal-vetturi inklużi fil-klassi 12, peress li ta’ spiss dawn huma pprovduti mill-istess impriżi bħal dawk li jikkummerċjalizzaw il-vetturi bil-mutur [sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Volkswagen vs UASI – Nacional Motor (Variant), T‑317/03, EU:T:2006:27, punt 44]. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi dan is-sinjal, fir-rigward tas-servizzi inklużi fil-klassi 37, fosthom b’mod partikolari l-manutenzjoni tal-vetturi, ta’ magni u ta’ parts korrispondenti, bħala indikazzjoni ta’ tifħir, inkwantu dawn is-servizzi għandhom l-għan li jirrendu l-vetturi kompetittivi jew iktar effiċjenti. Is-sens tal-kelma “competition”, li ma huwiex ikkontestata mir-rikorrenti (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), jirriżulta immedjatament u b’mod evidenti mill-formulazzjoni tagħha u ma għandu bżonn ebda sforz ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti.

33      Għal dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ bejgħ bl-ingrossa jew bl-imnut inkluż fil-klassi 35 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma għandhom rabta espliċita mal-prodotti kkonċernati inklużi fil-klassi 12 li għalihom is-sinjal COMPETITION kien nieqes minn karattru distintiv. Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni billi ssostni li, peress li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod żbaljat il-karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti inklużi fil-klassi 12, l-evalwazzjoni li tikkonċerna l-imsemmija servizzi hija wkoll żbaljata. Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-rabta stabbilita mill-Bord tal-Appell bejn il-prodotti inklużi fil-klassi 12 u s-servizzi inklużi fil-klassi 35, inklużi r-“ragruppament (eskluż it-trasport) ta’ diversi karozzi jew parts ta’ karozzi jew aċċessorji ta’ karozzi f’isem terz sabiex ikun faċli għall-klijent f’negozju bl-imnut li jara u jixri din il-merkanzija; senserija ta’ kuntratti ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ vetturi, ta’ parts ta’ karozzi u ta’ aċċessorji ta’ karozzi f’isem terz; amministrazzjoni kummerċjali u ġestjoni organizzattiva ta’ flotot ta’ vetturi awtomobbli f’isem terzˮ inklużi f’din il-klassi tal-aħħar. Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal dawn il-prodotti, għandu jitqies li, għall-pubbliku rilevanti kkonfrontat bit-tifsira evidenti tas-sinjal fil-mument tad-deċiżjoni li jixtri dawn il-prodotti, il-kelma hija wkoll mhux distintiva mill-attività ta’ bejgħ tal-imsemmija prodotti, sew jekk fil-kuntest ta’ bejgħ bl-imnut, bil-gross jew bl-internet.

34      Għal dak li jirrigwarda l-prodotti inklużi fil-klassi 28 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell għamel distinzjoni bejn, minn naħa, il-ġugarelli li jippermettu li wieħed jikkompeti, fosthom il-logħob tal-karti u l-video games u, min-naħa l-oħra, il-prodotti l-oħra li “jirriproduċu” l-“artikli ta’ kompetizzjoni”. Huwa jqis li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellha karattru distintiv għall-ebda wieħed minn dawn il-prodotti. Ir-rikorrenti ma tippreżenta ebda argument li jippermetti li tiġi kkontestata din il-konklużjoni sa fejn hija tikkonċerna l-ewwel kategorija ta’ prodotti.

35      Għal dak li jikkonċerna t-tieni kategorija ta’ prodotti, ir-rikorrenti essenzjalment tillimita ruħha sabiex issostni li, peress li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod żbaljat il-karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti inklużi fil-klassi 12, l-evalwazzjoni li tikkonċerna dawn il-prodotti hija wkoll żbaljata. Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-rabta stabbilita mill-Bord tal-Appell bejn iż-żewġ klassijiet ta’ prodotti. Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-assenza ta’ karattru distintiv tas-sinjal kontenzjuż għall-prodotti kollha inklużi fil-klassi 12, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’ għall-prodotti inklużi fil-klassi 28. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tittrażmetti messaġġ promozzjonali analogu għall-prodotti kollha inklużi fil-klassi 28 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), b’tali mod li hija ma hijiex ipperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom.

36      Minn dak li ntqal jirriżulta li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni la tippermetti lill-pubbliku rilevanti li jidentifika l-oriġini tal-prodotti u servizzi kkonċernati, u lanqas li jiddistingwihom minn dawk ta’ impriżi oħrajn u li, għaldaqstant, hija ma għandhiex karattru distintiv. Konsegwentement, dan is-sinjal ma jippermettix lill-pubbliku rilevanti jidentifika l-oriġini tal-imsemmija prodotti u servizzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma hijiex intitolata tinvoka l-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

37      Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-argumenti tar-rikorrenti.

38      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li fis-settur tal-karozzi, il-pubbliku rilevanti huwa mdorri għal trade marks u għal trade marks sussidjarji li, xi ftit jew wisq għandhom karattru promozzjonali. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, il-konsumatur ser jipperċepixxi mingħajr problema s-sinjal COMPETITION bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti u servizzi kollha kkonċernati u, għalhekk, bħala sinjal distintiv.

39      Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jikkontradixxi direttament l-argument li jinsab fil-punt 16 tar-rikors li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li l-kelma “competition” ma għandha ebda natura ta’ tifħir. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti la tikkritika t-tifsira tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni, u lanqas il-konklużjonijiet ta’ dan tal-aħħar rigward l-identità u l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti. Għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sinjal COMPETITION, anki bħala terminu promozzjonali, ma huwiex suffiċjentement oriġinali jew rikk b’tifsiriet sabiex jirrikjedi sforz minimu ta’ interpretazzjoni, ta’ riflessjoni jew ta’ analiżi min-naħa tal-pubbliku rilevanti, sabiex dan ikun jista’ jassoċjah immedjatament mal-prodotti u servizzi kkonċernati. Fil-fatt, il-messaġġ trażmess għal dan il-pubbliku, fid-dawl tat-tifsira tas-sinjal meqjusa fil-punt 23 iktar ’il fuq, huwa ta’ natura pubbliċitarja. Il-funzjoni tiegħu hija li jenfasizza l-kwalitajiet pożittivi tal-prodotti u tas-servizzi proposti bħala adatti għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, sa fejn il-pubbliku rilevanti ma huwiex wisq attentiv fir-rigward ta’ sinjal li ma jtihx indikazzjoni fuq l-oriġini jew id-destinazzjoni ta’ dak li jixtieq jixtri, iżda pjuttost itih informazzjoni esklużivament promozzjonali u astratta, huwa la ser ifittex li jirriċerka d-diversi funzjonijiet possibbli tal-kelma inkwistjoni u lanqas li jimmemorizzaha bħala trade mark (ara s-sentenza Qualität hat Zukunft, punt 14 iktar ’il fuq, EU:T:2012:663, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hemm lok li l-argumenti tar-rikorrenti dwar trade marks oħra tal-istess settur ta’ attività jiġu miċħuda.

40      Dan jgħodd ukoll għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li essenzjalment jipprovdu li, l-Bord tal-Appell ma eskludiex bi kważi ċertezza li l-pubbliku rilevanti jista’ jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala li għandha l-karattru distintiv meħtieġ. Għandu jiġi kkonstatat li ebda karattru distintiv ma jista’ jiġi rikonoxxut lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’tali mod li l-Bord tal-Appell ma applikax b’mod strett ħafna l-kriterju previst fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 billi ċaħad l-appell ippreżentat quddiemu.

41      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li essenzjalment jipprovdi li, fid-dawl tal-prassi tiegħu fil-qasam tar-reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell kellu jqis li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru distintiv, għandu jitfakkar li l-UASI għandu l-obbligu jeżerċita l-kompetenzi tiegħu konformement mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra, EU:C:2011:139, punt 73).

42      Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ prinċipji tal-aħħar, l-UASI għandu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari l-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens (sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, punt 41 iktar ’il fuq, EU:C:2011:139, punt 74).

43      Fid-dawl ta’ dan, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità (sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, punt 41 iktar ’il fuq, EU:C:2011:139, punt 75).

44      Konsegwentement, il-persuna li tressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor bl-għan li tikseb deċiżjoni identika (sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, punt 41 iktar ’il fuq, EU:C:2011:139, punt 76).

45      Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu. Dan l-eżami għandu jitwettaq f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni u maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt raġuni għal rifjut (sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, punt 41 iktar ’il fuq, EU:C:2011:139, punt 77).

46      F’dan il-każ, ġara li bil-kontra ta’ dak li seta’ jkun il-każ għal ċerti applikazzjonijiet preċedenti għal reġistrazzjoni ta’ sinjali, din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija milquta minn waħda mir-raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI, hekk kif ġustament ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata.

48      It-tielet nett, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-argument li jipprovdi, essenzjalment, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex deskrittiva u ma hijiex f’kunflitt ma ebda obbligu ta’ disponibbiltà. Fid-dawl tal-fatt li l-Bord tal-Appell ma bbażax id-deċiżjoni kkontestata fuq ir-raġuni assoluta ta’ rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u li r-rikorrenti trid biss l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża, fis-sens tal-Artikolu 65 ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, tal-istħarriġ ta’ legalità li l-qorti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżerċita f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza P@YWEB CARD u PAYWEB CARD, punt 12 iktar ’il fuq, EU:T:2009:164, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, huwa biżżejjed li waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut tapplika sabiex is-sinjal kontenzjuż ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Telefon & Buch vs UASI – Herold Business Data (WEISSE SEITEN), T‑322/03, Ġabra, EU:T:2006:87, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata].

50      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

51      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Volkswagen AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.