Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Jannar 2023 minn Thomas Heidmann mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-18 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-586/22, Heidmann vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża C-43/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Thomas Heidmann (rappreżentant: S. Manna, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla fl-intier tiegħu d-digriet T-586/22 mogħti fit-18 ta’ Novembru 2022 billi l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea wettqet diversi żbalji ta’ liġi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell ippreżentat minnu, l-appellant iressaq ħames aggravji:

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-iżball li għamlet il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) minħabba l-iżnaturament tal-motivi li ressaq Heidmann. Il-QĠUE ddeċidiet il-kawża daqslikieku Heidmann ibbaża ruħu fuq il-libertà ta’ moviment fl-Unjoni Ewropea, mentri r-rikors tiegħu kien ibbażat fuq id-dritt għas-saħħa u għall-ħajja.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi fir-rigward tal-kundizzjoni li teħtieġ li r-Regolament ikkontestat jipproduċi l-effetti tiegħu direttament fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellant. Il-QĠUE ddeċidiet li r-Regolamenti kkontestati ma kellhom l-ebda effett fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellant minħabba li dawn sempliċiment jistabbilixxu qafas tekniku.

Ladarba r-Regolament (UE) 2022/1034 jistabbilixxi qafas tekniku, dan tal-aħħar jipproduċi effetti direttament fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellant u ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jixtieq jibbenefika minn ċertifikat diġitali Ewropew tal-COVID-19.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi fir-rigward tal-kundizzjoni dwar is-setgħa diskrezzjonali tad-destinatarji tal-att ikkontestat. Il-QĠUE ddeċidiet li r-Regolamenti kkontestati sempliċement jistabbilixxu qafas tekniku li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex japplikawhom u li, għalhekk, ma jistax jingħad li dawn l-imsemmija regolamenti japplikaw b’mod awtomatiku.

Madankollu, il-każ preżenti jirrigwarda regolament ta’ portata ġenerali li jistabbilixxi qafas tekniku li permezz tiegħu kull ċittadin Ewropew jingħata ċertifikat diġitali tal-COVID-19 li japplika direttament fid-dritt nazzjonali. L-Istati Membri ma għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali: jew iċ-ċertifikat nazzjonali tal-COVID-19 tagħhom jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolament u ċ-ċittadin jibbenefika miċ-ċertifikat diġitali Ewropew tal-COVID-19, jew ma jissodisfahomx u ċ-ċittadin ma jgawdix miċ-ċertifikat diġitali Ewropew tal-COVID-19.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi dwar l-adegwatezza tar-rikors sabiex il-parti li tkun ppreżentatu tiskeb benefiċċju personali. Il-QĠUE ddeċidiet li permezz tal-annulament tar-Regolamenti kkontestati ċ-ċittadini ma jistgħu jiksbu l-ebda benefiċċju minħabba li r-Regolamenti kkontestati jistabbilixxu biss qafas tekniku. Issa, ma jistax jiġi miċħud li, peress li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti kkontestati jagħtu ċ-ċertifikat diġitali Ewropew tal-COVID-19 lill-persuni mhux skrinjati, l-annullament tagħhom jippermetti l-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-deċiżjoni li jiġi estiż iż-żmien tal-mekkaniżmu sat-30 ta’ Ġunju 2023. Il-QĠUE ddeċidiet li,“fid-dawl tal-inċertezzi li għadhom jeżistu dwar kif ser tiżvolġi l-pandemija”, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ġie osservat. Madankollu, il-QĠUE invokat hawnhekk il-prinċipju ta’ prekawzjoni li huwa differenti mill-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeħtieġ ġustifikazzjoni, f’dan il-każ xjentifika, u mhux konġetturi vagi.

____________