Language of document : ECLI:EU:F:2010:122

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-2/10

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-mard — Talbiet għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi — Assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju — Rikors manifestament inammissibbli u manifestament infondat fid-dritt — Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio b’mod partikolari jitlob, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tiegħu tas-17 ta’ Marzu 2009 għar-rimbors 100 % tal-ispejjeż mediċi kollha li nefaq bħala riżultat tal-inċident li fih kien vittma fid-29 ta’ Ottubru 2001, fit-tieni lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Settembru 2009, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni li tiċħad it-talba tiegħu tas-17 ta’ Marzu 2009, it-tielet nett, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu ammont korrispondenti ugwali għad-differenza bejn l-ispejjeż mediċi li hu ġarrab bejn l-1 ta’ Diċembru 2000 u s-17 ta’ Marzu 2009 u rimborsi riċevuti bħala tali, jew kwalunkwe ammont ieħor li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġust u ekwu f’din il-kawża, flimkien mal-interessi bir-rata ta’ 10 % fis-sena, flimkien ma’ kapitalizzazzjoni fis-sena.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud, parzjalment, bħala manifestament inammissibbli u, parzjalment, bħala manifestament infondat. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż. Ir-rikorrent huwa kkundannat jirrimborsa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-ammont ta’ EUR 1 500.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Tweġiba provviżorja mill-amministrazzjoni għat-talba ta’ uffiċjal — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Jekk, minbarra l-annullament ta’ deċiżjoni kkontestata, uffiċjal jitlob ukoll, sa fejn meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba tiegħu, dawn l-aħħar talbiet, huma, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu u huma magħquda ma’ dawk li saru kontra d-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punt 26)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Ġunju 2004, Liakoura vs Il‑Kunsill, T‑330/03, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑859, punt 13; It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Diċembru 2008, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑34/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑477 u II‑A‑1‑2637, punt 27

2.      Att li jikkawża preġudizzju huwa dak li jipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti tali li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sinjifikattiv l-istatus ġuridiku tar-rikorrent, u tali att għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti u għandu jkun fih pożizzjoni finali meħuda mill-amministrazzjoni.

Dan ma huwiex il-każ ta’ ittra mill-istituzzjoni li fiha l-istituzzjoni tagħti tweġiba pożittiva għal parti tat-talba tal-uffiċjal, li tispeċifikalu ċerti punti b’tweġiba għat-talba tiegħu u tgħarrfu li l-eżami tat-talba tiegħu qed isir.

(ara l-punti 29 u 32 sa 34)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il‑Kummissjoni, F‑101/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata