Language of document : ECLI:EU:F:2016:189

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

1 ta’ Awwissu 2016

Kawża F‑39/13

Jolanta Sajewicz-Świackiewcz

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba taħt skemi oħra, lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni – Deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz li tapplika d-DĠI l-ġodda dwar l-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura – Rikors manifestament infondat”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Jolanta Sajewicz-Świackiewcz talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrikonoxxi l-akkreditazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni Ewropea wara t-trasferiment tad-drittijiet tagħha tal-pensjoni miksuba qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni kif ukoll, sa fejn ikun hemm bżonn, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħha.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħuda bħala manifestament infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Applikazzjoni immedjata tar-regola l-ġdida lill-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt ir-regola l-antika – Adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ġodda ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Applikazzjoni lit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mituba qabel l-adozzjoni tar-regola l-ġdida iżda mwettqa wara d-dħul tagħha fis-seħħ – Ksur tad-drittijiet miksuba u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ġodda ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Differenza fit-trattament bejn uffiċjali li ttrasferixxew il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom lejn l-iskema tal-Unjoni, rispettivament, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2)))

1.      L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jirrigwarda trasferiment lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni oħra, mitluba qabel l-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet iżda li seħħ wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ma huwiex kuntrarju għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward, skont prinċipju ġeneralment irrikonoxxut, u sakemm ma jkunx hemm deroga, regola ġdida tapplika immedjatament għas-sitwazzjonijiet li jkunu għad iridu jimmaterjalizzaw kif ukoll għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li diġà jkunu mmaterjalizzaw, mingħajr ma jkunu madankollu kompletament ikkostitwiti, taħt ir-regola l-qadima. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li nibtu u kienu definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, u li joħolqu drittijiet miksuba. Dritt jitqies li huwa miksub biss meta l-fatt li jiġġenerah ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dritt fejn il-fatt li ġġenerah ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata.

Madankollu, minn naħa, l- Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprekludix tali applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda.

Min-naħa l-oħra, la l-kommunikazzjoni, lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal li ressaq talba ta’ trasferiment lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni ta’ drittijiet ta’ pensjoni miksuba fl-ambitu ta’ skema ta’ pensjoni oħra, ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni, inqas u inqas, lanqas is-sempliċi, tressiq ta’ din it-talba ma jbiddlu s-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata u ma jipproduċux effetti legali vinkolanti. Għaldaqstant, ma jeżistux, għal uffiċjal jew membru tal-persunal, drittijiet miksuba li jistgħu jinkisru b’applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda.

Barra minn hekk, id-dritt ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal li jiġi rrikonoxxut lilha akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz biss ladarba jiġi ttrasferit għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tagħha miksuba taħt skema oħra.

(ara l-punti 32 sa 35, 37)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 151 sa 154 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Billi tadotta d-dispożizzjonijiet ġenerali l-ġodda ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li minnu jirriżulta differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li kellhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksub taħt skema oħra ttrasferit lejn is-sistema tal-Unjoni, rispettivament, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet, istituzzjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li t-trattament differenti jaffettwa uffiċjali li ma jagħmlux parti minn kategorija waħda u unika.

Fil-fatt, l-uffiċjali li fir-rigward tagħhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba taħt skema oħra ma ġewx ittrasferiti għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda ma humiex fl-istess sitwazzjoni legali tal-uffiċjali li d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba preċedentement għad-dħul tagħhom fis-servizz kienu diġà, qabel din id-data, ġew ittrasferiti, taħt il-forma ta’ kapital, għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u li fir-rigward tagħhom ġiet adottata deċiżjoni li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz ta’ pensjoni f’din l-aħħar sistema. Tal-ewwel għad għandhom drittijiet għall-pensjoni fi skema oħra filwaqt li, għat-tieni, diġà seħħ it-trasferiment tal-kapital għandu bħala riżultat l-estinzjoni ta’ dawn id-drittijiet u r-rikonoxximent li tikkorrispondi għal akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

Barra minn hekk, din id-differenza fit-trattament hija bbażata fuq element oġġettiv u indipendenti mill-volontà tal-istituzzjoni kkonċernata, jiġifieri ċ-ċelerità ta’ trattament, mill-iskema ta’ pensjoni esterna kkonċernata, tal-applikazzjoni ta’ trasferiment tal-kapital inkwistjoni.

(ara l-punt 42)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 177 sa 180