Language of document : ECLI:EU:T:2011:144

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ April 2011(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali COMIT – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti Comet – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tas-sinjali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/96”

Fil-Kawża T‑84/08,

Intesa Sanpaolo SpA, stabbilita f’Torino (l-Italja), irrappreżentata minn A. Perani u P. Pozzi, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Kaase, J‑C. Plate u M. Berger, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tad-19 ta’ Diċembru 2007 (Każ R 138/2006‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG u Intesa Sanpaolo SpA,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u K. O’Higgins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ġunju 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2008,

wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-21 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti, Intesa San Paolo SpA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali COMIT.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 16, 35, 36, 41 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; inċiżjonijiet; materjal għall-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali għall-artisti; pniezel taż-żebgħa; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (minbarra għamara); materjal istruttiv jew għat-tagħlim (minbarra apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra); tipa tal-printer; inċiżjonijiet tal-istampar”;

–        Klassi 35: “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju”;

–        Klassi 36: “Assigurazzjoni; affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli”;

–        Klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet sportivi u ta’ divertiment”;

–        Klassi 42: “Servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi kif ukoll servizzi ta’ riċerka u disinn relatati magħhom; analiżi industrijali u riċerka industrijali; servizzi legali”.

4        L‑applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bullettin tat‑Trade marks Komunitarji Nru 80/2003, tat-3 ta’ Novembru 2003.

5        Fid-29 ta’ Jannar 2004, il-predeċessur tal-intervenjenti, MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG, għamlet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li kienet tallega probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark figurattiva Ġermaniża, irreġistrata bin-numru 39920459, riprodotta hawn taħt:

Image not found

7        Il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 35, 36, 41 u 42 u jikkorrispondu, għal kull waħda mill-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 9: “Apparat għar-reġistrazzjoni, it-trażmissjoni u r-riproduzzjoni tal-ħoss tax-xbihat; tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, diski li tirrekordja fuqhom”;

–        Klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali inklużi fil-klassi 16; materjal stampat; materjal għall-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali għall-artisti; pniezel taż-żebgħa; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (minbarra għamara); materjal istruttiv jew għat-tagħlim (minbarra apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar inklużi fil-klassi 16; karti tal-logħob; tipa tal-printer; inċiżjonijiet tal-istampar”;

–        Klassi 35: “Reklamar; ġestjoni; amministrazzjoni ta’ negozju; servizzi ta’ uffiċċju”;

–        Klassi 36: “Servizzi ta’ assigurazzjoni; servizzi finanzjarji; tranżazzjonijiet bi flus; servizzi relatati mal-proprjetà immobbli”;

–        Klassi 41: “Edukazzjoni, taħriġ, divertiment, attivitajiet kulturali u sportivi”;

–        Klassi 42: “Pjanifikazzjoni ta’ proġetti tekniċi, pjanifikazzjoni ta’ kostruzzjonijiet; pariri fil-qasam tal-kostruzzjoni; kull servizz ħlief dawk is-servizzi marbuta mas-setturi tal-għodda u tal-għodda bil-magna”.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni. Hija ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għall-prodotti fil-klassi 16 peress li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni għal dawn tal-aħħar fit-territorju Ġermaniż.

9        Fl-20 ta’ Jannar 2006, l-intervenjenti ppreżentat appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, sa fejn din id-deċiżjoni ċaħdet l-oppożizzjoni tagħha għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35, 36, 41 u 42. Fl-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għall-appell, ir-rikorrenti talbet li din id-deċiżjoni tinbidel sa fejn hija kienet tilqa’ l-oppożizzjoni għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 16.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell qies li l-appell kien fondat u ċaħad l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għas-servizzi kollha li għalihom saret l-applikazzjoni. Skont il-Bord tal-Appell, is-servizzi li kellhom jiġu pparagunati kienu identiċi. Fir-rigward taż-żewġ sinjali inkwistjoni, huwa kkunsidra li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet issottovalutat il-livell ta’ xebh fonetiku tagħhom. Huwa osserva li x-xebh viżiv u fuq kollox ix-xebh fonetiku bejn is-sinjali kunfliġġenti kien daqshekk qawwi li l-konsumaturi jikkunsidraw li s-servizzi pprovduti taħt it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellhom l-istess oriġini kummerċjali bħal dik tas-servizzi identiċi protetti mit-trade mark preċedenti. Skont il-Bord tal-Appell, l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti taqa’ pjuttost fuq il-bidu tal-kelma li huwa identiku fiż-żewġ sinjali. Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tinbidel, il-Bord tal-Appell ċaħadha bħala inammissibbli minħabba l-fatt li din kienet ekwivalenti għal rikors distint minn dak ippreżentat mill-intervenjenti f’dan il-każ, u dan ma kienx previst mir-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Fir‑rikors, ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tbiddel id-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkonferma d-deċiżjoni tal-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sa fejn hija tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 36, 41 u 42;

–        tbiddel id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sa fejn hija tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16;

–        tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u servizzi kollha li jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 35, 36, 41 u 42;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż sostnuti matul din il-kawża, kif ukoll dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ appell quddiem l-UASI.

12      L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        sussidjarjament, fil-każ fejn l-ewwel motiv jiġi milqugħ, tbiddel id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-“rikors sussidjarju”;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fiż-żewġ każijiet jew, sussidjarjament, tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tiegħu biss skont l-Artikolu 136(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

13      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir‑rikors.

14      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li t-talbiet tagħha kienu intiżi biss għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għall-kundanna tal-UASI għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI. Il-Qorti Ġenerali ħadet konjizzjoni dwar dan fil-minuti tas-seduta.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 221), kif emendat, u t-tieni wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96

16      Fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għall-appell, ippreżentat rikors intiż sabiex il-Bord tal-Appell ibiddel id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16. Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat, irrifjuta li jeżamina dan ir-“rikors sussidjarju” bi ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96.

17      Hija ssostni li, skont din id-dispożizzjoni, il-konvenuta quddiem il-Bord tal-Appell għandha d-dritt li tippreżenta “rikors sussidjarju”. Numru ta’ Bordijiet tal-Appell irrikonoxxew tali dritt taħt id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Waqt is-seduta, hija speċifikat li hija kellha dritt għal eżami miż-żewġ istanzi tal-UASI u li r-rifjut tal-Bord tal-Appell li jeżamina r-“rikors sussidjarju” kien jippreġudika dan id-dritt.

18      L-UASI jikkunsidra li l-motivi tal-Bord tal-Appell dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 huma ambigwi. Skont l-UASI, il-Bord tal-Appell kellu l-intenzjoni li jindika li “rikors sussidjarju” bħal dak inkwistjoni huwa ammissibbli biss jekk jikkonċerna kwistjoni, fuq punt ta’ liġi jew ta’ fatt, li diġà tkun tqajmet fil-kuntest tal-appell prinċipali, jew li tali rikors ma huwiex ammissibbli meta l-punti mqajma ma jkollhomx rabta mal-appell prinċipali u l-konvenuta quddiem il-Bord tal-Appell tkun setgħet tippreżenta rikors indipendenti fuq dawn il-punti.

19      L-UASI jsostni li din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata b’mod wiesa’, mingħajr il-limitazzjonijiet impliċiti introdotti mill-Bord tal-Appell f’dan il-każ. B’hekk, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma infondati. Madankollu dan ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, ġaladarba l-motivazzjoni tagħha testendi wkoll għall-prodotti kkonċernati bir-“rikors sussidjarju”.

20      Fir-risposta tagħha, l-intervenjenti tikkunsidra li, minkejja l-fatt li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 jipprovdi l-possibbiltà ta’ “rikors sussidjarju”, in-nuqqas ta’ eżami ta’ din il-possibbiltà mir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ma għandux inċidenza fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ.

21      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-allegazzjoni tal-intervenjenti ppreżentata waqt is-seduta, li tgħid li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 ma jippermetti ebda talba sussidjarja min-naħa tar-rikorrenti f’dan il-każ quddiem il-Bord tal-Appell hija inammissibbli, ġaladarba din l-allegazzjoni ma tintrabatx mal-motivi u mal-argumenti żviluppati fir-risposta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Alcon vs UASI u *Acri.Tec, C-481/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 17).

22      Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96:

“Fil-proċeduri inter partes, il-parti tad-difiża tista’, fl-osservazzjonijiet bħala risposta tagħha, tħejji konklużjonijiet maħsuba għall-annullament jew għal tibdil tad-deċiżjoni kontestata fuq punt mhux imqajjem waqt l-appell. Tali konklużjonijiet ma jkollhomx oġġett fil-każ li min iressaq l-appell jirtira.”

23      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, il-konvenuta tista’, fl-osservazzjonijiet tagħha, teżerċita d-dritt tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni li qed tiġi kkontestata. Is-sempliċi kwalità tagħha bħala konvenuta tippermettilha b’hekk li tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, bħalma sostniet ġustament ir-rikorrenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 ma jillimitax dan id-dritt għall-motivi diġà mqajma fl-appell. Fil-fatt, huwa jipprovdi li t-talbiet jikkonċernaw punt mhux imqajjem fl-appell. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-fatt li l-konvenuta setgħet tippreżenta hija stess appell mid-deċiżjoni kkontestata. Iż-żewġ rimedji ġuridiċi jeżistu sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni li oppożizzjoni tiġi milqugħa u li tiċħad it-talba għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

24      F’dan il-każ, fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-rikorrenti kellha d-dritt, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, tikkontesta r-rifjut mir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16, u l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat ċaħad din it-talba bħala inammissibbli.

25      Għaldaqstant, l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 għandu jiġi milqugħ.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

26      Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, b’tali mod li ma teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tas-servizzi kkonċernati u li, b’hekk, il-Bord tal-Appell b’mod żbaljat annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward. Hija ssostni li:

–        it-trade mark preċedenti tinkludi elementi figurattivi u kkuluriti addizzjonali li jiddistingwuha mis-sinjal verbali COMIT;

–        iż-żewġ sinjali huma wkoll differenti mill-perspettiva fonetika, fejn il-parti finali tal-kliem tiġi ppronunzjata b’mod differenti mill-konsumaturi Ġermaniżi minħabba l-fatt li t-tieni vokali (“e” u “i”) jiddistingwu ruħhom minn xulxin;

–        iż-żewġ sinjali huma kunċettwalment differenti; it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni COMIT hija kelma inventata li tfisser “commerciale” u “italiana” bit-Taljan, filwat li t-trade mark preċedenti Comet, li tfisser “kometa” bl-Ingliż, tevoka l-kelma Ġermaniża “Komet” li għandha l-istess tifsira;

–        minħabba dawn id-differenzi, iż-żewġ sinjali huma globalment differenti; ma teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku, la għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16, u lanqas għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 36, 41 u 42, peress li l-konsumatur medju jitqies li huwa normalment informat u raġonevolament attent u avżat.

27      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

28      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tiġix milqugħa meta minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti jew minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

29      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009], trade marks preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data tar-reġistrazzjoni tagħhom tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom. Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

31      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati minnhom. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra p. II-43, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

32      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernata, normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Hemm ukoll lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra p. II‑449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

33      F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li s-servizzi inkwistjoni huma servizzi offerti lill-pubbliku inġenerali u li t-trade mark preċedenti hija rreġistrata fil-Ġermanja, il-pubbliku kkonċernat huwa l-konsumatur medju Ġermaniż. Dan huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26).

34      Skont id-deċiżjoni kkontestata, is-servizzi inkwistjoni inklużi fil-klassijiet 35, 36, 41 u 42 huma identiċi. Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-partijiet ma jikkontestawx din il-konklużjoni.

 Fuq il-paragun bejn is-sinjali

35      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minn dawn is-sinjali, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà ta’ konfużjoni. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-paragun mill-aspett viżiv, il-Bord tal-Appell kellu raġun jikkonstata, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali inkwistjoni kienu jixxiebhu.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ toħloq impressjoni viżiva [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2005, Chum vs UASI – Star TV (STAR TV), T-359/02, Ġabra p. II‑1515, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata].

38      Għandu jiġi kkonstatat li d-differenzi viżivi bejn iż-żewġ sinjali inkwistjoni huma żgħar. It-trade mark verbali li għaliha saret l-applikazzjoni hija l-kelma “comit”. It-trade mark figurattiva preċedenti hija l-kelma “comet” miktuba b’tipa ħoxna, li l-ittri tagħha huma ħomor u b’linja ħomor u oħra ħadra taħt il-kelma. Erbgħa mill-ħames ittri tas-sinjali huma identiċi. L-unika differenza bejn iż-żewġ kelmiet hija l-ittra ta’ qabel tal-aħħar, rispettivament “i” u “e”. Bil-kontra għal dak li tallega r-rikorrenti, id-differenzi figurattivi bejn iż-żewġ sinjali huma ħfief u ma jbiddlux l-impressjoni ta’ xebh bejn il-kliem kważi identiċi li jifformaw u jiddominaw is-sinjali.

39      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-paragun mill-aspett fonetiku, hekk kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-sinjali inkwistjoni jixxiebhu wkoll. Fil-fatt, l-ewwel sillaba “com”, li tkun l-ewwel waħda li tiġi pperċepita u mismugħa, hija identika fil-bidu taż-żewġ sinjali. Barra minn hekk it-tieni sillabi, rispettivament “it” u “et”, jinkludu vokali qasira u jintemmu t-tnejn li huma bl-ittra “t”.

40      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi osservat li s-sinjali inkwistjoni jixxiebhu mill-aspett viżiv u fonetiku.

41      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-paragun mill-aspett kunċettwali, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti differenza marbuta mal-fatt li parti mill-pubbliku Ġermaniż kien jipperċepixxi t-trade mark preċedenti bl-isem Ingliż li jikkorrispondi mal-kelma Ġermaniża “Komet” (li tfisser “kometa”), iżda li din id-differenza ma kinitx biżżejjed evidenti u importanti biex tipprevali fuq ix-xebh qawwi viżiv u fonetiku bejn iż-żewġ sinjali.

42      Għandu jiġi osservat li t-trade marks inkwistjoni jippreżentaw differenzi mill-aspett kunċettwali. Fil-fatt, il-konnotazzjoni ta’ “kometa” marbuta mat-trade mark preċedenti twassal għal ċerta differenzjament. Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hekk kif osserva l-UASI, il-kelma “comit” tinftiehem bħala kelma inventata mill-pubbliku Ġermaniż, li għaldaqstant ma għandha ebda tifisira. Madankollu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prefiss “com”, li jfisser “kummerċ” jew “kummerċjali”, li jinsab fiż-żewġ sinjali, huwa abbrevjazzjoni komuni ħafna fid-dinja tal-impriżi, hekk kif indikat ir-rikorrenti waqt is-seduta. Għaldaqstant, peress li l-partijiet inizjali tas-sinjali għandhom tifsira identika, id-differenza kunċettwali ma hijiex, f’dan il-punt, importanti tant li tista’ sservi biex tinnewtralizza x-xebh viżiv u fonetiku.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li t-trade marks inkwistjoni, evalwati globalment, jixxiebhu. B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali inkwistjoni kienu jipproduċu impressjoni globali li tixxiebah.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

44      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, ċertu xebh tat-trade marks kif ukoll tal-prodotti jew tas-servizzi indikati. B’hekk, livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi indikati jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċiversa [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et) T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra p. II‑5409, punt 74].

45      F’dan il-każ, billi s-servizzi inkwistjoni huma identiċi u s-sinjali inkwistjoni jixxiebhu, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fil-ħsieb tal-pubbliku kkonċernat.

46      Fil-fatt, minħabba xebh qawwi bejn is-sinjali inkwistjoni, b’mod partikolari xebh viżiv u fonetiku, u minħabba identiċità kkonstatata bejn is-servizzi kkonċernati, huwa probabbli li l-pubbliku jikkonfondi t-trade marks inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li l-konsumatur ikollu biss rarament il-possibbiltà li jagħmel paragun dirett tad-diversi trade marks iżda jkollu joqgħod fuq l-istampa imperfetta li jżomm fil-memorja tiegħu (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

47      Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, minkejja ċerta differenza kunċettwali u l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju Ġermaniż, il-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi kkunsidra li kienet teżisti probabbiltà li dan il-pubbliku jista’ jemmen li s-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom.

48      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

49      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad l-applikazzjoni tar-rikorrenti relatata mal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16.

 Fuq l-ispejjeż

50      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, ir-rikorrenti rebħet parzjalment.

51      Skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li l-UASI jbati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti, inklużi dawk relatati mal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appel. L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tad-19 ta’ Diċembru 2007 (Każ R 138/2006-4) hija annullata sa fejn tiċħad l-applikazzjoni ta’ Intesa Sanpaolo SpA relatata mal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 16.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti minn Intesa Sanpaolo.

4)      MIP Metro Group Intellectual Property GmbH & Co. KG għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ April 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.