Language of document : ECLI:EU:T:2017:834

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Novembru 2017 (*)

“Rikors għal annullament – Rappreżentanza minn avukat li ma għandux il-kwalità ta’ terz – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑702/15,

BikeWorld GmbH, stabbilita fi Sankt Ingbert (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Jovy, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, B. Stromsky u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/151, tal-1 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għal Nürburgring (ĠU 2016, L 34, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius u U. Öberg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        In-Nürburgring hija korsa tat-tlielaq tal-vetturi bil-mutur tal-Land Ġermaniż ta’ Rheinland-Pfalz li, bejn l-2002 u l-2012, ibbenefikat minn diversi miżuri ta’ għajnuna li essenzjalment jikkonsistu fi trasferimenti ta’ kapital, self, garanziji pubbliċi, ittri ta’ impenn, is-subordinazzjoni ta’ pretensjonijiet, kera inferjuri mir-rata tas-suq, il-ħlas ta’ tariffa għall-provvista ta’ servizzi u l-ħlas ta’ sussidji.

2        Dawn il-miżuri kienu jirrigwardaw spejjeż relatati mal-kostruzzjoni u mal-operat ta’ installazzjonijiet direttament marbuta mal-korsa tat-tlielaq tal-vetturi bil-mutur, prinċipalment tribuni, mal-kostruzzjoni u mal-operat ta’ installazzjonijiet intiżi li jippromwovu t-turiżmu (attivitajiet ta’ divertiment, akkomodazzjoni, manifestazzjonijiet, kummerċ, provvista ta’ ikel, u logħob), kif ukoll mal-organizzazzjoni ta’ tlielaq tal-Formula 1.

3        Dawn ingħataw prinċipalment mil-Land Ġermaniż ta’ Rheinland-Pfalz u minn entitajiet pubbliċi kkontrollati minnu, li huma l-proprjetarji tad-diversi installazzjonijiet tal-kumpless ta’ Nürburgring, jiġifieri Nürburgring GmbH (iktar ’il quddiem “NG”), Motorsport Resort Nürburgring GmbH u Congress-und Motorsport Hotel Nürburgring GmbH.

4        Fil-21 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-għajnuniet mogħtija lil Nürburgring, inklużi xi self ta’ NG lis-sussidjarji tagħha, fosthom ir-rikorrenti, BikeWorld GmbH, li kienet BikeWorld Nürburgring Besitz GmbH (iktar ’il quddiem “BWNB”), sussegwentement BikeWorld Nürburgring GmbH (iktar ’il quddiem “BWN2”), jew predeċessuri ġuridiċi tagħha, bħal Bike World Nürburgring GmbH (iktar ’il quddiem “BWN1”).

5        L-iskop kummerċjali ta’ BWN1 kien in-negozju f’muturi ġodda u użati kif ukoll tal-promozzjoni tat-turiżmu tal-muturi fir-reġjun ta’ Eifel. BWN1 ġiet assorbita, fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni, minn BWNB, b’effett mis-6 ta’ Settembru 2005. BWNB sussegwentement bidlet isimha għal BWN2.

6        NG pparteċipat, suċċessivament jew simultanjament, fil-kapital ta’ BWNB u ta’ BWN1, imbagħad ta’ BWN2 u tar-rikorrenti. Hija awtorizzat xi self lis-sussidjarji tagħha BWN1, BWNB u BWN2 (iktar ’il quddiem is-“self kontenzjuż”).

7        Fil-15 ta’ Mejju 2007, NG ittrasferixxiet is-sehem tagħha ta’ 49 % mill-kapital ta’ BWN2 lil Norbert Brückner u lil Jörg Jovy. Fil-kuntest ta’ dan it-trasferiment, il-valur tal-pretensjonijiet li jikkorrispondu għas-self kontenzjuż ġew stmati, skont ir-rikorrenti, għal EUR 0.

8        Fl-2008, BWN2 waqqfet l-attivitajiet kummerċjali tagħha f’Nürburgring.

9        BWN2 sussegwentement bidlet isimha b’dak tar-rikorrenti u s-sede tagħha ġiet ittrasferita għal Sankt Ingbert (il-Ġermanja).

10      Sussegwentement għall-għoti ta’ għajnuniet addizzjonali mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2012 il-Kummissjoni semgħet il-proċedura ta’ eżami.

11      Fl-1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2016/151 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għal Nürburgring (ĠU 2016, L 34, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet li s-self kontenzjuż kienu wasslu għall-ħlas ta’ għajnuniet mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern, liema għajnuniet kellhom jiġu rrimborsati.

13      Fil-premessa 226 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet obbligata tirrimborsa għajnuniet mill-Istat li hija stess, bl-ismijiet preċedenti tagħha, jew il-predeċessuri ġuridiċi tagħha kienu rċevew fil-kuntest tas-self kontenzjuż.

14      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2015, NG talbet lir-rikorrenti r-rimbors ta’ ammont totali ta’ EUR 4 902 275.29. Sa mill-10 ta’ Awwissu 2015 hija qiegħda titlob, quddiem il-Landgericht Saarbrücken (qorti reġjonali ta’ Saarbrücken, il-Ġermanja), li r-rikorrenti tiġi kkundannata għar-rimbors tas-somma ta’ EUR 250 000 riċevuta fl-4 ta’ April 2007 fil-forma ta’ self, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 107(1) TFUE. Minbarra din il-proċedura, NG qiegħda titlob mingħandha, għal raġunijiet simili, is-somma ta’ EUR 4 652 200.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni. Il-kawża ġiet assenjata lit-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali u ġie appuntat Imħallef Relatur.

16      Fis-7 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat risposta.

17      Fit-13 ta’ Mejju 2016, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti tikkjarifika r-rabtiet li hija kellha mar-rappreżentant tagħha, Jörg Jovy, u tesprimi ruħha dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tat-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

18      Fit-30 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti rrispondiet li J. Jovy kien wieħed miż-żewġ assoċjati tagħha u li huwa kellu 10 % tal-kapital tagħha, iżda li, madankollu, ma kellu ebda rwol fil-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tagħha.

19      Fid-19 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat replika, li fiha informat lill-Qorti Ġenerali bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ fir-rigward tagħha u, wara li tenniet it-talbiet tar-rikors intiżi għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, talbet is-sospensjoni tal-proċedura fil-kawża preżenti għal disa’ xhur.

20      Fit-22 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal sospensjoni, fejn ikkonkludiet li ma kienx hemm lok li l-proċedura tiġi sospiża.

21      B’deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2016, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-proċedura.

22      Fit-2 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat kontroreplika.

23      Fis-16 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni indikat li hija ma xtaqitx li tippreżenta osservazzjonijiet waqt seduta għas-sottomissjonijiet orali. Ir-rikorrenti ma ressqet ebda talba intiża sabiex tinstema’ waqt seduta, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fit-terminu stabbilit.

24      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 2016, il-kawża preżenti ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid, li jifforma parti mill-Ewwel Awla.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lilha;

–        tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, fir-rigward tagħha, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq dan ir-rikors.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin, ex officio u wara li jinstemgħu l-partijiet prinċipali, tiddeċiedi li taqta’, permezz ta’ digriet motivat, dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, fosthom il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors (ara d-digriet tas-27 ta’ Marzu 2017, Frank vs Il-Kummissjoni, T‑603/15, mhux ippubblikat, EU:T:2017:228, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti prodotti u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura u, konsegwentement, qiegħda tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli bil-proċedura.

29      Mingħajr ma qajmet, b’mod formali, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, fir-risposta u fil-kontroreplika l-Kummissjoni invokat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata, essenzjalment, fuq li dan ir-rikors ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 19 u 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sa fejn l-avukat li jirrappreżenta lir-rikorrenti, J. Jovy, kien wieħed miż-żewġ assoċjati tagħha u, għaldaqstant, ma kienx indipendenti minnha.

30      Ir-rikorrenti kellha l-opportunità tiegħu pożizzjoni dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) u fir-replika tagħha. F’dan ir-rigward hija essenzjalment sostniet li r-rappreżentant tagħha, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, kien involut fir-rigward tagħha biss sa fejn huwa kellu 10 % tal-kapital tagħha, iżda li ma kellu ebda rwol fil-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja u kien jirrappreżentaha biss fil-kwalità tiegħu ta’ avukat u mhux ta’ assoċjat.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-imsemmi statut, applikabbli għall-Qorti Ġenerali permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u, b’mod partikolari, mill-użu tal-kelma “rappreżentati” fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-imsemmi statut jirriżulta li, sabiex jadixxu lill-Qorti Ġenerali b’azzjoni, il-partijiet li ma jkunux l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li ma humiex Stati Membri u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA msemmija f’dak il-Ftehim ma humiex awtorizzati jaġixxu huma infushom, iżda għandhom jirrikorru għas-servizzi ta’ terz li għandu jkun awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat li huwa parti mill-Ftehim ŻEE (ara d-digrieti tal-5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, EU:C:1996:473, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Settembru 2015, Calestep vs ECHA, T‑89/13, EU:T:2015:711, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Dan ir-rekwiżit li wieħed jirrikorri għal terz jikkorrispondi għal kif huwa mifhum ir-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li l-avukat huwa kollaboratur tal-ġustizzja msejjaħ sabiex, b’indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri tagħha, jipprovdi l-assistenza legali li l-klijent ikollu bżonn (ara d-digrieti tal-5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il-Kunsill, C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Settembru 2015, Calestep vs ECHA, T‑89/13, EU:T:2015:711, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, fil-kuntest tat-tilwimiet imressqa quddiem il-qrati tal-Unjoni, dan ir-rikors jiġi suġġett għal implementazzjoni oġġettiva, li hija neċessarjament indipendenti mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (ara d-digrieti tad-19 ta’ Novembru 2009, EREF vs Il-Kummissjoni, T‑40/08, mhux ippubblikat, EU:T:2009:455, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Mejju 2015, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni, T‑529/13, mhux ippubblikat, EU:T:2015:325, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-essenza ta’ dan ir-rekwiżit ta’ rappreżentanza minn terz hija, minn naħa, li jiġi prekluż li l-partijiet privati jaġixxu huma stess quddiem il-ġustizzja mingħajr ma jirrikorru għal intermedju u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat li l-persuni ġuridiċi jiġu difiżi minn rappreżentant li huwa suffiċjentement distakkat mill-persuna ġuridika li huwa jirrappreżenta (digrieti tal-5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il-Kunsill, C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punt 14, u tal-4 ta’ Diċembru 2014, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑259/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2417, punt 25; ara, ukoll, id-digriet tas-6 ta’ April 2017, PITEE vs Il-Kummissjoni, C‑464/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:291, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Meta hija ddedikat il-kriterju ta’ assistenza legali pprovduta “b’indipendenza sħiħa” sabiex tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 24), il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat tali assistenza ma’ assistenza pprovduta minn avukat, li, strutturalment, ġerarkikament u funzjonalment, huwa terz fil-konfront tal-persuna li tibbenefika minn din l-assistenza (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punt 168), identifikazzjoni li hija daqstant ieħor rilevanti fil-kuntest tar-rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-9 ta’ Novembru 2011, Glaxo Group vs UASI – Farmodiética (ADVANCE), T‑243/11, mhux ippubblikat, EU:T:2011:649, punt 16). Barra minn hekk, ġie deċiż li l-avukat ta’ parti fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew parti mhux ipprivileġġata, ma kellux ikollu rabta personali mal-kawża ineżami jew dipendenza fuq il-klijent tiegħu ta’ natura tali li jinħoloq ir-riskju li dan ma jkunx f’pożizzjoni li jaqdi r-rwol essenzjali tiegħu ta’ awżiljarju tal-ġustizzja bl-iktar mod xieraq (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-30 ta’ Ottubru 2008, Ortega Serrano vs Il-Kummissjoni, F‑48/08, EU:F:2008:131, mhux ippubblikat, punt 35). B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset li r-relazzjonijiet ekonomiċi jew strutturali li r-rappreżentat kellu mal-klijent tiegħu ma kellhomx ikunu ta’ natura li joħolqu konfużjoni bejn l-interessi proprji tal-klijent u l-interessi personali tar-rappreżentant tiegħu (digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, ClientEarth vs Il-Kunsill, T‑452/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:420, punt 20).

35      Ir-rekwiżit impost mid-dritt tal-Unjoni fuq il-partijiet mhux ipprivileġġati li jiġu rrappreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali minn terz indipendenti għaldaqstant ma jistax jinftiehem bħala li huwa rekwiżit intiż unikament li jeskludi rappreżentanza minn impjegati tal-mandant jew minn dawk li huma ekonomikament dipendenti fuq dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il-Kunsill, C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punt 13). Dan huwa rekwiżit iktar ġenerali li l-osservanza tiegħu għandha tkun eżaminata każ b’każ.

36      F’dan il-każ għandu jiġi eżaminat jekk ir-rabtiet li J. Jovy għandu mar-rikorrenti u mal-kawża preżenti humiex kompatibbli mar-rekwiżiti applikabbli għar-rappreżentanza tal-partijiet mhux privileġġati quddiem il-qrati tal-Unjoni.

37      Huwa paċifiku li J. Jovy akkwista mingħand NG 10 % tal-kapital tar-rikorrenti u li, sa minn dakinhar, huwa wieħed mill-uniċi żewġ assoċjat ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, mill-punt 10 tar-rikors jirriżulta li, fil-kuntest tat-tranżazzjoni li permezz tagħha J. Jovy u l-assoċjat l-ieħor tar-rikorrenti daħlu fil-kapital ta’ din tal-aħħar, “[i]d-[djun ta’] self [kontenzjużi kienu] […] ġew evalwati għal żero u ttrasferiti lil wieħed mill-assoċjati l-ġodda fin-nuqqas ta’ tqassim ieħor”, bl-imsemmi assoċjat iddikjara li kien “dispost li jittrasferixxi[hom] lura lil kwalunkwe persuna”.

38      Ir-rabtiet personali li l-avukat tar-rikorrenti għaldaqstant kellu, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, mar-rikorrenti u mal-kawża preżenti kienu ta’ natura tali li huma kienu joħolqu r-riskju li ma jippermettulux li jissodisfa r-rwol essenzjali tiegħu ta’ awżiljarju tal-ġustizzja bl-iktar mod xieraq.

39      Ir-rikorrenti u l-avukat tagħha ma ssottomettew ebda element, b’risposta għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni jew għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ppermettiet li l-eżistenza ta’ tali riskju fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami titwarrab.

40      Għall-kuntrarju, mill-punti 8 u 12 tar-rikors jirriżulta li, fil-kawża preżenti, l-imsemmi riskju ġie fis-seħħ meta J. Jovy wasal sabiex waħħad il-pożizzjoni tiegħu u l-interessi personali tiegħu, bħala investitur u assoċjat fi ħdan ir-rikorrenti, mal-pożizzjoni u l-interessi proprji tal-klijent tiegħu. Fil-fatt, sabiex jikkontesta r-rimbors tal-għajnuniet mill-Istat li r-rikorrenti allegatament illegalment irċeviet fil-kuntest tas-self kontenzjuż, dan sostna, minn naħa, li “[l]-assoċjat attwali tar-rikorrenti ma [kellh]om assolutament xejn x’jaqsmu mal-assoċjat jew mal-proprjetarji ta’ ishma taż-żmien li fih [kien] ingħata s-self”. Minn naħa oħra, huwa sostna li, waqt il-bejgħ, minn NG, tal-parteċipazzjoni tagħha fil-kapital tar-rikorrenti, ma kienx hemm lok li wieħed jistaqsi dwar ir-regolarità tal-għoti tal-imsemmija self u lanqas dwar l-osservanza tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, sa fejn, “fil-kuntratt ta’ trasferiment [konkluż] ma’ NG, din tal-aħħar kienet żgurat [lit-trasferenti] ulterjorment ‘li ma rċevietx sussidji pubbliċi’”. L-eċċezzjonijiet hekk invokati kienu purament personali għal J. Jovy u għall-assoċjat l-ieħor tar-rikorrenti, bħala akkwirenti tal-ishma miżmuma minn NG f’din tal-aħħar, u ma kinux jikkonċernaw lir-rikorrenti, li l-ishma tagħha kienu ġew ittrasferiti.

41      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, J. Jovy kellu rabtiet personali mar-rikorrenti u mal-kawża preżenti li jimplikaw li ma kienx suffiċjentement distakkat mir-rikorrenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 hawn fuq, sabiex ikun jista’ jirrappreżentaha b’indipendenza sħiħa.

42      Mis-suespost jirriżulta li, sa fejn ir-rikors promotur ġie ffirmat minn J. Jovy, fil-kwalita ta’ avukat tar-rikorrenti, dan ir-rikors ma ġiex ippreżentata konformement mat-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

43      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

44      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      BikeWorld GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Novembru 2017.

Ir-reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

I. Pelikánová


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.