Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-22 ta’ April 2022 – CH vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-279/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: CH

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontribwenti li huma individwi ma humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, iżda huma inklużi biss il-kumpanniji kummerċjali u forom oħra ta’ impriżi elenkati fl-Annessi I u II tal-imsemmija direttiva?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dan ifisser, f’dan il-każ, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/34 li jistabbilixxu obbligi ma jirriżultawx applikabbli għall-individwi, jiġifieri, li l-obbligi li huma imposti fuq l-impriżi li huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma humiex imposti fuq il-kontribwenti li huma individwi u ma jistgħux jintużaw kontrihom fl-eżami tal-obbligi tat-taxxa tagħhom?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, huwa konformi mal-prinċipji bażiċi ta’ kontabbiltà u mal-għan u mal-funzjoni tad-dmir ta’ pubblikazzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 4, 30 u 33 tad-Direttiva 2013/34, kif ukoll mad-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit bħala prinċipju ġenerali tad-dritt fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u mal-prinċipji fundamentali ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, aġir tal-awtorità tat-taxxa ta’ Stat Membru li jikkonsisti f’li tiġi ddeterminata differenza fit-taxxa mġarrba minn kontribwent li huwa individwu, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kontabbiltà, minħabba l-fatt biss li l-kontribwent ma setax iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità tat-taxxa d-dokumenti ta’ kontabbiltà kollha ta’ kumpannija kummerċjali, li hija indipendenti mill-kontribwent, sabiex juri li uża fl-interess ta’ din il-kumpannija, bħala persuna li timpjega, l-ammonti fi flus kontanti li huwa ttratta fl-ambitu tax-xogħol tiegħu b’mod konformi ma’ istruzzjonijiet jew bħala riżultat ta’ mandati, u, konsegwentement, l-awtorità tat-taxxa tuża kontra l-kontribwent in-nuqqas ta’ ċerti dokumenti li huwa ma għandux għalfejn ikollu jew ma setax ikollu minħabba raġunijiet oġġettivi, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija dokumenti huma pubblikament aċċessibbli minħabba l-obbligu ta’ pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali mill-kumpanniji?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/34 – b’mod partikolari, il-premessi u l-Artikoli 4, 6, 30 u 33 tagħha – għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-imsemmija artikoli toħloq preżunzjoni legali ta’ konformità tad-data inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali mal-prinċipji bażiċi ta’ kontabbiltà, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ eżattezza u mal-prinċipju ta’ ġustifikazzjoni?

Aġir li jikkonsisti f’li l-awtorità tat-taxxa, mingħajr ma tirribatti l-preżunzjoni legali relatata mal-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/34 u mingħajr ma teżamina l-kontenut tad-dikjarazzjoni, ma taċċettax id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali ppubblikati mill-kumpannija bħala evidenza tad-data li huma jinkludu, billi tirrimarka li l-imsemmija dikjarazzjonijiet finanzjarji, fihom innifishom, huma insuffiċjenti sabiex jipprovaw din id-data b’mod affidabbli, b’mod partikolari li l-kontribwent ħallas lura lill-kumpannija kummerċjali l-ammonti li huwa kien ħa, iżda li għal dan l-għan il-materjal dokumentarju ta’ kontabbiltà kollu tal-kumpannija huwa neċessarju, huwa konformi mal-Artikoli 4, 6, 30 u 33 tad-Direttiva 2013/34, kif ukoll mad-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali?

____________

1 ĠU 2013, L 182, p. 19.