Language of document : ECLI:EU:C:2022:503

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Responsabbiltà tal-Istati Membri għad-danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni – Ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil-leġiżlatur nazzjonali – Ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Stat Membru imputabbli lil-leġiżlatur nazzjonali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑278/20,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl‑24 ta’ Ġunju 2020,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz, I Martínez del Peral u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz, S. Centeno Huerta, A. Gavela Llopis u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin, I. Jarukaitis (Relatur) u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2021,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat u billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 32(3) sa (6) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Ley 40/2015 de Régimen Jurídico del Sector Público (il-Liġi 40/2015 dwar is-Sistema Ġuridika tas-Settur Pubbliku), tal‑1 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 236, tat‑2 ta’ Ottubru 2015, p. 89411, iktar ’il quddiem il-“Liġi 40/2015”), kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Ley 39/2015 del Procedimiento Administrativo Común de las Administraciones Públicas (il-Liġi 39/2015 dwar il-Proċedura Amministrattiva Komuni tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tal‑1 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 236, tat‑2 ta’ Ottubru 2015, p. 89343, iktar ’il quddiem il-“Liġi 39/2015”), ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il‑prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

I.      Iddritt Spanjol

A.      IlKostituzzjoni

2        Il-Kostituzzjoni Spanjola (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) tipprevedi, fl-Artikolu 106(2) tagħha, li “[l]‑individwi għandhom, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, id-dritt li jiġu kkumpensati għal kull preġudizzju għall-proprjetà u għad-drittijiet tagħhom, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri, meta dan il-preġudizzju jkun il-konsegwenza tal‑funzjonament tas-servizzi pubbliċi”.

B.      IlLiġi Organika 6/1985

3        Il-Ley orgánica 6/1985 del Poder Judicial (il-Liġi Organika 6/1985 dwar is‑Setgħa Ġudizzjarja), tal‑1 ta’ Lulju 1985 (BOE Nru 157, tat‑2 ta’ Lulju 1985, p. 20632), kif emendata bil-Liġi Organika 7/2015, tal‑21 ta’ Lulju 2015 (BOE Nru 174, tat‑22 ta’ Lulju 2015, p. 61593) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Organika 6/1985”), tipprevedi, fl-Artikolu 4a(1) tagħha, li “l-imħallfin u l-qrati għandhom japplikaw id-dritt tal-[Unjoni] konformement mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”.

C.      IlLiġi 29/1998

4        Il-Ley 29/1998 reguladora de la Jurisdicción Contencioso‑Administrativa (il-Liġi 29/1998 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qorti Amministrattiva Kontenzjuża), tat‑13 ta’ Lulju 1998 (BOE Nru 167, tal‑14 ta’ Lulju 1998, p. 23516), kif emendata bil-Ley 20/2013 de garantía de la unidad de mercado (il-Liġi 20/2013 li tiggarantizzi l-unità tas-suq), tad‑9 ta’ Diċembru 2013 (BOE Nru 295, tal‑10 ta’ Diċembru 2013, p. 97953) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 29/1998”), tistabbilixxi, fl-Artikolu 31 tagħha:

“1.      Ir-rikorrent jista’ jitlob li jiġu ddikjarati illegali u, jekk ikun il-każ, annullati l-atti u d-dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati skont il-kapitolu preċedenti[, intitolat ‘Attività amministrattiva li tista’ tiġi kkontestata’].

2.      Huwa jista’ jitlob ukoll ir-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni legali individwalizzata u l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa għall-istabbiliment mill-ġdid sħiħ ta’ din is-sitwazzjoni, inkluż il-kumpens għad-danni, jekk ikun il-każ.”

5        L-Artikolu 32(2) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Meta rikors ikollu bħala suġġett att materjali li jikkostitwixxi użu ta’ forza, ir-rikorrent jista’ jitlob li jiġi ddikjarat illegali, li tiġi ordnata t-terminazzjoni ta’ dan l-att u li jiġu adottati, jekk ikun il-każ, il-miżuri l-oħra previsti fl-Artikolu 31(2).”

6        L-Artikolu 37(2) u (3) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“2.      Meta pluralità ta’ rikorsi li għandhom suġġett identiku jkunu pendenti quddiem qorti, din il-qorti, jekk dawn ir-rikorsi ma jkunux ġew magħquda, għandha, wara li tkun semgħet lill-partijiet f’terminu komuni ta’ ħamest ijiem, tittratta wieħed jew iktar minnhom bi prijorità u tissospendi t-trattament tar-rikorsi l-oħra sakemm tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel fosthom.

3.      Ladarba s-sentenza [tal-kawża ttrattata bħala prijorità] saret definittiva, ir-reġistratur […] għandu jikkomunikaha lir-rikorrenti kkonċernati mis-sospensjoni sabiex ikunu jistgħu, f’terminu ta’ ħamest ijiem, jitolbu l-estensjoni tal-effetti tagħha fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 111 jew it-tkomplija tal-proċedura, jew jirrinunzjaw ir-rikors.”

7        L-Artikolu 71(1)(d) tal-istess liġi jipprovdi:

“Meta d-deċiżjoni jew is-sentenza tilqa’ r-rikors kontenzjuż amministrattiv:

[…]

d)      Jekk talba intiża biex jinkiseb kumpens għad-danni tintlaqa’, id-dritt għal kumpens jiġi ddikjarat fil-każijiet kollha, u huwa ppreċiżat ukoll min huwa obbligat li jikkumpensa. […]”

8        Skont l-Artikolu 110(1) tal-Liġi 29/1998:

“Fil-qasam fiskali, tal-persunal fis-servizz tal-amministrazzjoni pubblika u tal-unità tas-suq, l-effetti ta’ sentenza definittiva li tkun irrikonoxxiet sitwazzjoni legali individwalizzata favur persuna jew numru ta’ persuni jistgħu jiġu estiżi għal oħrajn, għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, meta jiġu ssodisfatti ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

a)      Il-partijiet ikkonċernati jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali bħall-persuni li jibbenefikaw mis-sentenza favorevoli.

b)      L-imħallef jew il-qorti li tkun tat id-deċiżjoni jkollha wkoll ġurisdizzjoni, minħabba t-territorju, biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet tagħhom għar‑rikonoxximent ta’ din is-sitwazzjoni individwalizzata.

c)      Il-persuni ikkonċernati jitolbu l-estensjoni tal-effetti tas-sentenza f’terminu ta’ sena mill-aħħar notifika ta’ din is-sentenza lill-persuni li kienu partijiet fil-proċedura. Fil-każ li jiġi ppreżentat appell fl-interess tal-liġi jew fil-każ ta’ appell għal eżami mill-ġdid, dan it-terminu jibda jiddekorri mill-aħħar notifika tad-deċiżjoni li tiddeċiedi definittivament l-appell.”

9        L-Artikolu 111 ta’ din il-liġi jippreċiża:

“Meta jkun ġie deċiż li jiġu sospiżi l-proċeduri ta’ rikors wieħed jew iktar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(2) u ladarba s-sentenza mogħtija fil-kawża trattata bi prijorità tiġi ddikjarata bħala definittiva, ir-reġistratur għandu jitlob lir-rikorrenti kkonċernati mis-sospensjoni sabiex jindikaw, f’terminu ta’ ħamest ijiem, jekk jixtiqux l-estensjoni tal-effetti tas-sentenza jew it-tkomplija tal-proċedura sospiża, jew jekk jirrinunzjawx għar-rikors.

Jekk tintalab l-estensjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza, il-qorti tawtorizzaha, suġġett għal li tiġi ssodisfata ċ-ċirkustanza prevista fl-Artikolu 110(5)(b) jew wieħed mill-motivi ta’ inammissibbiltà tar-rikors previsti fl-Artikolu 69 ta’ din il-liġi.”

D.      IlKodiċi Ġenerali tatTaxxi

10      L-Artikolu 221 tal-Ley 58/2003, General Tributaria (il-Liġi 58/2003 dwar il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi), tas‑17 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 302, tat‑18 ta’ Diċembru 2003, p. 44987), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ġenerali tat‑Taxxi”), jipprovdi:

“1.      Il-proċedura ta’ rikonoxximent tad-dritt għall-irkupru ta’ ħlas indebitu għandha tinbeda ex officio jew fuq talba tal-persuna kkonċernata, fil-każijiet li ġejjin:

a)      Meta jkun seħħ pagament doppju ta’ dejn fiskali jew ta’ penalitajiet.

b)      Meta l-ammont imħallas kien ogħla mill-ammont li għandu jitħallas bħala riżultat ta’ att amministrattiv jew ta’ awtoevalwazzjoni.

[…]”

E.      IlLiġi 39/2015

11      Il-Liġi 39/2015 tipprovdi, fl-Artikolu 67 tagħha, intitolat “Talbiet għal ftuħ ta’ proċeduri għad-danni”:

“1.      Il-persuni kkonċernati jistgħu jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura għad-danni biss meta d-dritt tagħhom li jitolbu kumpens ma jkunx preskritt. Id-dritt li jintalab kumpens huwa preskritt sena wara li jkun seħħ il-fatt jew l-att li jimmotiva l‑kumpens jew wara li jimmanifesta ruħu l-effett dannuż tiegħu. Fil-każ ta’ dannu fiżiku jew psikoloġiku kkawżat lill-persuni, it-terminu jibda jiddekorri mill-fejqan jew mid-determinazzjoni tal-portata tal-konsegwenzi.

[…]

Fil-każijiet ta’ responsabbiltà li għalihom jirreferi l-Artikolu 32(4) u (5) tal‑Liġi [40/2015], id-dritt li jintalab kumpens huwa preskritt sena wara l‑pubblikazzjoni, fil-Boletín Oficial del Estado jew fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont il-każ, tad-deċiżjoni li tiddikjara l-antikostituzzjonalità tar-regola jew li tiddikjaraha kuntrarja għad-dritt tal-[Unjoni].

[…]”

12      L-Artikolu 106(4) tal-Liġi 39/2015 jipprevedi:

“L-amministrazzjonijiet pubbliċi, meta jiddikjaraw l-invalidità ta’ dispożizzjoni jew ta’ att, jistgħu jistabbilixxu, fl-istess deċiżjoni, il-kumpens li għandu jiġi rrikonoxxut lill-persuni kkonċernati, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija [fl-Artikolu] 32(2) u [fl-Artikolu] 34(1) tal-Liġi [40/2015] jiġu ssodisfatti […]”.

F.      IlLiġi 40/2015

13      Fit-Titolu preliminari tagħha, il-Liġi 40/2015 tinkludi l‑Kapitolu IV, intitolat “Fuq ir-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi”, li fih jinsabu l‑Artikoli 32 sa 37 ta’ din il-liġi.

14      L-Artikolu 32 tal-imsemmija liġi, dwar il-prinċipji li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, jipprovdi:

“1.      L-individwi għandhom id-dritt li jiġu kkumpensati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi korrispondenti għal kull preġudizzju għall-proprjetà jew għad-drittijiet tagħhom meta dan il-preġudizzju jkun il-konsegwenza tal-funzjonament normali jew anormali tas-servizzi pubbliċi, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ danni li, skont il-liġi, l-individwu huwa legalment obbligat li jassumi.

L-annullament, b’mod amministrattiv jew permezz tal-ordinament ġudizzjarju tal‑kontenzjuż amministrattiv, tal-atti jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ma jagħtix lok, fih innifsu, għal dritt għal kumpens.

2.      Fi kwalunkwe każ, id-dannu invokat għandu jkun effettiv, ekonomikament evalwabbli u individwalizzat fir-rigward ta’ persuna jew ta’ grupp ta’ persuni.

3.      Bl-istess mod, l-individwi għandhom id-dritt li jiġu kkumpensati mill‑amministrazzjonijiet pubbliċi għal kull preġudizzju għall-proprjetà tagħhom u għad-drittijiet tagħhom, li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ atti leġiżlattivi li ma jikkostitwixxux atti ta’ esproprjazzjoni ta’ drittijiet, li ma humiex legalment obbligati li jassumu, peress li dan ikun previst mill-atti leġiżlattivi inkwistjoni u taħt il-kundizzjonijiet ippreċiżati minnhom.

L-Istat leġiżlatur jista’ jinżamm responsabbli wkoll fil-każijiet li ġejjin, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi preċedenti:

a)      Meta d-danni jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ regola kklassifikata bħala liġi li tkun ġiet iddikjarata antikostituzzjonali, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti r‑rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4.

b)      Meta d-danni jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ regola li tmur kontra d-dritt tal-[Unjoni], konformement mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5.

4.      Jekk id-dannu jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regola kklassifikata bħala liġi li ġiet iddikjarata antikostituzzjonali, l-individwu jista’ jiġi kkumpensat jekk ikun kiseb, quddiem kwalunkwe istanza, deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, bil-kundizzjoni li l‑individwu jkun invoka l-antikostituzzjonalità rrikonoxxuta sussegwentement.

5.      Jekk id-dannu jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regola ddikjarata li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni […], l-individwu jista’ jiġi kkumpensat jekk huwa jkun kiseb, quddiem kwalunkwe istanza, deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, bil-kundizzjoni li l-individwu jkun invoka l-ksur tad-dritt tal-Unjoni […] rrikonoxxut sussegwentement. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin għandhom jiġu ssodisfatti:

a)      Ir-regola tad-dritt għandu jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

b)      Il-ksur għandu jkun suffiċjentement serju.

c)      Għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas ta’ osservanza tal‑obbligu impost fuq l-amministrazzjoni responsabbli mid-dritt tal‑Unjoni […] u d-dannu subit mill-individwi.

6.      Id-deċiżjoni li tiddikjara l-antikostituzzjonalità tar-regola kklassifikata bħala liġi jew li tiddikjara li r-regola tmur kontra d-dritt tal-Unjoni […] tipproduċi l-effetti tagħha sa mill-pubblikazzjoni tagħha fil-Boletín Oficial del Estado jew fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont il-każ, għajr dispożizzjoni kontrarja inkluża f’din id-deċiżjoni.

7.      Ir-responsabbiltà tal-Istat għall-funzjonament tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja hija rregolata mil-[Ley Orgánica 6/1985 del Poder Judicial] (il-Liġi Organika 6/1985 dwar is‑Setgħa Ġudizzjarja), tal‑1 ta’ Lulju 1985].

[…]”

15      L-Artikolu 34 tal-Liġi 40/2015, intitolat “Kumpens”, jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każijiet ta’ responsabbiltà li għalihom jirreferu l-Artikolu 32(4) u (5), jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens id-danni li jseħħu f’terminu ta’ ħames snin qabel id‑data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara l-antikostituzzjonalità tar‑regola kklassifikata bħala liġi jew li tiddikjara li r-regola tmur kontra d-dritt tal-[Unjoni], għajr dispożizzjoni kontrarja inkluża f’din id-deċiżjoni.”

II.    Ilproċedura prekontenzjuża

16      Wara lmenti mressqa minn individwi, il-Kummissjoni, fil‑25 ta’ Lulju 2016, bdiet proċedura EU Pilot kontra r-Renju ta’ Spanja fir-rigward tal‑Artikoli 32 u 34 tal-Liġi 40/2015. Il-Kummissjoni invokat ksur possibbli tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, sa fejn dawn jillimitaw l-awtonomija li l-Istati Membri għandhom meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà tagħhom għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilhom. Peress li din il-proċedura ma rnexxietx, hija ngħalqet u l-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur.

17      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Ġunju 2017, din l-istituzzjoni intimat lil dan l-Istat Membru biex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tħassib tiegħu relatat mal-Artikoli 32 u 34 tal-Liġi 40/2015 kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ prinċipji. Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Awwissu 2017, l-imsemmi Stat Membru espona lill-imsemmija istituzzjoni r-raġunijiet li għalihom huwa kien iqis li dawn id-dispożizzjonijiet kienu konformi mal-imsemmija prinċipji.

18      Peress li ma qablitx ma’ dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni, fis‑26 ta’ Jannar 2018, ħarġet opinjoni motivata li fiha hija tenniet u żviluppat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-Artikolu 32(3) sa (6) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015 kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2005 kienu jmorru kontra l-istess prinċipji.

19      Wara laqgħa organizzata mad-dipartimenti tal-Kummissjoni fl‑14 ta’ Marzu 2018, ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għall-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Marzu 2018, filwaqt li żamm il-pożizzjoni tiegħu. Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Novembru 2018, dan l-Istat Membru madankollu indika lill-Kummissjoni li huwa kien ikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu u li kien ser jikkomunika malajr proposta leġiżlattiva intiża li tqiegħed id-dritt Spanjol f’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Din il-proposta ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fil‑21 ta’ Diċembru 2018.

20      Wara laqgħa oħra organizzata fit‑18 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni, fil‑15 ta’ Mejju 2019, bagħtet dokument lir-Renju ta’ Spanja li jesponi r-raġunijiet li jippermettu, fil-fehma tagħha, li jiġi kkunsidrat li l-proposta kkomunikata tista’ ttemm il-ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mingħajr madankollu ma ttemm dak tal-prinċipju ta’ effettività.

21      Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Lulju 2019, ir-Renju ta’ Spanja indika li l-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma kienx f’pożizzjoni li jipprepara proposti leġiżlattivi ġodda, peress li, bħala Gvern provviżorju, dan kien unikament inkarigat bl-amministrazzjoni ordinarja tal-affarijiet pubbliċi (Gobierno en funciones).

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

III. Fuq irrikors

A.      Fuq lammissibbiltà

23      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn, permezz tiegħu, il-Kummissjoni titlob ir-riforma tas-sistema Spanjola tar-responsabbiltà tal-Istat u tkopri każijiet li ma humiex dawk tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, fatt li jmur lil hinn mis-suġġett tar-rikors kif ġie limitat mill-opinjoni motivata.

24      Għandu jitfakkar li s-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, skont l-Artikolu 258 TFUE, huwa stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal din l-opinjoni (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana), C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 160 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, huwa minnu li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni esponiet diversi kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar is-sistema tar-responsabbiltà tal-Istat prevista mid-dritt Spanjol. Madankollu, mit-talbiet ta’ dan ir-rikors kif ukoll mill-argumenti żviluppati insostenn tagħhom jirriżulta mingħajr ambigwità li, permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni tfittex biss li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza minħabba l-fatt li adotta u żamm fis-seħħ l-Artikolu 32(3) sa (6) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015 kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”).

26      Ulterjorment, mill-opinjoni motivata, annessa mar-rikors, jirriżulta li, f’dan ir-rikors, il-Kummissjoni kienet qed tirreferi għall-istess dispożizzjonijiet bħal dawk li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

27      Barra minn hekk, kemm fl-opinjoni motivata kif ukoll fir-rikors, l-imsemmija dispożizzjonijiet jissemmew biss sa fejn jirregolaw speċifikament ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu. Għandu jingħad ukoll li, f’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni diġà żviluppat l-istess raġunijiet u motivi bħal dawk żviluppati fir-rikors.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda twessigħ tas-suġġett tar-rikors. Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma f’dan ir-rigward mir-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda u li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

B.      Fuq ilmertu

1.      Osservazzjonijiet preliminari

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li fuqhom din tal-aħħar hija bbażata (sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Dan il-prinċipju japplika għal kull każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, irrispettivament mill-korp tal-Istat Membru li tiegħu l-azzjoni jew l-ommissjoni hija l-oriġini ta’ dan il-ksur, inkluż il-leġiżlatur nazzjonali, u tkun liema tkun l-awtorità pubblika li għandha bħala prinċipju, skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, l-oneru tal-kumpens tal-imsemmija danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 32 u 36, kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament ddeċidiet li l-individwi li sofrew danni għandhom dritt għal kumpens ladarba jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, li huma li r-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola jkun suffiċjentement serju u li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-danni mġarrba minn dawn l-individwi (sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata)

32      Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma neċessarji u suffiċjenti sabiex l-individwi jingħataw id-dritt li jiksbu kumpens, mingħajr, madankollu, ma jiġi eskluż li r-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi stabbilità taħt kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 66, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Mingħajr preġudizzju għad-dritt għal kumpens li għalhekk huwa bbażat direttament fuq id-dritt tal-Unjoni sakemm it-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza jiġu ssodisfatti, huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li l-Istat għandu jikkumpensa l-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux ġestiti b’mod li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev, C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 123).

34      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 29 sa 33 ta’ din is-sentenza li hemm lok li jiġi eżaminat ir-rikors tal-Kummissjoni.

35      Insostenn tiegħu, din tal-aħħar tagħmel żewġ ilmenti bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ effettività u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Ir-Renju ta’ Spanja jwieġeb, prinċipalment, li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud qabel kollox minħabba li l-Kummissjoni wettqet analiżi parzjali tar-rimedji ġuridiċi, disponibbli fi Spanja, li jippermettu l-kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, inkluż fil-kuntest tal-attività leġiżlattiva tiegħu, fatt li jneħħi kull bażi tal-imsemmi rikors kollu kemm hu. Huwa jsostni, sussidjarjament, li l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ ilmenti ma huwa fondat.

36      Għandu jiġi analizzat l-argument prinċipali tar-Renju ta’ Spanja qabel ma jiġi eżaminat kull wieħed mill-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni.

2.      Fuq ittqegħid filmira ta’ ċerti dispożizzjonijiet talordinament ġuridiku nazzjonali millKummissjoni

a)      Largumenti talpartijiet

37      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni llimitat ruħha għal analiżi parzjali tar-rimedji ġuridiċi, previsti fl-ordinament ġuridiku Spanjol, li tippermetti li jiġi rrimedjat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi. L-analiżi mressqa insostenn ta’ dan ir-rikors hija, konsegwentement, insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u twassal għal qlib illegali tal-oneru tal-prova.

38      Fl-ewwel lok, il-possibbiltà li l-Istat leġiżlatur jinżamm responsabbli tikkostitwixxi biss “mekkaniżmu ta’ tlestija tas-sistema ġuridika Spanjola” (cláusula de cierre del sistema), li jintervjeni fuq bażi residwa jew finali u li ma jistax jiġi kkunsidrat b’mod iżolat. Huwa biss billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema kollha ta’ kumpens għad-danni kkawżati mill-awtoritajiet pubbliċi fi Spanja li jkun possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-Istat bħala leġiżlatur għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni tmurx kontra l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – ħaġa li l-Kummissjoni ma għamlitx.

39      B’hekk, id-dritt Spanjol jipprevedi, qabel kollox, sensiela ta’ proċeduri li jippermettu li jintalab kumpens għall-azzjoni dannuża tal-awtoritajiet pubbliċi barra mill-każijiet ta’ responsabbiltà tal-Istat, jiġifieri, l-ewwel, il-possibbiltà li jinkiseb kumpens fil-kuntest ta’ rikors kontenzjuż amministrattiv li jirrigwarda l-att li kkawża d-dannu, previst fl-Artikolu 31(2), fl-Artikolu 32(2) u fl-Artikolu 71(1)(d) tal-Liġi 29/1998, it-tieni, il-proċedura ta’ reviżjoni ex officio tal-atti amministrattivi, prevista fl-Artikolu 106(4) tal-Liġi 39/2015, li fil-kuntest tagħha l-amministrazzjoni tista’ tagħti kumpens, kif ukoll, it-tielet, il-proċedura ta’ rkupru tal-ħlas indebitu fil-qasam fiskali, prevista fl-Artikoli 221 et seq. tal-Kodiċi Ġenerali tat‑Taxxi.

40      Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ma teżisti ebda limitazzjoni għall-invokazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u lanqas ma teżisti limitazzjoni għall-possibbiltà li qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni dwar l-osservanza ta’ dan id-dritt jew li tagħti kumpens sħiħ. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jirreferi għall-Artikolu 4a tal-Liġi Organika 6/1985, għas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tas‑7 ta’ Frar 2012 (rikors 419/2010, sentenza 1425/2012, ES:TS:2012:1425), li permezz tagħha ġie rrikonoxxut id-dritt tar-rikorrent għar-rimbors tas-somom imħallsa abbażi tal-finanzjament tal-bonus soċjali minħabba li s-sentenza inkwistjoni kienet tapplika dispożizzjoni ta’ Digriet-Liġi Irjali, iddikjarata inapplikabbli minħabba l-kuntrarjetà tagħha mad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja).

41      Sussegwentement, dan l-Istat Membru jinvoka r-rimedju proċedurali li jippermetti l-estensjoni tal-effetti ta’ sentenza, prevista fl-Artikolu 37(3) u fl-Artikoli 110 u 111 tal-Liġi 29/1998. Huwa jippermetti, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet jiġu ssodisfatti, li tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà tal-Istat li tirriżulta minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ regola nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

42      Fl-aħħar nett, konformement mal-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni, l-individwi għandhom il-possibbiltà li jiġu kkumpensati għall-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jikkawżawlhom dannu kkunsidrat bħala illegali, jiġifieri dannu li l-individwu li sofra dannu ma għandux l-obbligu legali li jassumi, peress li teżisti rabta kawżali bejn dan u l-attività tal-amministrazzjoni u peress li l-azzjoni tiġi ppreżentata fit-terminu ta’ preskrizzjoni previst. Din il-proċedura hija implimentata mill-Artikolu 32 tal-Liġi 40/2015.

43      Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprevedi l-kumpens għad-danni subiti fil-każ ta’ funzjonament normali jew anormali tas-servizzi pubbliċi – il-kunċett ta’ “servizz pubbliku” għandu jinftiehem fis-sens wiesa’ ta’ azzjoni amministrattiva, jiġifieri l-fatti u l-atti amministrattivi, inklużi l-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet purament materjali – u jippermetti li jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati, l-ewwel, mill-atti adottati b’applikazzjoni ta’ liġijiet jew ta’ regolamenti konformi mal-Kostituzzjoni jew mad-dritt inġenerali, meta jkun jeżisti sagrifiċċju individwali u partikolarment intensiv, it-tieni, mill-atti adottati b’applikazzjoni ta’ regolamenti ddikjarati illegali, li l-illegalità tagħhom tirriżulta minn dritt nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll, it-tielet, mill-atti amministrattivi li l-illegalità tagħhom ġiet iddikjarata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva jew kontenzjuża amministrattiva, fejn din l-illegalità tirriżulta mid-dritt nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni.

44      Barra minn hekk, il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu jippermetti li jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati mill-atti adottati skont liġijiet iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni, filwaqt li l-paragrafu 5 tal-istess artikolu jistabbilixxi dritt għal kumpens għad-danni kkawżati mill-atti adottati skont liġijiet iddikjarati inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

45      Għalhekk, il-possibbiltà li jinkiseb kumpens abbażi tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, kif irregolata minn dawn il-paragrafi 4 u 5, tikkostitwixxi biss rimedju ġudizzjarju speċifiku u residwu, offrut lill-individwi li, peress li diġà ppreżentaw azzjoni oħra, kisbu deċiżjoni sfavorevoli li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, rispettivament, l-inkostituzzjonalità jew l-inkompatibbiltà tar-regola inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni.

46      Fit-tieni lok, analiżi komparattiva tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat fi Spanja u tas-sistema tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tistabbilixxi li f’ebda każ ma jista’ jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ effettività nkiser minħabba li ġie introdott rimedju speċifiku ta’ kumpens komplementari bħal dak previst fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, peress li s-sistema Spanjola hija iktar favorevoli għaċ-ċittadini mis-sistema ta’ responsabbiltà tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-azzjoni għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tistax tintuża sabiex tiġi evitata l-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament li jirrigwarda l-istess illegalità u intiż għall-istess għanijiet pekunjarji. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 joffri rimedju ġudizzjarju lill-persuni li l-azzjonijiet tagħhom ġew miċħuda permezz ta’ sentenza definittiva, flimkien mar-rimedju tar-rikors kontenzjuż amministrattiv li diġà jippermetti l-akkumulazzjoni ta’ talba għal annullament u ta’ talba għal kumpens. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-prinċipju ta’ effettività ma jistax jiġi interpretat b’mod differenti skont jekk l-att dannuż huwiex imwettaq minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni.

47      Fit-tielet lok, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fir-rigward tal-istabbiliment tas-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom kien jimponi fuq il-Kummissjoni, qabel ma tkun tista’ tiddetermina jekk il-prinċipji inkwistjoni humiex miksura fi Spanja, li tieħu inkunsiderazzjoni s-sistema Spanjola kollha dwar il-kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-Unjoni.

48      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni vvizzjat l-analiżi tagħha bi żball ta’ raġunament li jneħħi l-bażi tar-rikors kollu tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 huwa intiż li jippermetti l-kumpens għal dannu f’sitwazzjonijiet li saru definittivi, sa fejn dawn diġà kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda permezz tar-rimedji ordinarji, billi joffri kumpens li altrimenti jkun impossibbli. Għalkemm id-dritt tal-Unjoni jippermetti lil qorti nazzjonali ma tapplikax liġi minħabba li din tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt, dan ma jagħtihiex is-setgħa li tannulla dispożizzjoni ta’ livell leġiżlattiv b’effett erga omnes jekk l-ordinament ġuridiku nazzjonali ma jipprevedix tali setgħa, u lanqas ma jeżiġi li jiġu kkumpensati l-individwi kollha li għalihom ġiet applikata regola tad-dritt iddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minn qorti nazzjonali, tkun xi tkun ir-regola tad-dritt. Dan jeżiġi biss li jkun hemm mezz ta’ kumpens f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, skont il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Issa, tali mezzi jeżistu fid-dritt Spanjol.

49      Madankollu, il-fatt li qorti nazzjonali adita minn individwu tkun, f’sentenza, ikkonstatat l-inkompatibbiltà ta’ regola kklassifikata bħala liġi mad-dritt tal-Unjoni ma jistax jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex individwu ieħor ikun jista’ jibda, abbażi ta’ din is-sentenza, proċedura għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat skont l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015. Dan l-approċċ imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. L-effetti erga omnes ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà jseħħu biss permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) jew f’ċerti każijiet ta’ annullament ta’ dispożizzjonijiet regolatorji mill-qrati li ngħataw din il-ġurisdizzjoni. Il-Kummissjoni tħallat l-azzjonijiet għal kumpens mas-sistema tar-responsabbiltà tal-Istat.

50      Għalhekk ikun żbaljat li jiġi sostnut, kif għamlet il-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża, li ċittadin jista’, għas-sempliċi raġuni li ċittadin ieħor kiseb sentenza li tiddikjara regola kklassifikata bħala liġi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jibda, abbażi tagħha, azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat skont l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015. Dan ir-rimedju ġudizzjarju huwa disponibbli biss meta sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara tali regola inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u dan preċiżament minħabba l-effetti erga omnes ta’ tali sentenza.

51      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax tikkontesta, abbażi tal-prinċipju ta’ effettività, il-mod kif is-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat hija strutturata fl-ordinament ġuridiku Spanjol, li ma jipprevedix rimedju dirett għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat li jista’ jitressaq quddiem qorti. Individwu li jfittex li jikseb kumpens għal dannu kkawżat mill-awtoritajiet pubbliċi għandu dejjem jibda billi jindirizza lill-amministrazzjoni sabiex hija tirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi, u, jekk ikun il-każ, sabiex hija tilqa’ din it-talba għal kumpens, kemm jekk din ir-responsabbiltà tirriżulta minn att tal-amministrazzjoni, tal-qrati jew tal-leġiżlatur. Fil-każ ta’ ċaħda espressa jew taċita tal-imsemmija talba, l-individwu għandu jadixxi lill-qorti amministrattiva, li tkun responsabbli għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni li tiċħad din ir-responsabbiltà. B’mod ġenerali, l-illegalità tiġi ddikjarata u l-kumpens jinkiseb fil-kuntest ta’ tali proċedura.

52      Ir-responsabbiltà tal-Istat li tirriżulta minn dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, prevista fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, tikkostitwixxi mezz ieħor ta’ kumpens, komplementari u mhux esklużiv, miftuħ għal dawk li t-talbiet tagħhom ġew inizjalment miċħuda. L-eżistenza ta’ dan ir-rimedju ġudizzjarju b’ebda mod ma tipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jevitaw l-applikazzjoni tal-liġijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni u li jagħtu kumpens, fil-kuntest tar-rikors korrispondenti, jew permezz tal-eżerċizzju ta’ azzjoni individwalizzata għad-danni. In-natura komplementari ta’ dan ir-rimedju ġudizzjarju hija kkonfermata mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li jintroduċi l-imsemmi rimedju ġudizzjarju permezz tal-avverbju “wkoll”.

53      Il-Kummissjoni ssostni li l-eżistenza eventwali ta’ rimedji ġudizzjarji oħra konformi mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza ma tiggarantixxix li s-sistema applikabbli għar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur hija konformi ma’ dawn il-prinċipji. Għalkemm id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu analizzati fil-kuntest tagħhom, l-għan ta’ din l-analiżi huwa li jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet, u mhux ir-rimedji ġuridiċi kollha li jeżistu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, humiex ta’ natura li jiggarantixxu li jeżistu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni meta l-leġiżlatur jikser id-dritt tal-Unjoni. Issa, minħabba l-imsemmija dispożizzjonijiet, il-qrati Spanjoli kollha, ikun xi jkun il-livell tagħhom, ikunu obbligati li jiċħdu t-talbiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat leġiżlatur li ma jkunux issostanzjati minn sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel ma tali talbiet ikunu jistgħu jintlaqgħu, u dan anki jekk dawn ma jkunux marbuta b’tali obbligu skont l-Artikolu 267 TFUE.

54      Id-diversi proċeduri invokati mir-Renju ta’ Spanja għandhom suġġetti differenti minn proċedura intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, li huwa l-uniku wieħed inkwistjoni f’dan il-każ. Għaldaqstant, dawn ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża.

55      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ effettività, il-mezz indirett ta’ ksib ta’ kumpens permezz tar-responsabbiltà tal-amministrazzjoni jista’ jkollu effett biss meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà kkonstatat li r-regola kklassifikata bħala liġi inkwistjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, il-korp ġudizzjarju inkarigat mir-rikorsi diretti kontra atti amministrattivi ma huwiex kompetenti biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjonijiet leġiżlattivi humiex kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, jekk l-att amministrattiv li jikser id-dritt tal-Unjoni ikun konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, din il-qorti ma tistax, konformement mal-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, tikkonkludi favur kumpens għad-dannu kkawżat minn dan il-ksur mingħajr ma tagħmel domanda preliminari, fatt li jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

56      L-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 ma jistax jitqies bħala dispożizzjoni residwa, għaliex dan jirregola speċifikament il-kumpens għad-danni kkawżati minn regola kklassifikata bħala liġi li tirriżulta li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jissepara r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur mis-sistema ġenerali tar-responsabbiltà tal-Istat, billi jissuġġettaha għal dispożizzjonijiet speċifiċi, dawn għandhom josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

57      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, dawn huma wkoll irrilevanti għal din il-kawża. Huma biss ir-rekwiżiti proċedurali previsti fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 li jiġu kkritikati abbażi tal-prinċipju ta’ effettività, peress li l-kundizzjonijiet sostantivi li jinsabu f’din id-dispożizzjoni huma kkritikati fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

58      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, anki fil-każ fejn l-argument tar-Renju ta’ Spanja espost fil-punti 37 sa 52 ta’ din is-sentenza jkun fondat, dan jaffettwa biss l-evalwazzjoni tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza jillimita ruħu għal paragun tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur ibbażata fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, mal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur ibbażata fuq ksur tal-Kostituzzjoni, prevista fl-Artikolu 32(4) ta’ din il-liġi. Għalhekk, għall-finijiet tal-analiżi ta’ dan it-tieni lment, huwa fi kwalunkwe każ irrilevanti li d-dritt Spanjol jipprevedi barra minn hekk, jekk ikun il-każ, rimedji ġuridiċi oħra li jippermettu lill-individwi jiksbu kumpens għad-danni li jiġu kkawżati lilhom mill-awtoritajiet pubbliċi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

59      Dan premess, għandu jitfakkar, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-Renju ta’ Spanja espost fil-punti 38 sa 45 ta’ din is-sentenza, li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja skont il-prinċipju ta’ effettività, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, kif ukoll l-iżvolġiment u l-karatteristiċi partikolari ta’ din il-proċedura, quddiem id-diversi qrati nazzjonali, b’teħid inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali kkunsidrata, bħalma huma, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment neċessarju u korrett tal-proċedura (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 36 u 37 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 63 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

60      Madankollu, minn dan ma jirriżultax li, f’kull każ fejn il-Kummissjoni tqis li dispożizzjoni proċedurali nazzjonali applikabbli għal rimedju ġudizzjarju previst minn Stat Membru tippreġudika l-prinċipju ta’ effettività, din l-istituzzjoni hija obbligata, sabiex turi l-fondatezza tal-pożizzjoni tagħha, li teżamina sistematikament ir-rimedji ġuridiċi kollha li jeżistu fis-sistema ġuridika ta’ dan l-Istat Membru. Fil-fatt, skont il-kliem ta’ din il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma teħtieġx l-analiżi tar-rimedji ġuridiċi kollha li jeżistu fi Stat Membru, iżda analiżi kuntestwalizzata tad-dispożizzjoni li allegatament tippreġudika dan il-prinċipju, li jista’ jimplika, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-analiżi ta’ dispożizzjonijiet proċedurali oħra li huma applikabbli fil-kuntest tar-rimedju ġudizzjarju li n-natura effettiva tiegħu hija mqiegħda f’dubju jew dak ta’ rimedji ġudizzjarji li għandhom l-istess għan bħal dan tal-aħħar.

61      Issa, f’dan il-każ, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ effettività jirrigwarda biss ċerti modalitajiet proċedurali, previsti fid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, applikabbli għall-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil-leġiżlatur.

62      Minn dan isegwi li l-argument tar-Renju ta’ Spanja riprodott fil-punti 38 sa 45 ta’ din is-sentenza huwa ta’ natura li jistabbilixxi l-assenza ta’ fondatezza tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ effettività biss jekk waħda jew iktar mill-proċeduri jew rimedji ġuridiċi invokati minn dan l-Istat Membru jippermettu lill-individwi jiksbu kumpens għad-danni li ġew ikkawżati lilhom mil-leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

63      F’dan ir-rigward, fir-rigward, qabel kollox, tal-proċeduri identifikati fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà li jinkiseb kumpens għal dannu eventwali fil-kuntest ta’ rikors kontenzjuż amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 31(2) u fl-Artikolu 71(1)(d) tal-Liġi 29/1998, hija distinta, min-natura tagħha stess, mis-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur.

64      Ċertament, dwar is-sitwazzjoni li fiha, minn naħa, id-dannu jirriżulta minn att jew minn ommissjoni tal-leġiżlatur, li jmur jew tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, jeżisti att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat, ir-Renju ta’ Spanja, fin-noti tiegħu u matul is-seduta, irrefera b’mod partikolari għas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, insostenn tal-pożizzjoni tiegħu li skontha dik il-qorti suprema tirrikonoxxi li l-qrati amministrattivi għandhom il-ġurisdizzjoni biex jevalwaw il-konformità ta’ regola kklassifikata bħala liġi mad-dritt tal-Unjoni, sabiex jiddikjarawha inapplikabbli f’każ bħal dan, minħabba tali assenza ta’ konformità, u sabiex jilqgħu, bħala konsegwenza, rikors kontenzjuż amministrattiv immirat lejn l-att amministrattiv ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola, kif ukoll biex jipprovdu, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ tali proċedura, għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ sitwazzjoni legali tar-rikorrent, f’dan il-każ permezz ta’ rimbors tas-somom indebitament imħallsa.

65      Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li r-rimedju tar-rikors kontenzjuż amministrattiv, previst fl-Artikolu 31(2) tal-Liġi 29/1998, joffri lil individwu leż minn att jew ommissjoni tal-leġiżlatur, li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà, f’ċerti każijiet, li jiġi integrat mill-ġdid fid-drittijiet tiegħu kif mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni.

66      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mill-elementi sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dan huwa l-każ fiċ-ċirkustanzi kollha li fihom individwu jsofri dannu minħabba att tal-leġiżlatur, b’mod partikolari meta d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-ksur tagħha huwa invokat ma tippermettix, minħabba l-assenza ta’ effett dirett tagħha, li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regola kklassifikata bħala liġi kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 68) jew meta d-dannu jirriżulta minn nuqqas ta’ aġir tal-leġiżlatur.

67      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li r-Renju ta’ Spanja sostna waqt is-seduta li d-dritt Spanjol ma jagħmilx distinzjoni skont jekk id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni għandhiex effett dirett jew le, u li l-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li, fuq is-sempliċi bażi tad-dritt intern, qorti nazzjonali tista’ tevita kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun nieqsa minn tali effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 33), xorta jibqa’ il-fatt li, fl-assenza ta’ att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat, dan ir-rimedju ġudizzjarju ma huwiex disponibbli għall-individwi, fis-sens li huma ma jistgħux jużaw l-imsemmi rimedju sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li, filwaqt li joriġina minn att jew ommissjoni tal-leġiżlatur nazzjonali, ma mmaterjalizzax ruħu f’att amministrattiv jew meta t-talba ta’ rikonoxximent ma tistax twassal għall-adozzjoni ta’ tali att amministrattiv abbażi tal-Artikolu 31(2) tal-Liġi 29/1998.

68      Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument riprodott fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja sostna, minn naħa, li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 31(2) tal-Liġi 29/1998, kien “kważi dejjem” possibbli li jsiru talbiet intiżi sabiex jinkiseb kumpens għal dannu li jirriżulta mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur, u b’hekk ammetta impliċitament li dan ma huwiex dejjem il-każ. Min-naħa l-oħra, il-fatt li individwu jkun jista’ jagħti bidu għall-adozzjoni ta’ att amministrattiv billi jressaq talba għal kumpens quddiem l-amministrazzjoni ma jippermettix li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-leġiżlatur fis-sitwazzjonijiet kollha msemmija fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza peress li r-Renju ta’ Spanja stess irrefera fl-atti tiegħu għas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), tat‑18 ta’ Novembru 2020 (rikors 404/2019, sentenza 1534/2020, ES:TS:2020:3936), li minnha jirriżulta li r-regola li kisret id-dritt tal-Unjoni għandha tkun ħolqot l-attività amministrattiva konkreta li tifforma l-oriġini tad-danni li għalihom huwa mitlub il-kumpens.

69      Għar-raġunijiet kollha esposti fil-punti 64 sa 68 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza tar-rimedju tar-rikors kontenzjuż amministrattiv, previst fl-Artikolu 31(2) tal-Liġi 29/1998, ma hijiex biżżejjed sabiex l-ewwel ilment tal-Kummissjoni jiġi miċħud mill-ewwel.

70      Bl-istess mod, la r-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 32(2) tal-Liġi 29/1998, li huwa intiż biss għall-każijiet ta’ fatt tal-amministrazzjoni, u lanqas il-proċedura ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu fil-qasam fiskali, prevista fl-Artikoli 221 et seq. tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, li hija intiża biss li tippermetti lil individwu jirkupra mingħand l-awtorità pubblika kkonċernata somom ta’ flus li din tal-aħħar, ipotetikament, irċeviet illegalment, ma jistgħu jkunu suffiċjenti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għal sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna li ma jkoprux is-sitwazzjonijiet kollha li fihom ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur ibbażata fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita u tagħti lok għal kumpens.

71      Fir-rigward tal-proċedura ta’ reviżjoni ex officio tal-atti amministrattivi, prevista fl-Artikolu 106(4) tal-Liġi 39/2015, din tippermetti lil amministrazzjoni li tiddikjara n-nullità ta’ att jew ta’ dispożizzjoni tistabbilixxi, fl-istess deċiżjoni, il-kumpens li għandu jiġi rrikonoxxut lill-persuni kkonċernati. Madankollu, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din il-possibbiltà hija offruta biss f’dak li jirrigwarda d-danni kkawżati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u xejn ma jindika li hija tippermetti lil individwu jiġi kkumpensat għal dannu kkawżat lilu minn att jew nuqqas ta’ aġir tal-leġiżlatur li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

72      Sussegwentement, fir-rigward tar-rimedju proċedurali li jippermetti l-estensjoni tal-effetti ta’ sentenza, previst fl-Artikolu 110(1) tal-Liġi 29/1998, dan jippermetti li l-effetti ta’ sentenza definittiva li rrikonoxxiet sitwazzjoni legali individwalizzata favur persuna, taħt il-kundizzjonijiet iddikjarati minn din id-dispożizzjoni, jiġu estiżi għal persuni oħra li jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali. Madankollu, l-użu ta’ din il-possibbiltà jippreżumi li din is-sitwazzjoni legali tkun ġiet stabbilita minn qabel. Konsegwentement, anki jekk jiġi aċċettat li dan jippermetti li jiġi estiż ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà tal-leġiżlatur nazzjonali għal ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu lil partijiet ikkonċernati li jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali bħall-persuni li bbenefikaw minn sentenza li tirrikonoxxi din ir-responsabbiltà fir-rigward tagħhom, l-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura ta’ estensjoni teżiġi li din ir-responsabbiltà tkun ġiet stabbilita minn qabel fil-kuntest ta’ rikors preċedenti. Għaldaqstant, hija ma tistax ittaffi n-nuqqasijiet allegati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha.

73      L-istess japplika għall-possibbiltà ta’ estensjoni tal-effetti ta’ sentenza, prevista fl-Artikolu 37(3) u fl-Artikolu 111 tal-Liġi 29/1998, li, essenzjalment, tapplika biss għall-kawżi li t-trattament tagħhom kien ġie sospiż sakemm l-eżitu definittiv ta’ kawża konnessa jiġi ttrattat bi prijorità.

74      Fl-aħħar, fir-rigward tar-rimedju ġudizzjarju li jippermetti preċiżament li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat, għandu jiġi rrilevat li, kif jindika r-Renju ta’ Spanja, l-Artikolu 32 tal-Liġi 40/2015 jipprevedi diversi ipoteżijiet li fihom tista’ tiġi stabbilita din ir-responsabbiltà. Madankollu, huma biss il-paragrafi 3 sa 6 ta’ dan l-artikolu li jirrigwardaw speċifikament ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur.

75      B’hekk, il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu jipprevedi li l-individwi jingħataw il-possibbiltà li jiġu kkumpensati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi korrispondenti għal kull preġudizzju fil-konfront tal-beni jew tad-drittijiet tagħhom meta dan il-il-preġudizzju jkun il-konsegwenza tal-funzjonament normali jew anormali tas-servizzi pubbliċi, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ danni li, skont il-liġi, l-individwu huwa legalment marbut li jassumi, peress li din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-annullament, b’mod amministrattiv jew permezz tal-kontenzjuż amministrattiv, tal-atti jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ma jagħtix lok, fih innifsu, għal dritt għal kumpens.

76      Għalkemm dan ir-rimedju ġudizzjarju jista’ għalhekk effettivament jitqies li huwa r-rimedju legali ordinarju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat, il-ftuħ tiegħu jippreżumi “funzjonament […] tas-servizzi pubbliċi” – kunċett li ma jirreferix għal-leġiżlatur. Għaldaqstant, l-imsemmi rimedju ma jkoprix il-kumpens għad-danni kkawżati direttament minn att jew ommissjoni tal-leġiżlatur nazzjonali minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni meta dawn id-danni ma jistgħux jiġu attribwiti lil attività ta’ servizzi pubbliċi.

77      Barra minn hekk, kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, previsti fl-Artikolu 32(3) sa (6) tal-Liġi 40/2015, ikunu inutli jekk ir-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 32(1) ta’ din il-liġi jkun diġà jippermetti li l-Istat jinżamm responsabbli għad-danni kkawżati mil-leġiżlatur nazzjonali.

78      Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tal-imsemmija liġi, li fir-rigward tiegħu r-Renju ta’ Spanja enfasizza waqt is-seduta li dan kien jikkostitwixxi r-rimedju ġudizzjarju ġenerali għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, inkluż għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, għandu jiġi rrilevat li, kif osserva dan l-Istat Membru, it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 3 jippreċiża li r-responsabbiltà tal-Istat Membru tista’ “wkoll” tiġi stabbilita meta r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4 jew fil-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jkunu ssodisfatti. Minn dan għandu jiġi dedott li, kif isostni dan l-Istat Membru, ir-rimedji ġudizzjarji previsti f’dawn l-aħħar żewġ paragrafi jikkostitwixxu rimedji ġudizzjarji supplimentari jew komplementari li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, b’mod partikolari fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, flimkien ma’ dak, ġenerali, previst fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu.

79      Madankollu, dan l-ewwel subparagrafu jissuġġetta l-possibbiltà li jinkiseb kumpens abbażi tiegħu għall-kundizzjoni li l-att leġiżlattiv li wassal għad-danni jipprevedi dan u li jiġu osservati l-kundizzjonijiet li dan l-att jippreċiża. Issa, minbarra l-fatt li din il-possibbiltà tidher li hija immedjatament ineżistenti meta d-dannu jirriżulta minn nuqqas ta’ aġir tal-leġiżlatur, is-sempliċi fatt li l-kisba ta’ kumpens abbażi tal-imsemmi subparagrafu tkun għalhekk suġġetta għal kundizzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li l-azzjoni prevista f’dan l-istess subparagrafu tista’ titqies bħala rimedju legali li jista’ jirrimedja n-nuqqasijiet allegati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-effettività tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu.

80      Il-fatt, issuġġerit mir-Renju ta’ Spanja waqt is-seduta, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tal-Liġi 40/2015 huwa suġġett għal interpretazzjoni flessibbli mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li tapplikaha b’mod flessibbli sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, ma jippermettix li tiġi kkonfutata l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti.

81      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, għalkemm il-portata tal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni li tingħata lilhom mill-qrati nazzjonali (sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 1994, C‑382/92, EU:C:1994:233, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2015, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-eżistenza ta’ ġurisprudenza, anki minn qorti suprema, ma tistax, minħabba n-natura fundamentali tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur ta’ dritt tal-Unjoni li huwa imputabbli lilu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 59) u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, tkun biżżejjed biex tiggarantixxi biċ-ċertezza u bil-preċiżjoni meħtieġa li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tal-Liġi 40/2015 joffri rimedju ġudizzjarju li jippermetti li jiġu miċħuda mill-bidu l-kritiki li l-Kummissjoni tifformula fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha.

82      Konsegwentement, peress li ebda waħda mill-proċeduri jew rimedji legali invokati mir-Renju ta’ Spanja fil-punti 38 sa 45 ta’ din is-sentenza ma jippermettu effettivament lill-individwi jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur sabiex jiksbu kumpens għad-danni kkawżati lilhom mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa imputabbli lil dan l-Istat, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ffokat l-analiżi tagħha fuq l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, moqri flimkien mal-paragrafi 3, 4 u 6 ta’ dan l-artikolu, kif ukoll fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015 u fuq it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma l-uniċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu speċifikament il-possibbiltà li tiġi stabbilita din ir-responsabbiltà.

83      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tas-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ dispożizzjoni proċedurali mal-prinċipju ta’ effettività tippreżupponi li din l-evalwazzjoni ma ssirx b’rabta ma’ dispożizzjonijiet li jkunu previsti f’sistemi ġuridiċi oħrajn iżda fid-dawl tal-pożizzjoni tad-dispożizzjoni kkunsidrata fil-proċedura kollha, tal-iżvolġiment tagħha u tal-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, il-kritika fformulata mir-Renju ta’ Spanja kontra n-natura effettiva tas-sistema tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tistax fi kwalunkwe każ twassal biex l-ewwel ilment tal-Kummissjoni jiġi miċħud mill-bidu.

84      Fit-tielet lok, il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom meta jiġu biex jistabbilixxu s-sistema tagħhom ta’ responsabbiltà għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilhom ma jeżentahomx, fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, milli josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Sussegwentement, huma jibqgħu obbligati, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, josservaw il-prinċipju ta’ effettività.

85      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument espost fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tqiegħed inkwistjoni l-mod kif is-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat hija strutturata fl-ordinament ġuridiku Spanjol. Fil-fatt, dan ir-rikors għandu biss l-għan li jistabbilixxi jekk is-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, kif prevista mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, tippermettix lill-individwi jiksbu, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, il-kumpens għad-danni kkawżati lilhom mil-leġiżlatur nazzjonali minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

86      Issa, peress li, minn naħa, ebda waħda mill-proċeduri jew rimedji legali invokati mir-Renju ta’ Spanja, imsemmija fil-punti 38 sa 45 ta’ din is-sentenza, ma jippermettu li jiġi stabbilit mill-ewwel li dan huwa l-każ u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni ġenerali li, skont l-affermazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru waqt is-seduta, hija rilevanti f’dan ir-rigward, jiġifieri l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tal-Liġi 40/2015, ma toffrix, kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 79 sa 81 ta’ din is-sentenza, possibbiltà effettiva li tiġi stabbilita, fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun is-suġġett ta’ kumpens b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza imsemmija fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, ir-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, huwa meħtieġ li l-uniku rimedju ġudizzjarju previst għal dan il-għan f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dak previst fl-Artikolu 32(5) ta’ din il-liġi, jiġi organizzat b’mod li, b’mod partikolari, ma jagħmilx, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-ksib ta’ kumpens.

87      Fl-aħħar, minn naħa, peress li minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ċċentrat dan ir-rikors biss fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, ma jistax jitqies li l-analiżi tal-Kummissjoni wasslet għal qlib illegali tal-oneru tal-prova.

88      Min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-fatt li s-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, kif maħsuba mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, tikkostitwixxi “mekkaniżmu ta’ tlestija tas-sistema ġuridika Spanjola” lanqas ma għandu l-konsegwenza li r-rikors tal-Kummissjoni, sa fejn huwa intiż li jikkontesta l-effettività ta’ din is-sistema ta’ responsabbiltà biss, għandu jiġi miċħud mill-ewwel bħala infondat.

89      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti mressqa prinċipalment mir-Renju ta’ Spanja u li jitkompla l-eżami ta’ dan ir-rikors permezz tal-analiżi tal-ilmenti invokati mill-Kummissjoni.

3.      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ effettività

a)      Fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tal-Liġi 40/2015

90      Il-Kummissjoni ssostni li t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li għalihom l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jissuġġetta l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mil-leġiżlatur Spanjol minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, meħuda separatament jew flimkien, irendu, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba ta’ kumpens.

1)      Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ dikjarazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-inkompatibbiltà tar-regola applikata mad-dritt tal-Unjoni

i)      Largumenti talpartijiet

91      Il-Kummissjoni tosserva, preliminarjament, li l-fatt li l-kumpens għad-dannu kkawżat mill-Istat leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa suġġett għall-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-regola kklassifikata bħala liġi applikata jirriżulta mill-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi li d-dannu għandu jirriżulta “mill-applikazzjoni ta’ regola ddikjarata li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni”, moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan l-artikolu u mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, li jirreferu għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni  li tiddikjara li d-dritt tal-Unjoni ġie miksur.

92      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li huma biss id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jinkludu dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li kull deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija suffiċjenti sabiex tissodisfa l-kundizzjoni inkwistjoni fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti, ġurisprudenza stabbilita tistabbilixxi li ma huwiex indispensabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet li tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni u li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività li l-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru jkun suġġett għar-rekwiżit ta’ deċiżjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja.

93      It-tieni, il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat, inkluż minħabba l-attività tal-leġiżlatur, għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu huma stess, għall-finijiet tal-kawża inkwistjoni, dwar il-kundizzjonijiet kollha għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat, inkluża dik relatata mal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkollhom jibbażaw ruħhom fuq sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u mingħajr ma jkollhom neċessarjament iressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mingħajr ma jkollhom jistennew deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dan ma jimplikax li kull qorti għandha tkun tista’ tannulla regola nazzjonali b’effett erga omnes.

94      It-tielet, il-Kummissjoni tirrileva li r-Renju ta’ Spanja jammetti li dan ir-rimedju ġudizzjarju jista’ jiġi eżerċitat biss jekk tkun teżisti deċiżjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jkun iġġustifikat bil-fatt li, meta qorti nazzjonali tkun ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha effett erga omnes hija neċessarja sabiex tkun tista’, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni ulterjuri, tmur lil hinn mill-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti u sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali. Madankollu, mis-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513), jirriżulta li sentenza li tiċħad rikors li jirrigwarda att amministrattiv għandha, quddiem qorti, irrispettivament mit-tip tagħha, l-awtorità ta’ res judicata biss dwar il-validità tal-att amministrattiv u mhux dwar l-eżistenza jew le ta’ dritt għal kumpens.

95      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-dritt Spanjol f’ebda każ ma jissuġġetta l-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni għall-eżistenza minn qabel ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikors kontenzjuż amministrattiv, l-azzjoni għall-irkupru ta’ ħlas indebitu tat-taxxa jew inkella l-azzjoni intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat għall-atti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jagħmlu ebda distinzjoni u lanqas ma jinkludu speċifikazzjoni f’dan is-sens.

96      Kull qorti Spanjola tista’ tiddikjara regola kklassifikata bħala liġi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u tista’, meta tikkonstata l-illegalità ta’ att, ta’ azzjoni jew ta’ ommissjoni tal-leġiżlatur nazzjonali minħabba inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, twarrab l-applikazzjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, tagħti l-kumpens neċessarju bħala konsegwenza tal-annullament tal-att, tal-azzjoni jew tal-konstatazzjoni tal-illegalità tal-ommissjoni mingħajr ma tkun neċessarja deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata din l-inkompatibbiltà. Il-fatt li każ partikolari, marbut mal-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-inkompatibbiltà ta’ regola kklassifikata bħala liġi mad-dritt tal-Unjoni, huwa previst fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 ma jċaħħadx lill-qrati Spanjoli minn tali setgħat. Barra minn hekk, kull individwu, jekk iqis li d-danni kollha li huwa ġarrab ma ġewx ikkumpensati, minkejja li jkun kiseb l-annullament tal-att illegali, ikun jista’ jitlob kumpens lill-amministrazzjoni, konformement mal-Artikolu 4a tal-Liġi Organika 6/1985 u l-Liġi 29/1998.

97      Permezz tal-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, id-dritt Spanjol jipprevedi, barra minn hekk, li, anki fil-każijiet fejn it-talba għall-annullament tal-att amministrattiv ġiet miċħuda, fejn għalhekk din issir definittiva, din in-natura definittiva tista’ tiġi ulterjorment irrimedjata permezz ta’ azzjoni għall-kumpens għad-dannu. Madankollu, sabiex b’hekk tmur lil hinn mill-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ qorti Spanjola, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja, u minn dan ma jirriżulta ebda nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ effettività.

98      Il-Kummissjoni interpretat ħażin il-funzjonament tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat fi Spanja kif ukoll is-setgħa ta’ reviżjoni eżerċitata mill-qorti amministrattiva. Permezz tar-rekwiżiti speċifiċi tiegħu, l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 għandu biss l-intenzjoni li jevita li individwu jkun jista’ jiftaħ mill-ġdid proċedura ta’ kumpens għas-sempliċi raġuni li individwu ieħor, quddiem qorti nazzjonali oħra, ikun kiseb deċiżjoni favorevoli. Hija biss sentenza li għandha effett erga omnes li tista’ tipproduċi tali effett ta’ “reviżjoni” tas-sentenzi l-oħra, mingħajr ma tippreġudika ċ-ċertezza legali, u, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, huma biss ċerti qrati li għandhom ġurisdizzjoni biex jannullaw b’effett erga omnes dispożizzjoni ta’ natura ġenerali.

99      Ir-rekwiżit li jiġi stabbilit rimedju ġudizzjarju awtonomu għal responsabbiltà mhux kuntrattwali għad-danni kkawżati mil-leġiżlatur nazzjonali minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, billi tiġi injorata l-applikazzjoni individwalizzata tar-regola kklassifikata bħala liġi kkonċernata u mingħajr kunsiderazzjoni tal-osservanza ta’ kwalunkwe terminu għall-preżentata ta’ tali rikors, imur ferm lil hinn mir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività u jċaħħad mill-kontenut tiegħu l-kompetenza tal-Istati Membri biex jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat.

100    Il-Kummissjoni twettaq ukoll żball fir-rigward tat-tip ta’ deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015. Il-kelma “incumplimiento” ma għandhiex tinftiehem fis-sens ta’ “nuqqas”, iżda fis-sens ta’ “ksur”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tillimitax ruħha tirreferi għal sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 258 TFUE.

ii)    Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

101    L-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jipprevedi li, jekk id-dannu jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regola ddikjarata kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, l-individwu jista’ jiġi kkumpensat jekk ikun kiseb, quddiem kwalunkwe istanza, deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, bil-kundizzjoni li l-individwu jkun invoka l-ksur tad-dritt tal-Unjoni rrikonoxxut sussegwentement, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-kelma “regola” użata fl-imsemmija dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li tirreferi, bħal fil-każ tal-Artikolu 32(4) ta’ din il-liġi, għal “regola kklassifikata bħala liġi”.

102    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015 jippreċiża, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li, fil-każijiet ta’ responsabbiltà li għalihom jirreferi l-Artikolu 32(5) ta’ din il-liġi, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens id-danni li jseħħu f’terminu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara r-regola li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja inkluża f’din id-deċiżjoni, filwaqt li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015 jindika li, f’dawn l-istess każijiet ta’ responsabbiltà, id-dritt li jintalab kumpens huwa preskritt sena wara l-pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

103    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament issostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jimponu, bħala kundizzjoni sabiex individwu jkun jista’ jiġi kkumpensat għal dannu kkawżat lilu minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil-leġiżlatur nazzjonali, li dan il-ksur ikun ġie preċedentement ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

104    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-issuġġettar, mill-Istat Membru, tal-kumpens għad-dannu li huwa kkawża lil individwu billi kiser id-dritt tal-Unjoni għar-rekwiżit ta’ konstatazzjoni minn qabel, minn dan l-individwu, ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni imputabbli lil dan l-Istat Membru jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 95). Bl-istess mod, hija diġà ddeċidiet li l-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru ma jistax jiġi ssuġġettat għar-rekwiżit li l-eżistenza ta’ tali ksur tirriżulta minn sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn il-prinċipji huma validi irrispettivament mill-korp tal-Istat Membru li l-azzjoni jew l-ommissjoni tiegħu tkun tat lok għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

106    Konsegwentement, huwa irrilevanti, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ din il-parti, li jiġi ddeterminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jirrikjedux li tkun ingħatat deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas tar-Renju ta’ Spanja li jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni jew inkella jekk, kif isostni dan l-Istat Membru, dawn għandhomx jinftiehmu bħala li jirreferu għal kull deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha tista’ tiġi dedotta l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ att jew ta’ ommissjoni tal-leġiżlatur Spanjol. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 104 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, il-kumpens għad-dannu kkawżat minn Stat Membru, inkluż mil-leġiżlatur nazzjonali, minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni ma jistax, mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ effettività, ikun suġġett għall-għoti minn qabel ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas tal-Istat Membru kkonċernat tad-dritt tal-Unjoni li minnu tirriżulta l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-att jew tal-ommissjoni li tat lok għad-dannu.

107    Madankollu, għal dan il-għan, għandu jiġi evalwat jekk, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, rimedji legali oħra jippermettux li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur mingħajr ma tkun meħtieġa, fil-kuntest ta’ dawn, l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja.

108    Issa, qabel kollox, diġà ġie kkonstatat fil-punti 63 sa 82 ta’ din is-sentenza li ebda waħda mill-proċeduri jew rimedji legali invokati mir-Renju ta’ Spanja fil-punti 95 u 96, jew fil-punti 38 sa 45 tagħha, ma jiggarantixxu li individwu jista’, fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun is-suġġett ta’ kumpens skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, jikseb kumpens adegwat għad-danni kkawżati lilu minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil-leġiżlatur nazzjonali.

109    Sussegwentement, sa fejn l-argument espost fil-punti 97 sa 99 ta’ din is-sentenza jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak diġà miċħud fil-punti 85, 86 u 88 tagħha, dan għandu wkoll, għall-istess raġunijiet, jiġi miċħud.

110    Fl-aħħar nett, sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ir-Renju ta’ Spanja jallega, essenzjalment, li, permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni qiegħda tipprova timponi l-istabbiliment ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti lil kull persuna tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur billi tinjora kull evalwazzjoni individwalizzata jew l-osservanza ta’ terminu għall-preżentata ta’ tali rikors, għandu jiġi kkonstatat li din hija bbażata fuq premessa żbaljata fir-rigward tal-portata ta’ dan ir-rikors u li hija għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda.

111    Fil-fatt, għalkemm, permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni tfittex li tiżgura li individwu li sofra dannu minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil-leġiżlatur Spanjol ikun jista’ jikseb kumpens għad-dannu tiegħu anki fl-assenza ta’ att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat, din l-istituzzjoni b’ebda mod ma tqiegħed inkwistjoni l-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 32(2) tal-Liġi 40/2015, li tgħid li d-dannu li għalih qed jintalab il-kumpens għandu b’mod partikolari jiġi individwalizzat fir-rigward ta’ persuna jew ta’ grupp ta’ persuni, u li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) ta’ dan l-artikolu, tapplika wkoll għal rikors previst mill-Artikolu 32(5) ta’ din il-liġi.

112    Hija lanqas ma tikkontesta l-fatt li l-eżerċizzju tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur huwa suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni, peress li l-istabbiliment ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza huwa barra minn hekk, bħala prinċipju, kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, u dan anki jekk, mid-definizzjoni tiegħu stess, l-iskadenza ta’ dawn it-termini timplika ċ-ċaħda, totali jew parzjali, tal-azzjoni mressqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Flausch et,  C‑280/18, EU:C:2019:928, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tal-ewwel ilment għandha tintlaqa’.

2)      Fuq ittieni parti, li tirrigwarda lkundizzjoni li tgħid li lindividwu li sofra dannu għandu jkun kiseb, quddiem kwalunkwe qorti, deċiżjoni definittiva li tiċħad rikors ippreżentat kontra latt amministrattiv li kkawża ddannu

i)      Largumenti talpartijiet

114    Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li individwu ma jistax jikseb kumpens għal dannu li huwa jkun naqas, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli jipprevjeni li jseħħ billi juża rimedju legali, dan huwa minnu biss bil-kundizzjoni li l-użu ta’ dan ir-rimedju legali ma jkunx sors ta’ diffikultajiet eċċessivi u jkun jista’ jiġi raġonevolment rikjest mill-persuna leża. Issa, peress li dan ir-rekwiżit huwa impost mill-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 b’mod assolut u inkundizzjonat, dan imur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

115    La l-fatt li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur tikkostitwixxi mekkaniżmu supplimentari tas-sistema ordinarja tar-responsabbiltà tal-Istat, la l-fatt li huwa neċessarju li tiġi protetta ċ-ċertezza legali, u lanqas il-fatt li, fi Spanja, jeżistu rimedji proċedurali oħra sabiex jiġu invokati d-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma jippermettu li jiġi rrimedjat dan il-ksur tal-prinċipju ta’ effettività.

116    Barra minn hekk, l-amministrazzjoni spiss tillimita ruħha għall-adozzjoni ta’ atti regolatorji li japplikaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, mingħajr ma jkollha ebda marġni ta’ diskrezzjoni, u l-leġiżlaturi nazzjonali jinsabu f’pożizzjoni partikolari fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, peress li għandhom josservaw id-dritt primarju kollu u d-dritt sekondarju tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-ksur dirett tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlaturi nazzjonali la huwa inabitwali u lanqas diffiċli li jiġi previst.

117    Barra minn hekk, huwa irrilevanti mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività li s-sentenza definittiva meħtieġa tkun tista’ tingħata minn kwalunkwe qorti, peress li huwa r-rekwiżit stess ta’ tali sentenza li jkun inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju sa fejn ebda eċċezzjoni ma hija prevista għall-każijiet li fihom l-eżerċizzju tar-rimedju ġudizzjarju meħtieġ ikun jikkawża lill-persuni leżi diffikultajiet eċċessivi jew ma jkunx jista’ jiġi raġonevolment rikjest min-naħa tagħhom.

118    Qabel kollox, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-kundizzjoni inkwistjoni fil-kuntest ta’ din it-tieni parti hija imposta minħabba n-natura supplimentari tas-sistema tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur u minħabba l-ħtieġa li l-prinċipju tal-kumpens għad-danni kkawżati mil-leġiżlatur jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Huwa diffiċli li dannu jiġi kkawżat minn att tal-leġiżlatur fl-assenza ta’ kull att amministrattiv ta’ applikazzjoni u, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens, ikun fi kwalunkwe każ neċessarju li tiġi evalwata każ b’każ l-illegalità tad-dannu subit, peress li dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni ma tagħtix lok awtomatiku għal dritt għal kumpens.

119    Meta l-ilment ikun ibbażat fuq l-inkompatibbiltà ta’ liġi mad-dritt tal-Unjoni, l-individwu għandu għalhekk jiġġustifika r-raġunijiet li għalihom din il-liġi tikkawżalu dannu individwalizzat u jistabbilixxi li l-kawża hija “l-applikazzjoni tal-liġi”. Fl-assenza ta’ bażi li tiġġustifika l-eżistenza ta’ “fatt dannuż”, ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat rikors għad-danni permezz ta’ mezzi ġudizzjarji. L-individwi ma jistgħux jippretendu li l-liġijiet li għandhom effetti temporali estiżi u li jirriżultaw li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jagħtu lok għal dritt għal kumpens illimitat ratione temporis.

120    Sussegwentement, għalkemm deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ rikors minn qabel hija meħtieġa, ma huwiex neċessarju li r-rimedji ġudizzjarji jkunu ġew eżawriti, peress li d-deċiżjoni definittiva tista’, skont l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, tkun inkisbet “quddiem kwalunkwe istanza”.

121    Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tinterpreta l-kundizzjoni inkwistjoni fil-kuntest ta’ din il-parti f’sens favorevoli għall-individwi, li jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività.

ii)    Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

122    L-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jipprevedi li, jekk id-dannu jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regola kklassifikata bħala liġi ddikjarata kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, l-individwu jista’ jiġi kkumpensat biss bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li jkun kiseb, quddiem kwalunkwe istanza, deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda ta’ rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu.

123    Issa, fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-qorti nazzjonali tista’ tivverifika jekk il-persuna leża wrietx diliġenza raġonevoli sabiex tevita l-preġudizzju jew tillimita l-portata tiegħu u jekk, b’mod partikolari, hija kinitx użat ir-rimedji legali kollha disponibbli għaliha fil-ħin. Fil-fatt, skont prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, il-persuna leża, sabiex ma tbatix hija stess id-dannu, għandha turi diliġenza raġonevoli sabiex tillimita l-portata tal-preġudizzju. Min-naħa l-oħra, ikun kontra l-prinċipju ta’ effettività li jiġi impost fuq il-persuni leżi ħtieġa li jirrikorru sistematikament għar-rimedji legali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, anki meta dan jikkawża diffikultajiet eċċessivi jew ma jkunx jista’ raġonevolment jiġi rikjest minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C‑445/06, EU:C:2009:178, punti 60 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev, C‑571/16, EU:C:2018:807, punti 140 sa 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Konsegwentement, jekk id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li individwu ma jistax jikseb kumpens għal dannu li s-seħħ tiegħu huwa jkun naqas, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli jipprevjeni permezz tal-użu ta’ rimedju legali, dan huwa biss bil-kundizzjoni li l-użu tiegħu ma jkunx sors ta’ diffikultajiet eċċessivi jew ikun jista’ jiġi raġonevolment rikjest mill-persuna leża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 69)

125    F’dan il-każ, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan huwa preċiżament dak li jipprevedi l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015. Fil-fatt, billi jikkontesta fil-ħin l-att amministrattiv li permezz tiegħu jseħħ id-dannu l-individwu kkonċernat jista’, bħala prinċipju, jevita li jseħħ dannu jew tal-inqas jillimita l-portata tiegħu.

126    Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma timponix li l-individwu jkun eżawrixxa r-rimedji ġudizzjarji kollha għad-dispożizzjoni tiegħu iżda biss li tkun inkisbet deċiżjoni definittiva fuq rikors ippreżentat kontra dan l-att amministrattiv, u dan quddiem kwalunkwe istanza, li huwa ta’ natura li jiffaċilita s-sodisfazzjon ta’ din il-kundizzjoni.

127    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, meta d-dannu jirriżulta minn att jew minn ommissjoni tal-leġiżlatur li jmur jew tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jeżisti att amministrattiv li l-individwu jista’ jikkontesta, l-imsemmija dispożizzjoni tirrendi impossibbli l-ksib ta’ kumpens, peress li l-individwu li sofra dannu ma jistax, f’każ bħal dan, jadixxi qorti b’rikors bħal dak meħtieġ. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, huwa eskluż li l-individwu leż li jinsab f’tali sitwazzjoni jkun marbut, permezz ta’ aġir attiv, li jipprovoka l-adozzjoni ta’ att amministrattiv li huwa jista’ sussegwentement jikkontesta meta tali att ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li kkawża d-dannu allegat.

128    Konsegwentement, sa fejn l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 ma jipprevedix eċċezzjoni għall-każijiet fejn il-preżentata tar-rikors li dan jimponi jkun sors ta’ diffikultajiet eċċessivi jew fejn din il-preżentata ma tistax tkun raġonevolment mistennija mill-persuna leża – li jkun il-każ meta d-dannu jirriżulta minn att jew minn ommissjoni tal-leġiżlatur li jmur jew tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – mingħajr ma jkun jeżisti att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat, dan huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività.

129    F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni li dannu ma tantx jista’ jirriżulta, b’mod daqshekk immedjat, minn att jew minn ommissjoni tal-leġiżlatur nazzjonali, ma għandhiex effett fuq din l-evalwazzjoni. Minn naħa, il-fatt li, fl-assenza ta’ previżjoni ta’ eċċezzjonijiet kif deskritti fil-punt preċedenti, rarament jiġi ppreġudikat il-prinċipju ta’ effettività ma jistax jiġġustifika l-ksur ta’ dan il-prinċipju. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-obbligi speċifiċi imposti fuq il-leġiżlaturi nazzjonali fil-qasam tat-traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dritt intern, fir-realtà ma huwiex inabitwali li l-attività tagħhom tkun, b’mod immedjat, l-oriġini ta’ dannu kkawżat lill-individwi.

130    Bl-istess mod, il-fatt li l-preżentata ta’ rikors minn qabel intiża sabiex jiġi evitat jew limitat id-dannu ma jistax, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, ikun meħtieġ fil-każijiet fejn din il-preżentata tkun sors ta’ diffikultajiet eċċessivi jew ma tistax tiġi raġonevolment mistennija mill-persuna leża ma jfissirx li l-individwu li jixtieq jagħti lok għall-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur ikun eżentat milli jistabbilixxi, fil-kuntest ta’ azzjoni li għandha tali għan, li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà fil-każ partikolari tiegħu huma ssodisfatti. L-argumenti tar-Renju ta’ Spanja, esposti fil-punti 118 u 119 ta’ din is-sentenza, għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda.

131    Fir-rigward tal-affermazzjoni li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tinterpreta l-kundizzjoni kkontestata f’sens favorevoli għall-individwi, din għandha tiġi miċħuda għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 81 ta’ din is-sentenza.

132    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel ilment għandha tintlaqa’ sa fejn l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jissuġġetta l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mil-leġiżlatur Spanjol għall-kundizzjoni li l-individwu li sofra dannu jkun kiseb, quddiem kwalunkwe istanza, deċiżjoni definittiva li tiċħad rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu mingħajr ma jipprevedi eċċezzjoni għall-każijiet fejn id-dannu jirriżulta direttament minn att jew minn ommissjoni tal-leġiżlatur, li jmur jew tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkun hemm att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat.

3)      Fuq it-tielet parti, li tirrigwarda l-kundizzjoni li l-individwu li sofra dannu għandu jkun invoka l-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li kkawża d-dannu

i)      Largumenti talpartijiet

133    Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni li l-individwu li sofra dannu għandu jinvoka l-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tar-rikors kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu tidher li tillimita d-dritt għal kumpens għall-każijiet fejn id-dispożizzjoni miksura tad-dritt tal-Unjoni tipproduċi effett dirett, filwaqt li r-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi stabbilita anki fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkollhiex tali effett.

134    Issa, peress li, skont il-Kummissjoni, meta d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni miksura ma tipproduċix effett dirett, l-individwi ma jistgħux jiksbu l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt intern u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward ta’ dawn it-tipi ta’ dispożizzjonijiet, ikun superfluwu li jintalab li l-parti leża tkun invokat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja minn qabel. Għaldaqstant, din il-kundizzjoni tirrendi eċċessivament diffiċli l-kisba ta’ kumpens għad-danni kkawżati mil-leġiżlatur nazzjonali minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

135    Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bil-fatt li l-individwi jistgħu jinvokaw kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament ta’ att amministrattiv, peress li l-qrati nazzjonali huma obbligati li ma japplikawx miżura nazzjonali u li jipproteġu direttament id-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni biss fil-każ ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett.

136    Ir-Renju ta’ Spanja jtenni li din il-kundizzjoni hija imposta minħabba n-natura supplimentari tas-sistema tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur u minħabba l-ħtieġa li l-prinċipju tal-kumpens għad-danni kkawżati mil-leġiżlatur jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għalhekk, l-obbligu li jiġi invokat, fil-kuntest ta’ rikors minn qabel, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex eċċessiv, peress li kull rikorrent huwa obbligat jeżerċita d-drittijiet tiegħu b’diliġenza u l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jippermetti l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ kumpens f’sitwazzjonijiet li saru definittivi.

137    Barra minn hekk, id-dritt Spanjol b’ebda mod ma jillimita d-dritt għal kumpens għall-każijiet fejn id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni miksura għandha effett dirett. Peress li din l-ipoteżi ma għandha ebda bażi fid-dispożizzjonijiet ikkontestati u l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, din il-parti għandha għalhekk tiġi miċħuda. Fi kwalunkwe każ, minn naħa, l-obbligu għal individwu li jippreżenta rikors minn qabel billi jinvoka ksur tad-dritt tal-Unjoni ma jfissirx li hija biss dispożizzjoni li għandha effett dirett li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, peress li jistgħu jitqajmu argumenti bbażati fuq l-inkompatibbiltà tad-dritt Spanjol mad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jitqajmu indipendentement mill-effett dirett tar-regola tad-dritt tal-Unjoni li hija invokata. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tinterpreta dan l-obbligu f’sens favorevoli għall-individwi.

ii)    Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

138    L-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jipprevedi, fost il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-possibbiltà għal individwu li jiġi kkumpensat għal dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil-leġiżlatur nazzjonali, dik li tgħid li dan l-individwu għandu jkun invoka, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni sussegwentement irrikonoxxut.

139    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li huwa neċessarju li tiġi analizzata din il-parti biss sa fejn il-preżentata ta’ tali rikors tista’ tiġi imposta validament fuq l-individwi leżi fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 125 sa 128 ta’ din is-sentenza.

140    Permezz ta’ din il-parti, il-Kummissjoni tillimita ruħha tikkontesta l-konformità mal-prinċipju ta’ effettività tal-obbligu ġenerali, impost fuq l-individwu li sofra dannu, li jinvoka, fil-kuntest tar-rikors li jippreċedi l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà li tista’ tiġi imposta fuqu sabiex jiġi evitat id-dannu jew sabiex tiġi limita l-portata tiegħu, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li tali invokazzjoni hija neċessarjament iddestinata tfalli meta d-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex effett dirett, minħabba li l-invokazzjoni ta’ tali dispożizzjoni ma tistax, fl-assenza ta’ tali effett, twassal biex tevita jew tillimita l-preġudizzju tagħha.

141    F’dan ir-rigward, jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali ma hijiex meħtieġa li, fuq il-bażi biss tad-dritt tal-Unjoni, ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ li din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jkollhiex effett dirett (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 68), madankollu din il-kunsiderazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, għal dik il-qorti, li teskludi, abbażi tad-dritt intern, kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun nieqsa minn tali effett (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 33).

142    Barra min hekk, in-natura vinkolanti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, anki dawk mingħajr effett dirett, twassal, għall-qrati nazzjonali, għal obbligu ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C‑106/89, EU:C:1990:395, punti 6 u 8, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 30). Dan l-obbligu jsib il-limiti tiegħu fil-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari dawk ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività, u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 110, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 28).

143    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud sa fejn, permezz tiegħu, hija ssostni li huma biss dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett li jistgħu jiġu invokati b’mod utli fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jimmaterjalizza d-dannu, peress li ma huwiex eskluż li, kif afferma wkoll ir-Renju ta’ Spanja waqt is-seduta, is-setgħat tal-qorti nazzjonali ma jvarjawx skont jekk id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni hijiex jew le ta’ effett dirett u li din tal-aħħar għandha, abbażi ta’ dritt intern, setgħat iktar estensivi min dawk mogħtija lilha mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma għandhiex effett dirett tista’ wkoll, skont il-każ, tiġi invokata sabiex tinkiseb interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

144    Għall-finijiet utli kollha, għandu madankollu jiġi indikat li l-fatt li wieħed jeżiġi li l-individwu li sofra dannu jkun, sa mill-istadju preliminari tar-rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jimmaterjalizza d-dannu u intiż għall-prevenzjoni jew għal-limitazzjoni tiegħu, invoka l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa rrikonoxxut sussegwentement, taħt piena li ma jkunx jista’ jikseb kumpens għad-dannu subit, jista’ jikkostitwixxi komplikazzjoni proċedurali eċċessiva li tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, f’tali stadju, jista’ jkun eċċessivament diffiċli, jekk mhux saħansitra impossibbli, li jiġi antiċipat liema ksur tad-dritt tal-Unjoni ser jiġi finalment irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja.

145    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel ilment għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015

1)      Largumenti talpartijiet

146    Il-Kummissjoni ssostni li jiksru wkoll il-prinċipju ta’ effettività, minn naħa, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, li jipprovdi li d-dritt li jintalab kumpens huwa preskritt sena wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni li tiddikjara regola kklassifikata bħala liġi inkwistjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015, li jillimita d-danni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens għal dawk li jseħħu fil-ħames snin qabel id-data ta’ din il-pubblikazzjoni, għajr dispożizzjoni kuntrarja inkluża f’din id-deċiżjoni.

147    Fl-ewwel lok, ma jkunx aċċettabbli li jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni minn data li tiddependi minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma hijiex neċessarja sabiex qorti nazzjonali tkun tista’ mhux biss tikkonstata li l-Istat jinżamm responsabbli, iżda wkoll tobbliga lill-Istat Membru kkonċernat jikkumpensa dannu kkawżat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. Dan ikollu l-effett li jistabbilixxi d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala element li jikkostitwixxi r-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur, kif barra minn hekk jikkonferma l-kliem tal-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, u dan bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

148    Fit-tieni lok, il-limitazzjoni tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati għal dawk li seħħew matul il-ħames snin qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara li d-dispożizzjoni inkwistjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni tikser il-prinċipju ta’ effettività għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, tali terminu ma jistax jiġi stabbilit minn data li tiddependi minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma tistax tintalab. Min-naħa l-oħra, tali limitazzjoni tmur kontra l-prinċipju tal-kumpens sħiħ tad-dannu, li huwa inerenti għall-prinċipju ta’ effettività, peress li l-kumpens sħiħ tad-dannu huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż l-għoti ta’ interessi moratorji.

149    Filwaqt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni, għall-ammonti dovuti mill-Istat, ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, bil-kundizzjoni li dan japplika għall-ammonti dovuti b’ mod simili taħt id-dritt intern, huwa evidenti f’dan il-każ li, peress li s-sistema maħluqa mill-Artikolu 32(5) u (6) tal-Liġi 40/2015 teħtieġ perkors ġudizzjarju twil, huwa iktar probabbli li jgħaddu iktar minn ħames snin qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha. Għalhekk, minħabba t-tul tal-proċedura prevista fl-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-referenza stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) ta’ din il-liġi jista’ jipprekludi l-kumpens sħiħ tad-dannu subit.

150    Fir-rigward tal-preċiżazzjoni li l-limitazzjoni ratione temporis tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati hija ta’ ħames snin “sakemm ma jkunx previst mod ieħor” li tinsab fid-deċiżjoni li tiddikjara regola kklassifikata bħala liġi li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, din ma tinsabx fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015, iżda fl-Artikolu 32(6) ta’ din il-liġi. Għaldaqstant, din ma tirrigwardax possibbiltà offruta lill-qorti nazzjonali adita b’talba għal kumpens, iżda biss il-kontenut ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

151    Ir-Renju ta’ Spanja jwieġeb, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni inkwistjoni, li, peress li r-rekwiżit ta’ sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività, il-kritika fformulata mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandha tiġi miċħuda. Fi kwalunkwe każ, kull qorti Spanjola tista’ tiddikjara li regola kklassifikata bħala liġi tmur kontra d-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan is-sens.

152    Barra minn hekk, minn naħa, peress li d-dannu jirriżulta, f’dan il-każ, minn regola tad-dritt li għandha effett ġenerali, dan it-terminu jista’ jibda jiddekorri biss mill-pubblikazzjoni tas-sentenza li tikkonstata l-illegalità ta’ din ir-regola tad-dritt, peress li hija biss din il-pubblikazzjoni li tippermetti li tittieħed konjizzjoni ta’ din l-illegalità u, konsegwentement, tad-dannu. Issa, il-pubblikazzjoni f’ġurnal uffiċjali tinsab fost il-mezzi l-iktar effettivi sabiex ikun magħruf avveniment ġuridiku.

153    Barra minn hekk, il-fatt li t-terminu jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza ma jfissirx li azzjoni ma tistax titressaq qabel din id-data permezz tar-rimedji ġudizzjarji ordinarji kif ukoll permezz tas-sistema ġenerali tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni u rregolata mill-Artikolu 32(1) tal-Liġi 40/2015.

154    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-limitazzjoni ratione temporis tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li mill-punti 68 u 69 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), jirriżulta li, minkejja dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu osservati s-sitwazzjonijiet legali definittivi. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza għal darba oħra li l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jipprevedi, bħall-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, każ addizzjonali li fih jinfetaħ mill-ġdid terminu li jkun magħluq skont ir-rimedji ġudizzjarji ordinarji, li jippermetti li jinkiseb kumpens f’każijiet fejn, bħala prinċipju, kull kumpens ikun eskluż. Dan il-paragrafu 5 jistabbilixxi għalhekk regola tad-dritt favorevoli għall-individwi, li tippermetti l-eżerċizzju ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà li l-eżitu tagħha jista’ jmur kontra deċiżjoni li tkun diġà kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

155    Fi kwalunkwe każ, individwu jista’ jikseb kumpens sħiħ għad-dannu tiegħu billi jeżerċita l-azzjonijiet xierqa qabel ma dawn jiġu preskritti, filwaqt li r-Renju ta’ Spanja jirreferi f’dan ir-rigward għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015, applikabbli għall-każ ġenerali tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 32(1) ta’ din il-liġi.

156    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ma tipprevedix li kumpens huwa dovut għad-danni kollha marbuta ma’ atti diġà preskritti. Ikun sproporzjonat li jintalab kumpens assolut għal liġijiet fis-seħħ għal għexur ta’ snin. Il-kumpens sħiħ ma huwiex prinċipju assolut u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi potenzjali għat-Teżor pubbliku.

157    Fl-aħħar, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015 jippreċiża li dan japplika “sakemm ma jkunx previst mod ieħor [fid-deċiżjoni li tiddikjara r-regola kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni]”, il-qorti li tiddeċiedi dwar ir-rikors għad-danni tista’ tbiddel il-kumpens skont iċ-ċirkustanzi u tiddeċiedi li ma tapplikax il-limitazzjoni ratione temporis tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati kif previst f’din id-dispożizzjoni.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

158    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-parti tal-argument tal-Kummissjoni dwar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fil-każijiet ta’ responsabbiltà li għalihom jirreferi l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, id-dritt li jintalab kumpens huwa preskritt sena wara l-pubblikazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali, tad-deċiżjoni li tiddikjara r-regola kklassifikata bħala liġi li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015 biss sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi d-data li fiha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu.

159    Issa, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, il-kumpens għal dannu kkawżat lil individwu mil-leġiżlatur nazzjonali minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni ma jistax, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ effettività, jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni li teżisti deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dritt tal-Unjoni mill-Istat Membru kkonċernat jew li minnu tirriżulta l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-att jew tal-ommissjoni li wasslu għad-dannu, il-pubblikazzjoni ta’ tali deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali lanqas ma tista’, mingħajr ma tikser dan l-istess prinċipju, tikkostitwixxi l-uniku punt tat-tluq possibbli għat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni intiża għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ dan il-leġiżlatur għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa imputabbli lilu.

160    F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda l-affermazzjoni tar-Renju ta’ Spanja li individwu leż jista’ jikseb kumpens sħiħ għad-dannu tiegħu abbażi tar-rimedji ġudizzjarji ordinarji kif ukoll permezz tas-sistema ġenerali tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 32(1) tal-Liġi 40/2015. Minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 63 sa 82 ta’ din is-sentenza, ebda waħda mill-proċeduri jew rimedji legali oħra invokati mir-Renju ta’ Spanja ma jiggarantixxu li r-responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil-leġiżlatur nazzjonali tista’ tiġi stabbilita fiċ-ċirkustanzi kollha li fihom individwu jsofri dannu minħabba tali ksur mil-leġiżlatur. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni tikkostitwixxi, skont il-kliem stess tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, kundizzjoni li għandha neċessarjament tiġi ssodisfatta anki qabel ma tkun tista’ tinbeda tali azzjoni.

161    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-parti tal-argument tal-Kummissjoni dwar il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi 39/2015, hija fondata sa fejn din il-miżura jew din id-dispożizzjoni tkopri biss il-każijiet li fihom teżisti deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-inkompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tar-regola kklassifikata bħala liġi applikata.

162    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-limitazzjoni ratione temporis tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015 jipprevedi li, fil-każ ta’ responsabbiltà li għaliha jirreferi l-paragrafu 5 tal-Artikolu 32 ta’ din il-liġi, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens għad-danni li seħħew fil-ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara r-regola kklassifikata bħala liġi inkwistjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, għajr dispożizzjoni kuntrarja li tkun tinsab f’din id-deċiżjoni.

163    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni għandha l-effett li tillimita, fil-każijiet ta’ responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, id-danni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens għal dawk li jseħħu fil-ħames snin li jippreċedu d-data ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas mir-Renju ta’ Spanja tad-dritt tal-Unjoni jew li minnu tirriżulta l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-att jew tal-ommissjoni tal-leġiżlatur li wassal għal dawn id-danni.

164    F’dan ir-rigward, għalkemm, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jiddetermina l-portata tal-kumpens kif ukoll ir-regoli dwar l-evalwazzjoni tad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, fejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata din il-portata kif ukoll l-imsemmija regoli għandhom b’mod partikolari josservaw il-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 39). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi permezz ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun adegwat għad-dannu subit (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 82, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 46), fis-sens li għandu jippermetti, jekk ikun il-każ, li jikkumpensa b’mod sħiħ id-danni effettivament subiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall, C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 26, u tal‑15 ta’ April 2021, Braathens Regional Aviation, C‑30/19, EU:C:2021:269, punt 49).

165    Issa, f’dan il-każ, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, billi tipprevedi, permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015, li d-danni kkawżati mil-leġiżlatur lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kkumpensati biss jekk ikunu seħħew matul il-ħames snin ta’ qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dritt tal-Unjoni mir-Renju ta’ Spanja jew li minnha tirriżulta l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-att jew tal-ommissjoni tal-leġiżlatur li wassal għal dawn id-danni, ir-Renju ta’ Spanja jipprekludi lill-individwi leżi milli jkunu jistgħu, fil-każijiet kollha, jiksbu kumpens adegwat għad-dannu tagħhom.

166    Fil-fatt, minbarra li l-kumpens għal dannu kkawżat mil-leġiżlatur minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun suġġett għall-eżistenza ta’ tali deċiżjoni, din il-kundizzjoni għandha l-effett, fid-dawl tat-tul tal-proċedura li fi tmiemha tali deċiżjoni tingħata, jiġifieri proċedura għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE, jew proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, li tirrendi, fil-prattika, tali kumpens impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Barra minn hekk, it-tul tal-proċedura jiżdied bl-applikazzjoni tal-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015, li għalih jirreferi l-Artikolu 34(1) ta’ din il-liġi, u li jeżiġi deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda tar-rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu.

167    Għalhekk l-imsemmija kundizzjoni tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ effettività. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax, għall-istess raġunijiet bħal dawk diġà esposti fil-punti 85, 86 u 88 kif ukoll fil-punti 63 sa 82 ta’ din is-sentenza, jislet argument utli la mill-fatt li l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju komplementari u lanqas mill-proċeduri jew rimedji legali oħra invokati minnu.

168    Bl-istess mod, ir-riferiment, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015, għall-fatt li “dispożizzjoni kontrarja” tista’ tkun “inkluża f’din id-deċiżjoni” ma hija b’ebda mod għajnuna għal dan l-Istat Membru peress li jirriżulta b’mod inekwivoku minn din id-dispożizzjoni li l-kelma “deċiżjoni” tirreferi, fir-rigward tad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil-leġiżlatur, għad-“deċiżjoni […] li tiddikjara li r-regola tmur kontra d-dritt tal-Unjoni”, jiġifieri għal deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

169    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-parti tal-argument tal-Kummissjoni dwar il-limitazzjoni ratione temporis tad-danni li jistgħu jiġu kkumpensati, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi 40/2015, hija fondata.

170    Konsegwentement, l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jintlaqa’ parzjalment.

4.      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ ekwivalenza

a)      Largumenti talpartijiet

171    Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi ppreveda, fl-Artikolu 32(5)(a) u (b) tal-Liġi 40/2015, bħala kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, rispettivament, li r-regola ta’ dritt miksura għandu jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u li dan il-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, ir-Renju ta’ Spanja jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

172    Skont din l-istituzzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa rilevanti sabiex jiġu evalwati mhux biss il-kundizzjonijiet proċedurali li jirregolaw l-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat għad-danni li huwa jikkawża bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi li jirregolaw it-tressiq ta’ dawn l-azzjonijiet. Konsegwentement, il-fatt li l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 jirriproduċi t-tliet kundizzjonijiet li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni li huwa jikkawża lill-individwi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa irrilevanti peress li d-dritt nazzjonali ma jistax, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza, jimponi dawn it-tliet kundizzjonijiet sakemm dawn ma jkunux japplikaw ukoll għat-talbiet għal kumpens simili ta’ natura interna.

173    Issa, f’dan il-każ, iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 171 ta’ din is-sentenza ma humiex previsti fl-Artikolu 32(4) tal-Liġi 40/2015 fir-rigward tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur fil-każ ta’ ksur tal-Kostituzzjoni, minkejja li mis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39), jirriżulta li, fid-dawl tal-għan u tal-elementi essenzjali tagħhom, l-azzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat imressqa abbażi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ regola kklassifikata bħala liġi u dawk introdotti abbażi ta’ ksur tal-Kostituzzjoni permezz ta’ regola kklassifikata bħala liġi, ikkonstatati mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), huma simili għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

174    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li t-tieni lment imressaq mill-Kummissjoni ma huwiex fondat peress li ż-żewġ azzjonijiet inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li huma simili. Il-każijiet ta’ antikostituzzjonalità ta’ liġi jistgħu jkunu differenti ħafna mill-każijiet ta’ inkompatibbiltà ta’ regola tad-dritt mad-dritt tal-Unjoni, peress li ċerti każijiet ta’ antikostituzzjonalità jistgħu, b’mod partikolari, ma jikkonċernawx il-ksur tad-drittijiet tal-individwi. Barra minn hekk, teżisti differenza sostanzjali bejn ir-responsabbiltà tal-Istat li tirriżulta minn ksur tad-dritt tal-Unjoni u dak li jirriżulta minn dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità ta’ liġi, sa fejn din tal-aħħar timplika l-invalidazzjoni ex tunc tal-liġi, b’tali mod li l-atti amministrattivi adottati skont liġi li sussegwentement ġiet iddikjarata antikostituzzjonali jkunu wkoll ivvizzjati minnha. Dan ma huwiex il-każ ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari.

175    Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li dawn iż-żewġ azzjonijiet huma simili, l-Artikolu 32(5) tal-Liġi 40/2015 sempliċement jikkodifika l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza legali. Dawn il-kundizzjonijiet huma inerenti għas-sistema tar-responsabbiltà tal-Istat fi Spanja, inkluż fil-każijiet ta’ responsabbiltà li jirriżultaw minn dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità ta’ regola kklassifikata bħala liġi. Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, din hija biss differenza formali.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

176    Konformement ma’ dak li diġà tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, bla ħsara għad-dritt għal kumpens li huwa direttament ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 31 ta’ din is-sentenza jiġu ssodisfatti, huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà li l-Istat Membru għandu jikkumpensa l-konsegwenzi tad-dannu li jkun ikkawża bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

177    Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, fejn il-prinċipju ta’ ekwivalenza jimponi madankollu li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw talbiet simili ta’ natura interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punti 41 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑19 ta’ Mejju 2011, Iaia et, C‑452/09, EU:C:2011:323, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

178    Il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa għalhekk intiż li jirregola l-awtonomija proċedurali li l-Istati Membri għandhom meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u meta dan tal-aħħar ma jipprevedix dispożizzjonijiet f’dan il-qasam. Minn dan jirriżulta li, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, dan il-prinċipju huwa intiż li jintervjeni biss meta din ir-responsabbiltà tiġi stabbilita fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, meta l-kundizzjonijiet relatati miegħu, kif imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jiġu ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie et, C‑568/08, EU:C:2010:751, punt 92).

179    Fil-fatt, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 122 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-prinċipju ma jistax jistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri li jippermettu t-tnissil ta’ dritt għal kumpens f’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

180    F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha l-għan, permezz tat-tieni lment, mhux li tqiegħed inkwistjoni l-kundizzjonijiet li fihom huwa implimentat, fi Spanja, il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa imputabbli lilu, kif ġie ppreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda li tqiegħed inkwistjoni l-kundizzjonijiet innifishom għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, kif iddefiniti fid-dritt Spanjol, li fir-rigward tagħhom barra minn hekk huwa paċifiku li dawn jirriflettu fedelment il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

181    Issa, kif jirriżulta mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 179 ta’ din is-sentenza, anki jekk jitqies li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur għal ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu huma inqas favorevoli mill-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat leġiżlatur fil-każ ta’ ksur tal-Kostituzzjoni, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex intiż li japplika għal tali ipoteżi.

182    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat repetutament li, jekk l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li r-responsabbiltà tagħhom hija stabbilita f’kundizzjonijiet inqas restrittivi minn dawk iddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-responsabbiltà għandha allura titqies li ġiet stabbilita mhux abbażi tad-dritt tal-Unjoni, iżda abbażi tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 66, kif ukoll tat‑8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie, C‑120/20, EU:C:2021:553, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    B’mod ġenerali, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jistax jiġi barra minn hekk interpretat bħala li jobbliga lil Stat Membru jestendi s-sistema interna tiegħu l-iktar favorevoli għall-azzjonijiet kollha ippreżentati f’ċertu qasam tad-dritt (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    Għal darba oħra għandu jiġi rrilevat li, ċertament, kif tindika l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm-il darba, ippreċiżat li huma kemm il-kundizzjonijiet formali kif ukoll il-kundizzjonijiet sostanzjali stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ kumpens għad-danni kkawżati mill-Istati Membri minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li ma jistgħux, b’mod partikolari, ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw talbiet simili ta’ natura interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 43; tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 98 u 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET, C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Xorta jibqa’ l-fatt, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din il-ġurisprudenza, li din il-preċiżazzjoni hija dejjem relatata mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ladarba d-dritt għal kumpens ikun inħoloq abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

185    Minn dan isegwi li t-tieni lment huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

186    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu bis-saħħa tal-prinċipju ta’ effettività billi adotta u żamm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ikkontestati, fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw il-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mil-leġiżlatur Spanjol minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni:

–        għall-kundizzjoni li tkun teżisti deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-inkompatibbiltà tar-regola kklassifikata bħala liġi applikata mad-dritt tal-Unjoni;

–        għall-kundizzjoni li l-individwu li sofra dannu jkun kiseb, quddiem kwalunkwe istanza, deċiżjoni definittiva li tiċħad rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, mingħajr ma jipprevedi eċċezzjoni għall-każijiet fejn id-dannu jirriżulta direttament minn att jew minn ommissjoni tal-leġiżlatur, li jmur jew tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkun hemm att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat;

–        għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-inkompatibbiltà tar-regola kklassifikata bħala liġi applikata mad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkopru l-każijiet li fihom tali deċiżjoni ma teżistix, u

–        għall-kundizzjoni li jistgħu jkunu biss is-suġġett ta’ kumpens id-danni li seħħew fil-ħames snin ta’ qabel id-data ta’ din il-pubblikazzjoni, għajr dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f’din id-deċiżjoni.

IV.    Fuq lispejjeż

187    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) tal-istess regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

188    Peress li kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja talbu li l-parti l-oħra tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li kull waħda minnhom tilfet fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li kull wieħed minnhom għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu bis-saħħa tal-prinċipju ta’ effettività billi adotta u żamm fis-seħħ l-Artikolu 32(3) sa (6) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Ley 40/2015 de Régimen Jurídico del Sector Público (il-Liġi 40/2015 dwar ir-Reġim Legali tas-Settur Pubbliku), tal1 ta’ Ottubru 2015, kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tal-Ley 39/2015 del Procedimiento Administrativo Común de las Administraciones Públicas (il-Liġi 39/2015 dwar il-Proċedura Amministrattiva Komuni tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tal1 ta’ Ottubru 2015, fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw il-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mil-leġiżlatur Spanjol minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni:

–        għall-kundizzjoni li tkun teżisti deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-inkompatibbiltà tar-regola kklassifikata bħala liġi applikata mad-dritt tal-Unjoni;

–        għall-kundizzjoni li l-individwu li sofra dannu jkun kiseb, quddiem kwalunkwe istanza, deċiżjoni definittiva li tiċħad rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jkun ikkawża d-dannu, mingħajr ma jipprevedi eċċezzjoni għall-każijiet fejn id-dannu jirriżulta direttament minn att jew minn ommissjoni tal-leġiżlatur, li jmur jew tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkun hemm att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat;

–        għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-inkompatibbiltà tar-regola kklassifikata bħala liġi applikata mad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkopru l-każijiet li fihom tali deċiżjoni ma teżistix, u

–        għall-kundizzjoni li jistgħu jkunu biss is-suġġett ta’ kumpens id-danni li seħħew fil-ħames snin ta’ qabel id-data ta’ din il-pubblikazzjoni, għajr dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f’din id-deċiżjoni.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.