Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2023 – Fincantieri NexTech vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1191/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Fincantieri NexTech SpA (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: F. Di Gianni, A. Scalini u I. Salvatore, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata fl-20 ta’ Ottubru 2023 (Ref. Ares(2023)7165725) li tiċħad il-proposta Nru 101121451 – “NESSOS” (Networked Sonars System Of Systems) dwar is-sejħa EDF-2022-RA u li tikkonferma l-konklużjonijiet fir-Rapport ta’ Sinteżi tal-Evalwazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 2023;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-interazzjoni bejn il-proġetti NESSOS u SWAT-SHOAL, sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn huma interdipendenti, filwaqt li huma awtonomi u indipendenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-proposta tar-rikorrenti taħt il-Kriterju 5 (Ħolqien ta’ kooperazzjoni transkonfinali), sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija illoġika u kontradittorja.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 12(f) tar-Regolament (UE) 2021/697 1 fl-evalwazzjoni tal-proposta abbażi tal-Kriterju 6 (Kwalità u effiċjenza tal-implimentazzjoni), sa fejn il-Kummissjoni tat rilevanza lil-livell ta’ parteċipazzjoni tal-SMEs fil-proġett taħt dan il-kriterju, filwaqt li dan ma kellu jkollu l-ebda rwol f’din l-evalwazzjoni.

____________

1     Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU 2021, L 170, p. 149, rettifika fil-ĠU 2022, L 161, p. 129).